52010DC0547

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (is-17-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2009) /* KUMM/2010/0547 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.10.2010

KUMM(2010) 547 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (is-17-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2009)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (is-17-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2009)

INTRODUZZJONI

Dan hu s-17-il rapport dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti nazzjonali f'konformità mal-Protokoll tat-Trattat dwar dawn il-kwistjonijiet[1]. Ir-rapport ikopri l-2009 meta t-Trattat ta' Nizza kien għadu fis-seħħ, u fi ftit kliem jispjega l-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009. Bħal ma kien il-każ għar-rapporti tal-2007 u l-2008, hu ma jkoprix kwistjonijiet usa' ta' regolamentazzjoni intelliġenti li huma indirizzati f'Komunikazzjoni speċifika dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti[2].

IL-QAFAS LEGALI U ISTITUZZJONALI

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prinċipji fundamentali tal-liġi Ewropea li huma ddefiniti fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE).

Fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni, is-sussidjarjetà hija prinċipju gwida għat-tfassil tal-linja li tissepara r-responsabbiltajiet ta' Stat Membru u dawk tal-UE - jiġifieri, min għandu jaġixxi? Jekk l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f'qasam, huwa ċar li hija l-Unjoni li għandha taġixxi. Jekk l-Unjoni u l-Istati Membri jaqsmu l-kompetenza bejniethom, il-prinċipju jistabbilixxi b’mod ċar preżunzjoni favur l-Istati Membri li jieħdu azzjoni. L-Unjoni għandha taġixxi biss jekk l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-għanijiet b'mod suffiċjenti u jekk l-Unjoni tkun tista' tiksibhom aħjar minħabba d-dimensjonijiet jew l-effetti.

Il-proporzjonalità hija prinċipju gwida meta jkun qed jiġi ddefinit kif l-Unjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha, sew b'mod esklużiv kif ukoll b'mod maqsum – x'għandha tkun il-forma u n-natura tal-azzjoni tal-UE? l-Artikolu 5 (4) jipprovdi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattati. Kull deċiżjoni trid tkun favur l-għażla l-anqas restrittiva.

Applikazzjoni, opportunità għall-kummenti, u kontroll ex post

L-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jridu jikkonformaw maż-żewġ prinċipji. Il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-Ftehim Interistituzzjonali tal-1993 dwar sussidjarjetà[3] jipprovdu iktar dettalji dwar kif dawn iż-żewġ prinċipji għandhom ikunu applikati. L-elementi ewlenin ta' dan il-qafas huma miġbura fil-qosor hawn.

Il-Kummissjoni għandha: tikkonsulta b'mod wiesa' qabel ma tipproponi leġiżlazzjoni; tiddikjara fil-memorandum ta' spjegazzjoni għal kull proposta leġiżlattiva r-raġunijiet li minħabba fihom hija tikkonkludi li l-proposta hija konformi mas-sussidjarjetà u l-propozjonalità; u tieħu f'kunsiderazzjoni l-piż fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jipprovdu ġustifikazzjoni dwar is-sussidjarjetà f'każ li xi emenda li jagħmlu tkun taffettwa l-ambitu tal-azzjoni tal-Unjoni[4]. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni jesprimu l-opinjonijiet tagħhom jew meta jkunu kkonsultati jew inkella f'opinjonijiet fuq inizjattiva propja.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista' tirrevedi l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet biex tara jekk dawn humiex konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona

It-Trattat ta' Lisbona introduċa diversi bidliet dwar kif il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità għandhom ikunu applikati.

Il-Protokoll rivedut għandu rekwiżit iktar speċifiku biex jipprovdi għall-abbozzi tal-atti leġiżlattivi dikjarazzjoni li tagħmilha possibbli li tiġi evalwata l-konformità mal-prinċipji. Filwaqt li m'għadhiex issemmi l-linji gwida għall-valutazzjoni tal-konformità (bħal pereżempju "neċessità" u testijiet "b'valur miżjud tal-UE"), il-Kummissjoni se tkompli tuża dawn il-linji gwida u tirrakomanda lill-atturi l-oħra biex jagħmlu l-istess.

