KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-ħdax-il Rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir taż-żona tal-euro /* KUMM/2010/0667 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 12.11.2010 KUMM(2010) 667 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-ħdax-il Rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir taż-żona tal-euro {SEG(2010) 1373} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-ħdax-il Rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir taż-żona tal-euro INTRODUZZJONI Il-Kunsill iddeċieda fit-13 ta' Lulju 2010 li l-Estonja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro[1]. Għalhekk l-Estonja se tingħaqad maż-żona tal-euro mill-1 ta' Jannar 2011, u b'hekk in-numru totali ta' Stati Membri li adottaw l-euro se jitla' għal 17. Ir-rata ta' kambju bejn il-kroon Estonjan u l-euro ġie stabbilit b'mod irrevokabbli għal EEK 15,6466 għal kull euro[2]. It-tħejjijiet prattiċi għall-bidla issa daħlu fl-aħħar fażi. Dan ir-rapport jivvaluta l-qagħda attwali tat-tħejjijiet prattiċi tal-Estonja għall-introduzzjoni tal-euro u jindirizza b'mod partikolari t-tħejjijiet għall-introduzzjoni tal-flus kontanti tal-euro fl-ekonomija, il-miżuri stabbiliti għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-perjodu tal-bidla, bħal pereżempju l-ftehim dwar l-ipprezzar ġust, u l-kampanja ta' komunikazzjoni. Jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali qasira lejn ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ pubbliku dwar l-istat tal-opinjoni pubblika dwar l-euro fi tmien Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għadhom ma adottawx l-euro (inkluża l-Estonja). Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jistipula dettalji dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni tal-euro fl-Istati Membri tal-UE li fadal li għadhom ma addottawx il-munita unika u ma għandhomx l-għażla legali li ma jdaħħluhiex. QAGħDA ATTWALI TAT-TħEJJIJIET GħALL-BIDLA FL-ESTONJA L-Estonja adottat id-disa' verżjoni tal-'Pjan għall-Adozzjoni tal-Euro' tagħha fl-14 ta' Ottubru 2010. Meta mqabbel mal-verżjoni preċedenti ta' April 2010, dan ġie aġġornat b'mod notevoli biex jinkludi: - Il-parteċipazzjoni ta' madwar 180 uffiċċji tal-Posta Estonjana fil-provvista ta' flus kontanti tal-euro lill-pubbliku u l-irtirar ta' kroonid Estonjani. - Il-provvista ta' 600 000 pakkett tal-ewwel muniti tal-euro (starter-kits) lill-pubbliku mill-1 ta' Diċembru 2010. - L-użu ta' karti tal-flus ta' EUR 20 fil-magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus (ATMs) matul il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja. L-iskop huwa li jonqos l-għadd ta' karti tal-flus ta' EUR 50 distribwiti mill-ATMs, u b'hekk ikun aktar faċli għall-bejjiegħa bl-imnut biex jagħtu l-bqija bi flus euro biss. - Pjan u deskrizzjoni aktar fid-dettall ta' taħriġ dwar il-flus kontanti tal-euro għal dawk li jimmaniġġjaw il-flus kontanti. Aktar kummenti fid-dettall huma inklużi taħt l-intestaturi hawn taħt, iżda b'mod ġenerali dawn il-miżuri huma ferm mixtieqa u se jikkontribwixxu għal bidla mingħajr xkiel u aktar ta' suċċess. Tħejjijiet għall-bidla tal-flus kontanti Il-flus kontanti tal-euro se jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni permezz ta' tliet mezzi ewlenin: il-banek kummerċjali, l-ATMs u l-bejjiegħa bl-imnut. L-Estonja se tissellef 44,89 miljun karta tal-flus tal-euro mill-Eurosistema, li jiġu pprovduti mill-Bank Ċentrali tal-Finlandja, u ordnat 194 miljun biċċa ta' muniti tal-euro sabiex jiġu sostitwiti l-flus kontanti tal-kroonid Estonjani fiċ-ċirkolazzjoni u biex tipprovdi għall-ħażniet loġistiċi meħtieġa. Il-muniti tal-euro għandhom in-naħa nazzjonali tal-Estonja u jinħadmu miz-Zekka tal-Finlandja. Il-produzzjoni tal-muniti bdiet u sa nofs Settembru laħqu nħadmu madwar 40 % tal-muniti.. Il-parti li fadal se tinħadem u tiġi kkunsinnata bil-mod sal-aħħar ta' Marzu 2011. Karti tal-flus u muniti tal-euro ta' valur totali ta' EUR 235 miljun, li jikkorrispondi għal madwar 40 % tal-flus kontanti tal-kroonid Estonjani fiċ-ċirkolazzjoni, se jiġu pprovduti u sottopprovduti minn qabel (frontloaded and sub-frontloaded) lill-banek u lill-klijenti tagħhom qabel jum l-euro. Il- forniment minn qabel (frontloading) tal-muniti tal-euro beda f'nofs Settembru, filwaqt li l-forniment minn qabel tal-karti tal-flus euro huwa ppjanat li jibda fil-15 ta' Novembru. Sa nofs Settembru, il-Bank