52010DC0060

Rapport annwali mill-kummissjoni lill-parlament ewropew ulill-kunsill dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2008 biex jiksbu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd [SEG(2010)146] [SEG(2010)147] /* KUMM/2010/0060 finali */


[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 25.2.2010

KUMM(2010)60 finali

RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2008 biex jiksbu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd

[SEG(2010)146] [SEG(2010)147]

WERREJ

RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2008 biex jiksbu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd

1. Daħla 3

2. Sinteżi tar-rapporti annwali tal-istati membri 3

3. Konformità mar-regoli għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd. ir-riżultati ġenerali 8

3.1. Ir-riżultati għall-flotta kontinentali minbarra l-bastimenti rreġistrati fl-aktar reġjuni mbiegħda 8

3.2. Ir-riżultati għall-flotot irreġistrati fl-aktar reġjuni mbiegħda 9

4. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni 9

DAħLA

Sa qabel l-1 ta' Mejju ta' kull sena, l-Istati Membri huma meħtieġa[1] jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-isforzi tagħhom matul is-sena ta' qabel biex jiksbu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet għas-sajd. Ir-rapporti tal-Istati Membri jinsabu fuq il-websajt Europa[2]. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti u d-dejta fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-UE, il-Kummissjoni lestiet sinteżi għall-2008 u ppreżentata lill-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd (STECF) u lill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan ir-rapport mill-Kummissjoni issa jippreżenta dik is-sinteżi tar-rapporti tal-Istati Membri, flimkien ma’ anness tekniku (SEC(2010)146) u l-opinjonijiet tal-kumitati msemmija hawn fuq (SEC(2010)147) lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. L-anness tekniku jipprovdi kummenti dettaljati dwar il-ġestjoni tal-kapaċità[3], flimkien ma’ tabelli u grafiki li juru x-xejriet ġenerali fil-flotta tas-sajd tal-UE u l-konformità tal-Istati Membri mal-iskema tad-dħul/ħruġ. Barra minn hekk, l-informazzjoni li ġejja hija disponibbli bl-Ingliż fuq il-websajt Europa:

- regoli dettaljati rigward il-konformità mill-Istati Membri individwali;

- riżultati f'kull wieħed mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni;

- rapporti tal-Istati Membri.

SINTEżI TAR-RAPPORTI ANNWALI TAL-ISTATI MEMBRI

Din is-sena, disa' Stati Membri biss ippreżentaw ir-rapporti tagħhom fil-ħin, filwaqt li r-rapporti l-oħra waslu bejn ġimgħa u tnax-il ġimgħa tard. Minkejja dan id-dewmien, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ sinteżi lill-kumitati msemmija hawn fuq sal-31 ta’ Lulju 2009. Għandu jingħad ukoll li, minkejja li bosta Stati Membri segwew il-mudell stabbilit għar-rapport fl-Artikolu 13 tar-Regoalment 1438/2003, il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mhux dejjem kienet tajba biżżejjed għall-finijiet ta' dan ir-rapport.

Dan ir-rapport jiġbor id-deskrizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-flotot tas-sajd tagħhom, l-impatti tal-iskemi eżistenti għat-tnaqqis tal-isforz tas-sajd u l-konformità tal-Istati Membri mal-iskema tad-dħul/ħruġ.

Bil-għan li l-Istati Membri jingħataw għajnuna biex iwettqu analiżi armonizzata u soda tal-bilanċ bejn il-flotot tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli, il-Kummissjoni - b'kooperazzjoni mal-STECF - ipproduċiet linji gwida għal analiżi mtejba tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Għar-rapport tal-2007, ftit Stati Membri biss użaw dawn il-linji gwida. Għar-rapport annwali tal-2008, l-applikazzjoni tal-linji gwida tjiebet, peress li tnax-il (12) pajjiż kienu f'pożizzjoni li jippreżentaw kalkoli u interpretazzjoni tal-indikaturi rakkomandati kollha jew ta' xi wħud minnhom. F'għadd ta' każijiet il-kalkoli pprovduti indikaw livell konsiderevoli ta' kapaċità żejda. Spjegazzjoni aktar fid-dettall tal-użu tal-linji gwida u sinteżi tal-indikaturi pprovduti jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

Il-Belġju: Fir-rapport Belġjan il-linji gwida ġew applikati fit-taqsima tal-flotta tal-bastimenti tat-tkarkir bit-travu, li hija l-aktar taqsima importanti fil-flotta Belġjana. Hija indikata utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità kif ukoll ritorn negattiv fuq l-investiment għat-taqsima 12-24m, ħaġa li tindika ċertu livell ta’ kapaċità żejda; it-taqsima 24-40m, min-naħa l-oħra, turi utilizzazzjoni akbar ta' kapaċità u ritorn pożittiv fuq l-investiment. Matul l-2008 kien hemm tnaqqis żgħir fit-tunnellaġġ mingħajr għajnuna pubblika. Skont il-programm Operattiv FES għall-2007-2013, matul 2009-2010 il-Belġju jixtieq ifassal skema ta' adattament tal-flotta għat-taqsima tal-flotta b'bastimenti qawwija (b'akbar minn 221 kW) li tistad bit-travi tat-tkarkir. It-taqsima tal-flotta tat-tkarkir bit-travu ta' bejn 24-40m kellha utilizzazzjoni għolja tal-kwota għall-barbun tat-tbajja' u l-lingwata fiż-żoni kollha minbarra fiż-żona VIIa. Skont ir-rapport, l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità f'din iż-żona kienet minħabba fatturi oħra (kwota nazzjonali akbar minħabba l-iskambji, spejjeż ogħla tal-fjuwil u l-iskreppjar ta' bastimenti fl-2006).

