52010DC0314

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-direttiva 2004/83/KE tad-29 ta’ april 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija /* KUMM/2010/0314 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.6.2010

KUMM(2010)314 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2004/83/KE TAD-29 TA’ APRIL 2004 DWAR LIVELLI STABBILITI MINIMI GĦALL-KWALIFIKA U L-ISTAT TA' ĊITTADINI NAZZJONALI TA’ PAJJIŻI TERZI JEW PERSUNI MINGĦAJR STAT BĦALA REFUĠJATI JEW BĦALA PERSUNI LI NKELLA JEĦTIEĠU PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI U L-KONTENUT TAL-PROTEZZJONI MOGĦTIJA

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2004/83/KE TAD-29 TA’ APRIL 2004 DWAR LIVELLI STABBILITI MINIMI GĦALL-KWALIFIKA U L-ISTAT TA' ĊITTADINI NAZZJONALI TA’ PAJJIŻI TERZI JEW PERSUNI MINGĦAJR STAT BĦALA REFUĠJATI JEW BĦALA PERSUNI LI NKELLA JEĦTIEĠU PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI U L-KONTENUT TAL-PROTEZZJONI MOGĦTIJA

INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifika” jew id-“Direttiva”)[1] hija waħda mill-“elementi bażiċi” tal-ewwel fażi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), mitluba mill-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet ta’ Tampere tal-1999. Hija applikabbli fl-Istati Membri kollha ħlief id-Danimarka[2].

Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva. Huwa jagħti stampa ġenerali tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u jidentifika l-kwistjonijiet problematiċi li jistgħu jinqalgħu. Huwa bbażat fuq studju mwettaq f’isem il-Kummissjoni[3] u fuq informazzjoni minn studji oħrajn[4]. Ir-rapport irid jinqara flimkien mal-Valutazzjoni tal-Impatt li saret għall-finijiet tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika[5].

Għal dawk l-Istati Membri[6] li ma kinux adottaw il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni meħtieġa fi żmien il-preparazzjoni tar-rapport, l-informazzjoni rilevanti nġabret fuq il-bażi tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien u fuq il-bażi ta’ informazzjoni frammetarja miksuba minn meta ġiet adottata l-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni[7].

IL-KUNTEST STORIKU U POLITIKU

Id-Direttiva dwar il-Kwalifika kienet imfassla sabiex tiddefinixxi l-kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u sabiex ikun żgurat li għal dawn il-persuni jkun disponibbli għall-inqas livell minimu ta’ benefiċċji fl-Istati Membri kollha. L-għan li għandu jintlaħaq għall-ħolqien tas-SEKA huwa li jiġu stabbiliti proċedura komuni tal-asil u status uniformi li jkun validu mal-Unjoni kollha.

Il-Programm tal-Aja stieden lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi l-evalwazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi u sabiex tippreżenta l-istrumenti tat-tieni fażi ħalli jkunu adottati sa tmiem l-2010. Fil-Programm ta’ Politika dwar l-Asil[8] tas-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni pproponiet li tiġi kkompletata t-tieni fażi tas-SEKA billi jiġu mgħollija l-istandards ta’ protezzjoni u tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti tagħhom mal-UE kollha. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tas-16 ta’ Ottubru 2008 ipprovda iktar sostenn politiku għal dan l-għan, billi stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tkun stabbilita – fl-2010 jekk ikun possibbli u mhux iktar tard mill-2012 – proċedura waħda ta’ asil li tinkludi garanziji komuni u biex ikun adottat status uniformi għar-refuġjati u għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.

Fil-21 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Kwalifika, u Proposta li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar [tal]-istatus ta’ rifuġjat (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri għall-Asil”)[9], sabiex ikun żgurat livell ogħla ta’ armonizzazzjoni u standards ta’ protezzjoni sostantivi u proċedurali aħjar, ħalli jkunu stabbiliti proċedura komuni tal-asil u status uniformi.

IL-MONITORAġġ U FIEX WASLET IT-TRASPOżIZZJONI

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sal-10 ta’ Ottubru 2006. Il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri fil-proċess billi żammet laqgħat regolari mal-esperti nazzjonali.

Wara li għaddiet id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni, infetħu proċeduri ta’ ksur fil-konfront tal-Istati Membri kollha li naqsu milli jikkomunikaw jew li naqsu milli jikkomunikaw b’mod sħiħ il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom. Sussegwentement, skont l-Artikolu 226 tat-Trattat, il-Kummissjoni indirizzat 19-il ittra ta’ avviż formali u 13-il opinjoni motivata. Id-deċiżjoni li l-kawżi jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ttieħdet fil-konfront ta’ disa’ Stati Membri. Ħames kawżi ġew irtirati[10] u ngħataw is-sentenzi f’erbgħa[11]. Bħalissa, id-Direttiva ġiet trasposta mill-Istati Membri kollha[12].

DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI

Definizzjonijiet

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(c) u (e) jorbtu lill-Istati Membri sa fejn l-Artikoli 13 u 18 jimponu l-obbligu li jingħata status lil “refuġjat” u lil “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” li jikkwalifikaw skont id-Direttiva. Madankollu, il-liġi domestika f’diversi Stati Membri ma teħtieġx li jingħata l-istatus f’termini obbligatorji, la rigward l-istatus ta’ refuġjat (EE, EL, LV) u lanqas rigward il-protezzjoni sussidjarja (EE, EL, LV, LT, RO). Il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni fil-FI tiddefinixxi l-protezzjoni internazzjonali bħala li tinkludi mhux biss l-istatus ta’ refuġjat u l-protezzjoni sussidjarja imma anki l-permess ta’ residenza mogħti fuq il-bażi tal-protezzjoni umanitarja.

DISPOżIZZJONIJIET SPEċIFIċI

Valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali

Valutazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkostanzi (Artikolu 4)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1), l-Istati Membri jistgħu jqisuha bħala d-dmir tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta mill-Istati Membri kollha ħlief il-BE, CZ, CY, FI, HU, LT u RO.

L-obbligu li l-elementi jitressqu “kemm jista’ jkun malajr” għandu tifsiriet diverġenti fl-Istati Membri li elaboraw fuq dan it-terminu. F’uħud mill-Istati Membri (ES, FR, PT) jiġi ffissat perjodu ta’ żmien definit. BG titlob li s-sottomissjoni ssir “immedjatament” wara d-dħul illegali jew “f’perjodu raġonevoli ta’ żmien” wara d-dħul legali. Meta ma jkunx hemm konformità ma’ dawn il-limiti ta’ żmien, l-applikazzjoni tista’ tiġi ddikjarata manifestament infondata (BG), tkun suġġetta għal proċedura speċjali ta’ “inammissibbiltà” (ES) jew tiġi miċħuda jekk ma tingħata l-ebda ġustfikazzjoni (PT). Barra minn hekk, tista’ tkun affetwata l-kredibbiltà tal-applikant (AT, IE, SE) jew l-elementi mressqa wara l-ewwel intervista m’hemmx għalfejn jiġu indirizzati mill-awtoritajiet (DE, NL, SK).

