Proposta emendata għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottata b'mod konġunt f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001 /* KUMM/2008/0508 finali - CNS 2008/0162 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 11.8.2008 KUMM(2008) 508 finali 2008/0162 (CNS) Proposta emendata għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottata b'mod konġunt f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001 (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. L-GħAN TAL-PROPOSTA Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Komunità għandha tikkonkludi l-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli ("il-Konvenzjoni ta' Cape Town" jew "il-Konvenzjoni") u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani ("il-Protokoll tal-ajruplani") adottata waqt Konferenza Diplomatika li saret f'Cape Town mid-29 ta' Ottubru sas-16 ta' Novembru 2001, taħt l-awspiċi konġunti ta' l-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO). Il-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani adottati fl-2001 huma ftehimiet imħallta li parzjalment jaqgħu taħt kompetenza esklussiva tal-Komunità. Fl-2002, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti għall-iffirmar u l-konklużjoni mill-Komunità ta' dawn l-istrumenti. Dawn il-proposti kien fihom dikjarazzjonijiet li kellhom isiru mill-Komunità dwar l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi taż-żewġ strumenti li jaffettwaw il-liġi tal-Komunità. Wara diskussjonijiet fil-Kumitat tal-Liġi Ċivili, il-fajl intbagħat lil COREPER f'Ottubru 2003, iżda ma wasalx għall-adozzjoni minħabba kwistjoni bejn Spanja u r-Renju Unit dwar l-awtoritajiet ta' Ġibiltà fil-kuntest ta' ftehimiet imħallta. Din il-kwistjoni ġiet solvuta f'Diċembru 2007. Madankollu, il-kuntest tbiddel b'mod sostanzjali minn Diċembru 2003 lil hawn, hekk kif għadd ta' Stati Membri ġodda ngħaqdu mal-Komunmità, u l-Konvenzjoni u l-Protokoll m'għadhomx miftuħa għall-iffirmar. Għaldaqstant kien hemm bżonn proposta emendata. Fuq dan l-isfond, din il-kwistjoni tqajmet waqt il-laqgħa tat-3 ta' Marzu 2008 tal-Kumitat tal-Liġi Ċivili fejn il-Kummissjoni ntrabtet li tħejji proposta ta' emenda għall-konklużjoni ta' dawn l-istrumenti internazzjonali. Bil-proposta emendata jkunu jistgħu jingħaqdu l-abbozzi ta' dikjarazzjonijiet tal-Komunità għall-iffirmar u l-konklużjoni, f'proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill waħda dwar il-konklużjoni. Din il-proposta tieħu post u taġġorna l-proposti li ġejjin li kienu ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2002: - Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottata b'mod konġunt f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001, - Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottata b'mod konġunt f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001[1]. 2. POTERI TAL-KOMUNITÀ Peress li l-Komunità għandha ġuriżdizzjoni dwar ċerti materji regolati mill-Konvenzjoni u l-Protokoll tagħha tal-ajruplani u li jaffettwaw ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[2] u (KE) Nru 1346/2000 tat-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment[3], l-Istati Membri ma jistgħux jirratifikaw dawn l-istrumenti għal rashom. Fid-29 ta' Ottubru 2001, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja f'isem il-Komunità, fil-Konferenza Diplomatika ta' Cape Town, dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll tal-ajruplani li kienu jaqgħu taħt il-poteri esklussivi tal-Komunità u li kienu affettwaw iż-żewġ Regolamenti. Erba' Stati Membri ffirmaw il-Konvenzjoni u l-Protokoll tagħha dwar l-Ajruplani. Mindu daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni ta' Cape Town fl-1 ta' April 2004, u l-Protokoll dwar l-Ajruplani tagħha fl-1 ta' Marzu 2006, il-Komunità ma tistax tiffirma dawn l-istrumenti internazzjonali u l-proposta ta' l-2003 għall-iffirmar m'għadhiex valida. Madankollu, il-Komunità se taderixxi mal-Konvenzjoni u l-Protokoll dwar l-ajruplani billi tagħmel id-dikjarazzjonijiet relevanti. Skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll tagħha dwar