RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lill-pajjiżi terzi fl-2010 /* KUMM/2011/0408 finali */
WERREJ 1. Introduzzjoni 2 2. Sfond 2 2.1. Nindirizzaw il-konsegwenzi tar-riċessjoni globali li fadal 2 2.2. Nistabbilixxu regoli ġodda għall-operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja 3 2.2.1. Ir-Regolament ta’ Qafas dwar l-AMF 3 2.2.2. Kriterji dwar l-użu ta’ self u għotjiet fl-operazzjonijiet tal-AMF 4 3. L-Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2010 4 3.1. Ħarsa ġenerali 4 3.2. Operazzjonijiet individwali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2010 5 3.2.1. Il-Punent tal-Balkani 5 3.2.1.1. Il-Bosnja-Ħerzegovina 5 3.2.1.2. Kosovo 6 3.2.1.3. Is-Serbja 6 3.2.2. Il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant 7 3.2.2.1. L-Armenja 7 3.2.2.2. Il-Ġeorġja 7 3.2.2.3. Ir-Repubblika tal-Moldova 8 3.2.2.4. L-Ukraina 8 3.2.3. Il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Mediterran 9 3.2.3.1. Il-Libanu 9 4. Niżguraw użu xieraq tal-fondi tal-AMF: Valutazzjonijiet Operazzjonali, RFNP u Evalwazzjonijiet Expost 9 4.1. Valutazzjonijiet operazzjonali 9 4.2. Valutazzjonijiet tar-Responsabbiltà Finanzjarja u tan-Nefqa Pubblika 10 4.3. Evalwazzjonijiet ex-post 10 5. Talbiet għal għajnuna u proposti futuri tal-Kummissjoni 11 INTRODUZZJONI Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-istrument tal-assistenza makrofinanzjarja (AMF) tal-UE lil pajjiżi terzi fl-2010. Huwa jiddeskrivi l-kuntest ġenerali fejn ġew approvati u implimentati l-operazzjonijiet tal-AMF, inkluż tagħrif dwar l-aktar operazzjonijiet riċenti fil-pajjiżi li huma ġirien tal-UE, u jippreżenta statistika ġenerali dwar id-diversi operazzjonijiet tal-AMF mwettqa matul l-aħħar għaxar snin. Is-sena 2010 kienet waħda mill-aktar snin attivi fl-operat tal-istrument tal-AMF sa mill-bidu tad-deċennju, li tirrifletti l-impatt tal-kriżi ekonomika globali u tal-ħruġ bil-mod mill-kriżi għall-viċinat tal-UE. Kienet ukoll l-ewwel sena tal-operat tal-AMF fl-ambjent legali l-ġdid li nħoloq permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Ir-rapport jiddiskuti wkoll fil-qosor l-għanijiet ewlenin tal-proposta, li qiegħda titħejja bħalissa, ta’ Regolament ta’ Qafas għall-AMF, proposta li mistennija tintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill matul din is-sena. Huwa jispjega wkoll il-metodoloġija li tuża l-Kummissjoni biex tiddeċiedi bejn l-użu ta’ self u għotjiet fl-operazzjonijiet individwali tal-AMF li tipproponi. Ir-rapport fih ukoll taqsima dwar il-valutazzjonijiet operazzjonali, studji dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja u tan-Nefqa Pubblika (RFNP) u evalwazzjonijiet ex-post imwettqa f’pajjiżi li jirċievu l-AMF. Il-Kummissjoni ilha mill-2004 twettaq valutazzjonijiet operazzjonali taċ-ċirkwiti finanzjarji u l-proċeduri relatati mal-AMF f’kull wieħed mill-pajjiżi destinatarji, bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri. Ir-Regolament Finanzjarju jeżiġi wkoll lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet esterni u expost tal-programmi tagħha. Fl-2010, il-Kummissjoni wettqet, bl-appoġġ ta' konsulenti, tliet valutazzjonijiet operazzjonali ta’ segwitu u studju wieħed tal-RFNP fil-pajjiżi tal-operat. Minħabba li fl-2009 ma tlestiet l-ebda operazzjoni tal-AMF, fl-2010 ma nbdiet l-ebda evalwazzjoni expost. Fl-aħħarnett, ir-rapport jipprovdi tagħrif dwar talbiet ġodda għall-AMF u proposti ġodda possibbli tal-Kummissjoni għall-AMF li qegħdin jitħejjew. Dan ir-rapport huwa mħejji skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u d-deċiżjonijiet konġunti tal-Kunsill u l-Parlament rigward l-operazzjonijiet tal-AMF. Huwa jsegwi r-rapporti ppreżentati fis-snin preċedenti. Huwa akkumpanjat minn żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, wieħed (SEC (2011) 873 finali) li jipprovdi tagħrif u analiżi aktar dettaljati tal-kuntest makroekonomiku u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet individwali tal-AMF u ieħor (SEC (2011) 874 finali) li jispjega f’aktar dettall il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi bejn l-użu ta’ self u għotjiet fl-operazzjonijiet tal-AMF. SFOND Nindirizzaw il-konsegwenzi tar-riċessjoni globali li fadal Il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali tal-2008-2009, li affettwat profondament l-ekonomiji emerġenti tal-viċinat tal-Unjoni Ewropea, wasslet għal żieda qawwija fl-għajnuna mingħand id-donaturi internazzjonali għaż-żona, b’mod partikolari mill-FMI. Hija