52008DC0542

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Is-sitt rapport dwar is-sitwazzjoni tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat fl-Unjoni Ewropea SEK(2008)2416 /* KUMM/2008/0542 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.9.2008

KUMM(2008)542 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IS-SITT RAPPORT DWAR IS-SITWAZZJONI TAL-ĠESTJONI TAL-ISKART RADJUATTIV U TAL-FJUWIL UŻAT FL-UNJONI EWROPEA

SEK(2008)2416

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IS-SITT RAPPORT DWAR IS-SITWAZZJONI TAL-ĠESTJONI TAL-ISKART RADJUATTIV U TAL-FJUWIL UŻAT FL-UNJONI EWROPEA

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Politika tal-Enerġija għall-Ewropa"[1] tal-10 ta' Jannar 2007 enfasizzat li l-enerġija nukleari tqajjem kwistjonijiet importanti rigward l-iskart u dawn għandhom jiġu inklużi fix-xogħol tal-Komunità fil-ġejjieni. Kif stipulat fil-Programm Nukleari Illustrattiv[2] il-ġdid, parti integrali tal-pakkett ppreżentat mal-Komunikazzjoni, l-iskart fundamentalment huwa kwistjoni ambjentali u ta' saħħa; għaldaqstant, il-ġestjoni u r-rimi ta' skart radjuattiv għandhom ikunu soġġetti għall-istess skrutinju applikat lill-proġetti kollha li jħallu impatt fuq il-bnedmin u l-ambjent taghħom" u d-diskussjoni għandha tiffoka primarjament fuq "li jiġi żgurat li l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv".

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Mejju 2007 dwar is-sigurezza nukleari u ġestjoni sigura ta' fjuwil nukleari wżat u skart radjuattiv, il-Kunsill stabbilixxa li kull Stat Membru tal-UE għandu jiġi mħeġġeġ “sabiex jistabbilixxi u jżomm aġġornat il-programm nazzjonali għall-ġestjoni sigura tal-iskart radjuattiv u fjuwil użat li jinkludi kull skart radjuattiv skont il-ġurisdizzjoni tiegħu u jkopri kull stadju ta' ġestjoni"

Wara 30 sena ta' riċerka, ġie muri b'mod ċar biżżejjed li r-rimi ġeoloġiku issa jirrappreżenta l-aktar għażla sostenibbli u sikura għall-ġestjoni fuq medda ta' żmien twil, ta' skart b’livell għoli ta’ attività u fjuwil użat soġġetti għal rimi dirett, anki jekk ir-riċerka u l-iżvilupp għall-implimentazzjoni għandhom ikomplu f'dawk l-oqsma identifikati mill-organiżżazzjonijiet ewlenin ta’ partijiet interessati fir-riċerka u kkoordinati mis-7 Programm Qafas tal-Euratom .

Ir-rapport jagħti stampa ġenerali tal-istat attwali tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat fl-UE, abbażi tas-Sitt Rapport dwar is-Sitwazzjoni"tal-Iskart Radjuattiv u l-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat fl-Unjoni Ewropea"[3] Dan ir-rapport jipproponi wkoll azzjonijiet fil-livell Komunitarju u f’dak nazzjonali bl-iskop li jiżgura progress lejn implimentazzjoni ta’ faċilitajiet għar-rimi ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat.

2. Il-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv u ta’ Fjuwil Użat

2.1. Politiki u prattiċi

Il-politiki u l-prattiċi tal-Istati Membri dwar il-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat jirriflettu l-iżvilupp storiku, xjentifiku u teknoloġiku. Bħalissa ħames Stati jużaw l-alternattiva tal-ipproċessar mill-ġdid u żewġ Stati qed isegwu b'mod attiv l-alternattiva ta' rimi dirett tal-fjuwil użat. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati, ma teżistix politika definittiva għall-fjuwil użat, ħlief arranġamenti biex jiżguraw ħażna għal perjodu estiż u sikur (50-100 sena) .