l-ajruplani, "Organizzazzjonijiet ta' Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali" jistgħu jsiru parti għal ma' dawn l-istrumenti (l-Artikoli 48 u XXVII rispettivament). Għall-iskopijiet tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll tagħha dwar l-ajruplani, l-espressjoni "Organizzazzjoni ta' Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali" titfisser bħala organizzazzjoni li għandha l-kompetenza dwar ċerti materji regolati mill-Konvenzjoni jew mill-Protokoll u li tista' tiffirma, tapprova, taċċetta jew taċċedi għalihom. Din id-definizzjoni se tippermetti lill-Komunità ssir parti għal ma' dawn iż-żewġ strumenti bil-kundizzjoni li tikseb l-approvazzjoni meħtieġa mill-istituzzjonijiet tal-Komunità. Kull referenza fil-Konvenzjoni jew fil-Protokoll għal "Stat(i) Kontraenti", jew "Stati Parti" tapplika wkoll għall-Komunità meta jintalab hekk mill-kuntest (l-Artikoli 48(3) u XXVII(3) rispettivament). Iż-żewġ strumenti jitolbu li fil-mument tal-firma, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, il-Komunità trid tagħmel dikjarazzjoni ġenerali li tindika t-temi koperti mill-Konvenzjoni u mill-Protokoll li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Komunità (l-Artikoli 48(2) u XXVII(2) rispettivament). Għal dan il-għan qed jinhemeż abbozz ta' dikjarazzjoni mal-Anness I. It-test tfassal fuq il-bażi tal-poteri preżenti tal-Komunità kif mogħtija lilha bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22.12.2000 u Nru 1346 tad-29.05.2000. 3. DIKJARAZZJONIJIET DWAR TEMI LI JAQGħU FI ħDAN L-AMBITU TAL-ġURIżDIZZJONI ESKLLUSSIVA TAL-KOMUNITÀ Matul il-Konferenza Diplomatika ta' Cape Town f'Novembru 2001, il-Komunità kisbet dispożizzjonijiet li jippermettulha li tapplika l-liġi tal-Komunità minflok il-Konvenzjoni u l-Protokoll tal-ajruplani f'temi koperti miż-żewġ Regolamenti msemmija hawn fuq. Il-Komunità se tintalab, fil-mument tal-konklużjoni, li tagħmel dikjarazzjonijiet dwar temi li jaqgħu fi ħdan il-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-Komunità. Dawn id-dikjarazzjonijiet mehmuża fl-Anness II huma dwar it-temi li ġejjin: 3.1. Eżenzjoni temporanja (l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu X tal-Protokoll) Fejn tidħol il-kompatibbiltà mal-Artikoli 13 u 43 tal-Konvenzjoni, ta' min jgħid li huma biss il-miżuri temporanji jew inkella dawk protettivi fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 li huma miżuri li, fl-oqsma koperti fi ħdan l-ambitu tiegħu, huma maħsuba biex iżommu sitwazzjoni ta' de facto jew de jure sabiex jiġu salvagwardjati drittijiet li l-qorti li tkun qed tisma' l-każ tkun mitluba li tagħraf.[4] Barra minn dan, l-għoti ta' miżuri temporanji jew protettivi skont l-Artikolu 31 tar-Regolament huwa suġġett, b'mod partikolari, għall-kundizzjoni li jkun hemm xi rabta reali bejn is-suġġett tal-miżuri li jkunu qed jintlabu u l-ġuriżdizzjoni territorjali tal-Istati Kontraenti tal-qorti li quddiemha jkunu qed jintalbu dawn il-miżuri.[5] Il-Komunità se jkollha tiddikjara li l-għoti ta' eżenzjoni temporanja skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni mill-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 43 ikun possibbli, fil-każ fejn id-debitur ikun domiċiljat fil-Komunità, biss skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 (l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta' Brussell tas-27 ta' Settembru 1968, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej). Skont l-Artikolu X(1) u l-Artikolu XXX(2) tal-Protokoll, l-Artikolu X tal-Protokoll, li jkopri eżenzjoni temporanja, japplika kollu jew in parti biss fil-każ li Stat Kontraenti jkun għamel dikjarazzjoni pożittiva f'dan is-sens. Dan l-Artikolu jinkludi l-bejgħ tal-oġġett fil-lista ta' forom ta' eżenzjoni temporanja kif tinsab fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. Fil-każ li Stat Kontraenti jagħmel dikjarazzjoni bħal din fejn jidħol l-Artikolu X(2), għandu jispeċifika l-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jinkisbu l-forom għal eżenzjoni temporanja kif imfissra fl-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni. Qed jiġi propost li l-Komunità ma tagħmilx id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu X skont l-Artikolu XXX(2). 