Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu {SEC(2008)2595} {SEC(2008)2596} /* KUMM/2008/0637 finali - COD 2008/0193 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 3.10.2008 KUMM(2008) 637 finali 2008/0193 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu {SEC(2008)2595}{SEC(2008)2596} (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-kuntest tal-proposta Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha L-għan ta' din il-proposta huwa li jitjieb il-ħarsien offrut lill-ħaddiema nisa tqal u lill-ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu. B'mod partikolari, il-proposta testendi t-tul minimu tal-lif tal-maternità minn 14 sa 18-il ġimgħa. Dan għandu jgħin lill-ħaddiema tirkupra mill-effetti immedjati tal-ħlas, kif ukoll jagħmilha aktar faċli għaliha biex terġa' lura fis-suq tax-xogħol fi tmiem il-lif tal-maternità tagħha. Din id-Direttiva ttejjeb ukoll id-drittijiet tal-impjieg ta' ħaddiema tqal u ta' ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu. Il-proposta għandha tikkontribwixxi għal rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja professjonali, dik privata u tal-familja. Il-proposta hija inizjattiva ta' prijorità[1] fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2008[2] (ref. 2008/EMPL/025). Il-kuntest ġenerali Fil-Pjan għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010[3] adottat mill-Kummissjoni f'Marzu 2006, il-Kummissjoni impenjat ruħha għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju ta' tfassil mill-ġdid tal-2005, bl-għan li taġġorna, timmodernizza u tfassal testijiet mill-ġdid fejn meħtieġ. Id-Direttiva 92/85/KEE ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid. Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2006 saħaq fuq il-ħtieġa għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata biex jinkiseb tkabbir ekonomiku, prosperità u kompetittività, u approva l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. F'Diċembru 2007[4], il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-qafas legali li jappoġġja r-rikonċiljazzjoni u l-ħtieġa possibbli għat-titjib. Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 tenna li għandhom isiru aktar sforzi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja privata u tal-familja kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Il-Parlament Ewropew sejjaħ konsistentement għal titjib fir-rigward tal-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-ħarsien tal-ħaddiema tqal u l-għoti ta' lif tal-ġenituri, kif ukoll għal miżuri li jtejbu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, dik privata u tal-familja. Pereżempju, fir-reżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografu tal-Ewropa[5], il-Parlament talab lill-Istati Membri biex jadottaw l-aħjar prassi fir-rigward tat-tul tal-lif tal-maternità u ġibed l-attenzjoni li huwa possibbli li l-kurvi tar-rata tat-twelid jiġu influwenzati favorevolment permezz ta' politiki pubbliċi kkoordinati, bil-ħolqien ta' ambjent materjali u emozjonali li jiffavorixxi l-familja u t-tfal. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007[6], il-Parlament ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmutwalizzaw l-ispejjeż tal-benefiċċji tal-maternità u tal-lif tal-ġenituri biex jiżguraw li n-nisa ma jibqgħux jirrappreżentaw sors ta' xogħol li jinvolvi aktar spejjeż mill-irġiel u laqa' wkoll il-proċedura ta' konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Huwa sejjaħ ukoll lill-Istati Membri, flimkien maż-żewġ naħat tal-industrija, biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal fis-suq tax-xogħol u biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikun żgurat livell għoli ta' ħarsien għall-ommijiet, u talab lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni aktar dettaljata ta' konformità mal-liġi Komunitarja f'dan il-qasam u biex tiddetermina jekk hux meħtieġ li din tiġi riveduta. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-Direttiva 92/85/KEE (l-għaxar Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) tistipula minimu ta' 14-il ġimgħa kontinwi ta' lif tal-maternità. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħarsien tal-ħaddiema tqal u l-ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu. Mara ma tistax titkeċċa matul il-lif tal-maternità. Id-drittijiet marbutin mal-kuntratt tax-xogħol huma żgurati. Skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207/KEE[7], mara għandha d-dritt, wara l-lif tal-maternità, li terġa' lura fl-istess post tax-xogħol jew f'post tax-xogħol ekwivalenti. Skont l-istess dispożizzjoni, trattament anqas favorevoli ta' mara relatat mat-tqala jew mal-lif tal-maternità jitqies bħala diskriminazzjoni. Il-konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħra tal-Unjoni L-għan ta' din il-proposta huwa konsistenti mal-linji politiċi tal-UE u b'mod partikolari mal-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Skont it-Trattat, il-Komunità timmira li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. L-ugwaljanza bejn is-sessi tinsab fil-qalba tal-Istrateġija ta’ Liżbona: billi d-differenza bejn is-sessi fir-rati tal-impjieg tan-nisa bit-tfal u tal-irġiel bit-tfal hija wiesgħa, it-tnaqqis ta' dan id-distakk huwa kruċjali jekk il-mira tal-UE għar-rati tal-impjieg femminili għandha tintlaħaq. It-tnaqqis ta' din id-differenza hija wkoll kruċjali biex tinkiseb ugwaljanza ikbar bejn is-sessi. 