Ċentrali Estonjan (Eesti Pank) kien iffirma ftehimiet għall-forniment minn qabel ma' 10 banek. Il-qafas għas- sottoforniment minn qabel tal-klijenti tal-banek kummerċjali b'muniti tal-euro huwa stabbilit, iżda ma ġew irrappurtati l-ebda movimenti mill-banek fil-bidu ta' Ottubru. Is-sottoforniment ta' karti tal-flus euro se jibda fl-1 ta' Diċembru. Barra minn hekk l-Estonja se jkun l-ewwel Stat Membru li juża l-linji gwida l-ġodda li huma simplifikati tal-BĊE dwar is-sottoforniment minn qabel[3] ibbażati fuq l-esperjenza miksuba mill-bidliet preċedenti. Il-bejjiegħa bl-imnut li jiffirmaw kuntratt simplifikat ta' sottoforniment minn qabel se jingħataw sa EUR 10 000, sa ħamest ijiem qabel jum l-euro[4]. It- trasport tal-flus kontanti tal-euro professjonali kollu se jiġi skortat mill-pulizija, inkluż it-trasport tal-muniti u l-provvista tal-ATMs, u dan se jiżgura sigurtà għolja. Il-kumpanija ewlenija għas-servizz tat-tranżitu tal-fondi (cash-in-transit) ipprevediet li tikri vetturi oħra minn Stati Membri fil-viċinat, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fid-domanda għat-trasport tal-flus kontanti matul il-bidla, u investiet f'tagħmir ġdid għat-tqassim u għall-ittestjar tal-awtentiċità tal-flus kontanti tal-euro. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Estonja intensifikaw l-azzjoni preventiva kontra l-iffalsifikar tal-euro, fuq il-bażi tal-programm Pericles tal-Kummissjoni. L-Estonja ordnat 600 000 pakketti żgħar (mini-kits) bil-muniti tal-euro, jiġifieri madwar wieħed għal kull dar, li se jkunu għall-bejgħ fil-banek u fl-uffiċċji tal-posta mill-1 ta' Diċembru. Il-prezz tal-bejgħ ta' pakkett żgħir huwa EEK 200 (il-valur nominali huwa EEK 200,12 jew EUR 12,79) u fih 42 munita. Sabiex jiġi evitat li dawn jinħażnu, se jkun hemm limitu ta' ħames pakketti żgħar għal kull xirja. Sa mill-1 ta' Jannar 2011, se jinbiegħu xi kwantitajiet addizzjonali (aktar mis-600 000 pakkett) biex tiġi sodisfatta d-domanda numismatika mill-kollezzjonisti ta' muniti tal-euro ġodda.. Il-pakketti żgħar huma ta' għajnuna kbira biex in-nies jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-muniti l-ġodda tagħhom qabel jum l-euro u jagħmluha aktar faċli biex il-bejjiegħa bl-imnut jagħtu l-bqija biss bl-euro. L-Eesti Pank għalhekk għandu jimmonitorja bir-reqqa l-bejgħ tal-pakketti żgħar biex jiġi żgurat li hemm disponibbli kwantitajiet suffiċjenti fil-naħat kollha tal-pajjiż. Barra minn hekk hija, tkun prattika tajba li jiġu prodotti kwantitajiet żejda ta' pakketti żgħar biex tiġi sodisfatta d-domanda tal-kollezzjonisti, sabiex jiġi evitat li l-kollezzjonisti sa ċertu punt iqalftu 'l barra lill-utenti normali tal-muniti. Il-kumpanija ewlenija għas-servizz tat-tranżitu tal-fondi bdiet tipproduċi pakketti għall-bejjiegħa bl-imnut b'muniti tal-euro għat-tqassim lil klijenti professjonali direttament jew permezz tal-banek. Se jkun hemm żewġ tipi, wieħed b'valur ta' EUR 111 (tmien rollijiet ta' muniti) u wieħed ta' EUR 198 (15-il roll ta' muniti). F'Settembru kienet irċeviet ordnijiet għal 40 000 pakketti bħal dawn u qiegħda tippjana li tipproduċi aktar mid-doppju ta' dan. Dan huwa volum kbir, u ta' min ifaħħrumeta mqabbel ma' bidliet preċedenti, għaliex huwa importanti li jiġi evitat li l-bejjiegħa bl-imnut jispiċċawlhom il-muniti tal-euro matul il-bidla, meta jitqies ukoll li l-kunsinni tal-flus kontanti lill-ħwienet jistgħu jseħħu fuq bażi inqas frekwenti matul l-ewwel jiem impenjattivi tal-bidla. Il- banek kummerċjali se jipprovdu għat-tibdil ta' kroonid f'euro bir-rata ta' kambju mingħajr ebda miżata ta' servizz, u mingħajr ebda limitu[5] fuq l-ammont li għandu jinbidel, fil-fergħat kollha li joffru servizzi ta' flus kontanti minn mill-inqas l-1 ta' Diċembru 2010 sal-aħħar ta' Ġunju 2011. Dan is-servizz se jkompli jiġi pprovdut f'netwerk ta' fergħat aktar limitat sal-aħħar ta' Diċembru 2011. Minn Diċembru, sabiex tiġi ffaċilitata l-bidla, il-banek kummerċjali se jkollhom ħinijiet ta' ftuħ itwal matul dan iż-żmien tal-bidla, , u huwa previst li jiżdied xi persunal . Il-maġġoranza tal-fergħat tal-banek se jkunu miftuħin fl-1 ta' Jannar minn 12.00. Mill-inqas bank kbir wieħed indika li l-fergħat tiegħu se jagħtu prijorità lill-bejjiegħa bl-imnut fuq klijenti oħra jekk ikun hemm il-kjuwijiet (permezz ta' biljetti għall-kjuwijiet separati). Din hija prattika tajba li l-banek kollha għandhom jiġu mħeġġa jsegwu sabiex jagħmluha