/* KUMM/2011/0176 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL ibbażat fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha
[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 12.4.2011 KUMM(2011) 176 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL ibbażat fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL ibbażat fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha INTRODUZZJONI 1.1. Sfond Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI[1] ("id-Deċiżjoni") tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu jew jinnominaw Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi ("URA") bħala punti nazzjonali ċentrali ta' kuntatt li jiffaċilitaw, permezz ta' kooperazzjoni mtejba, l-aktar rintraċċar mgħaġġel madwar l-UE kollha kemm hi ta' assi derivati mill-kriminalità. Id-Deċiżjoni tippermetti lill-URA li jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattika, kemm meta ssir talba kif ukoll minn jeddhom, ikun xi jkun l-istejtus tagħhom (awtorità amministrattiva, tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja). Hija titlob lill-URA li jiskambjaw informazzjoni bil-kundizzjonijiet ippreżentati fid-Deċiżjoni Qafas 2006.960/ĠIA[2] ("l-Inizjattiva Svediża") u b'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Id-Deċiżjoni hija maħsuba wkoll biex tappoġġa lill-CARIN (Camden Assets Recovery Inter-Agency Network), netwerk globali ta' professjonisti u esperti li l-għan tiegħu huwa t-titjib tal-konoxxenza reċiproka dwar metodi u tekniki għall-identifikazzjoni, l-iffirżar, il-qbid u l-konfiska bejn naħa u oħra tal-fruntieri ta' assi miksubin b'mod illeċitu. 1.2. In-notifikazzjonijiet mibgħutin mill-Istati Membri L-Artikolu 8.1 tad-Deċiżjoni jitlob lill-Istati Membri jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, sat-18 ta' Diċembru 2008, it-test ta’ kwalunkwe dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħhom li jippermettulhom jikkonformaw mal-obbligi imposti fuqhom b'din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni rċeviet notifiki mingħand dawn il-21 Stat Membru: AT, BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, FI, FR, HU, IE, LT, LU, LV, NL, PL, SK, SV u UK. ES ma bagħtitx in-notifika lill-Kummissjoni, iżda nnotifikat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Ma waslet l-ebda notifika mingħand MT, IT, PT, RO u SI . Il-biċċa l-kbira tan-notifiki mibgħutin mill-Istati Membri sempliċiment jindikaw id-dettalji tal-URA nnominat(i) minnhom (id-Deċiżjoni tippermetti lill-Istati Membri li jinnominaw awtorità oħra bħala URA jekk ikunu jixtiequ) u, f'xi każijiet, referenza għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. In-notifiki ta' BE, EL u IE jinkludu wkoll it-test sħiħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. 1.3. Metodu u kriterji ta' evalwazzjoni L-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi għall-istabbiliment ta' rapport bil-miktub tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda minn Stati Membri biex jikkonformaw ma' dan l-istrument sat-18 ta' Diċembru 2010. Kienu biss tmienja l-Istati Membri li kienu bagħtu n-notifikazzjoni tagħhom meta għalaq iż-żmien oriġinali ffissat mid-Deċiżjoni. Aktar minn hekk, in-notifikazzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu jkopru biss aspett wieħed tad-Deċiżjoni, i.e. l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar in-nomina tal-URA ( l-Artikolu 1 ). In-notifikazzjonijiet mibgħutin ma semmewx l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-URA ( l-Artikolu 2 ), l-iskambjar ta' tagħrif bejn l-URA wara li ssi