It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi rwol imsaħħaħ għall-Parlamenti nazzjonali li jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar jekk l-abbozzi tal-proposti leġiżlattivi jikkonformawx mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Jekk huma jikkunsidraw li l-proposta ma tikkonformax, huma għandhom id-dritt li jibagħtu opinjoni lill-inizjatur tal-leġiżlazzjoni. Skont in-numru ta' opinjonijiet negattivi, it-Trattat jipprovdi żewġ mekkaniżmi kif stipulat fl-Artikolu 7 tal-Protokoll – l'hekk imsejħa "karta safra" u "karta oranġjo". Meta n-numru ta' opinjonijiet negattivi minn Parlamenti nazzjonali jirrappreżenta ta' mill-inqas terz tal-voti allokati għalihom (jew kwart għall-proposti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u kooperazzjoni tal-pulizija)[5], japplika l-mekkaniżmu tal-"karta safra". Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, meta n-numru ta' opinjonijiet negattivi jirrappreżenta maġġoranza sempliċi, japplika l-mekkaniżmu tal-"karta oranġjo". Iż-żewġ mekkaniżmi jipprevedu reviżjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni u din tista' twassal għal emenda jew irtirar tal-proposta. Il-"karta oranġjo" tinvolvi wkoll il-possibbiltà għall-Parlament Ewropew jew għall-Kunsill biex iwaqqaf il-proċedura leġiżlattiva.

Il-Protokoll rivedut jinkludi wkoll dispożizzjoni dwar ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni. Għal dawk il-każijiet fejn it-TFUE jipprovdi għall-Kumitat biex jiġi kkonsultat, huwa issa għandu d-dritt biex iressaq każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jekk hu jemmen li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma kienx rispettat. L-Istati Membri, huma stess jew f'isem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, għandhom dritt simili.

APPLIKAZZJONI TAL-PRINċIPJI

Il-Kummissjoni

Il-ħidma leġiżlattiva tal-Kummissjoni minn dejjem kienet irregolata mill-ħtieġa biex tirrispetta s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-verifiki huma issa applikati fi tliet stadji ewlenin tal-proċess tal-iżvilupp tal-politiki:

- Analiżi preliminari fil-pjanijiet direzzjonali li huma ppubblikati għall-inizjattivi maġġuri meta l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jkun miftiehem. Dawn il-pjanijiet direzzjonali jipprovdu deskrizzjoni preliminari ta' inizjattiva ppjanata tal-Kummissjoni u għandhom l-għan li jippermettu lill-atturi interessati li jkunu informati fi żmien xieraq. Mill-2010, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tippubblika pjanijiet direzzjonali għal inizjattivi b'impatti sinifikanti li mhumiex fil-programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

- Analiżi iktar sħiħa tas-sussidjarjetà bħala parti mill-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, li tikkunsidra opinjonijiet espressi matul konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati.

- Fl-aħħar nett, ġustifikazzjoni f'termini ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fil-memorandum ta' spjegazzjoni u premessi ta' kull proposta legali.

L-analiżi l-iktar dettaljata tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hija pprovduta fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt jikkontrolla l-kwalità ta' din l-analiżi, u fl-2009 hu għamel rakkamondazzjonijiet fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità f'27 minn 79 valutazzjoni tal-impatt (34 %). Fir-Rapport tiegħu tal-2009[6] il-Bord irrakomanda li s-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jużaw b'mod iktar konsistenti l-kwistjonijiet strutturati għall-analiżi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità pprovduti fil-Linji gwida riveduti tal-Valutazzjoni tal-Impatt[7].