Il-Bulgarija: 96% tal-flotta Bulgara tikkonsisti minn bastimenti żgħar. Minn total ta' 2 547 bastiment, kien irrapportat li 1 820 bastiment ma kinux attivi fl-2008. Żewġ bastimenti daħlu fil-flotta skont deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet qabel l-adeżjoni. Fir-rapport Bulgaru l-linji gwida ġew applikati. L-indikatur tekniku juri utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità għat-taqsimiet kollha tal-flotta. Il-bastimenti taħt is-sitt (6) metri ġew ivvalutati l-agħar, u l-Bulgarija bi ħsiebha tieħu passi biex ittejjeb l-istat ta' din it-taqsima. L-ebda skema ta' aġġustament tal-isforz tas-sajd mhi applikata għall-flotta Bulgara. Il-Bulgarija tapplika sistema ta' kwoti għaż-żewġ speċijiet ewlenin biss: il-barbun imperjali u l-laċċa kaħla.

Id-Danimarka: Il-linji gwida ġew applikati fir-rapport Daniż għal ħdax-il (11) taqsima tal-flotta kkategorizzati skont ir-Regolament dwar il-Ġbir tad-Dejta[4]. L-indikaturi kkalkulati juru bilanċ bejn l-istokkijiet tal-ħut u d-daqs tal-flotta attiva. Il-kapaċità żejda hija attribwita lill-bastimenti li huma inqas minn tnax-il (12) metru. Ħafna mit-taqsimiet qegħdin jagħtu prestazzjoni tajba f'termini ekonomiċi. Matul il-perjodu 2003-2008, il-kapaċità tal-flotta tas-sajd Daniża tnaqqset bi 23% f'TG, 22% f’kW u 22% f'termini ta' għadd ta' bastimenti. It-tnaqqis ewlieni seħħ fit-taqsima tal-bastimenti kbar bejn 12 u 24 metru. Matul l-2008, 901 bastiment b'tunnellaġġ totali ta' 11 594 TG u 44 238 kW kienu rrapportati li ma kinux attivi. Il-flotta Daniża hija soġġetta għall-miżuri tal-Anness II, bħala parti mill-pjan tal-irkupru tal-merluzz u, b'konsegwenza, l-għadd totali ta' ġranet tas-sajd tnaqqas b'48% u l-għadd ta' bastimenti tnaqqas b'41% meta mqabbla mal-livelli tal-2003.

Il-Ġermanja: Fir-rapport Ġermaniż il-linji gwida ma ġewx applikati. Minflok, intuża approċċ bijoloġiku kwalitattiv biex jiġi eżaminat il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skont it-taqsimiet tal-flotta. Ir-rapport ivvaluta jekk ix-xejriet tal-kapaċità f’kull taqsima tal-flotta kinux konformi max-xejriet fl-abbundanza u l-livell tas-sajd tal-istokkijiet ewlenin ikkonċernati. Tletin bastiment ġew irtirati mit-taqsima tas-sajd kostali fuq skala żgħira, disa' bastimenti mit-taqsima tal-bastimenti tat-tkarkir bit-travu (lista I+II) u disgħa mit-taqsima tas-sajd għall-mussels u speċijiet bla kwota. Madankollu, minħabba d-dħul ta' bastimenti tas-sajd b'irkaptu passiv iżgħar minn tnax-il (12) metru u d-dħul fit-taqsimiet tat-tkarkir u tat-tkarkir bit-travu, il-kapaċità ġenerali uriet żieda marġinali (+0.1% TG, +0.26% kW). Skont ir-rapport, l-iskemi għat-tnaqqis tal-isforz tas-sajd kellhom impatt limitat fuq it-tnaqqis tal-flotta, liema impatt ma kienx ikkwantifikat.

L-Estonja: Il-linji gwida ġew applikati f'parti mir-rapport Estonjan. L-indikatur tekniku juri kapaċità żejda distinta fi ħdan it-taqsima tal-bastimenti tat-tkarkir akbar minn tnax-il (12) metru. Fil-perjodu tar-rapportar, daħlu seba' bastimenti filwaqt li sebgħa oħra ħarġu mill-flotta u l-ebda wieħed minnhom ma rċieva għajnuna pubblika. Fl-2008, ma ġew introdotti l-ebda pjanijiet multiannwali ta’ ġestjoni u ta’ rkupru fil-Baħar Baltiku jew fiż-żona regolatorja tan-NAFO u n-NEAFC. Il-flotta Estonjana fil-Baltiku kienet soġġetta għall-miżuri ta' rkupru adottati għall-merluzz tal-Baltiku. Madankollu, fir-rapport mhija pprovduta l-ebda valutazzjoni tal-effett ta' dawn il-miżuri.

