52011PC0478

/* KUMM/2011/0478 finali - 2008/0241 (COD) */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEWskont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeadwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)


2008/0241 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

SFOND

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2008) 810 finali – 2008/0241 COD): | 16 ta' Diċembru 2008 |

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 11 ta’ Ġunju 2009 |

Data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 3 ta’ Frar 2011 |

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: | 19 ta' Lulju 2011 |

GħAN TAL-PROPOSTA MILL-KUMMISSJONI

L-għanijiet speċifiċi tal-proposta ta' riformulazzjoni tad-Direttiva dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (2008) kellhom iżidu l-użu effiċjenti ta' riżorsi u jiżguraw trattament xieraq ta' dan l-iskart billi jistabbilixxu għanijiet ġodda ta' ġbir adattati għar-realtà ta' kull Stat Membru. Għanijiet oħrajn kellhom inaqqsu piżijiet aministrattivi mhux meħtieġa billi jiċċaraw li r-responsabbiltajiet tal-produttur huma bbażati fuq l-approċċ Ewropew, u jiżguraw implimentazzjoni aħjar, speċjalment billi jitneħħa l-obbligu tal-prova rigward l-esportazzjoni ta' tagħmir użat u suspettat li huwa skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku.

KUMMENTI DWAR IL-POżIZZJONI TAL-KUNSILL

Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-3 ta’ Frar 2011. Il-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju 55 mis-86 emenda proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu. Tletin minn dawn il-55 emenda huma diġà riflessi, tal-anqas parzjalment, fil-pożizzjoni komuni. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu hija stipulata fid-dokument SP(2011)2217.

Il-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ, fil-prinċipju jew parzjalment, emendi li jiċċaraw il-kuntest tal-proposta jew li jtejbuha aktar skont l-għanijiet stabbiliti. Dawn l-emendi jinkludu, b'mod partikolari, it-tneħħija tar-rabta mal-ambitu tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċertu sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (Direttiva tal-RoHS), li jiġi stabbilit għan kollettiv ibbażat fuq l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku li jinħoloq f'ċerta kundizzjonijiet, u li d-distributuri jkunu obbligati jistabbilixxu skemi għal ġbir u programmi ta' sensibilizzazzjoni xierqa fir-rigward ta' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku ta' volum żgħir ħafna.

Il-Kummissjoni rrifjutat emendi li jbiddlu n-natura tal-proposta, bħal emendi li jistgħu jnaqqsu l-livell ta' protezzjoni ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem jew iwasslu għal żieda mhux meħtieġa tal-piżijiet amministrattivi. Irrifjutat ukoll emendi li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-proċedura ta' riformulazzjoni applikata skont il-"Ftehim Interinstituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid [riformulazzjoni] tal-atti legali".

L-Istati Membri laħqu qbil politiku b'mod unanimu fl-14 ta' Marzu 2011, filwaqt li l-Kummissjoni kienet esprimiet dubji sinifikanti dwar it-test.

Kummenti ddettaljati

Emendi parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni u mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni

Emendi 2, 10, 12, 13, 15, 16, 20, 21, 24, 28, 29, 32, 37, 44, 45, 57, 62, 64, 65, 66, 68, 78, 80, 81, 82, 83, 86, 88, 97 u 98 ġew aċċettati mill-Kummissjoni u mdaħħla b'mod sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

Emendi parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni iżda mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni

Emendi 14, 18, 27, 99 u 102 ġew irrifjutati mill-Kummissjoni iżda mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill Emendi 14 u 18 huma marbuta mad-distinzjoni bejn l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku mid-djar [unitajiet domestiċi] privati kontra dak minn utenti li mhumiex unitajiet domestiċi privati. Il-Kummissjoni mhijiex konvinta li dan it-test propost huwa aktar ċar. Emenda 99 tintroduċi rekwiżit ġdid sabiex ikunu adottati l-istandards Ewropej, li jistgħu jkunu f'kunflitt ma' dawk il-partijiet tat-test li mhumiex soġġetti għall-proċedura ta' riformulazzjoni.