2. Konsultazzjoni tal-partijiet interessati u stima tal-impatt Konsultazzjoni Il-konsultazzjonijiet kollha msemmija hawn taħt twettqu fuq il-bażi ta' għadd ta' għażliet biex jitjieb l-appoġġ leġiżlattiv għar-rikonċiljazzjoni. Għar-raġunijiet spjegati hawn taħt, il-proposta attwali tal-Kummissjoni hija limitata għall-emenda tad-Direttiva 92/85/KEE. Fl-2006 u l-2007, il-Kummissjoni kkonsultat lill-imsieħba soċjali Ewropej dwar rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali ma' dik privata u tal-familja relatata mad-Direttivi 92/85/KEE u 96/34/KE[8] b'konsultazzjoni b'żewġ stadji. Il-Kummissjoni qieset xi mezzi li permezz tagħhom tista' tittejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ħarsien tal-maternità u tal-lif tal-ġenituri u identifikat ukoll tipi ġodda ta' lif relatat mal-familji (lif tal-paternità, lif tal-adozzjoni, lif biex wieħed jieħu ħsieb il-membri tal-familja). Fir-rigward ta' miżuri oħra l-Kummissjoni enfasizzat il-kura tat-tfal u l-faċilitajiet ta' kura għal oħrajn dipendenti, modi ġodda ta' ħidma (inkluż it-teleworking), u inċentivi għall-irġiel biex ikunu jistgħu jiddisponu minn opportunitajiet f'dan il-qasam. Ir-risposti kienu varji[9]: xi wħud mill-imsieħba soċjali laqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni filwaqt li oħrajn opponew għal kwalunkwe bidla fid-dispożizzjonijiet attwali. Madankollu, f'Lulju 2008, l-imsieħba soċjali Ewropej innotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-ħsieb tagħhom li jniedu proċess ta' negozjati skont l-Artikolu 139 tat-Trattat fir-rigward ta' ċerti arranġamenti tal-lif tal-familja. Fi tmiem il-perjodu ta' negozjati bejn l-imsieħba soċjali (massimu ta' disa' xhur), il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tagħti effett legali lill-ftehim il-ġdid permezz ta' Direttiva jew, jekk in-negozjati jfallu, għandha tikkonsidra jekk għandhiex tagħmel proposta leġiżlattiva tagħha stess. Billi l-imsieħba soċjali kkonfermaw li mhumiex biħsiebhom jindirizzaw il-lif tal-maternità fin-negozjati tagħhom, il-Kummissjoni tqis li hu xieraq li tressaq din il-proposta issa biex l-imsieħba soċjali jkunu jafu, meta jirrevedu l-lif tal-paternità, x'għandu jkun l-intitolament tal-omm fir-rigward tal-ammont minimu u l-kundizzjonijiet tal-lif. F'Diċembru 2007 il-Kummissjoni kkonsultat l-Istati Membri dwar l-istess medda ta' għażliet li kienu ġew inklużi fil-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali. Fir-rigward tal-lif tal-maternità, xi wħud mill-Istati Membri kienu favur żidiet (modesti) fit-tul, xi wħud kienu favur iz-żieda fil-ħlas, u xi wħud kontra li jsiru kwalunkwe bidliet f'livell tal-UE. Xi wħud mill-Istati Membri l-oħra ma rrispondewx għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Ewropej[10] li huma attivi f'dan il-qasam. Dawn ġeneralment jappoġġjaw l-inizjattivi biex tinkiseb rikonċiljazzjoni aħjar. Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u għall-Irġiel[11] ġie kkonsultat ukoll. Il-maġġoranza tal-membri jemmnu li teħtieġ aktar leġiżlazzjoni f'livell tal-UE biex jiġi estiż it-tul tal-lif tal-maternità għal 24 ġimgħa u biex tiżdied ir-rata tal-ħlas għal ekwivalenti ta' salarju sħiħ matul dan il-lif[12]. Fl-aħħar, ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-abbozz tal-proposta. Ir-risposti fir-rigward tal-proċess ta' konsultazzjoni tqiesu fil-formulazzjoni ta' din il-proposta. Żieda ta' erba' ġimgħat fit-tul taż-żmien tal-lif tal-maternità hija żieda modesta li torbot mal-qagħda attwali f'ħafna Stati Membri. Ħlas sħiħ jiżgura li n-nisa ma jitilfux finanzjarjament meta jiġu biex iwelldu. Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert Fit-tħejjija ta' din l-inizjattiva, il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar in-nefqa u l-benefiċċji tal-miżuri ta' rikonċiljazzjoni[13]. Mill-istudju nġibdet il-konklużjoni li l-emenda fid-dispożizzjonijiet tal-lif tal-maternità fis-sens propost hawnhekk hija għażla promettenti billi d-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri ma jvarjawx daqshekk. In-Netwerk tal-esperti legali indipendenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ressaq rapport dwar it-Tqala, il-Maternità, id-Drittijiet tal-Ġenituri u tal-Paternità[14] fl-Istati Membri kif ukoll rapport ta' rendikont dwar miżuri nazzjonali fir-rigward ta' mudelli tax-xogħol flessibbli[15]. L-istima tal-impatt Il-Kummissjoni ħejjiet l-Istima tal-Impatt[16] fuq il-bażi tal-għażliet leġiżlattivi msemmija fid-dokument konsultattiv 2007 tat-tieni stadju li ntbagħat lill-imsieħba soċjali. Waqt li l-Kummissjoni qiegħda attwalment tillimita l-proposta tagħha għal-lif tal-maternità, l-evalwazzjoni tal-għażliet l-oħra għandhom mnejn jappoġġjaw lill-imsieħba soċjali fin-negozjati tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tagħhom. Ir-Rapport tal-Istima tal-Impatt[17] fittex li jidentifika l-aħjar għażliet ta' politika biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati u jittejjeb l-appoġġ għar-rikonċiljazzjoni . Dan ir-Rapport ikkunsidra medda wiesgħa ta' miżuri, inklużi l-emendi għad-Direttivi eżistenti li jirrigwardaw il-lif relatat mal-familja, jiġifieri d-Direttivi 92/85/KEE u 96/34/KE, u l-introduzzjoni ta' forom ġodda/oħra ta' lif, jiġifieri lif ta' adozzjoni, lif tal-paternità u lif tal-ulied. Tqiesu għadd ta' possibbiltajiet qabel ma l-għażliet tnaqqsu f'dawn li ġejjin: ebda azzjoni f'livell tal-UE, it-tixrid ta' prattika tajba, l-emenda tar-regoli tal-lif tal-maternità (Direttiva 92/85/KEE), l-emenda tar-regoli tal-lif tal-ġenituri (Direttiva 96/34/KE), it-twettiq ta' dispożizzjoni aktar speċifika għal-lif tal-adozzjoni u l-introduzzjoni ta' żewġ forom oħra ta' lif, li huma l-lif tal-paternità u l-lif tal-ulied. Il-konklużjoni hi li nuqqas milli wieħed jaġixxi ma jistax itejjeb l-effettività tal-miżuri ta' rikonċiljazzjoni. Il-miżuri mhux leġiżlattivi (pereżempju, l-iskambju ta' prattika tajba u l-iniżjattivi tal-imsieħba