52011DC0642

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrial Policy: Reinforcing competitiveness /* KUMM/2011/0642 finali */


WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. It-titjib tal-kompetittività industrijali 4

2.1. Bidla industrijali 4

2.2. Industrija innovattiva 5

2.3. Industrija sostenibbli 7

3. Lejn Ewropa aktar favur il-kummerċ 8

3.1. Ambjent imprenditorjali 9

3.2. Il-promozzjoni tal-industrija u s-servizzi 10

3.3. Impriżi żgħar u ta' daqs medju 11

4. Konklużjonijiet 12

INTRODUZZJONI

L-irkupru ekonomiku tal-UE mill-kriżi kien relativament bil-mod u jibqa' fraġli. Imbuttatura lill-ekonomija u tkabbir ogħla biex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol u benessri huma meħtieġa u essenzjali biex il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri jitqiegħdu fuq triq sostenibbli. L-ambjent fiskali iebes iqiegħed limiti għall-azzjoni ta' politika, iżda tkabbir sod inaqqas il-piż tad-defiċit u d-dejn pubbliku, skont l-għanijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir[1].

Il-muturi ewlenin ta' tkabbir ekonomiku sod huma l-azjendi kompetittivi ta' kull daqs. Għal dan jeħtieġ ambjent li jiffavorixxi ideat ġodda u impriżi ġodda. Din il-Kommunikazzjoni tidentifika l-oqsma li ġejjin bħala meħtieġa għal progress sinifikanti lejn il-miri tal-Ewropa 2020: (1) tibdil strutturali fl-ekonomija; (2) il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industriji; (3) sostenibbiltà u effiċjenza tar-riżorsi; (4) ambjent ta' intrapriża; (5) is-suq uniku; u (6) impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Li wieħed jilqa' dawn l-isfidi jista' jtejjeb il-kompetittività tad-ditti Ewropej kemm internament kif ukoll globalment, u l-Kummissjoni għandha l-għan li tgħin lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi limitati tagħhom bis-sens biex iżidu l-kompetittività globali tal-industriji tagħhom. Meta wieħed jindirizza dawn l-isfidi jtejjeb il-prospetti ta' tkabbir tal-impriżi kollha, kemm jekk ikollhom xeħta industrijali kif ukoll jekk ikunu mixħutin lejn is-servizzi jew ikollhom tir soċjali.

L-industrija Ewropea hija ta' importanza kritika għall-UE bħala mutur ekonomiku globali. Industrija kompetittiva tista' tnaqqas l-ispejjeż u l-prezzijiet, toħloq prodotti ġodda u ttejjeb il-kwalità, biex b'hekk tagħti sehem b'mod deċiżiv għall-ħolqien tal-benessri u t-tkabbir tal-produttività fil-medda kollha tal-ekonomija. L-industrija hija wkoll is-sors ewlieni tal-innovazzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-isfidi tas-soċjetà li tiffaċċja l-UE.

Bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 , fl-2010 il-Kummissjoni nidiet politika industrijali ġdida ambizzjuża[2] li enfasizzat l-azzjonijiet meħtieġa biex tissaħħaħ l-attrattività tal-Ewropa bħala post għall-investiment u l-produzzjoni, inkluż l-impenn li tissorvelja l-istrateġiji politiċi ta' kompetittività tal-Istati Membri. Hija ddeskriviet ukoll fil-qosor politika kummerċjali rinnovata.

Il-fraġilità tal-irkupru tidher f'dak li jinħass li mar għall-agħar mal-ekonomija Ewropea kollha[3]. Hemm riskji ċari ta' telf ta' investiment li ġejjin mis-swieq finanzjarji, prezzijiet ta' enerġija u materja prima dejjem jiżdiedu, u l-ħtieġa ta' tisħiħ baġitarju. Il-produttività tax-xogħol tal-UE hija ogħla mill-quċċata tal-2008 b'1.4%, iżda l-impjiegi fl-industrija u s-servizzi marbuta mal-industrija jinsabu 11% taħtha. Taħt din il-medja hemm moħbija diverġenza kbira bejn l-Istati Membri. Imqabbla mal-kompetituri ewlenin, l-ispejjeż ta' unità ta' xogħol relattivi tal-UE tjiebu bi 12% mill-2008 lil hawn, l-aktar minħabba l-effett tar-rata tal-kambju.

Madankollu, il-manifattura Ewropea rkuprat iktar milli kien mistenni. Fit-tieni trimestru, il-produzzjoni tal-manifattura kienet 5.3% ogħla mis-sena ta' qabel anke jekk ma kienx hemm tkabbir mit-trimestru ta' qabel. Il-produzzjoni tal-manifattura issa tinsab madwar 14% ogħla mill-iktar punt baxx tagħha fil-bidu tal-2009 iżda għadha 9% taħt l-ogħla punt tagħha fil-bidu tal-2008.

