Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX). {SEG(2010) 149} {SEG(2010) 150} /* KUMM/2010/0061 finali - COD 2010/0039 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 24.2.2010 KUMM(2010) 61 finali 2010/0039 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX). {SEG(2010) 149}{SEG(2010) 150} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta tindirizza emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat funzjonament definit sew u korrett tal-Aġenzija Frontex fis-snin li ġejjin. L-għan ta' din il-proposta hija li tadatta r-Regolament, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet imwettqa u l-esperjenzi prattiċi, biex tikkjarifika l-mandat tal-Aġenzija u tindirizza n-nuqqasijiet identifikati. Kuntest ġenerali L-Aġenzija Frontex twaqqfet fl-2004 u bdiet topera fl-2005. Kif mitlub mill-programm tal-Aja, fit-13 ta' Frar 2008 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija Frontex COM(2008) 67 finali), akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt. Il-Komunikazzjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet għal żmien qasir u medju u nediet ideat għall-iżvilupp futur tal-Aġenzija fit-tul. Il-Komunikazzjoni tal-2008 kienet milqugħa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li tnejn li huma qasmu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Aġenzija kellha suċċess kbir mill-bidu tagħha u għamlet sejħa biex l-Aġenzija tkompli tissaħħaħ. Din l-ambizzjoni ġiet riflessa iktar f'diversi konklużjonijiet mill-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, fil-Patt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, u fil-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta' Diċembru 2009 li għamel sejħa l-Aġenzija tissaħħaħ anke ukoll ta' reviżjoni tal-qafas legali tagħha. Ir-rwol tal-Aġenzija fil-ġestjoni tal-fruntieru integrata tal-Unjoni, u d-direzzjoni futura ġenerali tagħha, huwa għalhekk soġġett għall-kunsens qawwi interistituzzjonali. Apparti r-Rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX, fl-2008 saret evalwazzjoni indipendenti, kif mitlub mill-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Frontex. Fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Bord Amministrattiv tal-Fontex indirizza sensiela ta' rakkomandazzjonijiet dwar tibdiliet għall-bażi legali tal-Aġenzija lill-Kummissjoni. Din il-proposta tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Komunikazzjoni tal-2008 u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv sal-punt li jeħtieġu reviżjoni tal-qafas legali tal-Aġenzija, bl-eċċezzjonijiet kif imfissra fil-valutazzjoni tal-impatt. Dispożizzjonijiet eżistenti Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u li jirregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/358/KE tas-26 ta’ April 2005 li tagħżel is-sede tal-Agenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. 2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Fis-segwitu għall-Komunikazzjoni saru diskussjonijiet estensivi fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Is-soċjetà ċivili u l-akkademja organizzaw ukoll diskussjonijiet dwar ir-rwol tal-Frontex fil-kuntest tal-politika ta' immigrazzjoni tal-Unjoni. Saru diskussjonijiet regolari u skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri fil-kuntest tal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija. L-Aġenzija dejjem irrappurtat dwar l-attivitajiet tagħha fil-Bord Amministrattiv, fl-istituzzjonijiet, u permezz ta' diversi rapporti previsti mill-bażi legali. Barra minn hekk, saru konsultazzjonijiet bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni li jittrattaw mal-Aġenzija FRONTEX u l-kontropartijiet tagħhom fl-Aġenzija. Frontex, b'assoċjazzjoni mal-awtoritajiet Awstrijakki, organizzat sessjoni ta' ħidma għall-membri jew rappreżentanti tal-Bord Amministrattiv, ippreseduta mill-Kummissjoni, dwar ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-Aġenzija fl-10 ta' Settembru 2009 f'Baden l-Awstrija. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll l-Istati Membri fil-Kumitat dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2008. Valutazzjoni tal-impatt Twettqet valutazzjoni tal-impatt - Dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2010) 149. Is-subalternattivi fir-rigward tal-"elementi prinċipali" li jirriflettu għanijiet essenzjali u attivitajiet tal-Aġenzija, ġew ivvalutati: - Reviżjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-użu tat-tagħmir tekniku fl-operazzjonijiet konġunti, inkluż il-mekkaniżmi għall-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri ta' tali tagħmir; - Mekkaniżmi għat-titjib tad-disponibbiltà ta' għassiesa fil-fruntieri f'operazzjonijiet konġunti; - Reviżjoni tar-rwol tal-Aġenzija fil-preparazzjoni, koordinazzjoni u implimentazzjoni tal-operazzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-qsim ta' kompiti bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri; - Estensjoni tal-mandat tal-Aġenzija fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar il-ġestjoni tal-fruntiera; - L-Aġenzija tingħata l-mandat biex tiġbor u tipproċessa dejta personali; - Reviżjoni tal-mandat tal-Aġenzija fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' ritorn; - L-Aġenzija tingħata l-mandat biex tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera. Kull alternattiva ta' politika ġiet ivvalutata skont il-kriterji li ġejjin: - L-alternattiva tikkontribwixxi biex jissolva n-nuqqas identifikat, jiġifieri biex jintlaħqu aħjar l-għan(ijiet) rilevanti? - L-alternattiva għandha impatt fuq pajjiżi terzi? - L-alternattiva għandha impatt fuq il-baġit tal-Aġenzija jew fuq l-Istati Membri? - X'inhuma l-impatti possibbli fuq id-drittijiet fundamentali? L-alternattiva ppreferuta tal-valutazzjoni tal-impatt tikkonsisti f'dawn is-subalternattivi li ġejjin: - Mekkaniżmu rivedut b' kontribuzzjonijiet obbligatorji tat-tagħmir mill-Istati Membri kkombinati mal-xiri/kera gradwali mill-Frontex tat-tagħmir tiegħu, ibbażat fuq analiżi addizzjonali tal-ħtiġijiet u l-ispejjeż; - Mekkaniżmu rivedut b'kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' riżorsi umani mill-Istati Membri kkombinati ma' ġabra ta' għassiesa tal-fruntiera dwar issekondar semipermanenti mill-Istati Membri lejn Frontex, bl-istatus ta' esperti nazzjonali; - L-Aġenzija tingħata rwol ta' tmexxija konġunta għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti, bir-regoli dettaljati għall-pjan operazzjonali, evalwazzjoni, rappurtar tal-inċidenti, li għandhom jissaħħu mill-Frontex. - Frontex titħalla tiffinanzja u timplimenta proġetti ta' assistenza teknika f'pajjiżi terzi u li jintużaw uffiċjali ta' kollegament f'pajjiżi terzi. - Frontex tingħata mandat limitat biex tipproċessa dejta personali relatata mal-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni illegali, bil-kundizzjoni li tali proċessar ta' dejta personali mill-Frontex hija legali, meħtieġa u proporzjonata fir-rigward tal-kompiti tal-Aġenzija; - Frontex tingħata rwol ta' koordinazzjoni fl-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn; - Frontex tingħata mandat biex tanalizza riskji operazzjonali u rekwiżiti fl-Istati Membri. Wara l-opinjonijiet tal-bord tal-valutazzjoni tal-impatt tat-8 ta' Diċembru 2009 u l-11 ta' Jannar 2010, il-valutazzjoni tal-impatt ġie rivedut sostanzjalment speċjalment fir-rigward tad-definizzjoni u l-bażi tal-problema, id-definizzjoni tal-għanijiet ġenerali u operazzjonali, is-sezzjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u l-ispejjeż. L-alternattiva ppreferuta hija riflessa bis-sħiħ f'din il-proposta leġiżlattiva bl-eċċezzjoni li Frontex tingħata mandat limitat biex tipproċessa d-dejta personali dwar il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni illegali. Il-Kummissjoni tassew tqis li għandhom jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet kollha biex jinfurzaw il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti u kontra t-traffikkar tal-persuni. Madankollu, il-Kummissjoni tippreferi li tmur lura għall-kwistjoni tad-dejta personali fil-kuntest tal-istrateġija globali għall-iskambju ta' informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata iktar tard din is-sena u wkoll tikkunsidra r-riflessjoni li għandha titwettaq dwar kif trid tiġi żviluppata iktar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenziji fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni kif mitlub mill-programm ta' Stokkolma. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju L-emendi proposti l-iktar importanti lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 jirriflettu t-tibdiliet meħtieġa sabiex jakkomodaw l-alternattiva ppreferuta tal-valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk numru ta' emendi żgħar ta' natura amministrattiva essenzjali ġew introdotti bil-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv kif ukoll l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet "standard" ġodda użati fil-proposti oħra tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' Aġenziji ġodda. Bażi legali L-Artikoli 74 u 77 (1) (b) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din il-proposta temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Frontex, li kien emendat fl-2007 mir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri, li kienu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jiġifieri, l-Artikoli 62(2)(a) u 66. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà L-Artikolu 74 jipprovdu li l-Kunsill għandu jadotta miżuri sabiex jassigura l-koperazzjoni amministrattiva bejn is-servizzi kompetenti tal-Istati Membri fl-oqsma koperti minn dan it-Titolu, kif ukoll bejn dawk is-servizzi u l-Kummissjoni. L-Artikolu 77(1)(b) u (c) jagħti s-setgħa lill-Unjoni biex tiżviluppa politika maħsuba biex twettaq verifiki fuq persuni u sorveljanza effiċjenti tal-qsim ta' fruntieri esterni, u l-introduzzjoni gradwali ta' sistema integrata ta' ġestjoni għall-fruntieri esterni. Din il-proposta attwali hija fil-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet u, b'mod partikolari, tirrispetta l-kompetenzi konġunti tat-Trattat fis-sens li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni tagħhom. Notevolment din il-proposta tirrispetta l-prinċipju li fil-kuntest ta' operazzjonijiet kkoordinati mill-Aġenzija, l-uffiċjali mistiedna jistgħu jwettqu biss kompiti u jeżerċitaw setgħat taħt l-istruzzjonijiet mingħand u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza tal-għassiesa tal-fruntiera tal-Istat Membru ospitanti. Deċiżjonijiet biex jiġi miċħud id-dħul skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen għandhom jittieħdu biss mill-għassiesa tal-fruntiera tal-Istat Membru ospitanti. L-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjoni hija trasferuta lill-Aġenzija. L-għanijiet ta' din il-proposta, filwaqt li jirrispettaw l-istess limiti fundamentali tad-dispożizzjonijiet eżistenti, għandhom jiżviluppaw iktar ġestjoni integrata tal-kooperazzjoni operazzjonali, u ma jistgħux jinkisbu adegwatament mill-Istati Membri. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità L-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jgħid li azzjoni mill-UE m'għandhiex tmur ’lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni tal-Komunità għandha tippermetti sabiex il-proposta tkun tista' tilħaq l-għan tagħha u sabiex tkun implimentata bl-iktar mod effettiv. L-inizjattiva proposta — l-emenda tar-Regolament — tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri tal- acquis ta' Schengen li jiġġieled kontra l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u jiżgura l-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonjiet tal-Istati Membri, kif ukoll bejn dawk id-dipartimenti u l-Kummissjoni. Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Għażla tal-istrument Strument propost: Regolament. Mezzi oħra ma jkunux adegwati peress li l-proposta preżenti temenda regolament. 4. IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT Il-proposta temenda Regolament eżistenti dwar il-mandat u l-fnuzjonament ta' Aġenzija Ewropea. Is-sussidju relatat mal-Aġenzija Frontex diġà jifforma parti mill-baġit tal-Unjoni. 5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI Konsegwenzi tad-diversi protokolli annessi mat-Trattati u tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi ma’ pajjiżi terzi Il-bażi legali għal din il-propostà tinsab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-konsegwenza li tapplika s-sistema ta' ‘ġeometrija varjabbli’, provduta fil-protokolli dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka u fil-protokoll ta' Schengen. Il-proposta hija msejsa fuq l- acquis ta' Schengen. Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi li ġejjin f'relazzjoni mad-diversi protokolli: Ir-Renju Unit u l-Irlanda Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux qed jieħdu sehem f'dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l- acquis ta' Schengen anness mat-TUE u mat-TFUEu l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonjiet tal- acquis ta' Schengen. Id-Danimarka Taħt il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri skont it-Titolu V tat-Tielet parti tat-TFUE. Din il-proposta hija bbażata fuq l- acquis ta’ Schengen, u taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll id-Danimarka għandha tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar proposta jew inizjattiva li tibni fuq l- acquis ta’ Schengen kopert minn din il-Parti jekk tkunx se timplimenta din id-Deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħha’ L-Islanda u n-Norveġja Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonjiet tal- acquis ta' Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen[1]. L-Isvizzera Fir-rigward tal-Isvizzera, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni tal-Isvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ dan tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta’ Schengen[2]. Il-Liechtenstein Fir-rigward tal-Liechtenstein, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- acquis ta' Schengen[3]. Ħarsa ġenerali fil-qosor tal-emendi proposti Artikolu 1, l-Istabbiliment tal-Aġenzija - Kjarifika tal-qafas legali li fih topera l-Aġenzija Artikolu 1a, Definizzjonijiet - kjarifika tad-definizzjoni ta' "Stat Membru ospitanti" - introduzzjoni tal-kunċett ta' Timijiet ta’ Appoġġ Konġunt tal-Frontex - reviżjoni tad-definizzjoni ta' tagħmir tekniku Artikolu 2, Kompiti ewlenin - para 1 (c): estensjoni tal-ħidma relatata mal-analiżi tar-riskju - para 1 (d): tisħiħ tal-ħidma relatata mar-riċerka - para 1 (f): introduzzjoni tal-possibbiltà ta' koordinazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn - para 1 (h): kompitu ġdid relatat mal-iżvilupp u l-operazzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni - para 1 (i): kompitu ġdid relatat mal-provvediment ta' assistenza lil Eurosur - para 1a: obbligu għall-persunal kollu li jieħu sehem pereżempju f'operazzjonijiet konġunti jew f'operazzjonijiet konġunti ta' ritorn li jkunu rċievu t-taħriġ xieraq fid-drittijiet fundamentali - para 2, it-tielet inċiż: introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' rappurtar lill-Bord Amministrattiv dwar l-attivitajiet operazzjonali tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi. Artikolu 3, Operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota fil-fruntieri esterni - para 1: introduzzjoni ta' obbligu li jitfassal pjan operazzjonali, biex titwettaq analiżi minn qabel tar-riskji u l-Aġenzija tingħata l-possibbiltà li ttemm l-operazzjonijiet jekk il-kundizzjonijiet ma jkunux iktar sodisfatti - para 2: ġdid – introduzzjoni tal-obbligu għall-Aġenzija li twaqqaf grupp ta' għassiesa tal-fruntiera (TAKF) - para 4: introduzzjoni ta' obbligu li jkunu trażmessi r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-operazzjonijiet lill-Bord Amministrattiv fi żmien 60 jum mit-tmiem tal-operazzjoni - para 5: possibbiltà għall-żieda tal-appoġġ finanzjarju Artikolu 3a, Aspetti organizzattivi ta' operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota (Ġdid) Introduzzjoni ta' artikolu ġdid li fil-paragrafu 1 jistipula l-kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-obbligu li jitfassal pjan operazzjonali għall-operazzjonijiet kollha. Dan l-artikolu jipprovdi għad-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut u l-komponenti tal-pjan operazzjonali, il-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi, il-kompożizzjonijiet tat-timijiet, il-kmand u l-kontroll, il-mekkaniżmi ta' rappurtar jiġifieri evalwazzjoni u rappurtar tal-inċidenti, it-tagħmir tekniku, u l-ġuriżdizzjoni applikabbli. Il-paragrafi 2 u 3 jipprovdu għall-obbligu li l-Aġenzija u l-Istat Membru li jitlob, jaqblu dwar il-pjan operazzjonali u li l-Aġenzija teħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni operazzjonali tal-aspetti organizzattivi kollha. Artikolu 3b, Kompożizzjoni u użu tat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex (TAKF) (Ġdid) Introduzzjoni tal-artikolu ġdid li jistipula: Para 1 il-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-profili u numru ta' għassiesa tal-fruntiera li għandhom ikunu disponibbli lit-TAKF Para 2 l-obbligu għall-Aġenzija li tikkontribwixxi lit-TAKF Para 3 l-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu l-għassiesa tal-fruntiera disponibbli għall-użu Para 4 obbligu għall-membri tat-timijiet biex iwettqu dmirijiethom b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità umana Para 5 komunikazzjoni dwar it-TAKF għandha ssir permezz tal-punti ta' kuntatt nazzjonali Para 6 obbligu għall-Aġenzija li tinnomina uffiċjal ta' koordinazzjoni fejn ikunu skjerati l-membri tat-TAKF Para 7 obbligu għall-Aġenzija li tilħaq l-ispejjeż tal-għassiesa tal-fruntiera tal-Istati Membri li jipparteċipaw fit-TAKF Artikolu 4, Analiżi tar-riskju Introduzzjoni ta' obbligu għall-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar theddid fil-fruntieri esterni. Inserzjoni ta' inċiż ġdid li joħloq obbligu għall-Aġenzija sabiex tivvaluta regolarment il-kapaċità tal-Istati Membri li jaffaċċjaw l-isfidi li ġejjin fil-fruntieri esterni. Azzjoni 