soċjali) għandhom jissuktaw fi kwalunkwe każ, kif ukoll il-miżuri l-oħra biex jgħollu r-rata ta' impjieg tan-nisa. It-titjib fl-intitolament tal-lif li għandu x'jaqsam mal-familji flimkien ma' miżuri oħra notevolment id-dispożizzjoni aħjar tal-ħarsien u l-kura tat-tfal għandu jgħin lin-nisa u l-irġiel biex jiksbu aktar rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata. Il-punt tat-tluq huwa dispożizzjoni xierqa għal-lif tal-maternità għall-omm ikkumplementata mil-lif tal-ġenituri li jista' jittieħed minn ġenitur jew mill-ieħor. L-istima tal-impatt għalhekk tikkonkludi li proposta għall-emenda tar-regoli tal-lif tal-maternità (id-Direttiva 92/85/KEE) tibqa' f'dan l-istadju miżura utli ħafna għat-titjib fir-rikonċiljazzjoni u tista' tiġi kkunsidrata mill-imsieħba soċjali fin-negozjati tagħhom dwar forom oħra ta' lif li għandu x'jaqsam mal-familja. Fid-dawl tar-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni u tal-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni, l-għażla tal-estensjoni tal-lif tal-maternità u ż-żieda fil-ħlas kienu qed jitqiesu bħala mod proporzjonat fit-titjib tas-saħħa u s-sigurtà tan-nisa kif ukoll opportunità għan-nisa biex jirrikonċiljaw aħjar l-obbligi tagħhom professjonali u dawk tal-familja, biex b'hekk irawwmu opportunitajiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. Attwalment, it-tul ta' żmien tal-lif tal-maternità jvarja minn 14-il ġimgħa f'għadd żgħir ta' Stati Membri għal 28 ġimgħa fi Stati Membri oħrajn, u f'ċerti ċirkostanzi sa 52 ġimgħa, li mhuwiex kollu mħallas. Perjodu ta' lif itwal għandu jkollu impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-omm. Dan għandu jgħin lin-nisa biex jirkupraw wara li jwelldu u biex joħolqu relazzjoni aħjar mal-wild tagħhom. Barra minn hekk, huwa eħfef għan-nisa li jmorru lura x-xogħol meta t-tifel/tifla jkun/tkun ikbar u dan għalhekk jista' jħajjar lin-nisa jirrikorru inqas għal-lif tal-ġenituri. Lif itwal u t-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa meta jerġgħu lura mil-lif tal-maternità għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jiżguraw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol. Iż-żieda fil-ħlasijiet mogħtija matul il-lif tal-maternità tiżgura li n-nisa kkonċernati ma jitilfux finanzjarjament. Mill-perspettiva ta' min iħaddem, għandu jkun hemm iktar ċertezza fir-rigward tat-tul ta' assenza tal-omm, billi n-nisa huma mistennija li jirrikorru anqas għal-lif tal-ġenituri. Dan jgħodd l-iktar għal organizzazzjonijiet iżgħar li fuqhom l-impatt tal-lif relatat mal-familji huwa proporzjonalment akbar milli fuq organizzazzjonijiet akbar. L-ispejjeż ta' din l-għażla jiġu minn lif itwal u kumpens ogħla f'dawk l-Istati Membri fejn hija meħtieġa l-bidla kif ukoll mill-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-ħaddiem assenti. Biex wieħed jevita li dawn l-ispejjeż jaqgħu bla bżonn fuq in-negozji speċjalment fuq dawk in-negozji li huma iżgħar, il-proposta tal-Kummissjoni tippermetti lill-Istati Membri li jistipulaw limitu għall-benefiċċju tal-maternità. L-Istati Membri huma liberi, kif huwa l-każ attwalment, li jiddeterminaw is-sehem mill-benefiċċju li huwa ffinanzjat mill-istat. 3. ASPETTI LEGALI Il-bażi legali Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 137(2) u 141(3) tat-Trattat tal-KE. Għalkemm id-Direttiva 92/85/KEE hija msejsa fuq l-Artikolu 118a tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikolu 137) u hija Direttiva individwali skont il-qafas tad-Direttiva dwar is-Saħħa u s-Sigurtà (Direttiva 89/391/KEE), l-Artikolu 141 KE qed jiżdied mal-bażi legali ta' din il-proposta. Il-lif tal-maternità huwa essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tan-nisa tqal jew tal-ħaddiema li għadhom kif welldu reċentement. Il-ħarsien mit-tkeċċija jew mid-diskriminazzjoni minħabba fit-tqala jew fit-trobbija tat-tfal huwa strumentali għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-mara, bħalma huwa l-ħlas tal-lif tal-maternità. Iżda r-regoli marbuta mal-lif tal-maternità, mat-tul tiegħu, mal-ħlas u d-drittijiet u mal-obbligi tan-nisa li jieħdu l-lif tal-maternità jew ma' meta jerġgħu lura minnu huma intrinsikament marbuta mal-applikazzjoni tal-prinċipji ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel kif stabbilit fl-Artikolu 141(3). Għalhekk il-bażi legali għal din il-proposta huma kkombinati. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità Il-proposta biħsiebha temenda Direttiva eżistenti. Emenda bħal din tista' tiġi effettwata biss permezz ta' Direttiva oħra. L-għanijiet ġenerali ta' din il-proposta jistgħu biss jintlaħqu permezz ta' miżura li tkopri l-Komunità kollha billi l-istandard minimu komuni meħtieġ bejn l-Istati Membri għall-ħarsien ta' nisa ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu jista' biss ikun żgurat permezz ta' standard minimu komuni. Minbarra l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tan-nisa kkonċernati fuq ix-xogħol, il-proposta għandu jkollha wkoll effett ta' benefiċċju fuq il-ħila ta' dawn in-nisa li jirrikonċiljaw l-obbligi privati, familjari u professjonali. L-importanza tal-linji politiċi u tal-miżuri biex titrawwem rikonċiljazzjoni aħjar ġiet rikonoxxuta u enfasizzata mill-istituzzjonijiet Ewropej oħra kif ukoll mill-partijiet interessati prinċipali. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet. Hija stument ta' standards minimi u tippermetti lill-Istati Membri li jaġixxu jekk jixtiequ jagħmlu aktar minn dan. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu assolutament meħtieġ f'livell tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati. L-għażla ta’ strument Billi l-għan hu li tiġi emendata Direttiva eżistenti, direttiva oħra hija l-uniku att legali li tista' tiġi prevista. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 137(2) tat-Trattat jistqarr li azzjoni mil-leġiżlatur tal-UE għandha tinvolvi direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni gradwali. It-tabella ta’ korrelazzjoni L-Istati Membri huma mitluba jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva, flimkien ma' tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva . Iż-Żona Ekonomika Ewropea Dan huwa test ta' rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea u d-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex Membri tal-UE, wara deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. 4. L-IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. 5. Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi Artikolu 1 Id-Direttiva proposta temenda d-Direttiva eżistenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sikurezza u fis-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, u b'mod partikolari l-Artikoli 8 (Il-lif tal-maternità), 10 (Il-projbizzjoni tat-tkeċċija) u 11 (Id-drittijiet tal-impjegati) tagħha. L-Artikolu 8 (Il-lif tal-maternità) huwa emendat biex iżid it-tul ta' żmien tal-lif tal-maternità għal 18-il ġimgħa, li sitta minnhom iridu jittieħdu wara l-ħlas. Dan jikkorrispondi mat-tul ta' żmien stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Ħarsien tal-Maternità tal-ILO, adottata fl-2000, u hija maħsuba biex ittejjeb b'mod ġenerali s-saħħa u s-sigurtà tan-nisa li jkunu welldu. Din iż-żieda hija mfassla biex tagħti ċans lin-nisa jirkupraw mit-tqala u mill-ħlas, biex ikollhom aktar ħin ma' wliedhom, u biex ikunu jistgħu ireddgħu għal perjodu itwal. Skont id-Direttiva attwali it-tul ta' żmien huwa ta' 14-il ġimgħa, li tnejn minnhom huma obbligatorji qabel jew wara l-ħlas. Il-liġijiet nazzjonali li jistipulaw intitolament għall-omm ta' mill-inqas 18-il ġimgħa ta' lif allokat qabel u/jew wara l-ħlas, u mħallas mill-inqas fil-livell stipulat f'din id-Direttiva, għandhom jitqiesu bħala lif tal-maternità għall-għanijiet ta' din id-Direttiva. Nisa li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva jkunu jistgħu jagħżlu bil-libertà kollha ż-żmien li fih jixtiequ jieħdu l-parti ta' lif mhux obbligatorju (qabel jew wara l-ħlas), u għalhekk ma jkunux iżjed obbligati jieħdu parti speċifika tal-lif qabel it-twelid kif inhu l-kaz attwalment f’ xi wħud mill-Istati Membri. Huma l-Istati Membri li jridu jiddeċiedu dwar il-perjodi ta' notifika. Meta l-ħlas iseħħ wara d-data preskritta, il-parti tal-lif qabel il-ħlas għandha tiġi estiża sad-data attwali tal-ħlas, mingħajr ebda tnaqqis fil-parti tal-lif ta' wara l-ħlas, biex ikun garantit li n-nisa jkollhom biżżejjed żmien biex jirkupraw wara l-ħlas u biex ireddgħu. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar it-tul tal-lif addizzjonali li għandu jingħata fil-każ ta' ħlas qabel il-waqt, tfal li jeħtieġu kura fl-isptar mat-twelid, tfal tat-twelid b'diżabbiltà u twelid multiplu. Iż-żmien żejjed għandu jagħti ċans lin-nisa jirkupraw mill-istress partikolari li ġeneralment iġibu magħhom kemm il-ħlas qabel il-waqt, kif ukoll it-tfal li jeħtieġu kura fl-isptar mat-twelid, it-tfal b'diżabbiltà u twelid multiplu. Kwalunkwe perjodu ta' lif għall-mard, sa erba' ġimgħat qabel il-ħlas, fil-każ ta' xi mard jew kumplikazzjonijiet li jseħħu kawża tat-tqala jew tal-ħlas, m'għandux iqassar il-perjodu tal-lif tal-maternità, għal darb'oħra fl-interess tas-saħħa tan-nisa. Qegħdin jiġu emendati il-Punti 1 u 2 tal-Artikolu 10 (Il-projbizzjoni tat-tkeċċija): biex tiġi kkunsidrata l-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, qed jiġi propost li jkunu projbiti t-tħejjijiet kollha għal tkeċċija possibbli li m'għandhiex x'taqsam ma' ċirkustanzi eċċezzjonali, matul il-lif tal-maternità. Skont id-Direttiva attwali, min iħaddem għandu jissustanzja bil-miktub kif xieraq ir-raġunijiet għal tali tkeċċija f'każijiet fejn mara titkeċċja waqt il-lif tal-maternità biss. L-emenda proposta testendi dan id-dmir ta' min iħaddem fil-każijiet fejn mara titkeċċa fi żmien sitt xhur minn tmiem il-lif tal-maternità tagħha, jekk il-mara titlob motivazzjoni bħal din bil-miktub. L-għan ta' din id-dispożizzjoni mhuwiex li jiġu emendati regoli dwar tkeċċija individwali jew kollettiva, iżda li tipprovdi, fl-interess kemm tal-kummerċ kif ukoll tal-ħaddiem ikkonċernat, li matul ċertu perjodu wara d-dħul lura mil-lif tal-maternità, kwalunkwe tkeċċija għandha tiġi motivata kif xieraq bil-miktub jekk tkun ix-xewqa tal-ħaddiem. Il-punt il-ġdid 2(c) tal-Artikolu 11 (Drittijiet għall-impjieg) jagħmilha ċara li wara l-lif tal-maternità, il-mara għandha d-dritt li terġa' lura fl-istess impjieg jew f'wieħed ekwivalenti għalih bit-termini u l-kundizzjonijiet li mhumiex inqas favorevoli, u bid-dritt li tibbenefika minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li hija kienet tkun intitolata għalih matul l-assenza tagħha. Dan huwa meħud mid-Direttiva 2002/73/KE, kif imfassal mill-ġdid fid-Direttiva 2006/54/KE, billi huwa rilevanti ħafna fi ħdan il-kuntest ta' proposta biex tbiddel id-Direttiva 92/85/KEE. Il-punt 3 jibdel ir-regola eżistenti dwar il-ħlas li jingħata matul il-lif tal-maternità: huwa jistipula l-prinċipju tal-ħlas tas-salarju sħiħ tax-xahar li għandu jsir qabel il-lif tal-maternità. Madankollu dan mhuwiex obbligatorju billi dan il-ħlas jista' jkun soġġett għal limitu massimu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru, sakemm dan il-limitu ma jiġix stabbilit taħt ir-rata għall-ħlas tal-benefiċċju tal-mard. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw jekk il-livell tal-ħlas matul il-lif tal-maternità jikkorrispondix mal-aħħar ħlas tax-xahar qabel il-lif tal-maternità jew ma' medja li għandha tiġi kkalulata fuq ċertu perjodu. Skont il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[18], minkejja l-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 137(5) KE, huwa aċċettat li l-liġi tal-KE imsejsa fuq dan l-Artikolu tirregola kwistjonijiet ta' ħlas 'inkella xi taqsimiet imsemmija fl-Artikolu 137(1) KE jkunu privi minn ħafna mis-sustanza tagħhom'. Skont il-punt 5 l-ġdid tal-Artikolu 11, ħaddiema li tkun fuq lif tal-maternità jew li terġa' lura mil-lif tal-maternità għandha d-dritt li tistaqsi lil min iħaddimha biex jadattalha r-rutina u s-sigħat tax-xogħol tagħha għall-qagħda l-ġdida tal-familja u dan tal-aħħar huwa obbligat jikkunsidra talba bħal din. Madankollu, min iħaddem m'għandux obbligu li jaċċetta jew jsegwi din it-talba. Ir-regoli ddettaljati dwar l-eżerċizzju ta' dan id-dritt għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni l-ġdida hija meħtieġa biex issaħħaħ il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tista' tippermetti, bil-kunsens ta' min iħaddem, għal aktar flessibbiltà fis-sigħat u r-rutina tax-xogħol. Dispożizzjoni simili hija inkluża fl-Artikolu 2b tal-proposta biex temenda d-Direttiva 2003/88/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol. Jekk dan l-Artikolu jiġi adottat, l-emenda proposta hawn tista' tirreferi għall-Artikolu 2b tal-proposta għall-emenda tad-Direttiva 2003/88/KE u ma tkun teħtieġ l-ebda bidla oħra għad-Direttiva 92/85/KEE. Id-dispożizzjoni dwar id-dmir tal-prova hija komuni għall-biċċa l-kbira tad-Direttivi dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Fi proċeduri ġudizzjarji, ir-regola ġenerali hi li persuna li tallega xi ħaġa għandha tipprovaha. Madankollu, f’każijiet ta’ trattament ugwali, huwa ta' sikwit diffiċli ħafna li tinkiseb l-evidenza meħtieġa biex tingħata prova tal-każ, peress li ħafna drabi din hija f’idejn il-konvenut. Din il-problema kienet rikonoxxuta mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[19] u l-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva 97/80/KE[20], 2000/43[21], 2000/78[22], 2004/113[23] u 2004/56[24]. Id-dispożizzjoni dwar il-vittimizzazzjoni tinsab ukoll normalment fid-Direttivi ta' trattament ugwali. Il-ħarsien legali effettiv għandu jinkludi ħarsien kontra r-ritaljazzjoni. Il-vittmi jistgħu jkunu ostakolati milli jużaw id-drittijiet tagħhom minħabba r-riskju ta’ ritaljazzjoni, u għalhekk l-individwi għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe trattament negattiv fejn jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[25], id-dispożizzjoni fuq il-pieni tistipula li ma għandu jkun hemm ebda limitu fuq il-kumpens li għandu jitħallas f’każijiet ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li jkunu introdotti pieni kriminali. Il-proposta tipprevedi li twessgħa l-ambitu tal-korpi eżistenti tal-ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttiva 2002/73/KE, kif imfassla mill-ġdid bid-Direttiva 2006/54/KE, għall-kwistjonijiet koperti bid-Direttiva, fejn dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw l-ewwel u qabel kollox it-trattament ugwali u mhux is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Artikolu 2 Din hija dispożizzjoni standard, li tippermetti li l-Istati Membri jipprovdu livell ogħla ta’ ħarsien minn dak garantit mid-Direttiva, u tikkonferma li ma għandux ikun hemm tnaqqis fil-livell ta’ ħarsien diġà mogħti minn Stati Membri meta jimplimentaw id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri perjodu ta’ sentejn biex jittrasponu d-Direttiva f’liġi nazzjonali u biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-testi rilevanti. Hija tirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva, fuq il-bażi ta’ tagħrif mill-Istati Membri. Artikolu 4 Din hija dispożizzjoni standard li tistipula l-obbligu tal-Istati Membri biex jikkomunikaw perjodikament lill-Kummissjoni tagħrif li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva emendata u biex il-Kummissjoni tirrapporta lil-leġiżlatur Komunitarju dwar dan il-punt u, fejn meħtieġ, biex jingħaqdu l-proposti għar-reviżjoni u l-aġġornament tad-Direttiva. Artikolu 5 Din hija dispożizzjoni standard li tistipula li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Artikolu 6 Din id-dispożizzjoni hija standard għad-destinatarji, u tagħmilha ċara li d-Direttiva tindirizza l-Istati Membri. 2008/0193 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 137(2) u 141(3) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[26], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[27], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[28], Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, Billi: (1) L-Artikolu 137 tat-Trattat jistipula li bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 136 tat-Trattat, il-Komunità għandha tappoġġja u tikkumplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u għall-assigurazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol. (2) L-Artikolu 141 tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, waqt li jaġixxi skont il-proċedura kif imsemmija fl-Artikolu 251, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta miżuri biex jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol. (3) Billi din id-Direttiva tindirizza mhux biss is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tqal, jew li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, iżda wkoll, minnha nnifisha, kwistjonijiet ta' trattament ugwali, bħad-dritt li wieħed jerġa' lura fl-istess post tax-xogħol jew f'wieħed ekwivalenti, ir-regoli dwar it-tkeċċija u d-drittijiet tal-impjegati, jew dwar appoġġ finanzjarju aħjar matul il-lif, l-Artikoli 137 u 141 qed jingħaqdu biex jiffurmaw il-bażi legali għal din id-Direttiva. (4) L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u jitolbu li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha. (5) Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-promozzjoni ta' ugwaljanza bħal din hija waħda mill-ħidmiet essenzjali tal-Komunità. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat, il-Komunità għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi, u li tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. (6) Id-Direttiva 92/85/KEE[29] timplimenta mizuri biex tinkoraġġixxi t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu. (7) Waħda mis-sitt prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010[30] hija l-kisba ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u dik tal-familja. F'din il-konnessjoni l-Kummissjoni ħadet f'idejha l-impenn li tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bl-għan li timmodernizzaha, fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li biex ittejjeb il-governanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi, hija għandha ‘tirrevedi l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li mhijiex inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid (...) tal-2005 bl-għan li taġġorna, timmodernizza u tfassal mill-ġdid fejn meħtieġ’. Id-Direttiva 92/85/KEE ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju tat-tfassil mill-ġdid. (8) Fil-Komunikazzjoni tagħha Aġenda Soċjali Mġedda : Opportunitajiet, aċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21 [31], il-Kummissjoni affermat il-ħtieġa għat-titjib tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali. (9) Il-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal u tal-ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu tagħmilha neċessarja għalihom li jingħataw id-dritt ta' lif tal-maternità ta' mill-inqas 18-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u tirrendi neċessarja n-natura obbligatorja tal-lif tal-maternità għal mill-inqas sitt ġimgħat, allokati wara l-ħlas. (10) L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tirrakkomanda tul ta żmien minimu ta' lif tal-maternità ta' 18-il ġimgħa mħallsa bl-ammont sħiħ tas-salarju preċendenti tal-impjegata. Il-Konvenzjoni tal-ILO tal-2000 dwar il-Ħarsien tul il-Maternità tistipula perjodu ta' sitt ġimgħat lif obbligatorju wara l-ħlas. (11) Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej irrikonoxxiet konsistentement il-leġittimità, skont il-prinċipju ta' trattament ugwali, tal-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul u wara t-tqala. B'żieda ma' dan hija iddeċidiet konsistentement li kull trattament sfavorevoli tan-nisa relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni sesswali diretta. (12) Fuq il-bażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali, il-Qorti rrikonoxxiet ukoll il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa għall-impjieg, b'mod partikolari d-dritt tagħhom li jerġgħu lura għall-istess xogħol jew għal ieħor ekwivalenti, b'kundizzjonijiet mhux anqas favorevoli, kif ukoll li jibbenefikaw minn kull titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol introdotti matul l-assenza tagħhom. (13) In-nisa għandhom għalhekk ikunu mħarsa mid-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' tqala jew ta' lif tal-maternità, u għandu jkollhom il-mezzi xierqa ta' ħarsien legali. (14) Din id-Direttiva hija bla ħsara għad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-promozzjoni, u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol[32], kif imfassal mill-ġdid fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali u t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol[33]. (15) Il-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa ta' ħaddiema tqal, ta' ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu għandhom ikunu ggarantiti u mhux imorru kontra l-prinċipji mniżżla fid-Direttivi li jikkonċernaw it-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa. (16) Biex ikun hemm titjib fil-ħarsien effettiv ta' ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu dan l-aħħar jew li qed ireddgħu, ir-regoli dwar id-dmir tal-prova għandhom jiġu adattati fejn hemm każ prima facie ta' ksur tad-drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva. Biex dawn id-drittijiet jiġu applikati b'mod effettiv, id-dmir tal-prova għandu jintrefa' mill-konvenut meta jkun hemm evidenza ta' ksur bħal dan. (17) L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tirrikjedi ħarsien ġudizzjarju xieraq kontra l-vittimizzazzjoni. (18) L-Istati Membri għandhom jipprovdu pieni effettivi, proporzjonali u disswasivi f’każ ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva. (19) L-esperjenza turi li l-ħarsien kontra l-ksur tad-drittijiet garantiti permezz ta' din id-Direttiva għandha tissaħħaħ billi tingħata kompetenza lill-korp jew korpi ta' ugwaljanza f'kull Stat Membru li janalizzaw il-problemi involuti, li jikkunsidraw soluzzjonijiet possibbli u jipprovdu għajnuna prattika lill-vittmi. Għalhekk, għandu jkun hemm lok għal tibdil għal dan l-għan f'din id-Direttiva. (20) Din id-Direttiva tistipula r-rekwiżiti minimi u għalhekk toffri lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex isservi biex tiġġustifika kwalunkwe rigress fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’kull Stat Membru. (21) Billi l-għanijiet tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri t-titjib tal-livell minimu ta' ħarsien fir-rigward tan-nisa tqal u tal-ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu u t-titjib tal-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri fid-dawl tal-livelli ta' ħarsien diverġenti tagħhom, u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija. ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 92/85/KEE hija b'dan emendata kif ġej: 1. L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 8 Lif tal-maternità 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 jkunu intitolati għal żmien kontinwu ta' lif tal-maternità ta' mill-inqas 18-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas. 2. Il-lif tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi lif obbligatorju ta' mill-inqas sitt ġimgħat wara l-ħlas. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 jkunu intitolati li jagħżlu liberament iż-żmien li fih jixtiequ jieħdu l-porzjon ta' lif tal-maternità mhux obbligatorju, qabel jew wara l-ħlas. 3. Il-porzjon ta' lif tal-maternità ta' qabel il-ħlas għandu jiġi estiż bi kwalunkwe perjodu li jaqbeż id-data preżunta u d-data proprja tal-ħlas, mingħajr ma jitnaqqas il-porzjon ta' lif li jkun baqa'. 4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jingħata lif addizzjonali fil-kaz ta' ħlas qabel il-waqt, tfal li jeħtieġu kura fl-isptar mat-twelid, tfal b'diżabbiltà u twelid multiplu. It-tul ta' żmien tal-lif addizzjonali għandu jkun proporzjonali u jakkomoda l-ħtiġijiet speċjali tal-omm u tat-tarbija/trabi. 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta' lif għall-mard minħabba mard jew kumplikazzjonijiet li jinqalgħu minħabba t-tqala erba' ġimgħat jew iżjed qabel il-ħlas m'għandux iħalli impatt fuq it-tul ta' żmien tal-lif tal-maternità." 2. L-Artikolu 10 qed jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 10 Il-Projbizzjoni ta' Tkeċċija Biex ikun garantit li l-ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-ħarsien għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom kif rikonoxxut skont dan l-Artikolu: 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi pprojbita t-tkeċċija u t-tħejjijiet kollha ta' tkeċċija ta' ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, matul il-perjodu mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-lif tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), għajr f'każijiet eċċezzjonali li m'għandhomx x'jaqsmu mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali u, fejn applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha. 2. Jekk ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, titkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jikkwota raġunijiet ġustifikati għat-tkeċċija tagħha bil-miktub. Jekk it-tkeċċija sseħħ fi żmien sitt xhur li jsegwu t-tmiem tal-lif tal-maternità kif stipulat fl-Artikolu 8(1), min iħaddem għandu jikkwota raġunijiet ġustifikati għat-tkeċċija tagħha bil-miktub jekk dan jintalab mill-ħaddiema kkonċernata. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex iħarsu l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 mill-konsegwenzi ta' tkeċċija li hija illegali bis-saħħa tal-punti 1 u 2. 4. Trattament inqas favorevoli ta' mara li huwa relatat mat-tqala jew mal-lif tal-maternità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2002/73/KE, kif imfassla mill-ġdid bid-Direttiva 2006/54/KE." 3. L-Artikolu 11 qed jinbidel b'dan li ġej: (a) Il-punt 1a li ġej għandu jiddaħħal: "1a. ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, li huma esklużi mix-xogħol minn min iħaddimhom li jqishom bħala li mhumiex tajbin għax-xogħol mingħajr indikazzjoni medika miġjuba mill-ħaddiema, għandhom sal-bidu tal-lif tal-maternità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8(2) jirċievu pagament ekwivalenti għas-salarju sħiħ tagħhom." (b) Fil-punt 2, qed jiżdied il-punt (c) li ġej: "(c) id-dritt tal-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 li jerġgħu lura fuq xogħolhom jew f'impjieg ekwivalenti b'termini u kundizzjonijiet li mhumiex inqas favorevoli għalihom u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li huma kienu jkunu intitolati għalih matul l-assenza tagħhom, " (c) Il-punt 3 qed jinbidel b'dan li ġej: "3. il-benefiċċju msemmi fil-punt 2(b) għandu jitqies bħala xieraq jekk jiggarantixxi dħul ekwivalenti għall-aħħar salarju tax-xahar, jew salarju medju ta' xahar, soġġett għal kwalunkwe limitu massimu stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Limitu massimu bħal dan ma jistax ikun inqas mill-benefiċċju li jirċievu l-ħaddiema fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 fil-każ ta' waqfa mill-attività minħabba raġunijiet marbuta mal-qagħda tas-saħħa tal-ħaddiema. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw il-perjodu li matulu s-salarju medju tax-xahar huwa kkalkolat." (d) Il-punt 5 li ġej qed jiddaħħal: "5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, jistgħu, matul il-lif tal-maternità jew meta jerġgħu lura mil-lif tal-maternità, kif stipulat fl-Artikolu 8, jitolbu għal bidliet fil-ħinijiet u r-rutina tax-xogħol, u li min iħaddimhom ikun obbligat li jqis talbiet bħal dawn, filwaqt li jikkonsidraw il-ħtiġijiet tagħhom stess u tal-ħaddiema tagħhom." 4. L-Artikolu 12a li ġej qed jiddaħħal: "Artikolu 12a Id-dmir tal-prova 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha kif meħtieġ, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li meta persuni li jħossu li d-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva ġew miksura jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jkun preżunt li kien hemm ksur bħal dan, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-konvenut li jagħti prova li ma kienx hemm ksur tad-Direttiva. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux jostakola l-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ evidenza li huma iktar favorevoli għall-atturi. 