Indiċijiet ta' produzzjoni EU27 1993 - 2011 (tendenza aġġustata)

[pic]

Sors: Eurostat

Din il-Komunikazzjoni hija inizjattiva ġdida ta' kull sena li tħares b'mod speċifiku lejn il-kompetittività tal-Istati Membri, ibbażata fuq ir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2011 u r-Rendiment tal-Kompetittività u l-Istrateġiji Politiċi tal-Istati Membri. Se tagħti kontribut fl-evalwazzjoni tal-Istati Membri taħt il-qafas usa' tas-semestru Ewropew u Ewropa 2020. Raġunamenti aktar fid-dettall u azzjonijiet tal-UE jinsabu fid-dokumenti mehmuża ma' din il-Komunikazzjoni.

IT-TITJIB TAL-KOMPETITTIVITÀ INDUSTRIJALI

Bidla industrijali

B'ħarsa lura lejn it-tibdil fit-tul fl-istrutturi industrijali tal-Istati Membri fl-1999-2007, l-industriji ħadu toroq differenti lejn industriji ta' teknoloġija għolja jew ta' ħiliet għoljin li għandhom tendenza ta' tkabbir ta' produttività ogħla u l-prezzijiet tagħhom jintlaqtu anqas mill-kompetizzjoni globali. Għal finijiet ta' analiżi wieħed jista' jħares lejn l-istrutturi industrijali tal-Istati Membri abbażi ta' f'dak li jixxiebħu bħala karattru u tendenzi kummerċjali, għalkemm dan dejjem jista' jaħbi differenzi sostanzjali ġewwa kull grupp.

Fl-ewwel grupp ta' pajjiżi , l-istruttura industrijali hija ddominata mis-setturi teknoloġikament avvanzati. Żvilupp ewlieni f'dan il-perjodu kien li żdiedet aktar l-ispeċjalizzazzjoni ta' dan il-grupp f'industriji u setturi mmexxija mit-teknoloġija b'innovazzjoni għolja jew intensità ta' edukazzjoni għolja. Il-pajjiżi f'dan il-grupp huma l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit. Is-sehem ta' valur miżjud tal-industrija jvarja minn 10.6% fi Franza għal 24.2% fl-Irlanda.

It-tieni grupp jinkludi pajjiżi bi speċjalizzazzjoni industrijali f'setturi anqas teknoloġikament avvanzati, minkejja l-preżenza ta' xi industriji kompetittivi ħafna. Il-prevalenza ta' industriji b'intensità ta' xogħol għolja, innovazzjoni baxxa u intensità ta' għarfien relattivament baxxa jwasslu għal anqas ditti bi tkabbir għoli, almenu meta mqabbla mal-ewwel grupp ta' pajjiżi. Il-pajjiżi f'dan il-grupp huma Ċipru, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja, b'valur miżjud mill-industrija jvarja minn 6.5% fil-Lussemburgu għal 16.1% fl-Italja.

It-tielet grupp jinkludi pajjiżi li qed jirkupraw f'termini ta' PDG per capita, u li l-ispeċjalizzazzjoni kummerċjali tagħhom tinsab f'setturi b'intensità ta' innovazzjoni għolja u industriji teknoloġiċi. Dawn kisbu bidla strutturali minn industriji ta' intensità ta' xogħol għolja għal industriji teknoloġiċi kemm fil-produzzjoni kif ukoll fil-kummerċ. Il-grupp jikkonsisti mir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja, bil-valur industrijali miżjud ta' bejn 13.3% u 23.6% tat-total.

Ir-raba' grupp ta' pajjiżi huwa dawk li qed jirkupraw, iżda bi speċjalizzazzjoni kummerċjali f'setturi anqas avvanzati teknoloġikament. Dawn il-pajjiżi jixbħu lil dawk tat-tieni grupp li bħalu għandhom it-tendenza lejn setturi b'intensità edukattiva ogħla. Iżda, differenza kbira bejniethom hija l-preżenza ħafna ogħla mill-medja ta' ditti bi tkabbir għoli f'dan il-grupp, u ż-żieda kbira fl-ispeċjalizzazzjoni industrijali u kummerċjali f'industriji teknoloġiċi. Dan il-grupp jinkonsisti fil-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija, b'valur industrijali miżjud ta' bejn 9.9% u 22.4%.

F'kull grupp ta' pajjiżi hemm industriji kompetittivi u ditti li qed jikbru. Biex il-kompetittività tingħata spinta jeħtieġ li jkun hemm aktar setturi innovattivi u msejsa fuq l-għarfien; jeħtieġ li jkun hemm azzjonijiet deċiżivi li jiffaċilitaw il-bidla bit-titjib tar-regolamentazzjoni tal-prodott tas-suq, li jagħtu appoġġ lill-innovazzjoni u jinvestu f'edukazzjoni u taħriġ matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja.