wasslet ukoll għal żieda qawwija fit-talbiet għal għajnuna finanzjarja mill-UE, inkluż fil-forma tal-AMF. Għadd minn dawn it-talbiet sarrfu fi programmi reali ta’ appoġġ imfassla biex jgħinu lill-pajjiżi jindirizzaw l-implikazzjonijiet negattivi tal-kriżi globali. Erba’ programmi bħal dawn favur il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja, l-Armenja u l-Ġeorġja ġew deċiżi mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE fl-aħħar tal-2009. Fl-2010, ġew deċiżi żewġ programmi oħra, favur l-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova, mil-leġiżlaturi tal-UE – din id-darba b’mod konġunt mill-Kunsill u l-Parlament – bi tweġiba għat-talbiet imressqa fl-2009. Fl-2010, il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali bdiet tbatti. L-ekonomiji avvanzati, inklużi dawk tal-Unjoni Ewropea, reġgħu bdew jikbru, liema tkabbir wassal għal domanda ogħla għall-esportazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom, inklużi l-pajjiżi tal-viċinat tal-UE. Għalhekk, it-tkabbir fil-pajjiżi fil-Punent tal-Balkani u tal-Viċinat tal-Lvant reġa' beda, xi drabi b’mod impressjonanti. Madankollu, minkejja l-bidu tal-irkupru, l-effetti tal-kriżi globali u tax-xokkijiet li rriżultaw fuq l-ekonomiji tar-reġjun, inklużi l-pożizzjonijiet finanzjarji esterni dgħajfa, għadhom hemm. Għalhekk, għad hemm skop għal appoġġ minn donaturi lil ħafna pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa u fil-Punent tal-Balkani. Fl-2009 u l-2010, il-pajjiżi tal-Viċinat tal-Mediterran tal-UE wrew aktar reżiljenza għall-kriżi mill-imsieħba tal-PEV tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent. It-taqlib politiku li għaddej fin-Nofsinhar tal-Mediterran jista’ jbiddel kollox fl-2011. Nistabbilixxu regoli ġodda għall-operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja Ir-Regolament ta’ Qafas dwar l-AMF Sa minn kmieni fl-2003, il-Parlament Ewropew identifika l-proċess twil tat-teħid tad-deċiżjonijiet – id-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet individwali tal-AMF kienu jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament – bħala wieħed min-nuqqasijiet ewlenin tal-AMF. Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa għal bażi legali trasparenti għall-istrument tal-AMF b’mod ġenerali. Minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, id-deċiżjonijiet leġiżlattivi dwar l-operazzjonijiet individwali tal-AMF bdew jittieħdu mill-Parlament u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni). Din jista' jwassal biex il-proċedura tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tkompli titwal. Għalhekk, it-Trattat ta’ Lisbona żied element ta’ urġenza mal-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-AMF. Minbarra dan, kif enfasizzat mill-kriżi finanzjarja globali, l-indirizzar b’mod effettiv tas-sitwazzjonijiet makroekonomiċi u finanzjarji ta’ emerġenza jirrikjedi strument ta’ rispons għall-kriżijiet li jkun jista’ jintuża malajr u b’mod effikaċi. B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, it-tħejjija ta’ proposta leġiżlattiva ta’ Regolament ta’ Qafas dwar l-AMF kienet inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni. Huwa mistenni li din il-proposta tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill fi żmien qasir. Skont ir-Regolament ta’ Qafas propost għall-futur, il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-AMF sejra ssir simili għal dik ta’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament estern, fejn il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-AMF lil pajjiżi terzi eliġibbli taħt is-superviżjoni ta’ kumitat ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri. Dan l-approċċ għandu jissemplifika t-teħid tad-deċiżjonijiet għal operazzjonijiet individwali tal-AMF sabiex l-istrument ikun jista’ jgħin aħjar lill-pajjiżi benefiċjarji biex jadottaw, fi żmien xieraq, programmi li jinkludu taħlita xierqa ta’ miżuri ta’ aġġustament u għajnuna finanzjarja estern. Ir-Regolament li qiegħed jitħejja jikkonsolida wkoll, fi strument legali formali, ir-regoli li jiggwidaw l-operazzjonijiet tal-AMF, li sa issa huma definiti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill (l-hekk imsejħa kriterji Genval). Il-proposta li jmiss tal-Kummissjoni essenzjalment tikkonferma dawn il-kriterji, filwaqt li taġġorna u tiċċara xi wħud minnhom. Kriterji dwar l-użu ta’ self u għotjiet fl-operazzjonijiet tal-AMF Aspett ieħor tal-ħidma metodoloġika tal-Kummissjoni fuq l-istrument tal-AMF