[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 30.3.2011 KUMM(2011) 160 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport tal- 2010 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE SEG(2011) 396 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport tal- 2010 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE Introduzzjoni Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[1] saret legalment vinkolanti. Dan iwassal għal rinforzar sostanzjali tal-governanza min-naħa tal-Unjoni Ewropea bl-istat tad-dritt. Din hija mira tul mogħdija li nbdiet għexieren ta’ snin ilu. Qabel, kienet il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet tobbliga lill-Unjoni sabiex tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Issa, il-Karta tinkludi fi strument wieħed, koerenti u legalment vinkolanti, id-drittijiet fundamentali li jorbtu lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE. Il-Karta mhijiex biss test li jistabbilixxi prinċipji astratti. Jeħtieġ li hija titqiegħed fil-prattika kull meta l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jieħdu azzjoni jew inkella tiġi implimentata liġi tal-UE, sabiex in-nies jistgħu tabilħaqq igawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom. Din hija r-raġuni, għaliex, fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat Strateġija dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta[2]. L-għan huwa li l-Unjoni tagħti l-eżempju. Il-Karta trid tiġi rispettata f’kull stadju tat-tfassil tal-liġijiet fl-UE – minn dakinhar li l-Kummissjoni Ewropea tibda tipprepara l-proposti tagħha, matul l-emendi tagħhom fil-proċess leġiżlattiv u sa dakinhar li jidħlu fis-seħħ ladarba jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u sal-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni rrinforzat l-evalwazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-proposti leġiżlattivi tagħha billi stabbiliet “Lista ta’ Kontroll tad-Drittijiet Fundamentali” sabiex tikkontrolla sistematikament il-konformità tal-proposti tagħha mal-Karta. Fl-Istrateġija tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li kienet biħsiebha tippreżenta Rapport Annwali li jimmonitorja l-progress dwar l-inforzar tal-Karta fl-oqsma fejn l-Unjoni għandha setgħat biex taġixxi. Ir-Rapport Annwali tal-2010 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jġib flimkien għall-ewwel darba ħarsa ġenerali koerenti lejn l-iktar informazzjoni rilevanti li turi l-applikazzjoni dinamika tal-Karta. Dan ir-Rapport Annwali jinkludi eżempji ta’ problemi konkreti li n-nies jiġu ffaċċjati bihom, fejn qed jiġi spjegat kif l-istituzzjonijiet tal-UE ħadu azzjoni sabiex isolvu dawk il-problemi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom jew għaliex l-UE xi drabi ma setgħetx tieħu azzjoni minħabba l-limiti għas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati. Ir-Rapport Annwali jiddeskrivi wkoll kif l-istituzzjonijiet tal-UE, ibda mill-Kummissjoni, iqisu kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali fil-bidu, fil-ħsieb u fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE. Dan ir-rapport u l-edizzjonijiet sussegwenti jkejlu l-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Karta. KJARIFIKI DWAR META TAPPLIKA L-KARTA U META MA TAPPLIKAX L-interess fi u l-aspettattivi tan-nies dwar l-inforzar tal-Karta huma kbar. Madankollu, il-Karta ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet kollha fejn ikunu involuti drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Fl-2010, il-Kummissjoni rċeviet iktar minn 4 000 ittra mingħand il-pubbliku ġenerali dwar id-drittijiet fundamentali. Bejn wieħed u ieħor, tliet kwarti minnhom kienu jikkonċernaw każijiet li jaqgħu lil hinn mill-ambitu tal-liġi tal-UE. Dan jirrifletti fehim ħażin frekwenti dwar il-fini tal-Karta u s-sitwazzjonijiet fejn tapplika jew ma tapplikax il-Karta. Fl-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija ggarantita kemm fuq il-livell nazzjonali mis-sistemi kostituzzjonali tal-Istati Membri – li ġew stabbiliti qabel il-Karta u għandhom ġurisprudenza iktar żviluppata – kif ukoll fuq il-livell tal-UE mill-Karta. Il-Karta tapplika għal azzjonijiet mill-istituzzjonijiet u mill-korpi kollha tal-UE. Hija tikkonċerna b’mod partikolari l-ħidma leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li trid tkun f’konformità sħiħa mal-Karta sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE. Il-Karta tapplika wkoll għall-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea[3]. Il-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE. Hija ma tapplikax f’sitwazzjonijiet fejn ma tkunx involuta l-liġi tal-UE u ma testendix is-setgħat tal-Unjoni kif ġew iddefiniti fit-Trattati[4]. Fejn ma tapplikax il-Karta, id-drittijiet fundamentali jkomplu jkunu ggarantiti fuq il-livell nazzjonali skont is-sistemi kostituzzjonali nazzjonali. L-Istati Membri għandhom regoli nazzjonali estensivi dwar id-drittijiet fundamentali, li r-rispett tagħhom huwa ggarantit mill-qrati nazzjonali. Huma l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, li għandhom jinforzaw id-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha daħlu għal impenji skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, indipendentement mill-obbligi li għandhom taħt il-liġi tal-UE. Għalhekk, bħala l-aħħar possibbiltà, u wara li jkunu eżawrew ir-rimedji kollha disponibbli fuq il-livell nazzjonali, l-individwi jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu għal ksur ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Karta b’hekk tikkomplementa, imma ma tissostitwix, is-sistemi kostituzzjonali nazzjonali jew is-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantita mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. BIEX IL-KARTA SSIR IKTAR EFFETTIVA GħAN-NIES Fid-dawl ta’ interess pubbliku dejjem ikbar fil-Karta, hemm ħtieġa urġenti li n-nies jiġu informati aħjar dwar meta japplikaw id-drittijiet tal-Karta – prinċipalment għall-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE, u tal-Istati Membri biss meta huma qegħdin japplikaw il-liġi tal-UE – u dwar kif dawn jiġu inforzati fil-prattika jekk jinkisru. In-nies għandhom ikunu jafu fejn jistgħu jitolbu għajnuna f’każijiet ta’ din ix-xorta. In-nies għandhom ukoll ikunu informati dwar fejn jistgħu jitolbu għajnuna f’każijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, prinċipalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu mingħajr ma jimplimentaw il-liġi tal-UE. L-għoti ta’ informazzjoni xierqa huwa essenzjali sabiex ikun żgurat li l-ebda ksur ma jibqa’ mingħajr possibbiltà ġenwina ta’ rimedju. It-teħid ta’ azzjoni fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell nazzjonali Il-Karta tipproteġi lil individwi u lil entitajiet legali minn azzjonijiet tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE li ma jkunux konformi mad-drittijiet fundamentali. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, għalhekk, iridu jirrispettaw il-Karta. Il-Kummissjoni hija ddeterminata li tuża l-mezzi kollha disponibbli sabiex tiżgura ruħha li l-Karta tiġi rispettata fuq il-livell tal-UE. Fejn istituzzjoni jew korp tal-UE tonqos milli tkun konformi mal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tanalizza l-legalità tal-att, u l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħti bidu għall-proċeduri rispettivi. L-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri – leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji – huma marbuta biss li jkunu konformi mal-Karta meta jimplimentaw il-liġi tal-UE, prinċipalment meta jkunu qed japplikaw regolamenti jew deċiżjonijiet tal-UE jew meta jkunu qed jimplimentaw direttivi tal-UE. Jekk individwu jqis li awtorità nazzjonali tmur kontra l-Karta meta timplimenta liġi tal-UE, huwa jista’ jirrikorri għall-qrati nazzjonali fil-pajjiż inkwistjoni. Taħt il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallfin nazzjonali għandhom is-setgħa li jiżguraw irwieħhom li l-Karta tiġi rispettata mill-Istati Membri meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. L-individwu jista’ jibgħat ilment ukoll lill-Kummissjoni, li għandha s-setgħa li tibda proċediment ta’ ksur kontra l-Istat Membru. It-tisħiħ tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi nazzjonali involvuti fl-inforzar tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza, se jtejjeb il-protezzjoni effettiva taċ-ċittadini. L-ilmenti għandhom jiġu indirizzati lill-korp it-tajjeb Fejn l-Istati Membri jaġixxu barra mill-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, il-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jinkludu regoli għall-protezzjoni tagħhom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-individwi li d-drittijiet fundamentali tagħhom setgħu nkisru għandhom interess li jiżguraw irwieħhom li l-ilment tagħhom ikun indirizzat malajr lill-awtorità nazzjonali kompetenti, kemm jekk tkun il-gvern, il-qrati nazzjonali jew korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipprovdi saff addizzjonali ta’ protezzjoni wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji domestiċi kollha. Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni mhijiex qorti tal-appell kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali jew internazzjonali. L-individwi li jqisu li d-drittijiet fundamentali tagħhom inkisru jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni prattika dwar ir-rimedji legali li jeżistu fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija ddeterminata li tindirizza din il-ħtieġa. Dan ma jfissirx l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, imma minflok jeżiġi l-promozzjoni tal-użu ta’ strumenti eżistenti billi l-pubbliku ġenerali jkun informat dwar liema korp ikun kompetenti sabiex jittratta lment partikolari. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se ttejjeb il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika billi tipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni dwar fejn għandhom iressqu l-ilmenti tagħhom meta jkunu nkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom. F’każijiet fejn il-Karta ma tapplikax, il-Kummissjoni se teżamina kif l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri jista’, fejn ikun xieraq, ikun dirett mill-ġdid lejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Bħala l-ewwel pass, fl-2011, il-Kummissjoni se torganizza seminar mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, mal-istituzzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ma’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn bħal Ministeri tal-Ġustizzja u korpi għall-ugwaljanza, kif ukoll ma’ partijiet interessati sabiex ikun esplorat kif jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ din ix-xorta. Komunikazzjoni ċara dwar il-Karta L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fl-2010 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni iktar ċara dwar fejn tapplika l-Karta u min jagħmel xiex fil-qasam tad-drittijiet fundamentali[5]. Sabiex ikun evitat dewmien fl-inforzar tad-drittijiet fundamentali u diżappunt, l-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħrajn, inkluża l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jagħmlu sforz komuni sabiex jinformaw aħjar liċ-ċittadini dwar fejn tapplika u ma tapplikax il-Karta. L-IKTAR żVILUPPI IMPORTANTI FL-2010 Ir-Rapport tal-2010 juri li d-drittijiet fundamentali inklużi fil-Karta huma rilevanti tul firxa ta’ politiki li għalihom hija responsabbli l-Unjoni u jridu dejjem jiġu kkunsidrati bir-reqqa meta jitfasslu u jiġu implimentati azzjonijiet tal-UE: mill-politika dwar il-ġustizzja għall-politika dwar it-trasport, għall-ġestjoni tal-fruntieri. Ir-Rapport jippreżenta bosta eżempji ta’ applikazzjoni tal-Karta fis-sitt titoli kollha tagħha (Dinjità, Liberatijiet, Ugwaljanza, Solidarjetà, Ċittadinanza u Ġustizzja), li jkopru numru ta’ politiki tal-UE. Pereżempju, ir-rispett għad-drittijiet taħt it-titolu dwar id- Dinjità kienet kwistjoni importanti fil-qasam tal-immigrazzjoni u ġiet suġġetta għal attenzjoni partikolari fil-leġiżlazzjoni li ġiet adottata fl-2010, bħad-Deċiżjoni rigward is-sorveljanza tal-fruntieri[6] esterni tal-baħar u l-emendi għar-Regolament tal-FRONTEX[7]. It-tħassib dwar id-dinjità tal-bniedem ittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti Ewropej[8]. Bl-istess mod, numru ta’ kwistjonijiet sawru l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fl-oqsma koperti mit-titolu dwar il- Libertajiet . Il-libertà tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-libertà tal-intrapriża ngħataw attenzjoni partikolari fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[9]. Fir-rigward tat-titolu Ugwaljanza, kien hemm interess kbir min-naħa taċ-ċittadini u tal-Parlament Ewropew fid-drittijiet tat-tfal u l-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi f’dan