5, Taħriġ Inserzjoni ta' obbligu għall-Istati Membri biex jintegraw il-kurrikulu bażiku komuni fit-taħriġ tal-għassiesa tal-fruntiera nazzjonali, u ta' referenza espliċita li t-taħriġ għandu, kif diġà huwa l-każ fil-programm ta' ħidma tal-Frontex, jinkludi l-aspetti tad-drittijiet fundamentali. Artikolu 6, Riċerka Tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija, pereżempju, sorveljanza u kontribuzzjoni għall-iżviluppi fl-attivitajiet rilevanti ta' riċerka Artikolu 7, Tagħmir tekniku Id-dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir tekniku għandhom jiġu emendati kif ġej: Para 1 Kjarifika tal-mandat tal-Aġenzija dwar ix-xiri jew il-kera tat-tagħmir tekniku u r-regoli tar-reġistrazzjoni għal tagħmir tqil Para 2 Obbligu għall-Aġenzija li twaqqaf u żżomm rekords ċentralizzati ta' Ġabra ta' Tagħmir Tekniku (ĠTT) Para 3 Obbligu fuq l-Istati Membri biex jikkontribwixxu lil ĠTT biex iħallu għal ammont minimu ta' tagħmir li jkopri l-ħtiġijiet tal-Aġenzija Para 4 Regoli dwar il-ġestjoni mill-Aġenzija tal-ĠTT Para 5 Regoli għal rimborż tan-numri minimi għal kull tip ta' tagħmir, il-kundizzjonijiet tal-użu u l-ispejjeż eliġibbli Para 6 obbligu ta' rappurtar dwar il-kompożizzjoni u l-użu tat-tagħmir li hu parti mill-ĠTT mill-Aġenzija u azzjoni sussegwenti tal-Bord Amministrattiva Artikolu 8, Appoġġ lill-Istati Membri fiċ-ċirkostanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni Imħassar, peress li issa huwa kopert biżejjed mid-dispożizzjonijiet dwar operazzjonijiet konġunti, tagħmir tekniku, u Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex. Artikolu 8e, Pjan operazzjonali Para 1: tibdil neċessarju wara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu l-ġdid 3a Artikolu 8h, Spejjeż Para 1 inserzjoni ta' dispożizzjoni għar-rimborż tal-ispejjeż tat-TAKF Artikolu 9, Kooperazzjoni dwar ir-ritorn Para 1 kjarifika tal-politika ta' ritorn tal-UE, dispożizzjonijiet finanzjarji u inserzjoni ta' possibbiltà għal Stat Membru biex jitlob l-Aġenzija biex tiżgura l-koordinazzjoni ta' operazzjoni ta' ritorn. Para 2-3 obbligu għall-Aġenzija biex tadotta Kodiċi ta' Kondotta li għandu jkun applikat matul operazzjonijiet konġunti ta' ritorn, inkluż fir-rigward ta' sorveljanza ta' ritorn sfurzat u rispett għad-drittijiet fundamentali Para 4 obbligu għall-Istati Membri biex jinfurmaw l-Aġenzija dwar l-operazzjonijiet ta' ritorn ippjanati u l-livell ta' assistenza mitlub mill-Aġenzija. Obbligu għall-Aġenzija biex tfassal pjan operazzjonali kontinwu li dwaru jiddeċiedi l-Bord Amministrattiv. Para 5 Kjarifika tar-rwol tal-Aġenzija dwar l-identifikazzjoni tal-pajjiżi terzi rilevanti Artikolu 11 Sistemi ta' skambju ta’ informazzjoni Emenda tar-irwol tal-Aġenzija, pereżempju, l-obbligu li jkun faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni. Inserzjoni ta' obbligu għall-Aġenzija biex tiżviluppa u topera sistema ta' informazzjoni kapaċi li tagħmel skambju ta' informazzjoni kklassifikata. Artikolu 11a, Protezzjoni tad-dejta (Ġdid) Obbligu għall-Aġenzija biex tipproċessa dejta skont ir-Regolament 45/2001 u għall-Bord Amministrattiv biex jistabbilixxi miżuri sabiex jiġi applikat ir-Regolament imsemmi hawn fuq. Artikolu 11b, Ir-regoli ta' sigurtà fil-qasam tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata u tal-informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata (Ġdid) Obbligu għall-Aġenzija biex tapplika l-prinċipji ta' sigurtà tad-Deċiżjoni 2001/844 għall-informazzjoni kklassifikata. Obbligu li tipproċessa informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata kif adottata u implimentata mill-Kummissjoni. Artikolu 13, Kooperazzjoni mal-aġenziji u l-entitajiet tal-Unjoni Ewropea, u organizzazzjonijiet internazzjonali Inserzjoni ta' possibbiltà ta' kooperazzjoni ma' aġenziji u entitajiet oħra tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 14, Il-faċilitazzjoni tal-koperazzjoni operazzjonali ma' pajjiżi terzi u koperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi Inserzjoni tal-paragrafi li ġejjin: Para 2 possibbiltà għall-Aġenzija li tuża uffiċjali ta' kollegament f'pajjiżi terzi Para 3 deskrizzjoni tal-kompiti tal-uffiċjali ta' kollegament Para 4 possibbiltà għall-Aġenzija biex tibbenefika mill-fondi tal-Unjoni, biex tniedi proġetti ta' assistenza teknika f'pajjiżi terzi u biex tistieden osservaturi. Para 5 obbligu għall-Istati Membri biex jiċċaraw fejn xieraq ir-rwol tal-Aġenzija fil-ftehimiet bilaterali tagħhom ma' pajjiżi terzi Para 7 l-użu tal-uffiċjali ta' kollegament u l-konklużjoni tal-arranġamenti ta' ħidma mal-pajjiżi terzi huwa soġġett għall-approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni Artikolu 15a, Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali (Ġdid) Kjarifika tal-ħtieġa u l-kundizzjonijiet għal Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti. Artikolu 17, Persunal Para 3 kjarifika tar-rwol tal-persunal tal-Aġenzija li tipprovdi għal persunal ikkwalifikat biex jipparteċipaw fl-attivitajiet operazzjonali Artikolu 20, Setgħat tal-Bord Amministrattiv Para 2 (h) ftehim minn qabel tal-Kummissjoni meħtieġ biex tadotta/temenda l-istruttura organizzattiva u l-politika tal-persunal tal-Aġenzija (ġdid) Para 2 (i) inserzjoni ta' dispożizzjoni dwar l-approvazzjoni tal-Pjan Multiannwali tal-Aġenzija (ġdid) Para 4 riflessjoni tar-rwol imsaħħaħ tal-Aġenzija dwar l-attivitajiet ta' riċerka rilevanti Artikolu 21, Kompożizzjoni tal-Amministrattiv Para 1 tħassir tar-restrizzjoni dwar l-estensjoni tal-mandat Para 3 inserzjoni ta' referenza għall-ftehimiet ta' assoċjazzjoni konklużi Artikolu 25, Funzjonijiet u setgħat tad-Direttur Eżekuttiv Para 3 (g) inserzjoni ta' obbligu li jiġu implimentati l-pjanijiet operazzjonali. 2010/0039 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 74 u 77 (1) (b) u (c) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Wara t-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlamenti nazzjonali, Waqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1) L-iżvilupp ta' politika Ewropea tal-migrazzjoni komprensiva u li tħares 'il quddiem, ibbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, jibqa' għan ta' politika ewlieni għall-Unjoni Ewropea. (2) Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-fruntieri esterni tal-UE timmira lejn ġestjoni integrata li tiżgura kontroll u sorveljanza ta' livell għoli u uniformi, li hija konsegwenza meħtieġa għall-moviment ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea u komponent fundamentali ta' Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Għal dan il-għan, huwa previst l-istabbiliment ta' regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontroll tal-fruntieri esterni. (3) L-implimentazzjoni effiċjenti tar-regoli komuni teħtieġ aktar koordinazzjoni fil-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri. (4) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman u degradanti, id-dritt għall-libertà u s-sigurtà, id-drittijiet għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għall-ażil, il-prinċipju ta’ non-refoulment, in-nuqqas ta' d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għal rimedju effettiv. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri b’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji. (5) Fl-2004, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)[4] minn hawn ’il quddiem imsejħa l-"Aġenzija" li bdiet topera f'Mejju 2005. (6) Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 kien emendat fl-2007 mir-Regolament (KE) Nru 863/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri[5]. (7) Ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni permezz ta' kontrolli u sorveljanza tgħin biex ikunu miġġielda l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex ma jkun hemm l-ebda theddida għas-sigurtà interna, għall-politika pubblika, għas-saħħa pubblika u għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri. (8) Il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li neħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. (9) Il-programm Multiannwali għal Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja li jservi ċ-ċittadin adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10/11 ta' Diċembru 2009 (il-Programm ta' Stokkolma) jagħmel sejħa għal kjarifika u titjib tar-rwol ta' Frontex dwar il-ġestjoni ta' fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. (10) Il-mandat tal-Aġenzija għandu għalhekk ikun rivedut sabiex isaħħaħ b'mod partikolari l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Aġenzija filwaqt li jiżgura li l-miżuri kollha meħuda huma proporzjonati mal-għanijiet segwiti u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tar-refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil, inkluż b'mod partikolari l-projbizzjoni ta' refoulement . (11) Il-possibbiltajiet attwali għall-provvediment ta' assistenza effettiva lill-Istati Membri dwar l-aspetti operazzjonali ta' ġestjoni tal-fruntieri esterni għandha tissaħħaħ fir-rigward tar-riżorsi tekniċi disponibbli; l-Aġenzija trid tkun kapaċi tippjana b'eżatezza biżżejjed