52008DC0750

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-pjan komprensiv għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) (il-pjan komprensiv għall-ATM) /* KUMM/2008/0750 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.11.2008

KUMM(2008) 750 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

IL-PJAN KOMPRENSIV GĦALL-ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU (ATM) (IL-PJAN KOMPRENSIV GĦALL-ATM)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

IL-PJAN KOMPRENSIV GĦALL-ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU (ATM) (IL-PJAN KOMPRENSIV GĦALL-ATM)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. Daħla

Il-pjan komprensiv għall-ATM jipprovdi programm għall-istadji tal-iżvilupp u tat-tlestija għall-użu tal-programm SESAR, li jifforma l-pilastru teknoloġiku tal-politika għall-Ajru Uniku Ewropew. Il-programm SESAR għandu l-għan jiżviluppa s-sistema tal-ġenerazzjoni l-ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li jkollha l-ħila tiżgura s-sikurezza u l-effiċjenza tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa kollha għat-tletin sena li ġejjin.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li l-ewwel tappoġġa l-approvazzjoni tal-pjan komprensiv tas-SESAR mill-Kunsill bħala l-pjan komprensiv għall-ATM tal-bidu. Din tinkludi valutazzjoni, kif intalab mill-Kunsill, tal-pjan komprensiv tas-SESAR b'iffukar speċifiku fuq il-ġestjoni ambjentali u tar-riskji[1]. Din l-approvazzjoni hija prerekwiżit għall-adozzjoni tal-pjan komprensiv għall-ATM mill-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta għas-SESAR[2].

It-tieni nett, filwaqt li tagħraf li l-pjan komprensiv għall-ATM huwa dokument li qed jevolvi[3], din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-proċess li bih dan il-pjan komprensiv għandu jiġi aġġornat. Dan il-proċess jikkonferma r-rwol importanti tal-impriża konġunta għas-SESAR u tal-Bord Amministrattiv tagħha fil-ġestjoni tal-pjan komprensiv għall-ATM filwaqt li jiżgura li kwalunkwe tibdil sinifikanti jsir skont proċess formali li, permezz tiegħu, l-Istati Membri se jkomplu jħaddmu l-kontroll tagħhom[4].

2. Il-Pjan Komprensiv għall-ATM

2.1. Nibnu fuq l-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR

L-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR ġie ffinanzjat b'mod konġunt mill-Komunità u mill-Eurocontrol. Huwa twettaq mill-Konsorzju tas-SESAR li kien stabbilit bi ftehim kuntrattwali li għaqqad flimkien il-ħiliet u l-għarfien espert tal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-qasam tal-ATM. Il-Konsorzju tas-SESAR irrappreżenta inizjattiva unika li għaqqdet flimkien l-aqwa għarfien espert Ewropew fil-qasam tal-ATM.

L-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR wassal għal għadd ta' riżultati li jistabbilixxu l-bażi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kunċett il-ġdid tal-ATM, u li jindirizzaw l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u tal-validazzjoni segwiti mit-tlestija ikkoordinata għall-użu[5].

Fost ir-riżultati mill-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR, il-pjan komprensiv tas-SESAR huwa l-iktar wieħed importanti, u jinkludi l-oqsma tat-titjib fir-rendiment, l-elementi tal-kunċett fil-mira tal-ATM, kif ukoll l-analiżi tal-qligħ meta mqabbel man-nefqa, u jistabbilixxi l-pjan għall-implimentazzjoni tat-titjib operattiv fi programm ta' ħidma tas-SESAR koerenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi li tapprova l-Pjan Komprensiv tas-SESAR bħala l-Pjan Komprensiv għall-ATM tal-bidu.

2.2. Il-Pjan Komprensiv tas-SESAR

2.2.1. L-għanijiet

Fl-ogħla livell, il-pjan komprensiv tas-SESAR jispjega kif għandha tiġi żviluppata u titlesta għall-użu s-sistema l-ġdida għall-ATM li tappoġġa l-kunċett il-ġdid tal-ATM li huwa meħtieġ sabiex jingħata kontribut sinifikanti għall-għanijiet ġenerali tal-politika dwar l-Ajru Uniku Ewropew.