talba għal dan ( l-Artikolu 3 ) u spontanjament ( l-Artikolu 4 ), il-konformità tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta ( l-Artikolu 5 ), u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-URA ( l-Artikolu 6 ). Għaldaqstant, kien meħtieġ li n-notifikazzjonijiet uffiċjali jinqraw flimkien ma' tagħrif ieħor, għall-inqas biex tiġi koperta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali minimi li hemm fid-Deċiżjoni. It-tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll dwar il-progress tal-Istati Membri fin-nominazzjoni tal-URA, inġabar waqt il-laqgħat tal-Pjattaforma informali tal-UE dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi ("Pjattaforma tal-URA"). Din il-pjattaforma ltaqgħet regolarment mill-bidu tal-2009 'l hawn u tinkludi l-URA nnominati fl-Istati Membri u l-awtoritajiet involuti fl-istabbiliment ta' URA jew li jkunu qed jaġixxu bħala URA għal ftit żmien. B'mod partikulari, fil-laqgħat tal-Pjattaforma tal-URA li saru f'Marzu u f'Mejju 2010, l-URA indikaw lill-Kummissjoni l-preferenza tagħhom għal rapport dwar l-implimentazzjoni b'ambitu usa' mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni u li jkunu jkopru wkoll aspetti tal-istruttura, is-setgħat u l-aċċess għat-tagħrif tal-URA nnominati, il-progress biex ikun hemm sistema ta' skambju ta' tagħrif li tkun fiż-żgur u l-isfidi ewlenin li qed jaffrontaw l-URA. It-tagħrif ta' hawn fuq inġabar minn tabella li tipprovdi tagħrif bażiku dwar l-URA nnominati (Matriċi tal-URA) u mit-tweġibiet tal-URA għal kwestjonarju addizzjonali qasir li tqassam mill-Kummissjoni (17-il URA wieġbu għall-kwestjonarju bejn Settembru u Novembru 2010). Dan it-tagħrif kompla jiġi ssupplimentat permezz ta' tagħrif ieħor li ħareġ mill-Konferenza pan-Ewropea dwar l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi li saret fi Brussell fis-6 u s-7 ta' Diċembru 2010. 2. EVALWAZZJONI Artikolu 1 – Uffiċċji għall-irkupru tal-Assi L-URA li ġejjin ġew innominati skont l-Artikolu 8.1 tad-Deċiżjoni: L-Awstrija nnominat lill-Pulizija Kriminali Federali ( Bundeskriminalamt – Referat "Vermögensabhöpfung" ). Il-Belġju nnomina lill- Organe Central pour la Saisie et la Confiscation (L-Uffiċċju Ċentrali għall-Qbid u l-Konfiska – UĊQK), li huwa stabbilit permezz tal-liġi tas-26 ta' Marzu 2003. Il-Bulgarija nnominat żewġ URA, il-Kummissjoni għall-Istabbiliment ta' Proprjetà mill-Attività Kriminali (is-CEPACA, li wara bidlet isimha għal CEPAIA), u l-uffiċċju tal-Prosekutur Suprem. Ċipru nnomina lill-Unità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (MOKAS-FIU Ċipru). Ir-Repubblika Ċeka nnominat lill-Unità Kontra l-Korruzzjoni u d-Delitti Finanzjarji (l-UOKFK), fid-Dipartiment tal-Koperazzjoni Internazzjonali, u għaddiet l-Att nru 273/2008. Id-Danimarka nnominat lill-Prosekutur tal-Istat għall-Kriminalità Ekonomika Serja ( Statsadvokaten for Særlig Økonomisk Kriminalitet ) L-Estonja nnominat lid-Diviżjoni V tad-Dipartiment tal-Istħarriġ tal-Pulizija Kriminali Ċentrali Il-Finlandja nnominat lill-Burò Nazzjonali għall-Istħarriġ tad-Diviżjoni tal-Intelligence Kriminali/iċ-Ċentru tal-Komunikazzjonijiet Franza nnominat lid-Direttorat Ċentrali għall-Istħarriġ Kriminali ( Plateforme d'Identification des Avoirs Criminels – il-PIAC). Dan l-aħħar Franza nnominat URA ieħor, l-Aġenzija għall-ġestjoni u l-irkupru tal-assi maqbudin u kkonfiskati (l-AGRASC). In-notifikazzjoni lill-Kummissjoni qed issir. Il-Ġermanja nnominat żewġ URA, il-Pulizija Kriminali Federali ( Bundeskriminalamt Referat SO 35 "Vermögensabschöpfung" ) u l-Ministeru tal-Ġustizzja ( Bundesamt