Il-Greċja: Ir-rapport Grieg inkluda l-kalkolu ta' xi indikaturi proposti fil-linji gwida. Fis-sottożona ġeografika (GSA) 22-23, l-utilizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun (12-24m) naqset sostanzjalment fl-2008, filwaqt li l-utilizzazzjoni tal-bastimeti kostali (12-24m) tjiebet. F'GSA 20, it-taqsima tal-purse sieners (12-24m) ilha sottoutilizzata għal dawn l-aħħar ftit snin. L-għajnuna pubblika kompliet tiffinanzja t-tnaqqis fil-kapaċità matul l-2008, u rriżultat fit-tneħħija ta’ 1 807 TG u 6 769 kW.

Spanja: Il-linji gwida ma ġewx applikati fir-rapport Spanjol, li ma fihx valutazzjoni tal-kapaċità tal-flotta f'relazzjoni mal-opportunitajiet tas-sajd. 1 736 bastiment jew 12 803 TG tneħħew fl-2008, għalkemm 25 bastiment biss jew 2 408 TG ġew irtirati mill-flotta b'fondi pubbliċi. 141 bastiment b'2 958 TG daħlu fil-flotta fl-2008. Minħabba l-pjan ta' rkupru tal-ħalibatt ta' Greenland fiż-żona NAFO, l-għadd ta' ġranet li l-flotta Spanjola stadet għal din il-ħuta naqas b’84% fl-2008, meta mqabbel mal-2003. B'riżultat tal-pjan ta' rkupru tas-Southern Hake u n-Nephrops, il-flotta inkwistjoni naqqset l-isforz tagħha tas-sajd b'10% fis-sena, minn 260 ġurnata fl-2005 għal massimu ta' 194 ġurnata sajd fl-2008.

Franza: Il-linji gwida ma ġewx applikati fir-rapport Franċiż. Ir-rapport jagħti sinteżi tal-miżuri ta’ ġestjoni nazzjonali, internazzjonali u tal-UE, bħal ma huma t-TAC u l-kwoti li japplikaw għall-flotta Franċiża f'sajd differenti. Madankollu, ma ġiet pprovduta l-ebda valutazzjoni tal-bilanċ bejn id-daqs tal-flotta u l-opportunitajiet ta' sajd li ġew allokati lilha. B'riżultat tal-iskemi tat-tneħħija varati sa minn Novembru 2007, ġew skerpjati 169 bastiment b'tunnellaġġ ta' 10 175 TG u qawwa ta' 40 779 kW. Fil-preżent għaddejja skema ta' tneħħija varata fl-2008 u tikkonċerna 220 bastiment ieħor.

L-Irlanda: Il-linji gwida ma ġewx applikati fir-rapport Irlandiż u ma kinetx inkluża valutazzjoni tal-bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd. Madankollu, huwa rrappurtat li ħafna mill-istokkijiet mistada huma barra l-limiti bijoloġiċi sikuri. Fl-2008 tlesta programm ta' tneħħija għall-flotta tal-Whitefish u b'riżultat ġew irtirati 6 900 TG u 19 000 kW mill-flotta. Il-flotta Irlandiża hija soġġetta kemm għal skema ta' tnaqqis tal-isforz tas-sajd adottata taħt l-Anness II għar-Regolament dwar it-TAC u l-kwoti, kif ukoll għas-sistema tal-Ilmijiet tal-Punent. Is-sajd fl-ambitu tal-pjanijiet ta’ rkupru tal-istokkijiet (żoni VIa u VIIa tal-ICES) huwa ta’ natura mħallta ferm. Għalhekk, l-amministrazzjoni Irlandiża sabitha diffiċli biex tkejjel l-impatt tal-iskemi tat-tnaqqis tal-isforz.

L-Italja: Fir-rapport Taljan il-linji gwida ġew applikati. L-indikaturi huma l-ewwel ippreżentati f'livell nazzjonali. L-indikaturi tekniċi juru ċifri ta' utilizzazzjoni għolja tal-kapaċità għall-bastimenti tat-tkarkir u tat-tkarkir bit-travu, filwaqt li ċifri baxxi kienu rreġistrati għall-bastimenti tas-sajd pelaġiku, il-purse-seiners u l-gangmu. Minn barra dan, twettqet analiżi reġjonli tal-indikatur u ġiet ippreżentata billi ntużat 'sistema dwal tat-traffiku' għaż-żoni ġeografiċi differenti. Il-programm FES fih għadd ta' pjanijiet għar-restawr gradwali tal-bilanċ fl-istokkijiet tal-ħut, li huma marbuta mal-pjanijiet ta' ġestjoni adottati fil-livell nazzjonali fil-kuntest tal-miżuri tal-UE għall-konservazzjoni. Dawn il-pjanijiet għandhom iwasslu għal tnaqqis ta' bejn 3% u 30% fl-isforz tas-sajd. 13% tal-kapaċità attwali jew 27 300 TG huma mistennija li jiġu rtirati mill-flotta fil-perjodu 2007-2015. Matul l-2007 u l-2008 ġew irtirati total ta' 11 008 TG u 47 716 kW mill-flotta permezz tal-għajnuna pubblika.

