Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013) /* KUMM/2011/0489 finali - 2011/0217 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA · Il-Kuntest Ġenerali Iċ-ċittadinanza
tal-Unjoni, stipulata fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea (TFEU), hija mogħtija awtomatikament
liċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri u ttihom għadd ta'
drittijiet addizzjonali li jinkludu d-dritt li wieħed jiċċirkola
bil-libertà u d-dritt li jgħix fit-territorji ta' Stati Membri oħrajn
minbarra dak li wieħed ikun ċittadin tiegħu. Id-dritt li wieħed jiċċirkola u
jgħix bil-libertà fit-territorji tal-Istati Membri, stabbilit
fl-Artikolu 21 tat-TFEU u fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa wieħed mid-drittijiet individwali
mill-aktar meqjusin mogħtija mil-liġi Ewropea. Il-libertà
tal-moviment hija kważi sinonima maċ-ċittadinanza tal-Unjoni[1], li
tikkostitwixxi l-iżjed espressjoni tanġibbli tal-benefiċċji
marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni. B'mod aktar ġenerali,
l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu jikkontribwixxi lejn
it-tanġibbiltà ta' xi tfisser iċ-ċittadinanza fl-Unjoni
fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini: dawk iċ-ċittadini
li jestendu parti minn ħajjithom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali billi
jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra jew imorru jgħixu hemm,
bilfors iridu jistħarrġu dwar il-medda wiesgħa ta' drittijiet
mogħtija skont il-liġi tal-UE f'sitwazzjonijiet transkonfinali, u
jibbenefikaw minnhom: id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi fi
Stati Membri oħra, id-drittijiet tagħhom li jkollhom aċċess
għall-edukazzjoni, li l-kwalifiki professjonali tagħhom jiġu
rrikonoxxuti, li jkollhom aċċess għall-kura medika u li
jakkwistaw jew iżommu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali. Id-drittijiet mogħtijin
liċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvutaw u joħorġu bħala
kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet
muniċipali fl-Istat Membru tar-reżidenza tagħhom huma ta'
importanza ewlenija f'dan il-kuntest, għaliex jippermettu
liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jieħdu sehem fil-ħajja
demokratika tal-Unjoni fl-istess waqt li jgħinuhom jintegraw fis-soċjetà
tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Barra minn hekk, f'kuntest iżjed wiesa',
iċ-ċittadinanza fl-Unjoni hija marbuta mill-qrib mal-prinċipji
demokratiċi tal-Unjoni Ewropea[2]
li stabbiliet il-qafas għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini
fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. ·
Ir-raġunijiet għall-proposta u
l-għanijiet tagħha Fl-2009, kien stmat li madwar 11,9 miljun
ċittadin tal-Unjoni kienu qed jgħixu fi Stat Membru barra minn dak
nattiv tagħhom, u jista' jkun li bosta iżjed ċittadini
jfettlilhom jeżerċitaw dan id-dritt f'xi punt tul ħajjithom:
stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fl-2009[3] wera li
aktar minn terz (35 %) taċ-ċittadini Ewropej jikkunsidraw li
jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Iżda kif intwera mill-istess
stħarriġ, hemm mal-wieħed minn kull ħames Ewropej li
jħossu li hemm wisq ostakoli biex wieħed jaħdem fi Stat Membru
ieħor. Fi studju ieħor fl-2009[4] nstab li n-nuqqas ta' informazzjoni
(flimkien ma' diffikultajiet lingwistiċi) huwa l-aqwa ostakolu
għall-qsim tal-fruntiera ta' kuljum bejn ix-xogħol u d-dar, li
apparti mill-migrazzjoni transnazzjonali, huwa l-forma ewlenija ta' mobbiltà
tal-ħaddiema fl-UE. Dawn is-sejbiet ġew ikkonfermati bi
stħarriġ li sar fl-2010 li għamel investigazzjoni dwar
l-esperjenzi taċ-ċittadini Ewropej li eżerċitaw fir-realtà
d-dritt tagħhom ta' moviment liberu[5]. B'referenza għall-modi possibbli li
jistgħu jiffaċilitaw il-mobbiltà bejn Stat u ieħor fl-UE, dawk
li wieġbu enfasizzaw il-ħtieġa li ċ-ċittadini
tal-Unjoni jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom tagħrif
prattiku li hu speċifiku għal kull pajjiż, dwar id-drittijiet
tagħhom meta jkunu qegħdin joqogħdu fi Stat Membru mhux nattiv
tagħhom. Dan l-istħarriġ wera wkoll li t-tagħrif li
jeħtieġu ċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt ta'
moviment liberu mhuwiex limitat strettament għall-kundizzjonijiet dwar
l-użu ta' dan id-dritt: fost il-kwistjonijiet amministrattivi li kienu
stħarrġu n-nies qabel ma ġarrew fi Stat Membru ieħor,
it-tnejn li ssemmew l-iżjed kienu s-sigurtà soċjali u l-welfare u
r-rikonoxximent tad-diplomi akkademiċi. Jidher ċar li ċ-ċittadini li
jixtiequ jistudjaw, jaħdmu, jirtiraw, jgħixu fi Stat Membru
ieħor jeħtieġ li jkunu infurmati b'mod xieraq dwar id-drittijiet
differenti li huma disponibbli għalihom f'sitwazzjonijiet transkonfinali,
u li effettivament ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom fil-prattika.