il-qasam, bħall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Tfal Mhux Akkumpanjati (2010 - 2014)[10]. Ir-rispett għan-nondiskriminazzjoni għal diversi raġunijiet, inklużi s-sess u r-razza, tibqa’ kwistjoni importanti kkonfermata mid-dejta pprovduta mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali. Fir-rigward tat-titolu Solidarjetà , il-Kummissjoni wettqet sforzi sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni effettiva tal-istrumenti tal-UE marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema. Id-drittijiet taħt it-titolu Ġustizzja ssemmew f’diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv. Lil hinn minn dawn il-kwistjonijiet, l-analiżi tat-talbiet min-naħa taċ-ċittadini u tal-Parlament Ewropew turi li l-kwistjonijiet prinċipali li l-iktar li qajmu tħassib fl-2010 kienu l-protezzjoni tad-dejta, l-aċċess għall-ġustizzja, l-integrazzjoni tar-Roma u l-promozzjoni tal-ugwaljanza. Il-protezzjoni tad-dejta Il-Karta tiggarantixxi d-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8 tal-Karta). L-Ewropej jieħdu interess kbir f’dawn il-kwistjonijiet u ta’ spiss ikunu mħassba dwar kif qed tintuża d-dejta personali tagħhom, tħassib li huwa rifless fin-numru ta’ mistoqsijiet min-naħa taċ-ċittadini u tal-Parlament Ewropew fl-2010. Dawn il-mistoqsijiet kienu jikkonċernaw firxa wiesgħa ta’ suġġetti, mill-protezzjoni tad-dejta fl-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda, għar-rispett tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta minn pajjiżi terzi. It-talbiet ġibdu l-attenzjoni għal kwistjonijiet bħat-teħid tal-marki tas-swaba’ tat-tfal tal-iskola, il-Google Street View, is-sistemi ta’ sorveljanza bil-vidjows fuq il-post tax-xogħol, il-websajts tan-netwerking soċjali, il-ġbir tad-dejta fl-operazzjonijiet ta’ ċensiment, u l-finanzjament tar-riċerka fit-teknoloġiji l-ġodda fil-qasam tas-sigurtà. It-teknoloġija faċilment tippermetti li l-individwi jaqsmu informazzjoni dwar l-imġiba u l-preferenzi tagħhom, u tagħmilha pubblikament u globalment disponibbli fuq skala mingħajr preċedenti. B’reazzjoni għal dawn l-isfidi, fl-2010, il-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-UE[11], li tistabbilixxi l-għanijiet prinċipali għar-riforma tal-qafas legali għall-protezzjoni tad-dejta tal-UE: it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi (pereżempju, billi tiżdied it-trasparenza u jittejjeb il-kontroll fuq id-dejta personali), it-titjib tad-dimensjoni tas-suq intern (billi jitnaqqas il-piż amministrattiv u jkun żgurat livell ugwali), ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali sabiex id-dejta personali tkun ferm protetta f’dawn l-oqsma, inkluż meta d-dejta tiġi ttrasferita barra mill-UE, u inforzar iktar effettiv tar-regoli (inkluż bit-tisħiħ u b’iktar armonizzazzjoni tar-rwol u tas-setgħat tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta). Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għal qafas legali ġenerali ġdid għall-protezzjoni tad-dejta fl-2011[12]. Fl-10 ta’ Frar 2010, il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni tad-dejta titqies aħjar fil-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasferimenti tad-dejta sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu u vvota kontra l-ftehim propost dwar il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP). Dan wassal biex il-Kummissjoni tipproponi ftehim ġdid li kien jinkludi salvagwardji iktar b’saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta, li kien approvat mill-Parlament Ewropew u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010[13]. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea enfasizzat l-importanza tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta fid-9 ta’ Novembru 2010 billi invalidat parti mil-leġiżlazzjoni tal-UE li kienet titlob il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi li kienu qed jirċievu fondi li ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali[14]. L-aċċess għall-ġustizzja L-aċċess għall-ġustizzja mhux biss huwa dritt fundamentali, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta. Kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja ferm ta’ spiss jaffettwaw il-ħajjiet ta’ kuljum ta’ bosta individwi mifruxa mal-UE kollha. Fejn għandhom jitressqu l-pretensjonijiet legali