Ċipru: Ir-rapport ma jipprovdix valutazzjoni tal-bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li l-linji gwida proposti ma ġewx applikati. Fl-2008 ma ħareġ l-ebda bastimenti mill-flotta, ħlief għal bastiment wieħed li kien irrapportat li nqered. Ma kienet applikata l-ebda skema ta’ tnaqqis tal-isforz tas-sajd f'Ċipru.

Il-Latvja: Il-linji gwida ma ġewx applikati fir-rapport Latvjan. Madankollu, għat-taqsima tal-ibħra miftuħa, il-kapaċità tal-flotta titqies li tinsab f’bilanċ mal-kwoti disponibbli. Hemm pjanijiet għat-tneħħija ta’ 70 bastiment fit-taqsima tal-Baltiku u 110 bastimenti fit-taqsima ta’ skala żgħira u huwa ppjanat tnaqqis ieħor fil-perjodu 2007-2013. L-għadd ta' bastimenti skrepjati fl-2008 mhux speċifikat. Mill-1 ta' Mejju 2004, 139 bastiment ġew irtirati mill-flotta u 110 minnhom ġew skrepjati bl-għajnuna pubblika. Il-flotta Latvjana kienet soġġetta għal miżuri ta' rkupru adottati għall-Baltiku, u l-maġġoranza tal-bastimenti rtirati kienu jistadu għall-merluzz. Minħabba l-istat fqir tal-istokkijiet tal-merluzz, bastimenti li qed jiqdiemu u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-fjuwil, is-sidien tal-bastimenti ġew imħeġġa biex japplikaw għall-primjums tat-tneħħija.

Il-Litwanja: Fir-rapport Litwan ġew applikati l-linji gwida għat-taqsimiet li jisfruttaw l-istokkijiet tal-merluzz. Ġew ippreżentati fil-forma ta' sistema "dwal tat-traffiku" li turi li l-flotta tas-sajd tal-merluzz mhijiex f'bilanċ mal-istokkijiet tal-merluzz. Skont ir-rapport, il-kapaċità tal-flotta li tistad għall-istokkijiet pelaġiċi u s-salamun tinsab f'bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd. Bilanċ bejn l-isfroz tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd għandu jintlaħaq permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan Litwan għall-isforz tas-sajd għall-2008-2009, bl-azzjonijiet ewlenin jinvolvu r-regolamentazzjoni tal-kapaċità tas-sajd fiż-żona kostali tal-Baħar Baltiku u fiż-żoni regolatorji tan-NAFO u n-NEAFC għall-bastimenti tat-tkarkir demersali. Il-Litwanja bi ħsiebha tnaqqas il-kapaċità tal-bastimenti tas-sajd fil-baħar miftuħ b'1.2% u l-kapaċità tal-bastimenti tas-sajd kostali b'44% permezz tal-FES.

Malta: Fir-rapport Malti l-linji gwida ġew applikati. L-indikatur tekniku juri utilizzazzjoni baxxa tal-flotta, b'xejra 'l isfel għall-bastimenti tal-irkaptu attiv (tkarkir) u utilizzazzjoni tal-kapaċità relattivament stabbli għall-bastimenti passivi. Skont ir-rapport, il-kapaċità tal-flotta hija proporzjonata mar-riżorsi disponibbli u ma huwa ppjanat l-ebda tnaqqis. Il-flotta hija magħmula minn bastimenti tas-sajd full time u oħrajn part time. Bastimenti żgħar b'inqas minn tnax-il (12) metru jagħmlu 99% tal-bastimenti part-time u 78% tal-bastimenti kummerċjali full-time. L-ebda skema tal-aġġustament tal-isforz tas-sajd ma kienet applikata għall-flotta Maltija.