aktar faċli għall-bejjiegħa bl-imnut biex jagħtu l-bqija f'euro biss. Il-fergħat ġeneralment se jevitaw iqassmu l-ogħla denominazzjonijiet (500 u 200 euro) matul il-bidla sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-bejjiegħa bl-imnut jispiċċawlhom iż-żgħar f'euro. Sa nofs Settembru, l-ipprogrammar tat-taħriġ tal-persunal tal-banek tħejja u t-taħriġ kien se jibda. It-tħejjija tal-bidla tat-terminali tal-kards tal-bank għall-euro hija avvanzata sew u mhijiex mistennija li toħloq problemi partikolari. Il-bidla ta' dawn it-terminali għall-euro se sseħħ f'0:00 fl-1 ta' Jannar 2011. Sabiex tiġi evitata xi konfużjoni il-valuta se tiġi indikata fuq l-iskrin tal-wiri fit-terminali. It-tħejjija tas-sistemi tal-IT hija avvanzata sew u l-ittestjar tal-aħħar huwa ppjanat għal Ottubru/Novembru. Sabiex jittejjeb l-aċċess għat-tibdil tal-flus, b'mod partikolari f'żoni rurali, il-Posta Estonjana (Eesti Post) se tieħu sehem ukoll fit-tibdil tal-flus. L-Eesti Post se tuża l-pjattaforma tagħha Postipank (servizz konġunt offrut mill-Eesti Post u l-bank kummerċjali SEB) biex tbiddel il-flus mill-kroonid għall-euro mingħajr miżati f'aktar minn 180 uffiċċju tal-posta madwar il-pajjiż bejn l-1 u l-15 ta' Jannar 2011. L-uffiċċji se jkunu miftuħin il-ġimgħa kollha matul dan il-perjodu, inkluż fil-festi pubbliċi tal-1 u t-2 ta' Jannar u l-Ħadd id-9 ta' Jannar. Is-servizz tat-tibdil tal-flus kontanti huwa miftuħ lil kulħadd, inklużi dawk li ma għandhomx kont mal-SEB. Jekk meħtieġ, l-Eesti Post tista' tistabbilixxi limitu massimu ta' kuljum għat-tibdil ta' flus kontanti ta' EUR 1000/klijent. Fl-aħħar nett, l-Eesti Post qiegħda tħejji pjan ta' komunikazzjoni dettaljat dwar is-servizz tat-tibdil tal-flus kontanti li se tipprovdi matul il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja. L- ATMs se jimtlew bi flus kontanti tal-euro l-aktar fit-30 u l-31 ta' Diċembru, li jfisser li ħafna minnhom se jkunu magħluqin matul dawn il-jiem (sabiex ma jitqassmux flus kontanti tal-euro qabel l-1 ta' Jannar). L-ATMs li jiġbru ammont għoli ta' flus se l-jkunu tal-aħħar li jimtlew bi flus kontanti tal-euro . Minn 0:00 jew 0:15 fl-1 ta' Jannar, skont il-bank, madwar 90 % tal-ATMs se jagħtu karti tal-flus tal-euro biss, filwaqt li madwar 10 % tal-magni jistgħu joperaw biż-żewġ valuti u għalhekk se jkunu miftuħa mingħajr waqfien. L-ATMs se jimtlew l-aktar bid-denominazzjonijiet baxxi ta' EUR 20, EUR 10 u EUR 5, filwaqt li d-denominazzjoni ta' EUR 50 għandha tintuża biss għall-ATMs li fil-passat ġabru ammonti għoljin ta' flus. Hija prattika tajba li l-biċċa l-kbira tal karti tal-flus li jintużaw fl-ATMs huma ta' denominazzjoni baxxa , li se tiffaċilita l-affarijiet għall-bejjiegħa bl-imnut biex isegwu r-rakkomandazzjoni li jagħtu l-bqija f'euro biss. Is-settur finanzjarju u bankarju avvanza sew bit-tħejjijiet għall-bidla. Huwa pożittiv ħafna li l-Eesti Post issa se tieħu sehem fil-provvista ta' flus kontanti tal-euro lill-pubbliku u fl-irtirar ta' kroonid Estonjani, li jfisser li se jkun hemm fergħat tal-banek jew tal-uffiċju tal-posta jipprovdu servizzi għat-tibdil tal-flus kontanti fil-kontej kollha. Huwa wkoll pożittiv li l-ATMs issa b'mod ġenerali se jimtlew biss bil-karti tal-flus ta' denominazzjoni baxxa, u jevitaw il-karti tal-flus ta' EUR 50 (għajr l-ATMs li li jiġbru ammont għoli ta' flus minnhom) għaliex dan se jevita li l-bejjiegħa bl-imnut tispiċċalhom il-bqija f'euro minħabba li l-klijenti jkunu qegħdin iħallsu b'karti tal-flus ta' denominazzjoni għolja. Fl-aħħar nett, il-prattika li tingħata l-prijorità lill-bejjiegħa bl-imnut fil-fergħat tal-banek għandha titħeġġeġ sabiex ikun aktar faċli għalihom li jagħtu bqija f'euro biss. Il-banek u l-Posta għandhom ikunu lesti għal piż konsiderevoli ta' xogħol addizzjonali u għadd ta' klijenti ħafna ikbar fl-ewwel jiem ta' Jannar. | Tħejjijiet tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tħejjijiet għall-bidla fiż-żoni rurali u l-gruppi vulnerabbli Il-bidla fis-sistemi tal-IT fis-settur pubbliku qiegħda sseħħ skont il-pjan. Is-sistemi tal-IT ta' ħafna mill-istituzzjonijiet pubbliċi ġew adattati għall-euro u t-tliet istituzzjonijiet li għandhom l-aktar sistemi kumplessi ta' informazzjoni (jiġifieri l-Bord tat-Taxxi u tad-Dwana, il-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali u ċ-Ċentru tal-IT tal-Ministeru tal-Intern) qed jirrappurtaw li mixjin kif suppost biex jagħmlu s-sistemi tagħhom