Għall-aktar kategorija perikoluża ta' skart, l-iskart b’livell għoli ta’ attività u fjuwil użat soġġett għall-rimi dirett, qiegħed jiġi nnutat progress fi proġetti ta' rimi fi ftit Stati Membri biss, li huma l-Finlandja, l-Iżvezja u Franza. X'aktarx li sal-2025 dawn il-pajjiżi se jkollhom faċilitajiet ta' rimi operazzjonali. Probabbli l-Ġermanja u l-Belġju se jagħmlu l-istess sal-2040. Il-pajjiżi li jifdal għadhom aktar lura. Ħafna minnhom għanhom ma għamlux ħafna progress minħabba s-sensitività politika tal-kwistjoni, in-nuqqas ta' riżorsi xjentifiċi, tekniċi u finanzjarji u/jew għal raġunijiet storiċi u soċjali oħrajn.

Il-Finlandja turi li anki programmi nukleari żgħar jista’ jkollhom repożitorju nazzjonali tagħhom stess. F'dan il-każ, il-kooperazzjoni mal-programm nukleari Svediż għenet biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Sabiex isir l-aħjar użu mill-infiq, qegħdin jiżdiedu dejjem aktar inizzjattivi multinazzjonali li jappoġġaw soluzzjonijiet nazzjonali permezz tal-kooperazzjoni u t-trasferiment ta’ programmi u għarfien, kif ukoll riflessjonijiet dwar soluzzjonijiet reġjonali kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell tal-UE. Ir-riċerka u d-dimostrazzjoni li jaqaw taħt il-Programmi ta' Qafas Ewropew taw il-kontribut tagħhom għall-avvanz f'dan il-qasam. Teżisti sitwazzjoni simili għal skart ta' livell ta’ attività baxx u medju u ta' ħajja twila, peress li anke għal dan il-livell ta' skart is-soluzzjoni preferita hi r-rimi ġeoloġiku fil-fond, kemm jekk jintuża l-istess repożitorju li jintuża għall-iskart b’livell għoli ta’ attività / fjuwil użat kif ukoll jekk jintrema separatament. Għal din il-kategorija ta' skart, jista’ jkun li sal-2014 il-Ġermanja jkollha repożitorju ġeoloġiku fil-fond operattiv.

Fil-każ ta' kategoriji ta' skart bl-inqas periklu, skart ta' livell ta’ attività baxx jew medju u ta' ħajja qasira u skart ta' livell ta’ attività baxx ħafna, 7 mis-16-il Stat Membru b'reatturi nukleari bħalissa qed joperaw faċilitajiet ta' rimi sabiex jitrattaw din il-kategorija ta' skart. Madankollu, sal-2020, jekk il-pjanijiet attwali jiġu segwiti, l-Istati kollha, bl-eċċezzjoni tal-Olanda, jistgħu jkollhom faċilitajiet ta' rimi operattivi għal dan it-tip ta' skart.

2.2. Aċċettazzjoni mill-pubbliku

L-aħħar Ewrobarometru[4] dwar l-ikart radjuattiv wera li 93% taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ minn issa l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet għall-ġestjoni fit-tul ta' żmien ta' skart b'livelli ta' radjuattività attiva għolja ħafna, filwaqt li 43% biss jemmnu li r-rimi fil-fond taħt l-art jirrapreżenta l-aktar soluzzjoni xierqa. Dan l-istħarriġ, kif ukoll l-aħħar Ewrobarometru[5] dwar is-sigurtà nukleari wrew li l-kwistjoni li għadha mhix solvuta tal-iskart radjuattiv hi waħda mill-kwistjonijiet li jinkwitaw liċ-ċittadini Ewropej relatati mal-enerġija nukleari.

L-implimentazzjoni tar-rimi ġeoloġiku tirrikkjedi impenn politiku għal medda ta' żmien twil, kunċetti ta' ggvernar moderni, abbażi ta’ approċċ gradwali u involviment bikri ta' partijiet interessati nazzjonali u lokali biex jiżguraw konsultazzjoni valida u aċċettazzjoni mill-pubbliku. Dawn it-tipi ta' kunċetti ta' ggvernar moderni hma l-bażi għas-suċċess li nikseb mill-approċċi Finlandiżi u Svediżi.

