[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 1.12.2008 KUMM(2008) 807 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI Dwar strateġija koordinata biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-Unjoni Ewropea WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. L-approċċ komunitarju meħtieġ 4 3. Pjan ta' azzjoni għal perjodu qasir 4 3.1. Miżuri li jtejbu s-sistemi fiskali u l-kooperazzjoni fiskali bil-għan li jipprevjenu l-frodi tal-VAT 5 3.1.1. Standards minimi komuni għar-reġistrazzjoni kif ukoll it-tneħħija mir-reġistrazzjoni ta' persuni taxxabbli 5 3.1.2. Konferma tal-informazzjoni 5 3.1.3. Regoli għall-iffatturar 6 3.1.4. Imposti dovuti fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji 6 3.2. Miżuri li jtejbu l-effiċjenza fl-Amministrazzjoni tat-Taxxa bil-għan tad- detezzjoni tal-frodi tal-VAT 6 3.2.1. Proposta leġiżlattiva li tiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa marbuta ma' tranżazzjonijiet intra-Komunitarji: it-tnaqqis tal-perjodi taż-żmien 7 3.2.2. Eżenzjoni mill-VAT mal-importazzjoni 7 3.2.3. Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri 7 3.2.4. Aċċess awtomizzat għad-dejta 8 3.2.5. EUROFISC 8 3.3. Miżuri li jtejbu l-kapaċità tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa biex jiġbru u jirkupraw it-taxxi 8 3.3.1. Ir-responsabbiltà in solidum 9 3.3.2. Irkupru ta' taxxi 9 3.3.3. Responsabbiltà kondiviża biex jitħares id-dħul tal-Istati Membri kollha 9 3.4. Ġabra ta' proposti leġiżlattivi 10 4. Riflessjonijiet li jmorru lil hinn mill-proposti immedjati 10 5. Konklużjoni 11 1. INTRODUZZJONI F'Mejju 2006 il-Kummissjoni ressqet Komunikazzjoni[1] bil-għan li jitnieda dibattitu fil-fond fil-livell tal-UE dwar il-ħtieġa għal approċċ koordinat fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali fis-suq intern. Din ġiet segwita b'diskussjonijiet intensi u siewja fi ħdan il-varji istituzzjonijiet Ewropej, mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tan-negozju. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2007[2] dwar xi elementi prinċipali li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' strateġija kontra l-frodi fi ħdan l-UE u r-rapport ta' akkumpanjament dwar il-qagħda tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta' esperti għall-Istrateġija Kontra l-Frodi tat-Taxxa (ATFS)[3] jagħti ħarsa ġenerali tajba tas-segwitu sa dak iż-żmien għall-Komunikazzjoni tal-2006. Dawn id-dokumenti iffurmaw il-bażi għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2007[4]. Fi Frar 2008 il-Kummissjoni ressqet Komunikazzjoni dwar l-analiżi tagħha fuq żewġ miżuri oħra 'b'impatt mifrux ħafna' li jbiddlu s-sistema tal-VAT biex jiġġieldu kontra l-frodi[5], jiġifieri sistema ta' tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u sistema ġenerali ta' proċedura ta' "reverse charge." Il-Kummissjoni wriet ukoll ir-rieda tagħha li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jinħadem proġett pilota sabiex tistabbilixxi jekk proċedura ta' "reverse charge" tistax tkun ir-reazzjoni adegwata biex jiġi indirizzat il-frodi tal-VAT. Madankollu l-Kunsill ECOFIN ta' wara, ma setax jaqbel dwar il-Konklużjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet li tqajmu f'dik il-Komunikazzjoni. Minħabba n-nuqqas ta' qbil fil-livell politiku fir-riward tal-miżuri 'b'impatt mifrux ħafna' il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tiffoka l-isforzi tagħha esklussivament fuq l-hekk imsejħa miżuri ' konvenzjonali ' biex jittejbu l-metodi tradizzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa biex tippreżenta pjan ta' azzjoni koerenti fuq perjodu ta' żmien qasir u skeda ta' żmien għal azzjonijiet previsti. L-intenzjoni ta' din il-Komunikazzjoni hija wkoll biex tniedi riflessjoni fuq perjodu ta' żmien aktar fit-tul dwar ir-relazzjoni bejn il-pagaturi tat-taxxa u l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa u l-opportunitajiet ipprovduti mill-IT f'dak il-kuntest. Wieħed irid jiftakar li l-Komunikazzjoni li ġiet imressqa fl-2006 kienet tkopri t-taxxi kollha. Madankollu d-diskussjonijiet li segwew għamluha ċara ħafna li għandha tingħata prijorità assolata lill-frodi