KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-UE u r-reġjuni ġirien tagħha: Approċċ imġedded għall-kooperazzjoni tat-trasport /* KUMM/2011/0415 finali */
INTRODUZZJONI Għan It-trasport jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-prosperità tal-Ewropa. Jippermetti li oġġetti jitqassmu b'mod effiċjenti u li ċ-ċittadini jivjaġġaw b'mod ħieles. L-UE hija sieħba politika u ekonomika ewlenija ma' pajjiżi fir-reġjuni ġirien. Il-kooperazzjoni msaħħa fis-settur tat-trasport tista' tagħmel differenza fl-għoti ta' għajnuna lill-ġirien tagħna biex isiru ekonomikament iktar b'saħħithom u politikament iktar stabbli. Iċ-ċittadini u n-negozji fl-UE u fir-reġjuni ġirien huma l-benefiċjarji diretti tal-kooperazzjoni mtejba tat-trasport, li għandha l-mira li tnaqqas il-ħin u r-riżorsi li jinħlew fuq it-trasportazzjoni ta' oġġetti u passiġġieri. L-integrazzjoni akbar tas-suq tista' tgħin ukoll biex jinfetħu opportunitajiet ġodda ta' suq għan-negozji kemm fl-UE kif ukoll fir-reġjuni ġirien. Il-Komunikazzjoni preżenti tistipula kooperazzjoni mġedda dwar il-politika tat-trasport mar-reġjuni ġirien tal-UE, li tibni fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2007[1], li tiffoka fuq aspetti ta' infrastruttura. Il-Komunikazzjoni tkopri kemm il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)[2] u pajjiżi ta' tkabbir[3], b'enfasi ewlieni fuq il-pajjiżi tal-PEV Il-livell għoli ta' koordinazzjoni tat-trasport miksub diġà mal-pajjiżi ta' tkabbir jista' jkun mudell għat-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport ma' reġjuni ġirien oħra.[4] Riċentament il-Kummissjoni rrevediet il-PEV, il-qafas politiku uniku għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi ġirien imsieħba[5] u pproponiet reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel. B'konformità ma' din ir-reazzjoni, il-kooperazzjoni tat-trasport se jitfassal skont il-ħtiġijiet ta' kull sottoreġjun. L-UE se tapplika livell ogħla ta' divrenzjar fis-settur tat-trasport skont l-ambizzjoni u l-volontà ta' kull pajjiż biex jintegra aktar mlil-qrib mal-UE. L-appoġġ tal-UE, f'forma jew ta' finanzjament għall-konnessjonijiet ta' infrastruttura jew ta' aċċess akbar għas-suq, se jkun kundizzjonali għall-progress li jkun sar fil-pajjiżi ġirien. Il-kuntest politiku Bid-dħul fis-seħħ tat- Trattat ta' Lisbona , l-UE impenjat ruħha li tiżvilulppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien (Artikolu 8 TFUE). It-Trattat jipprovdi wkoll li l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tikkoopera ma' pajjiżi terzi biex tippromwovi proġetti ta' interess reċiproku u biex tiżgura l-interoperabbiltà tan-netwerks (Artikolu 171(3) TFUE). L- Istrateġija Ewropa 2020 tagħti importanza għall-użu tal-aspetti esterni tal-politiki internazzjonali tagħna biex jitrawwem tkabbir ekonomiku tal-UE. Dan huwa partikolarment vera fir-rigward tal-politika tat-trasport, hekk kif il-qsim effiċjenti tal-fruntieri, il-konnessjonijiet iqsar u iktar mgħaġġla u l-liberalizzazzjoni tas-swieq jiffaċilitaw il-fluss ta' oġġetti u persuni fil-qsim tal-fruntieri tal-UE. F'Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti [6] sabiex tiżdied il-mobbiltà u jitħeġġu t-tkabbir u l-impjiegi. F'dan il-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni pproponiet l-estensjoni tal-politika tal-UE dwar it-trasport u l-infrastruttura għall-ġirien immedjati tagħna u l-ftuħ tas-swieq tal-pajjiżi terzi fis-servizzi tat-trasport. Bħalissa, il-Kummissjoni qed tirrevedi l- politika tat-TEN-T. Din il-politika għandha l-mira wkoll li tagħmel konnessjoni aħjar bejn it-TEN-T u n-netwerks ta' infrastruttura tal-pajjiżi ġirien. Barra minn hekk, l-UE stabbilixxiet strateġiji makroreġjonali , bħall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju[7], li għandhom l-għan li jtejbu l-mobbiltà bejn ir-reġjuni u jinkludu xi wħud mill-pajjiżi fir-reġjuni ġirien. INTEGRAZZJONI AKBAR TAS-SUQ GħAL KONNESSJONIJIET IKTAR MGħAġġLA U IRħAS Integrazzjoni akbar bejn is-swieq tat-trasport tal-UE u dawk tal-pajjiżi ta' tkabbir u tal-PEV, tista' tgħaġġel il-konnessjonijiet tat-trasport, traħħashom u tagħmilhom iktar effiċjenti, b'vantaġġ għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-prospetti għal integrazzjoni akbar tas-suq se jiddependu fuq l-abbiltà u l-volonta tal-pajjiżi ġirein biex jimxu 'l quddiem lejn standards ekwivalenti għal dawk applikati fl-UE f'oqsma bħas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiem. Din il-Komunikazzjoni tispjega l-miżuri kemm għall-perjodu ta' żmien qasir kif ukoll twil fil-mezzi tat-trasport kollha – bit-triq, bil-ferroviji, bl-ajru, bin-navigazzjoni marittima u interna – biex tgħaqqad is-sistemi tat-trasport kollha tal-UE u tal-ġirien tagħha. Il-ħidma għal integrazzjoni akbar tas-suq tat-trasport imbdiet bħala parti min-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.[8] Dawn il-Ftehimiet jimmiraw għall-istabbiliment ta' żona ta' kummerċ ħieles mal-UE. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, l-għan għat-terminu ta' żmien itwal huwa li titlesta ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles tal-Mediterran. Bħala parti mill-istrateġija tat-tkabbir u fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni, l-UE tassisti l-pajjiżi ta' tkabbir fl-allinjament tagħhom mal-acquis tal-UE sabiex joħolqu kundizzjonijiet xierqa għall-integrazzjoni tas-suq tat-trasport. Pereżempju, l-abbozz tat-Trattat Komunitarju għat-Trasport mal-Balkani tal-Punent jipprevedi integrazzjoni progressiva tas-suq abbażi tal-acquis tal-UE fl-oqsma ta' sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u kwistjonijiet soċjali. Avjazzjoni Fis-settur tal-avjazzjoni, l-integrazzjoni akbar mal-ġirien tal-UE qed tiġi xprunata bl-għan li jinħoloq Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni (European Common Aviation Area (ECAA)) li jkopri 1 biljun persuna fl-UE u fil-pajjiżi ġirien kollha fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar u tal-Lvant tagħha[9]. Peress li l-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-PEV jinsabu mifrudin bil-baħar minn mal-UE jew jinsabu f'distanza konsiderevoli lil hinn mill-bliet kapitali tal-UE, l-ivjaġġar bl-ajru għandu rwol ewlieni fit-trasport tal-passiġġieri. Fil-perjodu 2004-2009-il-medja tat-tkabbir annwali fl-għadd ta' passiġġieri bl-ajru bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar kienet ta' 6.7 % u 11.6 % bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tal-Lvant. Fin-Nofsinhar, il-Marokk diġà huwa parti mill-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni u għandu tkabbir annwali medju ta' 14.6 % fit-trasport tal-passiġġieri bl-ajru lejn u mill-UE. L-iktar titjira li ntużat mill-passiġġieri fil-Lvant kienet dik bejn l-Ukraina u l-UE (2.7 miljun minn 3.5 miljun passiġġier fl-2009).