L-Olanda: Fir-rapport tal-Olanda l-linji gwida ġew applikati għat-taqsima tal-bastimenti tat-tkarkir bit-travu. Il-mortalità tas-sajd fl-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja', il-lingwata u l-merluzz naqset sostenzjalment. L-indikaturi ekonomiċi u soċjali tjiebu wkoll meta mqabbla mal-2007, partikolarment b'riżultat tal-prezz tajjeb tal-gambli fl-2008. Fl-2008, il-flotta tal-katers Daniżi ċkienet sew fil-qies tagħha (b'xi 15%) kif ukoll f'termini ta' sforz tas-sajd (-23.1%). Dan seħħ minħabba l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni, ir-razzjonalizzazzjoni tal-flotta tal-katers fl-2008, sajd b'bastimenti iżgħar u l-waqfien temporanju u volontarju ta' (prinċipalment) il-katers il-kbar tat-tkarkir bit-travu fis-sajf tal-2008 minħabba l-prezz għoli taż-żejt. Il-flotta hija soġġetta għal-limitazzjoni ta' ‘ġranet fuq il-baħar’ fil-Baħar tat-Tramuntana (is-sistema tal-Anness II). L-Olanda qiegħda tikkonsidra li trażżan il-kapaċità tas-sajd bix-xbieki fissi, li baqgħet tiżdied b'rata sostnuta għal dawn l-aħħar ftit snin. Fl-2008, għadd sostanzjali ta' sajjieda qelbu mis-sajd bit-tkarkir bit-travu għas-sajd bit-tkarkir tradizzjonali, l-aktar minħabba li dan jikkonsma anqas fjuwil. Il-kapaċità tal-flotta pelaġika naqset b'bastiment wieħed. Ir-rapport iqis li d-daqs tal-flotta li baqgħet huwa ġustifikat f'termini tad-daqs attwali u s-sitwazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

Il-Polonja: Il-linji gwidi ma ġewx applikati fir-rapport Pollakk u ma kienx jinkludi valutazzjoni tal-kapaċità tal-flotta f'relazzjoni mal-opportunitajiet tas-sajd. Fl-2008, 34 bastiment ġew irtirati mill-flotta tal-Baltiku bl-għajnuna pubblika. Fit-taqsima tal-baħar fond, kien irtirat bastiment wieħed, iżda tnejn daħlu fil-flotta biex żiedu l-kapaċità tal-flotta bi 15 570 TG u 11 216 kW. Kien hemm żieda żgħira fil-kapaċità totali tal-flotta Pollakka li kienet minħabba li nbidel bastiment u ġie mmodernizzat ieħor, abbażi ta' deċiżjoni amministrattiva li ttieħted qabel l-adeżjoni. Skont ir-rapport Pollakk, b'riżultat tal-programm biex jitnaqqas l-isforz tas-sajd, l-għadd ta' ġranet tas-sajd mill-flotta tal-Baltiku fl-2008 kien 36.1% inqas mil-livell fl-2004. Bejn l-2004 u l-2008 l-għadd ta' ġranet sajd għall-merluzz naqas b'sa 38%.

Il-Portugall: Il-linji gwidi ma ġewx applikati fir-rapport Portugiż u ma kienx jinkludi valutazzjoni tal-kapaċità tal-flotta f'relazzjoni mal-opportunitajiet tas-sajd. Madankollu, ġiet ipprovduta dejta soċjoekonomika għall-perjodu 2003-2007. Bastiment wieħed biss ġie skrepjat bl-għajnuna pubblika matul l-2008. Il-pjan ta’ rkupru għall-hake u n-nephrops baqa’ japplika fl-2008, iżda ma ġiex rappurtat tnaqqis fil-kapaċità b’riżultat ta’ dan. Madankollu, l-isforz tas-sajd naqas bi 30% meta mqabbel mal-livell tal-2007. Fl-2008 kien adottat pjan ta' aġġustament għall-bastimenti liċenzjati li jużaw gangmu biex jistadu għall-gandoffli fir-reġjun tan-Nofisnhar, bl-għan li jiċkien id-daqs tal-flotta taż-żona tan-Nofsinhar. Fl-2008 waslu ħames applikazzjonijiet, iżda ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni. Il-bastimenti li jaħdmu fiż-żona tan-NAFO jaqgħu taħt il-pjan tal-irkupru tal-ħalibatt ta' Greenland. Il-ħin li qattgħu jistadu dawn il-bastimenti naqas b'50% meta mqabbel mal-livelli tal-2003. Għall-ispeċijiet tal-baħar fond japplikaw miżuri nazzjonali li jillimitaw l-isforz tas-sajd.

Ir-Rumanija: Il-linji gwida ma ġewx applikati fir-rapport Rumen, għalkemm ir-rapport jiddikjara li l-flotta qiegħda taħdem b'mod sostenibbli u li l-ispeċijiet tal-ħut huma disponibbli f'biżżejjed kwantitajiet. Inġenerali l-flotta hija qadima u f'kundizzjoni teknika mhux tajba. Hemm pjanijiet għall-iskrepjar matul il-perjodu tal-programmar tal-FES għall-2007-2013, iżda ma ġiet ippreżentata l-ebda ċifra dwar il-kapaċità affetwata. Fl-2008 kien hemm sitt bastimenti ġodda li daħlu fil-flotta abbażi ta' deċiżjoni amministrattiva meħuda qabel l-adeżjoni u seba' bastimenti kienu rtirati mill-flotta mingħajr għajnuna pubblika.