2.2.2. Il-kunċett il-ġdid tal-ATM

Il-kontribuzzjonijiet tas-SESAR għall-għanijiet ġenerali tal-Ajru Uniku se jirriżultaw minn approċċ kompletament ġdid għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru magħruf bħala l-kunċett ta' ħidma tas-SESAR[6]. Il-karatteristiċi ewlenin huma:

1. Il-bidla minn ħidmiet ibbażati fuq l-ispazju tal-ajru għal dawk ibbażati fuq it-trajettorja , sabiex kwalunkwe inġenju tal-ajru jikseb ir-rotta ppreferuta tiegħu u l-ħin tal-wasla tiegħu.

2. L-ippjanar b'mod kollaborattiv , sabiex il-partijiet kollha involuti fil-ġestjoni tat-titjiriet mill-waqt tat-tluq sa dak tal-wasla jkunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom skont ir-rendiment li se tagħti s-sistema[7].

3. Il-ġestjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru permezz ta' koordinazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet ċivili u dawk militari.

4. Teknoloġiji ġodda li jipprovdu navigazzjoni aktar eżatta fl-ajru u tqassim aħjar tal-ispazju ta' bejn l-inġenji tal-ajru sabiex l-ispazju tal-ajru u l-kapaċità tal-ajruporti jitkabbru kemm jista' jkun. It-teknoloġiji l-ġodda se jiddaħħlu f'arkitettura teknika armonizzata u interoperabbli filwaqt li jappoġġaw il-ħtiġijiet tar-reġjuni kollha tal-Ewropa.

5. Rwol ċentrali għall-bniedem , li jkun appoġġat b'mod wiesa' b'għodda avvanzati sabiex jaħdem b'mod sikur u mingħajr pressjoni żejda.

2.2.3. It-triq 'il quddiem: Il-Pakketti ta' Implimentazzjoni u l-Livelli tas-Servizzi

Il-Pjan Komprensiv tas-SESAR huwa magħmul minn tliet Pakketti ta' Implimentazzjoni li kull wieħed minnhom huwa magħmul minn żewġ Livelli ta' Servizzi. L-Anness A jagħti iktar tagħrif dwar il-Pakketti ta' Implimentazzjoni u dwar il-Livelli tas-Servizzi.

2.3. Il-valutazzjoni tal-Pjan Komprensiv tas-SESAR

Il-Kummissjoni tqis li r-riżultat tal-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR huwa l-iktar bażi li wieħed jista' joqgħod fuqha llum sabiex jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-istadji tal-iżvilupp u tat-tlestija għall-użu tal-programm tas-SESAR li ġejjin.

Madanakollu, ir-riżultat tal-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR ma jistax jitqies bħala l-pjan aħħari. L-istadju tal-iżvilupp issa qed jieħu post dak ta' definizzjoni[8], u se jwassal għall-validazzjoni ta' teknoloġiji ġodda sabiex jitjiebu r-rendimenti u s-servizzi, u b'hekk jiġi kkonsolidat il-Pjan Komprensiv għall-ATM. Għalhekk, il-Pjan Komprensiv għall-ATM huwa, minnu nnifsu, dokument ħaj.

Il-paragrafi li ġejjin għandhom l-għan li jagħtu ħarsa ġenerali lejn it-temi li huma mistennija jkomplu jissaħħu waqt l-istadju tal-iżvilupp.

2.3.1. Il-kisba ta' għanijiet soċjali

Fl-2005, il-Kummissjoni ddikjarat il-viżjoni politika u l-għanijiet ta' livell għoli għall-Ajru Uniku Ewropew u għall-pilastru teknoloġiku tiegħu:

- Li tippermetti żieda ta' tliet darbiet aktar fil-kapaċità li se tnaqqas ukoll id-dewmien, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru;

- Li ttejjeb ir-rendiment tas-sikurezza b'fattur ta' 10;

- Li tippermetti tnaqqis ta' 10 % fl-impatt tat-titjiriet fuq l-ambjent, u;

- Li tipprovdi servizzi tal-ATM lill-utenti tal-ispazju tal-ajru bi spiża li tkun mill-inqas 50 % inqas milli hi.