tal-VAT. Għaldaqstant din il-Komunikazzjoni tirrelata biss mal-VAT u mal-irkupru tat-taxxi. Dan ma jfissirx li mhix se tittieħed l-ebda azzjoni f'oqsma oħra; b'mod partikolari l-Kummissjoni dalwaqt se tressaq proposta bil-għan tat-tisħiħ tal-arranġamenti amministrattivi ta' kooperazzjoni għal taxex oħra minbarra l-VAT u s-Sisi armonizzati 2. L-APPROċċ KOMUNITARJU MEħTIEġ Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Novembru 2006 u Ġunju 2007 il-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa li tiġi stabbilita strateġija kontra l-frodi fiskali fil-livell Komunitarju li tikkomplementa u tappoġġja l-isforzi nazzjonali[6]. Il-Parlament Ewropew ukoll esprima l-appoġġ tiegħu għal strateġija tal-UE għal kontra l-frodi fiskali. Ġlieda effettiva kontra l-frodi tal-VAT fi ħdan suq intern tirrikjedi approċċ komuni kemm fil-qasam leġiżlattiv iżda u kif ukoll f'ċerti aspetti tal-ġestjoni operattiva tas-sistema tal-VAT li s'issa tħallew esklussivament f'idejn l-Istati Membri. Ċertament, id-diverġenzi fl-operati bejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu lil dawk li jwettqu l-frodi l-opportunità li filwaqt li jissottovalutaw l-effiċjenza tal-miżuri leġiżlattivi Komunitarji sottostanti jittrasferixxu l-operazzjonijiet tagħhom f'dawk l-Istati Membri li ma kinux implimentaw dawn il-miżuri b'mod effikaċi. Id-differenzi fil-proċeduri nazzjonali qed jgħollu b'mod konsiderevoli l-ispejjeż tal-konformità għan-negozji. Il-proċeduri nazzjonali li ddaħħlu fis-seħħ għall-issodisfar tal-obbligi tal-VAT b'mezzi elettroniċi huma eżempju ta' dan. Meta telabora proposti leġiżlattivi l-Kummissjoni tibbilanċja b'mod kawt il-ħtieġa għal approċċ Komunitarju u r-rispett għall-istrutturi nazzjonali u l-prassi tal-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa. Huwa essenzjali għall-effiċjenza tal-miżuri proposti li dan il-bilanċ iddefinit b'mod kawt jitħares u jinżamm matul il-proċess sħiħ ta' nnegozjar fi ħdan l-istituzzjonijiet. 3. PJAN TA' AZZJONI GħAL PERJODU QASIR IR-RAPPORTI LI DIġÀ TRESSQU MILL-KUMMISSJONI [7] dwar il-qagħda tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta' esperti għall-Istrateġija kontra l-Frodi Fiskali (l-ATFS) taw ħarsa ġenerali tal-miżuri differenti li ġew analizzati. Il-prinċipji ta' gwida kienu: - il-ħtieġa li l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa jkollhom informazzjoni minnufih u preċiża; - l-ottimizzazzjoni tal-użu li l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa jagħmlu minn din l-informazzjoni; - it-titjib fil-possibbiltajiet li jaġixxu kontra l-frodaturi; - ir-rispett għall-ħtiġijiet u l-aspettazzjonijiet tan-negozji leġittimi, b'mod partikolari biex ma jkunux esposti għal piżijiet amministrattivi bla bżonn li jwasslu għal spejjeż addizzjonali ta' konformità u sabiex iċ-ċertezza legali tkun iggarantita. Twarrbu għadd ta' miżuri li ġew issuġġeriti għax ma kinux jirrispettaw dawn il-prinċipji ta' gwida. Għal miżuri oħrajn, se tkun ħaġa essenzjali li jinstab bilanċ tajjeb bejn dawn il-prinċipji li sa ċertu punt imorru kontra xulxin. Il-miżuri li l-Kummissjoni se tipproponi jew timplimenta jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji. L-ewwel kategorija timmira biex tipprevjeni li l-frodaturi jabbużaw mis-sistema tal-VAT, it-tieni timmira għat-titjib fl-istrumenti għad-detezzjoni tal-frodi tal-VAT, u t-tielet kategorija timmira lejn it-titjib fil-possibbiltajiet għall-ġbir tat-taxxa mitlufa b'riżultat ta' frodi u l-ikkastigar tal-frodaturi. 3.1. Miżuri li jtejbu s-sistemi fiskali u l-kooperazzjoni fiskali bil-għan li jipprevjenu l-frodi tal-VAT 3.1.1. Standards minimi komuni għar-reġistrazzjoni kif ukoll it-tneħħija mir-reġistrazzjoni ta' persuni taxxabbli Numru ta' identifikazzjoni korrett u validu tal-VAT huwa element essenzjali fl-arranġamenti tal-VAT ta' bħalissa għax jiddetermina r-regoli applikabbli u l-obbligi notevolment għall-kummerċ intra-Komunitarju. Kemm l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa kif ukoll in-negozji jeħtieġ li joqgħodu fuq informazzjoni korretta dwar l-istatus tal-VAT ta' kummerċjant. Madankollu, bħalissa din id-dejta mhix dejjem affidabbli. Xi Stati