Is-Slovenja: Is-Slovenja applikat il-linji gwida. L-indikatur tekniku juri utilizzazzjoni baxxa tal-biċċa l-kbira tal-bastimenti. Fl-2008, daħal bastiment wieħed fit-taqsima tal-bastimenti iżgħar minn tnax-il (12) metru. Il-flotta tbati minn problemi strutturali, partikolarment bastimenti qodma u rkaptu li għadda żmienu. Huwa maħsub li għall-perjodu tal-programmar 2007-2013 tal-FES tiġi skreppjata xi kapaċità, iżda l-ammont affetwat mhux ikkwantifikat. Ma tapplika l-ebda skema ta’ tnaqqis tal-isforz tas-sajd għall-flotta Slovena.

Il-Finlandja: Il-linji gwidi ma ġewx applikati fir-rapport Finlandiż u ma kienx jinkludi valutazzjoni tal-kapaċità tal-flotta f'relazzjoni mal-opportunitajiet tas-sajd. Matul il-perjodu 2003-2008, il-kapaċità tat-TG naqset b'19% u dik tal-kW b'10%. Minkejja dan it-tnaqqis fil-kapaċità l-isforz totali tas-sajd tal-flotta Finlandiża wriet xejra 'l fuq mill-2005 u stabbilizzat ruħha biss fl-2008. It-taqsima tas-sajd pelaġiku rreġistrat l-ogħla żieda fl-isforz tas-sajd, filwaqt li t-taqsima tal-irkaptu statiku li tistad għall-merluzz naqqset l-isforz tagħha gradwalment, u fl-aħħar sentejn ma kienx hemm attività ta' sajd f'din it-taqsima minħabba l-projbizzjoni tal-għeżula. L-ebda skema għat-tnaqqis tal-isforz tas-sajd ma applikat għall-flotta Finlandiża fl-2008. Hemm pjanijiet għal skema ġdida għat-tnaqqis tal-kapaċità fl-2009-2010, li ser tkun immirata lejn it-taqsima tal-bastiment bl-irkaptu passiv minħabba l-profitabbiltà fqira tas-sajd offshore għas-salamun.

L-Isvezja: Il-linji gwida ġew applikati fir-rapport Svediż bl-indikaturi bbażati fuq dejta mill-2007. It-tqassim tal-flotta mhuwiex konsistenti tul ir-rapport kollu. L-indikatur bijoloġiku juri li tliet taqsimiet qed joperaw b'mod mhux sostenibbli. Ir-rendiment ekonomiku fl-2007 kien aħjar minn tas-sena ta' qabel, minħabba l-prezzijiet ogħla tal-ħut u qabdiet tajba, iżda huwa mistenni li jkun anqas tajjeb fl-2008 minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil u prezzijiet irħas tal-ħut. L-indikatur tekniku juri kapaċità żejda għat-taqsimiet kollha. Bħala parti mill-pjanijiet multiannwali tal-ġestjoni u tal-irkupru li ġew introdotti għal għadd ta' stokkijiet fil-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak, il-Kattegat u l-Baħar Baltiku, l-isforz tas-sajd tnaqqas gradwalment. Fl-2008, l-Isvezja ressqet il-pjan tagħha għall-adattament tas-sajd għall-merluzz fil-Baltiku lill-Kummissjoni. Din il-parti tal-flotta kienet fil-mira ta' kampanja speċjali tal-iskreppjar bħala parti mill-FES bl-għoti ta' primjums tal-iskreppjar lil sitt bastimenti tat-tkarkir.

Ir-Renju Unit: Ir-rapport kopra wkoll is-sena 2007, peress li dan ma tressaqx aktar kmieni. Il-linji gwida ma ġewx applikati, għalkemm ingħatat xi dejta teknika, bijoloġika u soċjoekonomika. Ma ġiet inkluża l-ebda valutazzjoni tal-bilanċ bejn il-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd. B'riżultat tas-sistema tal-irkupru tal-merluzz, inkiseb tnaqqis ta' 43% fl-isforz f'termini ta' ġranet kW għall-bastimenti akbar minn għaxar (10) metri fil-perjodu 2000-2008. L-iskema ta' tneħħija fl-2007 kienet marbuta mas-sistema ta' rkupru fis-seħħ għall-istokkijiet tal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent. L-isforz f'termini ta' ġranet kW għall-bastimenti akbar minn (10) metri involuti f'dan is-sajd tnaqqset bi 13% matul il-perjodu 2004-2008. Il-flotta hija koperta wkoll mis-sistema tal-isforz tal-ispeċijiet tal-Ilmijiet tal-Punent u tal-baħar Fond. It-tnaqqis ewlieni fl-isforz tas-sajd fi ġranet kW seħħ fit-taqsimiet tat-tkarkir dermisali u tat-tartarun (-45%) li ġej mis-sistema tal-irkupru tal-merluzz, u fit-taqsima tat-tkarkir bit-travu (-61%) minħabba li naqsu l-opportunitajiet tas-sajd, l-iskema tat-tneħħija fl-2007 u l-ispejjeż ogħla tal-fjuwil. It-taqsimiet kollha tal-flotta, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jużaw in-nases, naqqsu l-kapaċità tagħhom matul il-perjodu 2000-2008.