kompatibbli mal-euro sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 2010 . Il-Ministeru tal-Finanzi stabbilixxa lista ta' kuntatti bir-rappreżentanti tal-muniċipalitajiet lokali li qiegħed jibgħatilhom informazzjoni bl-email b'mod regolari. Saru għadd ta' laqgħat mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u tqassmu ittri ta' informazzjoni regolari permezz tan-netwerk speċjali tal-kuntatti tal-gvern lokali li jkopru l-qafas legali, il-bidla tas-sistemi tal-IE u jinkludu wkoll lista ta' verifika bil-kompiti li għandhom jitwettqu qabel jum l-euro. Tista' tinqala' problema speċifika fit-trasport pubbliku, li jista' jiffaċċja problemi biex jagħti l-bqija għall-karti tal-flus tal-euro ta' denominazzjoni medja u għolja. Għalkemm ħafna mill-biljetti tat-trasport pubbliku jitħallsu b'mezzi elettroniċi (pereżempju bit-telefowns ċellulari), xi wħud għadhom jitħallsu bi flus kontanti. L-awtoritajiet qegħdin jippjanaw li jirreklamaw b'mod ċar fuq il-karozzi tal-linja, fil-waqfiet eċċ. li l-klijenti huma mħeġġa jħallsu bl-ammont eżatt. L-awtoritajiet qegħdin jaħsbu wkoll li jqassmu kalkolaturi tal-euro lill-kumpaniji tal-karozzi tal-linja sabiex jgħinu lix-xuffiera li jkunu qegħdin ibiegħu l-biljetti bil-flus kontanti (l-aktar r-rotot rurali jew ta' bejn l-ibliet). Il-bidla tal-miters tal-ipparkjar tirrappreżenta wkoll sfida speċifika, għaliex normalment dawn jistgħu jimmaniġġjaw valuta waħda biss fl-istess ħin. Il-miters tal-ipparkjar kollha għandhom jinbidlu fir-raba' jew il-ħames jum wara jum l-euro, meta l-maġġoranza l-kbira tal-ħlasijiet kollha diġa jkunu qegħdin isiru bl-euro. Wara dan, il-miters tal-ipparkjar li jkunu għadhom ma nbidlux normalment għandhom jimplikaw ipparkjar bla ħlas sabiex ma jiġix mħeġġeġ l-użu tal-valuta nazzjonali l-qadima matul il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja. Il-magni tal-bejgħ ma tantx jintużaw fl-Estonja u l-bidla tagħhom normalment għandha tkun sfida inqas problematika, b'mod partikolari billi dawn normalment jaċċettaw varjetà ta' mezzi ta' ħlas (kard tal-bank, ħlas bit-telefown ċellulari eċċ.). Il-parteċipazzjoni tal-Eesti Post fl-operazzjonijiet tat-tibdil tal-flus kontanti (ara wkoll it-Taqsima 2.1 hawn fuq) għandha tiġi milqugħa ħafna. Dan diġà se jiffaċilita l-bidla tal-flus kontanti għan-nies fiż-żoni rurali fejn ma tantx jinsabu wisq fergħat ta' banek. Diġà beda t-taħriġ tal-persunal tal-Posta (l-immaniġġjar taż-żewġ valuti fl-istess ħin, il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-flus kontanti tal-euro, il-provvista ta' informazzjoni liċ-ċittadini eċċ.).. Il-ħlasijiet tal-pensjoni (29 000 pensjonant għadhom jirċievu l-pensjonijiet tagħhom fi flus kontanti kull xahar) isiru bejn l-1 u t-18 ta' kull xahar, bil-biċċa l-kbira tal-ħlasijiet isiru madwar il-5/6 ta' kull xahar. Dan ifisser li mhux se jkun hemm injezzjoni kbira ta' ħlasijiet tal-pensjonijiet fi flus kontanti Estonjani eżatt qabel il-bidla. L-anzjani li għandhom diffikultajiet biex joħorġu mid-dar jirrappreżentaw sfida partikolari għall-bidla billi jistgħu jkollhom bżonn l-għajnuna biex ibiddlu l-flus kontanti Estonjani tagħhom. Barra minn hekk, il-ħaddiema soċjali għandu jsirilhom taħriġ sabiex ikunu jistgħu jwieġbu mistoqsijiet bażiċi relatati mal-bidla (regoli tal-kambju, ċirkolazzjoni doppja, wiri dupliċi, il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-flus kontanti tal-euro eċċ.). Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi provduta informazzjoni dwar il-bidla lill-anzjani li għandhom diffikultajiet biex joħorġu mid-dar tagħhom. Dawn jistgħu wkoll ikollhom bżonn għajnuna għat-tibdil tal-flus kontanti Estonjani tagħhom. Il-ħaddiema soċjali għandhom jitħarrġu sabiex ikunu jistgħu jwieġbu mistoqsijiet bażiċi relatati mal-bidla. | Tħejjija tal-impriżi Il-bejjiegħa bl-imnut se jkollhom iktar bżonn ta' flus kontanti matul il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja għal żewġ raġunijiet ewlenin; il-klijenti jkollhom tendenza li jużawhom bħala "banek żgħar" biex ibiddlu l-flus kontanti nazzjonali f'euro (b'mod partikolari jekk ma jkunx hemm fergħat tal-banek fil-qrib) u s-servizzi tat-tranżitu tal-fondi se jkunu inqas frekwenti minħabba l-ħtieġa addizzjonali ta' trasport ta' flus kontanti matul il-bidla. Għalhekk huma previsti miżuri ta' sigurtà addizzjonali minn mill-inqas il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar, bħal pereżempju