Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa /* KUMM/2008/0642 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.10.2008 KUMM(2008) 642 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa 1. INTRODUZZJONI Il-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima, l-iżviluppi demografiċi u l-flussi migratorji, it-tmexxija sostenibbli tar-riżorsi naturali bħar-riżorsi marittimi u l-prodotti agrikoli jidhru fost l-isfidi li l-Ewropa kollha qed tħabbat wiċċha magħhom. Konxja mill-vulnerabbiltà u l-espożizzjoni partikolari tar-reġjuni l-aktar imbiegħda għal dawn l-isfidi u sabiex tkattar id-diskussjoni tagħha dwar l-iżvilupp tal-istrateġija Ewropea għal dawn ir-reġjuni, f'Settembru 2007, il-Kummissjoni niedet konsultazzjoni vasta[1] mal-istituzzjonijiet Ewropej, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, gruppi soċjoprofessjonali, ċentri ta' riċerka u universitajiet u organizzat konferenza interistituzzjonali u ta' sħubija fl-14 u l-15 ta' Mejju 2008 fi Brussell. L-għadd ta' kontributi riċevuti juru rieda ċara li tiġi valorizzata u approfondita d-dimensjoni tal-postijiet l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea (UE) u li toħroġ strateġija mġedda li timmarka bidla ta' paradigma– ir-reġjuni l-aktar imbiegħda bħala "reġjuni – opportunità" li għandhom potenzjali ta' żvilupp – filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Imsejsa fuq dawn id-diskussjonijiet kollha, din il-Komunikazzjoni: - Twieġeb għat-talba indirizzata lill-Kummissjoni mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern li tippreżenta r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll il-proposti rigward dan (Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Diċembru 2007 § 59). - Tipproponi bidla ta' strateġija għall-iżvilupp tal-istrateġija, li tiftaħ it-triq għall-paradigma l-ġdida, u tagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex tiżgura l-aħjar użu tal-istrumenti u l-possibbiltajiet eżistenti f'dan il-qafas finanzjarju (2007-2013). 2. ŻVILUPP TAL-ISTRATEġIJA EWROPEA GħAR-REġJUNI L-AKTAR IMBIEGħDA Mill-1999, l-UE għarfet ir-realtajiet ġeografiċi u ekonomiċi differenti tar-reġjuni l-aktar imbiegħda meta mqabbel mar-reġjuni Ewropej l-oħra. distanza, insularità, superfiċje żgħira, art u klima diffiċli, dipendenza ekonomika rigward numru żgħir ta’ prodotti (ara l-Artikolu 299 § 2 tat-Trattat KE). Dawn ir-realtajiet huma żvantaġġi għall-iżvilupp sostenibbli u armonjuż tagħhom li l-UE, permezz tal-programmi u azzjonijiet differenti, għandha l-għan tnaqqas sabiex tħeġġeġ il-konverġenza ekonomika u soċjali ta' dawn ir-reġjuni[2]. Fl-2004, l-UE ddefinixxiet strateġija li tistrieħ fuq approċċ integrat madwar tliet assi: l-aċċessibbiltà u t-tnaqqis tal-effetti tal-limiti l-oħra, il-kompetittività u l-integrazzjoni reġjonali. Dan l-approċċ, minħabba n-natura permanenti tad-dgħufijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, jibqa' jgħodd iżda jeħtieġ approfondiment sabiex jindirizza l-isfidi ġodda. Barra minn hekk, f'Settembru 2007[3], il-Kummissjoni għarfet il-bżonn: "li tkompli l-isforz ta' addattament tal-politiki Komunitarji u ta' appoġġ speċifiku kull darba li jeħtieġ". Din il-kunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tkompliet, mill-2007, permezz tal-adozzjoni tal-programmi l-ġodda u l-miżuri favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u għalhekk għandha tippermettilhom li jwettqu progressi netti fil-qafas tat-tliet assi tal-istrateġija. Tnaqqis tad-defiċit ta' aċċessibbiltà Il-programmi ta' tħaddim mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-perjodu 2007-2013 ikomplu l-isforz ta' tnaqqis tal-problemi ta' aċċessibbiltà billi jinvestu fl-infrastrutturi tat-trasport u t-telekomunikazzjoni u billi jissejsu fuq l-ispejjeż ta' ħidma permezz tal-allokazzjoni speċifika l-ġdida ta' kumpens għall-ispejjeż żejda. B'kollox, daqs EUR 1 710 miljun tal-FEŻR (jiġifieri 36 % tal-pakkett FEŻR totali allokat għar-reġjuni l-aktar imbiegħda) se jiġu investiti sabiex titjieb l-aċċessibbiltà ta' dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni approvat skema ta' sostenn għat-tagħbija għad-dipartimenti l-aktar imbiegħda[4], kif ukoll għajnuniet soċjali rigward it-trasport bl-ajru (il-Gujana[5] u l-Madejra, bħal dawk approvati fl-imgħoddi għall-Guadeloupe, il-Martinique u r-Réunion). Żieda fil-kompetittività Skont l-orjentazzjonijiet li jiġu mill-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' Liżbona u ta' Göteborg, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għelbu l-isfida tal-kompetittività ekonomika tat-territorju tagħhom billi ddefinixxu strateġija ta' żvilupp rigward il-potenzjali indoġeni tagħhom għall-perjodu 2007-2013. Fil-qafas ta' programmi ta' ħidma tal-FEŻR u tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), dan jissarraf b'mod partikolari f'konċentrazzjoni għolja tal-ispejjeż dwar it-temi ta' Liżbona, ir-rieda li jitfasslu strateġiji reġjonali ta' innovazzjoni jew saħansitra li jsaħħu l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-programmi ta' żvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013, isaħħu wkoll il-kompetittività tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, billi jenfasizzaw fuq iż-żamma tal-produttività tas-settur agrikolu, l-appoġġ għas-setturi li qegħdin jiġu ristrutturati, it-taħriġ kontinwu, l-iżvilupp tal-prodotti ta' kwalità u ta' preservazzjoni tal-ambjent. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-agrikoltura, il-proposta ta' regolament "test tas-saħħa[6]", iżomm l-eċċezzjonijiet rigward ir-reġjuni l-aktar imbiegħda marbuta mal-applikazzjoni tas-separazzjoni u modulazzjoni tal-ħlasijiet diretti. Hi tipprevedi wkoll it-trasferiment ta' ammont ta' EUR 24.46 miljun ta' ħlasijiet diretti lejn l-iskema POSEI mis-sena finanzjarja 2010. Barra minn hekk, fil-qafas tar-riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tal-inbid, il-Kummissjoni qieset l-istħarriġiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda b'rigward għaż-żamma tal-iskema attwali ta' ristrutturazzjoni tad-dwieli, kif ukoll l-esklużjoni tal-iskema ta' qlugħ tad-dwieli. Rigward id-distillazzjonijiet u l-użu ta' most tal-għeneb konċentrat, se jinżamm l- istatus quo b'bidla stipulata fir-Regolament (KE) Nru 247/2006. Fis-settur tas-sajd, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) jgħin lill-komunitajiet tas-sajjieda sabiex jiddiversifikaw l-ekonomija tagħhom, jibqgħu kompetittivi fis-suq ta' ħut frisk billi jiżviluppaw il-prodotti ta' valur miżjud għoli u sabiex jgħollu mill-ġdid ir-rata ta' forniment tas-swieq lokali mill-akkwakoltura. F'Ottubru 2007, il-Kummissjoni wriet il-viżjoni tagħha għall-politika marittima integrata ġdida għall-Unjoni Ewropea[7] li, filwaqt li ssaħħaħ is-sinerġiji u l-koerenza bejn il-politiki settorjali, għandha l-għan twieġeb għall-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Fl-aħħar, b'rigward għall-għajnuniet statali, għadd ta' dispożittivi huma b'mod partikolari maħsuba jiffavorixxu l-investiment produttiv, il-ħolqien ta' impjieg u t-taħriġ professjonali filwaqt li jitqiesu d-dgħufiji tar-reġjuni l-aktar imbiegħda[8]. L-iskemi fiskali differenti u doganali speċjali[9] approvati favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jippermettu li jissokta jingħata s-sostenn meħtieġ għall-kompetittività tal-ekonomiji ta' dawn ir-reġjuni, b'mod partikolari għal ċerti setturi jew tipi ta' prodotti. Tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali. Il-programmi ta' kooperazzjoni territorjali 2007-2013 kofinanzjati mill-FEŻR joffru opportunitajiet għall-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni għall-viċinat usa'. Bħala eżempju, il-programm "Makaroneżja"[10] (MAC) jiddedika b'hekk daqs terz tal-baġit tal-FEŻR tiegħu għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. B'mod parallel, fil-qafas tal-programmi indikattivi nazzjonali tal-10 Fond Ewropew tal-Iżvilupp (FEŻ), il-Mawritanja, is-Senegal u l-Kap Verde allokaw riżorsi finanzjarji – jew jistgħu jagħmlu dan – għall-kooperazzjoni mar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Barra minn hekk, il-gżejjer Kanarji bħalissa qegħdin jiżviluppaw programm ta' kooperazzjoni transkonfinali mal-Marokk, ikkofinanzjat mill-Istrument għall-Viċinat il-Kbir (IGV) u l-FEŻR. Fl-aħħar, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Makaroneżja għandhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tas-sħubija speċjali bejn l-UE u l-Kap Verde[11]. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda inklużi fil-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPA) – tħaffif tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP, klawżola ta' ħarsien u ta' esklużjoni tas-swieq lokali taż-żokkor u tal-banana - joffru lil dawn ir-reġjuni opportunità sabiex japprofondixxu l-integrazzjoni reġjonali tagħhom filwaqt li titqies il-vulnerabbiltà tas-swieq tagħhom. 3. ID-DIBATTITU PUBBLIKU Id-dibattitu pubbliku dwar il-ġejjieni tal-istrateġija Ewropea għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li seħħ bejn Settembru 2007 u Mejju 2008, jimmarka pass importanti fl-approfondiment tad-djalogu u tas-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-għadd kbir ta' kontributi li ġew riċevuti kif ukoll il-mekkaniżmi ta' sehem organizzati fuq livelli reġjonali u lokali, jirriflettu l-livell għoli ta' impenn u interess imqajjem fost il-partijiet ikkonċernati kollha. Bl-istess mod, il-konferenza interistituzzjonali u ta' sħubija organizzata nhar l-14 u 15 ta' Mejju 2008 fi Brussell, għaqqdet madwar tlett mitt parteċipant li setgħu jesprimu u jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-isfidi u r-realtajiet tar-reġjuni Ewropej l-aktar imbiegħda. Lil hinn mill-analiżi dettaljata tar-riżultati ta' din il-konsultazzjoni[12], ħarġu bosta messaġġi ewlenin minn dan l-eżerċizzju. Implimentazzjoni tal-istrateġija tal-2004 ivvalutata bħala ġeneralment sodisfaċenti - Għarfien unanimu tal-interess ta' strateġija Ewropea integrata u validazzjoni tat-tliet assi prijoritarji definiti fl-2004, jiġifieri: l-aċċessibbiltà, il-kompetittività u l-integrazzjoni reġjonali. Bżonn ta' progress fl-azzjonijiet immexxija b'mod partikolari sabiex jitnaqqas id-defiċit ta' aċċessibbiltà tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u tissaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali tagħhom. - Għarfien tal-progress sinifikattiv irreġistrat dawn l-aħħar snin permezz tat-twaqqif ta' miżuri speċifiċi b'mod partikolari fil-qafas tal-politiki ta' koeżjoni, agrikoli, ta' riċerka u kompetizzjoni. Addattabbiltà tat-temi proposti mill-komunikazzjoni tal-2007 - Konferma tar-rilevanza tal-erba' temi proposti mill-komunikazzjoni ta' Settembru 2007[13] maħsuba tikkompleta t-tliet assi tal-istrateġija. Dawn it-temi joħolqu sfidi maġġuri għar-reġjuni l-aktar imbiegħda kemm f'termini ta' diffikultajiet li għandhom jingħelbu (spiża għolja tal-addattament għall-effetti tal-bidla fil-klima, impatt tal-isplużjoni demografika jew ta' xjuħija tal-popolazzjoni, konsegwenzi tat-tkabbir tal-immigrazzjoni illegali) kemm tal-opportunitajiet ta' żvilupp li għandhom jinkisbu (l-isfida tad-diversifikazzjoni agrikola, valorizzazzjoni tal-potenzjal marittimu). L-affermazzjoni mill-ġdid tal-limiti u l-valorizzazzjoni tal-assi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda - L-affermazzjoni mill-ġdid tan-natura permanenti tad-dgħufijiet li jaffettwaw lir-reġjuni l-aktar imbiegħda u talba ta' konsolidazzjoni tal-istrumenti eżistenti maħsuba jikkumpensaw dawn id-dgħufijiet. - Rieda ta' valorizzazzjoni bis-sħiħ tal-assi u l-vantaġġi komparattivi li dawn ir-reġjuni jibbenefikaw minnhom b'rigward għall-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi ġirien (qagħda ġeostrateġika waħdanija, potenzjal speċifiku b'rigward għall-enerġiji li jiġġeddu, l-osservazzjoni u segwitu tal-effetti tal-bidla fil-klima, il-bijodiversità). Dawn il-karatteristiċi jagħmlu lir-reġjuni l-aktar imbiegħda, laboratorji privileġġjati għat-testijiet ta' proġetti bi prova f'valur miżjud għoli għall-Unjoni Ewropea. Is-sistematizzazzjoni tal-istudji ta' impatt u r-riċerka ta' sinġerija u koerenza aħjar tal-politiki Komunitarji għar-reġjuni l-aktar imbiegħda - Ħtieġa li jiġi sistematizzat l-użu tal-istudji ta' impatt waqt l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji l-ġodda b'mod partikolari rigward ir-regolamentazzjonijiet ambjentali, agrikoli, tas-sajd jew saħansitra waqt in-negozju ta' ftehim kummerċjali internazzjonali li għandhom impatt dirett fuq l-ekonomiji tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. - Ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politiki Komunitarji diversi u garanzija ta' għarfien akbar u kunsiderazzjoni tar-realtajiet fuq il-post. It-titjib tal-għarfien u ta' tagħrif statistiku ta' ċerti fenomeni - Ħtieġa li jkollok tagħrif ta' min jafda fuqu, sħiħ u addattat għall-kuntest speċifiku tar-reġjuni l-aktar imbiegħda sabiex jitfassal, jiġi implimentat u vvalutat effettivament l-impatt tal-politiki pubbliċi. Għalhekk, bosta studji huma proposti dwar: il-movimenti tal-popolazzjoni u t-tendenzi demografiċi, l-impatt tal-migrazzjoni fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-impatt tal-effetti tal-bidla fil-klima fuq l-ekonomija ta' dawn ir-reġjuni, l-impatt tal-liberalizzazzjoni kummerċjali fuq l-agrikoltura. Dawn il-kontributi kollha kattru d-diskussjoni tal-Kummissjoni fil-qafas ta' din il-komunikazzjoni u se jissoktaw jarrekkixxu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarju li għandhom impatt fuq ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. 4. LEJN PARADIGMA ġDIDA: IL-VALORIZZAZZJONI TAL-KARATTERISTIċI UNIċI TAR-REġJUNI L-AKTAR IMBIEGħDA Fl-era tal-globalizzazzjoni u tat-tfittxija tat-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea, jeħtieġ li jiġi sostnut l-iżvilupp tas-setturi tat-tkabbir fejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom potenzjali ta' speċjalizzazzjoni u ta' vantaġġi relattivi kbar. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar jikkostitwixxu territorji propizji għall-iżvilupp ta' inizjattivi l-aktar avvanzati u ta' proġetti bi prova li huma ta' interess maġġuri għall-Ewropa. Din il-paradigma ġdida, imsejsa fuq il-valorizzazzjoni tal-assi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda bħala strument ta' żvilupp ekonomiku, għandha twassal għal tiġdid tal-istrateġija li se tibbaża b'mod partikolari fuq is-setturi li għandhom valur miżjud qawwi bħall-agro-alimentari, il-bijodiversità, l-enerġiji li jiġġeddu, l-astrofiżika, xjenza ta' aerospazju, oċeanografija, vulkanoloġija jew saħansitra s-sismoloġija iżda wkoll ir-rwol importanti tar-reġjuni l-aktar imbiegħda bħala t-territorji l-aktar imbiegħa tal-Unjoni Ewropea fid-dinja. 4.1. It-territorji l-aktar imbiegħa tal-Unjoni Ewropea fid-dinja Imdaħħla f'realtajiet ġeopolitiċi u ġeografiċi differenti minn dawn tal-Unjoni Ewropea kontinentali, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jirrappreżentaw pożizzjonijiet avvanzati tal-UE f'kuntatt ma' gruppi ekonomiċi kbar oħra. B'hekk, huma jagħtu dimensjoni speċjali lill-azzjoni esterna tal-Unjoni u jieħdu sehem fl-iżvilupp ta' politika vera ta' viċinat kbir, permezz tar-rabtiet ġeografiċi, kulturali u storiċi tagħhom ma' pajjiżi u popli oħra, speċjalment fl-Afrika u fuq il-kontinent Amerikan. Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jagħtu lill-Unjoni Ewropea dimensjoni marittima internazzjonali konsiderevoli li b'hekk toffrilha leġittimità msaħħa biex tmexxi politika ta' kożvilupp sostenibbli tal-oċeani fi tliet baċini speċifiċi. il-Makaroneżja, il-Karajbi u x-Xlokk tal-Oċean Indjan. Fuq toroq jew stretti marittimi, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom pożizzjoni importanti għall-iskambji kummerċjali. Huma għandhom ukoll rwol għal dak li għandu x'jaqsam mal-governanza marittima għas-sorveljanza tal-ilmijiet ta' mal-kosta (pereżempju l-ġlieda kontra s-sajd illegali, l-atti ta' piraterija jew it-traffiku tad-droga) jew biex jiżguraw it-trasport (pereżempju l-ġestjoni tat-trasport tal-fjuwil fil-Karajbi). Barra minn hekk, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma biswit reġjuni kkonfrontati mal-isfidi tal-iżvilupp ma' liema l-UE tikkoopera fil-ġlieda kontra l-faqar, ta' żvilupp sostenibbli, ta' ġestjoni tal-flussi migratorji u ta' sigurizzazzjoni reġjonali. Għalhekk, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jista' jkollhom rwol ta' sħab privileġġjati mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom b'mod partikolari fi proġetti ta' tisħiħ tal-ħiliet amministrattivi, taħriġ, edukazzjoni u saħħa, ħolqien tal-SMEs, agrikoltura, sajd u prevenzjoni tar-riskji naturali. Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Atlantika jissejħu jkollhom rwol strateġiku fis-sħubija speċjali li l-UE[14] għadha kemm iffirmat mal-Kap Verde. Se jiġu żviluppati kooperazzjonijiet b'mod partikolari fit-temi prijoritarji identifikati fil-pjan ta' azzjoni ta' din is-sħubija bħall-ġlieda kontra t-traffikar illegali (droga, immigrazzjoni klandestina) u l-kooperazzjoni tal-pulizija. 4.2. Laboratorji privileġġjati għall-ġlieda kontra l-effetti tal-bidla fil-klima Il-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi u l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda huma assi importanti għar-riċerka xjentifika, b'mod partikolari għall-istudju u s-segwitu tal-fenomeni marbuta mal-effetti tal-bidla fil-klima. Il-prevenzjoni tar-riskji naturali li huma esposti bil-kbir ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tikkostitwixxi punt ta' riċerka ta' valur miżjud għoli. Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jinsabu f'pożizzjoni sabiex jagħmluha ta' pjattaformi għall-kooperazzjoni teknoloġika u xjentifika permezz tas-segwitu u l-ħarsien tar-riskji naturali fiż-żoni rispettivi tagħhom. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-enerġija, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma ffaċċjati bi sfida doppja: it-titjib tal-awtonomija tagħhom quddiem l-enerġija mis-sorsi fossili u t-teħid tal-opportunitajiet tal-ambjent naturali tagħhom biex jiżviluppaw prattiċi u għerf li jista' jiġi esportat u riprodott. Proġetti bi prova li għaddejjin bħalissa jew li qegħdin jitħejjew jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u oriġinali msejsa fuq l-enerġiji li jiġġeddu. Minbarra l-benefiċċji tagħhom fuq livell ambjentali u ekonomiku, huma jikkostitwixxu vetrina vera tal-għerf Ewropew. Il-proġett NRJRUP maħsub jiffavorixxi l-iskambji ta' prassi tajbin u t-trasferiment tal-għerf bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, kif ukoll li jiddefinixxi politika ta' żvilupp tal-enerġiji li jiġġeddu permezz tal-użu tar-riżorsi tal-baħar. Il-proġett GERRI fil-gżira tar-Reunion, maħsub biex iwassal għal awtonomija fl-enerġija tal-gżira fil-bidu tal-2030. L- impjant tal-enerġija b'bosta għanjiet (" Aproveitamento de fins múltiplos dos Socorridos ") fil-gżira tal-Madejra jikkontribwixxi bil-kbir għall-produzzjoni tad-dawl tal-ġżira, u jnaqqas id-dipendenza tas-sistema idroelettrika fuq il-limiti tal-istaġun Fil-qasam tas-saħħa, it-taħwid fil-klima jsaħħaħ illum l-espożizzjoni u l-vulnerabbiltà għall-mard tropikali. Il-mard ġdid li qed ifeġġ jitlob it-twaqqif ta' ċentri avvanzati ta' riċerka u ta' superviżjoni mikrobijoloġika fir-reġjuni ta' endemija, għal djanjożi mgħaġġla u li ta' min joqgħod fuqha tal-patoġeni u valutazzjoni tar-riskji ta' tfaċċar u ta' tixrid. Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda diġà għandhom u jistgħu jiżviluppaw aktar l-infrastrutturi ta' riċerka li se jservu għat-tisħiħ tas-sigurtà tas-saħħa tar-reġjun tagħhom kollu kif ukoll tal-Ewropa kontinentali. Maħluq wara l-epidemija taċ-chikungunya tal-2007, is- Centre de Recherche et de Veille sur les Maladies Emergentes dans l'Océan Indien (CRVOI- Ċentru ta' Riċerka u ta' Superviżjoni tal-Mard li qed ifeġġ fl-Oċean Indjan) hu maħsub jiżviluppa riċerka multidixxiplinari fil-qasam tal-mard li qed ifeġġ u li jittieħed, b'mod partikolari dak li għandu potenzjal epidemiku, għall-prijoritajiet tas-saħħa tar-Reġjun tal-Oċean Indjan. 4.3. Bijodiversità eċċezzjonali u ekosistemi tal-baħar għonja Għal dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jospitaw varjetajiet eċċezzjonali, ħafna aktar minn dawk tal-Ewropa kontinentali kollha. Din ir-rikkezza hi s-sisien tal-attivitajiet ekonomiċi bħas-sajd u t-turiżmu u sservi ta' appoġġ għal bosta servizzi ekoloġiċi bħat-tisfija tal-ilmijiet, it-tiġdid tal-għejun tas-sajd, il-ħarsien tal-ħamrija kontra l-erożjoni jew il-ħarsien tal-kosta minn katastrofi naturali u mill-bidla fil-klima. Dan il-patrimonju jirrappreżenta potenzjal ta' sejbiet u ta' innovazzjonijiet fl-oqsma tar-riċerka farmaċewtika jew agronomika. Barra minn hekk, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom għejun tas-sajd għonja u relattivament ippreżervati: Il-fondi tal-baħar huma laboratorji ħajjin tal-bijodiversità u jippermettu politika ta' żvilupp sostenibbli tas-sajd. Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma wkoll territorji ta' riċerka privileġġjata għall-iżvilupp tal-bijoteknoloġiji b'mod partikolari mill-użu tar-riżorsi tal-baħar speċifiċi bħas-sorsi idrotermali fil-fond jew l-ekosistemi tropiċi. Id-dipartiment tal-oċeanografija u tas-sajd tal-Università tal-Azores ħoloq ċentru ta' eċċellenza maħsub jistudja u janalizza r-riżorsi tal-oċeani. Wieħed mill-proġetti mmexxija għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien tal-qiegħ tal-oċeani u jiżviluppa teknoloġiji li jħaffu l-aċċess għall-ilimijiet profondi. 4.4. Deskrizzjonijiet xjentifiċi fiż-żona ġeografika tagħhom Filwaqt li jiżviluppaw Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni avvanzati fit-territorju tagħhom, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jaġixxu ta' pjattaformi ta' tixrid teknoloġiku u ta' deskrizzjonijiet xjentifiċi fl-ambjent rispettiv tagħhom. Il-proġett SEAS[15] fil-Gujana għandu l-għan jiġbor tagħrif bis-satellita ta' osservazzjoni tal-ambjent tal-Amazonja u tal-Karibew. Waħedha fl-Ewropa u fl-Amerika t'Isfel, din il-pjattaforma teknoloġija tippermetti li jinġabar it-tagħrif meħtieġ għas-segwitu tar-riżorsi u t-tmexxija tal-baċin tal-Amażona (7 miljun ta' Km2) u tikkontribwixxi għall-inizjattiva Global Monitoring Environment and Security . Mill-2005, il-Guadeloupe waqqfet netwerk ta' kejbils numeriċi taħt il-baħar b'veloċità għolja (" Global Cable Network ") minn Porto Rico u li jaqdu 14-il gżira tal-Karibew tal-Lvant sa Trinidad u Tobago. Din l-infrastruttura importanti li tkopri 2 100 km ippermettiet li tiżdied b'mod konsiderevoli l-ħila għall-operaturi ta' telekomunikazzjoni u toffri lill-utenti tariffi kompetittivi ħafna. Le Centre d'Astrophysique des Canaries ( Ċentru tal-Astrofiżika tal-Kanarji), li jibbenefika minn kwalità ta' viżibbiltà ċilesti eċċellenti għall-astronomija, hu infrastruttura ta' riċerka magħruf mad-dinja kollha li għandu teleskopji u stallazzjonijiet astrofiżiċi l-aktar avvanzati tal-Unjoni Ewropea. It-tħaddim li jmiss tat-Teleskopju l-Kbir tal-Kanarji (TKK), l-unika wieħed fid-dinja, se jippermetti għar-riċerka astrofiżika Ewropea sabiex ikollha aċċess għal proġetti ġodda b'kontenut teknoloġiku għoli/ 4.5. Prodotti agrikoli ta' kwalità għolja L-oriġinalità tal-prodotti agrikoli tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-kwalità tagħhom jistħoqqilhom jiġu aktar magħrufa. Tabilħaqq, l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni l-aktar imbiegħda hu sostnut ukoll mill-esportazzjoni tal-prodotti attraenti mitluba għall-kwalità u l-karatteristiċi uniċi tagħhom: Bħala eżempju, ir-rum AOC tal-Martinique, l-ananas Victoria tar-Reunion jew ukoll il-bettieħa tal-Karibew, l-inbid tal-Madejra, il-ġobon u t-te tal-Azores, l-inbejjed u l-ġobon tal-AOC tal-ġżejjer Kanarji kif ukoll il-fjuri u l-pjanti ta' tiżjin li joriġinaw mir-reġjuni l-aktar imbiegħda kollha. Le Pôle de Recherche Agro-environnementale de la Martinique (PRAM) (Iċ-Ċentru ta' Riċerka Agro-ambjentali tal-Martinique) jaħdem għall-iżvilupp ta' agrikultura diversifikata u sostenibbli u r-riċerka ta' swieq speċjalizzati ġodda permezz b'mod partikolari tal-valorizzazzjoni tal-varjetajiet tal-frott lokali użat ftit, it-titjib ġenetiku tal-varjetajiet u t-twaqqif ta' sistemi ta' produzzjoni sostenibbli Hekk kif l-eżempji supra kollha juruh, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda diġà qegħdin jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u oriġinali li jippermettu l-valorizzazzjoni tal-assi tagħhom. Huwa dan l-għerf li jeħtieġ jissaħħaħ sabiex jippermettilhom li jqajmu l-ekonomija tagħhom u jkollhom rwol ġdid fi ħdan l-Unjoni Ewropea. 5. PROPOSTI GħALL-ġEJJIENI Bla ħsara għall-iżvilupp tal-qafas tal-politika ġenerali fil-ġejjieni tal-Unjoni, b'mod partikolari tad-diskussjoni dwar il-perspettivi finanzjarji wara l-2013 u sabiex tiġi konkretizzata l-paradigma l-ġdida, il-Kummissjoni tipproponi li tiżgura użu aħjar tal-istrumenti Komunitarji eżistenti kif ukoll sensiela ta' azzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati fil-qafas baġitarju attwali. 5.1. Użu tal-istrumenti Komunitarji eżistenti F'termini baġitarji, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda se jibbenefikaw minn EUR 7.8 biljun ta' investiment Komunitarji għall-perjodu 2007-2013 (FEŻE, FSE, EAFRD, EFF, POSEI). Għalhekk, għandu jittieħed vantaġġ sħiħ ta' dawn l-istrumenti kif ukoll tal-flessibbiltà stipulata mir-regolament għall-introduzzjoni tal-prijoritajiet l-ġodda, pereżempju, tul id-diskussjoni strateġika ta' nofs it-terminu rigward ir-rapporti nazzjonali tal-2009 u tar-rapport tal-Kummissjoni fl-2010. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni se jissoktaw jaħdmu ma' l-EIB u l-EIF sabiex jiffavorixxu l-implimentazzjoni tal-inizjattivi JEREMIE u JESSICA f'dawn ir-reġjuni. Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jistgħu jimplikaw rwieħhom ukoll fl-inizjattiva "ir-reġjuni parteċipanti fil-bidla ekonomika" kif ukoll it-taqsima mgħaġġla "fast-track" tagħha implimentata permezz tat-taqsima interreġjonali tal-għan ta' kooperazzjoni territorjali u l-programm ta' żvilupp urban sostenibbli (Urbact II). Din l-inizjattiva, li tiffavorixxi t-tfaċċar tan-netwerk ta' parteċipanti reġjonali u ta' proġetti bi prova li fit-tul jistgħu jiġu integrati fil-programmi ta' konverġenza u ta' kompetittività, fiha temi prijoritarji partikolarment rilevanti għar-reġjuni l-aktar imbiegħda bħall-"valorizzazzjoni taż-żoni ta' mal-kosta" u "l-ħsad tal-ibħra u tal-oċeani". Għal dak li għandu x'jaqsam mal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kummissjoni tħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet il-ġodda u l-għerf li se jkunu kruċjali biex jippermettu lill-individwi li jħabbtu wiċċhom mal-isfidi tas-Seklu XXI. Dan l-addattament tal-kapital uman għandu b'mod partikolari jissejjes fuq sehem akbar tal-programmi ta' skambji universitarji, fuq it-tfaċċar ta' kompetenzi ewlenijn mit-taħriġ kontinwu[16] u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-sistemi ta' taħriġ u ta' edukazzjoni Ewropea. Fl-aħħar, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandu jkollhom l-ħila jaħtfu l-opportunitajiet offerti fi ħdan il-programmi Komunitari eżistenti fl-oqsma tar-riċerka, it-trasport, l-enerġija, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, tal-edukazzjoni jew tal-kultura permezz ta' sehem attiv għas-sejħiet għall-proposti korrispondenti. 5.2. Rispons għall-isfidi ġodda, l-approfondiment tal-għarfien, it-tisħiħ tas-sħubija B'mod aktar partikolari, b'rigward għat-temi analizzati waqt id-dibattitu pubbliku, il-Kummissjoni tipproponi l-azzjonijiet li ġejjin: 1. Il-Bidla fil-Klima 2. Tnedija ta' studju ta' impatt ekonomiku tal-addattament għall-bidla fil-klima fiż-żoni ta' mal-kosta. Dan l-istudju se jitmexxa għall-Unjoni Ewropea kollha iżda se jkollu analiżi speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Hi għandha tħeġġeġ l-iskambju sistematiku ta' prassi tajbin rigward l-ispiża u l-pjanifikazzjoni tal-addattament fir-reġjuni ta' mal-kosta. 3. It-tħeġġiġ tat-twaqqif ta' politika ta' tmexxija integrata tar-riskji ta' mal-kosta (għargħar, erożjoni tal-kosta, tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-popli u l-beni esposti) u ta' sistema ta' sorveljanza u ta' twissija fil-kuntest tas-sigurtà u tal-protezzjoni ċivili. 4. It-tfassil ta' pjan volontarju ta' konservazzjoni tan-natura, imsejjes fuq l-esperjenza ta' Natura 2000. 5. Żvilupp u implimentazzjoni tal-miżuri maħsuba jiġġieldu kontra l-ispeċi invażivi. 6. Għarfien tal-vulnerabbiltà tar-reġjuni l-aktar imbiegħda fil-kuntest tal-White Paper dwar l-addattament għall-effetti tal-bidla fit-klima. 7. Żvilupp demografiku u flussi migratorji 8. It-tnedija ta' studju ta' impatt biex tifhem aħjar il-konsegwenzi – pożittivi u inqas pożittivi – kemm tal-migrazzjoni kif ukoll tal-iżvilupp demografiku dwar it-territorju, is-suq tax-xogħol, is-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni u s-saħħa fir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Dan jista' jippermetti li jiġi stabbilit "karta tal-bilanċ migratorju" għal kull reġjun. Waqt il-valutazzjoni f'nofs it-terminu tal-programm ġenerali riċenti "Solidarjetà u tmexxija tal-flussi migratorji 2007-2013", il-Kummissjoni se tivvaluta jekk humiex meħtieġa żviluppi ġodda, kif ukoll il-ħtieġa u l-probabbiltà tat-twaqqif ta' "fond Ewropew ta' aġġustament għall-migrazzjoni". 9. Rigward id-demografija, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda sabiex ikomplu u, jekk meħtieġ, isaħħu x-xogħol ta' analiżi għall-integrazzjoni tal-fattur tal-iżvilupp demografiku fid-definizzjoni tal-politiki tagħhom b'mod partikolari ta' edukazzjoni, taħriġ u impjieg kif ukoll il-proċess ta' programmazzjoni tal-Fondi Stutturali. Bl-istess mod, hi tistieden lill-Istituti nazzjonali tal-istatistika sabiex isegwu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-EUROSTAT. 10. L-agrikultura 11. L-issoktar tat-tħeġġiġ tal-użu tal-possibbiltajiet kollha offerti mill-iskema POSEI għal dak kollu li għandu x'jaqsam mal-istruttura u t-tqassim tal-pakkett baġitarji allokat għal kull reġjun l-aktar imbiegħed, l-għadd ta' produtturi li għandhom jiġu sostnuti, kif ukoll is-sorveljanza ta' problemi ambjentali marbuta ma' tniġġis speċifiku. 12. It-tħeġġiġ tal-użu ta' għajnuniet differenti għall-istallazzjoni u l-investiment tal-bdiewa żgħażagħ, li jistgħu jiġu mmodulat fi ħdan il-programm ta' żvilupp rurali kkonċernat, sabiex jitqiesu l-eżigenzi reġjonali speċifiċi. 13. Il-ħtif tal-opportunitajiet kollha offerti mill-programmi Komunitarji ta' promozzjoni tal-prodotti kif ukoll l-inklużjoni ta' aktar prodotti[17] se jikkontribwixxi mingħajr dubju għaż-żieda ta' ħwienet u għaż-żieda tar-reputazzjoni tas-setturi agrikoli u agroalimentari b'rendiment għoli. 