für Justiz ) Il-Greċja nnominat lill-Unità Kontra l-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika li tagħmel parti mill-Ministaru tal-Finanzi, skont il-liġi nru 3842/2010. L-Ungerija nnominat lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istħarriġ ( Nemzeti Nyomozó Iroda ). L-Irlanda nnominat lill-Burò tal-Assi Kriminali, li ġie stabbilit permezz tal-Att tal-2005 dwar il-Burò tal-Assi Kriminali. Il-Latvja nnominat lid-Dipartiment tal-Pulizija Ekonomika tad-Dipartiment Ċentrali tal-Pulizija Kriminali tal-Pulizija tal-Istat. Il-Litwanja nnominat żewġ URA, il-Pulizija Kriminali (Lietuvos kriminalines policijos biuras) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ( Lietuvos Respublikos generaline prokuratura ) Il-Lussemburgu nnomina lill- Parquet du Tribunal d'Arrondissement de Luxembourg, Section éco-fin . Il-Pajjiżi l-Baxxi nnominaw lis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika tal-Burò tal-Privazzjoni tal-Assi Kriminali ( Bureau Ontnemingswetgeving Openbaar Ministerie - BOOM ). Il-Polonja nnominat lill-Unità għall-Irkupru tal-Assi, li tagħmel parti mill-Burò Kriminali fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Is-Slovakkja nnominat lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tal-Burò għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalita Organizzata tal-Presidju tal-Forza tal-Pulizija. Spanja nnominat żewġ URA: iċ-Ċentru tal-Intelligence kontra l-Kriminalità Organizzata (iċ-CICO) u l-Uffiċċji Speċjali tal-Prosekuzzjoni Kontra d-Drogi ( Fiscalia Especial Antidrogas ) tal-Ministeru tal-Ġustizzja. L-Isvezja nnominat żewġ URA: is-Servizz Nazzjonali tal-Pulizija tal-Intelligence Kriminali u l-Burò Nazzjonali Kontra l-kriminalità Ekonomika ( Ekobrottsmyndigheten ). Ir-Renju Unit innomina żewġ URA: l-Aġenzija Kontra l-Kriminalità Organizzata Serja (l-SOCA) għall-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta' Fuq, u l-Aġenzija Skoċċiża għall-Infurzar Kontra l-Kriminalità u d-Drogi (l-SCDEA) għall-Iskozja. Il-bqija tal-Istati Membri pprovdew it-tagħrif li ġej dwar x'għamlu s'issa biex jaslu biex jinnominaw URA: Malta indikat li l-Iskwadra Nazzjonali Kontra l-Frodi se tiġi nnominata bħala l-URA Nazzjonali. Il-Portugall indika li grupp maħtur taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ġustizzja ngħata l-biċċa xogħol li jistabbilixxi l-istruttura ta' URA fil-ġejjieni. Ir-Rumanija indikat li se jiġi stabbilit URA taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja. L-URA jkun multidixxiplinarju u jkun jinvolvi lill-istrutturi tal-infurzar tal-liġi li aġixxew bħala URA għal xi żmien. Il-persunal rilevanti, inkluż il-punt tal-kuntatt tal-CARIN, jintbagħat mal-URA li għad trid tiġi stabbilita. Is-Slovenja indikat li qed tingħata kunsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' URA taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika. L-Italja indikat li qed tingħata kunsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' URA taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Intern. Id-dispożizzjonijiet rilevanti għan-nominazzjoni interna qed jiġu abbozzati. S'issa, kienu sebgħa l-Istati Membri ( BG, DE, ES, FR, LT, SV, UK ) li ħadu vantaġġ mill-possibbiltà li joffri l-Artikolu 1(2) biex jinnominaw żewġ URA. Għaldaqstant, bħalissa fl-UE hemm 28 URA nnominat. L-URA li ġew innominati s'issa huma primarjament stabbiliti fi ħdan is-servizzi tal-infurzar tal-liġi. Il-bqija huma maqsumin kważi nofs b'nofs bejn URA ġudizzjarji u URA li għandhom struttura multidixxiplinarja. Minħabba li d-Deċiżjoni qed tfittex