aktar użu ta' gwardji tas-sigurtà, cameras ta' monitoraġġ eċċ. Il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar kienu stmaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' flus kontanti u kienu se jikkonkludu ftehimiet mal-banek fl-aħħar ta' Settembru 2010. Dawn se jiftħu l-ġimgħa kollha matul il-perjodu tal-bidla u qegħdin jippjanaw li jimpjegaw aktar persunal u jiftħu cash registers oħra matul dan il-perjodu. Is-sistemi tal-IT individwali ġew ivverifikati u dawn jistgħu jimmaniġġjaw il-ħlasijiet kemm f'euro kif ukoll fi kroonid Estonjani, inklużi l-ħlasijiet imħallta. Barra minn hekk huwa neċessarju li jiġi vverifikat li s-sistemi individwali jaqblu ma' xulxin. Se jiġi installat ukoll apparat li jidentifika l-karti tal-flus foloz fil-punti ta' bejgħ kollha tal-ktajjen il-kbar tal-bejgħ bl-imnut. It-taħriġ tal-persunal huwa ppjanat li jsir matul il-ħarifa, u se jinkludi taħriġ prattiku tal-kaxxiera li jkunu qegħdin jimmaniġġjaw iż-żewġ valuti fil-preżenza ta' reviżur. L-Eesti Pank se jipprovdi korsijiet għal dawk li jħarrġu. Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom jagħtu l-bqija biss f'euro minn jum l-euro. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa bl-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq il-kaxxiera u li jiġi limitat il-ħin ta' stennija għall-cash registers, bħal pereżempju li l-kaxxiera jsiru familjari mal-valuta l-ġdida minn qabel il-bidla, jiġu previsti kaxxi separati għall-flus kontanti tal-kroonid sabiex "jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni" direttament u faċilment, il-ftuħ ta' uffiċċji ta' informazzjoni fi ħwienet kbar tal-bejgħ bl-imnut biex iwieġbu l-mistoqsijiet tal-klijenti, l-impjegar ta' persunal temporanju għall-ippakkjar ta' prodotti f'basktijiet fis-supermarkets eċċ. Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom ukoll jippjanaw li jkun hemm kapaċitajiet ta' ħżin biżżejjed għall-flus kontanti tal-kroonid li jkunu ġew irtirati u jippjanaw it-trasport tal-flus kontanti lejn il-banek. Fl-aħħar nett, il-valur ħafna aktar għoli ta' muniti tal-euro meta mqabbla mal-muniti tal-kroonid se jkun karatteristika ġdida għall-pubbliku Estonjan (il-munita tal-kroon bil-valur l-aktar għoli fiċ-ċirkolazzjoni tiswa 32 ċenteżmi tal-euro biss) u għandha tingħata attenzjoni partikolari għal kwistjonijiet potenzjali li jistgħu jinqalgħu f'dan ir-rigward (pereżempju d-disinn xieraq tal-kaxex tal-flus fil-cash registers, it-taħriġ tal-persunali fl-immaniġġjar tal-muniti eċċ.). Il-progress tat-tħejjijiet tal-SMEs għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari. | Il-prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi u ta’ perċezzjoni żbaljata tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet taċ-ċittadini L-opinjoni pubblika fl-Estonja hija mħassba dwar l-impatt possibbli tal-bidla għall-euro fuq il-prezzijiet (ara r-riżultati tal-Ewrobarometru l-aktar reċenti fit-Taqsima 3 hawn taħt). Għalhekk huwa partikolarment importanti li l-awtoritajiet Estonjani jieħdu l-passi meħtieġa kollha kemm biex jevitaw prattiki abbużivi kif ukoll biex jeliminaw il-perċezzjonijiet żbaljati. Huwa partikolarment importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi tal-prezzijiet ta' oġġetti u servizzi li jinxtraw b'mod frekwenti, bħal dawk provduti mir-ristoranti, il-cafés u l-parrukkiera eċċ., billi dawn jikkontribwixxu b'mod disproporzjonat għall-evoluzzjoni perċepita tal-prezzijiet. Il-wiri obbligatorju taż-żewġ prezzijiet f’kroonid Estonjani u f’euro beda fl-1 ta’ Lulju 2010 u għandu jibqa’ sejjer sal-30 ta’ Ġunju 2011. L-implimentazzjoni tagħha hija sorveljata mill-Bord Estonjan tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPB) li se jimmonitorja il-wiri dupliċi f'aktar minn 2 200 punti ta' bejgħ madwar l-Estonja kollha. F'Settembru, il-25 spettur tas-CPB ivverifikaw madwar 1160 punti ta' bejgħ. Saret żjara mill-ġdid f'265 impriża li qabel ma kienux implimentaw b'mod korrett il-wiri dupliċi tal-prezzijiet biex jiġi vverifikat jekk in-nuqqasijiet ġewx korretti. Is-CPB impona multi f'108 każijiet matul il-verifiki ta' Settembru[6]. L-ismijiet tal-impriżi li ma jimplimentawx il-wiri dupliċi tal-prezzijiet b'mod korrett huma ppubblikati kull ġimgħa fuq il-websajt tas-CPB. Filwaqt li f'Lulju madwar nofs l-impriżi ma wrewx il-wiri dupliċi tal-prezzijiet b'mod korrett, din iċ-ċifra kienet naqset ftit għal madwar 40 % f'Awwissu naqset