il-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti jew proġetti pilotta. (12) Il-livelli minimi ta' tagħmir tekniku meħtieġ ipprovdut fuq bażi obbligatorja mill-Istati Membri u/jew l-Aġenzija se jikkontribwixxu l-iktar għall-ippjanar u l-implimentazzjoni aħjar tal-operazzjonijiet previsti kkoordinati mill-Aġenzija. (13) L-Aġenzija għandha tieħu ħsieb listi ta' tagħmir tekniku pprovdut mill-Istati Membri u mill-Aġenzija, u b'hekk tkun qed tagħti kontribut għall-"ġabra" ta' riżorsi materjali. Dawn il-listi għandhom ikollhom in-numri minimi ta' kategoriji ta' tagħmir tekniku meħtieġ biex jippermetti lill-Aġenzija biex twettaq l-attivitajiet tagħha. (14) Sabiex jiżguraw operazzjonijiet effettivi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli numru xieraq ta' għassiesa tal-fruntiera kompetenti biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota. Għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti timijiet ta' għassiesa tal-fruntiera għall-użu mill-Aġenzija. (15) L-Aġenzija għandha tkun kapaċi tikkontribwixxi lil dawk it-timijiet bl-għassiesa tal-fruntiera ssekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija fuq bażi semipermanenti, li għandhom ikunu soġġetti, fl-eżerċizzju tal-kompiti u s-setgħat tagħhom, għall-istess qafas legali bħall-uffiċjali mistiedna mibgħuta direttament fit-Timijiet mill-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tadatta r-regoli interni tagħha dwar esperti nazzjonali ssekondati sabiex tippermetti istruzzjonijiet diretti mill-Istat ospitanti lill-għassiesa tal-fruntieri matul operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota. (16) Pjan operazzjonali mfisser sew, inkluż valutazzjoni u obbligu li jiġu rrappurtati l-inċidenti, miftiehem qabel il-bidu tal-operazzjonijiet fost l-Istati Membri parteċipanti u l-Aġenzija se jikkontribwixxi l-iktar għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament b'modus operandi iktar armonizzat dwar il-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet. (17) L-iskema tar-rappurtar tal-inċidenti għandha tintuża mill-Aġenzija biex tibgħat, lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u lill-Bord Amministrattiv, kull informazzjoni dwar allegazzjonijiet kredibbli ta' ksur, partikolarment tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 jew tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inkluż id-drittijiet fundamentali, matul operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota. (18) L-analiżi tar-riskju uriet li hija element ewlieni għat-twettiq tal-operazzjonijiet fil-fruntieri esterni. Il-kwalità tagħha għandha titjib billi jiżdied metodu għall-evalwazzjoni tal-istrutturi nazzjonali, tagħmir u riżorsi li l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. (19) L-Aġenzija għandha tipprovdi taħriġ, inkluż dwar id-drittijiet fundamentali, f'livell Ewropew għall-istrutturi nazzjonali tal-għassiesa tal-fruntiera u taħriġ u seminars addizzjonali dwar il-kontroll u s-sorveljanza fil-fruntieri esterni u t-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti b'mod illegali fl-Istati Membri għall-uffiċjali tas-servizzi nazzjonali kompetenti. L-Aġenzija tista' torganizza attivitajiet ta' taħriġ b'kooperazzjoni mal-Istati Membri fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jintegraw ir-riżultati tal-ħidma tal-Aġenzija f'din il-perspettiva fil-programmi ta' taħriġ nazzjonali tal-għassiesa tal-fruntiera tagħhom. (20) L-Aġenzija għandha tissorvelja l-iżviluppi fir-riċerka xjentifika rilevanti għall-qasam tagħha u tgħaddi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. (21) Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-aspetti operazzjonali fir-rigward tar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti b'mod illegali fl-Istati Membri jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni. Billi hemm valur miżjud ċar fit-twettiq ta' dawn il-kompiti fil-livell tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha, b'konformità sħiħa mal-politika ta' ritorn tal-Unjoni, tipprovdi l-assistenza meħtieġa sabiex jiġu organizzati operazzjonijiet konġunti ta' ritorn tal-Istati Membri u tiddentifika l-aħjar prattiki għall-kisba ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u tiddefinixxi Kodiċi ta' Kondotta li jrid ikun segwit waqt it-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fit-territorji tal-Istati Membri b'mod illegali. L-ebda mezzi finanzjarji tal-Unjoni m'għandhom ikunu disponibbli għall-attivitajiet u operazzjonijiet li ma jitwettqux f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. (22) Sabiex twettaq il-missjoni tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija tista' tikkopera mal-Europol, mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Ażil, mal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali u Aġenziji u Entitajiet oħra tal-Unjoni Ewropea, mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti f'materji koperti mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea. (23) Il-Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet koperti mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 dejjem qed issir iktar importanti. Sabiex tistabbilixxi mudell ta' kooperazzjoni soda ma' pajjiżi terzi rilevanti, l-Aġenzija għandha jkollha l-possibbiltà li tniedi u tiffinanzja proġetti ta' assistenza teknika u li jintużaw uffiċjali ta' kollegament f'pajjiżi terzi. L-Aġenzija għandha jkollha l-possibbiltà li tistieden rappreżentanti ta' pajjiżi terzi biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha, wara li tkun ipprovdiet it-taħriġ meħtieġ. Huwa rilevanti li tkun stabbilita kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ukoll fir-rigward tal-promozzjoni tal-istandards Ewropew tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-bniedem. (24) Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet ta' impjieg miftuħa u trasparenti u t-trattament ugwali tal-persunal, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieġ ta' Uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej ("ir-Regolamenti tal-Persunal") għandhom japplikaw għall-persunal u għad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, inkluż ir-regoli tas-sigriet professjonali jew dmirijiet oħra ekwivalenti ta' kunfidenzjalità. (25) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[6] japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali min-naħa tal-Aġenzija. Il-kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta għandu għalhekk jissorvelja l-proċess tad-dejta personali mill-Aġenzija u jkollu s-setgħa li jikseb mill-Aġenzija aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-mistoqsijiet tiegħu. (26) Sakemm l-Istati Membri jipproċessaw id-dejta personali, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[7] tapplika bis-sħiħ. (27) Meta tiżgura l-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-IT, l-Aġenzija għandha ssegwi l-istandards Ewropej u internazzjonali b'konsiderazzjoni tal-ogħla rekwiżiti professjonali. (28) Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħtieġa li tinħoloq ġestjoni integrata ta' kooperazzjoni operazzjonali fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. (29) Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp tal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE[8] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim. Konsegwentement, id-delegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja għandhom jipparteċipaw bħala membri tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, għalkemm bi drittijiet ta' votazzjoni limitati. (30) Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[9], li jaqgħu fl-ambitu indikat fl-Artikolu 1, il-punti A, B u G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea. (31) Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmija fl-Artikolu 1, il-punti A, B u G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE tas-17 ta' Mejju 1999 li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[10]. (32) Skont il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri skont it-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta' "miżuri li jiddeterminaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri jew miżuri relatati ma' format uniformi għall-viżi". Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, u skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka għandha tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar proposta jew inizjattiva li tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tkunx se timplimenta din id-Deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħha’. (33) Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[11]. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. (34) Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[12]. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. (35) L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet operazzjonali li fihom l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-kompetenzi u l-faċilitajiet li l-Irlanda u r-Renju Unit jistgħu jkunu lesti li joffru, skont modalitajiet li jiġu deċiżi mill-Bord Amministrattiv skont il-każ partikolari. Għal dak il-għan, rappreżentanti mill-Irlanda u mir-Renju Unit għandhom jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat kollha tal-Bord Amministrattiv sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fid-deliberazzjonijiet għall-preparazzjoni ta' tali azzjonijiet operazzjonali. (36) Teżisti kontroversja bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit dwar id-demarkazzjoni tal-fruntieri ta' Ġibiltà. (37) Is-sospensjoni tal-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament għall-fruntieri ta' Ġibiltà ma timplika l-ebda bidla fil-posizzjonijiet rispettivi tal-Istati kkonċernati, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Emenda Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 għandu jiġi emendat kif ġej: (1) Fl-Artikolu 1 il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej: "2. Filwaqt li jitqies li r-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntiera esterna hi tal-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tiffaċilita u tirrendi aktar effettiv l-applikazzjoni tal-miżuri tal-Komunità eżistenti u futuri fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, b'mod partikolari tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen[13], u b'mod partikolari skont il-liġi tal-Unjoni rilevanti, il-liġi Internazzjonali, obbligi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, u d-drittijiet fundamentali. Għandha tagħmel dan billi tiżgura l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri, u b'hekk tikkontribwixxi għal livell effiċjenti, għoli u uniformi ta' kontroll fuq persuni u sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri." (2) L-Artikolu 1a għandu jiġi emendat kif ġej: (a) il-punt 2 għandu jinbidel b’dan li ġej: "2. "Stat Membru ospitanti" tfisser Stat Membru fejn fit-territorju tiegħu, jew viċin tiegħu, isir użu minn Tim ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri jew operazzjoni konġunta jew proġett pilota;" (b) il-punt 4 għandu jinbidel b’dan li ġej: "4. “membri tat-timijiet” tfisser għassiesa tal-fruntiera ta’ Stati Membri li jservu mat-Tim ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri jew it-Tim ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex li mhumiex dawk tal-Istat Membru ospitanti;" (c) il-punt 7 li ġej għandu jiżdied: "7. "tagħmir tekniku" tfisser kwalunkwe tip ta' tagħmir tekniku użat matul operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota, Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri, operazzjonijiet ta' ritorn jew proġetti ta' assistenza teknika." (3) L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej: (a) il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej: (i) il-punti (c) u (d) għandhom jinbidlu b'dan li ġej: "(c) twettiq ta' analiżi ta' riskju, inkluż l-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-Istati Membri li jaffaċjaw theddid u pressjoni fil-fruntieri esterni; (d) parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta’ riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza ta’ fruntieri esterni;" (ii) il-punt (f) għandu jinbidel b’dan li ġej: "(f) provvediment lill-Istati Membri bl-appoġġ meħtieġ, inkluż fuq talba, il-koordinazzjoni tal-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn;" (iii) il-punti (h) u (i) li ġejjin għandhom jiżdiedu: "(h) żvilupp u tħaddim ta' sistemi ta' informazzjoni li jippermettu skambji malajr u ta' min joqgħod fuqhom ta' informazzjoni dwar riskji emerġenti fil-fruntieri esterni, inkluż in-Netwerk ta' Informazzjoni u Koordinazzjoni mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE[14]; (i) provvediment tal-assistenza meħtieġa għall-iżvilupp u t-tħaddim ta' sistema Ewropea ta' sorveljenza tal-fruntieri u, kif xieraq, għall-iżvilupp ta' ambjent ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni komuni, inkluż l-interoperabbiltà tas-sistemi." (b) il-paragrafu 1a li ġej għandu jiżdied: "L-għassiesa tal-fruntiera kollha u l-personal ieħor tal-Istati Membri, kif ukoll il-persunal tal-Aġenzija għandhom, qabel il-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija, jirċievu taħriġ fil-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali rilevanti, inkluż id-drittijiet fundamentali u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali." (c) Fil-paragrafu 2, l-aħħar subparagrafu għandha tinbidel b’dan li ġej: "L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Aġenzija dwar dawn il-kwistjonijiet operazzjonali fil-fruntieri esterni lil hinn mill-qafas tal-Aġenzija. Id-Direttur eżekuttiv għandu jinforma l-Bord Amministrattiv dwar dawn il-kwistjonijiet fuq bażi regolari u tal-inqas darba fis-sena." (4) L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 3 Operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota fil-fruntieri esterni 1. L-Aġenzija għandha tevalwa, tapprova u tikkoordina proposti għall-operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota magħmula mill-Istati Membri, inkluż it-talbiet tal-Istati Membri marbuta maċ-ċirkustanzi li jeħtieġu iktar assistenza teknika u operazzjonali. L-Aġenzija tista' hi nnifisha tibda operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota f'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Tista' wkoll tiddeċiedi li tqiegħed it-tagħmir tekniku tagħha għad-disposizzjoni tal-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjonijiet konġunti jew fil-proġetti pilota. L-operazzjonijiet konġunti u l-proġetti pilota għandhom ikunu preċeduti minn analiżi tar-riskju bir-reqqa. L-Aġenzija tista' wkoll ittemm operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota jekk il-kundizzjonijiet biex jitwettqu dawn l-inizjattivi ma jibqgħux sodisfatti. 2. L-Aġenzija għandha tikkostitwixxi ġabra ta' għassiesa tal-fruntiera msejħa Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b, għall-użu possibbli matul l-operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota msemmija fil-paragrafu 1. Hi għandha tiddeċiedi fuq l-użu tar-riżorsi umani u t-tagħmir tekniku skont l-Artikoli 3a u 7. 3. Għall-organizzazzjoni prattika tal-operazzjonijiet konġunti u l-proġetti pilota, l-Aġenzija tista' topera permezz tal-fergħat speċjalizzati tagħha previsti fl-Artikolu 16. 4. L-Aġenzija għandha tevalwa r-riżultati tal-operazzjonijiet konġunti u l-proġetti pilota u tibgħat ir-rapporti dettaljati ta' evalwazzjoni fi żmien 60 jum wara t-tmiem tal-attività lill-Bord Amministrattiv. L-Aġenzija għandha tagħmel analiżi komparattiva u komprensiva ta' dawk ir-riżultati bl-iskop li ttejjeb il-kwalità, il-koerenza u l-effiċjenza ta' operazzjonijiet u proġetti futuri li jkunu ser jiġu inklużi fir-rapport annwali tagħha previst fl-Artikolu 20(2)(b). 5. L-Aġenzija tista' tiddeċiedi li tagħti finanzjament jew kofinanzjament lill-operazzjonijiet u l-proġetti pilota msemmija fil-paragrafu 1, b'għoti ta' flus mill-baġit tagħha skont ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija." (5) L-Artikoli 3a, 3b u 3c li ġejjin għandhom jiddaħħlu: "Artikolu 3a Aspetti organizzattivi tal-operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota 1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal pjan operazzjonali għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1). Id-Direttur Eżekuttiv u l-Istat Membru ospitanti għandhom jaqblu dwar il-pjan operazzjonali li jagħti dettalji dwar l-aspetti organizzattivi fi żmien xieraq qabel il-bidu previst tal-attività. Il-pjan operazzjonali għandu jinkludi dan li ġej: (a) deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, bil-modus operandi u l-għanijiet tal-użu, inkluż l-għan operazzjonali; (b) id-dewmien previst tal-operazzjoni konġunta jew il-proġetti pilota; (c) Iż-żona ġeografika fejn se ssir l-operazzjoni konġunta jew il-proġett pilota; (d) deskrizzjoni tal-kompiti u tal-istruzzjonijiet speċjali għall-uffiċjali mistiedna, inkluż dawk dwar il-konsultazzjoni permissibbli ta' bażijiet ta' dejta u armi, munizzjoni u tagħmir permissibbli tas-servizz fl-Istat Membru ospitanti; (e) il-kompożizzjoni tat-timijiet tal-uffiċjali mistiedna; (f) dispożizzjonijiet tal-kmand u l-kontroll, inkluż l-ismijiet u l-gradi tal-għassiesa tal-fruntiera tal-Istat Membru ospitanti responsabbli għall-kooperazzjoni mal-uffiċjali u l-Aġenzija, partikolarment dawk fost l-għassiesa tal-fruntiera li ser ikollhom il-kmand waqt il-perjodu ta’ użu, u l-post tal-uffiċjali mistiedna fil-katina tal-kmand; (g) It-tagħmir tekniku li jrid jintuża matul l-operazzjoni konġunta jew il-proġett pilota, inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju l-kondizzjonijiet għall-użu, il-persunal rikjest, it-trasport u l-loġistika oħra, u d-dispożizzjonijiet finanzjarji; (h) skema ta' rappurtar u evalwazzjoni li għandha dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar tal-inċidenti, punti ta' riferiment għar-rapport ta' evalwazzjoni u data finali ta' preżentazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni finali skont l-Artikolu 3(4). (i) dwar operazzjonijiet tal-baħar, rekwiżiti speċifiċi dwar il-ġuriżdizzjoni applikabbli u d-dispożizzjonijiet tal-liġi marittima fir-rigward taż-żona ġeografika fejn issir l-operazzjoni konġunta. 