RAPPORT MILL-KUMMISSJONI IR-RAPPORT ANNWALI GĦALL-2010 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI /* KUMM/2011/0649 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL IR-RAPPORT ANNWALI GĦALL-2010 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2010 DAĦLA Id-29 ta' April 2010 jimmarka d-data li fiha r-Regolament (KE) Nru 300/2008 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu daħlu fis-seħħ. Dan il-qafas regolatorju ġdid minħabba raġunijiet ta' kjarifika, ħassar u kkonsolida l-atti legali Ewropej adottati fil-qafas ta' qabel tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002. Barra minn hekk, qies l-iżvluppi tekniċi u l-evoluzzjonijiet proċedurali u pprovda aktar dettall dwar it-tali b'reazzjoni għall-atti illegali ta' dan l-aħħar fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. B'riżultat ta' dan, ġew irfinuti l-istandards għal ċerti tipi ta' tagħmir ta' skrining u għal ċerti proċeduri ta' skrinjar [skrining] u ġew adotatti metodi ta' skrining addizzjonali bbażati fuq standards bażiċi komuni. Barra minn hekk, ġew ikkompletati r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-passiġġieri li jġorru magħhom liqwidi fuq l-inġenji tal-ajru. Matul is-sena kollha, il-Kummissjoni ħadmet b'mod konsistenti mal-Istati Membri u mal-industrija għall-armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni bla xkiel u omeġenja tal-qafas legali l-ġdid imsemmi. Il-komunità xjentifika u l-manifatturi ffokaw fuq ir-rilaxx ta' teknoloġiji li għandhom jippermettu l-passiġġieri jġorru magħhom il-likwidi fuq l-inġenju tal-ajru. L-ewwel provi fuq it-tali tagħmir ġew implimentati fl-ajruporti Ewropej. Saru aktar provi fuq l-użu tal-iskaners tas-sigurtà. Fix-xena usa', komplew diskussjonijiet regolari mal-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jinstabu soluzzjonijiet globali għal problemi komuni. Wara l-inċident tal-merkanzija mill-Jemen u wara l-inċidenti tal-merkanzija tal-posta mill-UE fl-aħħar ta' Ottubru 2010, l-attenzjoni kellha bilfors terġa tiġi mmirata lejn theddida ġdida. Din kienet tfakkira oħra – anqas minn sena wara l-inċidenti fuq it-titjira 253 tan-Northwest Airlines minn Amsterdam Schiphol għal Detroit fil-Milied tal-2009 – li gruppi estremisti qed ikomplu jqisu l-avjazzjoni bħala mira attraenti u qed ikomplu jfittxu mezzi kif jevitaw l-individwazzjoni bit-tekniki tal-iskrining t'issa. Dan serva biex tkun enfasizzata n-natura vitali tax-xogħgol li qed isir mill-Kummissjoni u l-imsieħba tagħha għall-protezzjoni tal-vjaġġaturi u tal-industrija Ewropea tal-avjazzjoni globalment u biex ġie xprunat l-istabbiliment ta' rapport u pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-merkanzjia bl-ajru li ġie approvat f'Diċembru 2010 mill-Kunsill tat-Trasport u mill-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern (JHA). Peress li s-sigurtà interna ma tistax tiġi sseparata mis-sigurtà esterna, li jiġu indirizzati t-theddid saħansitra 'l bogħod mill-kontinent tagħna, hija essenzjali għall-protezzjoni tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-EEAS ġdid stabbilit għall-finijiet ta' dan. L-EWWEL PARTI L-ISPEZZJONIJIET ELEMENTI ġENERALI Skont ir-Regolament (KE) 300/2008 il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet fl-amministrazzjonijiet tas-siġurtà tal-avjazzjoni tal-Istati Membri ('l-awtoritajiet xierqa') u tal-ajruporti tal-UE. L-Isvizzera hija inkluża wkoll fil-programm tal-Unjoni, filwaqt li n-Norveġja u l-Islanda (u Liechtenstein) huma spezzjonati mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA kontra d-dispożizzjonijiet identiċi (ESA). Biex twettaq ix-xogħal tagħha ta' spezzjonar, il-Kummissjoni għandha tim