Mingħajr dan it-tagħrif iċ-ċittadini ma jkunux jistgħu
jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-għarfien dwar
l-użu tad-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu. B'mod aktar ġenerali, l-għarfien
taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu, u
aktar ġenerali dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini
tal-Unjoni huwa kruċjali biex l-individwi, in-negozji u s-soċjetà
kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-medda sħiħa ta'
opportunitajiet disponibbli fis-suq waħdieni. Il-lakuni sinifikanti fl-għarfien
taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom intwerew minn
stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2010[6], dan wera li minkejja li l-Ewropej
ġeneralment jirrikonoxxu l-istatus tagħhom bħala ċittadini
tal-Unjoni (79 % jgħidu li t-terminu "ċittadin tal-Unjoni
Ewropea" huwa familjari għalihom), ma għandhomx għarfien
konkret dwar it-tifsira eżatta tad-drittijiet li huma marbutin ma' dan
l-istatus. B'mod aktar speċifiku, huma 43 % biss li jafu xi jfisser
it-terminu "ċittadin tal-Unjoni Ewropea" u kważi nofs
iċ-ċittadini Ewropej (48 %) jgħidu li "mhumiex
mgħarrfa sew" dwar id-drittijiet tagħhom. Fir-Rapport tal-2010 dwar
iċ-Ċittadinanza fl-UE, "Dismantling the obstacles to EU
citizens' rights"[7],
il-Kummissjoni identifikat l-ostakoli ewlenin li għadhom
jiffaċċaw iċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum meta
jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala
ċittadini tal-Unjoni, u ddelinjat 25 azzjoni tanġibbli li
jistgħu jsiru biex jitneħħew dawn l-ostakoli. Fil-kuntest ta'
dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċ-ċittadini
tal-Unjoni ma jistgħux jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom
għaliex jonqoshom l-għarfien dwarhom, u ħabbret il-ħsieb
tagħha li tintensifika t-tixrid fost iċ-ċittadini tal-Unjoni
tat-tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom, u b'mod partikolari dwar
id-drittijiet tal-moviment liberu. L-għażla li l-2013 tkun is-Sena
Ewropea taċ-Ċittadini, li twassal għall-organizzazzjoni ta'
attivitajiet iċċentrati fuq iċ-ċittadinanza fl-UE u
għal politiki li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadinanza matul din
is-sena, għalhekk, fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza
fl-UE, hija elenkata bħala waħda mill-azzjonijiet li għandha
tiġi implimentata biex jitranġa dan in-nuqqas ta' għarfien. L-għan ġenerali tas-Sena Ewropea
taċ-Ċittadini huwa li jiżgura li ċ-ċittadini
tal-Unjoni kollha jsiru jafu bid-drittijiet li jistgħu jgawdu minnhom
f'kuntest transkonfinali b'riħet l-istatus tagħhom ta' ċittadini
tal-Unjoni, u b'hekk huma jkunu jistgħu jieħdu
deċiżjonijiet imsejsa fuq l-għarfien dwar jekk għandhomx
jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu u
għall-faċilitazzzjoni tal-eżerċitar effettiv ta' dan
id-dritt. Is-Sena Ewropea, b'mod iktar speċifiku se timmira li: –
iżżid l-għarfien
taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-dritt tagħhom li jsiefru u
jmorru jgħixu liberament fl-Unjoni Ewropea, u b'mod iżjed
ġenerali dwar id-drittijiet iggarantiti għaċ-ċittadini
tal-Unjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali, inkluż id-dritt li
jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni; –
iżżid l-għarfien
taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar kif jistgħu, b'mod reali,
jibbenefikaw mid-drittijiet u l-politiki tal-UE waqt li jkunu qegħdin
jgħixu fi Stat Membru mhux nattiv tagħhom, u
tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom
fil-forums ċiviċi dwar politiki u kwistjonijiet tal-Unjoni; –
tħeġġeġ dibattitu dwar l-impatt
u l-potenzjal tad-dritt ta' moviment liberu bħala aspett inaljenabbli
taċ-ċittadinanza fl-UE, b'mod partikolari mill-perspettiva
tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-fehim reċiproku
fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, u tal-għaqda bejn
iċ-ċittadini u l-Unjoni. ·
Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet
oħra tal-Unjoni Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini
proposta tutilizza r-rabta b'saħħitha u l-assoċjazzjoni
pożittiva li hemm f'imħuħ iċ-ċittadini bejn id-dritt
ta' moviment liberu u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, bil-għan li
tagħti sinifikat reali liċ-Ċittadinanza tal-Unjoni. B'hekk
tattiva l-għan politiku tal-Kummissjoni li tqiegħed
liċ-ċittadini fil-qalba tal-aġenda politika tal-UE u li
tgħin biex iċ-ċittadinanza fl-Unjoni ssir realtà tanġibbli
fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Is-Sena Ewropea proposta tagħti dak li
wiegħed il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso fil-linji
gwida politiċi għall-Kummissjoni l-ġdida li kien ħabbar
fit-3 ta' Settembru 2009, li tissaħħaħ
iċ-ċittadinanza tal-UE billi terġa' tingħata l-ħajja
lir-rabta ta' bejn iċ-ċittadini u l-UE u billi jkun żgurat li
d-drittijiet tagħhom jitwettqu fir-realtà. Is-Sena Ewropea twettaq ukoll
ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-qagħda tad-drittijiet
fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara
d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. F'din
ir-riżoluzzjoni l-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex
tinnomina l-2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza biex
tagħti imbuttatura lid-dibattitu dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u
tgħarraf liċ-ċittadini tal-Unjoni bid-drittijiet tagħhom,
b’mod partikolari d-drittijiet il-ġodda li jirriżultaw mid-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. B'riżultat ta' dan, il-pjan
għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 ġie
ppreżentat lill-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni
fit-18 ta' Jannar 2011. Bl-istess mod, is-Sena Ewropea proposta
tkompli mal-Programm ta' Stokkolma[8],
li jqiegħed liċ-ċittadin fil-qalba tal-politiki Ewropej
fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u jiffoka l-azzjonijiet
tiegħu fuq "il-bini ta' Ewropa għaċ-ċittadini",
fost oħrajn billi jiżgura li jista' jiġi eżerċitat
fis-sħiħ id-dritt taċ-ċittadin ta' moviment liberu. L-għan tas-Sena Ewropea proposta huwa
konsistenti wkoll mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020,
mill-aspett li l-iffaċilitar tal-moviment liberu u tal-mobbiltà
tal-ħaddiema ġew affermati fl-inizjattivi ewlenin
"Żgħażagħ Attivi" u "l-Aġenda
għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi"[9], kif
ukoll "Is-Sena Ewropea għall-Mobbiltà tal-Ħaddiema" tal-2006
u sussegwentement "Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobbiltà
tal-Impjiegi"[10]
bħala mod li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tibdil demografiku
fis-suq tax-xogħol u li jiżdiedu l-impjegabbiltà tan-nies u
l-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej. B'mod aktar ġenerali, il-moviment liberu
jew jippermetti, bħala prerekwiżit meħtieġ, jew
iħeġġeġ l-eżerċizju transkonfinali ta' medda
wiesgħa ta' drittijiet tal-UE, bħalma huma d-drittijiet tas-sigurtà
soċjali, id-dritt li jfittxu x-xogħol u jaħdmu, id-drittijiet
bħala passiġġieri jew turisti, jew id-drittijiet tagħhom
li, bħala konsumaturi jkollhom aċċess
għall-oġġetti u s-servizzi fi Stati Membri oħra.