[10] Il-politika tal-ECAA kienet imfassla biex tippermetti l-ftuħ gradwali tas-suq bejn l-UE u l-ġirien tagħha b'rabta ma' konverġenza regolatorja permezz tal-implimentazzjoni gradwali tar-regoli tal-UE biex jiġu offruti opportunitajiet ġodda għall-operaturi u għażla usa' lill-konsumaturi. Il-proċess tal-ftuħ tas-suq u l-konverġenza regolatorja jitwettqu b'mod parallel sabiex jiġu promossi l-kompetizzjoni leali u l-istandards tal-UE fir-rigward tas- sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u standards oħrajn. L-ECAA huwa implimentat permezz tal- ftehimiet kumplessivi tas-servizzi tal-ajru li jippromwovu r-relazzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-ekonomija, il-kummerċ u t-turiżmu. In-negozjati dwar ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni jista' jimbeda ladarba pajjiż ġar juri li fehem il-kundizzjonijiet u l-impenn ċar tiegħu biex jissodisfa l-obbligi relatati mad-dħul tiegħu fl-ECAA. L-UE kkonkludiet ftehimiet bħal dawn mal-Balkani tal-Punent, il-Ġeorġja, il-Ġordan u l-Marokk. Ftehimiet simili qed jiġu nnegozjati mal-Iżrael, il-Libanu, u l-Ukraina u mistennija li fil-futur qrib isiru negozjati mat-Tuneżija. Il-Kummissjoni għandha wkoll mandat li tinnegozja ftehim simili mal-Alġerija. Il-Kummissjoni pproponiet mandat biex tinnegozja mal-Moldova u beħsiebha li tagħmel l-istess għall-Ażerbajġan Skont l-interess u t-tħejjija tal-pajjiżi ġirien li jifdal, il-Kummissjoni għandha tipproponi n-negozjar ta' ftehimiet simili. Il-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi tal-PEV huma bilaterali, filwaqt li l-ftehim mal-Balkani tal-Punent huwa multilaterali. Dan il-ftehim multilaterali jmur lil hinn mill-ftehimiet bilaterali, pereżempju bl-applikazzjoni diretta f'dawn il-pajjiżi tad-deċiżjonijet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li huma rilevanti għall-avjazzjoni. Bil-għan li tiżdied l-integrazzjoni reġjonali, il-pass li jmiss huwa li jiġi żviluppat ftehim wieħed multilaterali għall-PEV tan-Nofsinhar u PEV tal-Lvant. Fl-aħħar nett, l-objettiv tat-terminu ta' żmien twil huwa li jiġu integrati r-reġjuni kollha u l-UE f'ECAA uniku. L-Ajru Uniku Ewropew , li attwalment jinsab fil-fażi ta' kostruzzjoni, se jiġi estiż ukoll biex jinkludi lill-ġirien tal-UE. Ir-rikonoxximent tal-liġi tal-UE u tal-prinċipju tad-deżinjazzjoni tal-UE huwa prekundizzjoni għal dan. L-Ajru Uniku Ewropew se jtejjeb is-sikurezza u jnaqqas id-dewmien, il-kostijiet u l-emissjonijiet. Bħala parti mill-approċċ gradwali għall-istabbiliment tal-Ajru Uniku Ewropew, il-pajjiżi tal-ġirien tal-UE qed ifittxu li jifformaw jew jgħaqqdu taqsimiet funzjonali ta’ spazju tal-ajru (functional airspace blocks FABs) mal-Istati Membri tal-UE. Sa Diċembru 2012, l-Istati Membri tal-UE għadhom ikunu stabbilixxew disa' taqsimiet funzjonali ta' spazju tal-ajru, b'hekk ikunu ddisinjaw u rrazjonalizzaw l-ispazju tal-ajru tagħhom u r-rotot tal-ajru sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-traffiku tal-ajru. Fil-Balkani tal-Punent, il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Kroazja huma parti mill-FAB tal-inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali (FABCE). Fir-rigward tal-pajjiżi l-oħra kkonċernati, l-Albanija, l-Eġittu u t-Tuneżija għandhom status ta' msieħeb assoċjat, u l-Ġordan u l-Libanu huma stati osservaturi fil-kuntest tal-inizjattiva BLUE MED FAB. Pajjiżi ġirien oħra mistennija li jingħaqdu f' taqsimiet funzjonali ta’ spazju tal-ajru simili biex jikkompletaw l-Ajru Uniku Ewropew. Bosta pajjiżi ġirien diġà huma partijiet kontraenti għall- Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol).[11] Huma jipparteċipaw fil-ħidma tal-Eurocontrol u jibbenefikaw mis-servizzi tagħha. Dawk li mhumiex membri jistgħu jibbenefikaw minn għadd ta' servizzi tal-Eurocontrol abbażi tar-rikjesti u l-ftehimiet ma' din l-organizzazzjoni.[12] Il-kooperazzjoni mal-ġirien tal-UE hija mmirata għall-adozzjoni ta' pożizzjonijiet fil-Eurocontrol li jkunu konformi ma' dawk żviluppati mill-UE. Bosta pajjiżi tal-PEV diġà huma benefiċjarji skont il-Programm ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) li jfittex li jimmodernizza l-infrastruttura tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa. L-UE tista' wkoll tagħmel l-assistenza disponibbli għal pajjiżi tal-PEV oħra li qed ifittxu li jimmodernizzaw is-sistemi tagħhom ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. It-titjib fl-effikaċja tas- sigurtà tat-trasport tal-ajru fir-reġjuni ġirien huwa ta' importanza ewlenija għall-UE. L-istandards internazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni stipulati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għandhom jiġu implimentati b'mod sħiħ.[13] L-UE diġà qed taħdem ma' pajjiżi ġirien biex iżżid l-abbiltà tagħhom li jwettqu dawk l-obbligi internazzjonali. L-UE tista' tassisti fil-kisba tal-konformità permezz tal-qsim tal-informazzjoni dwar l-iżvilupp ta' programmi nazzjonali dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-qsim tal-aqwa prattiki fl-implimentazzjoni u l-kontroll tal-kwalità tal-miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni. Il-konverġenza regolatorja fir-reġjun, lil hinn mill-istandards internazzjonali, tista' tiġi ffaċilitata billi jitjiebu l-għarfien u l-esperjenza tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC) u tal-prinċipji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni primarja tal-UE. L-iżgurar ta' livell għoli ta' sikurezza tal-avjazzjoni hija prijorità ewlenija għall-politika tat-trasport tal-UE. Il-pajjiżi ġirien li ffirmaw ftehimiet komprensivi tas-servizzi tal-ajru mal-UE jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA). Barra minn hekk, kwalunkwe stat firmatarju tal-ICAO jista' jipparteċipa fil-ħidma tal-EASA abbażi tal-ftehim speċifiku li bih għandu jadotta u jimplimenta r-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-UE[14]. Il-Kummissjoni u l-EASA riċentament ipproponew l-ħolqien ta' unità fi ħdan l-EASA biex tikkoopera ma' xi wħud mill-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar (l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk u t-Tuneżija). Din l-unità għandha l-għan li tarmonizza l-istandards u l-proċeduri tas-sikurezza tal-ajru bejn l-UE u dawk il-pajjiżi. Għandha ssir dispożizzjoni għal kooperazzjoni simili sabiex tiżdied is-sikurezza tal-avjazzjoni fil-pajjiżi tal-PEV tal-Lvant. Azzjonijiet proposti Terminu ta' żmien qasir (sal-2013) Jiġu kkompletati n-negozjati li jinsabu għaddejjin għall-ftehimiet komprensivi ta' servizzi tal-ajru u jiġu estiżi n-negozjati dwar dawn il-ftehimiet għall-pajjiżi ġirien oħra li huma interessati, ladarba jkunu lesti Tkompli tingħata l-assistenza lill-pajjiżi ġirien għall-immodernizzar tas-sistemi tagħhom ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) u ssir disponibbli għall-pajjiżi oħra interessati Jiġu pprovduti informazzjoni, gwida u assistenza teknika lill-pajjiżi ġirien biex jidħlu f'waħda mit-taqsimiet Ewropej funzjonali tal-ispazju tal-ajru (FAB) Tingħata assistenza lill-pajjiżi ġirien biex jiksbu l-konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Ikun hemm kooperazzjoni mal-ġirien tal-UE bil-għan li jiġu adottati pożizzjonijiet fil-Eurocontrol b'konformità ma' dawk żviluppati mill-UE Tingħata assistenza lill-pajjiżi ġirien biex jiksbu l-livelli tal-UE u dawk internazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni Terminu ta' żmien twil Jiġu kkonsolidati l-ftehimiet tal-avjazzjoni mal-pajjiżi PEV tal-Lvant u mal-pajjiżi PEV tan-Nofsinhar rispettivament bil-għan li jiġi kkompletat l-ECAA Tiġi estiża l-kooperazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni skont l-EASA mal-pajjiżi tal-PEV tal-Lvant u mal-pajjiżi PEV tan-Nofsinhar li fadal Tinkiseb integrazzjoni sħiħa mal-pajjiżi ġirien fl-Ajru Uniku Ewropew | Navigazzjoni marittima u interna - F'termini ta' tunnellaġġ, 90 % tal-movimenti ta' merkanzija bejn l-UE u l-bqija tad-dinja jsiru bil-baħar. Il-viżjoni għat-trasport marittimu hija waħda ta' trasport bil-baħar ta' kwalità li jkun kompetittiv u li juri prestazzjoni ambjentali, ta' sikurezza u sigurtà tajba. Dan huwa interess komuni tal-UE u tal-pajjiżi ġirien tagħha, li għandhom ibħra reġjonali komuni. Fil-Balkani tal-Punent, l-abbozz tat-Trattat Komunitarju għat-Trasport jipprovdi għal kooperazzjoni biex tiġi żgurata l-konverġenza lejn l-istandards u l-politiki marittimi tal-UE. L-UE għandha tkompli tippromwovi l- liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport marittimu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet indaqs mal-pajjiżi ġirien. Dan japplika partikolarment għall-isforzi li għaddejjin bħalissa biex tinħoloq żona ta' kummerċ ħieles fil-Mediterran, inkluża l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu. L-UE tippromwovi r-rekwiżiti tagħha stess u dawk internazzjonali fis- sikurezza u s-sigurtà marittima u l- protezzjoni ambjentali . Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fl-ibħra li jmissu mal-UE, huwa importanti li l-pajjiżi ġirien tal-UE jirratifikaw u jimplimentaw b'mod xieraq il-konvenzjonijiet internazzjonali fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà marittima, kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali, u jikkonformaw mal-istandards tal-UE. Għal dan il-għan il-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika. L-UE tfittex ukoll il-kooperazzjoni attiva mal-pajjiżi ġirien taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (International Maritime Organisation (IMO)). Livelli iktar baxxi ta' sikurezza, sigurtà u ta' regoli ambjentali u soċjali, dumping fiskali u prattiki tariffarji diskriminatorji għall-użu ta’ kollegamenti interni fil-pajjiżi ġirien jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni ġusta. L-iskop tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien huwa li tiġi evitata din id-distorsjoni potenzjali billi jiġu stabbiliti regoli simili. Il-kumpaniji tal-UE jibbenefikaw b'mod dirett minn dan l-approċċ. Sabiex tittejjeb is- sikurezza u s- sigurtà marittima , kif ukoll il-protezzjonital-ambjent, l-UE se tkompli tipprovdi assistenza teknika lill-ġirein skont il-proġetti reġjonali SAFEMED fin-Nofsinhar u SASEPOL fil-Lvant. Barra minn hekk, l-UE qed tiddiskuti proposta tal-Kummissjoni biex jiġi estiż il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) sabiex tiġi pprovduta l-assistenza lill-pajjiżi tal-PEV. Sabiex ittejjeb aktar is-sikurezza u s-sigurtà marittima u r-reazzjoni għall-inċidenti fuq il-baħar, il-Kummissjoni se tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ġirien fis-sistema ta' monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti SafeSeaNet operata mill-EMSA u l-akkwist minn dawn il-pajjiżi tal-infrastruttura ta' sorveljanza marittima li hija meħtieġa għall-parteċipazzjoni. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm reazzjoni aħjar għar-rilaxxi illegali minn bastimenti u jiġu identifikati dawk li jniġġsu fl-ilmijiet, il-Kummissjoni se tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ġirien fis-servizz tas-satellita CleanSeaNet operat mill-EMSA. CleanSeaNet diġà joffri lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati kostali tal-UE, kif ukoll lill-Islanda u lin-Norveġja, servizz kważi f'ħin reali ta' identifikazzjoni ta' tixrid ta' żejt fil-baħar billi jiġu analizzati ritratti mis-satellita. Ġeneralment, il-pajjiżi ġirien tal-UE ma għandhomx prestazzjoni tajba fir-rwol tagħhom bħala Stati tal-bandiera . Skont it-termini tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, li huwa l-iktar indiċi importanti għall-prestazzjoni ta' stat tal-bandiera, l-Ażerbajġan, l-Alġerija, it-Tuneżija u l-Marokk jinsabu elenkati fil-lista l-griża, filwaqt li l-Ukraina, il-Ġeorġja, il-Moldova, l-Albanija, il-Libanu, il-Libja, is-Sirja u l-Eġittu jinsabu elenkati fil-lista s-sewda. Sabiex itejbu l-implimentazzjoni tagħhom tar-responsabbiltajiet tal-Istat tal-Bandiera, il-pajjiżi ġirien elenkati fil-lista s-sewda huma mħeġġa jikkunsidraw il-benefiċċji li japplikaw għall-Iskema ta' Awditjar Volontarju tal-Istat Membru tal-IMO. Bħalissa l-awditjar tal-IMO huwa volontarju, iżda mill-2014 se jsir obbligatorju. L-UE se tkompli bl-assistenza tagħha lill-ġirien biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħhom tal-Istat tal Bandiera. F'terminu ta' żmien twil l- Ispazju Ewropew tat-Trasport Marittimu mingħajr ostakli se jiġi żviluppat f' " Ċinturin Blu " għal moviment marittimu ħieles fl-Ewropa u madwarha. L-għan huwa li jiġu ssimplifikati l-formalitajiet għall-bastimenti bejn il-portijiet tal-UE. Dan jinkludi l-istabbiliment ta' sistemi elettroniċi għal skambji tad-dejta bejn il-bastiment u l-kosta. F'konformità mal-kunċett "Ċinturin Blu", il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien timmira li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għat- trasport marittimu fuq distanzi qosra, li tistabbilixxi portal amministrattiv uniku għall-formalitajiet tal-port u li tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni. Il- baħħara tal-pajjiżi ġirien li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali applikabbli (Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara) jistgħu jaħdmu fuq bastimenti tal-UE. Fuq talba mill-Istati Membri tal-UE u bl-appoġġ tal-EMSA, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni tal-baħħar u l-istabbilimenti ta' taħriġ fil-pajjiżi ġirien. L-UE rrikonoxxiet il-parti l-kbira tal-pajjiżi ġirien.