Industrija innovattiva

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma l-mutur tat-tkabbir tal-produttività u l-kompetittività industrijali. It-teknoloġiji l-ġodda jagħmluha possibbli li tipproduċi kummerċjalment f'volumi dejjem iżgħar u l-materjali avvanzati, it-teknoloġiji b'karbonju baxx, il-bijoteknoloġija u n-nanoteknloġija qed jibdlu n-natura tal-vantaġġ kompetittiv. L-industrija tal-UE trid tgħaġġel l-isforzi tagħha li tadotta dawn it-[4]teknoloġiji biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha fid-dinja.

Ir-rapport reċenti dwar it-Teknoloġiji Ewlenin ta' Potenzjalizzazzjoni (Key Enabling Technologies) enfasiżżaw il-ħtieġa li jsir investiment fl-innovazzjoni industrijali biex tingħalaq il-firda bejn ir-riċerka bażika u s-swieq. Approċċ integrat biex jinġiebu prodotti u servizzi ġodda lejn is-suq għandu jinkludi appoġġ għal proġetti ta' wirja u faċilitajiet ta' ttestjar bi prova kif ukoll miżuri speċifiċi f'termini ta' għajnuna statali, koeżjoni reġjonali u politika kummerċjali. Jeħtieġ li jkun hemm inċentivi għar-riċerkaturi fl-universitajiet biex jikkommerċjalizzaw ir-riċerka tagħhom u jikkollaboraw mal-industrija. Il-ħtiġijiet tal-konsumatur u l-potenzjal tas-suq għandhom jitqiesu mill-bidu tal-iffinanzjar tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-investituri barranija potenzjali għandhom jingħataw sehem kmieni. L-appoġġ għall-iżvilupp ta' swieq aktar miftuħa għall-innovazzjoni jista' jinkiseb permezz ta' miżuri min-naħa tad-domanda, bħal regolamentazzjoni intelliġenti, informazzjoni lill-konsumatur, standardizzazzjoni jew aktar kuntratti pubbliċi għal soluzzjonijiet innovattivi.

Dan kollu jeħtieġ ħiliet u kompetenzi addizzjonali jiġifieri fil-kummerċjalizzazzjoni u l-ġestjoni. B'mod ġenerali, forza tax-xogħol b'intraprendenza u mħarrġa aħjar tikkontribwixxi għal tkabbir ta' produttività, iżda l-Istati Membri għamlu biss progress li jvarja fl-investiment fil-kapital uman. Problema partikolari hija li minkejja li l-qgħad fl-UE għadu relativament għoli xi ditti jgħaddu minn diffikultajiet li dejjem jiżdiedu biex isibu persunal kwalifikat.

Għalkemm ħafna Stati Membri ħadu passi biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għar-riċerka u l-innovazzjoni, biex jiżguraw l-aktar utilizzazzjoni effiċjenti tar-riżorsi limitati jridu jnaqqsu l-frammentazzjoni tal-iskemi ta' appoġġ . Fost l-iktar miżuri applikati hemm l-iskemi ta' self għal investimenti fit-teknoloġija, aċċess għal finanzjament għal teknoloġiji ewlenin ta' potenzjalizzazzjoni u għotjiet għall-aġġornament teknoloġiku (il-Ġermanja, Franza, l-Isvezja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja). Xi wħud waqqfu servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni u saħħew l-emerġenza tal-clusters (id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Isvezja, il-Belġju).

Madankollu, ma tantx hemm allinjament ta' investimenti bejn l-Istati Membri biex tiġi appoġġjata l-adozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi. Koordinazzjoni akbar u l-ġbir komuni ta' riżorsi nazzjonali jippermettu l-mobilizzazzjoni tagħhom madwar għanijiet komuni u jipprovdu kapaċitajiet ta' innovazzjoni mtejba u massa xierqa kritika ta' finanzjament, u dan iżid l-effiċjenza u l-effikaċja tal-investimenti. Proġetti ta' wirja fuq skala kbira u faċilitajiet ta' ittestjar bi prova mifruxa madwar l-Ewropa (pereżempju fil-kuntest tal-Isħubiji ta' Innovazzjoni Ewropej jew il-Pjan Teknoloġiku ta' Enerġija Strateġika) jistgħu jgħinu lill-kumpaniji jittestjaw u joħolqu l-prototipi aktar malajr. Iż-żmien biex prodotti u servizzi ġodda jitqiegħdu fis-suq jistgħu jitqassru b'mod konsiderevoli permezz ta' kooperazzjoni transnazzjonali mtejba bejn il-clusters u n-netwerks, u għarfien aħjar tal-kapaċitajiet ta' manifattura.

Reġim ta' proprjetà intellettwali modern iħares l-innovatur inizjali mingħajr ma jxekkel aktar żviluppi ta' ideat eżistenti. Il-privattiv unitarju tal-UE li qed jiġi negozjat bħalissa mill-Istati Membri se jtejjeb b'mod sinifikanti l-qafas filwaqt li jnaqqas l-ispejjeż għall-applikanti tal-privattivi[5].

