/* KUMM/2011/0079 finali - COD 2011/0038 */ Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 89/666/KEE, 2005/56/KE u 2009/101/KE fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 24.2.2011 KUMM(2011) 79 finali 2011/0038 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 89/666/KEE , 2005/56/KE u 2009/101/KE fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) SEG(2011) 223 finaliSEG(2011) 222 finali MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI KUNTEST Il-kriżi finanzjarja enfasizzat għal darba oħra l-importanza tat-trasparenza fis-swieq finanzjarji, fosthom tal-governanza tal-kumpaniji u l-attivitajiet kummerċjali. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 ta' Mejju 2010 kkonfermaw li aċċess aħjar għal informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar il-kumpaniji jista' jħeġġeġ konfidenza akbar fis-suq, jgħin l-irkupru u jżid il-kompetittività tal-kummerċ Ewropew[1]. F'dan ir-rigward, ir-reġistri kummerċjali[2] għandhom rwol essenzjali; huma jirreġistraw, jeżaminaw u jaħżnu informazzjoni dwar il-kumpaniji, bħal mhi informazzjoni dwar il-forma legali ta' kumpanija, is-sede tagħha, il-kapital, ir-rappreżentanti legali u l-kontijiet annwali u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. In-negozji qegħdin dejjem aktar jespandu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali billi jieħdu l-opportunitajiet offruti mis-suq uniku. Il-progress fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni jagħmilha eħfef għaċ-ċittadini u l-kumpaniji li jixtru u jbigħu oġġetti u servizzi barra minn pajjiżhom. Gruppi transkonfinali kif ukoll għadd kbir ta' operazzjonijiet ta’ ristrutturar, bħalma huma l-fużjonijiet u d-diviżjonijiet jinvolvu kumpaniji minn Stati Membri differenti tal-UE. Għalhekk, hemm domanda li qiegħda dejjem tikber għal aċċess għal informazzjoni dwar il-kumpaniji f'kuntest transkonfinali, kemm għall-finijiet kummerċjali jew sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja. L-aċċess transkonfinali għal informazzjoni kummerċjali jitlob kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġistri kummerċjali. Diġà teżisti xi ftit kooperazjoni bejnithom iżda din hija limitata għal ċertu tip ta' informazzjoni u ma tkoprix l-Istati Membri kollha. Għalhekk mhuwiex suffiċjenti li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet għall-informazzjoni li jinħolqu mill-attività kummerċjali fis-suq uniku. Iżda kooperazzjoni transkonfinali effiċjenti bejn ir-reġistri kummerċjali mhijiex biss essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Tnaqqas ukoll il-kostijiet għall-kumpaniji li joperaw f'livell transkonfinali. Fl-2007, il-Kummissjoni nediet Programm ta' Azzjoni biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi sabiex ittejjeb l-ambjent kummerċjali għall-kumpaniji tal-UE[3], li kien approvat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa f'Marzu 2007[4]. Fl-2008, twettaq eżerċizzju fuq skala kbira biex jitkejlu l-kostijiet amministrattivi u fih il-liġi tal-kumpaniji tqieset bħala qasam ta' prijorità[5]. Il-Grupp ta' Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi kien bil-qawwa kollha favur li tinkiseb l-interoperabbiltà bejn ir-reġistri kummerċjali madwar l-Ewropa kollha[6]. L-interkonessjoni tar-reġistri kummerċjali hija waħda mill-proposti fil-Komunikazzjoni dwar l-Att tas-Suq Uniku[7] li timmira li toħloq ambjent legali u fiskali aktar dħuli għan-negozju u tista' wkoll tikkontribwixxi għall-aġenda Ewropa 2020[8] billi żżid il-fiduċja fis-suq uniku. GħANIJIET TAL-PROPOSTA L-għanijiet ta' din l-inizjattiva huma li tiżdied il-fiduċja fis-suq uniku Ewropew billi jiġi żgurat ambjent kummerċjali aktar sikur għall-konsumaturi, il-kredituri u sħab kummerċjali oħra, ħalli titrawwem il-kompetittività tal-kummerċ Ewropew billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiżdied iċ-ċertezza legali u titjieb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika billi tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fl-Ewropa fi proċeduri ta' fużjonijiet transkonfinali, trasferimenti tas-sede u l-aġġornatment tar-reġistrazzjoni ta' fergħat barranin fejn ma hemmx mekkaniżmi ta' kooperazzjoni jew huma limitati. L-emendi għad-Direttiva 2009/101/KE għalhekk jimmiraw li jiffaċilitaw l-aċċess transkonfinali għal informazzjoni kummerċjali uffiċjali bl-istabbiliment ta' netwerk elettroniku tar-reġistri u billi jiġi ddeterminat sett komuni minimu ta' informazzjoni aġġornata li għandu jkun disponibbli għal partijiet terzi permezz ta' mezzi elettroniċi f'kull Stat Membru. L-emendi għad-Direttiva 89/666/KEE[9] għandhom l-iskop li jiżguraw li r-reġistru kummerċjali ta' kumpanija jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-istatus tal-kumpanija lir-reġistru kummerċjali ta' fergħat barranin madwar l-Ewropa kollha. L-emendi għad-Direttiva 2005/56/KE[10] għandhom l-għan li jtejbu qafas ta' kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fi