52010PC0176

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea minn Greenland ta' prodotti tas-sajd, ta’ molluski bivalvi ħajjin ta’ ekinodermi, ta’ tunikati, ta’ gasteropodi u tal-prodotti sekondarji tagħhom (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (Imressqa mill-Kummissjoni) /* KUMM/2010/0176 finali - CNS 2010/0097 */


SANCO/6442/2009 Rev. 3 (POOL/D4/2009/6442/6442R3-EN.doc)

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.4.2010

KUMM(2010)176 finali

2010/0097 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi r-regoli dwar l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea minn Greenland ta' prodotti tas-sajd, ta’ molluski bivalvi ħajjin ta’ ekinodermi, ta’ tunikati, ta’ gasteropodi u tal-prodotti sekondarji tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (Imressqa mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Greenland u l-Unjoni Ewropea biħsiebhom jiffirmaw arranġament sanitarju dwar il-ħut, il-prodotti tas-sajd, il-molluski bivalvi, it-tunikati u l-ekinodermi (ħajjin u mhux ħajjin) għall-konsum tal-bniedem kif ukoll il-prodotti sekondarji meħudin minn dawn is-sorsi, pereżempju l-laħam mitħun tal-ħut jew iż-żejt tal-ħut. L-għan ta’ dan l-arranġament huwa biex Greenland tkun tista’ tagħmel kummerċ b'dawn il-prodotti mal-Unjoni fuq il-bażi tar-regoli tas-suq intern bil-kundizzjoni li Greenland jittrasponi r-regoli tal-UE dwar is-sanità u, fejn hu xieraq, dawk dwar is-saħħa tal-annimali, dwar il-prodotti tas-sajd, il-molluski bivalvi ħajjin u l-prodotti sekondarji meħudin minn dawn is-sorsi.

Ir-relazzjoni legali bejn l-Unjoni u Greenland imsejsa fuq żewġ pilastri. Billi Greenland huwa wieħed mill-pajjiżi u territorji barranin (OCT) skont it-tifsira tal-Artikolu 355(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), ir-relazzjoni hija primarjament irregolata mill-Artikoli 198 sa 204 tat-TFEU kif implimentat mid-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjonijiet Barranija (OAD)[1] u d-deċiżjoni OCT 2006/526[2] dwar Greenland. Dawn ir-regoli ġeneralment jipprovdu għall-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-OCTs biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom u biex jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ qrib bejniethom u l-Unjoni Ewropea fit-totalità tagħha. Fihom ukoll dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ, b’mod partikolari dwar l-aċċess għall-Unjoni Ewropea mingħajr dazju ta’ prodotti li joriġinaw mill-OCTs. F’affarijiet oħra l-OCTs iridu – billi ma jiffurmawx parti mis-suq waħdieni – jikkonformaw mal-obbligazzjonijiet imposti fuq il-pajjiżi terzi, inter alia rigward l-istandards tas-saħħa.

Skont l-Artikolu 204 tat-TFEU, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 198 sa 203 japplikaw għal Greenland, suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Protokoll dwar l-arranġamenti speċjali għal Greenland annessi mat-Trattat.

Il-forma legali rilevanti għall-arranġament maħsub bejn l-Unjoni u Greenland dwar is-sanità u s-saħħa tal-annimali, li hu marbut mal-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti hija Deċiżjoni tal-Kunsill imsejsa fuq l-Artikolu 203 tat-TFEU.

Deċiżjoni msejsa fuq l-Artikolu 203 hija strument tal-liġi tal-Unjoni Ewropea li toħloq l-obbligazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. L-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel Daniża (DVFA), permezz tal-Awtorità Veterinarja u għall-Kontrolli tal-Ikel Reġjonali tagħha fi Greenland, il-“Fodevareregion Nord” qed taġixxi bħala l-awtorità kompetenti fi Greenland f’dan il-qasam, u hija responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar is-sanità u s-saħħa tal-annimali għall-prodotti kkonċernati. Id-DVA pprovdiet l-assigurazzjonijiet uffiċjali li Greenland jikkonforma mar-regoli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE, inklużi l-kontrolli fuq l-importazzjoni.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija akkumpanjata minn stqarrija politika magħmula permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea minn naħa, u l-Gvernijiet ta’ Greenland u tad-Danimarka min-naħa l-oħra, li r-relazzjoni u l-kooperazzjoni ta’ bejn l-UE u Greenland se jitkomplew jissaħħu, imsejsa fuq interessi ġeneralment komuni għalihom, għall-benefiċċju tal-kummerċ ta’ bejniethom u biex ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom ikollhom perspettiva fit-tul.