fi Stat Membru ieħor? X’inhuma drittijieti bħala vittma fil-proċeduri tal-qorti? Dawn huma biss tnejn mill-mistoqsijiet li bosta Ewropej huma ffaċċjati bihom. Fl-2010, bosta persuni kitbu lill-Kummissjoni sabiex jilmentaw li ma kinux ingħataw jew ma segħux isibu biżżejjed assistenza jew għajnuna legali sabiex il-każijiet tagħhom jiġu ttrattati quddiem il-qrati nazzjonali. Bosta ċittadini lmentaw dwar proċeduri ġudizzjarji twal jew li jiswew ħafna flus li ma ħallewhomx ikollhom aċċess għall-ġustizzja. Uħud mill-ittri kienu jinkludu allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, ta’ ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza jew ta’ nuqqas ta’ indipendenza min-naħa ta’ ċerti qrati nazzjonali, u ta’ ksur tad-dritt għal proċess imparzjali. Il-Kummissjoni ma setgħetx tittratta bosta minn dawn il-kwistjonijiet għaliex jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Sabiex jittejbu d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati li ma jifhmux jew ma jitkellmux l-ilsien tal-proċeduri kriminali, fl-2010 l-UE adottat standards minimi komuni tal-UE dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni[15]. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll regoli li jeżiġu li l-persuni suspettati b’reat kriminali jiġu informati bi drittijiethom f’ilsien li jifhmuh[16]. Kwalunkwe persuna li tiġi arrestata jew għal reat kriminali jew permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew se tiġi informata bil-miktub, f’dokument imsejjaħ Ittra tad-Drittijiet, bid-drittijiet bażiċi tagħha meta tiġi arrestata u biex tkun qed tiġi akkużata. Fl-2011, il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali li jistabbilixxi programm ta’ leġiżlazzjoni sabiex ikunu ggarantiti proċessi imparzjali, billi jkunu proposti regoli ħalli l-aċċess għal avukat u d-dritt li wieħed jikkomunika mal-membri tal-familja, mal-konsulati jew ma’ min iħaddmu jsiru effettivi. Fil-qrati, mhux biss l-akkużat, imma anki l-vittmi ta’ delitt għandhom drittijiet li jeħtieġ li jiġu rispettati u l-Kummissjoni hija ħerqana biex ittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom. Fl-2011, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta pakkett ta’ miżuri sabiex jittejbu d-drittijiet ta’, il-protezzjoni ta’ u l-appoġġ għall-vittmi kollha ta’ delitt matul il-kors tal-ġustizzja kollu u lil hinn mill-proċess. Id-drittijiet fundamentali tar-Roma Filwaqt li t-Trattat dwar l-UE jirrikonoxxi, fl-Artikolu 2, id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, l-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew soċjali, jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali. B’10 sa 12-il miljun persuna, ir-Roma huma l-ikbar minoranza etnika tal-Ewropa. Proporzjon kbir mill-poplu Roma fl-UE huma affettwati ferm mill-qagħad, minn faqar estrem, minn problemi bl-akkomodazzjoni, minn standards baxxi ta’ saħħa u minn aċċess diffiċli għall-edukazzjoni. L-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Roma għalhekk hija prijorità għall-UE, kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fis-7 ta’ April 2010 fil-Komunikazzjoni tagħha li tiddeskrivi fil-qosor l-isfidi prinċipali tal-integrazzjoni tar-Roma għall-Istati Membri kollha tal-UE[17]. Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE u d-dritt li ma jkunux suġġetti għal diskrminazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt li jkeċċu liċ-ċittadini tal-UE jew li jirtiraw id-dritt ta’ residenza tagħhom biss f’ċerti kundizzjonijiet stretti u ċari, li ġew iddefiniti fid-Direttiva tal-UE dwar il-Moviment Liberu tal-2004[18], li tinkludi wkoll salvagwardji proċedurali sabiex ikunu evitati deċiżjonijiet arbitrarji, diskriminatorji jew sproporzjonati u b’hekk ikunu ggarantiti d-drittijiet fundamentali, inkluża l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi (l-Artikolu 19(1) tal-Karta). Sabiex tiżgura dawn id-drittijiet, il-Kummissjoni ħadet azzjoni immedjata wara l-avvenimenti tas-sajf tal-2010 li kienu jinvolvu t-tkeċċija ta’ ċittadini tal-UE ta’ oriġini Roma minn Franza. Il-Kummissjoni kkontrollat bir-reqqa jekk l-operazzjonijiet rilevanti twettqux f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-UE. Wara l-azzjoni tal-Kummissjoni, Franza u Stati Membri oħrajn issa qed ibiddlu r-regoli tagħhom sabiex iġibuhom