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 4(1), l-ewwel klawżola, għandhom ukoll japplikaw l-Artikolu 4(5), skont lima d-dikjarazzjonijiet tal-applikant li mhumiex appoġġjati minn evidenza ma jeħtiġuz konfermazzjoni jekk huma sodisfatti bosta kundizzjonijiet. Din ir-regola ma ġietx trasporta fi tliet Stati Membri (EE, ES, PL), filwaqt li żewġ Stati Membri (AT, FR) jiddependu fuq prinċipji ġenerali li jidhru wesgħin wisq. Rigward il-“kredibbiltà ġenerali” tal-applikant, il-liġi domestika f’uħud mill-Istati Membri (EL, UK) hija iktar restrittiva għaliex tgħolli l-istandard tal-livell tal-kredibbiltà meħtieġ mill-Artikolu 4(5).

It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) teħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw l-elementi rilevanti “[f]’koperazzjoni ma’” l-applikant. Il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ Stati Membri[13] differenti teħtieġ li l-awtoritajiet jinformaw lill-applikant bil-valutazzjoni, jagħmlu intervista, jindikaw lill-applikant il-punti li għandhom jiġu ċċarati, joffru lill-applikant l-opportunità li jikkummenta dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni u/jew id-dmir tal-awtoritajiet li jivvalutaw il-fatti rilevanti ex officio . Uħud mill-Istati Membri (AT, DE, SK, SI) jeħtieġu li jkunu biss “ċerti” elementi (minflok “l-elementi rilevanti”) li jiġu vvalutati ex officio , filwaqt li fir-RO din hija biss fakultà tal-awtoritajiet nazzjonali. Żewġ Stati Membri (BG u LT) ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni filwaqt li oħrajn (eż. CY, CZ, FR, RO) ittrasponewha biss sa fejn għandhom x’jaqsmu wħud mill-elementi msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3).

L-elementi rielvanti li għandhom jiġu vvalutati huma elenkati fl-Artikolu 4(2). Stat Membru wieħed biss ma ttrasponiex din id-dispożizzjoni (BE), wieħed jindirizza l-kwistjoni b’mod wisq ġenerali (BG) u wieħed biss jintroduċi obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jispeċfika l-ambitu tiegħu (ES).

Skont l-Artikolu 4(3), il-valutazzjoni ta’ applikazzjoni trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ lista ta’ fatti, dokumenti u ċirkostanzi stabbiliti fid-dispożizzjoni. Uħud mill-Istati Membri (AT, NL, PL, SE) jistrieħu fuq prinċipji ġenerali rilevanti tal-liġi domestika. Il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ numru ta’ Stati Membri (eż. BE, FI, DE, HU, LT, SI) tinkludi lista differenti. Fil-leġiżlazzjoni ta’ wħud mill-Istati Membri ċerti elementi ta’ din id-dispożizzjoni tħallew barra jew ġew trasposti b’mod inkorrett: l-Artikolu 4(3)(c) dwar il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant (eż. LV, SI), l-Artikolu 4(3)(d) dwar il-fini tal-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż tal-oriġini (eż. EE, FI, LT, SI) u l-Artikolu 4(3)(e) dwar il-possibbiltà li l-applikant japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor (eż. FI, SI). Il-liġi domestika f’diversi Stati Membri mhix kompluta u hija ambigwa (BE, BG, CZ, EE, ES, FR, LT, SI), filwaqt li fi Stati Membri oħrajn tintroduċi rekwiżiti addizzjonali bħal meta titlob il-kummenti tas-servizz sigriet nazzjonali (SK) jew tivvaluta l-pożizzjoni fil-pajjiż tar-ritorn (UK).

L-Artikolu 4(4) jobbliga lill-Istati Membri jikkunsidraw persekuzzjoni jew periklu serju preċedenti bħala indikazzjoni serja ta’ persekuzzjoni jew ta’ periklu serju futur, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin biex jitqies li persekuzzjoni jew periklu serju ta’ din ix-xorta ma tiġix ripetuta. Numru ta’ Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni (AT, BE, BG, HU, PL, ES, SE) jew ittrasponewha b’mod inkorrett (CY, CZ, FR, LT).

Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place (Artikolu 5)

L-Artikolu 5(1) u (2) jinkludi dispożizzjonijiet mandatorji, fejn jiġi stabbilit li każijiet li jkunu seħħew u l-attivitajiet li jkun wettaq l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż tal-oriġini jistgħu jifformaw il-bażi biex tkun rikonoxxuta ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali. SK ma ttrasponietx iż-żewġ paragrafi, filwaqt li EE u LT ma ttrasponewx it-tieni paragrafu. LT teskludi lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja mill-ambitu tal-Artikolu 5(1) filwaqt li CZ u PT jillimitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) biss għall-attivitajiet li jikkostitwixxu l-kontinwazzjoni tal-konvinzjonijiet jew tal-orjentamenti li l-applikant kellu fil-pajjiż tal-oriġini.

L-Artikolu 5(3) jippermetti li l-Istati Membri jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m’għandux jingħata status ta’ refuġjat, jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż tal-oriġini. Din id-dispożizzjoni fakultattiva ġiet trasposta minn diversi Stati Membri[14], b’uħud minnhom (BG, PT, SI) japplikaw din ir-regola anki għall-ewwel applikazzjonijiet, filwaqt li żewġ Stati Membri (EL, SI) għamluha mandatorja.

Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju (Artikolu 6)

L-Artikolu 6 jobbliga lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bħala atturi ta’ persekuzzjoni jew ta’ periklu serju, minbarra lill-Istati, lil partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw għall-inqas parti sostanzjali ta’ Stat, kif ukoll lil atturi mhux tal-Istat, fejn l-atturi ta’ protezzjoni ddefiniti fl-Artikolu 7 ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni. Din id-definizzjoni ġiet trasposta b’mod restrittiv fil-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri: fil-BG, ir-rikonoxximent tal-atturi mhux tal-Istat bħala atturi ta’ persekuzzjoni jippreżumi li dawn jiddisponu minn organizzazzjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ Stat li ma jistax jew ma jixtieqx jinnewtralizzahom; il-leġiżlazzjoni CZ tirreferi biss għall-fatt li l-Istat “ma jkunux jista’” u mhux għal li “ma jkunx jixtieq” jipprovdi protezzjoni u tkopri biss lill-atturi ta’ persekuzzjoni u mhux lil dawk ta’ periklu serju, filwaqt il-leġiżlazzjoni SK tirrestrinġi l-kunċett ta’ “partijiet/partiti” billi tikkwalifikahom ulterjorment bħala “politiċi” u ma tinkludix l-organizzazzjonijiet internazzjonali fid-definizzjoni.

Skont ir-rapporti, l-atturi mhux tal-Istat li jiġu aċċettati bħala atturi ta’ persekuzzjoni fil-prattika ta’ Stati Membri differenti jinkludi l-gwerrillieri u l-paramilitari, it-terroristi, il-komunitajiet u t-tribujiet lokali, il-kriminali, il-membri tal-familja kif ukoll il-membri tal-partiti jew tal-movimenti politiċi.