għal ftit inqas minn 30 % f'Settembru u għal ftit inqas minn 20 % sa nofs Ottubru. Matul l-ewwel xahrejn, l-iżball ewlieni kien in-nuqqas li jintwera l-prezz f'euro. It-titjib kontinwu bejn Awwissu u Ottubru huwa dovut għal numru akbar ta' kumpaniji li wrew iż-żewġ valuti, kif ukoll għan-numru inqas ta' kumpaniji li kienu qegħdin jużaw rata ta' kambju ħażina, filwaqt li n-numru ta' każijiet ta' tqarrib għal numru sħiħ għadu jippersisti. Is-CPB qiegħed iwettaq ukoll azzjonijiet konġunti mal-NGOs (l-aktar mal-pensjonanti) sabiex jiġi mmonitorjat il-wiri dupliċi. Din hija prattika tajba, li tista' tintuża wkoll biex tippromwovi u żżid l-adozzjoni tal-Ftehim dwar l-Ipprezzar Ġust (ara hawn taħt). Għalkemm in-numru ta' kumpaniji li jirrispettaw ir-regoli dwar il-wiri dupliċi tal-prezzijiet żdied, jeħtieġu aktar sforzi biex jitjieb ir-rispett ta' dawn ir-regoli. Fit-28 ta' Awwissu, tnieda Ftehim dwar l-Ipprezzar Ġust minn għadd ta' organizzazzjonijiet tan-negozju rappreżentattivi u s-CPB, li jħeġġeġ il-kumpaniji jingħaqdu mal-inizjattiva. Huwa mmexxi mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Estonjana u jsegwi l-linji tal-inizjattivi volontarji li ntużaw b'suċċess fil-bidliet preċedenti. Dawk li ngħaqdu mal-Ftehim (pereżempju il-bejjiegħa bl-imnut, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-gvernijiet lokali, il-ħwienet tal-internet eċċ.) jimpenjaw irwieħhom li jastjenu minn prattiki abbużivi relatati mal-bidla, jiġifieri li jżidux il-prezzijiet tagħhom mingħajr ġustifikazzjoni matul il-bidla għall-euro u li jirrispettaw ir-regoli tal-bidla. Dawk li ngħaqdu mal-Ftehim għandhom id-dritt li jużaw stiker b'logo ddedikat. Min-nofs ta' Ottubru, madwar 450 sottoskrivent kienu ngħaqdu mal-Ftehim, inkluzi 12-il gvern lokali, li jkopru aktar minn 2 300 punt ta' bejgħ/attività. Jekk it-termini tal-Ftehim jinkisru, jistgħu jingħataw il-multi[7] u d-dritt li tintuża l-istiker jiġi rtirat. f'Settembru, twettqet kampanja ta' informazzjoni li kienet tinkludi reklamar fuq barra, reklamar fuq ir-radju, midja stampata u internet, u hija ppjanata kampanja oħra. Il-Kamra tal-Kummerċ tistma li hemm madwar 3 500 – 4 000 kumpanija attiva fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fl-Estonja, għalhekk huwa importanti li jiżdied in-numru ta' sottoskriventi tal-Ftehim li għandu jinkludi wkoll il-muniċipalitajiet lokali. Għandu jiġi ppjanat l-użu ta' voluntiera li jkunu segwew taħriġ speċjali biex tiġi promossa l-adozzjoni tal-Ftehim. Għandu jiġi żgurat li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-ftehimiet dwar l-ipprezzar ġust u prattiki abbużivi possibbli tal-prezzijiet, isir wkoll fl-1 u t-2 ta' Jannar. L-adozzjoni tal-ftehimiet dwar l-ipprezzar ġust għandha titjieb ukoll. Għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żieda tal-kopertura fost l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Għal dan l-iskop, jistgħu jintużaw il-voluntiera li jkunu rċevew taħriġ speċjali (pereżempju studenti jew pensjonanti). Dan jista' jinkludi wkoll il-voluntiera li diġà qegħdin jimmonitorjaw l-implimentazzjoni korretta tal-wiri dupliċi, li jistgħu jippromwovu l-ftehimiet dwar l-ipprezzar ġust fl-istess ħin. Kull waħda mill-226 muniċipalità lokali għandha wkoll tingħaqad mal-ftehimiet. L-azzjoni korrettiva kontra sottoskriventi li jonqsu milli jwettqu l-impenji tagħhom skont il-Ftehim dwar l-Ipprezzar Ġust għandha tittieħed malajr kemm jista' jikun. Id-dritt tagħhom li jiddikjaraw ir-rispett tal-Ftehim dwar l-Ipprezzar Ġust (jiġifieri li jużaw il-logo tas-sottoskriventi) għandu jiġi rrevokat immedjatament. Barra minn hekk għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu skoperti prattiki abbużivi u żieda fil-prezzijiet mhux ġustifikata fuq prodotti li jinxtraw b'mod frekwenti, bħal pereżempju dawk provduti mir-ristoranti, cafés u parrukkiera eċċ., billi dawn jikkontribwixxu b'mod disproporzjonat għall-perċezzjoni pubblika ta' żidiet fil-prezzijiet relatati mal-bidla. L-isforzi biex jiġu infurzati r-regoli dwar il-wiri dupliċi tal-prezzijiet ukoll għandhom jitkomplew. | Komunikazzjoni dwar l-euro L-għanijiet kwantitattivi tal-istrateġija tal-komunikazzjoni għall-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja huwa li jiġi żgurat li 90 % tar-residenti Estonjani kollha jkunu mgħarrfa sewwa dwar l-aspetti prattiċi tal-bidla u li 65 % tar-residenti Estonjani jsostnu l-euro saż-żmien tal-bidla. Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill fit-13 ta' Lulju, l-awtoritajiet Estonjani organizzaw malajr l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' komunikazzjoni. Dawn jinvolvu taħlita ta' għodda li jinvolvu kuntatti aktar diretti mar-residenti (posta diretta, seminars, wirjiet, eċċ.) u għodda tal-mass midja (reklami fuq ir-radju u fuq it-televixin). It-tliet fażijiet tal-kampanja tal-mass midja li qegħdin iseħħu minn Awwissu sa Diċembru 2010 għandhom l-għan li jispjegaw l-aspetti prattiċi ewlenin tal-bidla. Il-Kummissjoni ssostni, permezz ta' ftehim ta' għotja, sa 50 % tal-ispejjeż eliġibbli ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni miftiehma. Il-Bank Ċentrali Ewropew isostni l-kampanja ta' informazzjoni nazzjonali billi jqassam pubblikazzjonijiet, jorganizza wirjiet u avvenimenti oħra tar-relazzjonijiet pubbliċi u billi jipprovdi għajnuna sinifikanti għall-kampanja tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa. Billi l-maġġoranza tal-kampanji għadhom ma setgħux jilħqu l-gruppi mmirati, mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat l-eżitu tagħhom. Madankollu, ir-riżultati ta' stħarriġ dwar l-opinjonijiet u l-opinjoni pubblika riflessa fil-midja juru li l-biżà minn prattiki abbużivi u mit-telf fil-kapaċità tal-akkwist tidher b'mod ċar. Il-gruppi vulnerabbli jidhru li għandhom bżonn informazzjoni addizzjonali rassikuranti. Billi fadal ftit xhur biss, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet Estonjani biex jimplimentaw b'mod riżolut u, fejn meħtieġ, jikkumplimentaw il-pjanijiet ta' komunikazzjoni għall-introduzzjoni tal-euro sabiex l-informazzjoni meħtieġa tilħaq lir-residenti Estonjani kollha fil-ħin. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll lill-awtoritajiet Estonjani biex iħejju pjan ta' komunikazzjoni f'każ ta' kriżi. | IL-QAGħDA TAL-OPINJONI PUBBLIKA FL-ISTATI LI SARU MEMBRI REċENTEMENT Mill-2004, il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat stħarriġ tal-"Ewrobarometru" fil-pajjiżi li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u l-2007 u li għadhom ma adottawx l-euro sabiex jiddeterminaw l-attitudni taċ-ċittadini lejn l-introduzzjoni tal-euro u l-għarfien tagħhom dwarha. L-istħarriġ tal-ħarifa tal-2010 'SMĠ-8'[8] (EB Flash nru°307) huwa l-ħdax-il wieħed tax-xorta tiegħu. Ix-xogħol fuq il-post għall-istħarriġ sar f'Settembru 2010. Għall-għanijiet ta' dan ir-rapport, ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru l-aktar reċenti tqabblu mar-riżultati tal-istħarriġ preċedenti li sar fl-SMĠ (EB Flash nru°296, Mejju 2010). Fid-dawl tas - sitwazzjoni ekonomika attwali li għadha diffiċli, inkluża l-kriżi tad-dejn sovran fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, ir-riżultati l-aktar reċenti juru tnaqqis globali fis-sostenn taċ-ċittadini tal-SMĠ-8 għall-introduzzjoni tal-euro minn Mejju 2010. Madankollu, il-livelli attwali ta' sostenn mhumiex aktar baxxi minn dawk ta' matul l-ewwel fażijiet ta' dan l-istħarriġ li saru fl-2004 u l-2005. Sostenn għall-euro Bejn Mejju u Settembru 2010, is-sostenn taċ-ċittadini tal-SMĠ-8 għall-introduzzjoni tal-euro f'pajjiżhom naqas ftit. Madankollu, b'mod ġenerali, maġġoranza relattiva ta' dawk li wieġbu stennew li l-introduzzjoni tal-euro jkollha konsegwenzi pożittivi għal pajjiżhom (46 %, -3pp). Kienu mistennija konsegwenzi pożittivi għalihom infushom b'43 % (-4pp), filwaqt li kienu mistennija impatti negattivi b'44 % (+ 5pp) ta' dawk li wieġbu. Madwar nofs (47 %) dawk li ġew intervistati ħasbu li l-euro kellha impatt pożittiv fl-Istati Membri li huma membri taż-żona tal-euro. 44 % (-4pp) ta' dawk kollha li wieġbu qalu li kienu kuntenti li l-euro kienet se tieħu post il-valuta nazzjonali tagħhom, filwaqt li 45 % (+3pp) qalu li ma kinux se jkunu kuntenti dwar bidla għall-euro. Ir-Rumeni (51 %, -4pp), l-Bulgari (48 %, -3pp) u l-Ungeriżi (47 %, -7pp) kienu l-aktar probabbli li jgħidu li kienu jkunu kuntenti b'bidla għall-euro, filwaqt li dawk li wieġbu mir-Repubbilka Ċeka (60 %, +7pp), mill-Estonja (58 %, +4pp) u mil-Latvja (56 %, +6pp) kienu l-aktar probabbli li jwieġbu li personalment ma kinux kuntenti li l-euro setgħet tieħu post il-munita tagħhom. L-aktar żieda sinifikanti fil-proporzjoni ta' ċittadini li qalu li ma kinux kuntenti rigward il-bidla għall-euro ġiet osservata fil-Litwanja (+6pp għal 34 %). Ħeffa fl-introduzzjoni tal-euro Ftit aktar minn terz taċ-ċittadini