2. Għandu jkun hemm ftehim dwar kull emenda jew adattament għall-pjan operazzjonali kemm mid-Direttur Eżekuttiv kif ukoll tal-Istat Membru ospitanti. Għandha tintbagħat minnufih kopja tal-pjan operazzjonali emendat jew adattat mill-Aġenzija lill-Istati Membri parteċipanti. 3. L-Aġenzija għandha, bħala parti mill-kompiti ta' koordinazzjoni, tiżgura l-implimentazzjoni operazzjonali tal-aspetti organizzattivi kollha, inkluż il-preżenza ta' membru tal-persunal tal-Aġenzija, tal-operazzjonijiet konġunti u l-proġetti pilota msemmija f'dan l-Artikolu. Artikolu 3b Kompożizzjoni u użu tat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex 1. Fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedu b'maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu bi dritt għall-vot dwar il-profili u n-numru globali tal-għassiesa tal-fruntiera li għandhom ikunu disponibbli għat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex. L-istess proċedura għandha tapplika fir-rigward ta' kull bidla sussegwenti fil-profili u n-numri globali. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu lit-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex permezz ta' ġabra nazzjonali bbażata fuq il-profili differenti definiti billi jaħtru għassiesa tal-fruntiera li jikkorrispondu mal-profili meħtieġa. 2. L-Aġenzija għandha wkoll tikkontrobwixxi lit-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex b'għassiesa tal-fruntiera kompetenti ssekondati mill-Istati Membri bħala esperti nazzjonali skont l-Artikolu 17(5). Għal dak il-għan l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu billi jissekondaw l-għassiesa tal-fruntiera lill-Aġenzija bħala esperti nazzjonali. Id-dewmien massimu ta' ssekondar bħal dan m'għandux ikun iktar minn sitt xhur f'perjodu ta' tnax-il xahar. Huma għandhom, għall-għan ta' dan ir-Regolament, ikunu kkunsidrati bħala uffiċjali mistiedna u jkollhom il-kompiti u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 10. L-Istat Membru li jkun ssekonda l-għassiesa tal-fruntiera kkonċernati għandu jkun ikkunsidrat bħala "Stat Membru tad-Domiċilju" kif imfisser fl-Artikolu 1a(3) għall-għan tal-applikazzjoni tal-Artikoli 3c, 10, u 10b. Persunal ieħor impjegat mill-Aġenzija fuq bażi temporanja li mhumiex ikkwalifikati biex iwettqu funzjonijiet ta' kontrolli fil-fruntiera għandhom ikunu użati biss matul operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota għall-kompiti ta' koordinazzjoni. 3. L-Istati Membri għandhom jigħmlu disponibbli l-għassiesa tal-fruntiera għall-użu fuq talba tal-Aġenzija, sakemm l-Istat Membru ma jkunx qed jiffaċċja sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq ta' kompiti nazzjonali. Talba bħal din għandha ssir ta' mill-inqas tletin jum qabel l-użu previst. L-awtonomija tal-Istat Membru tad-domiċilju f’relazzjoni mal-għażla tal-persunal u d-dewmien tal-użu tagħhom tagħhom m’għandhiex tkun affettwata. 4. Il-membri tat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità umana. Kwalunkwe miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri għandha tkun proporzjonata għall-objettivi ta’ tali miżuri. Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-timijiet m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq bażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali. 5. Skont l-Artikolu 8g l-Aġenzija se tinnomina uffiċjal ta' koordinament għal kull operazzjoni konġunta jew proġett pilota fejn il-membri tat-Tim ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex se jkunu użati. 6. L-Aġenzija għandha tkopri l-ispejjeż imħallsa mill-Istati Membri għad-disponibbiltà tal-għassiesa tagħhom tal-fruntiera skont il-paragrafu 1 għat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex skont l-Artikolu 8h. Artikolu 3c Istruzzjonijiet għat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex 1. Waqt l-użu tat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex, l-istruzzjonijiet lit-timijiet għandhom joħorġu mill-Istat Membru ospitanti skont il-pjan operazzjonali msemmi fl-Artikolu 3a (1). 2. L-Aġenzija, permezz tal-uffiċjal ta' koordinament, kif imsemmi fl-Artikolu 3b (5), tista' tikkomunika l-fehmiet tagħha dwar dawk l-istruzzjonijiet lill-Istat Membru ospitanti. Jekk tagħmel hekk, l-Istat Membru ospitanti għandu jikkunsidra dawk il-fehmiet. 3. Skont l-Artikolu 8g l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti l-assistenza kollha meħtieġa lill-uffiċjal ta' koordinament, inkluż aċċess sħiħ għat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex fil-ħinijiet kollha matul l-użu. 4. Il-membri tat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex għandhom, waqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, jibqgħu soġġetti għall-miżuri dixxiplinarji tal-Istat Membri tad-domiċilju tagħhom." (6) L-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 4 L-analiżi tar-riskju L-Aġenzija għandha tiżviluppa u tapplika mudell ta' analiżi ta' riskju komuni u integrat. Għandha tipprepara analiżi tar-riskju kemm ġenerali kif ukoll magħmula apposta li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Għal dawn l-għanijiet l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-Aġenzija bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-sitwazzjoni u t-theddid possibbli fil-fruntieri esterni. L-Aġenzija għandha tivvaluta b'mod regolari l-kapaċità tal-Istati Membri li jaffaċċjaw l-isfidi li ġejjin, inkluż theddid u pressjonijiet preżenti u futuri fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-Aġenzija għandha tevalwa l-istrutturi nazzjonali, it-tagħmir u r-riżorsi tal-Istati Membri dwar il-kontroll tal-fruntieri. . Ir-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu ppreżentati ta' mill-inqas darba f'sena lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tinkorpora r-riżultati ta' mudell ta' analiżi ta' riskju komuni u integrat fl-iżvilupp tal-kurrikulu bażiku komuni tagħha għat-taħriġ tal-għassiesa tal-fruntiera msemmi fl-Artikolu 5." (7) Fl-Artikolu 5 l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tkompli tiżviluppa kurrikulu bażiku komuni għat-taħriġ ta' għassiesa tal-fruntiera u tipprovdi taħriġ f'livell Ewropew għall-istrutturi tal-għassiesa tal-fruntiera tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jintegraw il-kurrikulu bażiku komuni fit-taħriġ tal-għassiesa tal-fruntiera nazzjonali tagħhom." (8) L-Artikoli 6 u 7 għandhom jinbidlu b'dan li ġej: "Artikolu 6 Sorveljanza u kontribuzzjoni għar-riċerka L-Aġenzija għandha tissorvelja u tikkontribwixxi għall-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u tgħaddi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri; Artikolu 7 Tagħmir tekniku 1. L-Aġenzija tista' tixtri jew tikri tagħmir tekniku għall-kontrol tal-fruntieri esterni biex jintuża matul l-operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota, Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntiera, operazzjonijiet ta' ritorn jew proġetti ta' assistenza teknika skont ir-regoli finanzjarji applikabbli lill-Aġenzija. Kull xiri ta' tagħmir li jġib miegħu spejjeż sinifikanti lill-Aġenzija għandu jkun preċedut minn analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet u tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċju. Fil-każ li l-Aġenzija tixtri jew tikri tagħmir tekniku importanti bħal pereżempju bastimenti jew vetturi għall-għassa kostali jew fil-baħar miftuħ, biex jintużaw f'operazzjonijiet konġunti, għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin: - fil-każ ta' xiri, l-Aġenzija taqbel formalment ma' Stat Membri wieħed li dan tal-aħħar se jipprovdi għar-reġistrazzjoni tat-tagħmir; - fil-każ ta' kera, it-tagħmir irid ikun irreġistrat fi Stat Membru. L-Istat Membru tar-reġistrazzjoni jew il-fornitur tat-tagħmir tekniku għandu jipprovdi l-esperti meħtieġa u l-persunal tekniku biex iħaddmu t-tagħmir tekniku b'mod legali u sikur. 2. L-Aġenzija għandha twaqqaf u żżomm ċentralizzati r-rekords ta' tagħmir f'ġabra ta' tagħmir tekniku magħmula minn tagħmir li hu proprjetà tal-Istati Membri jew tal-Aġenzija għall-skopijiet ta' kontroll tal-fruntieri esterni. Il-ġabra ta' tagħmir tekniku għandu jkollha numru minimu għal kull tip ta' tagħmir tekniku mfisser skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. It-tagħmir elenkat fil-ġabra ta' tagħmir tekniku għandu jintuża matul l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3, 8a u 9. 3. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-ġabra ta' tagħmir tekniku msemmi fil-paragrafu 2. Sal-punt li jifforma parti min-numru minimu ta' tagħmir għal sena partikolari, l-Istati Membri għandhom jagħmlu t-tagħmir tekniku tagħhom disponibbli fi żmien 30 jum għall-użu fuq talba tal-Aġenzija, ħlief jekk qed jaffaċjaw sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali. Il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ġabra ta' tagħmir tekniku għandhom ikunu riveduti kull sena. 4. L-Aġenzija għandha tamministra r-rekords tal-ġabra ta' tagħmir tekniku kif ġej: 1. klassifikazzjoni skont it-tip ta' tagħmir u skont it-tip ta' operazzjoni; 2. klassifikazzjoni mill-proprjetarju (Stat Membru, Aġenzija, oħrajn); 3. numri globali tat-tagħmir meħtieġ; 4. rekwiżiti tal-persunal jekk applikabbli; 5. informazzjoni oħra bħad-dettalji tar-reġistrazzjoni, rekwiżiti tat-trasportazzjoni u l-manutenzjoni, skemi nazzjonali applikabbli ta' esportazzjoni, istruzzjonijiet tekniċi, jew informazzjoni oħra rilevanti għall-użu korrett tat-tagħmir. 