L-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR ikkonkluda li l-ATM tista' tagħti kontribut sinifikanti sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Għall-2020, is-SESAR qed jimmira li[9]:

- iżid il-kapaċità b'73 % minn dik tal-2004;

- ikun hemm titjib assoċjat fis-sikurezza, sabiex l-għadd totali ta' aċċidenti li jiġru minħabba l-ATM u l-inċidenti serji jew ta' riskju ma jiżdidux minkejja t-tkabbir fit-traffiku;

- ikun hemm tnaqqis ta' 10 % fl-impatt ambjentali ta' kull titjira meta mqabbel mal-2005; kif ukoll

- ikun hemm tnaqqis ta' 50 % fl-ispiża għal kull titjira meta mqabbel mal-2004.

Il-kontribut tas-SESAR għall-għanijiet soċjali stabbiliti mill-Kummissjoni għandhom ikunu analizzati b'mod kontinwu mill-Impriża Konġunta tas-SESAR u jinżammu aġġornati permezz ta' verżjonijiet futuri tal-Pjan Komprensiv għall-ATM.

2.3.2. L-ambjent

B'żewġ għanijiet ewlenin fl-oqsma ambjentali, il-programm tas-SESAR jirrifletti t-tkabbir fil-pressjoni ambjentali u fl-importanza tagħha fi ħdan il-komunità tal-ATM. Dawn l-għanijiet huma:

- Li jinkiseb titjib fl-emissjonijiet: Għall-2020, il-mira tas-SESAR hi li jkun hemm iffrankar ta' 10 % fuq il-fjuwil għal kull titjira minħabba t-titjib fl-ATM biss, u b'hekk ikun jista' jkun hemm tnaqqis ta' 10 % tal-emissjonijiet tal-gass għal kull titjira;

- Li tittejjeb il-ġestjoni tal-istorbju u tal-impatt tiegħu: biex jiġi żgurat li għal kull titjira, dan jitnaqqas kemm jista' jkun sal-ikbar estent possibbli.

Jekk l-istadju tal-iżvilupp jikkonkludi li t-titjib fl-ATM waħdu ma jistax jissodisfa l-għanijiet t'hawn fuq, il-koordinazzjoni xierqa bejn is-SESAR u s-Sema Nadifa[10] se tippermetti l-bilanċ meħtieġ bejn iż-żewġ inizjattivi, u tiżgura li, meta jingħaddu l-kontributi rispettivi tagħhom, l-għanijiet ambjentali jkunu għadhom jistgħu jintlaħqu. Kwalunkwe evoluzzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontribut li s-SESAR mistenni jkollu fuq it-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru se jintwera fil-verżjonijiet futuri tal-Pjan Komprensiv għall-ATM.

2.3.3. L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni

L-interoperabbiltà hija l-fattur ewlieni għas-suċċess tas-SESAR. L-utenti tal-ispazju tal-ajru esprimew b'mod ċar il-ħtieġa tagħhom li jtiru mad-dinja kollha b'tagħmir uniku fl-ajru li jkun interoperabbli ma' kwalunkwe sistema tal-ATM ta' fuq l-art: is-SESAR fl-Ewropa, in-Nextgen fl-Istati Uniti u kwalunkwe estensjoni ta' dawn iż-żewġ sistemi jew kwalunkwe inizjattiva teknoloġika ekwivalenti fir-reġjuni l-oħra tad-dinja[11].

L-interoperabbiltà teħtieġ standards u normi miftehmin b'mod internazzjonali. L-istadju tal-iżvilupp tas-SESAR se jagħti l-bażi teknika biex dawn jiġu ddefiniti. Se jkun żviluppat pjan għall-istandardizzazzjoni bħala kapitlu speċifiku fil-Pjan Komprensiv għall-ATM u se jinżamm aġġornat. Dan se jippermetti lill-partijiet interessati fil-qasam tal-ATM li jantiċipaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex iħaffu l-adozzjoni tal-proposti tekniċi tas-SESAR mill-korpi ta' standardizzazzjoni rilevanti bħala standards u normi.

2.3.4. It-tlestija għall-użu

L-istadju tat-tlestija għall-użu tas-SESAR huwa magħmul minn sensiela ta' tliet Pakketti ta' Implimentazzjoni li jiġu b'Titjib Operattiv. It-tlestija għall-użu tal-Pakketti ta' Implimentazzjoni se jkun appoġġat mill-qafas legali Komunitarju eżistenti (ir-Regoli ta' Implimentazzjoni u l-Ispeċifikazzjonijiet Komunitarji). Dan se jifforma pjan regolatorju li għandu jiġi żviluppat mill-Kummissjoni u li għandu jinżamm konsistenti mal-Pjan Komprensiv għall-ATM.