[15] Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi l-assistenza teknika lill-pajjiżi ġirien biex itejbu t-taħriġ tal-baħħara. Bħala kontribut għal approċċ aktar strateġiku għall-affarijiet marittimi fil-kooperazzjoni fis-setturi kollha inkluż it-trasport fil-Mediterran, il-Kummissjoni flimkien mal-IMO u l-BEI varat proġett biex jiġu identifikati azzjonijiet pilota biex titjieb il-kooperazzjoni bejn is-setturi marittimi fl-oqsma ta' sikurezza u sorveljanza marittima, l-aspetti soċjali u t-taħriġ u l-investimenti fl-infrastruttura marittima. L-għan tal-politika tal-UE dwar in- navigazzjoni interna huwa li jinkiseb trasport effiċjenti u sostenibbli bil-passaġġi navigabbli. Huwa importanti li l-pajjiżi ġirien tal-UE japplikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jiżguraw l-ekwivalenza mal-livelli tal-UE tas-sikurezza tan-navigazzjoni interna kif ukoll tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-pajjiżi ġirien biex jiksbu dawn l-għanijiet. Sabiex tippromwovi is-sikurezza, l-effiċjenza u l-iskambju tad-dejta, il-Kummissjoni se tikkoopera mal-pajjiżi ġirien rilevanti skont is- Servizzi tal-Informazzjoni dwar ix-Xmajjar . Fir-rigward tan-navigazzjoni fuq id-Danubju, l- Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju tipproponi azzjonijiet biex jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq tan-navigazzjoni interna fir-reġjun li jinvolvi ħames pajjiżi ġirien, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Moldova, is-Serbja u l-Ukraina. Il-Kummissjoni tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-Kummissjoni tad-Danubju bħala parti mill-Konvenzjoni ta' Belgrad riveduta. It-test ta' dik il-Konvenzjoni, li għaliha l-Kummissjoni nnegozjat l-adeżjoni mal-UE, ġie miftiehem, iżda l-għadu ma ġiex iffirmat. Il-Kummissjoni tħeġġeġ liż-żewġ Stat firmatarji biex jirrisolvu t-tilwima. Azzjonijiet proposti Terminu ta' żmien qasir (sal-2013) Tingħata għajnuna lill-pajjiżi ġirien biex itejbu l-prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera tagħhom u jikkonformaw mal-istandards ta' sikurezza, ta' sigurtà u dawk soċjali Jiġi estiż il-mandat tal-EMSA sabiex tiġi pprovduta assistenza teknika lill-pajjiżi ġirien Tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ġirien fis-SafeSeaNet u l-CleanSeaNet Tkompli l-ħidma flimkien mal-pajjiżi ġirien bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra f'konformità mal-Ispazju Ewropew tat-Trasport Marittimu u tal-kunċett "Ċinturin Blu" Tingħata assistenza lil pajjiżi ġirien biex jilħqu l-istandards tal-UE u dawk internazzjoni fin-navigazzjoni interna Isir impenn b'mod attiv bil-għan li jiġi varat mill-ġdid il-proċess tal-immodernizzar tal-Kummissjoni tad-Danubju Terminu ta' żmien twil Tiġi promossa l-integrazzjoni aktar mill-qrib tal-pajjiżi ġirien għaċ-"Ċinturin Blu" tal-moviment marittimu ħieles fl-Ewropa u madwarha | Triq - It-trasport bit-triq għandu rwol ewlieni fil-flussi tal-kummerċ ma' dawk il-pajjiżi ġirien li magħhom l-UE taqsam fruntiera tal-art. Madankollu, il-proċeduri amministrattivi kumplikati fil-qsim tal-fruntieri jibqgħu ostaklu għall-fluss effiċjenti tal-merkanzija bejn l-UE u l-ġirien tagħha fil-Lvant. Bħala medja, 40 % tal-ħin totali tat-trasportazzjoni[16] jintilef fil-fruntieri minħabba dikrepanzi fil-proċeduri amministrattivi. Il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim tal-frunitieri għalhekk hija ta' importanza ewlenija biex jiġi stimulat il-kummerċ billi jitnaqqsu l-ħin u l-kostijiet. Il-Kummissjoni ppjanat oqfsa strateġiċi għall- kooperazzjoni doganali mal-Bjelorussja, il-Moldova u l-Ukraina biex tiġi żgurata l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, flimkien mal-protezzjoni taċ-ċittadini fil-fruntiera tal-Lvant tal-UE, permezz ta' ġabra ta' azzjonijiet ta' prijorità. Dawn jinkludu passaġġi ta' negozju sikuri u fluwidi, ġestjoni tar-riskju u l-ġlieda kontra l-frodi, kif ukoll l-appoġġ għall-immodernizzar tal-infrastruttura u proċeduri doganali. Il-livelli baxxi tas- sikurezza tat-toroq fil-pajjiżi ġirien huma kwistjoni ta' tħassib dirett għall-UE. It-titjib fis-sikurezza tat-toroq permezz ta' taħriġ, il-qsim tal-aqwa prattiki, is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta' infrastruttura tat-toroq iktar sikura, inkluż parking bla periklu, jikkostitwixxu prijorità għall-kooperazzjoni tal-UE mar-reġjuni tal-viċinat. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-possibbiltà li testendi s-servizzi tas-sistemi tat-trasport intelliġenti tal-UE kollha (pereżempju, eCall[17]) mal-pajjiżi ġirien. Il-mortalità minħabba ġrieħi kkawżati mit-traffiku tat-triq hija kunsiderevolment ogħla fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (21.5 kull 100,000 persuna fl-Ukraina, 16.8 fil-Ġeorġja, 15.1 fil-Moldova) mill-medja fl-Ewropa (6.1 għal kull 100,000 persuna).[18] L-istess ħaġa tapplika għall-pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fis-suq globali tal-karozzi, huwa importanti li l-pajjiżi ġirien jirratifikaw u japplikaw l-istandards tal-UE u dawk internazzjonali dwar is- sikurezza tal-vetturi u l- prestazzjoni ambjentali [19]. L-UE għandha tfittex il-kooperazzjoni attiva mal-pajjiżi ġirien dwar dan fil-UNECE. Is-servizzi tat-trasport bit-triq jibqgħu importanti biex tkun żgurata katina ta' provvista tal-manifattura transkonfinali effettiva, speċjalment fuq distanza iqsar. Għall-kuntrarju tas-settur tal-avjazzjoni, fejn l-UE u l-pajjiżi ġirien ressqu lejn il-ftuħ tas-suq, twettqu biss passi modesti għal-liberalizzazzjoni tal-aċċess reċiproku tas-suq tat-toroq. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE għandhom ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bit-triq ma' pajjiżi terzi ġirien. Dawn il-ftehimiet jiżguraw l-aċċess reċiproku għas-suq abbażi ta' kwoti. F'livell multilaterali, il-kwoti jiġu allokati wkoll mill-Forum tat-Trasport Internazzjonali (ex-ECMT), iżda dawn jammontaw għal 5 % tal-operati totali. Bosta pajjiżi ġirien urew l-interess fiż-żieda tal- aċċess tas-suq tat-toroq mal-UE. L-Unjoni għandha teżerċita l-kompetenza esterna tagħha f'dan il-qasam bil-għan tal-integrazzjoni ulterjuri tas-suq ma' dawn il-pajjiżi kif ukoll tikkunsidra bl-istess mod l-aspetti rilevanti tas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u dawk soċjali. L-għan ewlieni ta' inizjattiva bħal din għandu jkun li b'mod gradwali jitneħħew ir-restrizzjonijiet kwantitattivi bi skambju għall-implimentazzjoni ta' standards li jiggarantixxu l-kwalità ta' servizzi tat-trasport bit-triq bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li huwa kunċett li mhuwiex inkluż fir-reġimi bilaterali attwali. L-abbozz tat-Trattat Komunitarju għat-Trasport mal-Balkani tal-Punent jipprovdi għadd ta' permessi Komunitarji li jippermettu l-aċċess tas-suq tat-toroq għat-trakkijiet. Sabiex ikun żgurat li fl-UE u l-pajjiżi ġirien qed jiġu segwiti standards simili li jikkonċernaw it-trasport bit-triq, huwa importanti li l-implimentazzjoni tat-takografu diġitali fil-pajjiżi ġirien tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim tan-NU dwar il-perjodu ta' ħin ta' sewqan u ta' mistrieħ fit-trasport bit-triq internazzjoni (AETR[20]). Il-partijiet kontraenti għall-AETR kollha li mhumiex fl-UE (il-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant għajr il-Ġeorġja), kienu marbuta legalment biex jintroduċu t-takografu diġitali f'vetturi reġistrati ġodda mill-2010. L-UE assistiet lill-pajjiżi tal-PEV tal-Lvant fl-użu tat-takografi diġitali. Sabiex id-dispożizzjonijiet tal-AETR ikunu konformi mar-regoli soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikseb mandat għall-UE biex issir parti kontraenti għall-AETR. Is-servizzi tal-passiġġieri bit-triq jikkontribwixxu għall-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej u għall-fluss tat-turisti. Il-kooperazzjoni mal-ġirien fis-settur tat-toroq tista' tiffaċilita t-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bil-kowċ billi tissimplifika l-awtorizzazzjoni għal-linji tax-xarabank jew tal-kowċ u tarmonizza l-livell tal-kwalità tas-servizz u tas-sikurezza. F'dan ir-rigward, l-ambitu tal-ftehim tal-Interbus[21] għandu