Il-kompetittività tissaħħaħ permezz ta': Ġbir komuni ta' riżorsi biex tkun tista' tinkiseb massa kritika biex tinġieb l-innovazzjoni fis-suq; u biż-żieda tal-kooperazzjoni fl-innovazzjoni biex jinħolqu proġetti ta' wirja fuq skala kbira u faċilitajiet ta' ttestjar bi prova, pereżempju bl-użu tal-mudell tal-Forum ta' Strateġija Ewropea dwar Infrastrutturi ta' Riċerka (ESFRI). Tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-sistemi ta' appoġġ għall-innovazzjoni, l-iffaċilitar biex tinġieb l-innovazzjoni fis-suq, u ż-żieda ta' proġetti ta' riċerka ffukati fuq is-suq. Id-Danimarka u l-Awstrija naqqsu b'mod sinifikanti l-frammentazzjoni u r-Renju Unit għandu skemi biex iġib soluzzjonijiet innovattivi fis-suq. |

Industrija sostenibbli

- Tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, b'effiċjenza ta' riżorsi u karbonju baxx hija importanti ħafna biex tinżamm il-kompetittività fit-tul tal-industriji Ewropej. Matul dan l-aħħar deċennju l-ekonomiji ta' ħafna Stati Membri kibru mingħajr ma' kiber il-konsum ta' enerġija, filwaqt li f'oħrajn it-tkabbir kien inqas milli mistenni. B'mod partikolari, l-Istati Membri ġodda qed jirkupraw malajr, minkejja li bdew minn punti differenti.

B'mod ġenerali, l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' oqfsa ta' leġiżlazzjoni nazzjonali konsistenti għall-istimolu ta' effiċjenza enerġetika. Iżda, xi wħud ma għandhomx l-esperjenza u l-kapaċità amministrattiva li jagħmlu dan u għal dawn il-pajjiżi l-leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE tista' tipprovdi gwida u appoġġ.

Minkejja l-progress li sar, il-prezzijiet tas-suq dinji dejjem jiżdiedu u d-distorsjonijiet nazzjonali feġġew fi prezzijiet ogħla għall-impriżi, b'mod partikolari għall-SMEs. L-industriji li jipproċessaw bl-użu ta' enerġija u ta' riżorsi intensivi bħas-siderurġija, l-industrija kimika u li tipproċessa l-karti u l-polpa għandhom quddiemhom sfidi speċifiċi. Biex tkun iffaċilitata t-trasformazzjoni lejn modi aktar sostenibbli ta' produzzjoni, fit-taħlita ta' strateġiji politiċi koerenti u effettivi jista' jkun hemm miżuri ta' sostenn għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-utilizzazzjoni ta' teknoloġiji aktar indaf, speċjalment fl-industriji li jipproċessaw.

L-Istati Membri fasslu skemi ta' appoġġ għat-titjieb tal-effiċjenza tal-enerġija tal-industrija, f'ħafna każi akkumpanjati minn skemi ta' verifika tal-konsum tal-enerġija (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Portugall, is-Slovakkja), jew mexxew pjan ta' ftehimiet volontarji mal-industriji (id-Danimarka, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, ir-Renju Unit). Il- Pjan Teknoloġiku ta' Enerġija Strateġika[6] għandu l-għan li jaċċellera l-iżvilupp ta' teknoloġiji li jużaw enerġija ta' karbonju baxx u li jressquhom aktar malajr lejn is-suq. Uħud mill-iżviluppi pożittivi jirrigwardaw interventi mmirati għas-sostenn tar-rendiment enerġetiku mill-SMEs (il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja), għalkemm jista' jsir aktar minn hekk.

L-aċċess għall-materja prima mhux enerġetika u mhux agrikola huwa fattur essenzjali ieħor għall-kompetittività tal-industrija tal-UE. Il-prezzijiet għoljin u li jinbidlu kontinwament ta' din il-materja prima, u l-fatt li tinsab fil-biċċa l-kbira tagħha barra mill-UE huma ta' riskju għal ħafna ditti u għalhekk kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri - bi tkomplija tal-politika esterna tal-UE - għandhom ifasslu strateġiji li jindirizzaw in-nuqqas ta' materja prima primarja billi jisfruttaw ir-riżorsi Ewropej b'mod sostenibbli. billi jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li jiġġeneraw soluzzjonijiet alternattivi; iżidu l-effiċjenza tar-riżorsi; u billi jippromwovu strateġiji tekniċi aħjar ta' riċiklaġġ fuq medda usa', inkluż għal materjali ta' valur li jintużaw fi kwantitajiet żgħar.

L-integrazzjoni ulterjuri ta' kwistjonijiet ambjentali u soċjali fl-operazzjonijiet u l-istrateġija kummerċjali hija dejjem iktar importanti għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Effiċjenza ta' Riżorsi[7] se jkun fih sett ta' azzjonijiet f'livell tal-UE u rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi.