L-iffaċilitar tal-moviment liberu għaldaqstant jista' fost
oħrajn jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-inizjattiva
riċenti tal-Kummissjoni għat-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku[11], billi
dan jista' jħeġġeġ liċ-ċittadini biex jisfruttaw
b'mod sħiħ l-opportunitajiet li joffri s-suq uniku. Barra minn hekk,
is-Sena Ewropea b'mod dirett se tagħti spinta lill-għarfien dwar dawn
l-opportunitajiet u d-drittijiet, billi din se timmira li tipprovdi
l-informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-drittijiet rilevanti kollha
tagħhom f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Apparti minn hekk, is-Sena Ewropea proposta se
tkompli tibni fuq ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza u se
tikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għat-twettiq tal-mira ta' dan
ir-rapport, jiġifieri t-tneħħija tal-ostakoli persistenti
għall-isfruttar effettiv tad-drittijiet taċ-ċittadini
tal-Unjoni. Fuq l-evidenza tal-problemi ewlenin li
jiffaċċjaw iċ-ċittadini meta jippruvaw jeżerċitaw
id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, partikolarment
f'sitwazzjonijiet transkonfinali, dan ir-rapport identifika mhux biss
l-ostakoli persistenti fejn għandu x'jaqsam il-moviment liberu biss,
iżda wkoll għadd ta' kwistjonijiet oħra li jinteressaw
direttament lil dawk iċ-ċittadini li jagħmlu l-ħsieb li
jeżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu, li dwarhom jeħtieġ
li l-UE żżid l-isforzi sal-limiti tal-kompetenzi tagħha biex
ixxerred it-tagħrif u tneħħi t-tfixkil li fadal. Kwistjonijiet
ta' dan it-tip jinkludu d-drittijiet tal-proprjetà ta' koppji internazzjonali;
ir-rikonoxximent transkonfinali ta' dokumenti dwar l-istat ċivili; il-protezzjoni
ta' persuni li jkunu taħt suspett jew akkużati fil-proċedimenti
kriminali; problemi dwar it-tassazzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;
kwistjonijiet rigward il-kura tas-saħħa u t-teknoloġija
tal-eHealth; id-drittijiet tal-passiġġieri u tat-turisti;
id-drittijiet tal-konsumaturi; ir-rikonoxximent ta' diplomi akkademiċi u
kwalifiki professjonali; kwistjonijiet dwar is-sigurtà soċjali;
l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali, u l-għarfien ta' xi
jfisser li wieħed ikun ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-Sena Ewropea
taċ-Ċittadini tista' tuża b'mod estensiv is-sejbiet tar-Rapport
tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza biex tiffoka aħjar il-miri u
l-azzjonijiet tagħha fuq dawk il-kwistjonijiet li huma l-iżjed
rilevanti biex tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini
tal-Unjoni. Fl-istess ħin, is-Sena Ewropea tista'
tappoġġa l-proċess imniedi mill-Kummissjoni, kif imħabbar
fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza,
għall-identifikazzjoni ta' aktar ostakoli u tas-soluzzjonijiet biex dawn
jiġu eliminati, fil-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, u tista'
tipprovdi qafas għall-pubblikazzjoni, fl-2013, ta' pjan ta' azzjoni biex
titkompla t-tneħħija tal-ostakoli persistenti li ma jippermettux
liċ-ċittadini jibbenefikaw b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom
bħala ċittadini. Billi tikkontribwixxi għal dan
l-eżerċizzju li hu mmirat biex jiżgura li ċ-ċittadini
tal-Unjoni jkunu jistgħu effettivament jutilizzaw id-drittijiet
tagħhom skont il-liġijiet tal-UE, is-Sena Ewropea
taċ-Ċittadini tista' tgħin fit-twettiq tal-għan
tal-Artikolu 20(2) TFUE, li jgħid li ċ-ċittadini tal-Unjoni
"għandhom jibbenefikaw" mid-drittijiet tagħhom skont
it-Trattati, u dan jinkludi d-dritt ta' moviment liberu. Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013
tipprovdi wkoll opportunità f'waqtha li tingħata viżibbiltà
liċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-benefiċċji tanġibbli
tagħha għall-individwi, minħabba li dik is-sena se jiġi
ċċelebrat l-20 anniversarju tal-istabbiliment
taċ-ċittadinanza tal-Ewropa permezz tat-Trattat ta' Maastricht. Barra
minn hekk, billi turi l-impatt konkret tal-politiki tal-Unjoni fuq ħajjet
iċ-ċittadini, is-Sena Ewropea tkun tenfasizza l-importanza
tal-kontribut taċ-ċittadini biex jagħmlu effett reali fuq
id-drittijiet tagħhom u, b'mod ġenerali biex jiffurmaw
il-proġett Ewropew. Flimkien ma' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet
elettorali taċ-ċittadini fl-Istati Membri ta' residenza tagħhom,
dak se jkun kruċjali wkoll għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
tal-2014. L-impatt ta' dawn l-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni jiġi
mkattar mill-koordinazzjoni mill-qrib u s-sinerġiji ma' azzjonijiet
rilevanti implimentati minn istituzzjonijiet oħra tal-UE, b'mod notevoli,
il-Parlament Ewropew, u mill-Istati Membri fiż-żmien ta' qabel dawn
l-elezzjonijiet. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT ·
Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika
mwettqa mill-Kummissjoni dwar "Id-drittijiet taċ-ċittadini
tal-UE – it-triq 'il quddiem", li ttemmet
fil-15 ta' Ġunju 2010, u tal-konferenza dwar din it-tema li
saret fl-1 u fit-2 ta' Lulju 2010, l-organizzazzjonijiet
soċjali ċivili qablu ħafna mal-idea li l-politiki tal-UE
għandhom ikunu ffokati fuq xi tfisser iċ-ċittadinanza fl-Unjoni
u fuq id-drittijiet marbutin magħha, kif ukoll fuq mezzi li jwasslu biex
iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jkollha sinifikat reali fil-ħajja
tan-nies. Partijiet interessati ewlenin tas-soċjetà ċivili wrew ukoll
l-appoġġ qawwi tagħhom għal-azzjonijiet ta'
sensitizzazzjoni mmirati biex inaqqsu d-distakk bejn ir-regoli legali li
jiggarantixxu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u r-realtà
tal-ostakoli li jiffaċċaw iċ-ċittadini. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-pjan
għal Sena Ewropea taċ-ċittadini
fil-15 ta' Diċembru 2010 fil-qafas tad-djalogu regolari
tagħha mas-soċjetà ċivili. F'dan il-kuntest kienu ntlaqgħu
tajjeb b'mod partikolari l-azzjonijiet li jiffokaw fuq ċerti aspetti
tal-eżerċizzju tad-drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza
tal-Unjoni, bħal l-inkoraġġiment liċ-ċittadini biex
ikunu attivi fis-soċjetà u jieħdu sehem attiv tagħhom biex
id-demokrazija parteċipattiva ssir realtà. ·
Ġbir u użu ta’ kompetenza Id-dejta rilevanti nġabret permezz ta'
għadd ta' stħarriġiet u studji reċenti tal-Ewrobarometru li