Emendi parlamentari aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda mhux imdaħħla fil-pożizzjoni komuni

Emendi 1, 3, 4, 5, 6, 7, 9, 22, 23, 26, 31, 38, 39, 40, 41, 42, 43, 52, 58, 59, 60, 69, 76, 92 u 100 ġew aċċettati mill-Kummissjoni b'mod sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju iżda ma kinux inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Dawn jinkludu elementi sinifikanti tat-test li jikkonċernaw id-definizzjonijiet, il-mira tal-ġbir, miżuri li jżidu s-sensibilizzazzjoni u l-ġbir, u l-adattament tad-dispożizzjonijiet tal-Komitoloġija għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emendi parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u li mhumiex imdaħħla fil-pożizzjoni komuni

Emendi 11, 25, 35, 36, 46, 47, 48, 49, 50, 51, 54, 55, 56, 61, 67, 70, 71, 72, 73, 74, 75, 77, 94, 95, 96 u 101 ġew irrifjutati kemm mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Kunsill. Dawk l-emendi ma jżidux maċ-ċarezza jew mal-konsistenza tat-test, jew jibdlu dawk il-partijiet tat-test li mhumiex soġġetti għall-proċedura ta' riformulazzjoni. Dan tal-aħħar huwa partikolarment il-każ għall-emendi 47-51 u 75, marbutin mal-obbligi finanzjarji tal-produtturi. Emenda 46 għandha tintroduċi rekord ġdid ta' żamma ta' rekwiżiti fit-test, illi huma lil hinn mill-ambitu tal-proċedura ta' riformulazzjoni.

Bidliet li saru mill-Kunsill fil-Proposta

Il-Kunsill ippropona l-bidliet ewlenin li ġejjin fil-proposta tal-Kummissjoni:

Ambitu miftuħ : Il-Kunsill jipproponi li fil-futur, jiġifieri minn sitt snin wara d-dħul fis-seħħ, l-ambitu għandu jinkludi "Tagħmir kbir" u "Tagħmir żgħir" kollu. Dan l-approċċ huwa wkoll imsejjaħ "ambitu miftuħ", minħabba li l-ambitu mhuwiex limitat għal-lista ta' kategoriji magħluqin hekk kif inhu l-każ bħalissa, iżda "miftuħa" għal kwalunkwe tagħmir li jissodisfa d-definizzjonijiet tad-Direttiva. Numru ta' esklużjonijiet u definizzjonijiet relatati ġodda għandhom jakkumpanjaw l-introduzzjoni tal-"ambitu miftuħ". Il-Kummissjoni tqis li t-tagħmir li bħalissa huwa kopert mill-ambitu tad-Direttiva m'għandux jiġi eskluż fil-futur u li l-ambitu għandu jkun estiż biss jekk il-benefiċċji huma aktar mill-kostijiet. Bi prinċipju, hija meħtieġa valutazzjoni li tkun konformi mal-linji gwida għall-valutazzjonijiet ta' impatt sabiex tiżgura li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati.

Definizzjoni tal-kategoriji tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku: Il-Kunsill jibdel l-għaxar kategoriji attwali li jinsabu fl-Anness għad-Direttiva bi grupp ġdid ta' ħames kategoriji. Bħalissa, dawn il-kategoriji huma importanti għad-definizzjoni tal-ambitu tad-Direttiva u biex isir divrenzjar bejn il-miri tal-irkupru u tar-riċiklar. Skont il-Kunsill, fil-futur il-kategoriji m'għandhomx jibqgħu deċiżivi sabiex jiddefinixxu l-ambitu (ara "ambitu miftuħ" aktar 'il fuq), iżda għandhom ikomplu jservu biex isir divrenzjar bejn il-miri tal-irkupru u tar-riċiklar. Il-Kummissjoni tista' taċċetta bidla fid-definizzjoni ta' dawn il-kategoriji ta' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku, sakemm din ma twassalx għal bidla fil-livell ta' ambizzjoni għar-riċiklar/irkupru, u ma toħloqx piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa.

Estensjoni tal-ambitu sabiex jinkludi l-pannelli fotovoltajċi: Il-Kunsill jipproponi li l-ambitu tad-Direttiva jiġi estiż sabiex jinkludi l-pannelli fotovoltajċi, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Il-Kummissjoni taqbel li għandu jiġi żgurat il-ġbir, it-trattament xieraq u l-irkupru tal-pannelli fotovoltajċi. Il-Kummissjoni wettqet studju sabiex tivvaluta l-impatti ta' din l-inklużjoni skont l-ambitu tad-Direttiva WEEE. L-istudju jindika li l-irkupru tal-materja prima sekondarja jġib miegħu benefiċċji u opportunitajiet ambjentali. Dan l-istudju u l-kummenti ta' wara min-naħa tal-partijiet interessati jistgħu jintużaw sabiex tissokta r-riflessjoni dwar l-inklużjoni potenzjali tal-pannelli fotovoltajċi fl-ambitu tad-Direttiva WEEE.