Il-Bord talab għal analiżi aħjar tal-prinċipji fl-oqsma bħall-ażil, il-migrazzjoni, il-politiki tal-konsumatur u tas-saħħa, trasport u enerġija. Pereżempju, għall-valutazzjonijiet tal-impatt għall-proposti għad- Direttivi dwar Standards Minimi għall-kwalifikazzjoni u l-Proċeduri għal Persuni li jfittxu l-Ażil[8] , il-Bord talab lis-servizz ewlieni biex juri aħjar li l-ispejjeż tal-miżuri kienu proporzjonati għall-għanijiet, u ma marrux lil hinn mill-obbligi stabbiliti mit-Trattat u l-liġi internazzjonali. Għall-valutazzjoni tal-impatt għad- Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur[9] , il-Bord talab lis-servizz ewlieni biex jikkjarifika kif l-armonizzazzjoni baxxa tal-bejgħ domestiku flimkien mal-bejgħ transkonfinali se jikkonformaw mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għad- Direttiva dwar il-kura tas-Saħħa Transkonfinali[10] , hu nnota l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat il-livell xieraq ta' azzjoni filwaqt li jiġu applikati deċiżjonijiet bħal "kura xierqa" u "dewmien bla bżonn". Għad- Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-bini[11] , il-Bord irrakomanda li s-servizz ewlieni għandu jsaħħaħ l-analiżi dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji biex juri l-valur miżjud tal-miżuri bħal pereżempju l-limitu baxx għar-rekwiżiti obbligatorji tal-enerġija għal rinovazzjonijiet maġġuri u sistema obbligatorja ta' valutazzjoni komparattiva għall-bini ġdid. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għenu lis-servizzi tal-Kummissjoni biex itejbu l-analiżi tas-sussidjarjetà, u kien hemm ukoll każijiet fejn il-parir tiegħu wassal għal bidliet fil-proposti sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità (ara Taqsima 4).

Il-Parlamenti Nazzjonali[12]

Fuq l-inizjattiva proprja tagħha, il-Kummissjoni ilha tittrażmetti l-proposti ġodda kollha lill-Parlamenti nazzjonali mill-2006, u hija waqqfet proċedura sabiex tirrispondi għall-opinjonijiet tagħhom[13]. Il-Kummissjoni rċeviet 250 opinjoni fl-2009 b'paragun ma' 115 fl-2007. Madwar 10% kellhom kummenti dwar is-sussidjarjetà u/jew proporzjonalità, fejn fil-maġġoranza tal-każijiet kamra nazzjonali waħda biss esprimiet opinjoni[14]. Il-kmamar b'interess partikolari fi kwistjonijiet ta' sussidjarjetà kien is- Sénat Franċiż, il- Bundesrat Awstrijak, il- Bundesrat Ġermaniż u l-Parlament Olandiż, Portugiż u Grieg. Xi wħud mill-opinjonijiet ma qajmux dubji dwar ir-rispett tas-sussidjarjetà, iżda indikaw li l-ġustifikazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx biżżejjed.

Eżerċizzji ta’ sussidjarjetà li saru mill-COSAC

F'dawn l-aħħar tliet snin, il-Konferenza tal-Kumitati tal-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) wettqet eżerċizzji sabiex tissimula l-mekkaniżmu tal-kontroll tas-sussidjarjetà introdott mit-Trattat ta’ Lisbona. Dan ippermetta lill-Parlamenti nazzjonali biex jirfinaw u jittestjaw l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom. Fl-2009 COSAC wettaq tliet eżerċizzji bħal dawn fuq il-proposti tal-Kummissjoni għal Standards tal-Organi Umani Maħsuba għat-Trapjant[15] , Dritt għall-Interpretazzjoni u għat-Traduzzjoni fi Proċedimenti Kriminali[16] u Strumenti fi Kwistjonijiet ta' Suċċessjoni[17] . Fil-każijiet kollha, maġġoranza kbira ta' kmamar parteċipanti kkonfermaw li l-proposti kkonformaw mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, u veru ftit minnhom jaraw raġuni għal tħassib (in-numru ta' opinjonijiet negattivi kien rispettivament wieħed, tlieta u wieħed).

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Fil-Parlament Ewropew, il-konformità tal-abbozzi tal-atti leġiżlattivi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà hija żgurata mill-kumitati inkarigati b'fajl leġiżlattiv speċifiku, flimkien mal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali[18]. Fil-Kunsill, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ta' kull Stat Membru (Coreper) jiżgura li l-prinċipji ta' legalità, sussidjarjetà u proporzjonalità huma rispettati[19].