Atturi ta’ protezzjoni (Artikolu 7)

L-Artikolu 7(1) jippermetti li l-Istati Membri jikkunsidraw li l-protezzjoni tista’ tiġi pprovduta mhux biss mill-Istat imma anki mill-partijiet jew mill-organizzazzjonijiet, inklużi l-organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali mit-territorju tiegħu. L-Artikolu 7(2) jistabbilixxi r-rekwiżiti biex ikun aċċettat li l-protezzjoni qed tiġi pprovduta, jiġifieri li l-Istat jew l-atturi mhux tal-Istat jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-periklu serju, u li l-applikant ikollu aċċess għal protezzjoni ta’ din ix-xorta. L-Artikolu 7(3) jeħtieġ li f’dan il-kuntest l-Istati Membri jqisu kull gwida li tista’ tiġi pprovduta fl-atti rilevanti tal-Kunsill.

L-Artikolu 7(1) kien traspost mill-Istati Membri kollha ħlief wieħed (RO). CZ ittrasponietu biss rigward l-istatus ta’ refuġjat filwaqt li fil-leġiżlazzjoni tal-EE hemm ċerta konfużjoni bejn it-termini “atturi ta’ protezzjoni” u “atturi ta’ persekuzzjoni”. L-Artikolu 7(2) ma kienx traspost minn tliet Stati Membri (CZ, EE, RO) filwaqt li LT ma ttrasponietx ir-rekwiżit li l-applikant għandu jkollu aċċess għall-protezzjoni. Fuq il-bażi tal-użu tat-termini “fost l-oħrajn” qabel ir-referenza għar-rekwiżit ta’ sistema legali effettiva għall-kxif, għall-prosekuzzjoni u għall-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju, dan ir-rekwiżit ma ġiex introdott fil-leġiżlazzjoni tal-BE, CY, LT u SE. L-Artikolu 7(3) ma kienx traspost fi 13-il Stat Membru[15].

Il-prattiki rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 jvarjaw ħafna, li jagħti lok għal rati differenti ta’ rikonoxximent ta’ persuni bl-istess sfond. RO ma tirrikonoxxix lil atturi ta’ protezzjoni li m’għandhomx il-karatteristiċi ta’ Stat. FI u FR jikkunsidraw li l-ebda parti oħra u l-ebda organizzazzjoni oħra, lil hinn mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħu joffru protezzjoni. F’diversi Stati Membri[16] il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika jinsistu fuq il-valutazzjoni tal-aċċessibbiltà, tat-tul ta’ żmien u tal-effikaċja tal-protezzjoni pprovduta. Il-leġiżlazzjoni FR ma ssemmix ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti biex tkun aċċettata l-eżistenza tal-protezzjoni. BE, CY, LU, LT, PL, u SE diġà qed jikkunsidraw lill-klannijiet jew lit-tribujiet bħala li, f’ċerti kundizzjonijiet, kapaċi jipprovdu biżżejjed protezzjoni, filwaqt li fil-BE, HU u UK, l-NGOs ġew ikkunsidrati bħala atturi ta’ protezzjoni fil-konfront tan-nisa li qegħdin f’riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali u qtil minħabba l-unur, tant li jnaqqsu r-riskji ta’ din ix-xorta. Madankollu, fil-prattika, il-protezzjoni pprovduta minn dawn l-atturi hija ineffettiva jew tingħata għal perjodu qasir ta’ żmien.

Protezzjoni internazzjonali (Artikolu 8)

L-Artikolu 8(1) huwa dispożizzjoni fakultattiva, li jippermetti lill-Istati Membri jiċħdu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jekk f’parti mill-pajjiż tal-oriġini l-applikant m’għandu l-ebda biża’ fondata li jiġi ppersegwitat jew li jsofri periklu serju u jista’ jiġi mistenni raġonevolment li jibqa’ f’dik il-parti tal-pajjiż. L-Artikolu 8(2) jeħtieġ li l-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 8(1) iqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali li jipprevalu f’dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, filwaqt li l-Artikolu 8(3) jippermettilhom japplikaw il-kunċett ta’ protezzjoni internazzjonali minkejja l-eżistenza ta’ ostakli tekniċi għar-ritorn.

L-Artikolu 8(1) ġie traspost mill-Istati Membri kollha ħlief IT u ES; l-Artikolu 8(2) ma ġiex traspost mill-IT, ES, BG, EE, LT, RO u SE. BG, CZ, EE, LT u PT ma ttrasponewx ir-rekwiżit li l-applikant jista’ “raġonevolment” ikun mistenni li jibqa’ fil-parti rilevanti tal-pajjiż filwaqt li oħrajn ma pprovdewx gwida speċifika dwar l-implimentazzjoni tiegħu: RO teħtieġ li l-eżistenza ta’ titjira interna tkun rikonoxxuta mill-UNHCR u SE li l-applikant ikollu possibbiltà effettiva li jgħix ħajja mingħajr sofferenzi jew tbatijiet żejda. Ir-rekwiżit li jiġu kkunsidrati ċ-“ċirkostanzi ġenerali” ma ġiex traspost fil-BG u CZ, filwaqt li r-rekwiżit biex ikunu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi personali ma ġiex traspost fil-BG, CZ u SI. Il-leġiżlazzjoni FR, min-naħa l-oħra, tipprovdi għal żewġ rekwiżiti addizzjonali: li l-applikant għandu jkollu aċċess għal protezzjoni u li l-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw l-attur ta’ persekuzzjoni, li jipprevjeni l-użu tal-alternattiva tal-protezzjoni interna f’każijiet fejn l-awtur tal-persekuzzjoni jkun l-Istat jew istituzzjoni nazzjonali.

L-Artikolu 8(3) ġie traspost minn tmien Stati Membri biss[17]. L-ostakli tekniċi ġeneralment huma ddefiniti bħala: in-nuqqas ta’ dokumenti validi tal-ivvjaġġar, l-impossibbiltà li jsiru vjaġġi lejn il-pajjiż tal-oriġini u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet fil-pajjiż tal-oriġini flimkien mal-inkapaċità fiżika tal-applikant minħabba mard jew tqala. L-applikanti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan il-paragrafu ta’ spiss ma jingħataw l-ebda status legali jew jingħataw biss status ittollerat bi drittijiet soċjali limitati.

L-informazzjoni disponibbli turi diverġenzi konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 u b’mod partikolari fil-kriterji li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi ġenerali fil-pajjiż tal-oriġini u tal-aċċessibbiltà u tan-natura tal-protezzjoni disponibbli. B’hekk, uħud mill-Istati Membri (FR, SE) ġeneralment ma japplikawx il-kunċett fil-każijiet tal-applikanti Ċeċeni, filwaqt li f’oħrajn (eż. DE) il-maġġoranza tal-partijiet tal-Federazzjoni Russa jiġu aċċettati bħala alternattivi possibbli għall-protezzjoni interna. Diversi Stati Membri[18] japplikaw il-kunċett fejn l-Istat ikun l-attur ta’ persekuzzjoni, filwaqt li oħrajn, bħal FR, dan ma jagħmluhx.

Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat

Atti ta’ persekuzzjoni (Artikolu 9)

L-Artikolu 9(1) jiddefinixxi l-atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tad-Direttiva filwaqt li l-Artikolu 9(2) jelenka l-eżempji ta’ atti ta’ din ix-xorta. FR ma ttrasponietx litteralment l-Artikolu 9. EE ttrasponiet biss l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 9(1) filwaqt li CZ użat definizzjoni differenti. L-Artikolu 9(2) kien traspost litteralment mill-parti l-kbira tal-Istati Membri; fi Stat Membru wieħed (SI), il-lista kienet trasposta bħala waħda eżawrjenti.

L-Artikolu 9(3) jeħtieġ konnessjoni kawżali bejn ir-raġunijiet għall-persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u l-atti ta’ persekuzzjoni. Din id-dispożizzjoni ma kinitx trasposta f’diversi Stati Membri (eż. BG, CZ, FR, EL, ES, LU, NL, PL, SK), b’uħud minnhom jistrieħu fuq il-prattika rilevanti. Dan in-nuqqas ta’ traspożizzjoni jista’ jinftiehem bħala livell stabbilit (standard) iktar favorevoli fit-tifsira tal-Artikolu 3. Jidher li, f’uħud mill-Istati Membri, il-qrati ddeċidew li dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt ukoll fejn ikun hemm konnessjoni bejn l-atti ta’ persekuzzjoni u n-nuqqas ta’ protezzjoni minn atti ta’ din ix-xorta[19].

Raġunijiet għal persekuzzjoni (Artikolu 10)

L-Artikolu 10(1) joffri gwida għall-interpretazzjoni tar-raġunijiet ta’ persekuzzjoni pprovduti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra rigward l-Istatus tar-Rifuġjati[20], billi jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu vvalutati dawn ir-raġunijiet. L-Artikolu 10(2) jispeċifika li mhuwiex importanti jekk l-applikant jipposjedix il-karatteristika li tattira l-persekuzzjoni, jekk madankollu tali karatteristika tiġi attribwita lill-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni. L-Artikolu 10 kien traspost mill-Istati Membri kollha ħlief tnejn (CZ, EE), filwaqt li Stat Membru wieħed (SI) ma ttrasponiex l-Artikolu 10(2).

Kienu rrapportati problemi rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(1)(d) fejn għandhom x’jaqsmu l-kriterji biex ikun ivvalutat jekk persuna tkunx membru ta’ grupp soċjali partikolari. Din ir-raġuni għal protezzjoni tiġi ddefinita b’referenza għal żewġ kriterji: li l-membri ta’ dan il-grupp jaqsmu karatteristika intrinsika jew waħda li tkun tant fundamentali għall-identità jew għall-kuxjenza li ma tistax raġonevolment tinbidel; u li dawn jiġu pperċepiti bħala grupp distint mis-soċjeta ta’ madwarhom. Dawn il-kriterji huma applikati bħala rekwiżiti kumulattivi minn uħud mill-Istati Membri[21], imma bħala kriterji alternattivi minn oħrajn[22]. Ftit Stati Membri (BE, HU, SI, UK) ma ttrasponewx l-aħħar sentenza tal-Artikolu 10(1)(d) rigward ir-rilevanza tal-aspetti relatati mal-ġeneru. F’numru ta’ Stati Membri[23] din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod ġenerali, fejn tagħti lok għal definizzjoni ta’ grupp soċjali partikolari bbażata biss fuq aspetti relatati mas-sess (ġeneru), filwaqt li DE tipprovdi għal dan b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tagħha.

Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja

L-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e), jiddefinixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-protezzjoni sussidjarja. Ġew innotati diverġenzi kemm fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 15 kif ukoll fl-interpretazzjoni tiegħu minn Stat Membru għall-ieħor u fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet nazzjonali.

Uħud mill-Istati Membri (BE, CY, HU u SE) ħallew barra l-kwalifika “fil-pajjiż ta’ l-oriġini” fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 15(b); il-leġiżlazzjoni ta' AT tiddefinixxi r-raġunijiet għall-protezzjoni sussidjarja pprovduta fl-Artikolu 15(a) u (b) billi tirreferi għall-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għall-Protokolli Nri 6 u 13 għal din il-Konvenzjoni; il-leġiżlazzjoni UK tipprovdi għal “qtil illegali” bħala raġuni addizzjonali għal protezzjoni sussidjarja.

Rigward it-traspożizzjoni tal-Artikolu 15(ċ), tmien Stati Membri[24] ħallew barra l-kwalifika “individwali” meta ttrasponew ir-rekwiżit ta’ “theddida serja u individwali”, filwaqt li FR żiedet ir-rekwiżit li t-theddida għandha tkun ukoll “diretta”. Il-leġiżlazzjoni DE tħalli għalkollox barra l-kunċett ta’ “vjolenza indiskriminatorja”. Barra minn hekk, f’uħud mill-Istati Membri (eż. FR, DE u SE), ir-rekwiżit ta’ theddida individwali, moqri flimkien mal-kunċett ta’ “vjolenza indiskriminatorja” u l-premessa 26, ġie interpretat bħala li jeħtieġ li l-applikant jipprova li huwa jinsab f’riskju ikbar ta’ periklu mill-bqija tal-popolazzjoni, jew minn partijiet minnha, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

Ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ “theddida serja u individwali” fl-Artikolu 15(c) kien interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Frar 2009, fil-Kawża C-465/07. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kundizzjonijiet li fihom theddida ta’ din ix-xorta tista’ tiġi kkunsidrata, eċċezzjonalment bħala stabbilita fil-każ ta’ applikant li mhux speċifikatament affetwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu u tat gwida dwar l-użu tal-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat bħala kriterju biex tkun ivvalutata l-eżistenza ta’ theddida serja u individwali[25].

Revoka u, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat u ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja (Artikoli 11, 12, 14, 16, 17 u 19)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 u 12, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(1) u (3), dwar il-waqfien ta’ u l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 u 17(1) u (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 19(1) u (3), dwar il-waqfien u l-esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja, huma espressi f’termini mandatorji. Madankollu, il-leġiżlazzjoni f’numru ta’ Stati Membri sempliċement tippermetti l-waqfien tal-istatus minħabba r-raġunijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet minflok li teħtieġha[26]. Ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja fl-Artikolu 17(3) ġiet trasposta minn 13-il Stat Membru[27].

Min-naħa l-oħra, ċerti Stati Membri introduċew raġunijiet addizzjonali jew raġunijiet wisq ġenerali għall-waqfien[28] u għall-esklużjoni[29]. F’uħud mill-Istati Membri, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat mhux possibbli jekk ma tiġix offruta protezzjoni minn atturi mhux tal-Istat jew biss f’parti mill-pajjiż tal-oriġini[30]. Fi Stati Membri oħrajn, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat (DE, HU, SK) jew tal-protezzjoni sussidjarja (HU) mhux possibbli jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti li jirriżultaw minn persekuzzjoni jew periklu serju preċedenti.