tal-SMĠ-8 jixtiequ li l-introduzzjoni tal-euro ssir fi żmien medju ("wara ċertu żmien", 35 %, -4 pp), filwaqt li proporzjon simili (38 %, +6pp) għazlu l-aktar tard possibbli. Madwar wieħed minn ħamsa (21 %, +6pp) ried li l-bidla ssir malajr kemm jista' jkun. Il-Polonja (47 %, +8pp), ir-Repubblika Ċeka (47 %, -1pp) u l-Latvja (46 %, l-ebda bidla) kellhom l-ogħla sehem ta' nies li wieġbu li xtaqu li l-adozzjoni tal-euro ssir l-aktar tard possibbli. Fl-Estonja, kwart ta' dawk li wieġbu (24 %, +1pp) xtaqu jissieħbu malajr kemm jista' jkun, 38 % (l-ebda bidla) wara ċertu żmien u 31 % (-5pp) xtaqu li l-euro tiddaħħal l-aktar tard possibbli. Livell ta' informazzjoni Filwaqt li maġġoranza ta' ċittadini tal-SMĠ-8 għadhom ma jħossuhomx infurmati tajjeb dwar l-euro (57%, -2pp), sehem li qiegħed jikber (42 %, +1pp) iħoss li huwa infurmat tajjeb. Erba' xhur qabel l-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja, kien hemm qabża kbira fil-livell ta' kemm dawk li wieġbu fl-Estonja iħossuhom infurmati tajjeb dwar l-euro meta mqabbel ma' Mejju 2010, b'65 % li jħossuhom infurmati tajjeb diġà minn issa (+15pp). Aspettattivi fir-rigward tal-euro Bħal fil-fażijiet preċedenti, maġġoranza sorprendenti ta' ċittadini tal-SMĠ-8 qablu ma' diversi stqarrijiet pożittivi rigward l-effetti prattiċi tal-euro: pereżempju 90 % (l-ebda bidla) qablu li l-adozzjoni tal-euro tkun aktar konvenjenti għal dawk li jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra li jużaw l-euro; u 85 % (-1pp) qablu li l-euro tħaffef ix-xiri f'pajjiżi oħra li jużaw il-valuta komuni eċċ. Kważi żewġ terzi ta' dawk li wieġbu, madankollu, urew tħassib dwar żieda fil-prezzijiet wara l-introduzzjoni tal-euro (69 %, +3pp), filwaqt li madwar wieħed minn ħamsa (19 %, -4pp) taċ-ċittadini emmnu fl-effett stabilizzanti fuq perjodu twil tal-euro fuq il-prezzijiet. Il-maġġoranza ta' dawn l-Istati Membri wrew żieda fil-proporzjon taċ-ċittadini li beżgħu li l-introduzzjoni tal-euro kienet se twassal għal żieda fil-prezzijiet. Dawk li wieġbu mill-Polonja (81 %, +5pp) u mill-Estonja (80 %, +3pp) komplew ikunu partikolarment xettiċi dwar l-impatt tal-euro fuq il-prezzijiet, b'aktar minn tliet kwarti li jistennew li l-prezzijiet se jiżdiedu. [1] Deċiżjoni tal-Kunsill (2010/416/UE) tat-13 ta’ Lulju 2010 f’konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta’ Jannar 2011 ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24. [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 671/2010 tat-13 ta’ Lulju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata tal-kambju għall-euro fl-Estonja, ĠU L 196, 28.7.2010, p. 4. [3] Linja Gwida tal-BĊE (BĊE/2008/4) tad-19 ta' Ġunju 2008 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/9 dwar ċerti preparazzjonijiet għall-bidla tal-flus kontanti tal-euro u dwar il-frontloading u s-sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro barra ż-żona tal-euro, ĠU L 176, 4.7.2008, p. 16 [4] L-esperjenza enfasizzat il-ħtieġa għal proċedura aktar sempliċi bl-għan notevolment li tikkonvinċi lill-bejjiegħa bl-imnut iż-żgħar jieħdu sehem fis-sottoforniment minn qabel. Kuntratt standard ta' sottoforniment minn qabel jimponi sanzjonijiet kbar għar-rilaxx tal-flus kontati tal-euro li jkunu ġew fornuti minn qabel, qabel jum l-euro, jirrikjedi rinfurzar importanti tas-sigurtà tal-bini tal-kumpaniji eċċ. Huwa għalhekk aktar adattat għal kumpaniji akbar li jkollhom bżonn volumi kbar ta' flus kontanti tal-euro. [5] Għal raġunijiet prattiċi, huwa possibbli li jkun meħtieġ li wieħed javża minn qabel għat-tibdil ta' ammonti kbar ta' flus kontanti. Bejn l-1 u l-31 ta' Diċembru 2010, it-tibdil huwa riżervat għall-individwi privati biss. [6] Il-multa medja laħqet madwar EUR 50, filwaqt il-multa massima laħqet madwar EUR 1 900 (EEK 30 000). L-ispettur jista' jiddeċiedi dwar il-penalità (twissija/multa) fuq il-post, iżda mhux dwar l-ammont tal-multa. [7] Il-multa massima hija EEK 50 000, li jikkorrispondu għal madwar EUR 3 200. [8] L-istħarriġ tal-Ewrobarometru dejjem jipprovdi riżultati għall-Istati Membri l-ġodda (SMĠ) li ma jkunux Membri taż-żona tal-euro f'dak iż-żmien. L-aħħar stħarriġ kopra lill-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Latvja, l-Estonja u l-Litwanja. Billi Ċipru, Malta, is-Slovenja u s-Slovakkja diġà ngħaqdu maż-żona tal-euro, ma għadhomx jiġu inklużi. B'kollox, kienu intervistati madwar 8000 ċittadin, magħżula b'mod każwali.