Il-kompetittività tissaħħaħ permezz ta': Azzjoni favur l-effiċjenza tal-enerġija u l-materja prima u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-utilizzazzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa tul katini ta' valur bl-użu ta' inċentivi fit-tul li jħeġġu l-ħolqien tas-swieq u jiffaċilitaw is-sehem tal-SMEs f'dawn il-proċessi. Kif deskritt fil-qosor hawn fuq, bosta Stati Membri għamlu progress konsiderevoli f'dawn l-oqsma. Żgurar ta' għoti ta' prezzijiet ġust u mingħajr tgħawwiġ, u l-issuktar ta' ħidma fuq l-aġġornament u l-interkonnessjoni ta' netwerks ta' tqassim tal-enerġija. |

- L-iżvilupp tal-intraprenditorija soċjali, l-impriżi soċjali (social businesses) u l-ekonomija soċjali hija għodda oħra importanti għat-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija Ewropea.

L-ekonomija soċjali tħaddem 'il fuq minn 11 miljun ruħ fl-UE, u dan ifisser 6 % tal-impjiegi totali[8] u bejn wieħed u ieħor impriża minn kull erbgħa mwaqqfa fl-Ewropa hija impriża soċjali. Fil-Belġju, il-Finlandja u Franza impriża minn kull tlieta[9]. Dawn il-kumpaniji huma ta' sikwit produttivi u kompetittivi ħafna, minħabba l-livell għoli ħafna ta' impenn personali min-naħa tal-impjegati u l-kondizzjonijiet aħjar ta' xogħol li jipprovdu[10].

Sabiex issaħħaħ l-'ekonomija kompetittiva ħafna tas-suq soċjali', il-Kummissjoni qegħdet l-ekonomija soċjali, ir-responsabbiltà soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-qalba tal-attenzjoni tagħha għal soluzzjonijiet ġodda għal ekonomija iktar sostenibbli, taħt l-istrateġija Ewropa 2020[11], l-inizjattiva ewlenija 'L-Unjoni għall-Innovazzjoni'[12], il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali[13] u l-'Att dwar is-Suq Uniku'[14] (Single Market Act - SMA).

Il-konsultazzjoni pubblika għall-SMA[15] żvelat livell għoli ta' interess fil-kapaċità tal-impriżi soċjali u l-ekonomija soċjali inġenerali li jipprovdu tweġibiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi u soċjali attwali bl-iżvilupp ta' impjiegi sostenibbli.

Il-Kummissjoni hija għalhekk lesta li tniedi dibattitu importanti dwar il-mezzi biex jiġi żviluppat dan it-tip ġdid ta' ekonomija u l-ewwel pass se jittieħed minn hawn u ftit ġimgħat oħra bill-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva tal-Impriża Soċjali u l-Komunikazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva li se jippreżentaw azzjonijiet ewlenin għall-promozzjoni tal-impriża soċjali.

Il-kompetittività tissaħħaħ permezz ta': Azzjoni favur u l-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali fl-Ewropa, b'mod partikolari fit-titjib tal-profil pubbliku tagħha u l-aċċess tagħha għall-finanzi pubbliċi u privati (speċjalment permezz tal-Fondi Soċjali ta' investiment). |

LEJN EWROPA AKTAR FAVUR IL-KUMMERċ

Ambjent imprenditorjali

- Ambjent imprenditorjali miftuħ, effiċjenti u kompetittiv huwa katalist kruċjali għat-tkabbir f'kuntest globali. It-titjib tal-ambjent imprenditorjali jkopri strateġiji politiċi f'oqsma li jvarjaw minn titjib tal-infrastruttura sat-tnaqqis tal-ħin meħtieġ biex tikseb permess tal-bini.

Filwaqt li l-Istati Membri kollha adottaw miri nazzjonali għat- tnaqqis tal-piż amministrattiv , mhux kollha għamlu progress fit-tkejjil tal-piż attwali jew ħadu passi biex jeliminawh. L-istimi tal-impatt għal proposti leġiżlattivi ġodda huma obbligatorji fi 18-il Stat Membru, għalkemm mhux kollha huma konformi mar-rekwiżit, u l-istimi tal-impatt mhux dejjem huma komprensivi f'termini ta' aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, b'limitazzjoni tal-effikaċja tagħhom.

Il-kwalità għolja u d-disponibbiltà tal- infrastruttura (enerġija, trasport, u broadband) huma kontribut importanti għal ambjent favur l-intrapriża. Billi t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport huwa sfida ewlenija speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, għandhom jissoktaw l-investimenti l-kbar għall-bini mill-ġdid u l-modernizzazzjoni, inkluż bl-appoġġ ta' Fondi Strutturali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