5. L-Aġenzija għandha tiffinanzja l-użu tat-tagħmir li jifforma parti min-numru minimu tat-tagħmir ipprovdut minn Stat Membru partikolari għal sena partikolari. L-użu tat-tagħmir li ma jiffurmax parti min-numru minimu tat-tagħmir għandu jkun iffinanzjat b'mod parzjali mill-Aġenzija sa mhux iktar minn 60% tal-ispejjeż eliġibbli. Ir-regoli li jinkludu n-numri minimi globali meħtieġa skont it-tip ta' tagħmir, il-kundizzjonijiet għall-użu u r-rimborż tal-ispejjeż għandhom ikunu deċiżi kull sena skont l-Artikolu 24 mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv. Għall-raġunijiet baġitarji din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Bord Amministrattiv sal-31 ta' Marzu. In-numru minimu ta' tagħmir għandu jkun propost mill-Aġenzija skont il-ħtiġijiet tagħha, notevolment li tkun kapaċi twettaq operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota u operazzjonijiet ta' ritorn, skont il-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għas-sena kkonċernata. 6. L-Aġenzija għandha tirraporta kull xahar dwar il-kompożizzjoni u l-użu tat-tagħmir, li hu parti mill-ġabra ta' tagħmir tekniku, lill-Bord Amministrattiv Fil-każ li ma jintlaħaqx in-numru minimu ta' tagħmir imsemmi fil-paragrafu 5, id-Direttur Eżekuttiv għandu javża l-Bord Amministrattiv mingħajr dewmien. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu deċiżjoni malajr dwar il-prijoritizzazzjoni tal-użu tat-tagħmir tekniku u jieħu l-passi xierqa biex isolvi n-nuqqasijiet identifikati. Hu għandu jinforma l-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet identifikati u l-passi meħuda. Sussegwentement, il-Kummissjoni tista' tinforma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, flimkien mal-valutazzjoni tagħha stess." (9) L-Artikolu 8 għandu jitħassar. (10) Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej: (a) il-punt (f) u (g) għandhom jinbidlu b’dan li ġej: "(f) dispożizzjonijiet ta' kmand u kontroll, inkluż l-ismijiet u l-gradi tal-għassiesa tal-fruntiera tal-Istat Membru ospitanti responsabbli għall-kooperazzjoni mat-timijiet ta' Intervent Rapidu fil-fruntiera, partikolarment dawk fost l-għassiesa tal-fruntiera li għandhom il-kmand tat-timijiet waqt il-perjodu ta' użu, u l-post tat-timijiet fil-katina tal-kmand; (g) It-tagħmir tekniku li jrid jintuża flimkien mat-timijiet, inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju kundizzjonijiet għall-użu, persunal rikjest, trasport u loġistika oħra, u dispożizzjonijiet finanzjarji" (b) il-punti (h) u (i) li ġejjin għandhom jiżdiedu: "(h) skema ta' rappurtar u evalwazzjoni li għandha dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar tal-inċidenti, punti ta' riferiment għar-rapport ta' evalwazzjoni u data finali ta' preżentazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni finali skont l-Artikolu 3(4). (i) dwar operazzjonijiet tal-baħar, rekwiżiti speċifiċi dwar il-ġuriżdizzjoni applikabbli u d-dispożizzjonijiet tal-liġi marittima fir-rigward taż-żona ġeografika fejn issir l-operazzjoni konġunta." (11) Fl-Artikolu 8h, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej: "1. L-Aġenzija għandha tkopri bis-sħiħ dawn l-ispejjeż li ġejjin li huma mħallsa mill-Istati Membri meta għamlu l-għassiesa tal-fruntiera tagħhom disponibbli għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), l-Artikolu 8a u l-Artikolu 8c:" (12) L-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 9 Kooperazzjoni fir-ritorn 1. Soġġetta għall-politika ta' ritorn tal-Unjoni, u b'mod partikolari d-Direttiva 2008/115/KE[15], l-Aġenzija għandha tipprovdi l-assistenza meħtieġa, u fuq talba tal-Istati Membri parteċipanti, tiżgura l-koordinazzjoni għall-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn tal-Istati Membri. L-Aġenzija tista' tiddeċiedi li tiffinanzja jew tiffinanzja b'mod parzjali l-operazzjonijiet u l-proġetti msemmija fil-paragrafu 1, b'għoti ta' flus mill-baġit tagħha skont ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija. L-Aġenzija tista' tuża l-mezzi finanzjarji tal-Unjoni disponibbli fil-qasam tar-ritorn. L-Aġenzija għandha tiżgura li fil-ftehimiet tagħha ta' għotja mal-Istati Membri, kull appoġġ finanzjarju hu kkondizzjonat mir-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. 2. L-Aġenzija għandha tiżviluppa Kodiċi ta' Kondotta għar-ritorn bl-ajru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi preżenti b'mod illegali li għandu japplika matul l-operazzjonijiet kollha konġunti ta' ritorn ikkoordinati mill-Aġenzija, li jiddiskrivi l-proċeduri standardizzati komuni li għandhom jissimplifikaw l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti ta' ritorn u jiżguraw ritorn b'mod uman u b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari għall-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig krudili jew degradanti, dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni. 3. Il-Kodiċi ta' Kondotta se jagħti attenzjoni partikolari lill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2008/115/KE biex jipprovdi għal sistema effettiva ta' sorveljanza ta' ritorn sfurzat. Is-sorveljanza ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn għandha titwettaq b'mod indipendenti u għandha tkopri l-operazzjoni kollha konġunta ta' ritorn mill-fażi qabel it-tluq sat-trasferiment ta' dawk li jirritornaw lura fil-pajjiż ta' ritorn. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tal-kontrollur, li għandhom ikopru l-konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta u b'mod partikolari d-drittijiet fundamentali, għandhom isiru disponibbli lill-Kummissjoni u jiffurmaw parti mir-Rapport Finali tal-Operazzjoni ta' Ritorn intern. Sabiex tkun żgurata trasparenza u evalwazzjoni koerenti tal-operazzjonijiet ta' ritorn sfurzat, ir-rapporti tal-kontrollur għandhom ikunu inkluż f'mekkaniżmu ta' rappurtar annwali. 4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw darba f'sena l-Aġenzija dwar is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tar-ritorn u jindikaw sa liem punt hija meħtieġa assistenza jew koordinazzjoni tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tfassal pjan operazzjonali sabiex tipprovdi l-Istati Membri li jagħmlu talba, bl-appoġġ operazzjonali meħtieġ, inkluż it-tagħmir tekniku msemmi fl-Artikolu 7(1). Il-Bord Amministrattiv għandi jiddeċiedi skont l-Artikolu 24 dwar proposta tad-Direttur Eżekuttiv, dwar il-kontenut u l-modus operandi tal-pjan operazzjonali li jkun għaddej. 5. L-Aġenzija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi rilevanti msemmija fl-Artikolu 14, u tiddentifika l-aħjar prattiki dwar l-akkwist ta' dokumenti ta' vvjaġġar u r-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi preżenti b'mod illegali." (13) Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’li ġej: "2. Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, l-uffiċjali mistiedna għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, skont id-drittijiet fundamentali, u mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti. (14) L-Artikolu 11 għandu jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 11 Sistemi ta' skambju ta' informazzjoni L-Aġenzija tista' tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti għad-dmirijiet tagħha, mal-Kummissjoni u l-Istati Membri. Hi għandha tiżviluppa u topera sistema ta' informazzjoni kapaċi li tagħmel skambju tal-informazzjoni kklassifikata mal-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-iskambju ta' informazzjoni li għandu jkun kopert minn din is-sistema m'għandux jinkludi l-iskambju tad-dejta personali." (15) L-Artikoli 11a u 11b li ġejjin, għandhom jiddaħħlu: "Artikolu 11a Protezzjoni tad-dejta Il-Bord Amministrattiv għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mill-Aġenzija, inkluż dawk dwar l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta tal-Aġenzija. Artikolu 11b Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata u informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata 1. L-Aġenzija għandha tapplika r-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom[16]. Dan għandu jkopri, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna tal-informazzjoni kklassifikata. 