14. Il-politika marittima 15. L-addattament tal-Politika Marittima Ewropea Integrata u l-azzjonijiet settorjali differenti previsti fil-pjan ta' azzjoni tagħha għall-ispeċifikazzjonijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. 16. L-approfondiment tal-għarfien tal-affarijiet marittimi u tal-ambjent tal-baħar u tal-valur tas-servizzi pprovduti mill-ekosistemi tal-baħar fir-reġjuni l-aktar imbiegħda permezz ta' analiżi speċifika fil-qafas ta' proġett dwar it-tagħrif soċjo-ekonomiku marittimu mmexxi minn EUROSTAT, kif ukoll min-Netwerk Ewropew ta' Osservazzjoni ta' Tagħrif tal-ambjent tal-Baħar (EMODNET) It-tagħrif miksub jippermetti li titwettaq analiżi komprensiva tar-reġjuni l-aktar imbiegħda fl-"Atlas tal-baħar" li se jiġi stampat fl-2009 mill-Kummissjoni. 17. Il-ħolqien ta' netwerks iddedikati għar-riċerka u l-valorizzazzjoni tar-rwol tar-reġjuni l-aktar imbiegħda bħala osservatorji privileġġjati tal-ambjent tal-baħar għall-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija l-ġdida tal-baħar u marittima[18]. Fil-qafas tas-7 Programm ta' Qafas RDT, l-offerta ta' appoġġ għar-riċerka dwar l-għarfien, il-preservazzjoni u t-tmexxija tal-ekosistemi tal-baħar. 18. It-tħeġġiġ tar-reġjuni l-aktar imbiegħda sabiex ikollhom rwol strateġiku b'rigward għall-governanza u sorveljanza marittima fir-reġjuni rispettivi tagħhom b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-politika marittima reġjonali integrali tagħhom stess u l-pjanijiet spazjali marittimi tagħhom kif ukoll permezz ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi mmexxija fil-qafas tal-programmi Komunitarji ta' kooperazzjoni territorjali jew tal-pjan reġjonali ta' sorveljanza tas-sajd fix-Xlokk tal-Oċean Indjan. 19. It-tħeġġiġ tar-rabtiet marittimi bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-Istati terzi ġirien sabiex jissaħħu l-iskambji ekonomiċi u kulturali, billi jiġu emendati l-aktar tard sar-reviżjoni li jmiss tagħhom, il-linji gwida Komunitarji attwali dwar l-għajnuniet Statali għat-trasport marittimu, sabiex jiġu awtorizzati l-għajnuniet fil-bidu għal tali rabtiet. Min-naħa l-oħra, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jistgħu jużaw kuntratti ta' servizz pubbliku għal tali rabtiet u jivverifikaw kriterji tal-ġurisprudenza "Altmark"[19]. 20. Tisħiħ tas-sħubija 21. Waqt l-adozzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji l-ġodda, it-tisħiħ tal-analiżi tal-konsegwenzi tagħhom fuq ir-reġjuni l-aktar imbiegħda sabiex jiżguraw il-koerenza tagħhom. F'dan il-qafas, ix-xogħlijiet tal-Grupp Interdipartimentali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Kummissjoni, jista', skont il-bżonn, jiġi akkumpanjat minn task forces ad hoc fuq problematiċi speċifiċi. 22. It-tnedija ta' studju soċjoekonomiku dwar il-fatturi ta' tkabbir fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, li se jenfasizza fuq is-setturi ta' tkabbir bħal dawk identifikati f'din il-komunikazzjoni, se jidentifika wkoll il-limiti ewlenin għall-iżvilupp tagħhom u se jiftaħ mezzi biex dawn jiġu solvuti. 23. L-inklużjoni tad-diskussjoni dwar l-iżvilupp tal-istrateġija għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u t-tqassim tal-kontribut sħiħ tagħhom, għall-proċess u l-azzjonijiet li għaddejin bħalissa bħal: Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali Ewropea; il-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013; ir-rifoma fil-baġit tal-Unjoni; l-integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp tal-pajjiżi AKP; il-Green Paper dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-OCT jew l-iżvilupp tal-politika marittima Ewropea. 24. Fil-qafas tal-EPA, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jissejħu jieħdu sehem b'mod kostruttiv għall-proċess ta' implimentazzjoni u ta' finalizzazzjoni ta' dawn il-ftehimiet. Huma għandhom b'mod partikolari jaħtfu l-opportunitajiet offerti mit-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali għall-kummerċ tal-beni u tas-servizzi, iżda wkoll f'oqsma oħrajn bħas-servizzi, il-proprjetà intellettwali u s-swieq pubbliċi. Huma partikolarment f'dawn l-oqsma li r-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom vantaġġi li jitqabblu, li komplimentarità vera tista' tiġi żviluppata bejn l-ekonomiji ta' dawn ir-reġjuni u dawk tal-pajjiżi AKP. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġu sostnuti azzjonijiet maħsuba jsaħħu l-ħila tar-reġjuni l-aktar imbiegħda sabiex isegwi kemm il-flussi kummerċjali li jikkonċernawhom kif ukoll il-politika kummerċjali tal-UE. 25. L-organizzazzjoni flimkien mar-reġjuni l-aktar imbiegħda ta' sessjonijiet ta' tagħrif maħsuba jispjegaw aħjar l-istrumenti u politiki Komunitarji (is-7 Programm ta' Qafas RDT, tixrid tal-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni żviluppati mill-EDF u l-FEŻR eċċ...). 26. L-organizzazzjoni, flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, ta' Forum tal-postijiet l-aktar imbiegħda Ewropej li se jsir kull sentejn (tqegħid f'netwerk tal-aħjar prassi, premjar għall-inizjattivi li s-setturi ta' tkabbir żviluppaw, kampanji ta' tqajjim tal-kuxjenza speċifiċi dwar l-isfidi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda eċċ...). 