proċeduri ta' fużjonijiet transkonfinali. Filwaqt li r-Regolamenti 2157/2001[11] u 1435/2003[12] jeħtieġu kooperazzjoni transkonfinali bejn reġistri kummerċjali b'rabta mat-trasferiment ta' uffiċċju rreġistrat ta' Kumpaniji Ewropew (SEs) u Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (SCEs), jista' jkun aktar xieraq li dawn l-istrumenti legali jiġu emendati bħala parti mill-analiżi li ser titwettaq ta' dawn ir-Regolamenti. Ta' minn jinnota li l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika[13] għandu jsir il-punt ewlieni ta' aċċess għall-informazzjoni legali, istituzzjonijiet legali u amministrattivi, reġistri, bażijiet ta' dejta u servizzi oħra fl-UE. Din il-proposta tikkumplimenta l-proġett Ġustizzja Elettronika u għandha tikkontribwixxi għal aċċess aktar faċli għal informazzjoni kummerċjali permezz tal-portal. BAżI LEGALI Il-bażi legali ta' din il-proposta hija l-Artikolu 50(2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ Kważi għoxrin sena ta' esperjenza bil-kooperazzjoni voluntarja bejn ir-reġistri kummerċjali Ewropej turi li l-awtoregolamentazzjoni mhijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din l-inizjattiva. Dawn l-għanijiet lanqas ma jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri peress li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' regoli u kundizzjonijet komuni għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġistri. Jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ddeterminati fuq livell nazzjonali, jistgħu jkunu inkompatibbli ma' xuxlin u mhux adattati biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati. L-emendi proposti huma limitati għal dak li huwa neċessarju biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' komunikazzjoni funzjonanti bejn ir-reġistri kummerċjali fl-oqsma konċernati u huma proporzjonati ma' dan l-għan. Għaldaqstant azzjoni fil-livell tal-UE hija ġustifikata u meħtieġa. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI Fil-5 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper[14] akkompanjata b'rapport dwar il-progress fl-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali[15]. Ir-rapport dwar il-progress ippreżenta l-qagħda fir-rigward tal-mekkaniżmi eżistenti ta' kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali u awtoritajiet oħra. Il-Green Paper ikkumplimentat ir-rapport billi qieset alternattivi politiċi differenti għall-futur. Il-Green Paper iffurmat il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika li saret bejn il-5 ta' Novembru 2009 u l-31 ta' Jannar 2010. Kważi r-rispondenti kollha esprimew l-appoġġ tagħhom biex titjieb l-interkonessjoni tar-reġistri kummerċjali fl-UE. Kien hemm qbil fil-wisa' li din in-netwerk ikollha valur miżjud fir-rigward tat-trasparenza tas-suq fil-każ biss li tkun marbuta mar-reġistri kummerċjali tas-27 Stat Membru kollha. Fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn ir-reġistri fil-proċeduri transkonfinali (fużjonijiet, trasferimenti ta' sede, reġistrazzjoni ta' fergħat barranin), il-biċċa l-kbira tar-rispondenti kienu favur soluzzjoni li tagħmel possibbli t-trasmissjoni awtomatika ta' dejta bejn ir-reġistri kummerċjali. Fil-25 ta' Mejju 2010, il-Kunsill tal-Kompetittività adotta konlużjonijiet li laqgħu tajjeb l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali[16]. Il-Kunsill enfasizza li l-inzjattiva għandha tiżgura li l-Istati Membri kollha jieħdu parti fin-netwerk, li fiha tiġi trasmessa dejta affidabbli, aġġornata u standardizzata u li jkun hemm bażi legali għall-kooperazzjoni bejn ir-reġistri. Barra minn dan, kanali ċari ta' komunikazzjoni bejn ir-reġistri għandhom jiżguraw li huma jikkooperaw bla intoppi fil-proċeduri transkonfinali. Fuq perjodu twil ta' żmien, tista' tiġi eżaminata l-possibbiltà li n-netwerk imsaħħaħ tar-reġistri kummerċjali jiġi konness man-netwerk elettroniku stabbilit skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/KE), li taħżen informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji elenkati. Fis-7 ta' Settembru 2010 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tesprimi appoġġ ġenerali għall-proġett u enfasizzat li l-utilità tal-proġett għal aktar integrazzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea tista' tiġi esplojtata biss jekk l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fin-netwerk[17]. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[18] u l-Kumitat tar-Reġjuni[19] adottaw opinjonijiet ta' appoġġ simili. VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Fil-15 ta' Settembru 2010 il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta opinjoni li tapprova r-rapport. Wara l-kummenti tal-Bord, saru għadd ta' bidliet għall-aħjar fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt, partikolarment fir-rigward tal-inkorporazzjoni aħjar tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi u l-kostijiet relatati fl-analiżi. Il-kostijiet tal-inizjattiva, madankollu, jiddependu fuq is-soluzzjoni tal-ICT li tintgħażel. L-għażla teħtieġ li ssir fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġett. Il-kwistjonijiet marbuta mal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali nġabru fi tliet taqsimiet. Nuqqas ta' informazzjoni kummerċjali aġġornata fir-reġistri tal-fergħat barranin Id-Direttiva 89/666/KEE teħtieġ li l-kumpaniji jiddivulgaw xi dejta u dokumenti meta jiftħu fergħa fi Stat Membru ieħor. Madankollu, il-kumpaniji ħafna drabi jonqsu milli jaġġornaw din l-informazzjoni. Dan in-nuqqas jista' jkollu konsegwenzi kbar fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u s-sħab kummerċjali partikolarment meta r-reġistrazzjoni ta' fergħa ma tiġix nnotifikata bl-istralċ jew l-insolvenza tal-kumpanija. Skont diversi stħarriġ madwar 15 % tal-fergħat ta' kumpaniji barranin eżaminati ma għandhomx kumpanija prinċipali eżistenti, jiġifieri potenzjalment illum 16 800 fergħa jistgħu jkunu f'din is-sitwazzjoni. In-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali tpoġġi piż amministrattiv fuq il-kumpaniji peress li jkollhom jaġġornaw il-kontenut tar-reġistri tal-fergħa barranija. Soluzzjoni għal dan tista' twassal biex possibbilment jiġu ffrankati EUR 69 miljun. Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tistipula rekwiżit legali għar-reġistri biex jikkooperaw b'mezzi elettroniċi fir-rigward tal-aġġornament tar-reġistrazzjoni ta' fergħat barranin u l-Kummissjoni għandha tiddetermina d-dettalji tekniċi ta' din il-kooperazzjoni f'att delegat. Diffikultajiet fil-kooperazzjoni bejn ir-reġistri fil-fużjonijiet transkonfinali u l-proċeduri tat-trasferimenti tal-uffiċċji prinċipali Il-kooperazzjoni transkonfinali tar-reġistri kummerċjali fil-fużjonijiet transkonfinali u t-trasferiment tal-uffiċċji prinċipali hija espliċitament meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom il-potenzjal li jgħaġġlu l-proċeduri tar-reġistrazzjoni u jżidu ċ-ċertezza legali, għad baqa' kwistjonijiet prattiċi fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom peress li ma jipprovdux gwida dwar il-metodu tal-bgħit tan-notifikazzjoni jew il-kwistjoni tat-traduzzjoni. Fil-prattika, in-notifikazzjonijiet bejn ir-reġistri kummerċjali normalment jiġu trasmessi bil-posta regolari bil-lingwa tal-awtorità emittenti. Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt hija li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiddelega setgħat lill-Kummissjoni biex tiddetermina d-dettalji tekniċi fil-fużjonijiet transkonfinali u t-trasferimenti tal-uffiċċji prinċiplai f'att delegat. Diffikultajiet għall-aċċess transkonfinali għall-informazzjoni kummerċjali Filwaqt li l-informazzjoni kummerċjali dwar il-kumpaniji hija faċilment disponibbli fil-pajjiż tar-reġistrazzjoni tagħhom, l-aċċess għall-istess informazzjoni minn Stat Membru ieħor jista' jkun imfixkel minħabba ostakli tekniċi jew lingwistiċi. Diġà jeżisti mekkaniżmu ta' kooperazzjoni voluntarja bejn ir-reġistru (ir-Reġistru Kummerċjali Ewropew) iżda dan ma jkopprix is-27 Stat Membru kollha filwaqt li l-informazzjoni li hija aċċessibbli permezz tan-netwerk tvarja minn pajjiż għall-ieħor. Barra minn dan, in-nuqqas ta' identifikatur uniku tal-kumpaniji jagħmel l-identifikazzjoni u l-ittraċċar tal-kumpaniji diffiċli f'sitwazzjonijiet transkonfinali (eż. fużjonijiet jew gruppi). Aktar minn hekk, il-frekwenza tal-aġġornar tal-informazzjoni kummerċjali attwalment mhijiex armonizzata u ma hemmx informazzjoni disponibbli għall-utenti tad-dejta fir-rigward tal-valur legali (jiġifieri jekk tistax tingħata lil partijiet terzi) fl-Istati Membri differenti. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-aħjar alternattiva biex titjieb is-sitwazzjoni eżistenti hija li l-liġi tal-UE tistipula rekwiżit biex l-Istati Membri jipparteċipaw f'netwerk elettroniku ta' reġistri, jiddetermina l-lista tal-informazzjoni li għandha tiġi trasmessa permezz tan-netwerk u l-frekwenza tal-aġġornar tal-informazzjoni rreġistrata u li l-Kummissjoni tiddetermina d-dettalji tekniċi tal-kooperazzjoni f'att delegat. SPJEGAZZJONI TAL-PROPOSTA Artikolu 1: Emenda għad-Direttiva 89/666/KEE Il-paragrafu 1 jiżgura li l-fergħat (bħall-kumpaniji) ikollhom identifikatur Ewropew wieħed li jippermetti għall-identifikazzjoni u l-konnessjoni tagħhom mal-kumpanija li jagħmlu parti minnha b'mod ċar. Il-paragrafu 2 jagħmel mandatorju li r-reġistratur ta' fergħa barranija jibgħat, lir-reġistru tal-kumpanija tagħha, informazzjoni b'mezzi elettroniċi dwar it-tibdiliet fid-dejta rreġistrata. Għandu jibqa' f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu x'jagħmlu b'din in-notifikazzjoni, jiġifieri jekk jagħtuhiex valur legali jew iqisuhiex bħala biċċa informazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiżguraw li l-fergħat ta' kumpaniji barranin li għalqu jitneħħew mir-reġistru mill-aktar fis possibbli. Il-paragrafi 3 u 4 fihom ir-reġoli meħtieġa dwar l-atti delegati