jitwessa' biex ikopri mhux biss it-trasport okkażjonali internazzjonali bil-kowċ jew bix-xarabank ta' passiġġieri , iżda wkoll trasport regolari u li jiġi estiż għall-pajjiżi ġirien li huma interessati u lesti li jingħaqdu. Azzjonijiet proposti Terminu ta' żmien qasir (sal-2013) Tingħata assistenza lill-partijiet kontraenti għall-AETR fl-użu tat-takografu diġitali Tingħata għajnuna lill-pajjiżi ġirien biex jiżviluppaw u jimplimentaw azzjonijiet li jżidu s-sikurezza tat-toroq Studju tal-impatt tal-ftuħ gradwali tas-suq tat-toroq ma' pajjiżi ġirien magħżula It-tisħiħ tal-kooperazzjoni doganali mal-Bjelorussja, il-Moldova u l-Ukraina biex jiġu ffaċilitati l-qsim tal-fruntieri Il-kisba ta' mandat għall-UE biex issir parti kontraenti għall-AETR Terminu ta' żmien twil Jitkabbar l-ambitu tal-Ftehim Interbus biex jinkludi t-trasport regolari internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ jew bix-xarabank u li jiġi estiż għall-pajjiżi tal-PEV ġirien | Ferrovija - L-aktar flussi sinifikanti ta' ġarr ta' merkanzija bil-ferrovija bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien isiru bejn il-Lvant u l-Punent. Fl-aħħar għaxar snin, kien hemm żieda ta' 7 % fil-volum ta' ġarr ta' merkanzija bil-ferrovija bejn l-UE u l-ġirien immedjati fil-Lvant (il-Bjelorussja, il-Moldova, l-Ukraina). Huwa previst tkabbir sa 40 % fid-domanda għall-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija mal-Ġirien tal-Lvant tal-UE sal-2020.[22] Fl-UE, is-suq ilu miftuħ kompletament mill-2007 għall-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija, u minn Jannar 2010 għas-servizzi tal-passiġġieri internazzjonali. Il-ftuħ tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija ippermetta li jidħlu fis-suq kumpaniji ġodda, naqqas il-prezzijiet u inizjalment żied il-volumi minkejja l-effetti tal-kriżi ekonomika. Is-settur ferrovjarju jista' jingħata imbuttatura addizjonali billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-UE dwar it-trasport ferrovjarju. Il- ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija jista' jkollu vantaġġ kompetittiv fuq mezzi oħra tat-trasport fir-rigward ta' kurituri Ewro-Asjatiċi, iżda dan huwa affettwat b'mod ħażin minn ostakoli fiżiċi u oħrajn mhux fiżiċi. Anki jekk il-flussi tal-merkanzija bejn l-UE u l-Bjelorussja, l-Ukraina u l-Moldova żdiedu f'dawn l-aħħar snin, jibqa' importanti li wieħed jiffoka l-kooperazzjoni futura fuq kwistjonijiet ewlenin bħat-titjib tal-infrastruttura u tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri, li mingħajr żvilupp ulterjuri, jaf jipperikola t-tkabbir futur tal-volumi tal-merkanzija. Sistemi ta' ħlasijiet ġusti, mhux diskriminatorji, trasparenti u effiċjenti għall-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji mal-kurituri bejn l-UE, il-ġirien tal-Lvant tagħha u l-Asja huma meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-traffiku tal-merkanzija tal-ferrovija. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi kooperazzjoni reġjonali dwar il-kwistjoni. Ostakoli fiżiċi għat-tkabbir tal-kummerċ u l-merkanzija jinkludu wkoll in-nuqqas ta' sistemi tal-ferroviji interoperabbli, teknoloġija insuffiċjenti u vetturi ferrovjarji f'kundizzjoni ħażina. L-effiċjenza tat- trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija tista' tiżdied permezz ta' kooperazzjoni aħjar fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri, mingħajr il-ħtieġa ta' investimenti konsiderevoli ta' infrastruttura. Hemm il-ħtieġa għal azzjoni li timminimizza l-effetti ta' ostakoli tekniċi għal kummerċ, fosthom id-differenza bejn il-kejl użat fil-Bjelarussja, il-Moldova u l-Ukraina (1520 mm) u l-kejl standard użat fil-parti l-kbira tal-UE (1435 mm). Id-differenza tirriżulta f'telf ta' ħin u tnaqqas ir-ritmu tal-flussi tat-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri. Bħala l-ewwel pass, is-sistema ta' kejl tal-binari 1520/1524 mm għandha tiġi speċifikata fl-istandards żviluppati mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA). Din għandha toħloq bażi xierqa għall-industrija kollha sabiex ikunu fornuti sistemi u prodotti f'konformità ma' dawk l-istandards. Biex dan ikun possibbli, l-UE se tkompli twettaq kooperazzjoni teknika mal-pajjiżi OSJD [23]permezz tal-ERA. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar, l-ERA qed tinvolvi esperti indipendenti mill-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija biex jaħdmu dwar kwistjonijiet ta' interoperabbiltà. It-tieni pass għandu jkun li jiġu studjati l-prattiki ta' trasbord (minn 1520 mm għal 1435 mm u viċi versa) u jsir tentattiv biex dawn jitjiebu anki permezz ta' riċerka. Għal dan il-għan, jistgħu jintużaw formati differenti ta' kooperazzjoni biex tingħata assistenza lill-pajjiżi ġirien sabiex jikkonformaw mal-istandards tal-UE. Kooperazzjoni aktar mill-qrib għandha tgħin biex tiżdied l-interoperabbiltà, tiżgura kundizzjonijiet indaqs f'termini ta' sikurezza, u tħejji l-bażi għal ftuħ tas-suq possibbli fil-futur. L-abbozz ta' Trattat Komunitarju għat-Trasport mal-Balkani tal-Punent innegozjat, jipprovdi għall-ftuħ tas-suq tal-ferroviji għas-servizzi tal-passiġġieri jew tal-merkanzija għal operaturi kemm fl-UE kif ukoll fix-Xlokk tal-Ewropa. Sabiex ikunu żgurati l-interoperabbiltà u s-sikurezza tan-netwerks tal-ferroviji fl-UE u fil-pajjiżi ġirien tagħha, l-UE qed tħeġġeġ ukoll l-użu tas- Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fil-viċinat tagħha. Apparti milli tipprovdi sistema li tiżgura fluss ta' traffiku mingħajr ostakoli u b'inqas spejjeż, vantaġġ addizjonali tal-ERTMS huwa d-disponibbiltà ta' firxa usa' ta' fornituri ta' prodotti, li tirriżulta f'għażla usa' għall-gvernijiet, l-operaturi tal-ferroviji u l-maniġers tal-infrastruttura. Ir-riformi li jfittxu li jqarrbu s-settur tal-ferrovija tal-pajjiżi ġirien għall- istandards tal-UE (ta' sikurezza, ta' sigurtà, ambjentali, soċjali u ta' interoperabbiltà), għandhom ikomplu fil-pajjiżi ġirien tal-UE. Dan mhux biss għandu jkun ta' benefiċċju għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, iżda għandu wkoll jattira aktar investiment fis-settur ferrovjarju. Għall-kumpaniji tal-UE, id-domanda għolja għall-immodernizzar tal-vetturi ferrovjarji fil-pajjiżi ġirien toħloq opportunitajiet ta' suq ġodda. Ir-riformi huma wkoll prekundizzjoni għal kwalunkwe ftuħ ta' suq fil-futur. Minkejja s-sehem relattivament kbir fis-suq talferroviji fl-Ukraina, il-Bjelorussja u l-Moldova, is- suq tal-ġarr ta' merkanzija bil-ferrovija sa issa għadu mhuwiex liberalizzat. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija diġà bdew il-proċess ta' riforma. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar biex ikomplu bir-riformi tal-ferroviji tagħhom. Azzjonijiet proposti Terminu ta' żmien qasir (sal-2013) Tiġi speċifikata sistema ta' kejl tal-binarji ta' 1520/1524 mm fl-istandards (speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà) żviluppati mill-ERA. Jitħeġġeġ l-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fil-pajjiżi ġirien. Titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ta' tkabbir u dawk ġirien fl-attivitajiet tal-ERA Terminu ta' żmien twil Jitwettaq studju tal-prattiki tat-trasbord (minn 1520 mm għal 1435 mm u viċi versa) f'punti ta' konnessjoni u jsir tentattiv biex dawn jitjiebu, inkluż permezz ta' attivitajiet ta' riċerka. Tiġi esplorata l-possibbiltà ta' ftuħ tas-suq tal-ferroviji mal-pajjiżi tal-PEV | KONNESSJONIJIET TAL-INFRASTRUTTURA - Sabiex jitjiebu u jiġu promossi l-konnezzjonijiet tal-infrastruttura, il-Kummissjoni se tiffoka fuq tliet elementi ewlenin: id-definizzjoni tan-netwerk, il-prijoritizzazzjoni tal-proġetti u l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament. Networks Bħala l-ewwel pass fil-promozzjoni tal-konnessjonijiet tal-infrastruttura, jeħtieġ li jiġu ddefiniti n- netwerks strateġiċi tat-trasport tar-reġjuni ġirien. Dawn in-netwerks reġjonali għandhom ikunu l-bażi għall-kooperazzjoni mġedda tal-UE dwar l-infrastruttura tat-trasport fil-pajjiżi ġirien. Huma se jservu bħala estensjoni tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) lil hinn mill-fruntiera tal-UE u jiġu konnessi l-pajjiżi fir-reġjun. Dawk in-netwerks għandhom jippromwovu l-integrazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi u jirriflettu l-flussi tat-traffiku fil-futur. Il-ħidma fil-Balkani tal-Punent, it-Turkija u fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE tinsab fi stadju avvanzat. Il-Kummissjoni kkooperat ma' dawn il-pajjiżi ġirien fl-identifikazzjoni tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport koperti bl-assi transnazzjonali. Il-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent wasslet għall-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali Kumplessiv tal-Ewropa tax-Xlokk. L-abbozz tat-Trattat Komunitarju għat-Trasport jipprevedi żvilupp ulterjuri ta' dan in-netwerk. It-Turkija qed tiżviluppa netwerk tat-trasport f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Fil-viċinat tan-Nofsinhar, il-kooperazzjoni tat-trasport Ewro-Mediterranja wasslet għad-definizzjoni tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju. Il-Kummissjoni se taħdem mal-pajjiżi ġirien fil-Lvant biex tiddefenixxi netwerk tat-trasport reġjonali, billi tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007[24], TRACECA[25] kurituri u negozjati dwar Ftehimiet tal-Assoċjazzjoni li jinkludu kapitolu dwar it-trasport. In-netwerks tat-trasport reġjonali fil-Lvant li jagħmlu konnessjoni mat-TEN-T u man-netwerks tal-ġirien fl-Asja Ċentrali, huma partikolarment importanti sabiex ikunu ffaċilitati konnessjonijiet alternattivi bejn l-Ewropa u l-Asja. Sabiex ikunu żgurati l-ippjanar u l-monitoraġġ tat-TEN-T, il-Kummissjoni żviluppat is-sistema tal-Informatika tat-TENtec li tinkludi l-monitorraġġ u t-tbassir tat-traffiku tad-dejta mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kroazja u t-Turkija. Il-Kummissjoni issa qiegħda tkabbar l-ambitu tat-TENtec biex tinkludi d-dejta tal-infrastruttura tat-trasport fil-pajjiżi tal-PEV u f'pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent. Dan se jippermetti lit-TENtec sabiex tintuża bħala għodda għall-ippjanar tal-estensjoni tat-TEN-T lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-kunċett tar-Rotot tal-Baħar jirrapreżenta d-dimensjoni marittima tan-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew. L-UE tuża dan il-kunċett biex tiżviluppa konnessjonijiet marittimi tat-trasport tal-merkanżija intermodali mal-pajjiżi ġirien. Il-kunċett tar-Rotot tal-Baħar jippromwovi wkoll l-integrazzjoni reġjonali biex b'hekk jinħolqu konnessjonijiet aħjar bejn il-pajjiżi ġirien infushom. Inbdew bosta proġetti tal-assistenza teknika fir-reġjuni tal-Mediterran, il-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju għal dan il-għan. Rabtiet pilota fil-Mediterran diġà kkontribwixxew għall-introduzzjoni tal-benefiċċji tat-trasport bil-baħar fil-qosor effiċjenti bejn l-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Mediterran fil-forma ta' ħin u spejjeż imnaqqsa ta' trasport. Bil-għan ewlieni li jiġi ffaċilitat in-negozju, dawk il-konnessjonijiet se jiġu żviluppati kemm fil-viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll tal-Lvant b'assistenza teknika kontinwa mill-UE. Proġetti Bħala t-tieni pass, jeħtieġ li jiġu identifikati l- proġetti ta' prijorità ta' interess kemm reġjonali kif ukoll tal-UE dwar in-netwerks tat-trasport reġjonali. Il-proġetti ta' prijorità ġew identifikati fir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent u tal-viċinat tan-Nofsinhar billi jintużaw għadd ta' kriterji ta' għażla. Fil-viċinat tal-Lvant, ġie varat proċess ta' prijoritizzazzjoni simili kemm fil-kuntest tal-programm TRACECA kif ukoll f'dak ta' konsultazzjonijiet li ġew organizzati mal-pajjiżi ġiriein fit-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni. Intużaw l-istess kriterji tal-għażla bħal dawk għal proġetti fir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent u tal-viċinati tan-Nofsinhar. Fl-approċċ imġedded, il-proġetti għandu jkollhom interess reġjonali u tal-UE, ikunu jinsabu f'netwerk reġjonali, jibbenefikaw minn impenn sod mill-pajjiżi ġirien, jimmiraw li jnaqqsu l-konġestjonijiet għat-traffiku internazzjonali bħal fil-qsim tal-fruntieri, u jtejbu l-konnessjonijiet bejn it-TEN-T riveduta u n-netwerk reġjonali. Il-proġetti għandhom jgħinu wkoll biex tiżdied l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tat-trasport tal-UE u l-ġirien tagħha, iwasslu għal tnaqqis fil-kostijiet u ħin tat-trasport, jiffaċilitaw il-flussi tal-ġarr tal-merkanzija internazzjonali u jżidu s-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, se twettaq evalwazzjoni analitika tal-proġetti ppreżentati minn pajjiżi ġirien permezz ta' dawn il-kriterji. B'riżultat ta' dan ix-xogħol, se tiġi stabbilita gradwalment linja ta' proġetti ta' prijorità li tista' tiġi kkunsidrata għall-implimentazzjoni mill-Kummissjoni u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Finanzjament Bħala t-tielet u l-aħħar pass fil-bini tal-interkonnessjonijiet reali, jeħtieġ li jsir disponibbli finanzjament għal proġetti ta' prijorità maturi . Il-ħtiġijiet ta' finanzjament għall-infrastruttura tat-trasport fir-reġjuni ġirien tal-UE huma ogħla minn dawk li l-UE, donaturi oħra, il-pajjiżi ġirien jew l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali jistgħu jiffinanzjaw waħedhom. Biex jitnaqqas dan id-distakk ta' finanzjament, jeħtieġ li titjieb il-kooperazjoni bejn dawn l-imsieħba kollha, inkluż permezz ta' użu aħjar tal-istrumenti finanzjarji innovattivi eżistenti li l-UE stabbilixxiet għar-reġjuni tal-ġirien tagħha. Għandu jiġi kkunsidrat użu akbar tal-programmi tal-UE biex jitjiebu l-konnessjonijiet tat-trasport mal-pajjiżi ġirien. Il-Komunikazzjoni riċenti mill-Kummissjoni[26] dwar Baġit għall-Ewropa 2020 tissuġġerixxi li l-proġetti tal-infrastruttura ta;l-interess għall-UE li jgħaddu mill-pajjiżi ġirien u l-pajjiżi li jinsabu fil-proċess qabel l-adeżjoni, jistgħu jiġu konnessi u ffinanzjati mill-faċilità l-ġdida 'Nikkollegaw l-Ewropa', li tippermetti l-finanzjament minn intestaturi differenti tal-baġit tal-UE taħt ġabra waħda ta' regoli integrata. Fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, il-Qafas tal-Investimenti tal-Balkani tal-Punent (WBIF) jikkombina għotjiet minn sorsi multipli b'self biex jiġu kkofinanzjati proġetti ta' infrastruttura ambjentali u tat-trasport. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tagħti prijorità lill-finanzjament ta' proġetti li jgħinu fl-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali Komprensiv tax-Xlokk tal-Ewropa. Il-WBIF diġà approva 22 proġett tat-trasport li l-EUR 37 miljun ta' għotjiet li ġew allokati għalihom jistgħu potenzjalment jimmobilizzaw ammont konsiderevoli ta' investimenti. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni jipprovdi finanzjament għal proġetti li jgħinu r-rabta man-netwerk tat-trasport reġjonali fil-Balkani tal-Punent u tat-TEN-T. Fir-reġjuni tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant, il-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (NIF) tikkombina għotjiet mill-baġit tal-UE u self mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jipprovdu finanzjament lil proġetti ta' infrastruttura ewlenin fis-setturi tat-trasport u l-enerġija, u fl-oqsma soċjali u ambjentali kif ukoll għall-iżvilupp tas-settur privat. Sa issa, kienu allokati madwar 25 % mill-EUR 745 miljun disponibbli taħt l-NIF fil-perspettiva finanzjarja kurrenti għall-proġetti ta'infrastruttura tat-trasport. Sal-2013, l-NIF għad għandha EUR 465 miljun mhux impenjati. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u mal-pajjiżi ġirien biex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-proġetti tat-trasport għall-finanzajment mill-NIF. Il-proġetti ta' infrastruttura ta' prijorità li huma kkunsidrati maturi mill-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali se jiġu ppreżentati lill-NIF. Dan se jippermetti lill-NIF biex tiffoka aktar mill-qrib fuq proġetti ta' interkonnessjoni. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tinvolvi iktar lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali fil-ħidma tal-NIF. F'Marzu 2011, il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp iffirmaw Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni lil hinn mill-UE, li jinkludi l-estensjoni tat-TEN-T bħala waħda mill-azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha l-għan ukoll li jkollha kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Bank Dinji u ma' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali oħra dwar kwistjonijiet lil hinn mill-UE. Il-kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali se tinvolvi il-qsim tal-għarfien espert u tal-informazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji fis-settur tat-trasport, l-eżaminazzjoni analitika tal-proġetti u t-tħejjija ta' pjanijiet ta'proġetti. Il-Kummissjoni u l-Banek se jappoġġaw ukoll lill-pajjizi ġirien fl-iżvilupp ta' strateġiji tat-trasport, jgħinuhom jidentifikaw proġetti ta' infrastruttura ta' prijorità u jħejju proposti ta' proġetti. L-ingranaġġ politiku tal-Kummissjoni fir-reġjun flimkien mal-kapaċità tal-banek jistgħu jagħtu spinta lill-finanzjament għal proġetti tat-trasport fil-pajjiżi ġirien. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll interkonnessjonijiet flimkien mal-pajjiżi ġirien tagħha permezz tal-istrumenti eżistenti, skont l-appoġġ bilaterali u reġjonali lill-pajjizi ġirien mill-Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija. Dawn jinkludu t-TAIEX, il-Ġemellaġġi u l-kooperazzjoni transkonfinali ENPI. Azzjonijiet proposti Terminu ta' żmien qasir (sal-2013) Jiġu ddefiniti netwerks tat-trasport strateġiċi fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant bil-konnettività mat-TEN-T rivedut Jiġi adattat l-ippjanar tan-netwerk tat-trasport Trans-Mediterranju futur għall-kuntest tal-politika riveduta tat-TEN-T. Jitħejja pjan potenzjali ta' proġetti tat-trasport ta' interess Ewropew fil-pajjiżi fil-Viċinat tal-Lvant li jagħti prijorità lil proġetti li jikkollegaw lill-pajjiżi ġirien mal-UE Tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjoni fil-PEV tal-Lvant u tan-Nofsinhar Tiżdied l-adozzjoni ta' proġetti tal-interkonnessjoni tat-trasport mill-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat u jinbeda l-finanzjament ta' proġetti maturi. Fil-Balkani tal-Punent, tingħata prijorità għall-finanzjament ta' proġetti li jgħinu l-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali Komprensiv tax-Xlokk tal-Ewropa. Jitkabbar l-ambitu tas-Sistema tal-Informatika tat-TENtec biex jiġu koperti l-pajjiżi kollha fir-reġjuni ġirien Jiġu żviluppati aktar il-konnessjonijiet marittimi permezz tal-kunċett tar-Rotot tal-Baħar Terminu ta' żmien twil Jitkompla l-iżvilupp ta' pjan ta' proġetti ta' prijorità, billi titpoġġa enfasi fuq proġetti li jippromwovu l-integrazzjoni reġjonali u konnessjonijiet aħjar mal-UE | QAFAS GħALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KOOPERAZZJONI POLITIKA U INFRASTRUTTURALI - Jeħtieġ li jiġi ddefinit qafas għas-segwitu tal-implimentazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni flimkien mal-pajjiżi ġirien, kemm fir-rigward tal-ippjanar tal-infrastruttura tat-trasport kif ukoll tal-kooperazzjoni politika. Diġà ġie stabbilit qafas bħal dan kemm fir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent kif ukoll tal-viċinat tan-Nofsinhar. Fil-Balkani tal-Punent, il-kooperazzjoni tat-trasport reġjonali qed tiġi indirizzata fil-qafas tal-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa (SEETO). Is-SEETO ddefinixxa netwerk tat-trasport reġjonali, u jidentifika proġetti ta' prijorità ta' interess reġjonali fi pjan multiannwali fuq bażi ta' rotazzjoni(38 proġett ta' prijorità identifikati għall-perjodu 2011-2015) u jagħmel segwitu tal-miżuri tal-politika tat-trasport. L-abbozz tat-Trattat Komunitarju għat-Trasport jipprovdi wkoll għall-identifikazzjoni ta' proġetti ta' prijorità ta' interess reġjonali. Il-ħidma tas-SEETO tista' tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju. Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, il-kooperazzjoni tat-trasport hija ggwidata mill-Pjan ta' Azzjoni tat-Trasport Reġjonali għar-reġjun tal-Mediterran għall-perjodu 2007-2013 fil-qafas tal-Euromed. Fil-Euromed, il-pajjiżi parteċipanti jippjanaw il-kooperazzjoni tat-trasport tagħhom flimkien u jiżviluppaw in-netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju bl-għajnuna tal-Kummissjoni u tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Dan diġà wassal għall-identifikazzjoni ta' 18-il proġett ta' prijorità. Il-qafas tal-Euromed isegwi wkoll il-kooperazzjoni dwar il-miżuri tal-politika tat-trasport. Barra minn hekk, se tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-offerta tal-UE għas-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran.[27] Fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, ġew varati għadd ta' inizjattivi. Il-programm TRACECA jkopri, fost oħrajn, l-Azerbajġan, l-Armenja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina, filwaqt li l-Bjelorussja hija koperta mis-Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasportazzjoni u l-Loġisitika (Northern Dimension Partnership on Transportation and Logistics (NDPTL)). B'segwitu tal-aħjar prattika għall-ippjanar tal-oqfsa fir-reġjuni tal-Balkani tal-Lvant u tal-Viċinat tan-Nofsinhar, hemm il-ħtieġa għal qafas simili biex isir pjan tal-kooperazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport li huwa speċifiku għas-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Is-Sħubija tal-Lvant ġiet stabbilita fl-2009 b'erba' pjattaformi tematiċi biex tapprofondixxi r-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha fil-Lvant. Il-kooperazzjoni tat-trasport sa issa kienet parti minn pjattaforma ddedikata għal kooperazzjoni ekonomika. Bil-għan tal-ħtieġa identifikata li jiġi stabbilit qafas għall-ippjanar ta' kooperazzjoni tat-trasport li huwa speċifiku għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Panil għat-Trasport tas-Sħubija tal-Lvant . Dan il-panil għat-trasport se jgħaqqad flimkien lill-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi ġirien, l-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali biex jiġu diskussi r-riformi li huma meħtieġa għall-integrazzjoni tas-suq aktar fil-qrib, l-ippjanar tan-netwerks tat-trasport u t-tħejjija tal-pjanijiet tal-proġetti tal-infrastruttura. Se jikkoordina wkoll u jistandardizza l-gruppi ta' ħidma tekniċi tal-oqsfa rilevanti eżistenti. Il-ħidma tal-Panil għat-Trasport tas-Sħubija tal-Lvant se tmexxi l-kooperazzjoni tat-trasport mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u dan għandu jirċievi kontribut minn inizjattivi tat-trasport eżistenti fir-reġjun, bħall-programm TRACEA u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju. Peress li l-kooperazzjoni reġjonali twettqet taħt inizjattivi varji li sa issa kienu operattivi b'mod parallel, il-Panil għat-Trasport tas-Sħubija tal-Lvant stabbilixxa approċċ ġdid ta' kooperazzjoni b'mod ikkoordinat dwar il-kwistjonijiet kollha tat-trasport li jikkonċernaw lill-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant. Azzjonijiet proposti Terminu ta' żmien qasir (sal-2013) Jinħoloq Panil għat-Trasport tas-Sħubija tal-Lvant biex imexxi kemm il-kooperazzjoni politika kif ukoll l-ippjanar tal-infrastruttura tat-trasport Jiġi ffirmat it-Trattat Komunitarju għat-Trasport mal-Balkani tal-Punent | KONKLUżJONIJIET - Din il-Komunikazzjoni tagħti spjegazzjoni tal-approċċ imġedded tal-Kummissjoni għall-kooperazzjoni tat-trasport fil-kunest usa' ta' politika tal-PEV imsaħħa u tieħu bħala mudell elementi mill-proċess tat-tkabbir. Tidentifika wkoll azzjonijiet li jtejbu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' tkabbir. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati f'din il-Komunikazzjoni mat-tkabbir tal-pajjiżi tal-PEV skont l-oqsfa tal-politika tat-tkabbir, tas-Sħubija tal-Lvant u l-Euromed. Se twettaq dan f'kooperazzjoni mill-qrib mal-PEV u l-pajjiżi tat-tkabbir, kif ukoll mal-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. F'konformità mal-Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport, il-kooperazzjoni mar-reġjuni ġirien se tiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakoli għat-trasport u fuq it-tħaddim ta' sistema bi standards għolja ta' sikurezza, sigurtà, soċjali u ambjentali, fir-rigward tal-aspetti ta' integrazzjoni kemm tal-infrastruttura kif ukoll tas-suq. [1] Estensjoni tal-assi tat-trasport trans-Ewropej ewlenin għall-pajjiżi ġirien, COM(2007) 32, 31.1.2007 [2] PEV tal-Lvant: l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina. PEV tan-Nofsinhar: l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Libja, il-Marokk, it-Territorju Okkupat Palestinjan, is-Sirja u t-Tuneżija. [3] Il-pajjiżi kandidati: il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, it-Turkija. Kandidati potenzjali: l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, is-Serbja, il-Kosovo (skont il-UNSCR 1244/99). [4] L-Islanda, in-Norveġja, ir-Russja u l-Isvizzera mhumiex koperti b'din il-Komunikazzjoni [5] COM(2011) 303, 25.05.2011 [6] Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport, COM(2011) 144, 28.3.2011 [7] L-għanijiet tal-istrateġija jinkludu t-titjib tal-interkonnessjonijiet bejn tmien Stati Membri u sitt pajjiżi ġirein (il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, l-Ukraina), COM(2010) 715, 8.12.2010 [8] In-negozjati mhumiex għaddejjin mal-Bjelorussja. Is-Sħubija tal-Lvant ġiet varata fl-2009 biex tapprofondixxi r-relazzjonijiet tal-UE mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Moldova, l-Ukraina. [9] Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport [10] Eurostat [11] L-Albanija, l-Armenja, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, Dik Li Qabel Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja , il-Moldova, il-Montenegro, it-Turkija, is-Serbja, l-Ukraina [12] Jiġifieri l-inizjattivi tal-Uffiċju tal-Imposti tar-Rotta Ċentrali (CRCO), l-Unita Ċentrali Amministrattiva tal-Fluss (CFMU) u tal-Bażi tad-Dejta Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (EAD). [13] Anness 17 dwar is-Sigurtà għall-Konvenzjoni ta' Chicago [14] Ir-Regolament 216/2008, l-Artikolu 66 [15] L-UE diġà rrikonoxxiet lill-Alġerija, il-Kroazja, l-Iran, l-Iżrael, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Ukraina. Għadd ta' pajjiżi oħra qed jiġu vvalutati, partikolarment l-Azerbajġan, l-Eġittu, il-Ġordan u l-Marokk. Ir-rikonoxximent tal-Ġeorġja ġie rtirat fl-2010. [16] Valutazzjoni mill-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport bit-Triq [17] "Inġibu l-eCall Lura fi Triqitha - Pjan ta’ Azzjoni (It-tielet (3) Komunikazzjoni dwar is-Sikurezza-e)" (COM(2006)0723 [Verżjoni mhux uffiċjali]. [18] Dejta dwar il-pajjiżi tal-PEV mill-"World Bank Report Confronting “Death on Wheels” Making Roads Safe in Europe and Central Asia (Nru. 51667-ECA, Novembru 2009), dejta dwar l-Istati Membri mill-CARE Bażi tad-Dejta Ewropea dwar l-Inċidenti fit-Triq [19] Stabbiliti mill-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) [20] Il-Ftehim Ewropew Dwar ix-Xogħol tal-Ekwipaġġi li Jaħdmu fuq Vetturi Użati għat-Trasport fuq it-Toroq Internazzjonali. [21] Ftehim dwar it-trasport internazzjonali okkażjonali ta' passiġġieri bil-coach u bix-xarabank [22] Rapport dwar "Sitwazzjoni u perspettivi dwar is-suq ferrovjarju" imwettaq mill-Kummissjonifl-2010 [23] Mill-pajjiżi PEŻ, l-Azerbajġan, il-Beljarussja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina huma membri tal-OSJD. Mill-Istati Membri tal-UE, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Rumanija huma membri tal-OSJD. [24] COM(2007) 32, 31.1.2007 [25] Oriġinarjament programm Komunitarju, iżda rregolata sa mill-1998 permezz ta' ftehim multilaterali bi strutturi intergovernattivi Il-Komunikazzjoni kellha parti importanti fl-iżvilupp tal-kurituri tat-trasport bejn l-Ewropa u l-Asja u tinkludi lill-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, il-Ġeorġja, l-Iran, il-Kazakistan, il-Kirgistan, il-Moldova, ir-Rumanija, it-Taġikistan, it-Turkija, l-Ukraina, u l-Uzbekistan bħala membri. L-Iran ma jibbenefikax minn finanzjament tal-UE. [26] COM(2011) 500, 29.06.2011 [27] COM(2011) 200, 8.03.2011.