3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali. 4. Stati Membri m’għandomx japplikaw paragrafu 1 għal proċeduri li fihom il-qorti jew korp kompetenti jinvestigaw il-fatti tal-każ. 5. Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom ukoll japplikaw għal kwalunkwe proċedura legali li tnediet skont l-Artikolu 12." 5. L-Artikolu 12b li ġej qed jiddaħħal: "Artikolu 12b Vittimizzazzjoni L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom miżuri bħal dawn skont kif meħtieġ biex iħarsu lill-individwi minn kwalunkwe trattament żvantaġġuż jew konsegwenza żvantaġġuża li jirrizultaw minn ilment li ressqu jew minn proċedimenti li nedew bl-għan li jinforzaw il-konformità mad-drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva." 6. L-Artikolu 12c li ġej qed jiddaħħal: "Artikolu 12c Pieni L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-pieni jistgħu jinvolvu l-ħlas ta’ kumpens, li ma jistax ikun ristrett bl-iffissar ta’ limitu ogħla minn qabel, u għandu jkun effettiv, proporzjonat u dissważiv". 7. L-Artikolu 12d li ġej qed jiddaħħal: "Artikolu 12d Korp ta’ ugwaljanza L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/73/KE kif imfassal mill-ġdid bid-Direttiva 2006/54/KE għall-promozzjoni, l-analiżi, is-sorveljanza u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess ikunu kompetenti addizzjonalment fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-ambitu ta' din id-Direttiva, fejn dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw l-ewwel u qabel kollox it-trattament ugwali u mhux is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema." Artikolu 2 1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għal ħaddiema minn dawk stipulati f'din id-Direttiva. 2. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għal tnaqqis fil-livell ta' ħarsien fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn …. [sentejn wara adozzjoni]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. 2. Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-riferenza għandha ssir. Artikolu 4 1. L-Istati Membri u l-korpi nazzjonali ta’ ugwaljanza għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn [ħames snin wara l-adozzjoni] u kull ħames snin wara dan, it-tagħrif kollu meħtieġ biex il-Kummissjoni tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85/KEE kif emendata minn din id-Direttiva. 2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis, kif xieraq, l-opinjonijiet tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti. Skont il-prinċipju li titqies b'mod sistematiku l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, dan ir-rapport, għandu fost l-oħrajn jipprovdi stima tal-impatt ta' dawn il-miżuri fuq in-nisa u l-irġiel. Fid-dawl tat-tagħrif li wasal, dan ir-rapport għandu jinkludi, fejn meħtieġ, proposti għar-reviżjoni u l-aġġornament tad-Direttiva 92/85/KEE kif emendata b'din id-Direttiva. Artikolu 5 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il - Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 6 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Il-pjan jinsab ippubblikat fl-indirizz: http://ec.europa.eu/atwork/programmes/docs/clwp2008_roadmap_priority_initiatives.pdf [2] COM (2007) 640. [3] COM (2006) 92. [4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill SOC 385: Ir-rwoli bilanċjati tan-nisa u l-irġiel għall-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. [5] 2007/2156 (INI), il-punti 14 u 15, fl-indirizz: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2008-0066+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN. [6] 2007/2065(INI) ) fl-indirizz: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P6-TA-2007-0423, il-punt 13, 28 u 29. [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ vokazzjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, 14.2.1976, p. 40). Id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15). [8] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim ta’ qafas rigward il-lif tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC (ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4). [9] Ara: http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/legislation/new_legislation_en.html. [10] Ara: http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/legislation/new_legislation_en.html. [11] Inklużi membri mill-Istati Membri, korpi ta' ugwaljanza, imsieħba soċjali u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi. [12] Opinjoni tat-3 ta' Lulju ppubblikata fl-indirizz: http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/docs/2008/opinion_newforms_en.pdf. [13] Ara: http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/legislation/index_en.html. [14] Ara: http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/legislation/bulletin_en.html. [15] http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/docs/reconciliation_final_28_august_en.pdf [16] SEC(2008) 2526 [17] Ara: http://ec.europa.eu/employment_social/gender_equality/legislation/new_legislation_en.html. [18] Il-Każ C/307/05, Del Cerro Alonso. [19] Il-Każ 109/88 Danfoss [1989] ECR- 3199. [20] ĠU L 14, 20.1.1998. [21] ĠU L 180, 19.7.2000. [22] ĠU L 303, 12,12,2000. [23] ĠU L 373, 21.12.2004. [24] ĠU L 204, 26.7.2006. [25] Il-Każ C-180/95 Draehmpaehl , [1997] ECR I-2195 u l-Każ C-271/91, Marshall [1993] ECR I-4367. [26] ĠU C, , p. . [27] ĠU C, , p. . [28] ĠU C, , p. . [29] ĠU L 348, 28.11.92. [30] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - (COM(2006) 92. [31] COM (2008) 412. [32] ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15. [33] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.