2. L-Aġenzija għandha tapplika wkoll il-prinċipji ta' sigurtà relatati mal-ipproċessar ta' informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata kif adottati u implimentati mill-Kummissjoni Ewropea." (16) L-Artikoli 13 u 14 għandhom jinbidlu b'dan li ġej: "Artikolu 13 Kooperazzjoni mal-aġenziji u l-entitajiet tal-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali L-Aġenzija tista' tikkopera mal-Europol, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Ażil, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, aġenziji u entitajiet oħra tal-Unjoni Ewropea, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' dawk l-entitajiet, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza ta' dawk l-entitajiet. Artikolu 14 Il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali ma' pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi 1. Fi kwistjonijiet koperti mill-attivitajiet tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. 2. L-Aġenzija tista' tuża uffiċjali ta' kollegament, li għandhom igawdu mill-aħjar protezzjoni possibbli biex iwettqu dmirijiethom, f'pajjiżi terzi. Huma għandhom jiffurmaw parti min-netwerks ta' kooperazzjoni lokali jew reġjonali tal-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 377/2004[17]. L-uffiċjali ta' kollegament għandhom jintużaw biss f'pajjiżi terzi fejn il-prattiki tal-ġestjoni tal-fruntiera jirrispettaw l-istandards minimi tad-drittijiet tal-bniedem. Il-prijorità għall-użu għandha tingħata lill-pajjiżi terzi, li fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju, jikkostitwixxu pajjiż ta' oriġini jew tranżitu fir-rigward tal-migrazzjoni illegali. Fuq bażi reċiproka, l-Aġenzija tista' tirċievi uffiċjali ta' kollegament issekondati minn dawk il-pajjiżi terzi ukoll, għall-perjodu ta' żmien limitat. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta, fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, lista ta' prijoritajiet fuq bażi annwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24. 3. Il-kompiti tal-uffiċjali ta' kollegament għandhom jinkludu, skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea u skont id-drittijiet fundamentali, l-istabbiliment u ż-żamma tal-kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi fejn huma jkunu assenjati bl-għan li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u r-ritorn tal-migranti illegali. 4. L-Aġenzija tista' tibbenefika mill-fondi tal-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġjaw il-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni. Hi tista' tniedi u tiffinanzja proġetti ta' assistenza teknika f'pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament. L-Aġenzija tista' wkoll tistieden rappreżentanti ta' pajjiżi terzi, aġenziji u entitajiet oħra tal-Unjoni Ewropea jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5. Dawn ir-rappreżentanti għandhom jirċievu t-taħriġ meħtieġ mill-Aġenzija qabel il-parteċipazzjoni tagħhom. 5. Meta jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi kif imsemmi fl-Artikolu 2 (2), l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-rwol u l-kompetenzi tal-Aġenzija, b'mod partikolari dwar l-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi minn membri tat-timijiet użati mill-Aġenzija matul l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3. 6. L-Aġenzija tista' tikkopera mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' dawn l-awtoritajiet, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. 7. L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u 6 għandhom ikunu soġġetti li jirċievu minn qabel opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni." (17) L-Artikolu 15a li ġej għandu jiddaħħal: "Artikolu 15a Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandhom jiġu pprovduti għall-Aġenzija fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli għad-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord Amministrattiv, il-persunal tal-Aġenzija u l-membri tal-familji tagħhom, f'dak l-Istat għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru fejn l-Aġenzija għandha s-sede tagħha. Il-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali għandu jkun konkluż wara l-kisba ta' approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv. L-Istat Membru fejn l-Aġenzija għandha s-sede tagħha għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex ikun żgurat it-tħaddim bla xkiel tal-Aġenzija inkluż edukazzjoni multilingwali b'dimensjoni Ewropea u konnessjonijiet ta' trasport xierqa." (18) Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’li ġej: "3. Għall-għan tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3b(5) membru tal-persunal biss tal-Aġenzija soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u għat-Titolu II tal-Kundizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropew impjegati mill-Aġenzija jista' jkun maħtur bħala uffiċjal ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 8g. Għall-għan ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 3b(2) l-esperti nazzjonali biss issekondati minn Stat Membru lill-Aġenzija jista' jkun maħtur li jkun affiljat mat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex. L-Aġenzija għandha taħtar dawk l-esperti nazzjonali li għandhom ikunu affiljati mat-Timijiet ta' Appoġġ Konġunt tal-Frontex skont dak l-Artikolu." (19) Fl-Artikolu 17, il-paragrafi 4 u 5 li ġejjin għandhom jiżdiedu: "4. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa bi ftehim mal-Kummissjoni skont l-arranġamenti pprovduti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni. 5. Il-Bord Amministrattiv jista' jadotta dispożizzjonijiet biex l-esperti nazzjonali minn Stati Membri jingħataw il-permess li jkunu ssekondati mal-Aġenzija. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3b(2), partikolarment il-fatt li huma huma kkunsidrati bħala uffiċjali mistiedna u għandhom il-kompiti u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 10." (20) L-Artikolu 20 għandu jiġi emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 2 għandu jiġi emendat kif ġej: (i) il-punt (h) għandu jinbidel b’dan li ġej: "(h) stabbiliment tal-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija u adozzjoni tal-politika tal-persunal tal-Aġenzija, partikolarment il-pjan tal-politika tal-persunal multiannwali u l-preżentazzjoni ta' dan tal-aħħar skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali[18], lill-Kummissjoni u l-awtorità baġitarja wara opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni;" (ii) Il-punt (i) li ġej għandu jiżdied: "(i) adozzjoni tal-Pjan Multiannwali tal-Aġenzija maħsub biex jiddiskrivi l-istrateġija fit-tul tal-ġejjieni dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija. " (b) Il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej: "4. Il-Bord Amministrattiv jista' jagħti parir lid-Direttur Eżekuttiv dwar kwalunkwe kwistjoni strettament relatata mal-iżvilupp tal-ġestjoni operazzjonali tal-fruntieri esterni, inkluż l-attivitajiet relatati mar-riċerka kif definit fl-Artikolu 6." (21) L-Artikolu 21 għandu jiġi emendat kif ġej: (a) Fil-paragrafu 1, l-aħħar sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej: "Dan il-mandat jista' jiġġedded." (b) Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej: "3. Il-pajjiżi li huma assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Aġenzija. Kull wieħed għandu jkollu rappreżentant wieħed u supplent fil-Bord Amministrattiv. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tagħhom, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw in-natura u l-ambitu tal-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma tal-Aġenzija u r-regoli dettaljati dwarha, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. (22) Fl-Artikolu 25 (3), il-punt (g) li ġej għandu jiżdied: "(g) l-implimentazzjoni tal-pjan operazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 3a u 8g. " (23) Fl-Artikolu 33, il-paragrafi 2a u 2b li ġejjin għandhom jiżdiedu: "2a. L-evalwazzjoni għandha tanalizza l-ħtiġijiet għall-Aġenzija li timpjega għassiesa tal-fruntiera indipendenti li jaġixxu taħt l-istruzzjonijiet tal-Aġenzija, inkluż deskrizzjoni dettaljata tal-qafas legali li jeħtieġ li jiġi stabbilit għal dak l-għan. 2b. L-evalwazzjoni għandha tinkludi analiżi speċifika dwar kif il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kienet rispettata skont l-applikazzjoni tar-Regolament." Artikolu 2Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36. [2] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [3] ĠUL […], […], p. […]. [4] ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1. [5] ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30. [6] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1. [7] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. [8] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [9] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52. [10] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3. [11] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43. [12] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20. [13] ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1. [14] ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48. [15] ĠU L 348, 24.12. 2008, p. [16] ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. [17] ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1. [18] Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002, (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008, (ĠU L 181, 10.1.2008, p.23).