Jekk ir-refuġjat ikun ingħata residenza permanenti, f’uħud mill-Istati Membri t-terminazzjoni tal-istatus ikun ristrett jew ipprevenut, minkejja li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-waqfien[31] jew għall-esklużjoni[32]. Diversi Stati Membri ma joħorġux status alternattiv wara t-terminazzjoni minħabba waqfien[33] jew esklużjoni[34]. Fi Stati Membri oħrajn, jista’ jingħata permess eċċezzjonali biex f’ċerti ċirkostanzi, bħal mard jew periklu ta’ refoulement f’każ ta’ waqfien[35] jew ta’ esklużjoni[36].

L-Artikolu 14(4) u (5) jippermetti li l-Istati Membri, f’ċerti kundizzjonijiet, jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat u ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet, f’każijiet fejn persuna tkun ta’ periklu għas-sigurtà jew għall-komunità tagħhom. L-Artikolu 14(6) jeħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu użu minn opzjoni waħda jew it-tnejn li huma jagħtu lill-persuni kkonċernati mill-inqas ċerti drittijiet bażiċi stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Madankollu, diversi Stati Membri li jimplimentaw waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet fakultattivi jew it-tnejn li huma naqsu milli jittrasponu l-Artikolu 14(6)[37], għalkemm ġie rraportat li wħud jagħtu d-drittijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra bħala riżultat tal-“effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” (BE) jew għal raġunijiet oħrajn li mhumiex speċifikati (AT) li mhix traspożizzjoni suffiċjenti tad-dispożizzjoni tad-Direttiva. Huwa biss fejn huwa possibbli li l-benefiċjarji effettivament jitolbu tali drittijiet quddiem il-qrati jew il-korpi amministrattivi fi Stat Membru partikolari, li jista’ jingħad li dan huwa konformi mad-Direttiva.

Rigward ir-regoli proċedurali, l-oneru tal-prova huwa tal-awtoritajiet nazzjonali, li jridu “jipprovaw fuq bażi individwali” li persuna waqfet tkun jew qatt ma kienet refuġjata jew persuna eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja, kif inhu meħtieġ mill-Artikoli 14(2) u 19(4). Numru ta’ Stati Membri[38] naqsu milli jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, jew implimentawhom biss parzjalment.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 11(1)(e)(f) u (2) dwar klawżoli ta’ waqfien “ċikostanzi li ntemmu”, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010[39]. Bħalissa hemm żewġ rinviji pendenti għal deċiżjonijiet preliminari rigward l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-waqfien u l-esklużjoni. B’mod iktar speċifiku, dawn ir-rinviji jikkonċernaw l-Artikolu 12(1)(a) dwar l-esklużjoni ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra[40], u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12(2) u 14(3), dwar il-kundizjonijiet li jeħtieġ li jiġu sodisfatti għall-applikazzjoni tal-esklużjoni u l-konsegwenzi rilevanti[41].

Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali

Regoli ġenerali (Artikolu 20)

L-Artikolu 20(1) jipprovdi li l-Kapitolu VII tad-Direttiva, dwar il-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Ma ġie identifikat l-ebda każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 20(1) bħala tali, u lanqas problemi legali (jew prattiċi) rigward it-traspożizzjoni.

L-Artikolu 20(2) jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn ir-refuġjati u l-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja rigward l-applikazzjoni tal-imsemmi Kapitolu, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor fid-Direttiva stess. F'LT u LV it-trattament ugwali ġie traspost formalment, imma fil-prattika, it-trattament ugwali japplika biss matul il-perjodu tal-integrazzjoni soċjali, filwaqt li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja m’għandhomx aċċess għal ċerti drittijiet wara li jiskadi dan il-perjodu, peress li bosta atti leġiżattivi ġenerali jagħtu aċċess ta’ din ix-xorta biss lir-residenti permanenti (li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja mhumiex).

Persuni vulnerabbli u minuri - Artikolu 20(3)(4)(5)

L-Artikolu 20(3) jistabbilixxi l-obbligu li għandha tiġi kkunsidra s-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti gruppi vulnerabbli (stabbiliti f’lista mhux eżawrjenti) meta jiġi implimentat il-Kapitolu VII. Ftit Stati Membri ma ttrasponewx l-Artikolu 20(3) (BE, CZ, ES, LU, NL, RO, UK). In-normi f’uħud mill-Istati Membri li jew formalment ittrasponew jew japplikaw leġiżlazzjoni preeżistenti (eż. AT, DE, FI, LT, NL, SE), ma jsemmux b’mod speċifiku l-kategoriji kollha elenkati fid-dispożizzjoni. Barra minn hekk, f'LT, il-gruppi vulnerabbli jissemmew biss għall-fini tal-perjodu tal-integrazzjoni soċjali, filwaqt li l-leġiżlazzjoni soċjali ġenerali mhux dejjem tinkludi dispożizzjonijiet ta’ din ix-xorta rigward refuġjati jew benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. FSK, is-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli f’uħud mill-oqsma, bħall-kura tas-saħħa, hija rregolata biss permezz tal-prattika. Fil-PT, ir-regoli dwar il-vulnerabbiltà jistipulaw biss l-obbligu li s-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli tiġi kkunsidrata b’mod adegwat, ħlief fejn għandhom x’jaqsmu l-minuri mhux akkumpanjati. Bil-kontra, ES, LT u NL estendew l-ambitu tad-dispożizzjoni billi inkludew, rispettivament, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-familji bi tlitt itfal minuri u iktar jew b’wild wieħed jew iktar li għandu inqas minn 18 u l-persuni bi problemi psikoloġiċi.

L-Artikolu 20(4) jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jirrikonoxxu l-bżonnijiet speċjali tal-persuni vulnerabbli sabiex l-Artikolu 20(3) jiġi applikat biss wara evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta fi 12-il Stat Membru[42].

L-Artikolu 20(5), li jistabbilixxi l-prinċipju li l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw il-Kapitolu VII, ma ġiex traspost f'BE, ES, IE, NL u UK.

Tnaqqis tal-benefiċċji – Artikolu 20(6) u (7)

Dawn iż-żewġ paragrafi jippermettu lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jnaqqsu l-benefiċċji li għandhom jingħataw lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, rispettivament, fejn l-istatus ta’ protezzjoni jkun inkiseb fuq il-bażi ta’ attivitajiet li l-applikant ikun wettaq għall-uniku fini jew għall-fini prinċipali li jikseb protezzjoni. Dawn id-dispożizzjonjiet ġew implimentati biss f'BG, CY u MT.