L-impriżi għandhom bżonn ta' amministrazzjoni pubblika moderna , li tkun f'qagħda li twassal servizzi pubbliċi effiċjenti u ta' kwalità għolja. Ir-riformi għandhom jenfasizzaw inizjattivi ta' e-gvern bħal ċentri unifikati ta' servizz għall-pubbliku, netwerks komuni u ċentri ta' dejta. Ħafna inizjattivi ta' e-gvern jippermettu wkoll lill-impriżi jaħlu inqas ħin fuq proċeduri amministrattivi u jiddedikaw aktar riżorsi għall-opportunitajiet ta' negozju. L-E-negozju, f'dan ir-rigward, irid jinġieb 'il quddiem kemm jista' jkun. Id-disponibbiltà ta' ċentri ta' servizzi integrati li jaħdmu sewwa (l-hekk imsejħa "Punti ta' Kuntatt Uniku") għall-impriżi li jixtiequ joperaw lil hinn mill-fruntieri hija wkoll il-qofol għall-iffrankar tal-ħin u ta' riżorsi, u biex jonqos il-lok għall-korruzzjoni. Għalkemm sar progress konsiderevoli għadd hemm lok għal titjib.

Qasam importanti li jipprovdi skop għal titjib huwa t- tassazzjoni tal-impriżi. Filwaqt li r-rata ġenerali effettiva ta' taxxa korporattiva u l-bilanċ fiskali fuq ix-xogħol aktar milli fuq l-użu tar-riżorsi huma kwistjonijiet fejn hija meħtieġa aktar riflessjoni fil-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri, it-tnaqqis tal-piż ta' konformità li ġej mit-tassazzjoni jista' jtejjeb mhux bi ftit l-ambjent imprenditorjali. Dan jimplika żieda fit-trasparenza u tnaqqis fil-komplikazzjonijiet ta' kodiċijiet fiskali u regolamenti ta' konformità, l-issimplifikar ta' proċeduri ta' ħlas, inkluż permezz tal-użu tal-e-gvern, u l-iżgurar tal-istabbiltà tal-leġiżlazzjoni fiskali. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar Bażi Komuni Konsolidata ta' Taxxa Korporattiva huwa pass 'il quddiem importanti[16].

Il-kompetittività tissaħħaħ permezz ta': Tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-impriżi bl-evalwazzjoni tal-piż attwali (inkluż il-piż minħabba l-kodiċi fiskali) u t-tnaqqis fil-pront tal-piżijiet tal-ilħuq tal-miri. Pereżempju, il-Pajjiżi l-Baxxi ilhom minn ta' quddiem fil-kejl u l-evalwazzjoni tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u fl-iffissar ta' miri ambizzjużi, u dan wassal għal effiċjenza li hija magħrufa mid-dinja kollha. Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni fost dawk li jipprovdu s-servizzi li jużaw l-infrastrutturi ta' broadband, enerġija u trasport. |

Il-promozzjoni tal-industrija u s-servizzi

- Is-servizzi huma l-ikbar parti mill-ekonomija tal-UE u l-integrazzjoni tagħhom mal-manifattura kibret billi s-servizzi speċjalizzati jintużaw għall-ġestjoni tal-proċessi ta' produzzjoni u ta' tqassim tal-prodott. Id-ditti ta' manifattura bdew joffru servizzi fl-istess pakkett mal-prodott u dawk li jipprovdu s-servizz jużaw prodotti komplementari u jintegraw il-manifattura fi ħdan il-katina tal-valur tagħhom stess.

L-innovazzjonijiet ta' servizz li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-konsumatur jistgħu jittrasformaw il-katini tal-valur, is-setturi u s-swieq[17], kemm jekk ikunu ġejjin minn ditti li joffru servizz kemm minn dawk ta' manifattura. L-importanza tas- servizzi marbuta mal-impriżi qed tiżdied bħala sors ta' innovazzjoni, teknoloġija ġdida u rendiment imtejjeb. Dawn is-servizzi saru biċċa waħda mill-katini tal-valur ta' industriji oħra permezz tal-konsum intermedju, il-produzzjoni tal-għarfien u l-flussi teknoloġiċi, u din hija opportunità għas-settur tal-manifattura Ewropea biex jiftħu swieq ġodda u jsibu sorsi oħra ta' dħul qrib il-prodotti tagħhom.

Is-Suq Uniku jista' jikkontribwixxi aktar għat-tkabbir kieku l-leġiżlazzjoni Ewropea kollha fis-seħħ bħalissa kienet implimentata mill-Istati Membri kollha. L-għan huwa li tispiċċa l-frammentazzjoni tas-suq u jitneħħew l-ostakoli fuq il-moviment tal-prodotti, is-servizzi, l-innovazzjoni u l-kreattività kif jidher fl-Att dwar is-Suq Uniku[18]. Ir-Regolament propost dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea[19] estenda l-issettjar tal-istandards Ewropej għas-settur tas-servizzi biex inaqqas l-istandards nazzjonali multipli u konfliġġenti.

Il-kummerċ intra-UE fis-servizzi jonqsu d-dinamiżmu għax huwa biss għoxrin fil-mija tal-kummerċ totali intra-UE. Il-kummerċ fis-servizzi bejn l-UE u l-bqija tad-dinja ilu jikber mill-2004 b'rata aktar mgħaġġla mill-kummerċ intra-UE. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi[20] kienet tappa importanti, għalkemm il-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka ta' dan l-aħħar[21] identifika għadd ta' oqsma li għad jeħtieġu titjib.