KONFORMITÀ MAR-REGOLI GħALL-ġESTJONI TAL-KAPAċITÀ TAS-SAJD. IR-RIżULTATI ġENERALI

Ir-riżultati għall-flotta kontinentali minbarra l-bastimenti rreġistrati fl-aktar reġjuni mbiegħda

Skont is-CFR, minkejja żewġ tkabbiriet sussegwenti, matul il-perjodu ta' sitt snin bejn 2003-2008, il-kapaċità kumplessiva tal-flotta tal-UE tnaqqset b’madwar 331 000 TG u 1 123 000 kW, li wassal għal tnaqqis nett ta’ madwar 16% f’termini ta’ tunnellaġġ u 15% f'termini ta' qawwa. L-għadd totali ta’ bastimenti tnaqqas b'madwar 12 400, jiġifieri 13.3%.

Matul il-perjodu 2003-2008, il-kapaċità tal-'flotta tal-UE-15' tnaqqset b'260 486 TG u 989 984 kW, u l-kapaċità tal-'flotta UE-10'[5] tnaqqset b'70 354 TG u 132 980 kW meta mqabbla mal-kapaċità li kellha fi żmien l-adeżjoni (l-1 ta' Mejju 2004). F’termini relattivi, it-tnaqqis fil-'flotta tal-UE-10' mid-data tal-adeżjoni kien akbar mit-tnaqqis tal-'flotta tal-UE-15' matul il-perjodu 2003-2008 (24% meta mqabbel ma’ 14%, f’termini ta’ qawwa mekkanika). Ir-Rumanija u l-Bulgarija rtiraw madwar 5% tal-kapaċità f'termini ta' TG u inqas minn 1% f'termini ta' kW.

Matul il-perjodu ta’ sitt snin mill-2003 sal-2008, ġew irtirati madwar 224 590 TG u 733 119 kW mill-flotta tal-UE (minbarra għar-reġjuni l-aktar imbiegħda) bl-għajnuna pubblika, li minnhom 25 657 TG u 89 024 kW ġew irtirati fl-2008.

F’sens ġenerali, it-tnaqqis nett mill-flotta tal-UE għadu jidher li mhux biżżejjed, meta wieħed iqis it-titjib teknoloġiku kostanti li jinnewtralizza l-effetti tat-tnaqqis tal-kapaċità u l-istat ħażin tal-biċċa l-kbira tas-sajd tal-UE.

It-tabelli 1 u 2 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma' dan ir-rapport jagħtu fil-qosor il-konformità tal-Istati Membri mal-iskema tad-dħul/ħruġ u l-livelli ta' referenza fil-31 ta' Diċembru 2008. L-Istati Membri kollha kkonformaw ma’ dawn ir-regoli.

Dejta aktar dettaljata (tabelli u grafika) dwar ix-xejriet fil-kapaċità tal-flotot tal-Istati Membri hija disponibbli fuq il-websajt Europa[6].

Ir-riżultati għall-flotot irreġistrati fl-aktar reġjuni mbiegħda

Il-kapaċità tal-flotot irreġistrati fl-aktar reġjuni mbiegħda u l-varjazzjoni ta' dik il-kapaċità bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2008 jidhru fit-Tabella 4 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma' dan ir-rapport. Ir-riżultati juru li l-flotta rreġistrata fir-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ Spanja u l-Portugall tnaqqset b’mod sinifikanti, kemm f’termini ta’ tunnellaġġ kif ukoll ta’ qawwa. Fl-istess perjodu l-kapaċità tal-flotta fid-dipartimenti Franċiżi extrakontinentali żdiedet, bi 343 bastiment ġdid jidħlu fil-flotta.

Fi tmiem l-2008, il-livelli ta’ referenza fil-każ tat-taqsimiet demersali u pelaġiċi iżgħar minn tnax-il (12) metru nqabeż bi ftit f'R é union and fil-Guyana Franċiża.

IL-KONKLUżJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-kwalità tar-rapporti tal-Istati Membri fl-2008 wriet titjib meta mqabbla mal-2007. Madankollu, il-maġġuranza tar-rapporti ma kinux jiddeskrivu l-flotot tal-Istati Membri f’relazzjoni mas-sajd b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet tanalizza l-isforzi li saru sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta tas-sajd u l-opportunitajiet disponibbli tas-sajd, kif stipulat bl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Minflok, l-Istati Membri enfasizzaw is-sistemi nazzjonali tal-ġestjoni tal-flotta u x-xejriet fil-kapaċità tal-flotta fir-rigward tal-iskema tad-dħul/ħruġ.