ta' 11-il spettur tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dan ix-xogħol ta' spezzjonar huwa appoġġat minn pool ta' spetturi nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, mill-Islanda, min-Norveġja u mill-Isvizzera li ġew iċċertifikati mill-ġdid mill-Kummissjoni matul is-sena 2010 taħt qafas legali ġdid. Minn dawn l-ispetturi nazzjonali, 46 ħadu sehem fl-ispezzjonijiet tal-2010. Tabella li tiġbor fil-qosor l-attività ta' sorveljanza tal-konformità li saret mill-Kummissjoni u mill-ESA sal-lum hija mehmuża f'Anness. SPEZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET XIERQA NAZZJONALI Matul l-2010, il-Kummissjoni ssorveljat 5 awtoritajiet xierqa, li kollha kienu soġġetti għal spezzjoni li kienet saret qabel mill-Kummissjoni. In-nuqqasijiet l-aktar komuni li nstabu għall-2010 kienu relatati mal-allinjament sħiħ li għadu pendenti tal-Programmi Nazzjonali għas-sigurtà tal-Avjazzjoni u l-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kwalità mal-qafas legali ġdid tar-Regolament (KE) 300/2008. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri, kien għad hemm evidenza f'ċerti Stati Membri ta' nuqqas fil-kapaċità tagħhom għall-individwazzjoni u biex jirrettifikaw in-nuqqassijiet minnufih. Ċerti Stati Membri naqsu milli jissorveljaw l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni u ċerti ajruporti baqgħu ma ġewx spezzjonati għal perjodi ta' żmien twal. L-attivitajiet ta' segwitu xi drabi kienu insuffiċjenti jew ma sarux, u d-dewmien sinifikanti qabel ma ġew ikkorreġuti n-nuqqasijiet kien xi ħaġa normali. Is-sanzjonijiet kienu disponibbli għall-Istati Membri kollha, iżda mhux dejjem kellhom saħħa biżżejjed jew mhux dejjem intużaw b'tali mod li jkunu ta' effetti deterrenti. SPEZZJONIJIET INIZJALI FL-AJRUPORTI Matul l-2010 twettqu dsatax-il (19) spezzjoni inizjali tal-ajruporti, l-istess bħal fl-2009. Ġew koperti l-kaptioli kollha (għalkemm mhux matul kull spezzjoni). Fl-2010, il-persentaġġ kumplessiv tal-miżuri prinċipali li nstabu li kienu f'konformità kien ta' kważi 80%. In-nuqqasijiet li nstabu fil-qasam tal-miżuri tradizzjonali[1] fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu joriġinaw minn kwistjonijiet tal-element uman. In-nuqqas ta' konformità fil-qasam tal-miżuri tradizzjonali fl-ajruporti spezzjonati matul l-2010 kien relatat l-aktar mal-kwalità tal-iskrining tal-persunal u tal-passiġġieri kif ukoll mar-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-merkanzija. B'mod partikolari, it-tiftix bl-idejn tal-persunal u tal-passiġġieri mhux dejjem jilħaq l-istandards bażiċi komuni, li għal raġunijiet ta' ċarezza kienu deskritti fid-dettall fil-qafas regolatorju l-ġdid. Fil-qasam tal-merkanzija, il-biċċa l-kbira tan-nuqqas ta' konformità kien relatat mal-għażla tal-metodi l-aktar adegwati għall-iskrining, minħabba n-natura tal-konsenja u l-istandards biex dawn jiġu applikati. Dawn il-kwistjonijiet tal-element uman għandhom ikunu indirizzati permezz ta' taħriġ u superviżjoni aħjar. Barra minn hekk, ċerti miżuri addizzjonali li ddaħħlu fil-qafas regolatorju l-ġdid, kienu għadhom ma ġewx implimentati b'mod sħiħ fl-ajruporti spezzjonati fil-perjodu bejn Ġunju-Diċembru 2010. In-nuqqas ta' konformità kien jirriżulta b'rabta ma' metodi u standards ta' skrining tal-provvisti għal matul it-titjira u tal-provvisti tal-ajruporti (fejn katina tal-forniment sikura kienet għada ma ġietx implimentata b'mod sħiħ) L-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri għandhom isegwu l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġodda b'mod attiv. Fl-aħħar nett, ċerti kwistjonijiet instabu f'ajruporti spezzjonati matul is-sena 2010 fl-oqsma tal-kontroll