ssemmew hawn fuq fit-taqsima " Ir-raġunijiet għall-proposta u
l-għanijiet tagħha". ·
Valutazzjoni tal-impatt Twettqet valutazzjoni ex-ante[12]. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA ·
Taqsira tal-azzjoni proposta Is-Sena Ewropea għandha l-għan li
tqajjem l-għarfien fost il-mezzi tax-xandir u l-pubbliku dwar
id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni biex b'hekk
l-eżerċizzju tad-dritt ta' moviment liberu u tar-residenza jsir
iżjed faċli. Biex dan jinkiseb, hija se tqajjem
l-għarfien taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-dritt tagħhom
ta' moviment liberu, u b'mod iżjed ġenerali dwar id-drittijiet li huma
garantiti għalihom f'sitwazzjonijiet transkonfinali, inkluż id-dritt
li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Barra minn hekk, se tqajjem l-għarfien
taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar kif jistgħu jibbenefikaw
mid-drittijiet u l-politiki tal-UE meta jimirħu 'l barra mill-fruntieri
nazzjonali tagħhom, anki billi tħeġġeġ
il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forums ċiviċi dwar
kwistjonijiet u politiki tal-Unjoni. Is-Sena Ewropea se tniedi wkoll dibattitu dwar
l-impatt u l-potenzjal tad-dritt ta' moviment liberu bħala aspett
inaljenabbli taċ-ċittadinanza fl-UE, b'mod partikolari
mill-perspettiva tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-fehim
reċiproku fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, u tal-għaqda bejn
iċ-ċittadini u l-Unjoni. ·
Bażi legali L-Artikolu 20(2) TFEU jistipula li
ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet u
jkunu soġġetti għad-dmirijiet preskritti fit-Trattati, u li
jkollhom, fost oħrajn, id-dritt li jsiefru u jmorru jgħixu liberament
fit-territorji tal-Istati Membri. Id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni
ta' moviment liberu u tar-residenza huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 21(1)
tat-Trattat, li jgħid hekk: "Kull ċittadin tal-Unjoni
għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod
liberament fit-territorji tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u
l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet
meħuda sabiex dan jitwettaq." L-iskop ewlieni tal-proposta għal
Deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini huwa biex ikun
iffaċilitat l-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tad-dritt
li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament
fit-territorji tal-Istati Membri billi jiżdied l-għarfien
tagħhom dwar id-drittijiet li għandhom igawdu bħala
ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-mira tagħha taqa'
fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tat-Trattat. Sadattant,
il-proposta tista' tkun strumentali biex iġġib fir-realtà l-mira
tal-Artikolu 20(2) TFEU, li jistipula li ċ-ċittadini tal-Unjoni
"għandhom igawdu" d-drittijiet skont it-Trattati, inkluż
id-dritt ta' moviment liberu. Din il-proposta għalhekk għandha
l-bażi legali fl-Artikolu 21(2) TFEU, li jistipula li, jekk ikun hemm
il-ħtieġa ta' azzjoni mill-Unjoni sabiex dan il-għan
jintlaħaq u t-Trattati ma pprovdewx il-poteri meħtieġa,
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet
bl-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet
imsemmija fil-paragrafu 1. · Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-kwistjoni ewlenija li tfittex li tindirizza
s-Sena Ewropea proposta hija n-nuqqas ta' konoxxenza u ta' għarfien
konkret taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-dritt ta' moviment liberu u
ta' residenza, flimkien ma' drittijiet oħra li għandhom jedd
għalihom bħala ċittadini tal-Unjoni, partikolarment
f'sitwazzjonijiet transkonfinali. In-nuqqas ta' viżibbiltà
taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-benefiċċji tanġibbli
tagħha għall-individwi, li hija l-qofol ta' din il-kwistjoni, hija
ta' natura transnazzjonali. Minkejja li l-Istati Membri għad għandhom
l-ewwel responsabbiltà għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini
dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni,
l-indirizzar ta' din il-problema b'azzjonijiet xierqa jeħtieġ
sħubiji multilaterali, tpartit transnazzjonali ta' tagħrif u esperjenza
u sensibilizzazzjoni u tifrix ta' prattika tajba madwar l-Unjoni kollha.
Għalhekk, l-għanijiet tas-Sena Ewropea proposta jistgħu
jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. ·
Il-prinċipju tal-proporzjonalità Kif hemm imsemmi fil-valutazzjoni ex-ante
li takkumpanja lil din il-proposta[13],
l-azzjonijiet li jridu jiġu implimentati fis-Sena Ewropea proposta ma
jmorrux oltri dak li jinħtieġ biex tilħaq il-miri tagħha.
Għaldaqstant il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità
kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. · Impatt fuq id-drittijiet fundamentali Id-dritt taċ-ċittadini
għall-moviment liberu u tar-residenza huwa stabbilit fl-Artikolu 45
tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Billi s-Sena Ewropea proposta
timmira li tiffaċilita l-eżerċizzju ta' dan id-dritt, hi se
jkollha impatt pożittiv sinifikanti fit-titjib tal-implimentazzjoni
effettiva ta' din il-Karta. 4. IMPLIKAZZJONI TAL-BAĠIT
L-ebda finanzjament addizzjonali mhu mitlub
għas-Sena Ewropea. Il-flessibbiltà għall-iffissar annwali
tal-prijoritajiet ibbażat fuq il-linji baġitarji u l-programmi
tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tipprovdi marġni
finanzjarju suffijenti għat-tmexxija tas-Sena fuq skala ta' miljun euro. 2011/0217 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini
(2013) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2)
tiegħu Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[15],
B'aġir skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
L-Artikolu 20(1) tat-Trattat jistabbilixxi li
ċ-ċittadinanza fl-Unjoni hija addizzjonali
għaċ-Ċittadinanza tal-Istati Membri rispettivi, u jistipula li
kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza fi Stat Membru
għandha tkun ċittadina tal-Unjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 20
jispeċifika li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jibbenefikaw
mid-drittijiet u jkunu soġġetti għad-dmirijiet preskritti
fit-Trattati, u li jkollhom, fost oħrajn, id-dritt li jsiefru u jmorru
jgħixu liberament fit-territorji tal-Istati Membri. Id-dritt taċ-ċittadini