Il-kompetittività tissaħħaħ permezz ta': L-iżvilupp ta' appoġġ għas-servizzi innovattivi msejsa fuq riżultati li jistgħu jitkejlu; u bil-parteċipazzjoni fis-Sħubiji għall-Innovazzjoni u fi proġetti ta' wirja fuq skala kbira. L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku, b'mod partikolari d-Direttiva dwar is-Servizzi u l-promozzjoni tas-servizzi għall-impriżi. Malta tinsab fl-ewwel post għal dik li hija traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku u għandha biss żewġ direttivi li qed jistennew li jiġu trasposti. |

Impriżi żgħar u ta' daqs medju

- Biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-impriżi żgħar u medji jeħtieġ li jkun hemm azzjonijiet koerenti mal-UE kollha b'konformità mal-Komunikazzjoni ta' Reviżjoni tal-SBA[22]. Impriżi kbar ta' esportazzjoni ilhom fuq quddiem fl-irkupru, iżda ħafna SMEs għadhom b'nuqqas ta' domanda minħabba intervalli ta' dewmien, iżda wkoll minħabba diffikultajiet ta' aċċess ta' finanzi u swieq ta' esportazzjoni. Fost id-ditti li għandhom tkabbir importanti, skont kejl b'rati ta' espansjoni ta' impjieg, id-ditti ż-żgħar juru rati netti ta' ħolqien ta' impjieg ogħla mid-ditti l-kbar. Id-ditti li għandhom tkabbir importanti jinsabu f'kull tip ta' industrija u fir-reġjuni kollha, u għandhom tendenza li jkunu innovattivi.

L-issikkar tal-kondizzjonijiet ta' kreditu matul il-kriżi ġab diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzi , speċjalment għall-SMEs. Bħala reazzjoni, ħafna Stati Membri adottaw miżuri ta' tiswija bħal pereżempju żiedu l-kapaċità tal-iskemi ta' garanzija tas-self, investew fil-fondi tal-ekwità u fil-programmi ta' mikrokreditu, u ffaċilitaw is-self mill-banek permezz ta' kondizzjonijiet ta' self vantaġġużi jew permezz ta' medjaturi tal-kreditu. Billi l-aċċess għall-finanzi għadu diffiċli, għandhom isiru aktar sforzi biex tiġi ffaċilitata d-disponibilità ta' forom xierqa ta' finanzi, inkluż is-self, l-ekwità u l-kombinazzjonijiet ta' bejnithom. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' fornituri speċjalizzati ta' finanzi għall-impriżi żgħar, inklużi d-ditti b'orjentament soċjali, għandu jiġi inkoraġġat. Kif jissemma fl-Att dwar is-Suq Uniku[23], qabel tmiem din is-sena l-Kummissjoni se tadotta strument leġiżlattiv biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' Fondi ta' Investiment Soċjali fl-Unjoni Ewropea.

Il-promozzjoni tal-kummerċ mill-Istati Membri ttejjeb il-preżenza globali tad-ditti Ewropej u bosta Stati Membri jappoġġjaw l- internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs , billi jipprovdu finanzi, informazzjoni u appoġġ għal dak li huwa aċċess u regolamentazzjoni tas-suq. L-SMEs li jużaw dawn is-servizzi huma relativament sodisfatti, għalkemm 27% biss tal-SMEs internazzjonalizzati qalu li kienu jafu dwar miżuri attwali pubbliċi ta' appoġġ u 7% fil-fatt utilizzawhom. Dawn ir-riżultati juru li l-għarfien u l-aċċessibbiltà tal-appoġġ pubbliku jistgħu jittejbu aktar.

Id-dewmien medju fil-ħlas jista' jkun twil ħafna f'xi Stati Membri, u dan huwa theddida għall-ħajja tad-ditti ż-żgħar. Il-qagħda ma tjiebitx matul l-aħħar sena, u marret lura f'xi Stati Membri għal dak li huwa ħlas mill-amministrazzjonijiet pubbliċi (ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, Ċipru, l-Ungerija, l-Awstrija, is-Slovakkja). Id-direttiva dwar il-ħlas tard[24] teżiġi mill-awtoritajiet pubbliċi li l-ħlasijiet jiġu pproċessati fi żmien 30 jum. L-ilħuq ta' dan l-objettiv se jkun ta' sfida għal ħafna Stati Membri, iżda b'mod partikolari għall-Greċja, Spanja, l-Italja u l-Portugall.