Il-Kumitat tar-Reġjuni

In-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà (SMN) tal-Kumitat tar-Reġjuni jopera permezz ta' websajt interattiva[20] u l-membri tiegħu żdiedu minn 20% fl-2009 għal 111 sieħeb. L-SMN jippermetti lill-membri tiegħu jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet tal-Kumitat fuq inizjattivi ġodda tal-UE. Saru żewġ konsultazzjonijiet mill-SMN biex jintegra opinjonijiet lokali u reġjonali fil-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni[21]. Fl-2009 l-ewwel Pjan ta' Azzjoni tal-SMN tnieda biex jidentifika l-aħjar prattika fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa f'oqsma magħżula tal-politika – immigrazzjoni, bidla fil-klima, politiki soċjali, politika tas-saħħa u innovazzjoni. Minħabba r-rwol ġdid li t-Trattat ta' Lisbona ħoloq għall-Kumitat, hu adatta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu[22] u mill-2010 l-opinjonijiet kollha tiegħu se jkollhom referenza espliċita għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

Il-Qorti tal-Ġustizzja

Ir-Rapport ta' sussidjarjetà tal-2008 imsemmi fir- Regolament dwar ir-Roaming[23] , fejn il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tal-Ingilterra u ta’ Wales talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk ir-regolament jiksirx il-prinċipji ta' proporzjonalità u/jew sussidjarjetà billi jistabbilixxi limiti fuq il-prezzijiet fuq l-ispejjez talli jintuża mowbajl fi Stat Membru ieħor. Wara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali f'Novembru 2009, il-Qorti ddeċidiet f'Ġunju 2010. Hi kkonfermat li r-Regolament huwa proporzjonat mal-għan li l-konsumaturi jkunu protetti kontra spejjeż għoljin, u huwa ġġustifikat fuq il-bażijiet ta' sussidjarjetà peress li huwa meħtieġ li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-servizzi tar-roaming. Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti enfasizzat il-fatt li, qabel ma tipproponi r-Regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha l-effettività u l-impatti ekonomiċi tar-regolamentazzjoni tas-suq bl-imnut, is-suq bl-ingrossa jew it-tnejn li huma.

KAżIJIET EWLENIN FEJN TQAJJEM TħASSIB DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ

Din it-taqsima tar-rapport tagħti ħarsa ġenerali tal-proposti tal-Kummissjoni li jagħtu lok għall-biċċa l-kbira tad-diskussjoni fost il-koleġiżlaturi u l-partijiet interessati dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Uħud minn dawn il-każijiet issemmew f'rapporti preċedenti u d-diskussjonijiet tkomplew fl-2009.

Direttiva dwar l-Imposti tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni[24]

Il-proposta tistipula prinċipji komuni li l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-ajruporti jridu jirrispettaw meta jiddeterminaw kif għandhom jirkupraw l-ispejjeż tas-sigurtà tal-ajruporti. L-għan hu li jipprevjenu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni vverifikat il-proporzjonalità tal-miżuri differenti bħala parti mill-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, u minħabba dan xi elementi bħal pereżempju "punt uniku" ("one-stop") obbligatorju għas-sigurtà tneħħew mill-proposta finali. Il-proposta waqqfet ukoll milli tirregolarizza kif miżuri tas-sigurtà għandhom ikunu ffinanzjati u b'hekk tħalli f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq din il-kwistjoni. Il-Parlament Ewropew ried isaħħaħ id-Direttiva billi jeħtieġ li l-miżuri tas-sigurtà, bħal pereżempju dawk li jipproteġu ċ-ċittadini minn atti ta' terroriżmu, għandhom ikunu ffinanzjati minn fondi pubbliċi minflok mill-passiġġiera[25]. Filwaqt illi hi pproponiet ukoll li tinkludi l-ajruporti kummerċjali kollha, diversi Stati Membri fil-Kunsill ipproponew li jillimitaw l-ambitu għall-ajruporti fejn it-traffiku annwali tal-passiġġiera jkun iktar minn ċertu limitu, sabiex ikun żgurat li spejjeż ta' konformità jkunu proporzjonati mal-għanijiet tal-inizjattiva[26]. Għadu ma ntlaħaqx ftehim politiku.

Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bin 11

Il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni tad-Direttiva bħala parti mit-Tieni Reviżjoni tal-Enerġija Strateġika f'Novembru 2008. Filwaqt illi b'mod ġenerali l-istituzzjonijiet kollha kienu favur l-inizjattiva, kien hemm opinjonijiet differenti dwar il-kontenut xieraq u l-livell ta' ambizzjoni tal-azzjoni tal-UE.