tal-Unjoni ta' moviment liberu u ta' residenza huwa stabbilit ukoll
fl-Artikolu 21 tat-Trattat. (2)
Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta'
Lisbona saħħaħ l-istatus taċ-ċittadinanza fl-Unjoni u
żied mad-drittijiet marbutin magħha, inkluż bl-introduzzjoni ta'
dritt ġdid, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, li tippermetti lil
miljun ċittadin, minn għadd sinifikanti ta' Stati Membri, li jitolbu
lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta fi kwalunkwe qasam ta'
responsabbiltà tal-UE. (3)
Id-drittijiet li huma inerenti fiċ-ċittadinanza
huma inkorporati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Skont il-Preambolu tal-Karta, l-Unjoni "tqiegħed lill-individwu
fil-qalba tal-attivitajiet tagħha billi tistabbilixxi ċittadinanza
tal-Unjoni u billi toħloq spazju ta' libertà, sigurtà u
ġustizzja". Il-Kapitolu V tal-Karta tistabbilixxi
"id-drittijiet taċ-Ċittadini", inkluż,
fl-Artikolu 45, id-dritt ta' kull ċittadin tal-Unjoni li
jiċċirkola u jgħix bla xkiel fit-territorji tal-Istati Membri. (4)
Bl-istess mod, il-Programm ta' Stokkolma[16]
jqiegħed liċ-ċittadin fil-qalba tal-politiki Ewropej fil-qasam
tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Huwa jiffoka l-azzjonijiet
tiegħu fuq "il-binja ta' Ewropa għaċ-ċittadini",
billi jiżgura, fost affarijiet oħrajn, l-eżerċizzju
sħiħ tad-dritt taċ-ċittadini ta' moviment liberu. (5)
Fir-"Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-qagħda tad-drittijiet
fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara
d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona"[17] il-Parlament
Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tiddedika s-Sena Ewropea 2013
għaċ-ċittadinanza biex tqajjem id-dibattitu dwar
iċ-ċittadinanza fl-Unjoni u biex tgħarraf
liċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-drittijiet tagħhom, b'mod
partikolari dwar id-drittijiet ġodda li rriżultaw bid-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. (6)
Mill-introduzzjoni tiegħu fit-Trattat ta' Ruma
fl-1957 bħala wieħed mill-erba' libertajiet fundamentali, id-dritt
ta' moviment liberu u ta' residenza wera l-valur tiegħu bħala
wieħed mill-pilastri għall-ħolqien ta' suq waħdieni
għall-benefiċċju kemm tal-ekonomiji tal-Istati Membri, kif ukoll
tal-individwi ċittadini. (7)
B'mod partikolari, il-moviment liberu u l-mobbiltà
tal-ħaddiema jgħinu biex jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tibdil
demografiku fuq is-suq tax-xogħol filwaqt li jżidu l-impjegabbiltà
tan-nies u l-kompetittività tal-industriji Ewropej. Fl-istess ħin,
il-moviment liberu jew jippermetti, bħala kundizzjoni essenzjali, jew
iħeġġeġ l-eżerċizzju miċ-ċittadini, ta'
medda wiesgħa ta' drittijiet li hemm disponibbli għalihom
fil-liġi tal-Unjoni, bħalma huma d-drittijiet tagħhom li
jkollhom aċċess għall-prodotti u s-servizzi bħala
konsumaturi, jew id-drittijiet li għandhom bħala passiġġieri
u turisti. Il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu għalhekk
għandha l-potenzjal li ttejjeb l-opportunitajiet taċ-ċittadini
li jibbenefikaw b'mod sħiħ mis-suq waħdieni filwaqt li hija
mutur ewlieni għat-tkabbir. (8)
Id-dritt li wieħed imur minn post għal
ieħor u li joqgħod liberament fit-territorji tal-Istati Membri huwa
apprezzat ħafna miċ-ċittadini tal-Unjoni bħala dritt
ewlieni tal-individwu li jiġi direttament miċ-ċittadinanza
fl-Unjoni. F'dan is-sens, huwa juri u jippromwovi fehim aħjar tal-valur
tal-integrazzjoni Ewropea, kif ukoll il-parteċipazzjoni
taċ-ċittadini fil-formazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Meta
ċ-ċittadini jestendu parti minn ħajjithom lil hinn
mill-fruntieri nazzjonali billi jivvjaġġaw lejn Stati Membri
oħra jew imorru jgħixu hemm, huma jsiru konxji tal-medda wiesgħa
ta' drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-Unjoni f'sitwazzjonijiet
transkonfinali, u jisfruttawhom. L-eżerċizju tad-dritt ta' moviment
liberu u ta' residenza għalhekk jikkontribwixxi biex jagħmel
iċ-ċittadinanza fl-Ewropa realtà tanġibbli fil-ħajja ta'
kuljum taċ-ċittadini. (9)
Minkejja li d-dritt ta' moviment liberu u ta'
residenza huwa stabbilit sew fil-leġiżlazzjoni ewlenija tal-Unjoni, u
li ġie żviluppat b'mod sostanzjali fil-leġiżlazzjoni
sekondarja, għad hemm lakuna bejn ir-regoli legali applikabbli u r-realtà
li jiffaċċaw iċ-ċittadini meta jippruvaw
jeżerċitaw dan id-dritt fil-prattika. Barra mill-inċertezza dwar
il-vantaġġi tal-mobbiltà, iċ-ċittadini tal-Unjoni jsibu
wisq ostakoli materjali biex imorru joqogħdu u jaħdmu fi Stat
ieħor tal-Unjoni. (10)
Fir-Rapport 2010 dwar
iċ-Ċittadinanza tal-UE, "Dismantling the obstacles to EU
citizens' rights"[18],
il-Kummissjoni indirizzat l-ostakoli ewlenin li għadhom
jiffaċċaw iċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum meta
jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala
ċittadini tal-Unjoni, u elenkat 25 azzjoni tanġibbli li
jistgħu jsiru biex jitneħħew dawn l-ostakoli. Wieħed
mill-ostakoli li ġie identifikat f'dan il-kuntest kien in-nuqqas ta'
għarfien. Fir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE,
il-Kummissjoni kkonkludiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux
jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom għaliex jonqoshom l-għarfien
dwarhom, u ħabbret il-ħsieb tagħha li tintensifika t-tixrid fost
iċ-ċittadini tal-Unjoni tat-tagħrif dwar id-drittijiet
tagħhom, u b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-moviment liberu. (11)
Minħabba li d-dritt ta' moviment liberu
jtejjeb b'mod sinifikanti l-ħajja tal-individwi, huwa essenzjali li
t-tagħrif dwar l-eżistenza ta' dan id-dritt u dwar il-kundizzjonijiet
biex wieħed jeżerċitah ikun disponibbli fuq firxa kemm jista'
jkun wiesgħa. Billi ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jistgħu
jibbenefikaw minn dan id-dritt, l-isforzi ta' sensibilizzazzjoni għandhom
isiru mal-Unjoni kollha. (12)
Iżda, biex tgħin liċ-ċittadini
jieħdu deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tagħhom
tad-dritt ta' moviment liberu li jkunu bbażati fuq it-tagħrif,
mhuwiex biżżejjed li tinġibdilhom l-attenzjoni biss fuq dan
id-dritt ta' moviment liberu; jeħtieġ li ċ-ċittadini
tal-Unjoni jkunu mgħarrfa b'mod xieraq dwar id-drittijiet l-oħra li