Il-kompetittività tissaħħaħ permezz ta': L-iffaċilitar tat-tkabbir tal-SMEs billi jiġi żgurat li r-regolamenti ma jkunux ta' xkiel għall-espansjoni; bl-aġevolazzjoni tal-aċċess għal finanzi xierqa; u bil-forniment ta' servizzi ta' appoġġ għall-aċċess ta' swieq ġodda, u l-ippubbliċizzar ta' dawn is-swieq. L-iżgurar li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jnaqqsu d-dewmien fil-ħlas u jaderixxu b'mod strett għad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard. |

KONKLUżJONIJIET

- Din il-Komunikazzjoni ressqet l-argument li biex jinkiseb it-tkabbir sostenibbli u biex l-ekonomija terġa' tqum fuq saqajha jeħtieġ li jkun hemm strateġiji politiċi industrijali koerenti u koordinati mill-Istati Membri, kif ukoll bidliet strutturali fil-fond. Jista' jinkiseb impatt konsiderevoli bl-iffaċilitar tal-bidla, l-aġevolazzjoni tal-innovazzjoni, il-promozzjoni tas-sostenibbiltà, it-titjib tal-ambjent intraprenditorjali u l-ibbenefikar mis-suq uniku. L-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji politiċi għandha tkun prijorità fil-bliet kapitali nazzjonali bħal ma hija fil-Kummissjoni.

Koordinazzjoni akbar ta' strateġiji politiċi fil-livell nazzjonali tista' tkun ta' lieva għan-nuqqas ta' fondi biex jinġiebu 'l quddiem l-innovazzjoni u t-tkabbir fi żminijiet ta' awsterità baġitarja. Fil-livell tal-UE, il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali[25] ġiet imfassla biex dawn l-objettivi jingħataw prijorità, bit-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tinvesti fl-innovazzjoni industrijali billi tnaqqas il-frammentazzjoni, tissimplifika r-regoli għall-benefiċjarji u żżid l-attenzjoni biex tinġieb aktar innovazzjoni fis-suq.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Istati Membri fi ħdan il-kuntest tal-Ewropa 2020, abbażi ta' approċċ koerenti fis-sorveljanza tal-progress tul iż-żmien, u billi tipprovdi l-ambjent meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-prassi t-tajba.

Il-Kummissjoni ser: Issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika industrijali tal-Istati Membri billi ġġib 'il quddiem u tissorvelja t-titjib strutturali li jiffavorixxi t-tkabbir biex tikseb il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020. Sal-ewwel tliet xhur tal-2012 tipprovdi forum għall-identifikazzjoni u d-diskussjoni dwar l-aqwa prassi fil-promozzjoni tat-tkabbir permezz tal-politika industrijali. |

- [1] http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_en.htm

[2] Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni. Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali, COM(2010) 614.

[3] http://ec.europa.eu/economy_finance/db_indicators/surveys/index_en.htm

[4] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/kets/hlg_report_final_en.pdf

[5] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta kooperazzjoni mtejba fil-qasam tal-ħolqien tal-ħarsien tal-privattiv unitarju. COM(2011) 215 finali, 13.4.2011.

[6] http://ec.europa.eu/energy/technology/set_plan/set_plan_en.htm

[7] Il-Komunikazzjoni "Roadmap to a Resource Efficient Europe", COM(2011) 571 finali, 20.09.2011

[8] CIRIEC 'The Social economy in the European Union' paġna 48

[9] Global entrepreneurship Monitor, Executive report 2009

[10] Pereżempju, fi Franza, l-assenza minħabba mard hija ħafna inqas mill-kumpaniji inġenerali: 5.5% minflok 22%, 'L-assenza mix-xogħol għal raġunijiet ta' saħħa fl-ekonomija soċjali', Chorum, April 2011, http://www.cides.chorum.fr

[11] Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, COM(2010) 2020

[12] Komunikazzjoni dwar l-Unjoni għall-Innovazzjoni COM(2010) 546 finali, 6 ta' Ottubru 2010

[13] Komunikazzjoni dwar il-'Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' COM(2010) 758 finali tas-16 ta' Diċembru 2010

[14] 'SMA – Twelve levers to boost growth and strengthen confidence', COM(2011) 206 finali tat-13 ta' April 2011

[15] http://ec.europa.eu/internal_market/smact/consultations/2011/debate/index_en.htm

[16] Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Konsolidata Komuni ta' Taxxa Korporattiva (CCCTB), COM (2011)121 tas-16.03.2011.

[17] http://www.europe-innova.eu/web/guest/innovation-in-services/expert-panel/about

[18] Att dwar is-Suq Uniku Tnax il-xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - "Flimkien għal tkabbir ġdid", COM(2011) 206 finali, 13.4.2011.

[19] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2011) 315 finali, 01.06.2011

[20] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

[21] "Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi", COM(2011) 20 finali, 27.1.2011.

[22] Reviżjoni tal-"Att dwar l-Impriżi Żgħar" għall-Ewropa, COM(2011)78/3, 23.02.2011.

[23] Azzjoni ewlenija tal-lieva 8 dwar l-Imprenditorija soċjali

[24] Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (tfassil mill-ġdid).

[25] Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 finali.