fl-2010 kien ir-reviżjoni tal-kriterji ġenerali għall-għażla tal-forma xierqa ta’ appoġġ, jiġifieri self fuq terminu medju sa twil, għotjiet, jew taħlita tat-tnejn, fl-operazzjonijiet individwali tal-AMF. Abbażi tal-prassi li ġew żviluppati tul is-snin, il-Kummissjoni rfinat u ċċarat l-approċċ metodoloġiku tagħha. Billi jitlaq mill-premessa li l-AMF għandha, awtomatikament, tieħu l-forma ta’ self, l-approċċ jipprovdi gwida dwar liema pajjiżi jistgħu jiġu kkunsidrati għal għotjiet tal-AMF. Huwa bbażat fuq indikaturi oġġettivi dwar il-livell ta’ żvilupp u s-sostenibbiltà tad-dejn tal-pajjiżi benefiċjarji, li huma konsistenti mal-prattika applikata mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs). L-OPERAZZJONIJIET TA’ ASSISTENZA MAKROFINANZJARJA FL-2010 Ħarsa ġenerali Fl-2010, il-Kummissjoni lestiet l-implimentazzjoni ta’ tliet programmi tal-AMF: żewġ programmi li ġew deċiżi lura fl-2006 u fl-2007 għall-Kosovo u l-Libanu, rispettivament, u wieħed mill-erba’ programmi approvati mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2009, dak għall-Ġeorġja. L-operazzjonijiet tal-Kosovo u tal-Libanu kienu implimentati biss parzjalment: it-tieni pagamenti tal-għajnuna ma tħallsux. L-operazzjoni tal-AMF għall-Ġeorġja ġiet implimentata b’mod sħiħ, u l-Kummissjoni ħejjiet programm ta’ segwitu. Taħt it-tliet operazzjonijiet l-oħrajn li ġew deċiżi f’Novembru 2009, favur il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja u l-Armenja, ma tħallsu l-ebda ta’ flus fl-2010 u fil-bidu tal-2011, li jirrifletti d-dewmien sabiex jintlaħaq qbil dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-programmi u sabiex jitlestew il-proċeduri amministrattivi u legali meħtieġa fil-pajjiżi benefiċjarji. Barra minn hekk, fl-2010 il-koleġiżlaturi adottaw l-ewwel żewġ deċiżjonijiet leġiżlattivi dwar l-AMF skont it-Trattat ta’ Lisbona: programmi għall-Ukraina (EUR 500 miljun, f’self) u għar-Repubblika tal-Moldova (EUR 90 miljun, f’għotjiet). Ir-rilaxx tal-ewwel pagament taħt l-operazzjoni għar-Repubblika tal-Moldova kien diġà sar fl-2010. Is-self ġdid għall-Ukraina, jekk jiġi implimentat b’mod sħiħ, ser ikun l-akbar operazzjoni tal-AMF sa issai qatt eżistiet[1]. Meta wieħed iqis id-daqs taż-żewġ operazzjonijiet tal-AMF li ġew adottati, is-sena 2010 kienet sena bl-ogħla impenji tal-AMF (ara t-Tabella 1 u ċ-Ċarts 1a u 1b). L-ammont totali ta’ fondi impenjati taħt il-programmi approvati mill-bidu tal-aħħar kriżi ekonomika qabeż EUR 1 biljun, li huwa aktar mill-ammont ikkombinat taħt il-programmi kollha tal-AMF li ġew approvati bejn l-2001 u l-2008. Barra minn hekk, f’dawn is-sentejn, l-ammont totali ta’ self tal-AMF approvat qabeż bil-bosta l-ammont totali ta’ għotjiet tal-AMF. Fl-aħħarnett, iż-żewġ operazzjonijiet ġodda bbilanċjaw ukoll mill-ġdid it-tqassim ġeografiku tal-impenji tal-AMF favur il-Viċinat tal-Lvant tal-UE, għad-detriment tal-Punent tal-Balkani. L-iżvilupp importanti l-ieħor tal-2010 huwa l-irkupru f’termini tal-ħlasijiet, għal aktar minn EUR 100 miljun (ara t-Tabella 2 u ċ-Ċarts 2a u 2b). L-ammont annwali ta’ ħlasijiet tal-AMF magħmula fl-2010 kien l-ogħla ammont annwali mill-2003. Operazzjonijiet individwali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2010 Il-Punent tal-Balkani Il-Bosnja-Ħerzegovina F’Lulju 2009 l-FMI ikkonkluda Arranġament ta’ Riżerva (Stand-By Arrangement – SBA) ta’ EUR 1.1 biljun mal-awtoritajiet b’appoġġ għal programm ekonomiku maħsub biex jikkoreġi l-iżbilanċi esterni u fiskali li rriżultaw mill-kriżi globali. Fit-30 ta’ Novembru 2009, l-UE ddeċidiet li tikkomplimenta l-SBA b’AMF sa EUR 100 miljun f’self (deċiżjoni tal-Kunsill 2009/891/KE). Fl-2010, l-ekonomija tal-Bosnja-Ħerzegovina kienet qiegħda tirkupra b’mod moderat mir-riċessjoni esperjenzata fl-2009. Il-mutur tal-irkupru kienu l-esportazzjonijiet, li jirriflettu t-tkabbir ekonomiku qawwi ta’ wħud mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-pajjiż. It-tkabbir fl-esportazzjoni rriżulta fit-tnaqqis tad-defiċit fil-kont kurrenti u fl-akkumulazzjoni ta’ livell aktar komdu ta’ riżervi barranin, li wasslu għal tnaqqis fil-ħtiġijiet tal-finanzjament estern tal-Bosnja-Ħerzegovina matul l-2010 (kif stmat mill-FMI). F’dan l-isfond, wara l-konklużjoni b’suċċess tat-tieni u t-tielet reviżjoni tal-programm tal-FMI f’Ottubru (il-programm baqa’ miexi sew fl-2010), il-bank ċentrali ma ġibidx mill-fondi disponibbli taħt it-tielet porzjon, li jirrifletti l-livell komdu tiegħu ta’ riżervi ta’ kambju barrani. Fil-bidu