2010/0097 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi r-regoli dwar l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea minn Greenland ta' prodotti tas-sajd, ta’ molluski bivalvi ħajjin ta’ ekinodermi, ta’ tunikati, ta’ gasteropodi u tal-prodotti sekondarji tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li ġiet trażmessa l-proposta lill-Parlamenti nazzjonali,

Skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi

1. Greenland qegħda fil-lista ta’ pajjiżi u territorji barranin stipulati fl-Anness II tat-Trattat. Skont l-Artikolu 198 tat-Trattat, l-għan tal-assoċjazzjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tat-terrirorji u l-pajjiżi lil hinn mix-xtut u jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Komunità bħala unità.

2. Id-Danimarka u Greenland talbu li l-kummerċ bejn l-Unjoni u Greenland tal-prodotti tas-sajd, tal-molluski bivalvi, tal-ekinodermi, tat-tunikati, tal-gasteropodi marini u tal-prodotti sekondarji tagħhom li joriġinaw minn Greenland bi qbil mal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji barranin mal-Komunità Ewropea[4] ikun permess skont ir-regoli intra-UE tan-negozju.

3. Huwa xieraq li dan il-kummerċ isir b’konformità għar-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, apparti r-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd.

4. Għaldaqstant, id-Danimarka u Greenland għandhom jaċċertaw li l-konsenji tal-prodotti mibgħutin minn Greenland għall-Unjoni Ewropea jkunu jissodisfaw ir-regoli rilevanti tal-Unjoni rigward is-saħħa tal-annimali, is-sikurezza fl-ikel u l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd. L-operaturi tan-negozji tal-għalf u tal-ikel li huma eliġibbli jridu jiġu reġistrati u elenkati skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benessri tal-annimali[5].

5. L-awtorità kompetenti ta' Greenland ipprovdiet l-assigurazzjonijiet uffiċjali lill-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti kkonċernati. Dawn l-assigurazzjonijiet ikopru, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet applikabbli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman[6], ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali[7] u d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f'annimali akkwatiċi[8], u jinkludu impenn li tinżamm il-konformità mar-regoli dwar il-kummerċ fl-Unjoni.

6. Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali[9] titlob it-twaqqif ta’ pjanijiet nazzjonali għas-sorveljanza tal-annimali tal-akkwakultura. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għal Greenland.

7. Biex tkun tista’ ssir l-importazzjoni ta’ prodotti fl-Unjoni Ewropea minn Greenland skont ir-regoli stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kummerċ fl-Unjoni, id-Danimarka u Greenland iridu jikkommettu ruħhom li jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fi Greenland qabel id-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.Id-Danimarka u Greenland iridu jikkommettu ruħhom li jiżguraw li l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati fi Greenland minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel. Il-kontrolli veterinarji fil-postijiet tal-ispezzjoni fil-fruntieri għandhom isiru skont id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi[10]. Il-kontrolli veterinarji fil-postijiet tal-ispezzjoni fil-fruntieri jiġu mwettqin b’kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċjali tad-dwana. Biex din il-biċċa xogħol tiġi ssimplifikata jkun xieraq li l-awtoritajiet jingħataw għad-dispożizzjoni tagħhom ir-referenzi għan-Nomenklatura Magħquda (NM) speċifikati fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE[11].

8. Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE[12] tipprevedi l-introduzzjoni ta’ sistema komputerizzata li tgħaqqad l-awtoritajiet veterinarji bil-ħsieb partikolari li tiffaċilita l-ħeffa tat-tpartit tal-informazzjoni marbuta mas-saħħa u l-kura tal-annimali bejn l-awtoritajiet kompetenti (TRACES). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces[13] tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jużaw it-TRACES mill-1 ta’ April 2004. It-TRACES hija ta’ ħtieġa essenzjali għas-sorveljanza effettiva tal-kummerċ fl-annimali u fil-prodotti oriġinati mill-annimali, u għaldaqstant għandha tkun użata għat-trażmissjoni tad-dejta dwar il-movimenti u l-kummerċ ta' dawn il-prodotti fi Greenland.

9. It-tfaqqigħ tal-mard tal-annimali elenkat fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali fil-Komunità[14], għandu jiġi rrappurtat lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/176/KE tal-1 ta’ Marzu 2005 li tistipula l-formola kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard tal-annimali skont id-Direttiva 82/894/KEE[15]. Għall-prodotti kkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għal Greenland ukoll.

10. Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel[16], iwaqqaf sistema rapida ta’ twissija għan-notifika tar-riskji, diretti jew indiretti għas-saħħa tal-bniedem li jkunu ġejjin minn xi ikel jew għalf. Għall-prodotti kkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għal Greenland ukoll.

11. Qabel ma jkun jista’ Greenland iwettaq il-kontrolli veterinarji fuq il-prodotti li jiddaħħlu fi Greenland minn pajjiżi terzi, għandha ssir spezzjoni fi Greenland mill-UE biex din tivverifika li l-post(ijiet) ta’ spezzjoni fil-fruntiera(i) ta’ Greenland jissodisfa(w) il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 97/78/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi[17] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/812/KE tal-21 ta’ Novembru 2001 li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntiera responsabbli għal kontrolli veterinarji ta’ prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi[18].

12. Wara li ssir l-ispezzjoni msemmija b’riżultat pożittiv, il-postijiet tal-ispezzjoni tal-fruntiera fi Greenland għandhom jiġu elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta’ Settembru 2009 li tfassal lista approvata ta' postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES[19]. Biex ikun żgurat kontroll effettiv tal-prodotti tas-sajd li jiddaħħlu fi Greenland u fl-UE, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tibda sseħħ mill-mument li jiġu elenkati l-posti(jiet) tal-ispezzjoni tal-fruntiera/i fid-Deċiżjoni 2009/821/KE.

13. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[20],

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti tas-sajd, għall-molluski bivalvi, għall-ekinodermi, għat-tunikati u l-gasteropodi tal-baħar u għall-prodotti sekondarji meħudin minn dawn is-sorsi (‘il-prodotti’), li joriġinaw fi Greenland jew jiddaħħlu fi Greenland u mbagħad jiġu importati fl-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) ‘molluski bivalvi ħajjin’: molluski kif definiti fil-punt 2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b) ‘prodotti tas-sajd’: prodotti kif definiti fil-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(c) ‘prodotti sekondarji’: prodotti sekondarji tal-annimali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, li jitnisslu mill-prodotti tas-sajd, mill-molluski bivalvi, mill-ekinodermi, mit-tunikati jew mill-gastropodi tal-baħar;

(d) ‘prodotti li joriġinaw fi Greenland’: prodotti kif definiti skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness III tad-Direttiva 2001/822/KE.

Artikolu 3Ir-regoli ġenerali li jirrigwardaw il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u Greenland ta' prodotti tas-sajd, ta’ molluski bivalvi ħajjin ta’ ekinodermi, ta’ tunikati, ta’ gasteropodi tal-baħar u l-prodotti sekondarji tagħhom

1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea tal-prodotti minn Greenland b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

2. L-importazzjoni tal-prodotti fl-Unjoni għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-traspożizzjoni effettiva u l-implimentazzjoni fi Greenland tar-regoli applikabbli stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa tal-annimali, is-sikurezza fl-ikel u l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd li jikkonċernaw il-prodotti;

(b) li l-awtoritajiet kompetenti fid-Danimarka u fi Greenland jikkumpilaw u jżommu lista aġġornata ta’ operaturi ta' negozji tal-għalf u tal-ikel, irreġistrati skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

(c) il-konformità ta’ konsenji ta’ prodotti mibgħutin lejn l-Unjoni Ewropea minn Greenland mar-regoli applikabbli stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, is-sikurezza fl-ikel u l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd;

(d) l-applikazzjoni korretta tar-regoli li jikkonċernaw is-saħħa tal-annimali, is-sikurezza fl-ikel u l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għall-importazzjonijiet tal-prodotti fi Greenland.