Membri jżommu n-numri tal-identifikazzjoni tal-VAT validi saħansitra meta l-persuna taxxabbli konċernata tkun instabet li kienet involuta fi frodi tal-VAT u baqgħet ma nstabitx. Barra minn hekk, il-ħin tar-reġistrazzjoni hija kruċjali għall-verifika jekk in-negozju se jwttaq attività ekonomika reali. Il-prevenzjoni kontra l-frodi tista' ssir billi jagħmluha aktar diffiċli għall-frodaturi potenzjali biex jippreżentaw ruħhom bħala persuni reġistrati għal skopijiet ta' kummerċ intra-Komunitarju. L-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa u n-negozji għandhom ikunu f'pożizzjoni li joqgħodu fuq l-informazzjoni li jiksbu dwar l-istatus tal-VAT ta' persuna. It-tisħiħ fil-kunfidenza tal-informazzjoni tista' ssir bl-introduzzjoni ta' standards minimi fil-livell tal-UE għar-reġistrazzjoni u t-tneħħijja mir-reġistrazzjoni ta' persuni taxxabbli fil-VIES. Dawn l-istandards minimi jinkludu dejta oġġettiva li għandha tingħata mill-kummerċjant qabel ma jikseb numru tal-identifikazzjoni tal-VAT, sal-obbligu tal-eliminazzjoni tan-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT mid-dejtabejż VIES meta jintlaħqu ċertu kundizzjonijiet u minħabba ċerti kriterji oġġettivi li għandhom jiġu ssodisfati matul il-proċeduri tar-reġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill irrikonoxxa l-importanza ta' informazzjoni aġġornata dwar l-istatus ta' kummerċjanti għall-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti tal-VAT li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju u appoġġja aktar ħidma fuq approċċ komuni għar-reġistrazzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-kummerċjanti. Il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva inklużi standards minimi komuni kif ipproġettati f'dan il-paragrafu. 3.1.2. Konferma tal-informazzjoni L-informazzjoni konċernata jeħtieġ li tkun disponibbli għal operaturi ekonomiċi b'mod l-aktar effiċjenti. Bħalissa l-kummerċjanti jistgħu jivverifikaw il-validità tan-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tal-isħab tan-negozju tagħhom identifikat għall-iskopijiet tal-VAT fi Stat Membru ieħor. Madankollu, ċerti Stati Membri biss jipprovdu informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz ta' dak l-isħab tan-negozju. Diġà ntlaħaq ftehim biex jiġi żgurat li tkun tista' tinkiseb elettronikament konferma tal-isem u l-indirizz għall-Istati Membri kollha. Din il-konferma għandha wkoll toffri ċertezza legali lil min jitlobha għax se tkun vinkolanti fuq l-Amministrazzjoni Tat-Taxxa konċernata. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati fi proposta leġiżlattiva. 3.1.3. Regoli għall-iffatturar L-iffatturar jikkostitwixxi element ċentrali fis-sistema tal-VAT tal-preżent. Proposta leġiżlattiva li timmira għas-simplifikar, l-armonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tar-regoli kurrenti dwar l-iffatturar għandhom inaqqsu l-piżijiet amministrattivi għan-negozji. L-iffaċilitar tal-konformità ma' dawn ir-regoli bla dubju se jkollhom effett ta' prevenzjoni tal-frodi. Miżuri bħalma huma perjodi ta' ħżin komuni u regoli armonizzati dwar iż-żmien sa meta fattura trid tinħareġ tista' tiffaċilita l-verifiki fl-Istati Membri. Jeżistu eżempji llum li permezz tagħhom ir-regoli applikabbli dwar l-iffatturar huma dawk tal-Istat Membru tal-klijent, għal forniment abbażi ta' ħlas invertit [reverse charge], iżda għall-kontroll fiskali tal-fornitur, stabbilit fi Stat Membru ieħor, japplikaw regoli differenti. 3.1.4. Imposti dovuti fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji L-iskambju tal-informazzjoni bejn Stat Membri dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji huwa element prinċipali sabiex Stat Membru fejn prodott jinxtara jkun jista' jidentifika fornimenti relevanti. Dan jirrikjedi, madankollu li Stati Membri jkollhom l-istess interpretazzjoni dwar imposti dovuti tal-VAT kemm għal fornimenti intra-Komunitarji kif ukoll għall-akkwist ta' prodotti biex jiżguraw li r-rappurtar iseħħ fiż-żewġ Stati Membri fl-istess ħin. Opinjonijiet differenti jwasslu għall-ipparaggunar ħażin u u dan jissarraf fit-tnaqqis ta' kemm tista tintuża l-informazzjoni miġbura. Diskrepanzi bħal dawn jissottovalutaw l-utilità tal-proposta leġiżlatttiva dwar it-tnaqqis fil-perjodi taż-żmien għad-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi u tal-VAT li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Kunsill. Għaldaqstant il-Kummissjoni se tippreżenta proposta bil-għan li tneħħi dawn id-diskrepanzi. 