Protezzjoni minn refoulement

L-Artikolu 21(1) li jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom ġie traspost mill-Istati Membri kollha. Id-dispożizzjoni fakultattiva fl-Artikolu 21(2), li tirrifletti l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-refoulement ipprovduti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, ġiet trasposta fi kważi l-Istati Membri kollha ħlief għal ftit (CZ, FI, FR, HU, IE, SK, SI) filwaqt li BE ttraspona biss l-eċċezzjoni fakultattiva fl-inċiż (a).

Id-dispożizzjoni fakultattiva fl-Artikolu 21(3), li tippermetti li l-Istati Membri jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu permess ta’ residenza ta’ (jew lil) refuġjat li għalih japplikaw l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-refoulement elenkati fl-Artikolu 21(2), ġiet trasposta minn numru żgħir ta’ Stati Membri (ES, ES, FI, LV, LT, UK).

Informazzjoni

L-Artikolu 22 jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-benefiċjarji ta’ kwalunkwe status ta’ protezzjoni, kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata l-istatus, b’aċċess għal informazzjoni, f’lingwa li x’aktarx tiġi mifhuma minnhom, dwar id-drittijiet u l-obbligi li għandhom x’jaqsmu mal-istatus rispettiv. Dan ma ġiex traspost f'AT, BE, FR, LT u RO. Barra minn hekk, in-normi nazzjonali rilevanti mhux dejjem jispeċifikaw li aċċess għall-informazzjoni ta’ din ix-xorta għandu jkun ipprovdut “kemm jista’ jkun malajr” wara li jkun ingħata l-istatus ta’ protezzjoni (BG), li l-informazzjoni suppost tingħata f’lingwa li x’aktarx tiġi mifhuma minn dawk li jingħataw il-protezzjoni internazzjonali (ES) jew x’għandha tinkludi l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta (ES, FI).

Żamma ta’ unita tal-familja

L-Artikolu 23 jistabbilixxi r-regoli dwar iż-żamma tal-unità tal-familja għall-benefiċjari tal-protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dwar l-għoti ta’ ċerti drittjijiet u benefiċċji lill-membri tal-familja tagħhom li diġà jkunu preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari. Il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn ir-regoli huwa stabbilit fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(h) u 23(5).

Il-persuni li għandhom jiġu kkunsidrati bħala membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex tinżamm l-unità tal-familja huma ddefiniti fl-Artikolu 2(h). Din id-dispożizzjoni timponi żewġ kundizzjonijiet ġenerali: li l-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż tal-oriġini u li l-membri tal-familja jkunu preżenti fl-Istat Membru kkonċernat. L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ġiet trasposta mill-maġġoranza tal-Istati Membri[43] filwaqt li t-tieni waħda ġiet trasposta biss mill-BE, ES, LT, LU, NL.

Sabiex jingħataw il-benefiċċji li jissemmew fl-Artikoli 24 sa 34 tad-Direttiva, uħud mill-Istati Membri ma jikkunsidrawx lis-sħab mhux miżżewġa f’relazzjoni stabbli bħala membri tal-familja (eż. CY, HU, IE, LV, MT, PL, RO), filwaqt li oħrajn jaċċettawhom (eż. BG, CZ, ES, FI, LT, LU, NL, PT, SE, UK). Diverġenzi ta’ din ix-xorta huma permessi mid-Direttiva, sakemm it-trattament tal-koppji mhux miżżewġa jkun iddeterminat b’referenza għal-leġiżlazzjoni jew għall-prattika tal-Istati Membri u sakemm il-miżuri implimentattivi jkunu konformi mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jissemma espliċitament fil-premessi 10 u 11 u li huwa inkluż fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluża n-nondiskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali.

L-Artikolu 23(5) jippermetti li l-Istati Membri jadottaw definizzjoni usa’ ta’ membri tal-familja, li tkopri anki lil qraba oħrajn mill-viċin li għexu flimkien bħala parti mill-familja fiż-żmien meta telqu mill-pajjiż tal-orġini, u li f’dak iż-żmien kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Din id-dispożizzjoni ġiet formalment trasposta (BE, BG, CY, CZ, EL, FI, IE, PT) jew ġiet inkluża permezz ta’ normi li diġà kienu jeżistu (AT u SE).

Sabiex tinżamm l-unità tal-familja, uħud mill-Istati Membri jinkludu iktar kategoriji, bħal tfal adulti mhux miżżewġin, f’diversi kundizzjonijiet, inkluża d-dipendenza minħabba s-saħħa fiżika jew mentali tagħhom (eż. BG, ES, IE, SE) jew in-nuqqas ta’ kapaċitajiet finanzjarji (EL). Uħud jinkludu lill-ġenituri u/jew lin-nanniet li jkunu finanzjarjament dipendenti (eż. CY, -ES, EL, HU, IE, SE), lill-aħwa li jkunu dipendenti u/jew li jbatu minn diżabbiltà mentali jew fiżika (eż. HU, IE), lil membri dipendenti oħrajn tal-familja (IE, ES), jew lill-ġenituri ta’ minuri mhux akkumpanjati (eż. CY, HU).

Skont ir-rapporti, Stat Membru wieħed biss jagħmel użu mill-possibbiltà pprovduta mill-Artikolu 23(2) li japplika kundizzjonijiet speċifiċi biex jingħataw benefiċċji lil membri tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja (PL).

Permessi ta’ residenza – Artikolu 24

Skont l-Artikolu 24, kemm jista’ jkun malajr wara li l-istatus tagħhom ikun ingħata, għandu jinħareġ lir-refuġjati u lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin jew sena rispettivament u għandu jkun jista’ jiġġedded minbarra jekk raġunijiet konvinċenti ta’ sigurta nazzjonali jew ta’ ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.

Ġie rrapportat li numru ta’ Stati Membri jipprovdu għal permessi ta’ residenza lir-refuġjati b’validità ta’ iktar minn tliet snin (AT, BE, BG, il-FI, HU, IE, il-LT, SI, SE, UK). Mill-inqas seba’ Stati Membri jagħtu lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja permessi ta’ residenza ta’ iktar mis-sena preskritta bħala perjodu minmu mid-Direttiva: sentejn (PL), tliet snin (BG, IE, SI), erba’ snin jew iktar (HU, LV, NL, UK).

Dokument ta’ vjaġġjar – Artikolu 25

L-Artikolu 25(2) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja li ma jistgħux jiksbu passaport nazzjonali, dokumenti li jippermettulhom jivvjaġġaw, għall-inqas meta jinqalgħu raġunijiet umanitarji serji li jeħtieġu l-preżenza tagħhom fi Stat ieħor, minbarra jekk raġunijiet konvinċenti ta’ sigurta nazzjonali jew ta’ ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor. Biss tliet[44] Stati Membri japplikaw dan il-limitu rigward ir-raġunijiet għall-ivvjaġġar (AT, ES, LU).