f’konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu. Fuq bażi iktar strutturali, l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma titlob l-impenn attiv tal-Istati Membri, appoġġjati mill-Unjoni Ewropea. Wara l-avvenimenti tas-sajf tal-2010, ftit wara l-Kummissjoni stabbiliet Task Force interna sabiex tivvaluta l-użu tal-finanzjament tal-UE fl-Istati Membri. Is-sejbiet preliminari tat-Task Force juru li l-Istati Membri ma jagħmlux użu adegwat mill-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika effettiva tar-Roma. Id-dgħufijiet fl-iżvilupp tal-istrateġiji, in-nuqqas ta’ miżuri speċifiċi sabiex ikunu indirizzati l-problemi ffaċċjati mill-poplu Roma, in-nuqqas ta’ għarfien u ta’ kapaċità amministrattiva sabiex jintużaw il-fondi tal-UE, u n-nuqqas ta’ involviment min-naħa tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet Roma fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ integrazzjoni, huma l-oqsma prinċipali li qed jagħtu lok għal tħassib li ġew identifikati mit-Task Force. Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiżgura ruħha li l-poplu Roma jibbenefikaw minn drittijiethom bħala ċittadini tal-UE mingħajr diskriminazzjoni. Il-promozzjoni tal-ugwaljanza Fl-2010, il-Kummissjoni esprimiet impenn qawwi fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi adottat il-Karta f’Isem il-Mara[19] u Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015)[20]. Il-Kummissjoni ġibdiet l-attenzjoni għall-fatt li minkejja tendenza ġenerali lejn iktar ugwaljanza fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, il-progress sabiex ikunu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi jibqa’ wieħed kajman. Hija ddefiniet l-isfidi u l-azzjoni għall-ħames oqsma prijoritarji li ġejjin: indipendenza ekonomika ugwali; l-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur; l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza minħabba d-differenza ta’ sess; u l-ugwaljanza bejn is-sessi barra mill-UE. Progress f’dawn l-oqsma kollha joffri għażliet ġenwini lil bosta nisa u rġiel. Sabiex tingħata setgħa lil nisa u lil irġiel b’diżabbiltajiet ħalli jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom u jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà, fl-2010 il-Kummissjoni nediet l-Istrateġija tad-Diżabbiltà[21]. L-Istrateġija tidentifika tmien oqsma prijoritarji: aċċessibbiltà, parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u azzjonijiet esterni. F’Diċembru 2010, l-UE saret parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). L-istrateġija tiddefinixxi l-mekkaniżmi tal-UE sabiex tiġi implimentata din il-konvenzjoni, li se jissupplimentaw l-azzjoni nazzjonali. 3.5. L-UE tipprepara għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem It-Trattat dwar l-UE jeżiġi li l-UE ssir membru tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni, fis-17 ta’ Marzu 2010, irrakkomandat li l-Kunsill jiftaħ negozjati għall-adeżjoni mal-Kunsill tal-Ewropa. Fuq il-bażi tal-mandat li l-Kunsill qabel miegħu, il-Kummissjoni nediet in-negozjati għall-adeżjoni fis-7 ta’ Lulju 2010. L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem se tikkomplementa l-protezzjoni kbira tad-drittijiet fundamentali li diġà teżisti fis-sistema legali tal-Unjoni permezz tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE stess u d-drittjiet fundamentali żviluppati matul iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija se tintroduċi kontroll ġudizzjarju addizzjonali f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE. L-adeżjoni se tinkorpora iktar kultura komuni ta’ drittijiet fundamentali fl-UE, u turi li l-UE ssostni s-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ Strasburgu. Hija se tiżgura wkoll li jkun hemm żvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Konklużjoni Sabiex jiżguraw irwieħhom li ċ-ċittadini jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali jridu jispjegaw b’mjod ċar fejn tapplika l-Karta u fejn ma tapplikax. L-ewwel Rapport Annwali huwa l-ewwel pass konkret li ħadet il-Kummissjoni għal dan il-għan. Il-Kummissjoni se tressaq rapport ta’ din ix-xorta kull sena sabiex jiġi mmonitorjat il-progress li sar fl-applikazzjoni ta’ u fil-konformità mal-Karta u sabiex ikun żgurat li l-UE żżomm rekord impekkabbli fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet fundamentali. Ir-Rapporti Annwali se jappoġġjaw l-inforzar effettiv tal-Karta b’mod kontinwu, determinat u trasparenti bl-involviment tal-partijiet kollha interessati. B’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni biħsiebha toffri opportunità għal skambju annwali ta’ fehmiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Karta. Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tivvaluta l-lezzjonijiet li jistgħu jiġu mitgħallma mill-implimentazzjoni effettiva tal-Karta, kif ukoll mit-tħassib muri mill-individwi, u se taġġusta l-azzjonijiet tagħha skont dan. [1] Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 83, 30.3.2010, p. 389–403. [2] COM(2010) 573 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0573:FIN:MT:PDF [3] Skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali hija intiża sabiex tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertaijiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali. Meta timplimenta l-Artikolu 21 tat-TUE, l-UE tapplika l-Karta kif ukoll l-istandards applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-rapport annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja huwa rapport separat li jkopri l-azzjoni tal-Unjoni fil-pajjiżi mhux membri. [4] L-Artikolu 51(2) tal-Karta jiddikjara li hija ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. [5] Dan huwa kkorroborat minn stħarriġ riċenti kkommissjonat mill-Ombudsman Ewropew u mill-Parlament Ewropew. Skont l-istħarriġ, 72% taċ-ċittadini Ewropej ma jħossuhomx li qegħdin jiġu infurmati biżżejjed dwar il-Karta (stqarrija għall-istampa mill-Ombudsman Ewropew tat-18 ta’ Marzu 2011, OE/11/6). [6] Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2010 li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 111, 4.5.2010, p. 20-26. [7] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX), COM(2010) 61 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0061:FIN:MT:PDF [8] COM(2010) 311 finali, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/transport/air/security/doc/com2010_311_security_scanners_mt.pdf [9] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, COM(2010) 748 finali, disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0748:FIN:MT:PDF [10] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni dwar Minorenni Mhux Akkumpanjati (2010 – 2014), COM(2010) 213 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0213:FIN:MT:PDF [11] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea, COM(2010) 609 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0609:FIN:MT:PDF [12] F’dan il-kuntest, id-drittijiet fundamentali rilevanti l-oħrajn li huma inklużi fil-Karta, u għanijiet oħrajn fit-Trattati, għandhom jitqiesu bi sħiħ filwaqt li jiġi żgurat id-Dritt Fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali. [13] Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, ĠU L 195, 27.7.2010, p. 5–14. [14] QEĠ, Kawżi maqgħuda C-92/09 u C-93/09, Volker und Markus Schecke, Eifert, 9.10.2010. [15] Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1-7. [16] Proposta għal Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali, COM(2010) 392 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0392:FIN:MT:PDF [17] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa, COM(2010)133 finali, disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0133:FIN:MT:PDF [18] Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77–123. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: [19] Impenn imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel Karta f’Isem il-Mara Stqarrija mill-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara Internazzjonali 2010 b’tifkira tal-15-il anniversarju mill-adozzjoni ta’ Stqarrija u Pjattaforma għal Azzjoni fil-Konferenza Dinjija tal-UN f’Beijing dwar in-Nisa u tat-30 anniversarju mill-Konvenzjoni tal-UN dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, COM(2010) 78, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0078:FIN:MT:PDF [20] COM(2010) 491 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0491:FIN:MT:PDF [21] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli, COM(2010) 636 finali, disponibbli fuq:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0636:FIN:MT:PDF