hemm disponibbli għalihom skont il-liġijiet tal-Unjoni f'kuntest
transkulturali. Dan it-tagħrif ikun jgħinhom ukoll biex jibbenefikaw
b'mod sħiħ minn dawn id-drittijiet jekk huma jiddeċiedu li
jeżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu. (13)
Mod partikolari, iċ-ċittadini li jkunu
qed jaħsbuha għandhomx jeżerċitaw id-dritt ta' moviment
liberu għandhom jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet li jakkwistaw
jew iżommu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali permezz tar-regoli
tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali; dawn
ir-regoli jiżguraw li huma ma jitilfux id-drittijiet tagħhom
tas-sigurtà soċjali jekk jagħżlu li jmorru minn post għal
ieħor fl-Ewropa. Għandhom jiġu mgħarrfa wkoll dwar id-dritt
li l-kwalifiki professjonali tagħhom jiġu rikonoxxuti u dwar
il-kompetenzi soċjali u ċivili li jiffurmaw parti mill-qafas Ewropew
ta' "Kompetenzi Ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja"[19] u li
jistgħu jgħinuhom biex jieħdu sehem sħiħ
fil-ħajja ċivika u jtuhom is-setgħa li jeżerċitaw
id-drittijiet tagħhom skont il-liġijiet tal-Unjoni. (14)
F'dan il-kuntest, iċ-ċittadini
għandhom ikunu infurmati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom
bħala passiġġieri meta jkunu qed jivvjaġġaw bi
kwalunkwe mezz ta' trasport fl-Unjoni Ewropea, u dwar id-drittijiet
transkonfinali tagħhom bħala konsumaturi. Jekk iċ-ċittadini
jkollhom fiduċja li d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi huma
mħarsin b'mod effettiv, huma jikkontribwixxu aktar biex is-suq Ewropew
għall-prodotti u s-servizzi jiżviluppa għall-potenzjal kollu
tiegħu, u b'hekk ikunu jistgħu jgawdu aħjar
il-benefiċċji minnu. Bl-istess mod iċ-ċittadini
għandhom ikunu infurmati aħjar dwar ir-regoli tas-sikurezza
ġenerali tal-prodotti u tas-sorveljanza tas-suq, biex ikunu jafu kif
saħħithom u d-drittijiet tagħhom huma mħarsa mal-UE kollha,
partikolarment fil-każ ta' theddid jew riskji li huma, bħala individwi,
ma jkunux jistgħu jlaħħqu magħhom. Huwa importanti wkoll li
jittejjeb l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-kura
tas-saħħa transkonfinali, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod
sħiħ minn kura tas-saħħa sikura u ta' kwalità tajba f'kull
pajjiż tal-Ewropa. (15)
L-għarfien tad-drittijiet elettorali li huma
garantiti għaċ-ċittadini tal-Unjoni huwa ta' importanza ewlenija
f'dan ir-rigward. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikunu jafu
bid-dritt tagħhom li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati
fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn
joqogħdu. Fl-istess ħin, il-parteċipazzjoni fil-politika tista'
tikkontribwixxi għall-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni
fis-soċjetà tal-Istat Membru li jkunu għażlu li jgħixu fih. (16)
Iżjed ma jkunu jafu ċ-ċittadini dwar
il-benefiċċji, għalihom bħala individwi u
għas-soċjetà, ta' dawn id-drittijiet, iżjed jistgħu
jħossu li jappartjenu għall-Unjoni u jħossu lealtà lejha. (17)
Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013 tkun
toffri opportunità f'waqtha biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar
id-drittijiet li hemm marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u b'hekk
tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ta' ffaċilitar
tal-eżerċizzju tad-dritt ta' moviment liberu. (18)
Is-sena 2013 se tkun għeluq
l-20 sena mit-twaqqif taċ-ċittadinanza tal-Unjoni bit-Trattat
ta' Maastricht, li daħal fis-seħħ
fl-1 ta' Novembru 1993. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini
se tkun immarkata bis-segwitu tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE
u bi pjan ta' azzjoni biex titkompla t-tneħħija tal-ostakoli li
għad fadal ixekklu liċ-ċittadini milli jibbenefikaw
mid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni. Din is-Sena
Ewropea se tagħti viżibbiltà liċ-ċittadinanza tal-Unjoni u
lill-benefiċċji tanġibbli tagħha għall-individwi, anki
billi turi l-impatt materjali tal-politiki tal-Unjoni fil-ħajja
taċ-ċittadini, partikolarment fit-tneħħija tal-ostakoli
mit-tgawdija tad-drittijiet. (19)
Is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet
taċ-ċittadini, inklużi d-drittijiet elettorali fl-Istat Membru
fejn joqogħdu, hija importanti wkoll minħabba l-elezzjonijiet
tal-Parlament Ewropew tal-2014. L-impatt ta' dawn l-azzjonijiet ta'
sensibilizzazzjoni għandu jiġi mkattar mill-koordinazzjoni mill-qrib
u bl-użu tas-sinerġiji ma' azzjonijiet rilevanti implimentati minn
istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, b'mod notevoli, il-Parlament Ewropew, u
mill-Istati Membri fiż-żmien ta' qabel dawn l-elezzjonijiet. (20)
Biex jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza
tal-attivitajiet maħsubin għas-sena tal-implimentazzjoni (2013),
jeħtieġ li jitwettqu għadd ta' azzjonijiet preparatorji
bir-rispett sħiħ tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament Finanzjarju[20]. (21)
Din is-Sena Ewropea għandha tisfrutta
bis-sħiħ l-għodda ta' parteċipazzjoni eżistenti u
d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea biex tħeġġeġ l-involviment taċ-ċittadini
fil-proċess ta' implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-2013 biex
jitneħħew l-impedimenti għall-eżerċizzju
tad-drittijiet u, b'mod iżjed ġenerali, fl-identifikazzjoni ta'
politiki tal-Unjoni li jattwaw id-drittijiet tagħhom b'mod konkret.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej se jkollhom rwol
ċentrali f'dan ir-rigward. (22)
Ir-responsabbiltà ewlenija
għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet
tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni hija tal-Istati Membri;
l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tikkomplementa u żżid mal-azzjonijiet
nazzjonali f'dan ir-rigward, kif enfasizzat fl-istqarrija politika,
"Communicating Europe in Partnership" li ġiet iffirmata
fit-22 ta' Ottubru 2008 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u
mill-Kummissjoni[21]. (23)
Minħabba l-kobor tal-azzjoni proposta, u
partikolarment minħabba l-ħtieġa ta' sħubiji multilaterali,
ta' skambju transnazzjonali ta' informazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni u
t-tixrid ta' prattika tajba mal-Unjoni kollha, l-għanijiet tas-Sena Ewropea
proposta jkunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni.