ukoll li tistabbilixxi strutturi formali biex tappoġġja l-attivitajiet tan-netwerk CARIN, huwa importanti li wieħed jinnota li kważi l-URA kollha nnominati jinkludu l-punt(i) ta' kuntatt tal-CARIN[3]. Artikolu 2 – Kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi Dan l-Artikolu jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-URA jikkoperaw flimkien biex jiffaċiltaw l-intraċċar u l-identifikazzjoni tal-qligħ tal-kriminalità u assi oħrajn marbutin mal-kriminalità billi jiskambjaw tagħrif u l-aħjar prattiki, kemm meta jintalbu jagħmlu dan kif ukoll spontanjament. Jeħtieġ li l-iskambju tat-tagħrif u tal-aħjar prattiki bejn l-URA jsir indipendentement mill-istejtus tagħhom (awtorità amministrattiva, tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja). Waqt id-diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Pjattaforma tal-URA, ġeneralment l-URA esprimew is-sodisfazzjon tagħhom dwar l-ammont ta' kooperazzjoni u ta' skambju tal-aħjar prattiki ma' URA oħrajn. Ma kien hemm l-ebda rapporti dwar xi URA li ma sabx koperazzjoni min-naħa ta' URA ieħor minħabba l-istejtus tiegħu. Għaldaqstant, wieħed jista' jikkonkludi li, kollox ma' kollox, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu qed jiġu implimentati. Artikolu 3 – Skambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi fuq talba Dan l-Artikolu jispjega li t-talbiet għal tagħrif mibgħutin bejn l-URA huma rregolati mill-Inizjattiva Svediża u mir-regoli ta' implimentazzjoni tagħha. L-Inizjattiva Svediża daħħlet limiti taż-żmien biex wieħed iwieġeb għal talbiet għal skambju ta' tagħrif bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi fil-qafas ta' stħarriġ kriminali jew ta' operazzjoni ta' intelligence kriminali, kif ġej: Tmien sigħat għal talbiet urġenti għal tagħrif u intelligence rigward reati serji[4] meta t-tagħrif jew l-intelligence mitlubin ikunu miżmumin f'bażi tad-dejta li l-awtorità tal-infurzar tal-liġi jkollha aċċess direttament għaliha. Ġimgħa waħda għal talbiet mhux urġenti għal tagħrif u intelligence rigward reati serji meta t-tagħrif jew l-intelligence mitlubin ikunu miżmumin f'bażi tad-dejta li l-awtorità tal-infurzar tal-liġi jkollha aċċess dirett għaliha. Ġimgħatejn fil-każijiet l-oħrajn kollha (fejn il-bażi tad-dejta ma tkunx aċċessibbli direttament u/jew it-talba ma jkollhiex x'taqsam ma' delitt serju). Dawn il-limiti stretti taż-żmien japplikaw dment li l-awtorità li tkun qed tagħmel it-talba tinkludi, b'mod kemm jista' jkun preċiż, numru ta' punti ta' informazzjoni fil-formola tat-talba tal-Inizjattiva Svediża (is-suġġett tat-talba u r-raġunijiet għaliex tkun qed issir, in-natura tal-proċeduri, dettalji dwar il-proprjetà li fuqha tkun il-mira jew li tkun imfittxija u rigward persuni li jkun issoponut li jkunu involuti). Barra minn hekk, fil-każijiet kollha ta' hawn fuq hemm il-possibbiltà ta' posponiment. L-URA nnominati indikaw li b'mod ġenerali kapaċi jaħdmu bil-limiti ta' żmien imsmemijin hawn fuq. B'mod partikulari, kienu AT, CZ, DE, ES (wieħed mill-URA), HU, LT u NL li wieġbu fl-affermattiv. BE u ES (l-URA l-ieħor) jirnexxilhom jirrispettawhom fil-biċċa l-kbira tal-każijiet; f' CY jiddependi fuq it-tip ta' tagħrif mitlub. LV tista' ma tkunx kapaċi tirrispetta l-limiti taż-żmien ta' 8 sigħat (dan l-URA ma jaħdimx 24 siegħa kuljum), filwaqt li IE indikaw li ma jistgħux jirrispettaw dejjem il-limiti taż-żmien minħabba li l-kwalità tat-tagħrif ipprovdut minn URA oħrajn spiss ikun jeħtieġ iktar verifiki. L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni jagħmel referenza għall-formola tal-iskambju