tal-aċċess għaż-żoni tas-sigurtà ristretti, tar-rikonċijar tal-bagalji tal-istiva, tal-metodi ta' skrining għall-bagalji mhux akkumpanjati u tal-istandards tat-tagħmir tas-sigurtà għall-iskrining. L-ISPEZZJONIJIET TA’ SEGWITU F'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament 72/2010, il-Kummissjoni twettaq b'mod regolari spezzjonijiet ta' segwitu limitati. Meta jiġu identifikati nuqqasijiet serji matul l-ispezzjoni inizjali f'ajruport, ċertament tiġi skedata żjara oħra. Matul l-2010 ġie meqjus li tnejn minn dawn iż-żewġ attivitajiet kienu meħtieġa u l-konklużjoni fiż-żewġ każijiet kienet li l-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet, iżda mhux kollha, kienu ġew ikkoreġuti. FAJLS MIFTUħA, KAżIJIET TAL-ARTIKOLU 15 U PROċEDURI LEGALI Kull fajl ta' spezzjoni jibqa’ miftuħ sakemm il-Kummissjoni tkun sodisfatta li ttieħdet l-azzjoni ta’ rettifika xierqa. Matul l-2010 ngħalqu 27 fajl (21 fajl tal-ajruporti u 6 fajls tal-awtoritajiet xierqa). B’kollox, 11-il awtorità xierqa u 17-il fajl ta’ spezzjoni tal-ajruporti tħallew miftuħa fi tmiem is-sena. Fil-każ li n-nuqqasijiet li jinstabu f'ajruport jitqiesu bħala tant serji li jikkostitwixxu theddida serja għal-livell globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni, il-Kummissjoni tattiva l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 72//2010[2]. Dan ifisser li l-awtoritajiet xierqa l-oħra kollha jiġu mwissija dwar is-sitwazzjoni u li jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali fir-rigward tat-titjiriet mill-ajruport inkwistjoni. Każ partikolari skont l-Artikolu 15 beda f'nofs Lulju 2010, u reġa' ngħalaq erba' xhur wara meta n-nuqqasijiet ġew indirizzat b'mod sodisfaċenti. Sanzjoni oħra possibbli fil-każijiet l-aktar serji, jew fil-każijiet ta' nuqqas ta' rettifika prolongat jew okkorrenza mill-ġdid tan-nuqqasijiet, hija li tinfetaħ proċedura ta' ksur rispettivament permezz tal-iskema tal-Piloti-UE kontra dawk l-Istati Membri li kienu nnotifikaw is-servizzi tal-Kummissjoni li se jipparteċipaw f'tali proċedura. Fl-2010, inbdew żewġ proċeduri ta' ksur u waħda tal-Piloti-UE wara spezzjonijiet tal-amministrazzjonijiet nazzjonali. F'każ partikolari, l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jsostni l-programm nazzjonali tiegħu tas-sigurtà tal-avjazzjoni. It-tieni każ kien relatat mal-applikazzoni tar-regoli tal-UE f'ajruporti żgħar. It-tielet każ kien marbut ma' nuqqas ta' persunal għas-sorveljanza tal-konformità. Matul is-sena żewġ każijiet ta' ksur u wieħed tal-Piloti tal-UE jistgħu jingħalqu wara r-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati. B'kollox kienu għadhom għaddejjin ħames każijiet ta' ksur fi tmiem l-2010. L-EVALWAZZJONIJIET TAL-ISTATI MEMBRI STESS Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1217/2003[3], l-Istati Membri huma obbligati li sa tmiem Frar ta’ kull sena jressqu rapport annwali lill-Kummissjoni, li jkopri r-riżultati tas-sorveljanza tal-konformità nazzjonali għall-perjodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena preċedenti. Il-kontribut tal-Istati Membri għall-erjodu ta' rappurtar minn Jannar sa Diċembru 2009 kollha ġew ippreżentati fil-ħin u kollha segwew it-template tal-Kummissjoni. In-nuqqasijiet identifikati kienu relatati l-aktar mal-għadd żgħir ta' jiem ta’ xogħol minn persuna fil-qasam, nuqqasijiet fl-issodisfar tar-rekwiżiti kollha, attivitajiet ta' segwitu insuffiċjenti u nuqqas tal-użu tal-miżuri ta' infurzar disponibbli. L-armonizzazzjoni ta' dawn l-iskemi ta' sorveljanza tal-konformità fl-UE fil-fatt irriżultat bħala diffikultuża minn mindu l-programm beda fl-2003. Dan ġara minħabba l-fatt li l-Istati Membri differenti ma kellhomx l-istess approċċ fil-fehim tagħhom tat-termini, fl-iżvilupp tal-metodoloġiji u fir-rekwiżiti ta' rappurtar. Din is-sitwazzjoni tjiebet ħafna biż-żmien, iżda għad hemm lok għal aktar titjib.