3.2. Miżuri li jtejbu l-effiċjenza fl-Amministrazzjoni tat-Taxxa bil-għan tad- detezzjoni tal-frodi tal-VAT Id-detezzjoni ta' frodi transkonfinali tal-VAT fl-Unjoni Ewropea tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Din l-informazzjoni tiġi ppreżentata minn kummerċjanti u skambjata bejn l-Istati Membri skont l-arranġamenti stabbiliti fl-1993. Sabiex il-frodi jiġu miġġielda b'mod effiċjenti fl-ambjent kummerċjali tal-lum, għandhom jittejbu l-frekwenza, l-informazzjoni disponibbli, l-immirar tal-informazzjoni, il-kwalità u t-trattament tagħha. 3.2.1. Proposta leġiżlattiva li tiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa marbuta ma' tranżazzjonijiet intra-Komunitarji it-tnaqqis tal-perjodi taż-żmien Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2007 l-Kummissjoni diġà ppreżentat f'Marzu 2008 proposta leġiżlattiva mmirata għat-tnaqqis fil-perjodi taż-żmien kemm għar-rappurtar tat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji minn kummerċjanti kif ukoll tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa[8]. L-għan ta' din il-proposta hija biex tiżgura li l-Awotirtajiet tat-Taxxa tal-Istati Membri tad-destinazzjoni jiġu infurmati ħafna aktar malajr milli fil-preżent dwar ix-xiri intra-Komunitarji li jseħħ fit-territorju tagħhom u għalhekk għandhom il-possibbiltà li jaġixxu fi stadju aktar bikri. 3.2.2. Eżenzjoni mill-VAT mal-importazzjoni L-abbuż tal-eżenzjoni mill-VAT mal-importazzjoni meta tiġi segwita minn forniment jew trasferiment intra-Komunitarju, kien ġie identifikat bħala nuqqas fir-regoli tal-preżent fid-detezzjoni ta' skemi ta' frodi tal-VAT. Fil-fatt, la qed tiġi organizzata b'mod tajjeb l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn id-dwana u l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa tal-pajjiż tal-importazzjoni u lanqas m'hi qed tiġi trażmessa b'mod effiċjenti l-informazzjoni rilevanti lill-Istat Membru li jiġi wara. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproporni regoli armonizzati fil-livell Komunitarju għall-applikazzjoni ta' din l-eżenzjoni. 3.2.3. Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji rapport li jevalwa l-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva. Dan se jkun l-ewwel rapport li ħareġ minn meta daħal fis-seħħ fl-2004 ir-Regolament il-ġdid għall-kooperazzjoni amminstrattiva fil-VAT. Dan ir-rapport se jiffoka fuq l-elementi li għadhom kif iddaħħlu bil-għan tat-titjib fil-kooperazzjoni amministrattiva. Meta l-informazzjoni tkun ta' importanza kbira għall-kontroll effettiv fi Stat Membru ieħor għandha tiġi skambjata awtomatikament, peress li dan huwa għan prinċipali tar-Regolament tal-2004. Dan ir-rapport jipprovdi opportunità għar-reviżjoni ta' dawn l-elementi u jekk meħtieġ, biex jemendawhom sabiex tittejjeb l-effikaċja tagħhom. Barra minn hekk ittieħdu diversi azzjonijiet taħt il-programm Fiscalis biex jiżguraw l-iskambju tal-aħjar prassi u ta' kooperazzjoni f'termini ta' kontroll. Fil-qasam tal-verifikar il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp u t-titjib ta' għodod għall-ivverifikar elettroniku. Il-Kummissjoni qed tipprova tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mill-possibbiltà ta' kontrolli multilaterali, appoġġjati bi gwida li ġiet abbozzata biex tgħin lill-awdituri u lill-koordinaturi meta jużaw dan l-għodda ta' kontroll. Barra minn hekk, inbdew gruppi ta' proġetti biex jeżaminaw suġġetti relatati mal-kwalità tal-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri, biex jaqsmu bejniethom l-aħjar prassi fl-analiżi u l-ġestjoni tar-riskju (appoġġat ukoll b'manwal) u l-abbuż tal-cash registers. Ġew organizzati seminars u workshops biex jiffaċilitaw li l-Istati Membri jaqsmu bejniethom esperjenzi u għarfien fil-qasam tal-ġlieda kontra l frodi tal-VAT. Kooperazzjoni amministrattiva hija tassew karatteristika ewlenija fis-sistema tal-VAT tal-preżent li ma tistax tiġi ġestita minn Stati Membri f'iżolament. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li tali kooperazzjoni hija tirrikjedi ħafna mir-riżorsi tal-persunal u, li għaldaqstant għandhom jiġu żviluppati metodi anqas impenjattivi u l-aħjar prassi. 3.2.4. Aċċess awtomizzat għad-dejta Il-Kummissjoni tixtieq taċċenna li, bħalissa, anki biex meta wieħed ikun irid jikseb informazzjoni bażika dwar kummerċjanti stabbiliti fi Stati Membri oħra, it-talbiet għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. Fil-prattika dan il-proċess jieħu ħafna żmien u ħafna drabi d-dati tal-iskadenza sa meta wieħed jista' jwieġeb ma jiġux rispettati. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi li tistabbilixxi qafas legali sod li jippermetti lil awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed biex ikollha aċċess awtomizzat għal dejta speċifika disponibbliu fid-dejtabejż ta' Stat Membru ieħor li tirrelata mal-identifikazzjoni u l-attivitajiet ta' persuna taxxabbli. Huwa mistenni li fuq naħa tali aċċess awtomizzat se jnaqqas l-għadd ta' talbiet u għalhekk inaqqas l-użu ta' ririżorsi umani u min-naħa l-oħra se jħaffef l-iskambju tal-informazzjoni. Sintendi, tali aċċess għal dejtabejż ma jistax ikun ikopri informazzjoni sensittiva eż. dwar il-prassi fir-rigward tal-prezzijiet eċċ. 3.2.5. EUROFISC Approċċ ieħor li jista' jipprometti jkun il-ħolqien ta' netwerk Ewropew, imsejjaħ Eurofisc, għal kooperazzjoni operazzjonali aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Il-kompiti ewlenin tal-Eurofisc se jkunu li jipprovdi mekkaniżmu ta' twissija bikrija fil-livell multilaterali li tiġġieled kontra l-frodi tal-VAT bit-tama li tkun tista' żviluppata ċertu tip ta' valutazzoni tar-riskju komuni għat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, jikkoordina l-iskambju tal-informazzjoni u l-ħidma tal-Istati Membri parteċipanti fir-reazzjoni għal twissijiet li jidħlu, kif diġà ġiet implimentata min-netwerk Eurocanet maħluq mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa Belġjana u appoġġjata mill-Kummissjoni/l-Uffiċċju Ewropew ta' kontra l-Frodi. Il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2008[9] qabel dwar il-karatteristiċi prinċipali ta' netwerk bħal dan. Il-Kummissjoni qed tipparteċipa f'din id-diskussjoni b'ħafna interess u qed taħdem fuq proposta biex tinħoloq bażi legali soda għal tali netwerk. 3.3. Miżuri li jtejbu l-kapaċità tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa biex jiġbru u jirkupraw it-taxxi Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jtejbu l-possibiltajiet għall-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa biex jirkupraw it-telf tal-VAT f'kawżi transkonfinali. Barra minn hekk, se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fil-livell ġudizzjarju kontra min jagħmel il-frodi fit-territorju tagħhom li l-intervent tagħhom wassal għal telf tal-VAT fi Stat Membru ieħor. 3.3.1. Ir-responsabbiltà in solidum L-obbligu tal-fornitur biex jirrapporta t-tranżazzjonijiet inta-Komunitarji tiegħu huwa maħsub biex jipprovdi lill-Istat Membru tal-klijent bl-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet taxxabbli fit-territorju tiegħu. Nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi ta' rappurtar iċaħħad lil dak l-Istat Membru minn informazzjoni li setgħet wasslet għad-detezzjoni ta' frodi tal-VAT. Ta' min wieħed jinnota li l-provvediment għar-responsabbiltà in solidum teżisti diġà fid-Direttiva tal-VAT iżda s'issa l-użu tagħha mill-Istati Membri kienet ristretta għal tranżazzjonijiet domestiċi. Għalhekk, jista' jkun hemm ġustifikazzjoni biex wieħed iqis in-nuqqas ta' konformità mal-obbligu tar-rappurtar relatat ma' tranżazzjonijiet transkonfinali bħala raġuni biex l-operatur jinżamm responsabbli in solidum għal telf ta' taxxa fl-Istat Membru li ma kellu l-ebda possibbiltà li jieħu azzjoni kontra l-frodi fl-assenza tal-informazzjoni rilevanti. Approċċ bħal dan se jkollu żewġ konsegwenzi. Għandu jwassal għal żieda sostanzjali fil-kwalità tar-rappurtar li hija karattersitika ewlenija ta' kontroll. Barra minn hekk, permezz ta' din l-għodda addizzjonali f'idejn l-awtoritajiet tat-taxxa, l-istabbiliment ta' skemi ta' fordi isir aktar ikkumplikat. 