tal-2010, il-Kummissjoni nnegozjat Memorandum ta’ Qbil (MtQ) u l-Ftehim ta’ Self (FS) mal-awtoritajiet li jistabbilixxu l-kundizzjonalità tal-politika ekonomika għall-għajnuna. Wara ftehim, li dam biex intleħaq, dwar dan l-MtQ mill-Istat u ż-żewġ entitajiet, l-MtQ u l-FS ġew iffirmati f’Novembru 2010, wara l-elezzjonijiet ġenerali. Madankollu, ir-ratifika tal-FS kompliet tiġi posposta sal-2011, sakemm bdew joperaw il-parlamenti eletti ġodda. Il-ħlasijiet mistennija jsiru matul l-2011. Kosovo[2] L-ekonomija tal-Kosovo kompliet tikber fl-2010 wara li diġà kienet espandiet fl-2009 bi 2.9%, l-aktar permezz tal-infiq pubbliku. Hemm riskji dejjem jiżdiedu għall-prospetti tat-tkabbir hekk kif l-espansjoni fiskali sottostanti qiegħda tilħaq il-limiti tagħha. L-għajnuna finanzjarja eċċezzjonali favur il-Kosovo fil-forma ta’ għotjiet ta’ appoġġ baġitarju ta’ EUR 50 miljun li jmorru lura għall-2006 (id-Deċiżjoni 2006/880/KE tat-30 ta’ Novembru 2006) inizjalment kellha tiskadi f’Diċembru 2009. F’Diċembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-perjodu ta ’ disponibbiltà tal-programm b ’ sena addizzjonali waħda, sal-11 ta ’ Diċembru 2010 . F’Lulju 2010, il-gvern tal-Kosovo laħaq ftehim mal-FMI dwar programm ekonomiku appoġġjat minn Arranġament ta’ Riżerva ta’ 18-il xahar. Din kienet l-aħħar kundizzjoni pendenti għar-rilaxx tal-ewwel pagament taħt il-programm tal-AMF mill-UE. Għalhekk, f’Settembru 2010 il-Kummissjoni ħalset l-ewwel porzjon b’għotja ta’ EUR 30 miljun. Wara x-xoljiment tal-Parlament tal-Kosovo f’Novembru, il-FMI ma setax ilesti l-ewwel analiżi tal-programm SBA qabel l-aħħar tal-2010. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-ftehim mal-FMI kienx miexi sew, li kienet kundizzjoni prinċipali għar-rilaxx tat-tieni porzjon pendenti ta’ EUR 20 miljun. Id-disponibbiltà tal-għajnuna skadiet f’Diċembru 2010 u ma setgħetx tiġġedded. Is-Serbja Wara tnaqqis ta’ 3.5% tal-produzzjoni f’termini reali fl-2009, l-ekonomija Serba bdiet tirkupra fl-2010. It-titjib ekonomiku fl-2010 (+1.8%) kien dovut l-aktar għad-domanda barranija, filwaqt li l-konsum u l-investiment domestiċi baqgħu ristretti. Minħabba li kien għaddej irkupru ekonomiku b’mod gradwali fis-sħab kummerċjali ewlenin tas-Serbja, u d-dinar kompla jitlef mill-valur tiegħu, l-attività tal-esportazzjoni splodiet. Il-programm tal-FMI b’valur ta’ EUR 3 biljun, li kien implimentat bejn Mejju 2009 u April 2011, baqa’ miexi sew u l-Bord tal-FMI lesta b’suċċess is-seba’ analiżijiet kollha tal-programm. Fid-dawl tal-bilanċ imtejjeb tas-sitwazzjoni tal-pagamenti, il-bank ċentrali tas-Serbja ġibed biss nofs il-fondi tal-SBA disponibbli. Wara l-approvazzjoni mill-Kunsill ta’ faċilità ta’ self tal-AMF sa EUR 200 miljun fl-aħħar tal-2009 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/892/KE tat-30 ta’ Novembru 2009), f’Lulju 2010 il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Serbi ffirmaw MtQ li stabbilixxa l-kundizzjonalità ta’ din l-għajnuna. Il-Ftehim ta’ Self ġie ffirmat f’Diċembru. Fid-dawl tat-tnaqqis tal-użu ppjanat tar-riżorsi tal-FMI mill-awtoritajiet Serbi, f’Lulju 2010 il-Kummissjoni għarrfet lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju li hija kienet qiegħda tippjana li tnaqqas l-għajnuna tal-UE u li tħallas biss l-ewwel porzjon tagħha (EUR 100 miljun). Il-Kumitat approva l-approċċ tal-Kummissjoni. Wara r-ratifika tal-FS tal-AMF f’Marzu 2011, il-Kummissjoni qiegħda tħejji r-rilaxx ta’ dan il-porzjon, li mistenni jseħħ fis-sajf tal-2011. Il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant L-Armenja Fl-2010, l-ekonomija Armena rkuprat xi ftit mit-tnaqqis drastiku ta’ 14.2% fl-2009; madankollu, il-pass tal-irkupru baqa’ modest, bil-PDG reali jikber bi 2.6%. Barra minn hekk, l-irkupru kemm fil-kont kurrenti kif ukoll fl-investimenti barranin baqa’ mrażżan. Għalhekk, il-ħtiġijiet tal-finanzjament estern jibqgħu sostanzjali u l-appoġġ mill-komunità internazzjonali jibqa’ meħtieġ sabiex jinħolqu mill-ġdid il-kundizzjonijiet għal tkabbir sostnut. Huwa f’dan il-kuntest li l-gvern Armen kompla l-implimentazzjoni tal-programm ta’ riforma u stabbilizzazzjoni ekonomika appoġġjat mill-komunità tad-donaturi internazzjonali. Il-ftehim tal-Armenja mal-FMI jmur lura għal Marzu 2009, meta l-Bord tal-FMI approva SBA ta’ USD 820 miljun għal 28 xahar. F’Ġunju 2010, l-SBA ġie sostitwit minn programm ġdid ta’ tliet snin taħt il-Faċilità ta’ Fond Estiż (FFE) u l-Faċilità ta’ Kreditu Estiż (FKE) konċessjonali. Meta wieħed iqis il-ħlasijiet li saru skont l-SBA, l-aċċess totali tal-Armenja għar-riżorsi tal-FMI fl-2009-2013 huwa stmat għal madwar USD 950 miljun. Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill tal-UE adotta d-Deċiżjoni dwar l-għoti tal-AMF lill-Armenja li tammonta għal EUR 100 miljun, inklużi EUR 35 miljun f’għotjiet u EUR 65 miljun f’self (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/890/KE). Bil-għan li jimplimentaw din id-deċiżjoni, f’Diċembru 2010, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Armenja qablu dwar l-MtQ u d-dokumenti legali relatati (Ftehimiet ta’ Self u ta’ Għotjiet), li kienu ffirmati fi Frar 2011. Il-ħlasijiet taħt il-programm tal-AMF huma skedati li jsiru fl-2011. Il-Ġeorġja Fl-2010, l-UE lestiet l-implimentazzjoni tal-programm tal-AMF għall-Ġeorġja approvat mill-Kunsill f’Novembru 2009 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/889/KE tat-30 ta’ Novembru 2009). L-għajnuna ta’ EUR 46 miljun, ipprovduta fil-forma ta’ għotjiet, kienet parti minn pleġġ ta’ żewġ operazzjonijiet possibbli tal-AMF ffinanzjati mill-UE tal-istess ammont magħmula mill-Kummissjoni waqt il-Konferenza tad-Donaturi Internazzjonali ta’ Ottubru 2008. L-għan ta’ dawn l-operazzjonijiet kien li jgħinu lill-Ġeorġja tegħleb l-impatt tax-xokk doppju kkawżat mill-kunflitt militari tal-2008 mar-Russja (u l-imblokk kummerċjali relatat) u mill-kriżi finanzjarja globali. Il-Ġeorġja ilha minn Settembru 2008 timplimenta b’suċċess programm ekonomiku miftiehem mal-FMI u appoġġjat permezz tal-finanzjament tal-FMI. Wara l-ħlas tal-ewwel porzjon tal-programm ta’ għajnuna tal-2009 f’Diċembru 2009 u Jannar 2010, it-tieni porzjon ta’ EUR 23 miljun tħallas f’Awwissu 2010. Ir-rilaxx ta’ dan il-porzjon sar possibbli grazzi għall-implimentazzjoni b’suċċess mill-awtoritajiet Ġeorġjani tal-politiki ta’ riforma strutturali, b’mod partikolari fil-qasam tal-immaniġjar tal-finanzi pubbliċi, miftiehma fl-2009 sabiex iservu bħala kundizzjonijiet għar-rilaxx tal-għajnuna. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni bdiet it-tħejjija tat-tieni operazzjoni tal-AMF. Din it-tieni AMF mwiegħda fl-2008 kienet kondizzjonali fuq li jkunu għadhom jeżistu ħtiġijiet tal-finanzjament estern aktar minn dawk koperti mill-arranġament tal-FMI. Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-Ġeorġja, u wara t-tlestija b’suċċess tal-operazzjoni preċedenti tal-AMF, f’Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat proposta għall-attivazzjoni tat-tieni parti tal-AMF imwiegħda fl-2008. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi taħlita ta’ għotjiet (għal nofs l-ammont totali tal-għajnuna) u self. Il-programm il-ġdid sejjer jappoġġja l-kontinwazzjoni tar-riformi fi wħud mill-oqsma ewlenin ta’ riforma strutturali, inkluż l-immaniġjar tal-finanzi pubbliċi. Id-Deċiżjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija mistennija fis-sajf tal-2011. Ir-Repubblika tal-Moldova Fl-2009 il-Kummissjoni kienet diġà bdiet tħejji programm tal-AMF għar-Repubblika tal-Moldova, meta koalizzjoni ġdida favur ir-riforma fformat gvern u żviluppat aġenda ġdida u ambizzjuża ta’ riforma. Din il-ħidma, imwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib mal-IFIs, kompliet fil-bidu tal-2010, wara l-approvazzjoni mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI f’Jannar 2010 ta’ arranġament finanzjarju FKE-FFE ta’ tliet snin, u wasslet għas-sottomissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta’ proposta għal AMF li tammonta għal EUR 90 miljun, f’għotjiet, li jridu jitħallsu fi tliet porzjonijiet fl-2010 u fl-2011. Il-proposta tal-Kummissjoni ġiet approvata finalment mill-koleġiżlaturi fl-20 ta’ Ottubru 2010 (id-Deċiżjoni 938/2010/UE). Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni leġiżlattiva dwar l-AMF, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet iffinalizzaw in-negozjati dwar il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika tal-għajnuna. Il-ftehim dwar l-MtQ ta ċans lill-Kummissjoni sabiex f’Diċembru 2010 tkun diġà ħallset l-ewwel porzjon tal-AMF tal-UE, ta’ EUR 40 miljun. Fl-2010, l-ekonomija tal-Moldova bdiet tirkupra, wara l-kontrazzjoni tal-2009. Madankollu, il-kontijiet esterni tal-Moldova għadhom dgħajfa, li timplika li l-appoġġ tad-donaturi internazzjonali għadu fattur importanti fiż-żamma tal-istabilità makro-ekonomika u l-appoġġ tal-aġenda ta’ riforma tal-gvern. L-AMF tal-UE sejra tikkomplimenta r-riżorsi finanzjarji, li jammontaw għal madwar USD 1.4 biljun, ipprovduti