Ċertu għadd ta' diskrepanzi bejn ir-riżultati tas-sorveljanza tal-konformità nazzjonali u r-riżultati tal-Kummissjoni joħroġu min-nuqqas tal-armonizzazzjoni tal-metodoloġija tal-ispezzjonar, u din tal-aħħar ta' sikwit tindika livell aktar baxx ta' konformità milli jissuġerixxu r-rapporti nazzjonali. IT-TIENI PARTI IL-LEġIżLAZZJONI U L-GħODOD SUPPLEMENTARI ELEMENTI ġENERALI L-atti leġiżlattivi ġodda dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ppubblikati matul l-2010 immiraw l-aktar lejn l-ikkompletar u l-irfinar tal-qafas legali l-ġdid skont ir-Regolament (KE) 300/2008 applikabbli mid29 ta’ April 2010. Barra minn hekk, ġew definiti l-istandards bażiċi komuni għaż-żewġ metodi l-ġodda tal-iskrining fis-sigurtà tal-avjazzjoni: - Klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi għall-iskrining primarju tal-bagalji tal-istiva kif ukoll tal-merkanzija u tal-posta (u wkoll bħala metodu ta' skrining supplementari għall-kapitoli l-oħrajn) u - Ditektors tal-metall għall-iskrining primarju ta' ċerti tipi speċjalizzati ta' merkanzija u posta. Fl-aħħar nett, ġiet introdotta l-bażi legali għall-implimentazzjoni ta' arranġament ta' sigurtà f'waqfa waħda mal-Istati Unit tal-Amerika. LEġIżLAZZJONI SUPPLEMENTARI ADOTTATA It-testi leġiżlattivi l-ġodda adottati matul l-2010 kienu: - Ir-Regolament (UE) 18/2010[4] dwar l-ispeċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili; - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 72/2010[5] li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 185/2010[6] li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni; - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 357/2010[7] li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (il-boroż tas-sigurtà "tamper evident") - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 358/2010[8] li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (likwidi, aerosols u ġellijiet; Eżenzjoni mill-iskrining għal likwidi, aerosols u ġellijiet miksuba f'ċerti ajruporti f'pajjiżi terzi); - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 573/2010[9] li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi); - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 983/2010[10] li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (sigurtà f'waqfa waħda għall-inġenji tal-ajru, il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina u l-bagalji tal-istiva tagħhom li jaslu mill-Istati Uniti tal-Amerika); - Id-Deċiżjoni C(2010)774[11] li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; - Id-Deċiżjoni C(2010)2604[12] li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (provvisti) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; - Id-Deċiżjoni C(2010)3572[13] li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; - Id-Deċiżjoni C(2010)9139[14] li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (tagħmir għall-individwazzjoni tal-metalli) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; Dawn it-testi ġew finalizzati matul 6 laqgħat regolari u żewġ laqgħat speċjali tal-Kumitat Regolatorju dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni, 6 laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni u għadd ta' sessjonijiet ta' gruppi ta' ħidma fejn kienu involuti kemm l-Istati Membri kif ukoll l-industrija. BAżI TAD-DEJTA TAL-AġENTI REGOLATI U L-KUNSINNATURI MAGħRUFA Għat-tisħiħ tal-katina tal-provvista sikura fil-merkanzija bl-ajru u l-posta bl-ajru kif ukoll sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni omoġenja fl-UE, ġiet żviluppata l-bażi tad-dejta tal-aġenti regolati u l-kunsinnaturi magħrufa (regulated agent and known consignor - RAKC) u din inżammet matul l-introduzzjoni sħiħa tagħha fl-1 ta' Ġunju 2010 b'kuntratt ta' qafas tal-Kummissjoni. Fi tmiem l-2010, il-bażi tad-dejta RAKC kien fiha madwar 7 500 reġistrazzjoni ta' aġenti regolati u kunsinnaturi magħrufa (ivvalidati b'mod indipendenti). Hija l-għodda primarja legali unika li tintuża mill-aġenti regolati għall-konsultazzjoni meta jaċċettaw kunsinni minn aġent ieħor regolat jew minn kunsinnatur magħruf (ivvalidat b'mod indipendenti). Mid-data tal-bidu tal-operat tagħha, ir-rata ta' disponibbiltà miftiehma kuntrattwalment ta' 99,5 % ntlaħqet b'mod kontinwu. SPEZZJONIJIET FL-AJRUPORTI TAL-UE - MANWALI Ir-Regolamenti (KE) Nru 300/2008 u (UE) Nru 72/2010 jirikjedu li s-sorveljanza tal-konformità mis-Servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandhom ikunu oġġettivi u jużaw metodoloġija standard. Biex tikkontribwixxi għal dan il-għan il-Kummissjoni elaborat u taġġorna żewġ manwali komprensivi b'indikazzjonijiet u gwida dettaljati għall-ispetturi tal-UE f'dan il-qasam. Manwal partikolari ġie elaborat għall-kapitoli kollha minbarra l-merkanzija u l-posta bl-ajru, l-ieħor għall-merkanzija u l-posta bl-ajru biss, minħabba l-kumplessità tas-sorveljanza tal-konformità f'dawn iż-żewġ oqsma. IT-TIELET PARTI RAPPORTI, PROVI U STUDJI RAPPORTI B'reazzjoni għall-inċidenti tal-merkanzija bl-ajru fl-aħħar ta' Ottubru 2010 (splussivi moħbija fil-kartriġis u strumenti inċendjarji ġejjin mill-Jemen mibgħuta bis-servizzi tal-posta tal-UE) u wara laqgħa speċjali tal-Kumitat Regolatorju dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni fil-5 ta' Novembru 2010, il-laqgħa tal-Kunsilltat-8 ta' Novembru 2010 talbet lill-Presidenza tal-UE li tirrappreżenta l-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni biex tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli biex jesplora l-mezzi kif tista' tissaħħaħ is-sigurtà tal-merkanizja bl-ajru. Il-Grupp ta' Ħidma ppreżenta r-rapport u l-pjan ta' azzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-Trasport u lill-Kunsill tal-Ġustizzju u l-Intern fit-2 ta' Diċembru 2010, u dawn approvaw ir-rapport u l-pjan ta' azzjoni tiegħu. Storikament, il-merkanzija u l-posta ta' transitu kienu assoċjati ma' livell baxx ta' riskju meta jiġu ttrasferiti fl-ajruporti tal-UE għaliex skont il-prinċipju tal-ICAO tar-responsabbiltà tal-pajjiż ospitanti[15] il-merkanzija u l-posta bl-ajru jridu jkunu diġà għaddew mill-miżuri tas-sigurtà fl-ajruport tat-tluq. Dan il-prinċipju ġie rifless ukoll fil-verżjoni kurrenti tal-qafas legali l-ġdid, fejn il-merkanzija u l-posta ta' transitu li jaslu bl-ajru huma eżentati mill-iskrining (sakemm ikunu protetti mill-interferenza mhux awtorizzata mill-wasla sat-tluq tal-inġenju tal-ajru li fuqu għandhom jinġarru). Fid-dawl tal-inċidenti tal-Jemen imsemmija hawn fuq, ir-rapport irrakkomanda t-tħaffif fl-adozzjoni ta' miżuri li jtejbu s-sigurtà tal-avjazzjoni għall-merkanzija u l-posta bl-ajru li joriġinaw minn barra l-UE, billi jiffavorixxu approċċ ibbażat fuq ir-riskju u billi jqisu s-sigurtà tal-katina tal-provvista li hija rregolata fil-leġiżlazzjoni tal-UE u li tikkostitwixxi prinċipju ġenerali skont ir-regoli tal-ICAO. B'reazzjoni għall-inċidenti msemmija tal-istrumenti inċendjarji mibgħuta bil-posta tal-UE, ir-rapport irrakkomanda wkoll li s-sistema eżistenti tas-sigurtà tal-merkanzija u l-posta tal-UE għandha tiġi mtejba u armonizzata aktar. Iż-żewġ azzjonijiet proposti għandhom jiġu implimentati kif ġej: a) billi jiġu eżaminati l-mezzi kif