RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-kadmju mogħtija għall-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodod elettriċi bla fil /* KUMM/2010/0698 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 2.12.2010 KUMM(2010) 698 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżenzjoni mill-projbizzjoni fuq il-kadmju mogħtija għall-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodod elettriċi bla fil skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/66/KE tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE DAĦLA Id-Direttiva dwar il-Batteriji (id-Direttiva 2006/66/KE[1]) tfittex li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta' batteriji u akkumulaturi u tal-attivitajiet tal-operaturi kollha involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Tistipula regoli speċifiċi dwar it-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi u dwar il-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u r-rimi ta' batteriji u akkumulaturi ta' skart. B'mod partikolari, tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi li fihom il-merkurju u l-kadmju. Din il-projbizzjoni tapplika 'l fuq minn valuri tal-limitu stabbiliti u hija soġġetta għal għadd ta' eżenzjonijiet. Eżenzjoni waħda speċifika, stipulata fl-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva, hija għall-użu tal-kadmju f'batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodod elettriċi bla fil (cordless power tools, CPTs). Din l-eżenzjoni qed tiġi diskussa f'dan ir-rapport. Eżempji ta' CPTs jinkludu għodod użati minn konsumaturi u minn professjonisti għall-inturnjar, it-tħin, l-ixkatlar, it-taħkik, l-isserrar, il-qtugħ, il-ġeżż, it-titqib, l-ipperforar, l-ippanċjar, l-immartellar, l-irbattir, l-invitar, l-illustrar jew proċessar simili tal-injam, tal-metall u ta' materjali oħra, kif ukoll għall-ħsad, għall-qtugħ u għal attivitajiet oħra ta' ġardinaġġ. L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva jesiġi li l-Kummissjoni tirrevedi l-eżenzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(3)(c) u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-26 ta' Settembru 2010. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti rilevanti bil-għan li l-kadmju jiġi pprojbit fil-batteriji u l-akkumulaturi, jekk ikun xieraq. F'dan ir-rapport, it-terminu 'batteriji' jintuża biex ifisser kemm batteriji u kemm akkumulaturi portabbli. TAGĦRIF MIĠBUR BIEX TIĠI VVALUTATA L-EŻENZJONI Bi tħejjija għal proposti potenzjali għal-leġiżlazzjoni rigward l-eżenzjoni, il-Kummissjoni ġabret evidenza dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' għażliet politiċi possibbli, inkluż l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom, skont il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha[2]. Fl-2003, il-Kummissjoni ppubblikat il-"Valutazzjoni tal-impatt fuq għażliet politiċi magħżula għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji"[3], imwettqa mis-Servizz tal-Bijo Intelliġenza, sabiex titħejja r-reviżjoni tad-Direttiva l-qadima dwar il-Batteriji (id-Direttiva 91/157/KEE, li sussegwentement ġiet irrevokata bid-Direttiva 2006/66/KE). L-esperti ddikjaraw li, fil-każ ta' batteriji portabbli tan-nikil-kadmju (NiCd) u r-riskji lokali relatati, kalkolu tad-dejta tal-fatturi ta' riskju ma eskludewx ir-rilevanza ta' projbizzjoni fuq l-użu tal-kadmju. Madankollu, fi żmien ir-rapport deher li ma kien hemm l-ebda sostitut vijabbli disponibbli għall-batteriji NiCd portabbli fis-CPTs. Ir-rati ta' ġbir u ta' riċiklaġġ għall-batteriji NiCd portabbli, flimkien mal-infurzar ta' regolamenti eżistenti applikabbli għal inċineraturi u faċilitajiet ta' miżbliet, ġew deskritti bħal fatturi oħra sinifikanti fit-tnaqqis ta' riskji lokali. Tagħrif ġdid, li jmur lil hinn minn dak disponibbli meta ġiet adottata d-Direttiva fl-2006, ġie ġġenerat minn dakinhar 'l hawn, speċjalment bir-Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji (RAR, 2008), bi studju intitolat ‘Cadmium in power tool batteries’ (Il-kadmju f'batteriji għal għodod elettriċi) ippubblikat mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali Svediża (2009) u bi studju speċifiku li l-Kummissjoni talbet fl-2009 sabiex tanalizza u tivvaluta t-tagħrif disponibbli. Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji[4] (RAR) dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn sustanzi li fihom il-kadmju (i.e. metall tal-kadmju u ossidu tal-kadmju). L-RAR sabet li fl-Unjoni Ewropea l-kadmju primarjament jintuża fil-manifattura tal-batteriji NiCd. Il-valutazzjoni tar-riskji wriet ħtieġa għal aktar miżuri speċifiċi biex jiġu llimitati r-riskji għall-ħaddiema u l-ambjent minn esponiment għall-kadmju. Madankollu, l-RAR, bħall-istrateġija relatata tal-UE għat-tnaqqis tar-riskji adottata mill-Kummissjoni fl-2008[5], ma identifikat l-ebda ħtieġa għal aktar miżuri biex jiġu indirizzati riskji potenzjali assoċjati mat-tqegħid fis-suq, l-immaniġġar, ir-riċiklaġġ u r-rimi tal-batteriji NiCd. Fl-2009 l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali Svediża ppubblikat rapport dwar "Cadmium in power tool batteries - The possibility and consequences of a ban" (Il-kadmju f'batteriji għal għodod elettriċi – Il-possibbiltà u l-konsegwenzi ta' projbizzjoni)[6]. Ir-rapport qal li huwa possibbli li l-batteriji NiCd f'għodod elettriċi jiġu ssostitwiti. B'mod partikolari, l-iżvilupp ta' teknoloġija alternattiva waħda – batteriji tal-joni tal-litju (Li-ion) – għamlet progress mgħaġġel ħafna tul dawn l-aħħar ftit snin. It-tipi differenti ta' teknoloġiji tal-batteriji kollha għandhom vantaġġi u żvantaġġi. Illum il-ġurnata Li-ion u idrur tan-nikil-metall (NiMH) huma alternattivi kompletament kompetittivi għat-teknoloġiji tal-batteriji NiCd, f'termini kemm ta' prezz kemm ta' prestazzjoni. Fl-2009, il-Kummissjoni ordnat studju ta' sinteżi biex jgħinha bir-reviżjoni tal-eżenzjoni. L-istudju ġie ppubblikat fuq il-websajt tad-DĠ ENV[7] f'Marzu 2010. L-għan kien li jiġu vvalutati d-dejta u t-tagħrif disponibbli u li jiġu identifikati u indirizzati l-ħtiġijiet li għad baqa' għal reviżjoni ta' eżenzjoni. Id-dejta disponibbli indikat li jista' jkun vijabbli mil-lat tekniku li llum il-ġurnata l-batteriji NiCd jiġu ssostitwiti b'teknoloġiji tal-batteriji Li-ion u NiMH, b'ċerti riżervi f'applikazzjonijiet fejn it-temperatura tkun taħt 0°C. Il-kuntratturi ppruvaw jikkalkulaw l-impatt ekonomiku u soċjali ta' projbizzjoni possibbli għas-CPTs, iżda ltaqgħu ma' diffikultajiet kbar meta ġew biex jagħtu stima tal-benefiċċji għas-saħħa u l-ambjent. Meta jitqiesu biss il-kostijiet u l-benefiċċji annwali li huma ppruvati sew, huwa stmat li l-benefiċċji annwali huma daqs il-kostijiet. Id-dejta disponibbli llum il-ġurnata hija wisq inċerta biex tidentifika l-benefiċċji possibbli għas-saħħa u l-ambjent. Valutazzjoni komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja tat-tliet teknoloġiji ewlenin tal-batteriji inkwistjoni għadha ma teżistix, iżda hija meħtieġa sabiex tkun tista' tiġi kkompletata analiżi komprensiva tal-kostijiet-benefiċċji għall-analiżi tal-eżenzjoni. KONSULTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI MAL-PARTIJIET INVOLUTI Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika onlajn għall-partijiet involuti mill-10 ta' Marzu sal-10 ta' Mejju 2010, abbażi tal-istudju ta' sinteżi ppubblikat. Il-partijiet involuti ġew mistiedna jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku li jista' jirriżulta minn kwalunkwe projbizzjoni futura fuq il-kadmju f'batteriji u akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f'għodod elettriċi bla fil. Ġew mistiedna jagħmlu kummenti addizzjonali u jipprovdu evidenza teknika u xjentifika dwar l-eżenzjoni. Xi partijiet involuti kienu favur l-irtirar tal-eżenzjoni għall-użu tal-batteriji NiCd f'għodod elettriċi bla fil, minħabba li qiesu l-kostijiet ekonomiċi bħala minimi u l-benefiċċji ambjentali bħala sostanzjali fuq perjodu ta' żmien twil. Oħrajn opponew l-irtirar tal-eżenzjoni u enfasizzaw li d-dejta dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali ma tiġġustifikax l-irtirar. Kumplessivament, il-konsultazzjoni tal-partijiet involuti kkonfermat il-ħtieġa għal valutazzjoni komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tiġi pprovduta bażi soda għall-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji. Sommarju tal-kummenti tal-partijiet involuti huwa disponibbli fuq il-websajt tad-DĠ ENV[8]. KONKLUŻJONI L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva jesiġi li l-Kummissjoni tirrevedi l-eżenzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(3)(c) u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-26 ta' Settembru 2010. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti rilevanti bil-għan li l-kadmju jiġi pprojbit fil-batteriji u l-akkumulaturi, jekk ikun xieraq. Studju mwettaq għall-Kummissjoni fl-2003 kkonkluda li dak iż-żmien ma kienu jeżistu l-ebda sostituti vijabbli għall-eżenzjoni. Sadanittant, sar disponibbli tagħrif ġdid, inkluż Rapport ġdid dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji, rapport mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali Svediża u studju għall-Kummissjoni li jagħti sinteżi tat-tagħrif disponibbli. Illum il-ġurnata Li-ion u NiMH jidhru li huma alternattivi kompletament kompetittivi għat-teknoloġiji tal-batteriji NiCd, għalkemm hemm ċerti vantaġġi u żvantaġġi. Filwaqt li l-irtirar tal-eżenzjoni tista' possibbilment toffri benefiċċji sostanzjali għall-ambjent u għas-saħħa, l-istima tal-benefiċċji hija inċerta ħafna. Attwalment ma jistax jintwera li l-benefiċċji tal-irtirar tal-eżenzjoni se jkunu sostanzjalment akbar mill-kostijiet. L-istudji disponibbli u d-diskussjoni ma' u bejn il-partijiet involuti kollha huma dgħajfa minħabba n-nuqqas ta' dejta komparattiva sostantiva dwar l-impatt tat-tipi ta' batteriji disponibbli għal għodod elettriċi bla fil. Valutazzjoni komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja tat-tliet alternattivi ewlenin disponibbli biss tista' tipprovdi l-bażi għal valutazzjoni tal-impatt soda dwar l-eżenzjoni u tneħħi l-inċertezza attwali. Il-Kummissjoni tikkonkludi li f'dan il-punt mhuwiex xieraq li jitressqu proposti għall-irtirar tal-eżenzjoni għal għodod elettriċi bla fil mill-projbizzjoni fuq il-kadmju fil-batteriji u l-akkumulaturi. Kwalunkwe proposta għal leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni, ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt skont il-politika tal-Kummissjoni, tkun teħtieġ tagħrif tekniku u xjentifiku komparabbli dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-kadmju u s-sostituti għalihom f'batteriji u akkumulaturi portabbli għas-CPTs. Il-Kummissjoni għalhekk se titlob analiżi komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja, li tiġġenera dan it-tagħrif li jmur lil hinn mil-letteratura xjentifika eżistenti u li tinkludi analiżi minn pari, kif jesiġu l-istandards xjentifiċi ta' kwalità. Abbażi ta' dak it-tagħrif u skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-Batteriji (id-Direttiva 2006/66/KE), il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, imbagħad se tipproċedi bi proposti għal leġiżlazzjoni bil-għan li l-kadmju jiġi pprojbit fil-batteriji u l-akkumulaturi fis-CPTs billi tiġi rtirata l-eżenzjoni eżistenti. [1] ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/103/KE (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 7-8). [2] Ara http://ec.europa.eu/governance/impact/commission_guidelines/docs/iag_2009_en.pdf. [3] Ara http://ec.europa.eu/environment/waste/batteries/pdf/eia_batteries_final.pdf. [4] Ara r-Rapport tal-UE dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji (RAR) fuq Cd u Cdo fuq: http://ecb.jrc.ec.europa.eu/DOCUMENTS/Existing-Chemicals/RISK_ASSESSMENT/REPORT/cdmetalreport303.pdf. [5] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskji u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskji għas-sustanzi metall tal-kadmju u ossidu tal-kadmju fuq: http://ecb.jrc.ec.europa.eu/DOCUMENTS/Existing-Chemicals/RISK_ASSESSMENT/OJ_RECOMMENDATION/ojrec7440439.pdf. [6] Ara http://www.naturvardsverket.se/Documents/publikationer/978-91-620-5901-9.pdf. [7] Studju ESWI (2010) disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/batteries/pdf/cadmium_report.pdf. [8] Riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet involuti: http://ec.europa.eu/environment/consultations/batteries_en.htm.