mill-FMI, il-Bank Dinji, kredituri multilaterali oħrajn u donaturi bilaterali uffiċjali, flimkien mal-UE, fil-forma tas-self mill-BEI u appoġġ baġitarju settorjali. L-Ukraina L-ekonomija tal-Ukraina daħlet f’fażi ta’ rkupru fl-2010 b’ritorn għat-tkabbir ekonomiku, inflazzjoni domestika aktar baxxa, stabbilizzazzjoni tal-hryvnia, riforniment tar-riżervi uffiċjali tal-kambju barranin u tnaqqis tad-defiċit pubbliku. Madankollu, l-irpiljar fl-investiment baqa’ modest, filwaqt li l-kont kurrenti reġa’ lura f’defiċit, tant li tqajmu xi dubji dwar is-sostenibbiltà tal-irkupru fuq perjodu ta’ żmien medju u ttawlet id-dipendenza tal-pajjiż fuq l-appoġġ finanzjarju estern uffiċjali. F’dan l-isfond, f’Lulju 2010 il-koleġiżlaturi tal-UE adottaw Deċiżjoni sabiex jipprovdu EUR 500 miljun tal-AMF lill-Ukraina (id-Deċiżjoni 388/2010/UE tas-7 ta’ Lulju 2010). Din kienet l-ewwel operazzjoni tal-AMF approvata wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona skont ir-regoli l-ġodda (kodeċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament). Din l-AMF tal-UE tissupplimenta l-SDR 10 biljun magħmula disponibbli mill-FMI fil-kuntest tal-SBA approvat fid-29 ta’ Lulju 2010 (minflok SBA li kien approvat aktar kmieni f’Novembru 2008). Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea nediet in-negozjati mal-awtoritajiet Ukraini dwar il-kundizzjonijiet politiċi assoċjati ma’ pakkett ta’ self tal-AMF sa EUR 610 miljun, li jikkombina l-ammonti disponibbli skont id-Deċiżjoni tal-AMF tal-2010 u dik tal-2002 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE tat-12 ta’ Lulju 2002). Madankollu, il-progress fin-negozjati ta’ dawn il-kundizzjonijiet politiċi (li mistennija jkunu jinkludu miżuri fl-oqsma tal-immaniġjar tal-finanzi pubbliċi, l-amministrazzjoni fiskali u doganali, l-enerġija u regolamenti fis-settur finanzjarju) kien kajman, tant li dewwem l-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni. Il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Mediterran Il-Libanu Il-programm tal-AMF għal-Libanu, li jikkonsisti f’għotja ta’ EUR 30 miljun u self ta’ EUR 50 miljun, kien approvat fl-2007 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/860/KE tal-10 ta’ Diċembru 2007). L-ewwel porzjon taħt dan il-programm, li jikkorrespondi għal nofs l-ammont ta' kemm il-komponent tal-għotja kif ukoll dak tas-self, tħallas f’Diċembru 2008 (il-parti tal-għotja) u f’Ġunju 2009 (il-parti tas-self). Il-ħlas tat-tieni porzjon ma setax isir qabel id-data oriġinali tal-iskadenza tal-programm (il-21 ta’ Diċembru 2009), minħabba li l-awtoritajiet naqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet miftiehma mal-Kummissjoni fl-MtQ. In-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali kien jirrifletti n-nuqqas ta’ kunsens politiku fi ħdan il-gvern fraġli ta’ koalizzjoni u l-kważi paraliżi tal-attività leġiżlattiva matul il-biċċa l-kbira tal-2008 u l-2009, minkejja l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju 2009. Fl-aħħar tal-2009, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-perjodu ta’ disponibbiltà għar-rilaxx tat-tieni porzjon sal-21 ta’ Diċembru 2010, permezz ta’ addendum għall-MtQ. Madankollu, dan l-addendum qatt ma ġie rratifikat mill-awtoritajiet Lebaniżi. Barra minn hekk, fl-2010 ftit li xejn sar progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, li bosta minnhom kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet għar-rilaxx tat-tieni pagament taħt l-AMF mill-UE. Għalhekk, l-AMF lil-Libanu skadiet f’Diċembru 2010. L-iskadenza tal-programm mingħajr l-implimentazzjoni tiegħu b’mod sħiħ tirrifletti wkoll in-nuqqas ta’ arranġament finanzjarju suċċessur tal-FMI għall-programm ta’ Assistenza ta’ Emerġenza ta' Wara l-Konflitti II (EPCA II) tal-Fond, li skada f’Ġunju 2009, kif ukoll it-titjib fil-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Libanu. Tabilħaqq, l-ekonomija tal-Libanu wriet reżiljenza kbira għall-kriżi finanzjarja globali, minkejja l-ambjent politikament inċert, b’attività ekonomika ta’ suċċess u pożizzjoni finanzjarja esterna aħjar. NIżGURAW UżU XIERAQ TAL-FONDI TAL-AMF: VALUTAZZJONIJIET OPERAZZJONALI, RFNP U EVALWAZZJONIJIET EXPOST Valutazzjonijiet operazzjonali B’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju relatat mal-baġit tal-UE sabiex jitwettqu spezzjonijiet qabel ma jitħallsu fondi lill-pajjiżi benifiċjarji, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ konsulenti esperti, twettaq valutazzjonijiet operazzjonali (VO) bil-għan