Aċċess għal impjieg – Artikolu 26

Maġġoranza kbira tal-Istati Membri jawtorizzaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol mhux biss tar-refuġjati imma anki tap-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Ġie rrapporat li tliet Stati Membri biss (CY, DE u LU) jagħmlu użu mill-possibbiltà li japplikaw il-limitu permess mill-Artikolu 26(3). Ġew irrapportati diversi problemi rigward l-aċċess tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għal opportunitajiet edukattivi għall-adulti relatati mal-impjiegi, għal taħriġ vokazzjonali u għal esperjenza prattika fuq il-post tax-xogħol (CY, CZ, ES, LT, SK, SI, UK). Min-naħa l-oħra, uħud mill-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja u r-refuġjati jkollhom l-istess drittijiet taċ-ċittadini (eż. FI, IE, RO).

Aċċess għal edukazzjoni – Artikolu 27

Skont l-Artikolu 27(3), ir-refuġjati u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti ta’ rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali barranin. Diversi Stati Membri ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni (eż. BG, LT, UK). Fil-prattika, ġew irrapporti diffikultajiet rikorrenti minħabba li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ spiss ma jkollhomx dokumenti li jixhdu l-kwalifiki tagħhom.

Għajnuna soċjali – Artikolu 28

Skont ir-rapporti, uħud mill-Istati Membri[45] jużaw il-possibbiltà li jnaqqsu l-aċċess għall-għajnuna soċjali tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għall-benefiċċji essenzjali skont l-Artikolu 28(2). LT teskludi lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja mill-għajnuna soċjali minħabba n-natura temporanja tal-permess ta’ residenza tagħhom. DE timponi kriterju addizzjonali ta’ residenza legali ta’ tliet snin b’relazzjoni għall-għotjiet ta’ manteniment għat-tfal u għall-edukazzjoni mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.

Kura tas-saħħa– Artikolu 29

Il-LT u MT biss jidher li japplikaw il-possibbiltà pprovduta mill-Artikolu 29(2) li jillimitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għall-benefiċċji essenzjali. Fl-AT, minħabba s-sistema federali, il-livell tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jiddependi mir-reġjun li jiġu ospitati minnha. DE, f’każijiet ta’ protezzjoni sussidjarja, m’hemm l-ebda aċċess għal uħud mill-benefiċċji speċifiċi li jikkonċernaw it-trattament mediku. Skont ir-rapporti, diversi Stati Membri (eż. BG, EE, CZ, UK) ma ttrasponewx l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 29(3) li jipprovdu kura tas-saħħa adegwata lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jkollhom bżonnijiet speċjali, filwaqt li l-implimentazzjoni tiegħu tidher li hija problematika f’oħrajn (eż. LV, LT, IE, ES, RO).

Aċċess għal akkomodazzjoni– Artikolu 31

Diversi Stati Membri (eż. AT, IE LV, PL, SI) jidher li qed jipprovdu standards iktar favorevoli, sabiex jipprovdu l-istandards meħtieġa fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li teħtieġ “trattament kemm jista’ jkun favorevoli”. Rigward l-akkomodazzjoni, f’uħud mill-Istati Membri (eż. IE, RO u SE), il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jingħataw l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini.

Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni – Artikolu 33

Mill-inqas 16-il Stat Membru[46] ma jagħmlux distinzjoni bejn refuġjati u benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja rigward l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ integrazzjoni. Madankollu, il-programmi ta’ integrazzjoni pprovduti xi drabi huma ferm limitati u jistgħu jkopru biss it-taħriġ lingwistiku jew is-self finanzjarju. Skont ir-rapport, f'HU, l-aċċess tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għall-programmi ta’ integrazzjoni jingħata fuq bażi diskrezzjonali u huwa ineffettiv minħabba n-nuqqas ta’ miżuri implimentattivi. Id-dispożizzjonijiet legali fil-BG huma vagi u ma jiggarantux is-sostenibbiltà tal-programmi. Diversi Stati Membri (eż. ES, IE, LV) ma jipprovdux formalment għall-programmi ta’ integrazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Madankollu, ġie rrapportat li ż-żewġ gruppi ta’ protezzjoni għandhom aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni f’uħud minnhom (eż. IE).

KONKLUżJONI

Ġew identifikati diversi kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni mhux kompluta u/jew mhux korretta tad-Direttiva. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta’ standards iktar baxxi minn dawk stabbiliti mid-Direttiva. Kienu identifikati nuqqasijiet fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva nfushom, fejn il-fatt li diversi kunċetti, bħal atturi ta’ protezzjoni, protezzjoni interna, sħubija fi grupp soċjali partikolari huma vagi u ambigwi jħalli spazju għal interpretazzjonijiet ferm diverġenti min-naħa tal-Istati Membri. B’hekk, jeżistu differenzi importanti fost l-Istati Membri fl-għoti tal-protezzjoni u fil-forma tal-protezzjoni mogħtija. Barra minn hekk, sehem importanti mid-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza bbażati fuq kriterji li mhumiex biżżejjed ċari u preċiżi jiġu annullati f’sede ta’ appell.

L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva turi li, fil-prattika, ftit Stati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà li jagħmlu distinzjoni bejn refuġjati u benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja f’termini tal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ protezzjoni mogħti fl-Istati Membri differenti jvarja, u dan jaffetwa l-flussi tal-asil u huwa kawża ta’ movimenti sekondarji.

Dan ir-rapport juri li l-għan li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd rigward il-kwalifika u l-istatus tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u rigward il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għadu ma ntlaħaqx b’mod sħiħ matul l-ewwel fażi tal-armonizzazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli teżamina u ssegwi l-każijiet kollha fejn ġew identifikati problemi ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ implimentazzjoni, sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-istandards komuni ffissati mid-Direttiva, b’mod partikolari rigward ir-rispett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif ukoll sabiex tnaqqas l-ambitu għad-diverġenzi. Id-diverġenzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri li huma kkawżati minn standards li huma vagi u ambigwi jistgħu jiġu indirizzati biss bl-emendi leġiżlattivi tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Ottubru 2009, adottata proposta biex tiġi fformulata mill-ġdid id-Direttiva dwar il-Kwalifika ħalli jinstab rimedju għan-nuqqasijiet identifikati.

[1] ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12

[2] F’dan ir-rapport “Stati Membri” tfisser l-Istati Membri marbuta bid-Direttiva.

[3] Settembru 2008 – studju kkuntrattat lin-Netwerk Akkademiku għall-Istudji Legali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil fl-Ewropa “Odysseus”.