3. Konklużjonijiet

L-opinjoni tal-Kummissjoni hi li ħafna oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija importanti għar-rimi ġeoloġiku waslu sa fejn kellhom jaslu, u l-mixja lejn l-implimentazzjoni għandha tkun inkoraġġata u ffaċilitata.

Il-postmonimenti tat-teħid ta' deċiżjoni ta' soluzzjoni definittiva, magħrufa bħala l-politika ta’ "nistennew u naraw", mhumiex aċċettabbli minħabba l-konsegwenzi potenzjali tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat fuq is-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll minħabba l-opinjoni taċ-ċittadini Ewropej. L-inizzjattivi kollha li jwasslu għall-inkoraġġament jew li jiffaċilitaw il-progress lejn l-identifikazzjoni u l-operazzjoni ta' repożitorji ta' skart bla periklu huma mixtieqa ħafna.

Il-Kummissjoni temmen li kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali tista' taċċellera t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar soluzzjonijiet ta' rimi defenittivi. Madankollu, waqt li s-soluzzjonijiet reġjonali huma attrattivi f'termini ta' ekonomija fuq skala kbira, minħabba li joffru potenzjal għall-tfaddil konsiderevoli kemm f'termini ta' spejjeż kif ukoll ta' riżorsi, huwa ċar li l-pajjiż għandu jkun lest jilqa’ ċentru reġjonali bħal dan li għandu bżonn aċċettazzjoni politika u soċjali.

Hi l-opinjoni tal-Kummissjoni wkoll li proposti mingħand pajjiżi li mhumiex membri fl-UE dwar rimi ta' skart radjattiv u fjuwil użat, ma għandhomx jiġu nkoraġġati minħabba raġunijiet tekniċi u ekonomiċi kif ukoll minħabba raġunijiet ta' sigurtà u s-sigurezza, Dan hu vera partikolarment meta l-istat b'potenzjal li ħa jirċievi ma jkollux stabbiliti l-istess rekwiżiti u kundizzjonijiet tekniċi, politiċi u soċjali kif mogħtija fil-livell tal-UE.

Il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat hija parti minn żvilupp sostenibbli tal-programmi nukleari nazzjonali, li jinkludu l-ippjanar, il-kostruzzjoni u d-dekommissjoni tal-faċilitajiet nukleari. Fil-kuntest tal-użu tal-enerġija nukleari fil-ġejjieni, il-politika dwar il-ġestjoni tal-iskart hi suġġett ta' importanza kbira.

Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar Sigurtà Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart[6] li ġie stabbilit riċentament, fost oħrajn kien jinkludi, Grupp ta' Ħidma dwar il-Gestjoni tal-Iskart, awtoriżżat biex jaħdem f'isem il-GLGħ sabiex itejjeb il-ġestjoni ta' fjuwil użat, l-iskart radjuattiv u d-dekommissjoni fl-interess taċ-ċittadini Ewropej.

Is-Sitt Rapport dwar is-Sitwazzjoni "tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv u tal-Fjuwil Użat fl-Unjoni Ewropea" jifforma bażi fattwali għall-Grupp ta' Ħidma biex jiġi żviluppat ftehim komuni u, jekk jixraq, jissuġġerixxi approċċ komuni fil-qasam tas-sikurezza tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat.

Dan ir-rapport għandu jiffaċilita bidu mill-ġdid ta’ diskussjoni fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew dwar leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

[1] COM(2007) 1 finali.

[2] COM(2006) 844 finali.

[3] COM([....]), [...] finali

[4] Ewrobarometer Speċjali 297 (2008).

[5] Ewrobarometer Speċjali 271 (2007).

[6] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2007 (2007/530/Euratom) Ġurnal Uffiċċjali L 195/44