u l-protezzjoni tad-dejta. Artikolu 2: Emendi għad-Direttiva 2005/56/KE Il-paragrafu 1 tal-Artikolu fih modifika żgħira li tiċċara li r-reġistri kummerċjali jibagħtu lil xulxin notifikazzjonijiet b'mezzi elettroniċi fil-proċeduri ta' fużjonijiet transkonfinali u jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni tiddetermina f'atti delegati d-dettalji tekniċi tal-komunikazzjoni bejn ir-reġistri. Id-dettalji tad-delegazzjoni u tal-protezzjoni tad-dejta jinsabu fil-paragrafi 2 u 3. Artikolu 3: Emendi għad-Direttiva 2009/101/KE Il-paragrafu 1 tal-Artikolu jiżgura li d-dokumenti u d-dettalji fir-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri jinżammu aġġornati dejjem. Iridu jiżguraw li d-dejta rreġistrata tiġi aġġornata fi żmien 15-il jum wara li sseħħ il-bidla sottostanti. Sabiex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jirreġistraw il-bidliet rilevanti fil-ħin u li l-bidliet jiġu rreġistrati mingħajr dewmien. Il-paragrafu 2 għandu l-għan li jintroduċi identifikatur, għall-kumpaniji b'responsabbiltà limitata Ewropej kollha, li jiffaċilita l-identifikazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew u jippermetti identifikazzjoni aktar faċli bejn il-kumpaniji u l-fergħat barranin tagħhom. Dan l-identifikatur jista' wkoll jintuża minn reġistri oħra li jidentifikaw, pereżempju, il-kumpaniji elenkati, l-istituzzjonijiet finazjarji jew il-gruppi multinazzjonali. Il-paragrafu 3 itejjeb l-aċċess transkonfinali għal sett minimu ta' informazzjoni kummerċjali rreġistrata billi jitlob lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli d-dokumenti u d-dettalji elenkati fl-Artikolu 2 u rreġistrati skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva permezz ta' pjattaforma elettronika Ewropea unika, eż. servizz ċentrali tal-internet li jippermetti tfixxijiet fir-reġistri kummerċjali tal-UE kollha. Peress li hemm differenzi bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 5-7 tal-Artikolu 3, minn barra d-dejta elenkata fl-Artikolu 2, għandha tinhemeż biċċa informazzjoni oħra ma' kull trasmissjoni ta' dejta li tispjega d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-kumpaniji applikabbli għall-valur legali tal-informazzjoni kummerċjali rreġistrata, partikolarment dwar kemm il-partijiet terzi jistgħu joqogħdu fuqha ('fuduċja pubblika'). Il-paragrafi 4 u 6 jeħtieġu lill-Istati Membri jagħmlu r-reġistri kummerċjali tagħhom interoperabbli u b'hekk jistabbilixxu netwerk elettroniku. Id-dettalji ta' din il-kooperazzjoni għandhom jiġu elaborati minn esperti u adottati f'forma ta' att delegat. Il-paragrafu 5 jiddetermina r-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-dejta. 2011/0038 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 89/666/KEE, 2005/56/KE u 2009/101/KE fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(2)(g) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[20], Wara li kkonsultaw lis-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data[21], Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: 1. In-negozji qegħdin dejjem aktar jespandu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali billi jużaw l-opportunitajiet offruti mis-suq intern. Gruppi transkonfinali kif ukoll għadd kbir ta' operazzjonijiet ta’ ristrutturar, bħalma huma l-fużjonijiet u d-diviżjonijiet jinvolvu kumpaniji minn Stati Membri differenti. Għalhekk, hemm domanda dejjem akbar għal aċċess għal informazzjoni dwar il-kumpaniji f'kuntest transkonfinali. Fuq bażi transkonfinali, madankollu, informazzjoni uffiċjali fuq il-kumpaniji mhijiex faċilment disponibbli. 2. Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor[22] tistabbilixxi l-lista ta' dokumenti u dettalji li l-kumpaniji jkollhom jiddivulgaw fir-reġistru tal-fergħa tagħhom. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu fuq ir-reġistri li jiskambjaw id-dejta dwar il-fergħat barranin. Dan iwassal għal inċertezza legali għal partijiet terzi fil-pajjiż tal-fergħa fejn tibdiliet importanti fir-rigward tal-kumpanija ma jiġux riflessi fir-reġistru. 3. Operazzjonijiet bħal fużjonijiet transkonfinali jew trasferimenti tal-uffiċċji reġistrati rendew meħtieġa l-kooperazzjoni ta' kuljum tar-reġistri kummerċjali. Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata[23] teħtieġ lir-reġistri jikkooperaw fuq livell transkonfinali. Madankollu ma hemmx kanali ta' komunikazzjoni stabbiliti li jistgħu jgħaġġlu l-proċeduri, jgħinu biex jingħelbu l-problemi lingwistiċi u jsaħħu ċ-ċertezza legali. 4. Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti[24] tiżgura, fost l-oħrajn, li dokumenti u dettalji maħżuna fir-reġistru ikunu aċċessibbli fuq il-karta jew b'mezz elettroniċi. Madankollu, iċ-ċittadini u l-kumpaniji għadhom ikollhom ifittxu pajjiż pajjiż, partikolarment peress li l-kooperazzjoni voluntarja attwali bejn ir-reġistri tat prova li mhijiex biżżejjed. 5. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Att tas-Suq Uniku[25] identifikat l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji bħala miżura biex jinħoloq ambjent legali u fiskali aktar dħuli għall-kummerċ. L-interkonnessjoni għandha tikkontribwixxi biex titrawwem il-kompetittività tal-kummerċ Ewropew billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiżdied iċ-ċertezza legali u b'hekk tkun ta' kontribut biex noħorġu mill-kriżi, waħda mill-prijoritajiet tal-aġenda Ewropa 2020[26]. Għandha wkoll ittejjeb il-komunikazzjoni transkonfinali bejn ir-reġistri billi tuża l-innovazzjonijiet fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. 6. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2010 dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali[27] kkonfermaw li aċċess aħjar għal informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar il-kumpaniji jista' jħeġġeġ konfidenza akbar fis-suq, jgħin l-irkupru u jżid il-kompetittività tal-kummerċ Ewropew. 7. Fis-7 ta' Settembru 2010 il-Parlament Ewropew enfasizza fir-riżoluzzjoni dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali[28] li l-utilità tal-proġett għal aktar integrazzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea tista' tiġi esplojtata biss jekk l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fin-netwerk. 8. Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ġustizzja Elettronika[29] jipprovdi għall-iżvilupp ta' Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika bħala l-punt uniku ta' aċċess għall-informazzjoni legali, istituzzjonijiet amministrattivi u legali, reġistri, bażijiet ta’ dejta u servizzi oħra u jqis l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji bħala element importanti. 9. L-aċċess transkonfinali għall-informazzjoni kummerċjali jista' jitjieb biss jekk l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom fil-bini ta' netwerk elettroniku tar-reġistri u jitrasmettu l-informazzjoni lill-utenti tal-informazzjoni kummerċjali f'mod standardizzat (kontenut simili u teknoloġiji interoperabbli) madwar l-Unjoni kollha. L-utenti għandhom ikun jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni permezz ta' pjattaforma elettronika Ewropea unika li tkun tifforma parti minn netwerk elettroniku. 10. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[30] għandha tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali, inkluża t-trasmizzjoni ta' dejta personali permezz ta' netwerk elettroniku, li titwettaq fl-Istati Membri. 11. Għandu jiddaħħal identifikatur uniku tal-kumpaniji, minbarra n-numru tar-reġistrazzjoni eżistenti tal-Kumpaniji, sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-kumpaniji li huma preżenti, pereżempju permezz tal-fergħat jew is-sussidjarji, f'aktar minn Stat Membru wieħed. 12. L-istess bħall-kumpaniji, il-fergħat għandu wkoll ikollhom, minbarra n-numru tagħhom fir-reġistru, identifikatur uniku li jippermetti l-identifikazzjoni bla ekwivoċi fiż-Żona Ekonomika Ewropea. L-emendar tad-Direttiva 89/666/KEE f'dan ir-rigward għandu jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita konnessjoni ċara bejn il-kumpaniji u l-fergħat barranin tagħhom, peress li dan huwa neċessarju għall-aġġornament regolari tal-informazzjoni fir-reġistru tal-kumpanija u fir-reġistru tal-fergħa barranija. Il-koerenza tal-informazzjoni rreġistrata għandha tiżgura li partijiet terzi jkollhom aċċess biex jaġġornaw id-dejta dwar il-fergħat fl-Istati Membri tagħhom. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-proċeduri li jsegwu fir-rigward tal-fergħat irreġistrati fit-territorju, huma għandhom jiżguraw, tal-anqas li l-fergħat ta' kumpaniji li għalqu jitneħħew mir-reġistru mingħajr dewmien bla bżonn. 13. Id-Direttiva 2005/56/EC għandha tiġi emendata wkoll sabiex tiżgura li l-komunikazzjoni bejn ir-reġistri titwettaq permezz tan-netwerk elettroniku tar-reġistri. 14. Sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm differenzi sinifikanti fil-kwalità tad-dokumenti u d-dettalji rreġistrati fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni rreġistrata skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE tiġi aġġornata u li l-aġġornatment jiġi ddevulgat, sa mhux aktar tard mill-ħames jum tal-kalendarju wara li jkun seħħ l-avveniment li rriżulta fil-bidla fid-dejta rreġistrata. Barra minn dan, sabiex titjieb il-protezzjoni tal-partijiet terzi fl-Istat Membri l-oħra, id-dokumenti u d-dettalji kollha trasmessi permezz tan-netwerk għandhom ikunu akkompanjati minn informazzjoni ċara dwar il-valur legali tagħhom. 15. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-governanza, il-maniġement, l-operat, ir-repreżentanza u l-iffinanzjar tan-netwerk elettroniku, il-kundizzjonijiet għal pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika Ewropea biex jipparteċipaw fin-netwerk elettroniku, l-istandards minimi tas-sigurtà, l-użu ta' identifikatur uniku, il-lingwi użati min-netwerk elettroniku, il-metodu tat-trasmissjoni tal-informazzjoni bejn ir-reġistri li jiżgura aċċess transkonfinali għall-informazzjoni, l-interoperabbiltà tal-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni użati mill-membri tan-netwerk elettroniku, id-definizzjoni ta' standards tal-format, is-sustanza u l-limiti għall-ħżin u s-sejbien tad-dokumenti u d-dettalji li jippermettu skambju awtomatiku tad-dejta, il-konsekwenzi tan-nuqqas ta' konformità, il-metodu tal-identifikazzjoni tar-rabta bejn kumpanija u l-fergħa barranija tagħha, il-metodu u l-istandards tekniċi għat-trasmissjoni tal-informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpanija u r-reġistru tal-fergħa, l-istandards tekniċi tat-trasmissjoni tal-informazzjoni bejn ir-reġistri u l-forom standard tan-notifikazzjoni tal-fużjonijiet transkonfinali li għandhom jintużaw mir-reġistri. Il-governanza tan-netwerk għandha tinkludi mekkaniżmu ta' reazzjoni mingħand l-utenti ħalli l-ħtiġijiet tagħhom ikunu jistgħu jitqiesu. Huwa meħtieġ li s-setgħat jiġu ddelegati lill-Kummissjoni għal żmien indeterminat, ħalli jekk ikun meħtieġ ikunu jistgħu jiġu aġġustati r-regoli. 16. Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tal-aċċess transkonfinali tal-informazzjoni kummerċjali, l-iżgurar li fir-reġistru tal-fergħat tinħażen informazzjoni aġġoranta u l-istabbiliment ta' kanali ċari tal-komunikazzjoni bejn ir-reġistri fil-proċeduri ta' reġistrazzjoni transkonfinali, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. 17. Id-Direttivi 89/666/KE, 2005/56/KE u 2009/101/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Emendi għad-Direttiva 89/666/KEE Id-Direttiva 89/666/KE għandha tiġi emendata kif ġej: 18. Fl-Artikolu 1, għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej: 3. Il-fergħat għandu jkollhom identifikatur uniku li jippermetti l-indentifikazzjoni tagħhom bla ekwivoku fiż-Żona Ekonomika Ewropea. 19. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej: ' Artikolu 5a 1. Ir-reġistru tal-fergħa għandu jinnotifika, mingħajr dewmien u permezz tan-netwerk elettroniku msemmi fl-Artikolu 4a tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsull(*), lir-reġistru tal-kumpanija bi kwalunkwe tibdil fid-dokumenti u d-dettalji elenkati fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-proċedura legali li għandha tiġi segwita malli jaslu n-notifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2009/101/KE. Dawn il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-fergħat tal-kumpaniji li għalqu jew b'xi mod ieħor tneħħew mir-reġistru jingħalqu mingħajr dewmien bla bżonn. 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 11a u skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 11b u 11c, li jispeċifikaw dan li ġej: a) il-metodu ta' identifikazzjoni tar-rabta bejn kumpanija u l-fergħa tagħha; b) l-istandards tekniċi u l-metodu tat-trasmissjoni tal-informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpanija u r-reġistru tal-fergħa.' ______ (*) ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.' 20. Għandha tiddaħħal it-Taqsima IIIa li ġejja: 'TAQSIMA IIIA ATTI DELEGATI Artikolu 11a 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5a(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat. 2. Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 3. Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11b u 11c. Artikolu 11b 1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 11a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Europew jew mill-Kunsill. 2. L-istituzzjoni li tibda proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel tittieħed deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħa ddelegata li tista' tiġi rrevokata. 3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 11c 1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att ddelegat fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. 2. Jekk, mal-iskadenza ta’ dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat dan għandu jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih. L-att delegat jista' jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw il-Kummissjoni bl-intenzjoni li ma jressqux oġġezzjonijiet. 3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.' 21. Għandha tiddaħħal it-Taqsima IIIb li ġejja: TAQSIMA IIIB PROTEZZJONI TAD-DEJTA Artikolu 11d Il-proċessar tad-dejta personali li jsir fil-kuntest ta' din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). ______ (*) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.' Artikolu 2Emendi għad-Direttiva 2005/56/KE Id-Direttiva 2005/56/KE għandha tiġi emendata kif ġej: 22. L-Artikolu 13 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej: 'Artikolu 13 1. Il-liġi ta' kull Stat Membru li għall-ġurisdizzjoni tiegħu kienu suġġetti l-kumpaniji li jwettqu fużjoni għandha tiddetermina, fir-rigward tat-territorju ta' dak l-Istat, l-arranġamenti, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), għall-pubbliċizzar tat-twettiq ta' din il-fużjoni transkonfinali fir-reġistru pubbliku li fih kull waħda mill-kumpaniji hija meħtieġa tippreżenta dokumenti. Ir-reġistru għar-reġistrazzjoni tal-kumpanija li tirriżulta mill-fużjoni transkonfinali għandu jinnotifika, mingħajr dewmien, permezz tan-netwerk elettroniku msemmi fl-Artikolu 4a tad-Direttiva 2009/101/KE, lir-reġistru li fih kull waħda mill-kumpaniji kienet meħtieġa tippreżenta dokumenti li l-fużjoni transkonfinali tkun seħħet. It-tħassir tar-reġistrazzjoni l-qadima, jekk applikabbli, għandu jitwettaq malli tasal in-notifikazzjoni, iżda mhux qabel. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17a u skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 17b u 17c, li jispeċifikaw dan li ġej: a) l-istandards tekniċi għat-trasmissjoni tal-informazzjoni bejn ir-reġistri; b) il-forom standard għan-notifikazzjoni tal-fużjonijiet transkonfinali li għandhom jintużaw.' _____ (*) ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.' 23. Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 17a, 17b u 17c li ġejjin: ' Artikolu 17a Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat. 2. Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 3. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati qed tingħata lill-Kummissjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 17b u 17c. Artikolu 17b Revoka tad-delega 1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 13(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. 2. L-istituzzjoni li tibda proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel tittieħed deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħa ddelegata li tista' tiġi rrevokata. 3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 17c Oġġezzjoni għall-atti delegati 1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. 2. Jekk, mal-iskadenza ta’ dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat dan għandu jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih. L-att delegat jista' jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw il-Kummissjoni bl-intenzjoni li ma jressqux oġġezzjonijiet. 3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.' 24. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 17d li ġej: 'Artikolu 17d Protezzjoni tad-Dejta Il-proċessar tad-dejta personali li jsir fil-kuntest ta' din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).' ______ (*) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.' Artikolu 3 Emendi għad-Direttiva 2009/101/KE Id-Direttiva 2009/101/KE għandha tiġi emendata kif ġej: 25. Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: 'L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li bidla fid-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-ewwel paragrafu tiġi ddivulgata fi żmien 15-il jum tal-kalendarju.' 26. Fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: Il-Kumpaniji għandu jkollhom identifikatur uniku li jippermetti l-indentifikazzjoni tagħhom bla ekwivoku fiż-Żona Ekonomika Ewropea.' 27. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej: 'Artikolu 3a 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 2 li tressqu għand ir-reġistru tagħhom jistgħu jinkisbu, meta ssir applikazzjoni, minn kwalunkwe applikant, b'mezzi elettroniċi permezz ta' pjattaforma elettronika Ewropea unika aċċessibbli minn kwalunkwe Stat Membru. 2. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li għal kull dokument u dettall miżmuma fir-reġistru tagħhom u trasmessi f'konformità mal-paragrafu 1, għandha tiġi mehmuża informazzjoni ċara li tispjega d-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li skonthom partijiet terzi jkunu jistgħu joqogħdu fuq dawn id-dokumenti u d-dettalji, skont il-paragrafi 5,6 u 7 tal-Artikolu 3. 3. It-tariffi imposti għall-ksib ta' dokumenti u dettalji ma għandhomx jaqbżu l-kost amministrattiv tagħhom.' 28. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej: 'Artikolu 4a 1. L-Istat Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reġistri msemmija fl-Artikolu 3(1) ikunu interoperabbli u jagħmlu parti minn netwerk elettroniku (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ in-netwerk elettroniku). 2. Ir-reġistru tal-kumpanija għandu jinnotifika, mingħajr dewmien u permezz tan-netwerk elettroniku lir-reġistru tal-fergħa tagħha bi kwalunkwe tibdil fid-dokumenti u d-dettalji elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/666//KEE(*). 