tat-tagħrif li hija annessa mal-Inizjattiva Svediża u jirreferi għaliha bħala element mandatarju. Waqt it-taħdidiet li saru fil-Pjattaforma tal-URA dwar dan il-punt, is-Segretarjat tal-Kunsill irrapporta li, skont il-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Svediża, l-Istati Membri qablu li l-formola m'għandhiex titqies madatarja. Minkejja dan, il-biċċa l-kbira tal-URA (għall-inqas dawk f' AT, BE, BG, CY, CZ, DE, EE, ES, HU, IE, LT, LV, NL ) fil-fatt jużaw il-formola tal-Inizjattiva Svediża meta jibagħtu t-talbiet lil URA oħrajn, għalkemm xi kultant jużawha flimkien ma' għodod oħrajn[5]. L-URA jibagħtu talbiet għal tagħrif lil URA oħrajn, iżda bosta minnhom jużaw ukoll mezzi oħrajn, bħall-CARIN ( BE, DE, ES, NL ), l-uffiċjali tal-kollegamenti tal-Interpol ( AT, CZ, DE, ES ), l-Europol ( CZ, ES ), in-netwerk ta' uffiċjali tal-kollegamenti tal-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi ( AT, CZ, DE, ES, HU, NL ), l-Unità nazzjonali tagħhom tal-Intelligence Finanzjarja ( EL, LT ) jew l-uffiċjali tal-kollegamenti tal-Inizjattiva Kooperattiva Ewropea tax-Xlokk ( HU ). Il-maġġoranza tal-URA (għall-inqas dawn f' AT, BE, CY, CZ, DE, EE, ES, HU, IE, LV, NL ) iżommu statistika dwar l-iskambji ta' tagħrif li jkollhom ma' URA oħrajn. Madanakollu, jeżistu differenzi sostanzjali bejn il-kategoriji u l-indikaturi użati. Il-possibiltà ta’ introduzzjoni ta' sistema aktar fiż-żgur għall-iskambju tat-tagħrif tkun tiffaċilita l-ġbir tad-dejta għal skopijiet statistiċi. Minkejja n-nuqqas relattiv ta' dejta li jistgħu jitqabblu, id-diskussjonijiet fil-Pjattaforma tal-URA urew li, minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni, l-għadd ta' talbiet li saru minn URA lil URA oħrajn żdied sostanzjalment u l-kwalità tat-tweġibiet b'mod ġenerali tjiebet. L-opinjonijiet tal-URA dwar il-kwalita tat-tweġibiet li rċevew ivarjaw b'mod konsiderevoli. Skont uħud ( AT, CZ ) it-tagħrif irċevut kien tajjeb ħafna, għal oħrajn ( BE, EE, LV ) kien tajjeb, għal oħrajn ( DE, ES, HU, IE, LT ) kien x'aktarx bażiku (għalkemm biżżejjed biex jinbeda stħarriġ). Fil-kontributi tagħhom, u waqt il-laqgħat tal-Pjattaforma tal-URA, bosta URA saħqu fuq l-importanza li jingħata tagħrif aħjar meta ssir talba. Minħabba li, b'mod ġenerali, il-limiti taż-żmien li hemm fl-Inizjattiva Svediża huma osservati, il-formola tagħha hija użata ħafna u l-kwalità tat-tweġibiet hija għall-inqas biżżejjed, wieħed jista' jqis li d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu qed jiġu implimentati. Artikolu 4 – Skambju spontanju ta’ informazzjoni bejn Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi Dan l-Artikolu jipprovdi biex URA jibgħat tagħrif lil URA ieħor mingħajr talba minn qabel. Id-diskussjonijiet ma' prattikanti tal-URA jindikaw li hemm xi każijiet ta' skambju spontanju (ngħidu aħna bejn BE u NL), iżda ma ġiet ipprovduta l-ebda statistika dwar il-frekwenza tagħhom. It-tagħrif disponibbli ma jitfax biżżejjed dawl fuq l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu. Artikolu 5 – Protezzjoni tad-dejta Id-dejta miġbura ma tindikax li hemm xi ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, meta wieħed iqis id-Deċiżjoni Qafas tal-2008[6]. Minkejja d-differenzi bejn il-liġijiet u prattiki nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta, ma jidhirx li s-sistema maħsuba (id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta huma dawk tal-URA destinatarju) taffettwa b'mod sinifikanti l-possibbiltà li tintbagħat jew tiġi rċevuta l-informazzjoni. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-URA indikaw li r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jolqtux l-iskambju tat-tagħrif ma' URA oħrajn. Artikolu 6 – Skambju tal-aħjar prattiki Skont dan l-Artikolu, l-URA għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif tista' titjieb l-effettività tal-isforzi tagħhom biex jintraċċaw l-assi. L-URA ġabru diversi eżempji tal-aħjar prattiki, fuq il-bażi tal-esperjenza tagħhom ma' URA oħrajn. Bosta minnhom huma marbutin mal-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-CARIN (li stabbilew huma nfushom l-aħjar prattiki). Uħud huma marbutin mal-kooperazzjoni fl-intraċċar tal-assi f'każijiet bilaterali speċifiċi u wħud ikopru wkoll attivtajiet operazzjonali li mhumiex relatati mar-rintraċċar tal-assi (e.g. aktar appoġġ fl-infurzar tal-liġi wara li l-assi jkunu ġew identifikati). Ir-rispons mill-kooperazzjoni bejn l-URA huwa ġeneralment pożittiv. Uħud minn dawn il-prattiki jiġu regolarment skambjati waqt il-laqgħat tal-Pjattarforma informali tal-UE tal-URA. Artikolu 7 - Relazzjoni ma’ arranġamenti eżistenti għal kooperazzjoni Din id-dispożizzjoni m'għandhiex bżonn traspożizzjoni. 3. L-ISFIDI EWLENIN GĦALL-URA Sabiex wieħed jifhem l-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-URA, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh il-fatturi li ġejjin tal-URA nnominat: - Il-biċċa l-kbira tal-URA għandhom relattivament għadd żgħir ta' persunal. Sitta biss mit-28 URA nnominat għandhom 10 membri tal-istaff jew aktar. - Il-funzjoni l-aktar importanti tal-URA hija li jintraċċaw u jidentifikaw l-assi fit-territorju nazzjonali tagħhom. Madanakollu, il-biċċa l-kbira tal-URA m'għandhoxm aċċess (dirett jew indirett) għall-bażijiet kollha rilevanti tad-dejta li jkun jippermettilhom li jwettqu l-kompitu tagħhom b'mod aktar effettiv. - Filwaqt li l-URA kollha għandhom aċċess għar-reġistri tal-kumoaniji, mhux f'kull Stat Membru jeżistu reġistri ċentrali tal-artijiet. Huwa biss URA wieħed li għandu aċċess għal reġistru nazzjonali tal-kontijiet tal-bank, li jeżisti biss f'ħames pajjiżi. - L-URA jiskambjaw tagħrif sensittiv (e.g. numri tal-kontijiet tal-bank) bl-imejl jew bil-feks u m'għandhomx l-appoġġ ta' sistema fiż-żgur għal kollox tal-iskambju tat-tagħrif. - Huma biss ftit l-URA li huma punti ċentrali tal-kuntatt fil-livell nazzjonali għat-talbiet għal assistenza legali reċiproka relatata mal-irkupru tal-assi mibgħutin mill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħrajn. - Huma biss ftit l-URA li huma involuti fil-ġestjoni tal-assi ffriżati. - Madwar nofs l-URA m'għandhomx aċċess għal statistika ġudizzjarja dwar l-iffriżar u l-konfiska. L-URA jqisu li l-aċċess għal tagħrif finanzjarju (notevolment għal tagħrif dwar il-kotijiet tal-bank) huwa l-iktar sfida importanti li għandhom quddiemhom. It-tieni l-iktar tħassib rilevanti għalihom huwa n-nuqqas ta' sistema fiż-żgur għall-iskambju tat-tagħrif. Sfidi rikorrenti oħrajn imsemmijin mill-URA huma li l-investigaturi finanzjarji ftit li xejn jirċievu taħriġ speċjalizzat u, b'mod aktar ġenerali, jonqsuhom ir-riżorsi. Sfidi oħrajn imsemmijin mill-URA jinkludu d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar liema tagħrif jistgħu jkollhom aċċess għalih l-URA, ir-rabtiet limitati tagħhom mal-awtoritajiet li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-assi, in-nuqqas ta' sistema ta' evalwazzjoni għall-URA, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni u s-sigriet bankarju u l-fatt li mhux fl-Istati Membri kollha jeżistu reġistri tal-kontijiet tal-bank. Lejn sistema fiż-żgur għall-iskambju ta' tagħrif għall-URA Id-Deċiżjoni ma tispeċifikax il-mezzi għall-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-URA. Kwistjoni importanti ħafna li ġiet identifikata fil-Pjattaforma tal-URA hija l-ħtieġa għal mod aktar fiż-żgur għall-iskambju ta' tagħrif operazzjonali bejn l-URA. Bħalissa, spiss qed jiġri li tagħrif sensittiv jiġi skambjat bl-imejl, u dan jista' jikkaġuna ċerti riskji għas-sigurtà. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-Rikavat mill-Kriminalità Organizzata[7], il-Kummissjoni tinkuraġġixxi lill-Europol biex jieħu rwol ta' koordinazzjoni bejn l-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi. F'dan ir-rigward, Il-Burò tal-Europol dwar l-Assi Kriminali (il-Europol Criminal Assets Bureau, l-ECAB)[8] ippropona li jesplora l-possibbiltà li tintuża s-sistema SIENA tal-Europol[9] għall-finijiet ta' skambju bilaterali ta' tagħrif bejn l-URA. Il-proposta ntlaqgħet tajjeb mill-Pjattaforma tal-URA, fejn ġew stabbiliti l-punti li ġejjin: - Jeżisti bżonn ċar li jiġi stabbilit mezz fiż-żgur għall-iskambju dirett tat-tagħrif bejn l-URA; - Is-SIENA diġà qed taħdem, u qed tipprovdi soluzzjoni teknika għall-iskambju ta' tagħrif dwar l-infurzar tal-liġi, b'bażi legali soda u bl-użu tal-ogħla standards ta' sigurtà; - Is-SIENA tista' tirrappreżenta soluzzjoni kosteffiċjenti, minħabba li tibni fuq netwerk eżistenti; għalhekk, m'hemmx bżonn ta' sostenn finanzjarju għall-ħolqien ta' netwerk ġdid; - Jekk is-SIENA tintgħażel għall-iskambju tat-tagħrif bejn l-URA, tkun trid tipprovdi għal skambju bilaterali dirett bejn l-URA. L-Istati Membri jkollhom jinnominaw l-URA tagħhom bħala awtoritajiet kompetenti fi ħdan is-SIENA u l-Inizjattiva Svediża. Ikollhom ukoll jorbtu teknikament lill-URA tagħhom mal-Unitajiet Nazzjonali tagħhom tal-Europol[10]. F'Settembru 2009, l-Europol iddeċidieda li jagħmel fażi pilota li setgħu jieħdu sehem fiha l-URA interessati. URA minn 11-il pajjiż ( BG, DK, EE, ES, FR, HU, NL PL, SK, SV u UK ) qablu li jittestjaw is-SIENA għall-iskambju tat-tagħrif bejn l-URA. F'Lulju 2010, tmien membri tal-istaff tal-URA (minn BG, DK, EE, HU, NL, PL u UK) irċevew taħriġ fuq is-SIENA fil-Kwartieri Ġenerali tal-Europol. Il-Fażi Pilota bdiet f'Lulju u baqgħet sejra sa tmiem Settembru 2010. Bħalissa qed issir valutazzjoni tagħha. Jekk tirnexxi, jista' jkun li fl-2011 l-ewwel URA jintrabat uffiċjalment mas-SIENA. L-isforzi biex l-URA jintrabtu mas-SIENA se jissoktaw, bil-għan li jiġu kkumnikati l-biċċa l-kbira tal-URA. 4. KONKLUŻJONIJIET Minħabba li d-dispożizzjonjiet tal-qalba tad-Deċiżjoni għandhom x'jaqsmu mal-istabbiliment jew in-nominazzjoni tal-URA u mal-iskambju tat-tagħrif bejniethom, jista' jitqies li d-Deċiżjoni ġiet implimentata b'mod moderatament sodisfaċenti fl-Istati Membri. Tnejn u għoxrin Stat Membru għandhom URA u nnotifikaw lill-Kummissjoni (għall-inqas informalment) sa tmiem Diċembru 2010, sentejn wara li għalaq iż-żmien iffissat mid-Deċiżjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummussjoni "Strateġija Interna tas-Sigurtà fl-azzjoni"[11] tappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu, sal-2014, URA li jkunu mgħammrin bir-riżorsi, bis-setgħat u bit-taħriġ meħtiġin, u bil-kapaċità li jiskambjaw it-tagħrif, u tiddikjara li sal-2013 il-Kummissjoni se tiżviluppa indikaturi komuni li magħhom l-Istati Membri jridu jevalwaw ir-riżultati tal-URA. Proposti inizjali dwar indikaturi tal-effettività li jistgħu japplikaw għall-URA tressqu waqt il-Konferenza pan-Ewropea tal-URA f'Diċembru 2010. Ġie propost ukoll li tiġi vvalutata b'mod regolari l-effettività tal-URA (skont kemm jikkonformaw