li tikseb assigurazzjonijiet raġjonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u taċ-ċirkwiti finanzjarji tal-pajjiżi benefiċjarji. Il-VO jiffokaw fuq il-proċeduri u l-organizzazzjoni tal-ministeri tal-finanzi u l-banek ċentrali u, b’mod aktar speċifiku, fuq l-immaniġjar tal-kontijiet li jirċievu l-fondi tal-UE. Barra minn hekk, tingħata attenzjoni speċjali lejn il-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet tal-awditjar estern, l-indipendenza tagħhom, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-effettività tal-kontrolli tagħhom. Fl-aktar VO riċenti saret ukoll analiżi tal-proċeduri eżistenti fl-aġenziji tal-akkwist. Fl-2010, il-Kummissjoni wettqet VO fl-Armenja, fir-Repubblika tal-Moldova u fil-Ġeorġja. Il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dawn l-VO huma rrappurtati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SEC (2011) 873 finali). Valutazzjonijiet tar-Responsabbiltà Finanzjarja u tan-Nefqa Pubblika Il-Kummissjoni qiegħda tfittex il-komplimentarjetà ma’ għodod dijanjostiċi oħrajn fil-qasam tal-immaniġjar tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi li jibbenifikaw minn appoġġ tad-donaturi. F’dan il-kuntest, il-programm tar-Responsabbiltà Finanzjarja u tan-Nefqa Pubblika (RFNP) imwaqqaf fl-2001 bħala sħubija b’bosta donaturi li tinvolvi, fost l-oħrajn, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Dinji u l-FMI, huwa qafas partikolarment xieraq. Fis-snin riċenti, tlestew studji tal-RFNP għal għadd ta’ pajjiżi li jirċievu jew li huma potenzjalment eliġibbli għall-AMF: l-Armenja (2008), il-Bjelorussja (2009), il-Ġeorġja (2008), il-Kosovo (2009), ir-Repubblika tal-Kirgistan (2009), ir-Repubblika tal-Moldova (2008), il-Marokk (2009) u s-Serbja (2010). Il-Kummissjoni ħadet ħsieb, flimkien mal-Bank Dinji, l-istudji tal-RFNP tal-Ġeorġja u l-Marokk u kkontribwiet direttament għal diversi studji oħrajn. Fl-2010, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni RFNP għal-Libanu, iżda l-istudju tagħha għadu ma ġiex iffinalizzat. Fil-preżent, il-Kummissjoni qiegħda tħejji, flimkien mal-Bank Dinji, żewġ studji tal-RFNP, taġġorna valutazzjonijiet preċedenti tal-RFNP tal-Ukraina (imwettqa fl-2007) u tar-Repubblika tal-Moldova. Is-sejbiet ta’ dawn l-istudji tal-RFNP sejrin jikkomplimentaw l-aħħar VO tal-proċeduri finanzjarji f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Huma sejrin ikunu utli ħafna sabiex jappoġġjaw l-operazzjonijiet tal-AMF li għaddejjin, partikolarment il-monitoraġġ/it-tfassil tal-kundizzjonijiet tal-PFM. Evalwazzjonijiet ex-post Sabiex tevalwa l-impatt tal-AMF u b’konformità mar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet expost tal-programmi tal-AMF. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet qegħdin jitqiesu fit-tisħiħ tal-prassi tal-immaniġjar tal-AMF. Huma ntużaw ukoll fit-tfassil tar-Regolament ta’ Qafas għall-AMF, li qiegħed jitħejja. Fl-2010, ma ġiet imnedija ebda evalwazzjoni expost ġdida, peress li fl-2009 ma tlestiet l-ebda operazzjoni tal-AMF. Żewġ evalwazzjonijiet li nbdew fl-2009 tlestew fl-2010: l-evalwazzjonijiet tal-programmi AMF għall-Ġeorġja u għar-Repubblika tal-Moldova li ġew implimentati fl-2006-2008 u fl-2007-2008, rispettivament. Ir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ġew ippreżentati fir-Rapport Annwali tal-2009 dwar l-implimentazzjoni tal-AMF għal pajjiżi terzi. Wara t-tlestija f’Awwissu 2010 tal-implimentazzjoni tal-programm tal-AMF għall-Ġeorġja u l-iskadenza f’Diċembru 2010 tal-programmi tal-AMF għall-Kosovo u l-Libanu, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li matul l-2011 tniedi evalwazzjonijiet expost ta’ dawn it-tliet operazzjonijiet. TALBIET GħAL GħAJNUNA U PROPOSTI FUTURI TAL-KUMMISSJONI L-operazzjonijiet tal-AMF li qegħdin jiġu implimentati fl-2011 jinkludu l-programmi approvati fil-perjodu 2009-2010 favur il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja, l-Armenja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dak għall-Ukraina, mistennija titlesta fl-2011. Barra minn hekk, il-programm il-ġdid għall-Ġeorġja, li bħalissa jinsab taħt kunsiderazzjoni mill-koleġiżlaturi, mistenni jiġi approvat dalwaqt. Huwa ppjanat ukoll li din l-operazzjoni titlesta fl-2011. It-tħejjija attwali tal-operazzjonijiet tal-AMF li huma ppjanati jew previsti fl-2011-2012 tinkludi wkoll programm possibbli għall-Kosovo. Wara l-iskadenza tal-programm preċedenti, operazzjoni ġdida tal-AMF ser tikkorrispondi għall-pleġġ kondizzjonali magħmula mill-UE waqt il-konferenza tad-donaturi ta’ Ġunju 2008 dwar il-Kosovo, għal ammont sa EUR 100 miljun, f’għotjiet. Fl-2010 il-Kummissjoni rċeviet talba għall-għajnuna mill-awtoritajiet il-ġodda tar-Repubblika tal-Kirgistan. Talba inizjali sottomessa fl-ewwel nofs tal-2009 mill-amministrazzjoni preċedenti kienet iddikjarata bħala ineliġibbli minħabba li l-finanzjament sostanzjali impenjat mir-Russja wassal għall-eliminazzjoni ta’ diskrepanza finanzjarja residwa. Din it-talba ġdida segwiet l-avvenimenti politiċi tal-2010 fil-pajjiż. Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni ekonomika u l-ħtiġijiet finanzjarji tar-Repubblika tal-Kirgistan, f’kuntatt mill-qrib mal-FMI u fil-kuntest ta’ mobilizzazzjoni kbira ta' donaturi uffiċjali. Programmi oħrajn ġodda possibbli tal-AMF jistgħu jiġu mill-attivazzjoni tat-talbiet sottomessi mill-Islanda u l-Bjelorussja fl-2009. F’dan l-istadju jidher li mhuwiex probabbli li jkun hemm operazzjoni tal-AMF fl-Islanda minħabba li l-prospetti esterni tjiebu ferm. Barra minn hekk, il-programm tal-FMI jiskadi f’Awwissu 2011 u l-awtoritajiet m'għandhomx il-ħsieb li jitolbu programm suċċessur ta’ ħlas ta’ flus. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Bjelorussja ddeterjorat b’mod sinjifikanti mill-bidu tal-2011, ir-reazzjoni tal-UE għal talba possibbli mill-Bjelorussja, jekk u meta l-FMI jinnegozja arranġament finanzjarju ġdid mal-awtoritajiet tal-pajjiż (l-SBA preċedenti skada fil-bidu tal-2010), sejra tiddependi serjament fuq il-kapaċità tal-Bjelorussja li jissodisfa l-prerekwiżiti politiċi għall-AMF, partikolarment il-ħtieġa li jiggarantixxi istituzzjonijiet demokratiċi u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Bħalissa, dawn il-prerekwiżiti mhumiex issodisfati. Barra minn hekk, jistgħu jiġu antiċipati operazzjonijiet ta’ segwitu għall-programmi eżistenti (u fil-kuntest tal-arranġamenti eżistenti ta’ finanzjament fuq perjodu ta’ żmien medju mal-FMI li jiskadu fl-2013) għall-Armenja u għar-Repubblika tal-Moldova. Fid-dawl tal-ħtiġijiet finanzjarji probabbli fil-perjodu ta' żmien qasir fi wħud mill-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar li għaddejjin minn bidliet politiċi (pereżempju l-Eġittu u t-Tuneżija), hemm ukoll possibbiltà qawwija li l-UE tintalab tipprovdi appoġġ finanzjarju, inkluż fil-forma tal-AMF, għal uħud mill-aktar pajjiżi affettwati. Il-prospett tal-attivazzjoni tal-istrument tal-AMF għal uħud mill-pajjiżi tal-Mediterran kien espliċitament ikkonfermat fil-Komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà intitolata "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża mal-Mediterran tan-Nofsinhar" li ġiet adottata fit-8 ta’ Marzu 2011. Kif ġie nnotat f’din il-Komunikazzjoni, u kif huwa l-każ għall-operazzjonijiet kollha tal-AMF, iridu jiġu ssodisfati żewġ prerekwiżiti sabiex l-UE tkun tista’ tikkunsidra din l-għajnuna fir-reġjun: l-eżistenza ta’ arranġament tal-FMI u l-konferma mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-FMI, tal-eżistenza ta' ħtiġijiet finanzjarji residwi fil-bilanċ tal-pagamenti. Fil-każ tal-Eġittu, l-awtoritajiet qegħdin jinnegozjaw programm mal-FMI u fid-9 ta' Ġunju 2011 bagħtu lill-Kummissjoni talba formali għal AFM komplimentarja Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li testima, flimkien mal-FMI, il-ħtiġijiet esterni finanzjarji residwi tal-Eġittu bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta' proposta għal AFM għal dan il-pajjiż. Table 1: Ammonti ta’ AMF awtorizzati skont kull sena matul 2001-2010 f’miljuni ta' EUR [pic]Ċart 1a: Ammonti ta’ AMF awtorizzati skont kull sena matul 2001-2010 f’miljuni ta' EUR [pic] Ċart 1b: Ammonti ta’ AMF awtorizzati mir-reġjuni matul 2001-2010 [pic] Table 2: Ammonti ta’ AMF imħallsa skont is-sena matul 2001-2010 f’miljuni ta' EUR [pic]Ċart 2a: Ammonti ta’ AMF imħallsa skont is-sena matul 2001-2010 f’miljuni ta' EUR [pic] Ċart 2b: Ammonti ta’ AMF imħallsa mir-reġjuni matul 2001-2010 [pic] [1] EUR 500 miljun disponibbli skont id-deċiżjoni ta’ Lulju 2010 għall-Ukraina sejrin jiġu kkombinati ma’ EUR 110 miljun li baqgħu ma tħallsux mid-deċiżjoni dwar l-AFM tal-2002 għal dan il-pajjiż, li timplika operazzjoni b’ammont massimu ta’ EUR 610 miljun. Dan l-ammont jimplika t-tieni l-akbar programm tal-AFM li qatt ġie deċiż. L-akbar operazzjoni ta’ AFM – faċilità ta’ self ta’ EUR 870 miljun għall-Ungerija li ġiet deċiża fl-1990 – kienet ġiet sospiża wara r-rilaxx tal-ewwel pagament ta’ EUR 260 miljun. [2] UNSCR 1244