Approċċ nazzjonali tal-obbligi tal-produttur: Id-definizzjoni ta' "produttur" li japplika l-Kunsill hija bbażata fuq il-kunċett ta' swieq nazzjonali. Dan il-kunċett nazzjonali jista' jwassal għal sitwazzjoni ta' reġistrazzjoni multipla, diversi ħlasijiet għall-istess prodott, diversi rekwiżiti fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni u mmarkar tal-prodotti, kif ukoll għall-obbligu li l-produtturi jkunu rrappreżentati legalment f'iktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li jkun spjegat b'mod ċar li għandu jintuża kunċett ibbażat fuq is-suq Komunitarju sabiex ikunu evitati piżijiet bħal dawn u xorta tqis li għandu jkun qbil dwar approċċ fil-livell Ewropew fir-rigward tal-obbligi tal-produttur. Dan japplika b'mod speċjali għall-obbligi tal-bejjiegħa transkonfinali mill-bogħod.

Mira ta' ġbir: Il-Kunsill jeħtieġ li l-Istati Membri jilħqu l-mira ta' ġbir ta' 65 % ta' tagħmir elettriku u elettroniku li jkun tqiegħed fis-suq tmien snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni, dan jimplika dewmien ta' madwar erba' snin. Għal tmien Stati Membri, huma previsti sentejn ta' flessibbiltà addizzjonali. Il-Kummissjoni tqis li l-arranġamenti tranżizzjonali li jikkunsidraw ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, u li huma diġà inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni, jistgħu jkunu elaborati aktar fit-test. Madankollu, fid-dawl tal-ħtieġa ta' azzjoni li tkun ferm favur iż-żieda tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u favur l-aċċess għall-materja prima sekondarja, huwa importanti li tinżamm mira ta' ġbir ambizzjuża kemm fir-rigward tal-livell kif ukoll tad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li tipposponi s-sena li fiha trid tintlaħaq il-mira tal-ġbir. Il-Kummissjoni tista' taqbel mal-intenzjoni tal-Kunsill li jsir trattament tal-merkurju li jinsab fil-lampi fluworexxenti bħala prodotti prijoritarji li jeħtieġu li jinġabru għalihom, u li fil-futur tista' tkun stabbilita mira ta' ġbir speċifikament għalihom.

Żvilupp tal-istandards: Il-Kunsill jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa standards minimi għat-trattament tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/98/KE. Fil-prinċipju, il-Kummissjoni tagħraf il-benefiċċji li jirriżultaw mill-fatt li jkunu stabbiliti standards għat-trattament tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku, u bħalissa qed tappoġġja proġett li qed jiżviluppa standards bħal dawn li għandhom jintużaw fuq bażi volontarja. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li t-test il-ġdid dwar l-istandards jista' ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-partijiet tat-test li mhumiex soġġetti għall-proċedura ta' riformulazzjoni.

Adattamenti marbuta mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u kwistjonijiet oħra : Il-Kunsill jipprevedi l-implimentazzjoni tal-atti għall-Artikoli 7, 16, 23 u l-Anness VI. Il-Kummissjoni tqis li dawn għandhom ikunu atti delegati konformi mal-proposta tal-Kummissjoni. L-obbligu għall-Kummissjoni li din tikkonsulta ma' partijiet interessati qabel l-adozzjoni ta' att delegat għandu jkun imsemmi biss fil-premessa rispettiva u mħassar mill-parti dispożittiva tad-Direttiva. Il-Kunsill ħassar ir-referenza għal tabella ta' korrelazzjoni, li l-Kummissjoni tqis bħala meħtieġa biex issegwi t-traspożizzjoni tad-Direttiva fi spirtu ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)543.

KONKLUżJONI

Mhux it-tibdil kollu introdott mill-Kunsill huwa konsistenti mal-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-bżonn ta' rkupru ta' materji primi sekondarji u l-bżonn li jitnaqqas il-piż amministrattiv mhux meħtieġ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-intier tagħha.