3.3.2. Irkupru ta' taxxi Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta bl-intenzjoni li ttejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri fil-ġbir transkonfinali tat-taxxi. Strumenti uniformi li jippermettu l-infurzar jew miżuri ta' prekawzjoni għandhom inaqqsu l-piż amministrattiv tal-awtoritajiet konċernati u jrendu reazzjonijiet aktar imħaffa li huma kruċjali għas-suċċess ta' tali kooperazzjoni. 3.3.3. Responsabbiltà kondiviża biex jitħares id-dħul tal-Istati Membri kollha Il-Kunsill tal-ECOFIN tal-4 ta' Diċembru 2007 stieden lill-Istati Membri biex idaħħlu fil-livell nazzjonali, leġiżlazzjoni xierqa sabiex tiżgura protezzjoni paragunabbli f'termini ta' sanzjonijiet u proċedimenti kriminali kontra min iwettaq il-frodi, kemm jekk il-frodi li twettaq iwassal għal telf ta' dħul fit-territorju tagħhom stess u kemm jekk fit-territorju ta' Stati Membri oħra. Għadd ta' Stati Membri segwew din l-istedina u bdew diskussjonijiet interni fuq din il-kwistjoni. Stati Membri oħra ma ħadu l-ebda azzjoni s'issa. Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm fl-Istati Membri kollha protezzjoni xeirqa tad-dħul mill-VAT kollu indipendentement mill-Istat Membru fejn ikun dovut. Se tkompli tissorvelja s-segwitu fid-diversi Stati Membri u mhix se żżomm lura milli tagħmel il-proposti neċessarji fil-każ li azzjoni kkoordinata fuq bażi volontarja ma tkunx qed tagħti r-riżultati xierqa. 3.4. Ġabra ta' proposti leġiżlattivi L-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira mill-miżuri deskritti hawn tirrikjedi proposti mill-Kummisjoni li għalihom jeħtieġ li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u li għalihom ukoll teħtieġ issir diskussjoni fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni b'unanimità. Wara li qieset il-varjetà ta' miżuri meħtieġa u n-neċessità li jiġu emendati diversi atti ta' leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dawn il-miżuri fi tliet pakketti skont it-test legali prinċipali li jeħtieġ modifika filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni wkoll l-urġenza tal-miżuri u l-avvanz tax-xogħlijiet tat-tħejjija. Kif diġà ssemma' aktar 'il fuq l-ewwel proposta leġiżlattiva ġiet ippreżentata f'Marzu 2008 dwar it-tnaqqis tal-perjodi taż-żmien sabiex tħaffef l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-ewwel serje ta' proposti li ġejjin tiffoka fuq il-ġbir u l-irkupru tat-taxxi f'sitwazzjonijiet transkonfinali[10]. It-tieni pakkett huwa relatat mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.[11] Il-proposti jirrikjedu tibdiliet sostanzjali firr-Regolament 1798/2003 eżistenti. Aktar tibdiliet jistgħu jirriżultaw mir-rapport li l-Kummissjoni għandha tagħmel dwar il-funzjonament ta' kooperazzjoni amministrattiva. Peress li dawn it-tibdiliet huma numerużi u sabiex titjieb il-koerenza fil-qafas leġiżlattiv tiegħu, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun aktar xieraq li tipproponi riformulazzjoni sħiħa tar-Regolament. It-tielet pakkett ta' proposti leġiżlattivi se jkun fih ċerti aspetti kontra l-frodi, iżda se jkunu mmirati b'mod aktar ġenerali għat-titjib fil-funzjonament tas-sistema tal-VAT u b'mod partikolari dispożizzjonijiet tal-iffatturar. 4. RIFLESSJONIJIET LI JMORRU LIL HINN MILL-PROPOSTI IMMEDJATI Żviluppi teknoloġiċi, dawn l-aħħar snin, biddlu l-mod kif in-negozji u l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa jikkomunikaw. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jippermettu, jew f'ċerti każijiet jirrikjedu, li jiġu ssodisfati obbligi ta' dikjarazzjoni bil-mezzi elettroniċi. Għadd ta' Stati Membri għamlu progress fil-qasam tal-ivverifikar elettroniku, iżda ostakli legali u amministattivi għadhom jostakolaw l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Dawn l-avvanzi madankollu ta' sikwit ikollhom impatt limitat għaliex huma kostretti minħabba l-qafas tradizzjonali stabbilit għar-relazzjoni bejn il-pagaturi tat-taxxa u l-awtoritajiet tat-taxxa li jinvolvi rappurtar f'intervalli regolari u verifiki okkażjonali. Huwa raġonevoli