tista' tiġi estiża l-iskema tal-UE dwar l-aġenti regolati u l-kunsinnaturi magħrufa billi tiddaħħal il-possibbiltà għall-approvazzjoni jew il-validazzjoni indipendenti tat-tali industrija fil-pajjiżi terzi, b) billi l-metodi u t-teknoloġiji tal-iskrining jiġu analizzati aktar u fejn meħtieġ jittejbu, c) billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-informazzjoni sigrieta u l-infurzar tal-liġi bil-għan li twassal għal valutazzjoni komuni tal-UE dwar it-theddida għas-sigurtà tal-avjazzjoni u d) billi jittejbu l-istandards globali dwar l-oqfsa legali u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet. PROVI "Prova" skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni sseħħ meta jkun hemm qbil min-naħa ta' Stat Membru mal-Kummissjoni li se juża mezz jew metodu partikolari mhux rikonoxxut skont it-termini tal-leġiżlazzjoni b'sostituzzjoni ta' wieħed mill-kontrolli tas-sigurtà rikonoxxuti, għal perjodu ta' żmien limitat sakemm provi bħal dawn ma jippreġudikawx il-livelli globali tas-sigurtà. It-terminu, fis-sens legali, ma japplikax meta Stat Membru jew entità twettaq evalwazzjoni ta' kontroll tas-sigurtà ġdid introdott b'mod parallel ma' wieħed jew aktar minn dawk diġà koperti mil-leġiżlazzjoni. Matul l-2010 twettqu għadd ta' provi skont iż-żewġ tifsiriet fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Isvezja, fir-Renju Unit, fl-Isvizzera u fin-Norveġja. Dawn kineu jikkonċernaw l-użu tal-iskaners tas-sigurtà għall-iskrining tal-passiġġieri u tal-persunal (inkluż it-tagħmir tal-medda millimetrika), l-użu tas-sistemi tal-individwazzjoni tal-isplussivi likwidi għall-iskrining tal-bagalji tal-kabina u l-użu tal-individwazzjoni tat-traċċi splussivi għall-iskrining tal-ilbies tar-ras tal-passiġġieri. STUDJI Fl-aħħar tal-2010 ġie ppreżentat rapport ta' studju dwar is-sitwazzjoni legali fir-rigward tas-sigurtà tat-titjiriet minn pajjiżi terzi lejn l-UE. Dan ippropona għadd ta' rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-kapaċità tal-UE li tissorvelja u tinforza l-istandards tas-sigurtà fir-rigward tat-titjiriet minn pajjiż terzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-aħħar tas-sena 2010 nediet żewġ studji dwar a) l-użu tal-bażi tad-dejta tal-UE għall-aġenti regolati u l-kunsinnaturi magħrufa u dwar b) it-teknoloġija tal-Projezzjoni tal-Immaġnijiet ta' Theddida użata fl-iskrining tal-bagalji tal-kabina u tal-bagalji tal-istiva. IR-RABA' PARTI ID-DJALOGU MAL-ENTITATIJIET INTERNAZZJONALI U MAL-PAJJIżI TERZI ELEMENTI ġENERALI Il-Kummisjsoni tikkopera b'mod sħiħ mal-entitajiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi ewlenin u hija rrappreżentata b'mod regolari fil-laqgħat internazzjonali, ġeneralment billi tikkoordina l-pożizzjoni tal-UE u ta' sikwit tagħmel preżentazzjonijiet jew tippreżenta dokumenti. Infetħu wkoll djalogi, skont kif xieraq, mal-pajjiżi terzi individwali fuq xi kwistjoni ta' tħassib legali jew ta' interess maqsum, bħall-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti normali li jirregolaw il-ġarr tal-likwidi mixtrija mill-ħwienet tad-duty free. Kuntatti bħal dawn jippermettu lill-UE żżomm ruħha aġġornata mal-prassi tajba u d-diffużjoni tagħhom kif ukoll biex tinfluwenza t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell globali. Jeħtieġ li jiġu żgurati r-rabta u l-koerenza bejn il-ħtiġijiet tas-sigurtà interni u esterni. Skont il-qafas legali l-ġdid stabbilit bit-Trattat ta' Liżbona, il-EEAS għandu jkun ikkonsultat b'mod sħiħ fid-djalogu mal-entitajiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi sabiex ikunu żgurati l-koerenza tajba u l-komplementarjetà mad-djalogi politiċi speċifiċi mnedija mill-EEAS. ENTITAJIET