L-Unjoni tista' għalhekk tadotta miżuri rilevanti skont
il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat
dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif
stabbilit fl-istess Artikolu, din id-deċiżjoni ma tmurx oltri dak li
hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. (24)
Għandhom jittieħdu miżuri xierqa
biex ma jitħallewx iseħħu irregolaritajiet u frodi u
għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati
fondi mitlufa, imħallsa meta mhux dovuti jew użati ħażin,
skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95
tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi
finanzjarji tal-Komunità Ewropea[22]
u (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar
il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex
tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u
irregolarijiet oħra[23]
u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999
dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra
l-Frodi (OLAF)[24]. (25)
Jista' jingħata finanzjament mill-Unjoni
għal attivitajiet oħrajn minbarra dawk iffinanzjati skont
il-baġit tas-Sena Ewropea permezz ta' programmi eżistenti tal-Unjoni
jew mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-programm "Ewropa
għaċ-Ċittadini" u l-programm "Id-Drittijiet
Fundamentali u ċ-Ċittadinanza", ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Suġġett Is-sena 2013 se tkun iddedikata
bħala "Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini" (minn hawn 'il
quddiem "Is-Sena Ewropea"). Artikolu 2 Għanijiet L-għan ġenerali tas-Sena Ewropea se
jkun biex iżid l-għarfien dwar id-drittijiet marbutin
maċ-ċittadinanza fl-Unjoni, biex iċ-ċittadini jiġu
mgħejjuna jisfruttaw bis-sħiħ id-dritt li jmorru minn post
għal ieħor u joqogħdu liberament fejn iridu fit-territorji
tal-Istati Membri. F'dan il-kuntest, is-Sena Ewropea se tiffoka, fost
affarijiet oħra, fuq l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni
ċivika u fuq l-aċċess għad-drittijiet taċ-ċittadini
li joqogħdu fi Stat Membru mhux nattiv tagħhom, mill-istudenti,
l-ħaddiema, l-konsumaturi, u l-fornituri ta' prodotti u servizzi fl-Unjoni
kollha. Abbażi ta' dan, l-għanijiet
speċifiċi tas-Sena Ewropea se jkunu: –
li żżid l-għarfien
taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar id-dritt tagħhom li jsiefru u
jmorru jgħixu liberament fl-Unjoni Ewropea, u b'mod iżjed
ġenerali dwar id-drittijiet iggarantiti għaċ-ċittadini
tal-Unjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali, inkluż id-dritt li
jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni; –
li żżid l-għarfien
taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar kif jistgħu, b'mod reali,
jibbenefikaw mid-drittijiet u l-politiki tal-Unjoni waqt li jkunu qegħdin
jgħixu fi Stat Membru mhux nattiv tagħhom, u tħeġġeġ
il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-forums ċiviċi dwar
politiki u kwistjonijiet tal-Unjoni; –
li tħeġġeġ dibattitu dwar
l-impatt u l-potenzjal tad-dritt għall-moviment liberu bħala aspett
inaljenabbli taċ-ċittadinanza fl-UE, b'mod partikolari
mill-perspettiva tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-fehim
reċiproku fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, u tal-għaqda bejn
iċ-ċittadini u l-Unjoni. Artikolu 3 Inizjattivi
involuti 1.
Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex
jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 jistgħu jinkludu
l-inizjattivi li ġejjin organizzati f’livell tal-Unjoni, nazzjonali,
reġjonali jew lokali marbuta mal-għanijiet tas-Sena Ewropea: –
kampanji ta' tagħrif, ta' edukazzjoni u ta'
sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-pubbliku ġenerali u lejn udjenzi aktar
speċifiċi; –
it-tpartit tal-informazzjoni, tal-esperjenza u
tal-prattika tajba ta' amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u
lokali, u ta' organizzazzjonijiet oħra; –
konferenzi u avvenimenti li jippromwovu d-dibattitu
u jissensibilizzaw liċ-ċittadini dwar l-importanza u
l-benefiċċji tad-dritt ta' moviment u residenza liberi, u b'mod aktar
ġenerali dwar id-drittijiet taċ-ċittadini bħala
ċittadini tal-Unjoni; –
l-użu tal-għodod multilingwi
eżistenti għall-parteċipazzjoni biex iħeġġu
l-kontributi taċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-drittijiet
tagħhom b'mod tanġibbli, u b'mod iżjed ġenerali biex
jintlaħqu l-għanijiet tas-Sena Ewropea; –
it-tisħiħ tar-rwol u tal-viżibbiltà
tal-web portals multilingwi L-Ewropa Diretta u L-Ewropa Tiegħek bħala
elementi ewlenin ta' sistema ta' informazzjoni fejn wieħed isib kollox
dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni; –
it-tisħiħ tar-rwol u tal-viżibbiltà
ta' għodod għas-soluzzjoni ta' problemi, bħalma hu s-SOLVIT, li
jippermettu liċ-ċittadini tal-Ewropa li jagħmlu l-aħjar
użu tad-drittijiet tagħhom u li jiddefendu dawn id-drittijiet. 2.
Id-dettalji tal-inizjattivi msemmija
fil-paragrafu 1 huma stipulati fl-Anness. 3.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu
jidentifikaw attivitajiet oħrajn li jikkontribwixxu
għall-għanijiet tas-Sena Ewropea u jippermettu li l-isem tas-Sena
Ewropea jintuża fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet ladarba dawn ikunu
jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti
fl-Artikolu 2. Artikolu 4 Il-koordinazzjoni
fil-livell tal-Unjoni u l-implimentazzjoni Il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib
mal-Istati Membri u ma' korpi u assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw
l-interessi lokali u reġjonali, b'mod partikolari l-Kumitat
tar-Reġjuni. Il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib ukoll
mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat
ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi Ewropej attivi
fil-qasam tad-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini u partijiet
interessati biex jassistu lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea
fil-Livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha timplimenta din
id-Deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni. Artikolu 5 Dispożizzjonijiet
finanzjarji 1.
Il-miżuri li huma min-natura tagħhom
mifruxa mal-Unjoni kollha, imsemmija fil-Parti A tal-Anness għandhom
iwasslu għal sejħa għall-offerti jew għal għotja ta'
sussidji finanzjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. 2.
Il-miżuri li huma min-natura tagħhom
mifruxa mal-Unjoni kollha, imsemmija fil-Parti B tal-Anness jistgħu
jiġu ssussidjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Artikolu 6 Kooperazzjoni
internazzjonali Għall-fini tas-Sena Ewropea,
il-Kummissjoni tista' tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali
rilevanti. Artikolu 7 Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni 3.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta
jiġu implimentati azzjonijiet finanzjati skont din id-Deċiżjoni,
l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta'
miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività
illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz tal-irkupru tal-ammonti
mħallsa skorrettament u, jekk jiġu individwati l-irregolaritajiet,
b'pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-Kummissjoni hija
awtorizzata li twettaq spezzjonijiet u verifiki fil-post skont din
id-Deċiżjoni, konformi mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE)
Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u
l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi
l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet
oħra. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu l-investigazzjonijiet
mill-Uffiċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u għandhom ikunu
regolati mir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet
immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)([25]). 4.