3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13a u skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 13b u 13c, li jispeċifikaw dan li ġej: a) ir-regoli dwar il-governanza, il-maniġment, l-operazzjoni u r-repreżentazzjoni tan-netwerk elettroniku; (b) l-iffinanzjar tan-netwerk elettroniku; (c) il-kundizzjonijiet biex pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika European jipparteċipaw fin-netwerk elettroniku; (d) l-istandards minimi tas-sigurtà tan-netwerk elettroniku; (e) l-użu tal-identifikatur uniku; (f) il-lingwi użati min-netwerk elettroniku; (g) il-metodu tat-trasmissjoni tal-informazzjoni bejn ir-reġistri li jiżgura aċċess transkonfinali għall-informazzjoni skont l-Artikolu 3a, fosthom l-alternattiva ta' pjattaforma elettronika Ewropea unika; h) l-interoperabbiltà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni użati mill-membri tan-netwerk elettroniku, fosthom l-interfaċċja tal-pagament; i) id-definizzjoni tal-istandards għall-format, is-sustanza u l-limiti għall-ħżin u l-ġbid tad-dokumenti u d-dettalji li jippermettu l-iskambju awtomatiku tad-dejta; j) il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet fil-punti a) sa i) u kif għandhom jiġu infurzati dawn il-kundizzjonijiet.' _____ (*) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36. 29. Għandu jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej: 'Artikolu 7a Il-proċessar tad-dejta personali li jsir fil-kuntest ta' din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).' ______ (*) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31 . 30. Għandu jiddaħħal il-Kapitolu 4a li ġej: 'KAPITOLU 4A ATTI DELEGATI Artikolu 13a 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 4a(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat. 2. Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 3. Is-setgħa li tadotta atti delegati tiġi kkonferita lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13b u 13c. Artikolu 13b 1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 13a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Europew jew mill-Kunsill. 2. L-istituzzjoni li tibda proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel tittieħed deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħa ddelegata li tista' tiġi rrevokata. 3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 13c 1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. 2. Jekk, mal-iskadenza ta’ dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat dan għandu jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih. L-att delegat jista' jiġi ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw il-Kummissjoni bl-intenzjoni li ma jressqux oġġezzjonijiet. 3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.' Artikolu 4Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2014. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 5Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 6Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President[pic][pic][pic] [1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali, 9678/10 [2] It-terminu 'reġistru kummerċjali' użat fil-memorandum ta' spjegazzjoni jinkludi r-reġistri kollha, kemm ċentrali kif ukoll kummerċjlai u tal-kumpaniji skont it-tifsira fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn [partijiet terzi], huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti, ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11. [3] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - "Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea" (COM(2007) 23 finali). [4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell - 7224/07 [5] Cap Gemini, Deloitte, Ramboll Management: Rapport finali għall-Qasam ta' Prijorità tal-Kontijiet Annwali / Liġi tal-Kumpaniji. [6] Opinjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi ("il-Grupp Stoiber") dwar il- qasam ta' prijorità tal- liġi tal-kumpaniji / kontijiet annwali , l-10 ta' Lulju 2008 [7] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna (COM(2010) 608 finali) [8] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 13/10 – 17 ta' Ġunju 2010 [9] Il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-friegħi [fergħat] miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor, ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36. [10] Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar merġers transkonfinali ta' kumpaniji ta' responsabbiltà limitata, ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1 . [11] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpannija Ewropea (SE) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1. [12] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1. [13] https://e-justice.europa.eu/home.do [14] Green Paper dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (COM(2009) 614 finali) [15] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SEC (2009) 1492). [16] 9678/10 [17] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali, 2010/2055(INI). [18] CES296-2010_PA.. [19] CdR 20/2010 [20] ĠU C , , p. . [21] Opinjoni ta’ …..ĠU C ….. [22] ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36. [23] ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1. [24] ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11. [25] COM(2010), 608 finali. [26] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 13/10 – 17 ta' Ġunju 2010 [27] 9678/10 [28] A7-0218/2010 [29] 2009/C 75/01 [30] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.