Is-sejbiet tal-istadju tal-iżvilupp kif ukoll l-evoluzzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-partijiet interessati fil-qasam tal-ATM jeħtieġu valutazzjoni kontinwa ta' dawn il-Pakketti ta' Implimentazzjoni bil-għan li jissaħħaħ l-involviment tal-partijiet interessati kollha.

Illum il-ġurnata, il-kwistjoni hi dwar il-Pakkett ta' Implimentazzjoni nru 1. Dan joffri l-linja bażika li fuqha se jissejsu l-Pakketti sussegwenti. It-Titjib Operattiv li jinkludi se jiġi analizzat biex ikun żgurat li dan jissodisfa l-aspettattivi l-aktar urġenti. L-evoluzzjonijiet tal-Pakkett ta' Implimentazzjoni nru 1 se jiddaħħlu permezz ta' aġġornamenti tal-Pjan Komprensiv għall-ATM.

2.3.5. L-analiżi tal-profittabbiltà

Il-ħidma tal-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR biex jiġu stabbiliti l-analiżi tal-bidu tal-profittabbiltà u l-analiżi tal-qligħ meta mqabbel man-nefqa għandha tkun analizzata b'mod kontinwu fid-dawl tal-evoluzzjonijiet tal-Pjan Komprensiv għall-ATM. Barra minn hekk, għad hemm bżonn issir valutazzjoni tal-mekkaniżmi speċifiċi għall-iffinanzjar tal-Pakkett ta' Implimentazzjoni nru 1[12]. Għad iridu jiġu żviluppati wkoll analiżi speċifiċi tal-profittabbiltà għall-avjazzjoni militari, għall-inġenji tal-ajru bla bdot, għall-avjazzjoni ġenerali, għall-avjazzjoni għan-negozju, inklużi l-ġettijiet ħfief ħafna u għall-ħelikopters.

It-tisħiħ tal-analiżi ġenerali tal-profittabbiltà tas-SESAR u l-iżvilupp ta' analiżi speċifiċi tal-profittabbiltà għandu jintwera fil-verżjonijiet futuri tal-Pjan ta' Ġestjoni għall-ATM.

2.3.6. Il-ġestjoni tar-riskju

Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Impriża Konġunta timplimenta proċess għall-ġestjoni tar-riskju[13]. Il-Pjan Komprensiv tas-SESAR jipprovdi l-bażi għal dan il-proċess għall-ġestjoni tar-riskju b'identifikazzjoni bikrija tar-riskji ta' livell għoli u azzjonijiet ta' mitigazzjoni relatati magħhom.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-forniment tas-servizz, ir-riskji ta' livell għoli huma:

- In-nuqqas ta' omoġeneità meta l-Pakkett ta' Implimentazzjoni nru 1 ikun lest għall-użu;

- In-nuqqas ta' governanza fl-istadju tat-tlestija għall-użu li jwassal għal tlestija għall-użu bla suċċess tal-Pakketti ta' Implimentazzjoni nru 2 u 3;

- In-nuqqas ta' investiment fis-SESAR mill-partijiet interessati ewlenin;

- In-nuqqas ta' u/jew dewmien fl-iżvilupp jew fil-validazzjoni tat-teknoloġiji avvanzati meħtieġa biex ikun appoġġat il-kunċett il-ġdid tal-ATM;

- In-nuqqas ta' u/jew dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistema għall-Ġestjoni tat-Tagħrif Mifruxa mas-Sistema kollha.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet istituzzjonali u tal-ġestjoni, ir-riskji ta' livell għoli huma:

- Li ma jkunx hemm biżżejjed appoġġ mill-qafas regolatorju għall-proċess tat-tlestija għall-użu;

- Li jkun hemm nuqqas ta' ġestjoni tar-riżorsi umani fi żminijiet ta' bidla;

- Li ma jkunx hemm deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew jew li din issir tard.