Għall-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati
taħt dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ irregolarità imsemmi
fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu
jfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni ta’ liġi tal-Unjoni jew kull
nuqqas ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn
operatur ekonomiku li għandha jew ikollha, l-effett li tippreġudika
l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, minn element ta’ spiża
mingħajr ġustifikazzjoni. 5.
Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew
tirkupra l-ammont ta' għajnuna finanzjarja mogħtija għal azzjoni
jekk hi ssib xi irregolaritajiet, partikolarment nuqqas ta' konformità
mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew
mad-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt li jagħti
l-appoġġ finanzjarju rilevanti, jew jekk jinstab li, mingħajr ma
tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni kienet
suġġetta għal tibdil sinifikanti li ma jaqbilx man-natura
tagħha jew mal-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha. 6.
Jekk ma jkunux ġew osservati l-limiti ta'
żmien jew jekk parti biss mill-għajnuna finanzjarja allokata tkun
ġustifikata mill-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta' azzjoni,
il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jippreżenta
l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien perjodu speċifikat. Jekk
il-benefiċjarju jonqos milli jagħti tweġiba sodisfaċenti,
il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-assistenza finanzjarja li jifdal u
titlob li jitħallsu lura s-somom diġà mħallsin. 7.
Kull ammont li ma kellux jitħallas ikollu
jintradd lill-Kummissjoni. Għandu jiżdied l-imgħax ma' kwalunkwe
somom li ma jitħallsux lura fi żmien xieraq fil-kundizzjonijiet
stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju[26]. Artikolu 8 Monitoraġġ
u valutazzjoni Sal-31 ta’ Diċembru 2014,
il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni
ġenerali tal-inizjattivi previsti f’din id-Deċiżjoni. Artikolu 9 Dħul
fis-seħħ Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS IL-MIŻURI
MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3 Bħala
prinċipju ta' gwida, l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea se tinbena madwar
kampanja wiesgħa ta' informazzjoni mifruxa mal-Unjoni, u din tista'
tiġi kkomplementata mill-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-azzjonijiet kemm
tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali jistgħu jinvolvu l-s-soċjetà ċivili
biex l-atturi ewlenin kollha jkollhom sens ta' pussess ta' dawn l-azzjonijiet.
L-implimentazzjoni se titwettaq permezz tal-miżuri li ġejjin: A. L-INIZJATTIVI DIRETTI TAL-UNJONI Il-finanzjament
ġeneralment se jieħu l-forma ta’ akkwist dirett tal-prodotti u
s-servizzi skont il-kuntratti oqfsa attwali. Parti mill-finanzjament tista'
tiġi ddedikata għall-forniment ta' servizzi lingwistiċi
(traduzzjoni, interpretazzjoni, informazzjoni multilingwi). Kampanji ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jinkludu: ·
Il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' materjal
awdjoviżiv u stampat li jirrifletti l-messaġġi deskritti
fl-Artikolu 2; ·
okkażjonijiet u forums ta' viżibilità
għolja għall-iskambju tal-esperjenza u l-prattika t-tajba; ·
miżuri biex jiġu ppubbliċizzati
r-riżultati u tiżdied il-viżibbiltà tal-programmi, l-iskemi u
l-inizjattivi tal-Unjoni li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-Sena
Ewropea; ·
l-istabbiliment ta' websajt tal-informazzjoni fuq
l-Europa (http://europa.eu/index_en.htm)
li jkun iddedikat għall-azzjonijiet implimentati fil-kuntest tas-Sena
Ewropea. B. KOFINANZJAMENT TA’ INIZJATTIVI
TAL-UNJONI Mhemmx ħsieb
li jkun hemm kofinanzjament tal-inizjattivi. C. INIZJATTIVI LI MA JIBBENEFIKAW MINN EBDA GĦAJNUNA
FINANZJARJA TAL-UNJONI L-Unjoni se
tagħti appoġġ mhux finanzjarju, inkluża l-awtorizzazzjoni
bil-miktub għall-użu tal-logo, meta dan ikun lest, u materjali
oħra assoċjati mas-Sena Ewropea, għal inizjattivi mwettqa minn
organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, sakemm dawn jagħtu
garanzija lill-Kummissjoni li l-inizjattivi kkonċernati jitwettqu jew se
jitwettqu matul is-sena 2013 u hemm probabbiltà li jagħtu kontribut
sinifikanti għall-kisba tal-għanijiet tas-Sena Ewropea. _______________ [1] Stħarriġ
Kwalitattiv tal-Ewrobarometru "European Citizenship – Cross-border
mobility", Awwissu 2010. [2] It-Titolu II
TUE, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 11. [3] Flash
Eurobarometer survey 263 "The Internal Market: Awareness – Perceptions –
Impacts", April 2009 [4] Scientific Report on the Mobility of Cross-Border Workers within the
EU-27/EEA/EFTA Countries, ikkummissjunat mill-Kummissjoni
Ewropea, Jannar 2009 [5] Stħarriġ
Kwalitattiv tal-Ewrobarometru "European Citizenship – Cross-border
mobility", Awwissu 2010. [6] Flash Eurobarometer survey 294 "EU
citizenship", Marzu 2010. [7] COM(2010) 603 finali, 27.10.2010 [8] ĠU
(2010/C 115/01) – Avviżi tal- Istituzzjonijiet, Korpi,
Uffiċċji u Aġenziji tal-UE – Il-Kunsill Ewropew – Il-Programm
ta' Stokkolma – Ewropa Miftuħa u Sigura għas-servizz u l-protezzjoni
taċ-Ċittadini [9] COM (2010) 477 finali 15.9.2010 u COM (2010) 682 finali
23.11.2010 [10] COM(2007) 773 finali, 6.12.2007 [11] Il-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Lejn Att dwar is-Suq
Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna:
50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma'
xulxin", COM(2010) 608 finali, 27.10.2010 [12] SEC(2011) xxx [13] SEC(2011) xxx [14] ĠU
C , , p. . [15] ĠU
C , , p. . [16] COM(2009) 262 finali, 10.6.2009 [17] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=MT&reference=P7-TA-2010-0483 [18] COM(2010) 603 finali. [19] Ir-Rakkomandazzjoni
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006
dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja
(2006/962/KE), ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10. [20] Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002
tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju
applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament
Finanzjarju) ĠU L 248, 16.9.2002, p 1. - Ir-Regolament kif
emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006
tat-13 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 390, 30.12.2006,
p. 1). [21] ĠU
C 13, 20.1.2009, p. 3. [22] ĠU
L 312, 23.12.1995, p. 1. [23] ĠU
L 292, 15.11.1996, p. 2. [24] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1. [25] ĠU
L 136, 31.5.1999, p. 1 [26] Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002
tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju
applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament
Finanzjarju) ĠU L 248, 16.9.2002, p 1. - Ir-Regolament kif
emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006
tat-13 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 390, 30.12.2006,
p. 1).