Fl-2009 il-Kummissjoni rċeviet opinjonijiet miż-żewġ kmamar tal-Parlament Olandiż. Filwaqt illi l-Ewwel Kamra kienet pożittiva, it-Tieni Kamra argumentat li l-proposta kisret il-prinċipju ta' sussidjarjetà minħabba li fl-opinjoni tagħha huwa f'idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw kif u f'liema setturi l-miri tal-klima nazzjonali għandhom jiġu milħuqa.

Il-Parlament Ewropew ippropona emendi li żiedu mal-livell ta' ambizzjoni inkluża wkoll kundizzjoni li mill-2019 bini ġdid għandu jkun "enerġija żero"[27]. Fil-Kunsill, diversi Stati Membri kienu mħassba li l-livell ta' ambizzjoni kien għoli ħafna u li "diversi emendi proposti mill-Parlament Ewropew mal-ewwel daqqa t'għajn jidhru ambizzjużi żżejjed u mhux realistiċi"[28]. Huma kkunsidraw li d-definizzjoni ta' bini b'użu baxx jew mingħajr użu ta' karbonju u l-miri kwantitattivi qajmu kwistjonijiet ta' sussidjarjetà u rriżultaw f'iktar spejjeż u piżijiet amministrattivi sproporzjonati. Intlaħaq kompromess f'Novembru 2009: il-bini ġdid kollu għandu jkun konformi mal-istandards tal-prestazzjoni enerġetika għolja u jipprovdi sehem sinifikanti tar-rekwiżiti tal-enerġija minn sorsi rinovabbli wara l-aħħar tal-2020. Huwa f'idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-istandards għall-kisba ta' dawn l-għanijiet.

Id-Direttiva dwar Trattament Ugwali barra mill-Impjieg[29]

Fl-2008, il-Kummissjoni adottat din il-proposta biex testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew twemmin barra l-impjieg u din kienet diskussa fir-rapport ta' sussidjarjetà tal-2008. Sabiex tikkonforma mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni ċara bejn il-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri bl-għan li teskludi mill-ambitu tad-direttiva dawk il-kwistjonijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati parti mill-kompetenza nazzjonali. Filwaqt illi l-proposta tal-Kummissjoni sostniet inter alia li "din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat konjugali jew familjari u d-drittijiet riproduttivi", madankollu l-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Legali kkunsidra li l-linji li jifirdu l-liġi Komunitarja u l-liġi nazzjonali fl-oqsma tal-liġi tal-familja, żwieġ u riproduzzjoni għandhom ikunu speċifikati iktar[30]. Fil-Kunsill, xi Stati Membri qajmu kwistjonijiet relatati mar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u oħrajn esprimew tħassib dwar l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji maħluqa mid-Direttiva, inkluża l-possibbiltà li dawn jistgħu kunu sproporzjonati mal-għanijiet. Diskussjonijiet taħt il-presidenzi Svediżi u Spanjoli fl-2009 u l-2010 waslu għal definizzjoni iktar preċiża tal-ambitu tal-azzjoni u referenzi iktar dettaljati għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-UE, iżda għadu ma ntlaħaqx ftehim politiku.

Id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-Ħamrija[31].

Id-diskussjonijiet dwar din il-proposta kienu indikati fir-rapporti tas-sussidjarjetà tal-2007 u l-2008, u tkomplew fl-2009. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet appoġġjata mill-Parlament Ewropew, iżda twaqqfet fil-Kunsill minn maġġoranza li timblokka ta' delegazzjonijiet li wħud minnhom opponew il-proposta minħabba raġunijiet ta' sussidjarjetà u oħrajn minħabba spejjeż u piżijiet amministrattivi previsti. Stati Membri oħrajn ikkunsidraw li hija meħtieġa azzjoni fuq livell tal-UE, mhux l-inqas minħabba li l-ħamrija għandha effett fuq il-bidla tal-klima u fuq il-bijodiversità li t-tnejn li huma għandhom effetti transkonfinali. Il-fajl kien prijorità għall-presidenza Spanjola fl-ewwel nofs tas-sena 2010, iżda għadu ma ntlaħaqx kunsens.

Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinal 10

Il-Kummissjoni pproponiet id-Direttiva fl-2008. Minkejja li l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sistemi tagħhom tas-saħħa, il-ħtieġa għall-azzjoni fuq livell tal-UE qamet wara numru ta' deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni rċeviet diversi opinjonijiet mill-kmamar tal-Parlamenti Nazzjonali, li tlieta minnhom qajmu tħassib dwar is-sussidjarjetà, minħabba l-fatt li l-proposta tista' tqajjem dubji dwar l-abilità tal-Istati Membri biex jippjanaw u jiffinanzjaw is-servizzi tas-saħħa. Filwaqt illi kwistjonijiet simili tqajmu waqt diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew, proposta ġiet adottata fl-ewwel qari f'April 2009.

Il-Kunsill wasal għal ftehim politiku fit-8 ta' Ġunju. Il-ftehim isaħħaħ id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jiżviluppaw "sistemi ta' awtorizzazzjoni minn qabel" għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor tal-UE u jirrifjuttaw tali awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, il-komitoloġija m'għadhiex prevista għall-miżuri relatati mas-saħħa elettronika bħal ma kien il-każ fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Dan jirrifletti t-tħassib nazzjonali dwar il-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-flussi ta' pazjenti u biex jiġu żgurati l-ippjanar u l-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tagħhom tas-saħħa[32].

Mobilità Urbana

Il-Kummissjoni adottat Green Paper "Lejn kultura ġdida ta' mobilità urbana'[33] fl-2007 biex tidentifika x'għandha tagħmel l'UE f'dan il-qasam. Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Green Paper argumenta li l-UE m'għandhiex tilleġiżla, iżda għandha rwol fl-iżvilupp ta' approċċ Ewropew u fl-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tat-trasport urban f'oqsma oħra ta' politika. Fl-2009 il-Parlament adotta wkoll riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja li enfasizzat li l-awtoritajiet lokali ħafna drabi ma jistgħux isolvu l-isfidi tal-mobilità urbana mingħajr koordinazzjoni Ewropea. Hu ppropona li l-Kummissjoni għandha tipprovdi studji u qafas legali, tiffinanzja r-riċerka u tħeġġeġ l-aħjar prattiki[34]. Madankollu, fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport ta' sussidjarjetà tal-2009[35], il- Bundesrat Ġermaniż esprima l-opinjoni li ċerti miżuri fil-Green Paper ma kienux konformi mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, peress li l-miżuri fuq livell tal-Istati Membri huma biżżejjed. Dan kien f'kuntrast mal-Karta ta' Leipzig imressqa mill-Presidenza Ġermaniża tal-UE[36] li, filwaqt illi tinnota li l-politika tal-iżvilupp urban għandha tkun deċiża fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, rat valur miżjud tal-azzjoni tal-UE fil-ġbir tal-aħjar prattiki u fl-appoġġ tar-riċerka urbana.

Il-Kummissjoni adottat il- Pjan ta' Azzjoni tal-Mobilità[37] f'Settembru 2009. Il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt għen biex l-azzjonijiet ikunu ffukati fuq l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajbin. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien favur il-pjan, iżda talab biex is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-UE ikunu definiti aħjar[38]. Il-Kumitat tar-Reġjuni appoġġja l-Pjan ta' Azzjoni u nnota li l-miżuri ma jfixklux il-prinċipju ta' sussidjarjetà[39]. Il-Kunsill ikkunsidra l-prinċipju ta' sussidjarjetà, kien favur il-Pjan ta' Azzjoni u talab lill-Kummissjoni biex fil-White Paper li jmiss dwar il-politika Ewropea tat-trasport tinkludi miri u politiki għall-mobilità urbana[40].

Direttiva dwarl-Istandards tal-Organi Umani maħsuba għat-Trapjanti Error! Bookmark not defined.