Sabiex ikun hemm ġestjoni effiċjenti ta' dawn ir-riskji, ġew identifikati iktar minn 40 azzjoni ta' mitigazzjoni, li minnhom diġà twettqu iktar minn 25 bi tnaqqis sinifikanti tar-riskji mistenni mill-2009[14]. Kull aġġornament tal-Pjan Komprensiv għall-ATM għandu jinkludi analiżi tar-riskji ta' prijorità għolja u tal-azzjonijiet ta' mitigazzjoni relatati.

2.4. L-approvazzjoni tal-Pjan Komprensiv tas-SESAR bħala l-Pjan Komprensiv għall-ATM

Fil-kuntest tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill li japprova l-Pjan Komprensiv tas-SESAR bħala l-Pjan Komprensiv għall-ATM[15]. L-approvazzjoni tal-Pjan Komprensiv tas-SESAR bħala l-Pjan Komprensiv għall-ATM tal-bidu ma tfissirx impenn ta' iktar Stati Membri minn dawk imniżżlin fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-tnedija tal-istadju tal-iżvilupp tal-programm tas-SESAR[16].

3. Il-ġestjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM

Minħabba li l-Pjan Komprensiv huwa dokument li jevolvi , għandu jintlaħaq ftehim dwar il-proċess sabiex jiġu adottati l-aġġornamenti tiegħu fil-ġejjieni. Dan jerġa' huwa aktar importanti minħabba li l-aġġornamenti tal-Pjan Komprensiv għall-ATM se jkunu adottati mill-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta tas-SESAR[17].

3.1. Lejn l-ewwel adozzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM

Il-proċess kollu jibda bl-approvazzjoni tal-pjan komprensiv tas-SESAR mill-Kunsill bħala l-pjan komprensiv għall-ATM tal-bidu. Imbagħad għandhom jiġu segwiti l-passi li ġejjin:

- Il-Kummissjoni tibgħat il-Pjan Komprensiv għall-ATM lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni tiegħu[18];

- Il-Kummissjoni tinforma lill-Impriża Konġunta tas-SESAR dwar l-approvazzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM;

- Il-Bord Amministrattiv jadotta l-Pjan Komprensiv għall-ATM li jkun ġie approvat qabel mill-Kunsill[19].

3.2. Iċ-ċiklu ta' ħajjet il-Pjan Komprensiv għall-ATM

Bl-adozzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM mill-Bord Amministrattiv, l-Impriża Konġunta se jkollha l-bażi meħtieġa biex tistabbilixxi l-programm ta' ħidma tagħha.

Il-Pjan Komprensiv għall-ATM imbagħad jidħol fiċ-ċiklu tal-ħajja regolari tiegħu, li fih l-Impriża Konġunta tas-SESAR ikollha f'idejha l-ġestjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM. Kull darba li aġġornament sinifikanti[20] tal-Pjan Komprensiv għall-ATM ikun lest biex jiġi eżaminat mill-Bord Amministrattiv[21], għandhom jiġu segwiti l-passi li ġejjin:

- Meta bidla sinifikanti fil-Pjan Komprensiv għall-ATM tkun lesta biex tiġi eżaminata mill-Bord Amministrattiv, din tintbagħat lill-membri tiegħu kollha, inkluża l-Kummissjoni.

- L-aġġornament tal-Pjan Komprensiv għall-ATM, kif propost mill-Impriża Konġunta tas-SESAR għandu jitressaq mill-Kummissjoni lill-Kumitat għall-Ajru Uniku, bil-għan li tiġi adottata pożizzjoni Komunitarja dwar din il-proposta[22]. Permezz ta' din il-konsultazzjoni, l-Istati Membri jkomplu jeżerċitaw il-kontroll tagħhom fuq il-Pjan Komprensiv għall-ATM u fuq it-twettiq tiegħu.

- Il-pożizzjoni Komunitarja għandha tissemma mill-Kummissjoni waqt il-Bord Amministrattiv meta jkun hemm il-votazzjoni dwar l-adozzjoni ta' aġġornament tal-Pjan Komprensiv għall-ATM[23].

4. L-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM

L-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM qiegħda f'idejn l-Impriża Konġunta tas-SESAR[24].

Il-Kummissjoni għandha tagħti rapporti regolari lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-Impriża Konġunta fl-implimentazzjoni tal-Pjan Komprensiv għall-ATM[25].

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja wkoll il-konsistenza mal-Pjan Ġenerali ta' Implimentazzjoni tal-ICAO.