Artikolu 4Pjanijiet ta’ sorveljanza tal-annimali mrobbija fl-ilma

Id-Danimarka u Greenland għandhom iressqu għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni l-pjanijiet ta’ sorveljanza għall-preżenza ta’ reżidwi u sostanzi fl-annimali mrobbija fl-ilma b’konformità mad-Direttiva 96/23/KE.

Artikolu 5Kontrolli fuq prodotti li jiġu importati fi Greenland minn pajjiżi terzi

1. Għandhom isiru t-testijiet veterinarji fuq konsenji tal-prodotti mdaħħlin fi Greenland minn pajjiżi terzi b'konformità mar-regoli stipulati fid-Direttiva 97/78/KE.

Biex jiġu ffaċilitati dawn il-kontrolli veterinarji, il-Kummissjoni se tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tad-Danimarka u ta’ Greenland bir-referenzi tal-prodotti fil-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE.

2. Il-proposti għall-postijiet tal-ispezzjoni tal-fruntiera fi Greenland għandhom jiġu mressqa lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/78/KE.

Il-lista ta’ postijiet tal-ispezzjoni tal-fruntiera fi Greenland li jiġu approvati se jiddaħħlu fil-lista ta' postijiet tal-ispezzjoni tal-fruntiera tal-Istati Membri, approvati skont id-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE.

Artikolu 6Sistemi ta’ informazzjoni

1. Id-dejta dwar il-movimenti u l-kummerċ tal-prodotti fi Greenland għandha tkun trażmessa bil-lingwa Daniża permezz tas-sistema veterinarja integrata komputerizzata (TRACES) skont id-Deċiżjoni 2004/292/KE.

2. In-notifika ta’ mard tal-annimali tal-ilma fir-rigward tal-prodotti fi Greenland għandha tkun trażmessa permezz tas-sistema ta' notifika dwar il-mard tal-annimali (ADNS), b’konformità mad-Direttiva 82/894/KEE u d-Deċiżjoni 2005/176/KE.

3. In-notifika tar-riskji diretti jew indiretti għas-saħħa tal-bniedem ġejjin mill-prodotti fi Greenland għandhom ikunu trażmessi permezz tas-sistema ta’ twissija rapida għall-ikel u għall-għalf (RASFF) imwaqqfa bir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

Artikolu 7Marka ta’ identifikazzjoni

Il-konsenji tal-prodotti mibgħuta lejn l-Unjoni Ewropea minn Greenland għandhom ikunu mmarkati bis-sinjal ta’ identifikazzjoni ta’ Greenland, “GL”, b’konformità mar-regoli stipulati fit-Taqsima I(B) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 8Il-Konferma tal-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni

Id-Danimarka u Greenland għandhom jipprovdu, qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 11, konferma bil-miktub li ttieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9Miżuri implimentattivi

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 10Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 11Id-dħul fis-seħħ u l-applikabilità.

Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Għandha tibda tapplika mid-data ta’ meta jiġu elenkati l-ewwel postijiet tal-ispezzjoni tal-fruntiera ta’ Greenland fid-Deċiżjoni 2009/821/KE.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni ta' pajjiżi u territorji barranin mal-Komunità Ewropea, (ĠU L 314, 30 11 2001, p. 1).

[2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/526/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka, min-naħa l-oħra ( ĠU L 208, 29.7.2006, p. 28).

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

[5] ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

[6] ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

[7] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

[8] ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

[9] ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

[10] ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

[11] ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.

[12] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

[13] ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.

[14] ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.

[15] ĠU L 59, 5.3.2005, p. 40.

[16] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

[17] ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11.

[18] ĠU L 306, 23.11.2001, p. 28.

[19] ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1.

[20] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.