6. KONKLUżJONI Permezz ta' din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni segwiet it-talba tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2007, b'kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet espresssi mill-partijiet interessati tul il-konsultazzjoni pubblika. Quddiem l-isfidi dinjija – kriżi enerġetika, kriżi tal-ikel, bidla fil-klima, pressjoni demografika u ta' flussi migratorji, urġenza ta' tmexxija aħjar tal-oċeani, għandu jsir użu sħiħ mill-kontribut tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Dawn ir-reġjuni huma tassew laboratorji ta' ideat fejn l-isfidi u l-fenomeni kollha jistgħu jiġi ddefiniti, analizzati u mmudellati. L-esperjenza tagħhom kienet importanti għall-inħawi ġeografiċi tagħhom u għall-bqija tat-territorju tal-Unjoni. Huma dawn il-potenzjali, li joffru paradigma ġdida, li għandhom jiġu sfruttati fil-ġejjieni. Madankollu, dan ma għandux iwassal għat-twaqqif ta' segwitu b'attenzjoni tal-iżvilupp tal-politiki settorjali Ewropej li fil-qafas tiegħu għandhom jintużaw il-possibbiltajiet eżistenti kollha. L-approċċ il-ġdid għandu jwaqqaf proġetti ġodda ta' valur miżjud u ta' żvilupp sostenibbli li għandhom iwasslu, fit-tul, għal strateġija Ewropea mġedda favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. [1] Konsultazzjoni mnedija mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija għar-reġjuni l-aktar imbiegħda: kisbiet u perspettivi fil-ġejjieni" (COM(2007) 507 finali. [2] Mill-aħħar tkabbiriet tal-UE, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mhumiex iżjed parti mill-grupp tal-ifqar reġjuni. Madankollu, meta mqabbla mal-medja Komunitarja fl-2005 (UE-27=100), il-Gujana (PGD kull ras 50,5), il-ġżira tar-Réunion (PGD kull ras 61,6) iżda wkoll l-Azores (PGD kull ras 66,7) u sa ċertu punt il-Guadeloupe. (PGD kull ras 70,6) u l-Martinique (PGD kull ras 75,6) għadhom jidhru fost ir-reġjuni l-inqas prosperi tal-UE-27. Il-Ġżejjer Kanarji (PGD kull ras 93,7, u l-Madejra (PGD kull ras 94,9) joqorbu l-medja Komunitarja. [3] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija għar-reġjuni l-aktar imbiegħda: kisbiet u perspettivi fil-ġejjieni" (COM(2007) 507 finali tat-12 ta' Settembru 2007. [4] Għajnuna Statali N199/2007 rigward is-sostenn għat-tagħbija fid-dipartimenti l-aktar imbiegħda. [5] Għajnuna Statali N 912/2006 rigward l-għajnuniet individwali soċjali għas-servizzi tal-ajru interni għall-Gujana u għat-trasport tal-ajru tar-reġjun awtonomu tal-Madejra. [6] COM(2008) 306 finali tal-20.05.2008. [7] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Politika marittima integrata għall-UE" COM(2007) 575 finali, Blue Paper, SEC(2007) 12/78/2 pjan ta' azzjoni. [8] Bħala eżempju: Għajnuna tal-Istat NN 22/2008 rigward il-miżuri ta' għajnuna fil-qafas tal-AIEM għall-Ġżejjer Kanarji. Id-Deċiżjoni 2008/417/KE tat-03/06/2008, rigward ir-rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa applikabbli fuq birra prodotta l-Madejra. Għajnuna tal-Istat N421/2006, awtorizzazzjoni ta' skema ta' Għajnuna tal-Istat taħt is-sura ta' rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-impriżi rreġistrati f'żona ħielsa tal-Madejra. [9] Bħala eżempju: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/439/KE tad-09/06/2008 rigward il-modifika tal-iskema tat-taxxi portwali għal dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti l-ġodda tal-Gujana. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 645/2008 tat-8/07/2008 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji [10] Il-programm Makaroneżja hu l-isem taż-żona ta' kooperazzjoni territorjali transnazzjonali li tiġbor lill-gżejjer Kanarji, il-Madejra u l-Azores. [11] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24/10/2007 il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Republika tal-Kap Verde COM(2007) 641 finali. [12] Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet kollha kif ukoll is-sinteżi tal-konklużjonijiet tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika hi disponibbli fuq il-websajt http://ec.europa.eu/regional_policy/consultation/rup/contri_fr.htm. [13] Bidla fil-klima, żvilupp demografiku u flussi migratorji, l-agrikultura u l-politika marittima. [14] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24/10/2007 dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Republika tal-Kap Verde COM(2007) 641 finali. [15] Proġett SEAS tal-Gujana: Sorveljanza tal-Ambjent tal-Amażona megħjuna minn satellita. [16] Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-taħriġ kontinwu ĠU L 394, 30.12.2006. [17] Programm ta' promozzjoni tas-simbolu grafiku tar-reġjuni l-aktar imbiegħda (ir-Regolament tal-Kunsill 247/2006) u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni 501/2008 – baġit indikattiv annwali: EUR 1 miljun kif ukoll miżuri ta' promozzjoni ta' prodotti stipulati fis-sistemi POSEI. [18] COM(2008) 534 "Strateġija Ewropea għar-riċerka tal-baħar u marittima. Żona Ewropea tar-riċerka koerenti b'appoġġ ta' użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra". [19] Id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja- ĠU C 226/1, 20/09/2003.