5. Il-konklużjoni

Il-Pjan Komprensiv għall-ATM huwa element ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. L-approvazzjoni tiegħu se jgħaġġel l-evoluzzjoni teknoloġika tas-sistemi attwali għall-ATM, li hija meħtieġa b'mod urġenti, sabiex ikun hemm appoġġ għall-kunċett il-ġdid tas-SESAR tal-ATM u għall-kontributi ewlenin tiegħu għall-għanijiet soċjali tal-Ajru Uniku Ewropew.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill japprova l-Pjan Komprensiv tas-SESAR bħala l-Pjan Komprensiv għall-ATM tal-bidu flimkien mal-proċedura sabiex ikun aġġornat il-Pjan Komprensiv għall-ATM.

ANNESS A

THE ATM MASTER PLAN OVERVIEW: SESAR IMPLEMENTATION PACKAGES AND SERVICE LEVELS

The overall plan for the development and deployment of SESAR and its corresponding network is illustrated in Figure 1 below.

[pic]

Figure 1 - Master Plan Overview

Services levels 0 to 5 are shortly described in the table below.

Service levels | 0 | 1 | 2 | 3 | 4 | 5 |

Key achievements | Rolling out best practises | Preparing trajectory based operations | Implementing net-centric trajectory management | Achieving advanced automation on a shared trajectory environment | Extending operations with advanced separation modes | Accommodating full 4 dimension trajectory management based on user preferred routes |

Key dates[26] | Now / 2012 | 2009 / 2013 | 2013 / 2019 | 2017 / 2020 | 2020/2025 | From 2025 |

Examples of operational improvements[27] | Continuous descent approach Flexible air traffic control sectors Continuous climb departure Initial data-link Automatic flight conformance monitoring Basic departure management Arrival management Ground based safety nets Runway occupancy time optimisation techniques | Interactive rolling network operations plan Manual user driven prioritisation process Arrival/departure management integration Airborne traffic awareness in flight and on ground Airborne and on ground traffic separation Improved low visibility procedure | Full set of complexity management tools Airborne spacing, sequencing and merging 2 dimension precision trajectory clearances on pre-defined routes Automatic surface movement planning and routing Separation adjustment based on wake vortex detection | Dynamic terminal areas and flexible military areas Dynamic air traffic flow management using reference business trajectory Dynamic reference business trajectory revision using data-link 2 dimension precision trajectory clearances on user preferred routes 3 dimension precision trajectory clearances on pre-defined routes Full set of advanced controllers tools Automatic airborne separation | Dynamic mobile areas Free routing outside terminal areas 3 dimension precision trajectory clearances on user preferred routes Delegation of the separation 1 to 1 aircraft for crossing/passing manoeuvres Advanced safety nets with full compatibility between ground based and airborne tools Use of synthetic vision in low visibility conditions Remotely controlled aerodrome | Real time adaptation of air traffic control sectors Aircraft spacing self adjustment based on wake vortex detection Delegation of the separation 1 to several aircraft 4 dimension precision trajectory clearances on user preferred routes |

Table 1: overview of SESAR service levels 0 to 5

[1] L-Artikoli 5 u 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR, adottata fid-9 ta' Ottubru 2008.

[2] L-Artikolu 5.1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007.

[3] L-Artikolu 6 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR, adottata fid-9 ta' Ottubru 2008.

[4] L-Artikolu 7 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR, adottata fid-9 ta' Ottubru 2008.

[5] Is-sitt riżultati ewlenin mill-istadju ta' definizzjoni tas-SESAR huma: Id-dokument D1- Il-qafas għat-trasport bl-ajru (referenza V3.0, Lulju 2006); Id-dokument D2- Il-mira tar-rendiment (referenza DLM-0607-001-02-00a, Diċembru 2006); Id-dokument D3- Il-kunċett fil-mira tal-ATM (referenza DLM-0612-001-02-00a, Settembru 2007); Id-dokument D4- Is-sekwenza tat-tlestija għall-użu (referenza DLM-0706-001-02-00, Jannar 2008); Id-dokument D5- Il-pjan komprensiv tas-SESAR (referenza DLM-0710-001-02-00, April 2008); Id-dokument D6- Il-programm ta' ħidma għall-2008 sal-2013 (referenza DLM-0710-002-02-00, April 2008); dawn jistgħu jitniżżlu mis-sit: https://www.atmmasterplan.eu

[6] Kunċett ta' ħidma huwa deskrizzjoni ddettaljata ta' kif jiġi applikat kunċett operattiv. Huwa jidentifika l-funzjonijiet u l-proċessi, u l-interazzjonijiet u l-flussi tat-tagħrif korrispondenti tagħhom; l-atturi kkonċernati, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom.