li b'mod ġenerali l-ġestjoni tas-sistema tal-VAT fl-UE ma laħqitx mal-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni. Tassew li għadd ta' pajjiżi barra l-konfini tal-Ewropa għamlu aktar progress u implimentaw proċeduri li permezz tagħhom jiskambjaw l-informazzjoni - jew fil-ħin reali jew fuq bażi ta' kuljum – bejn il-pagaturi tat-taxxa u l-awtoritajiet tat-taxxa u b'hekk tejbu l-għodod ta' kontroll b'mod konsiderevoli. Ċerti Stati Membri qegħdin jesploraw modi ġodda ta' kif jittrattaw mal-pagaturi tat-taxxa u qed ikollhom diskussjonijiet man-negozji dwar il-konformità u s-sorveljanza ta' attivitajiet, bil-għan li jnaqqsu l-involviment tal-Awtorità tat-Taxxa u l-piż amministrattiv għal negozji. Teżisti kemm l-opportunità li jibnu fuq mudelli stabbiliti kif ukoll il-ħtieġa li jipprevjenu aktar komplikazzjonijiet għal negozji bħala riżultat tar-rekwiżiti tal-VAT li qed isiru dejjem aktar diverġenti. Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi bis-saħħa li l-Istati Membri jikkoordinaw l-iżviluppi tagħhom fl-IT. Għalkemm il-ġestjoni tas-sistema tal-VAT hija primarjament fir-responsabbiltà tal-Istati Membri, huwa fl-interess kemm tal-kummerċjanti u l-awtoritajiet tat-taxxa li din ir-riflessjoni ssir fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni altru li hija lesta biex tvara u tikkoordina d-diskussjonijiet dwar dan l-approċċ li jieħu aktar fit-tul. Biex it-tali ħidma tkun suċċess se tkun ħaġa kruċjali li sa mill-bidu l-partijiet kollha konċernati jkunu involuti b'mod attiv f'dan il-proċess u li kulħadd jipparteċipa b'moħħ miftuħ. Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jinħoloq grupp ad hoc li jinvolvi l-awtoritajiet tat-taxxa u rappreżentanti kemm ta' intrapriżi żgħar kif ukoll ta' daqs medju. L-għan ta' dan il-grupp ad hoc se jkun li jeżamina kif l-użu tal-għodod tal-IT jista' jtejjeb ir-relazzjoni bejn il-pagaturi tat-taxxa u l-awtoritajiet tat-taxxa f'termini tal-obbligi tal-VAT, il-verifika, u l-komunikazzjoni inġenerali għall-benefiċċju reċiproku tagħhom u sa fejn ftehim dwar il-ġbir tad-dejta ta' qofol ikun fattibbli – minkejja l-possibbiltà li hemm li tintalab dejta addizzjonali fejn meħtieġ. Il-mandat eżatt kif ukoll il-metodoloġija tax-xogħol – l-użu ta' sottogruppi li jaħdmu fuq temi speċifiċi - se jkollhom jiġu deċiżi fi stadju aktar tard bi qbil mal-partijiet kollha konċernati. L-importanti f'dan l-istadju huwa li l-Istati Membri kif ukoll ir-rappreżentanti tan-negozji jiftiehmu li jdaħħlu l-għarfien espert u r-riżorsi meħtieġa sabiex dan l-eżerċizzju jkollu ċ-ċans li jkun ta' suċċess. Il-ħtieġa għal approċċ aktar fit-tul se jkun wieħed mis-suġġetti tas-seminar li ġej organizzat mill-awtoritajiet Olandiżi tat-taxxa dwar il-frodi tal-VAT ippjanat għall-aħħar ta' Jannar 2009. Se jipprovdi opportunità lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tan-negozji u lill-Kummissjoni biex ikollhom l-ewwel skambju ta' opinjonijiet dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, din il-ħidma hija importanti fil-kuntest tal-impenn kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi li l-VAT jikkostitwixxi parti kbira tagħhom għan-negozji. 5. KONKLUżJONI Il-pjan ta' azzjoni fuq il-medda taż-żmien qasir kif deskritt hawn huwa r-riżultat konkret ta' sentejn diskussjonijiet estensivi mal-Istati Membri. Jipprovdi approċċ globali bil-għan li jittejbu l-għodod għall-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa biex il-frodi tal-VAT jiġu indirizzati fi stadji differenti tal-proċess. Il-Kummissjoni se terfa' r-responsabbiltà tagħha billi tressaq dawn il-proposti leġiżlattivi fi żmien xieraq. Hija konxja dwar il-fatt li għadd minn dawn il-proposti huma sostanzjonali sew u jmissu mal-bilanċ diffiċli bejn il-piżijiet tan-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa effikaċi; kwistjoni sensittiva li tista' tipprovoka diskussjoni estensiva meta l-Kummissjoni tressaq il-proposti konkreti tagħha. Minbarra dan, certi prassi amministrattivi li ilhom stabbiliti għal żmien twil jeħtieġ li jinbidlu u l-Istati Membri se jkollhom juru l-flessibbiltà neċessarja u r-rieda li jadattaw. Ċerti miżuri bħall-aċċess awtomatizzat