Sabiex iħejju r-rapporti nazzjonali, tnax-il (12) Stat Membru użaw il-linji gwida għall-valutazzjoni tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. F'għadd ta' każijiet, l-indikaturi wrew li kien hemm kapaċità ta' sajd żejda. Il-Kummissjoni għarfet il-problemi marbuta mad-disponibbiltà ta' ċerta dejta u ser tfittex li tindirizzahom u tipprovdi linji gwida f'kooperazzjoni mal-STECF. Rapporti oħra ta' dan it-tip x'aktarx li jkunu aktar konklużivi dwar l-isfrozi tal-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd jekk l-Istati Membri jużaw l-indikaturi proposti fil-linji gwida.

Mill-informazzjoni li hemm fil-biċċa l-kbira tar-rapporti huwa diffiċli li jiġu stabbiliti rabtiet bejn il-miżuri ta' ġestjoni tal-isforz u l-aġġustamenti fil-kapaċità tal-flotta, jew li ssir analiżi tax-xejriet f'termini ta' sforz reali li sar. Ġeneralment, l-impatt tal-miżrui għall-aġġustament tal-ġestjoni tas-sajd fuq il-kapaċità tal-flotta jidher li huwa limitat. L-istess bħal fis-snin ta' qabel, l-ixprun ewlieni għat-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta jidher li hija kombinazzjoni ta’ rendiment ekonomiku fqir tal-flotta u d-disponibbiltà ta’ fondi mill-UE jew nazzjonali. Dan jista’ jkun dovut, parzjalment, għan-nuqqas ta’ sistemi għall-ġestjoni tal-isforz għal diversi tipi ta’ sajd, iżda wkoll għall-effett limitat ta’ dawk eżistenti (l-Anness II, l-Ilmijiet tal-Punent, is-sajd tal-fond, ċerti skemi nazzjonali, eċċ.). Jidher li l-użu ta' drittijiet individwali trasferibbli kkontribwixxa biex titnaqqas il-kapċità f'xi pajjiżi.

F'rispons għall-kriżi tal-fjuwil tal-2008, f'Lulju 2008 il-Kunsill adotta miżuri temporanji u speċifiċi għar-ristrutturar tal-flotta tas-sajd tal-UE, biex b'hekk ipprovda opportunità biex jinkiseb ir-ristrutturar neċessarju tal-flotta. L-effett ta' dawk il-miżuri s'issa kien limitat ħafna, peress - li fi żmien li tfassal dan ir-rapport -il-Pjanijiet tal-Aġġustament tal-Flotta stabbiliti fir-Regoalment kienu għadhom ma ġewx implimentati. Il-ħruġ mill-flotta bl-għajnuna pubblika fl-2008 kien inqas minn dak fl-2007.

Matul l-2008 il-kapaċità tas-sajd tal-flotta tal-UE waqgħet taħt ir-rata medja annwali ta' 2.6% f'termini ta' tunnellaġġ u 2.3% f'termini ta' qawwa. Il-grafiki 3 sa 5 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni juru li din kienet ix-xejra kumplessiva għall-aħħar 17-il sena, minkejja li din ix-xejra ma tidhirx daqshekk uniformi meta wieħed jagħti ħarsa lejn l-Istati Membri individwali.

Il-valutazzjoni xjentifika tgħidilna li 30% tal-istokkijiet li għalihom teżisti d-dejta huma mistada barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri u 80% huma mistada f’livelli ogħla mill-Ogħla Rendiment Sostenibbli. Fl-istess ħin, għal partijiet kbar tal-flotta, il-kapaċità ma tintużax kollha, jiġifieri l-għadd ta’ ġranet ta' sajd ikun inqas mill-massimu possibbli. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, it-tnaqqis tal-kapaċità li nkiseb jidher li mhuwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità u l-opportunitajiet tas-sajd fil-medda l-qasira, speċjalment jekk jitqies il-progress teknoloġiku, li huwa meqjus li huwa tal-istess importanza daqs it-tnaqqis fil-kapaċità osservat.

Kif inhu nnottat fil-Green Paper tal-PKS, il-kapaċità żejda tal-flotta tibqa' waħda mill-problemi fundamentali tal-PKS. Il-flotot Ewropej jibqgħu kbar wisq għar-riżorsi disponibbli u dan l-iżbilanc huwa fl-qalba ta' ħafna problemi relatati ma' rendiment ekonomiku baxx, mal-infurzar dgħajjef u mal-isfruttar żejjed tar-riżorsi.

[1] F'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament 2371/2002 u l-Artikolu 12 tar-Regolament 1438/2003

[2] http://ec.europa.eu/fisheries/fleet/index.cfm?method=FM_Reporting.AnnualReport.

[3] F'konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) adottata f’Diċembru 2002, il-flotot tas-sajd jitmexxew skont ir-regola ġenerali li kapaċità ġdida, espressa f’tunnellaġġ u qawwa, li tiddaħħal fi flotta ma tistax tkun ogħla minn dik li tneħħiet minnha.

[4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1639/2001 (ĠU L 222, 17 ta’ Awwissu 2001, p. 53-115).

[5] L-Istati Membri li aderew mal-Unjoni fl-1 ta' Mejju 2004.

[6] http://ec.europa.eu/fisheries/fleet/index.cfm?method=FM_Reporting.AnnualReport.