[7] L-ippjanar b'mod kollaborattiv se jissejjes b'Sistema għat-Tagħrif Mifruxa mas-Sistema kollha (SWIM) li tipprovdi tagħrif aġġornat lill-partijiet involuti kollha.

[8] Skont l-Artikolu 4 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR li ġiet adottata nhar id-9 ta' Ottubru, 2008.

[9] Id-dokument SESAR D5 - Il-Pjan Komprensiv tas-SESAR (referenza DLM-0710-001-02-00, April 2008) §2.1.1; Il-kisba ta' dawn ir-rendimenti se tiġi vvalutata skont indikaturi ewlenin tar-rendiment iddefiniti għall-programm tas-SESAR u mnisslin mill-istandards tal-ICAO. Per eżempju: It-titjira annwali tal-IFR fl-Ewropa (il-kapaċità); it-total annwali waqt ir-rotta (l-effikaċja f'termini tan-nefqa); it-titjiriet skedati li jitilqu fil-ħin (l-effiċjenza). Hemm Indikaturi Ewlenin oħrajn tar-Rendiment biex jiġu vvalutati l-flessibbiltà, il-prevedibbiltà, is-sikurezza u s-sostenibbiltà ambjentali (ara d-dokument D5 §2.1).

[10] Sema Nadifa hija Inizjattiva Teknoloġika Konġunta li se tiżviluppa teknoloġiji innovattivi sabiex l-impatt tat-trasport bl-ajru fuq l-ambjent jitjieb b'mod sinifikanti. Iktar tagħrif jinsab fuq is-sit: http://www.cleansky.eu

[11] Ir-riżultat tal-Forum tal-ICAO li sar f'Montreal mit-8 sal-10 ta' Settembru 2008 dwar l-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tan-NextGen u tas-SESAR fil-Qafas Globali tal-ATM.

[12] Għotjiet li ma jitħallsux lura, posponiment tal-imposti tad-deprezzament, inċentivi finanzjarji.

[13] L-Artikolu 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR, adottata fid-9 ta' Ottubru 2008.

[14] Id-dokument SESAR D5 - Il-Pjan Komprensiv tas-SESAR (referenza DLM-0710-001-02-00, April 2008) §5.

[15] Kif meħtieġ mill-Artikolu 1.2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR).

[16] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR, adottata fid-9 ta' Ottubru 2008.

[17] L-Artikolu 5.1a tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007.

[18] L-Artikolu 1.3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007.

[19] L-Artikolu 5.1a tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007.

[20] Bidla sinifikanti tfisser bidla li għandha impatt fuq l-investimenti (l-ispejjeż), ir-rendiment (il-benefiċċji) jew il-perjodi taż-żmien. Il-bidliet mhux sinifikanti jiġu ttrattati b'mod intern mill-Impriża Konġunta tas-SESAR. Il-proċess li għandu jiġi applikat għal aġġornamenti mhux sinifikanti mhuwiex fl-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni.

[21] Bħala parti mill-programm ta' ħidma tagħha, l-Impriża Konġunta tas-SESAR żviluppat pakkett ta' ħidma li huwa ddedikat b'mod sħiħ għaż-żamma tal-Pjan Komprensiv għall-ATM (id-WP C). Dan il-pakkett ta' ħidma huwa konformi mal-proċessi ta' livell għoli deskritti f'din il-Komunikazzjoni.

[22] L-Artikolu 5.4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999.

[23] L-Artikolu 4.6 tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007.

[24] L-Artikolu 1.5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 u l-Artikolu 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SESAR, adottata fid-9 ta' Ottubru 2008.

[25] L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007.

[26] Two dates are presented for each service level. The first date means some features of the service level are available in some specific areas. The second date means full service level is available in most areas.

[27] Refer to SESAR D5 - SESAR Master Plan (ref. DLM-0710-001-02-00, April 2008) §3 for full list of operational improvements arranged by lines of changes