[4] Studji oħrajn jinkludu: UNHCR, “Asylum in the European Union, A study on the implementation of the Qualification Directive (L-Asil fl-Unjoni Ewropea, Studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika)”, Novembru 2007 (iktar ’il quddiem l-“istudju tal-UNHCR”); ELENA/ECRE, “The impact of the EU Qualification Directive on International protection (L-impatt tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tal-UE rigward il-protezzjoni internazzjonali)”, Ottubru 2008; ECRE “Complementary Protection in Europe (Protezzjoni Komplementari fl-Ewropa)”, Lulju 2009; France Terre d’Asile, “Asile La protection subsidiaire en Europe: Mużajk tad-drittijiet)”, Les cahiers du social no 18, Settembru 2008; Kunsill Olandiż tar-Refuġjati/ECRE, “Networking on the Transposition of the Qualification Directive (Netwerking dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika)”, Diċembru 2008; Università ta’ Nijmegen, “The Qualification Directive: Temi ċentrali, Kwistjonijiet problematiċi, u l-Implimentazzjoni fi Stati Membri magħżula)”, Karin Zwaan (ed), 2007

[5] Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) adottata fil-21 ta’ Ottubru 2009, COM(2009)551, akkumpanjata mill-Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2009) 1374. Id-dokumenti huma disponibbli minn http://ec.europa.eu/prelex/detail_dossier_real.cfm?CL=en&DosId=198704

[6] FI, EL, ES, HU, IT, LV, NL, PL, PT, SI, SE

[7] Ir-rapport ta’ Odysseus jindirizza lill-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva ħlief għal MT.

[8] Programm ta’ politika dwar l-asil 'Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE' COM(2008) 360.

[9] ĠU L 326, 13.12.2005, p.13

[10] Kawżi C-2008/220, C-2008/190, C-2008/19, C-2008/269, C-2008/543

[11] Kawża C-293/08, sentenza tal-5.02.2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja ; Kawża C-256/08, sentenza tat-30.04.2009, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ; Kawża C-322/08, sentenza tal-14.05.2009, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja ; Kawża C-272/08, sentenza tad-9.07.2009, Il-Kummissjoni vs Spanja

[12] SE kienet l-aħħar Stat Membru li ttraspona b’mod sħiħ id-Direttiva b’liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

[13] AT, BE, EE, FI, DE, HU, LU, LV, PL, PT, SK, SI

[14] AT, BG, CY, DE, EL, HU, LU, PL, PT, RO, SI

[15] AT, BG, EE, FI, FR, LT, NL, PL, PT, RO, SK, SI, SE

[16] CZ, FI, FR, HU, LU, MT, NL, PL, RO

[17] CY, DE, HU, IE, LU, MT, NL, PT, SI, UK

[18] AT, BE, BG, DE, IE, NL, PL, RO, SK, SI, UK

[19] AT, BE, BG, DE, EE, HU, LT, NL, SI, SE

[20] Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra rigward l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif supplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967

[21] AT, BE, BG, CZ, DE, ES, FI, FR, PL, PT, SI SK, UK

[22] EE, EL, ES, HU, IE, LV, LU, NL, RO, SE

[23] BE, BG, CZ, FI, FR, HU, IE, LU, ES, SE

[24] AT, BE, CZ, DE, EL, ES, HU, LT

[25] Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk l-eżistenza ta’ theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna tal-applikant għal protezzjoni sussidjarja hiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant iressaq il-prova li huwa kien speċifikatament affetwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni tiegħu u, jekk le, li jindika l-kriterju li fuq il-bażi tiegħu jista’ jiġi kkunsidrat li ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ theddida ta’ din ix-xorta. Il-Qorti kkonkludiet li l-eżistenza ta’ theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ applikant għal protezzjoni sussidjarja mhix suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant iressaq il-prova li huwa speċifikament affettwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu. Barra minn hekk, indikat ukoll li l-eżistenza ta’ dan it-theddid jista’ jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala stabbilit jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju ta’ dak il-pajjiż jew ta’ dak ir-reġjun.

[26] BE, IE, UK fil-każ ta' waqfien u BE u PL fil-każ ta' esklużjoni mill-istatus ta' refuġjat

[27] BG, CY, CZ, EE, IE, LU, LV, PL, SK, SI, ES, SE, UK

[28] Rigward l-Artikolu 11: BG, CZ, EE, ES, LT, PT; rigward l-Artikolu 16: BG, DE, LT, PT, SI

[29] Artikolu 12: DE, IT, PT, SK, SI, FI, LT, RO, UK; Artikolu 14(3): CZ, PL; Artikolu 17: EE, FR, LT, PT, SK, SI, UK

[30] AT, BE, CY, CZ, FR, EL, IE, LV, NL, PL, RO, SK, SI, ES

[31] Rigward l-istatus ta’ refuġjat: AT, DE, NL, PL; rigward il-protezzjoni sussidjarja: NL, PL

[32] Rigward l-istatus ta’ refuġjat: DE, NL, PL; rigward il-protezzjoni sussidjarja: DE, NL, PL

[33] Rigward l-istatus ta’ refuġjat: BG, CZ, EE, EL, IT, LV, LT, LU, NL, PL, RO; rigward il-protezzjoni sussidjarja: BG, CZ, EL, LV, LT, LU, NL, PL, RO.

[34] Rigward l-istatus ta’ refuġjat: BG, EL, LV, LT, LU, NL, PL, RO; rigward il-protezzjoni sussidjarja: BG, EL, LV, LT, LU, NL, PL, RO

[35] BE, CY, FI, DE, HU, IE, PT, SI, ES, SE

[36] AT, BE, CY, CZ, FI, DE, HU, IE, PT, SK, SI, ES, SE, UK

[37] AT, BE, BG, IT, LV, LT, NL, UK – IE tinvoka prinċipju ġenerali tad-dritt intern

[38] AT, BE, BG, CY, CZ, EE, FR, LV, IT, PT, ES, UK

[39] Kawżi Maqgħuda C-175/08. C-176/08. C-178/08 u C-179/08, Salahadin Abdulla, Hasan, Adem u Rashi, Jama : Il-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment iddeċidiet li jkun hemm waqfien tal-istatus ta’ refuġjat biss meta, wara bdil fiċ-ċirkostanzi ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja fil-pajjiż terz ikkonċernat, iċ-ċirkostanzi li kienu ġġustifikaw il-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-persuna ma baqgħux jeżistu u hija m’għandha l-ebda raġuni oħra biex tibża’ li se tiġi ppersegwitata. L-awtoritajiet kompetenti jridu jivverifikaw li l-atturi ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) ħadu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni. Għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u jiżguraw li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni. Il-bdil fiċ-ċirkustanzi għandu natura “sinjifikanti u mhux temporanja” meta l-fatturi li abbażi tagħhom il-beżgħat tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat jistgħu jitqiesu li ġew eliminati b’mod dewmieni. Dak jimplika li in-nuqqas ta’ beżgħat fondati li jiġi espost għal atti ta’ persekuzzjoni li jikkostitwixxu “ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem”.

[40] Kawża C-31/09, Bolbol Nawras ; ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tal-4 ta’ Marzu 2010.

[41] Kawżi C-57/09, Cemalettin Polat u C-101/09, Ayhan Ciftci

[42] BE, BG, CZ, EE, ES, IE, LT, LU, LV, NL, RO, UK

[43] AT, BE, BG, EE, ES, DE, LU, LV, LT, NL, PT, RO, SI, SK, SE, UK

[44] fost id-19-il Stat Membru li wieġbu għall-istħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni.

[45] eż. AT, DE, LU, LV, PT, SK

[46] BG, BE, ES, FR, HU, IE, IT, LT, LU, NL, PL, PT, RO, SI, SE, UK