għad-dejta se jirrikjedu ħidma sinifikanti ta' livell tekniku li għaliha l-Istat Membru għandu jkun ippreparat li jiddedika r-riżorsi meħtieġa. Meta wieħed iħares lejn kull waħda minn dawn il-miżuri separatament, huwa ċar li l-ebda waħda minnhom ma tirrappreżenta soluzzjoni "unika" u globali għall-eliminazzjoni tal-frodi tal-VAT. Kull miżura individwali għandha ġġib magħha valur miżjud iżda l-implimentazzjoni kumplessiva tagħhom biss se tipprovdi lill-awtoritajiet tat-taxxa b'qafas adegwat għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Is-suċċess tal-istrateġija kontra l-frodi fil-livell tal-UE fl-aħħar tiddependi fuq se jiġi adottat mill-Kunsill u fuq kemm dawn il-miżuri wara se jiddaħħlu malajr fil-prattika. Ir-responsabbiltà prinċipali għalhekk se taqa' f'idejn l-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx dan il-programmm ta' azzjoni bħala l-prodott finali iżda tarah bħala l-ewwel pass ewlieni f'approċċ ikkoordinat għall-ġestjoni tal-frodi tal-VAT fl-UE. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jeħtieġ li dawn l-isforzi jkomplu u tappella lill-partijiet l-oħra kollha konċernati biex, kif għamlu s'issa, ikomplu jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju. Anness 1: Proposti leġiżlattivi: Proposta mressqa f'Marzu 2008 Il-miżura | Tibdiliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni | Tnaqqis fil-perjodi taż-żmien (3.2.1) | Id-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE u r-Regolament 1798/2003 | L-ewwel serje ta' proposti Miżuri | Tibdiliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni | Ir-responsabbiltà in solidum (3.3.1.) | Id-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE u potenzjalment Regolament ta' Implimentazzjoni | L-iffissar tal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT mal-importazzjoni (3.3.2.) | Id-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE u potenzjalment Regolament ta' Implimentazzjoni | Għajnuna reċiproka fl-Irkupru (3.3.2) | Regolament ġdid | It-tieni serje ta' proposti. Miżuri | Tibdiliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni | Aċċess awtomizzat għad-dejta (3.2.4) | Riformulazzjoni tar-Regolament 1798/2003 | Konferma tal-isem u l-indirizz tal-pagaturi tat-taxxa fil-VIES (3.1.2) | Riformulazzjoni tar-Regolament 1798/2003 | Standards minimi komuni għar-reġistrazzjoni u għat-tneħħija mir-reġistrazzjoni fil-VIES (3.1.1) | Riformulazzjoni tar-Regolament 1798/2003 u potenzjalment Regolament ta' Implimentazzjoni | Responsabbiltà kondiviża biex jitħares l-Introjtu tal-Istati Membri kollha (3.3.3) | Riformulazzjoni tar-Regolament 1798/2003 | EUROFISC (3.2.5.) | Riformulazzjoni tar-Regolament 1798/2003 | It-tielet serje ta' proposti. Miżuri | Tibdiliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni | Regoli tal-iffatturar (3.1.3) | Id-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE | Impożizzjoni [Imposti dovuti] fuq tranżazzjonijiet Intra-Komunitarji (3.1.4.) | Id-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE | [1] COM(2006)254 finali, 31.5.2006 [2] COM(2007)758 finali, 23.11.2007 [3] SEC(2007)1584, 23.11.2007 [4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2007, 15698/07 (Presse 270). [5] COM(2008)109 finali, 22.2.2008 u SEC(2008)249, 22.2.2008 [6] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2006, 15502/06 (Presse 332) u tal-5 ta' Ġunju 2007, 10319/07 (Presse 126) [7] SEC(2007)740, 25.05.2007 u SEC(2007)1584, 23.11.2007 [8] COM(2008)147 finali, 17.3.2008 [9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru, 13784/08 (Presse 279). [10] Il-miżura proposta hija relatata mal-kondizzjoni ta' "Responsabbiltà in solidum " (par. 3.3.1), għall-eżenzjoni tal-VAT mal-importazzjoni (par. 3.2.2) u "L-irkupru tat-taxxi" (par. 3.3.2). [11] Il-miżuri proposti huma relatati ma' "Aċċess awtomatizzat għad-dejta (par. 3.2.4), "Konferma ta' isem u indirizz tal-pagaturi tat-taxxa fil-VIES" (par. 3.1.2), "Standards minimi komuni għar-reġistrazzjoni u t-tneħħija mir-reġistrazzjoni fil-VIES (par. 3.1.1), "Responsabbiltà kondiviża għall-protezzjoni tal-Introjtu kollu tal-Istati Membri" (par. 3.3.3) u "EUROFISC" (par. 3.2.5).