INTERNAZZJONALI Kull sena l-Kummissjoni tattendi għall-panil tal-ICAO tas-sigurtà tal-avjazzjoni u matul l-2010 ppreżentat dokumenti dwar l-iskrining tal-likwidi u s-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru. Dawn intlaqgħu b'mod tajjeb. Il-Kummissjoni tieħu sehem ukoll b'mod regolari fil-laqgħat tat-Task Force Tekniku u tat-Task Force għat-Taħriġ tal-ECAC. Il-konklużjonijiet li nġabru minn kull wieħed minn dawn il-gruppi sussegwentement iffurmaw il-bażi tad-diskussjonijiet matul il-laqgħat tal-Kumitat Regolatorju u l-gruppi ta' ħidma assoċjati tiegħu. PAJJIżI TERZI Il-Kummissjoni kompliet b'mod attiv id-djalogu dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika f'għadd ta' fora, b'mod partikolari l-Grupp tal-Kooperezzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Sigurtà tat-Trasport, li għamel progress fir-rigward tal-ħidma dwar is-sigurtà f'waqfa waħda[16]. Il-Kummissjoni intervjeniet ukoll f'għadd ta' okkażjonijiet meta l-Istati Membri qajmu tħassib partikolari dwar esiġenzi addizzjonali min-naħa tas-sigurtà tal-Istati Uniti, li dehru li ma tawx kas biżżejjed lis-sistemi sodi tal-UE diġa fis-seħħ. Xi drabi dan kien jinvolvi l-prassi sostnuta tal-Istati Uniti tal-ħruġ, mingħajr konsultazzjoni minn qabel, ta' Emendi ta' Emerġenza lil-linji tal-ajru li joperaw mill-UE, li kultant ikkawżat diffikultajiet sostanzjali għall-partijiet interessati tal-UE. Il-Kummissjoni ħadet sehem fi spezzjoni partikolari f'ajruport tal-Istati Uniti tal-Amerika biex tivvaluta l-possibbiltà ta' ftehim fil-ġejjieni dwar wafqa waħda. KONKLUŻJONI Filwaqt li, kumplessivament, qed ikun żgurat livell għoli ta' sigurtà fl-UE, l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni wrew ċerti nuqqasijiet. Għall-miżuri tradizzjonali, in-nuqqasijiet identifikati fl-oqsma tal-iskrining tal-persunal u tal-passiġġieri kif ukoll fir-rekwiżiti tal-ipproċessar u tal-iskrining tal-merkanzija, x'aktarx u fil-biċċa l-kbira tagħhom, kienu marbuta ma' fatturi umani. Għall-miżuri addizzjonali implimentati fil-qafas legali l-ġdid tar-Regolament (KE) 300/2008, instabu aktar każijiet ta' nuqqas ta' konformità relatati mal-għassa fl-ajruporti, fil-valutazzjoni tar-riskju u fl-iskrining tal-provvisti għal matul it-titjira u tal-provvisti tal-ajruporti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal azzjoni ta' rettifika ġeneralment ġew segwiti b'mod sodisfaċenti, iżda s-sejbiet tal-ispetturi jikkonfermaw l-importanza ta' sistema tal-ispezzjonar tal-UE li tkun rigoruża u li toffri assigurazzjoni ta' kwalità suffiċjenti fil-livell tal-Istat Membru. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li jiġu implimentati r-rekwiżiti legali b'mod sħiħ u korrett, filwaqt li jekk ikun hemm il-ħtieġa, tibda bil-proċeduri formali ta' ksur. Fil-qasam leġiżlattiv, matul l-2010 ġew adotttati aktar regoli ta' implimentazzjoni dettaljati li jiżguraw li r-Regolament ta' bażi (KE) 300/2008 l-ġdid jiġi applikat b'mod armonizzat. L-inċident tal-merkanzija mill-Jemen u l-inċidenti tal-pakketti tal-posta bl-ajru mill-UE fi tmiem Ottubru 2010, servew bħala tfakkira li l-avjazzjoni ċivili qed tkompli tkun il-mira f'modi ġodda u differenti, li għandhom jiġu indirizzati bis-saħħa ta' miżuri adegwati ta' protezzjoni bbażati fuq ir-riskju. Kif previst fil-pjan ta' azzjoni dwar is-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru, il-Kummissjoni estendiet l-azzjoni tagħha f'dan il-qasam. Anness Spezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fil-31.12.2010 Stat | Għadd totali ta’ spezzjonijiet 01/2010 -12/2010 (inklużi s-segwiti) | Għadd totali ta’ spezzjonijiet 2004-2010 (inklużi s-segwiti) | L-Awstrija | 1 | 9 | Il-Belġju | 2 | 9 | Il-Bulgarija | 2 | 5 | Ċipru | 0 | 5 | Ir-Repubblika Ċeka | 0 | 5 | Id-Danimarka | 1 | 7 | L-Estonja | 0 | 4 | Il-Finlandja | 0 | 7 | Franza | 2 | 12 | Il-Ġermanja | 2 | 14 | Il-Greċja | 1 | 12 | L-Ungerija | 1 | 5 | L-Irlanda | 2 | 8 | L-Italja | 1 | 12 | Il-Latvja | 0 | 4 | Il-Litwanja | 1 | 4 | Il-Lussemburgu | 0 | 5 | Malta | 0 | 3 | Il-Pajjiżi l-Baxxi | 1 | 7 | Il-Polonja | 1 | 7 | Il-Portugall | 1 | 8 | Ir-Rumanija | 1 | 3 | Is-Slovakkja | 0 | 4 | Is-Slovenja | 0 | 4 | Spanja | 2 | 12 | L-Isvezja | 2 | 9 | Ir-Renju Unit | 2 | 13 | L-Isvizzera | 0 | 4 | TOTAL | 26 | 202 | Spezzjonijiet li saru mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fil-31.12.2010 Stat | Għadd totali ta’ spezzjonijiet 01/2010 -12/2010 (inklużi s-segwiti) | Għadd totali ta’ spezzjonijiet 2004--2010 (inklużi s-segwiti) | l-Islanda | 1 | 7 | In-Norveġja | 3 | 31 | TOTAL | 4 | 38 | [1] Miżuri jiġu ddefiiti bħala ‘tradizzjonali’ jekk ikunu applikabbli diġà skont il-qafas legali tar-Regolament (KE) 2320/2002 [2] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 72/2010 tas-26 ta' Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, ĠU L23, 27.1.2010, p. 1 [3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1217/2003 tal-4 ta' Lulju 2003 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni għal programmi ta' kontroll ta' kwalità għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali ĠU L 169, 08.7.2003, p. 44. Minn dak iż-żmien dan ir-Regolament ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 18/2010 tat-8 ta' Jannar 2010, li jemenda r-Regolament (KC) 300/2008, ĠU L7, 12.1.2010, p. 3 [4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 18/2010 tat-8 ta' Jannar 2010, li jemenda r-Regolament (KC) 300/2008, ĠU L7, 12.1.2010, p. 3 [5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 72/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 (ĠU L 23 , 27.1.2010, p. 1). [6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 (ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1). [7] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 357/2010 tat-23 ta' April 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L105, 27.4.2010, p. 10 [8] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 358/2010 tat-23 ta' April 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L105, 27.4.2010, p. 12 [9] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 573/2010 tat-30 ta' Ġunju 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L166, 01.07.2010, p. 1 [10] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 983/2010 tat-3 ta' Novembr 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L286, 04.11.2010, p. 1 [11] Id-Deċiżjoni C(2010)774 finali, li nħarġet għall-Istati Membri kollha fit-13.4.2010 ; mhux ippubblikata fil-ĠU (materjal ristrett u kunfidenzjali) [12] Id-Deċiżjoni C(2010)2604 finali, li nħarġet għall-Istati Membri kollha fit-23.4.2010 ; mhux ippubblikata fil-ĠU (materjal ristrett u kunfidenzjali) [13] Id-Deċiżjoni C(2010)3572 finali, li nħarġet għall-Istati Membri kollha fit-30.6.2010; mhux ippubblikata fil-ĠU (materjal ristrett u kunfidenzjali) [14] Id-Deċiżjoni C(2010)9139 finali, li nħarġet għall-Istati Membri kollha fl-20.12.2010; mhux ippubblikata fil-ĠU (materjal ristrett u kunfidenzjali) [15] L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili [16] Applicable mill-01.04.2011 għall-inġeji tal-ajru, il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina u l-bagalji tal-istiva tagħhom lijaslu mill-Istati Uniti – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 983/2010 tat-3 ta' Novembru 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L286 of 4.11.2010, p.1