Il-proposta tal-Kummissjoni, adottata fl-2008, kienet maħsuba biex tiżgura standards bażiċi ta' kwalità u sigurtà għall-organi umani maħsuba għat-trapjanti. COSAC wettaq "verifika ta' sussidjarjetà", u mis-27 opinjoni rċevuta, 23 kienu pożittivi. Il- Bundesrat Awstrijak sab ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Bundestag Ġermaniż, il-House of Commons tar-Renju Unit u t- Tweede Kamer der Staten-generaal Olandiż nnutaw li l-analiżi ta' sussidjarjetà tal-Kummissjoni ma pprovdietx bażi biżżejjed għalihom biex jaslu għall-konklużjoni. Barra minn hekk, il- Bundesrat Ġermaniż u Senato della Repubblica Taljan sab li xi dispożizzjonijiet setgħu marru lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni. Ebda kwistjoni bħal din ma tqajmet mill-koleġiżlaturi, madankollu l-Istati Membri fil-Kunsill taw appoġġ politiku lid-Direttiva, u l-Parlament Ewropew adottaha fl-ewwel qari.

Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 9

Il-proposta tal-Kummissjoni fittxet li tissimplifika l-qafas tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur billi għaqqdet erba' direttivi dwar id-drittijiet tal-konsumatur, u billi armonizzat bis-sħiħ id-drittijiet essenzjali tal-konsumaturi biex inaqqsu l-frammentazzjoni legali.

Ħamsa mis-sitt opinjonijiet mill-kmamar tal-Parlamenti nazzjonali, ikkonkludew li armonizzazzjoni sħiħa ta' ċerti drittijiet se tmur kontra s-sussidjarjetà, peress li mhux se tippermetti l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li f'ċerti każijiet tipprovdi għal livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur. Fil-Parlament Ewropew kien hemm tħassib dwar jekk il-livell ta' frammentazzjoni legali fost l-Istati Membri jiġġustifikax l-azzjoni fuq livell tal-UE u jekk l-armonizzazzjoni sħiħa hux se tkun ristrettiva żżejjed[41]. Fil-Kunsill, maġġoranza tal-Istati Membri esprimew preferenza għall-armonizzazzjoni mħallta u flessibbli[42]. Sabiex issolvi r-resistenza għall-armonizzazzjoni sħiħa, il-Kummissjoni pproponiet li triq possibbli 'il quddiem tista' tkun li l-armonizzazzjoni sħiħa tiffoka fuq kwistjonijiet bid-dimensjoni tas-suq intern l-iktar b'saħħitha bħal pereżempju r-regoli fuq il-kuntratti li jsiru mill-bogħod u mhux fuq il-post[43].

KONKLUżJONIJIET

Il-maġġoranza tal-proposti tal-Kummissjoni kienu adottati mill-koleġiżlaturi mingħajr diskussjonijiet sinifikanti dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Għal dawn il-proposti, konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità x'aktarx ma kinitx kwistjoni ta' diffikultà. Madankollu, l-analiżi ta' hawn fuq uriet li, fejn hemm dubju dwar il-konformità, l-atturi involuti fid-diskussjonijiet għandhom varjetà wiesgħa ta' opinjonijiet. Dan mhuwiex il-każ biss bejn istituzzjonijiet differenti, iżda wkoll fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet u xi kultant bejn l-atturi differenti tal-istess Stat Membru.

Id-dibattitu dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità se jkun mogħni iktar mir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali introdotti mit-Trattat ta' Lisbona. Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ iktar ir-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku żviluppat mill-2006, u l-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà huwa element ewlieni ta' dan il-proċess. Ħarsa ġenerali ta' kif il-mekkaniżmu qed jaħdem se jkun ippreżentat fir-rapport tas-sussidjarjetà li jmiss[44].

ANNESS I

Lista tal-inizjattivi tal-Kummissjoni li dwarhom l-opinjonijiet ippreżentati minn Parlamenti nazzjonali kellhom kummenti dwar l-analiżi tas-sussidjarjetà jew tal-proporzjonalità

1. Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (COM(2008) 414)

2. Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (COM(2008) 614)

3. Direttiva dwar il-Protezzjoni tal-Annimali użati għall-Għanijiet Speċifiċi (COM(2008) 543)

4. Deċiżjoni dwar l-Infrastruttura Kritika (COM(2008) 676)

5. Direttiva dwar il-Qafas Komunitarju għas-Sigurtà Nukleari (COM(2008) 790)

6. Direttiva dwar l-Istandards Minimi għall-Akkoljenza ta' Persuni li Jfittxu l-Ażil (COM(2008) 815)

7. Green Paper dwar ir-Rimedju Kollettiv (COM(2008) 794)

8. Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini (COM(2008) 780)