mal-indikaturi) permezz ta' żjarat informali minn esperti kollegi, segwiti minn diskussjonijiet fil-Pjattaforma tal-URA. Fl-istess żmien, qed jiġu maħsubin emendi għall-qafas legali eżistenti dwar il-konfiska. Fil-Komunikazzjoni "Strateġija Interna tas-Sigurtà fl-azzjoni" l-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li fl-2011 tipproponi leġiżlazzjoni sabiex issaħħaħ il-qafas legali tal-UE dwar il-konfiska[12]. Ma jidhirx li din id-Deċiżjoni, li tistabbilixxi l-qafas legali għall-iskambju ta' tagħrif bejn l-URA, tippreżenta xi nuqqasijiet rilevanti. Madanakollu, il-leġiżlazzjoni l-ġdida toffri lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tieqa ta' opportunità sabiex idaħħlu dispożizzjonijiet ġodda mmirati biex iżidu s-setgħat tal-URA jew il-kapaċità tagħhom li jiksbu aċċess għat-tagħrif, kif xieraq. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha biex iqisu dan ir-Rapport u biex jipporvdu t-tagħrif ieħor rilevanti kollu lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Kunsill, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni. Ħames Stati Membri għadhom ma nnominawx l-URA tagħhom. Minħabba li kwalunkwe netwerk mhux aktar b'saħħtu mill-iktar ħolqa dgħajfa tiegħu, dan jista' sussegwentement ifixkel il-kapaċita tal-Istati Membri li jintraċċaw assi miksubin illeċitament madwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tistenna li dawk l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx din id-Deċiżjoni jagħmlu dan mingħajr telf ta' żmien. [1] ĠU L 332 of 18.12.2007, p. 103. [2] ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89. [3] Il-CARIN jaħseb għal żewġ punti operazzjonali ta' kuntatt (wieħed tal-infurzar tal-liġi u l-ieħor ġudizzjarju) għal kull pajjiż. Huwa appoġġjat mill-Kummissjoni u mill-Europol (li minn ġo fih jopera s-Segretarjat permanenti tiegħu) u jinkludi esperti minn aktar minn 50 pajjiż u ġuriżdizzjoni, inklużi 26 Stat Membru tal-UE. [4] Bħalma huma r-reati koperti mill-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA fuq il-mandat ta' Arrest Ewropew. [5] Bħall-imejl għal talbiet sempliċi jew il-formola użata mill-punti tal-kuntatt tal-CARIN biex tiġi skabjata l-informazzjoni. [6] Meta wieħed jikkunsidra d-dispożizzjonijiet fid-Deċiżjoni dwar l-użu tad-dejta mill-Istat Membru destinatarju, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu dawk tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, ĠU L 350 tat-30.12.2008, p. 60. M'hemm l-ebda referenza bħal din minħabba li d-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. [7] COM(2008) 766 tad- 20.11.2008. [8] L-ECAB jassisti lill-investigaturi finanzjarji fl-intraċċar ta' qligħ mill-kriminalità f'pajjiżi oħrajn. Fl-2007 appoġġja 133 stħarriġ. [9] L-applikazzjoni ta' netwerk għall-iskambjar ta' informazzjoni sigura (is-Secure Information Exchange Network Application, is-SIENA) hija għodda ta' komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida li hija maħsuba biex tippermetti li jkun hemm skambju malajr, fiż-żgur u faċli ta' tagħrif u intelligence operazzjonali u strateġiċi relatati mal-kriminalità bejn l-Istati Membri, l-Europol u Partijiet Terzi li magħhom l-Europol għandu ftehim ta' koperazzjoni. [10] Li huma punti ċentrali nazzjonali tal-kuntatt biex jiskambjaw tagħrif mal-Europol. [11] COM (2010) 673, tal-22.11.2010. [12] B'mod partikulari sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar konfiski minn partijiet terzi u konfiski estiżi u sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri ta' ordnijiet ta' konfiska li ma jkunux ibbażati fuq kundanna.