9. Komunikazzjoni dwar l-Akkwist Pubbliku għal Ambjent Aħjar (COM(2008) 400)

10. Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard (COM(2009) 126)

11. Deċiżjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Abbuż Sesswali u l-Pornografija tat-Tfal (COM(2009) 135)

12. Programm ta' Stokkolma (COM(2009) 262)

13. Komunikazzjoni dwar il-Metodu ta' Produzzjoni tal-Istatistika tal-UE (COM(2009) 404)

14. Green Paper dwar il-mobilità għat-tagħlim (COM(2009) 329)

15. Regolament dwar il-prevenzjoni tal-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili (COM(2009) 611)

16. Plan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (COM(2009) 490)

17. Direttiva dwar il-prevenzjoni ta' korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-kura tas-saħħa (COM(2009) 577)

18. Komunikazzjoni dwar programmazzjoni konġunta fir-riċerka (COM(2008) 468)

[1] Protokoll (Nru 30) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, applikabbli sat-30/11/2009 u l-Protokoll (Nru 2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), applikabbli mill-1/12/2009.

[2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea.

[3] ĠU C 329, 6.12.1993, p. 132.

[4] Taqsima 2, punt 3, tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar is-Sussidjarjetà tal-1993.

[5] Kull Parlament nazzjonali għandu żewġ voti, f'sistemi bikamerali kull kamra għandha vot wieħed.

[6] SEG(2009) 1728.

[7] SEC(2009) 92.

[8] COM(2009) 551 u COM(2009) 554.

[9] COM(2008) 614.

[10] COM(2008) 414.

[11] COM(2008) 780

[12] Ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlamenti nazzjonali (COM(2010) 291).

[13] COM(2006) 211.

[14] Ara l-Anness I għal-lista ta' inizjattivi.

[15] COM(2008) 818.

[16] COM(2009) 338.

[17] COM(2009) 154.

[18] Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+RULES-EP+20100705+TOC+DOC+XML+V0//MT

[19] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22.

[20] http://subsidiarity.cor.europa.eu

[21] Tnaqqis tal-inugwalitajiet tas-Saħħa fl-UE u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma għax-Xorb.

[22] ĠU L 6/14, 9.1.2010, p. 14.

[23] Kawża C-58/8 Vodafone Ltd, Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG, Orange Personal Communications Services Ltd vs is-Segretarju tal-Istat għan-Negozju, Intrapriża u Riforma Regolatorja dwar ir-Regolament tal-KE Nru 717/2007.

[24] COM(2009) 217.

[25] Stqarrija għall-istampa, 1.3.2010, rif. 20100301IPR69737.

[26] Stqarrija għall-istampa, 18.12.2009, rif. PRES/09/373.

[27] Pożizzjoni tal-PE, l-1 qari, rif. P6_TA(2009)0278.

[28] Kunsill dok. 8989/09.

[29] COM(2008) 426.

[30] Opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali (13.2.2009) għall-Kumitat dwar Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni fir-rigward tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

[31] COM(2006) 232.

[32] Dokument tal-Kunsill 15181/09

[33] COM(2007) 551.

[34] L-Osservatorju Leġiżlattiv tal-PE, ref. INI/2008/2041.

[35] Drucksache 745/09 (Beschluss).

[36] Karta ta' Leibzig dwar Bliet Ewropej Sostenibbli u Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea.

[37] COM(2009) 490.

[38] Nota ta' Informazzjoni TEN/414 - CESE 36/2010.

[39] Opinjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana, COTER-V-003.

[40] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana, it-3024 laqgħa tal-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2010 dwar it-Trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija.

[41] Stqarrija għall-Istampa, 17.3.2010, ref. 20100317IPR70798.

[42] Stqarrija għall-Istampa, 25.5.2010, ref. MEMO/10/212.

[43] Stqarrija għall-Istampa, 15.3.2010, ref. SPEECH/10/91.

[44] Sa Ġunju 2010 il-Kummissjoni ttrasmettiet 19-il proposta lill-Parlamenti nazzjonali u rċeviet erba' opinjonijiet motivati.