3.2. Il-falliment (L-Artikoli XI u XII tal-Protokoll) L-Artikoli XI u XII tal-Protokoll tal-ajruplani dwar il-falliment ta' debitur japplikaw biss meta Stat Kontraenti li jkun il-ġuriżdizzjoni primarja dwar il-falliment jagħmel dikjarazzjoni pożittiva f'dan is-sens skont l-Artikolu XXX. L-Artikolu XI jistipula r-regoli dettaljati biex jingħata pussess tal-oġġett ta' l-ajruplani li jkun garanzija tal-kreditur fil-każ ta' falliment tad-debitur (Alternattiva A jew B). Dawn ir-regoli huma dispożizzjonijiet ta' liġi sostantiva, magħmula biex ikun protett il-kreditur, li jkollu s-sigurtà ta' dritt in rem , minn xi konsekwenza li jista' jkun hemm minħabba l-falliment tad-debitur. Ir-Regolament 1346/2000 jistipula r-regolamenti dwar il-ġuriżdizzjoni, l-għarfien u l-infurzar kif ukoll regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet applikabbli fi proċedimenti ta' falliment li jinfetħu mill-Komunità. Madankollu, l-Artikolu 5 jistipula li l-ftuħ ta' proċedimenti ta' falliment m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet in rem tal-kredituri jew ta' partijiet terzi fejn jidħlu assi immobbli jew mobbli, tanġibbli jew intanġibbli, li jkunu tad-debitur u li jkunu jinsabu fi ħdan it-territorju ta' Stat Membri ieħor fil-mument tal-ftuħ tal-proċeduri. Din hija dispożizzjoni sostantiva ta' liġi internazzjonali privata, li tiddetermina direttament x'għandu jseħħ mid-drittijiet in rem f'assi immobbli li jkunu jinsabu fi Stat Membru barra minn dak li fih jinfetħu l-proċedimenti. Aktar milli tirreferi għal-liġi tal-Istat li fih ikunu nfetħu l-proċedimenti, jew għal lex situs, biex jiġi determinat jekk l-assi soġġetti għal drittijiet in rem jiffurmawx parti mill-proprjetà tal-falliment, ir-Regolament jistipula direttament li d-drittijiet in rem fejn jidħlu dawn l-assi mhumiex affettwati mill-ftuħ tal-proċedimenti ta' falliment. L-Inċiż 12 tar-Regolament jistipula li "(i)l-proċedimenti prinċipali ta' falliment ... għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur", ikun xi jkun l-Istati Membri fejn ikunu l-assi, ħlief meta l-proċedimenti ta' falliment territorjali jinfetħu skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament. Minn dan joħroġ li l-Istat li fih jinfetħu l-proċedimenti skont l-Artikolu 4 għandu jiddetermina liema assi jiffurmaw parti mill-assi fil-proċedimenti ewlenin u liema huma esklużi. Fejn jidħlu assi soġġetti għal drittijiet in rem , ir-Regolament ma jitlobx li dawn ikunu inklużi fil-proprjetà fil-proċedimenti ewlenin, jew li jkunu esklużi minnha. L-Artikolu 5 jistipula biss li għandhom jiġu rispettati d-drittijiet in rem ta' partijiet terzi fejn jidħlu assi li jkunu fi ħdan it-territorju ta' Stat Membru (li jkunu Stat Kontraenti tal-Protokoll) barra mill-Istat li fih jinfetħu l-proċedimenti ewlenin. Għaldaqstant, anki jekk il-liġi ta' l-Istat li fih jinfetħu l-proċedimenti tistipula li l-assi kollha jiffurmaw parti mill-proprjetà, id-detentur tad-dritt in rem ma jitlef l-ebda dritt partikolari marbut ma' dak id-dritt, speċjalment il-possibbiltà li jirrealizza dak l-ass biex ikun soddisfatt. Għalhekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament u l-Artikolu XI tal-Protokoll it-tnejn li huma għandhom id-dispożizzjoni li ass soġġett għal dritt in rem ma jiffurmax parti mill-proprjetà tal-falliment. Minn dan joħroġ li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f' AETR [6], il-Komunità għandha l-poter esklussiv li tidħol f'impenji esterni f'dan il-qasam, u li tiddeċiedi jekk għandhiex tagħmel id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu XXX(3) sabiex tispeċifika l-Alternattiva magħżula (A jew B) u l-perjodu ta' żmien mitlub mill-Artikolu XI. Il-Kummissjoni tqis li, fejn il-ġuriżdizzjoni ta' falliment primarju tkun fi Stat Membru, ir-Regolament Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment għandu jkun xorta applikabbli minflok il-Konvenzjoni u l-Protokoll tal-ajruplani. Sabiex jinkiseb dan il-għan u tinżamm iċ-ċertezza fil-liġi, hija tirrakkomanda li l-Komunità m'għandhiex tagħżel applikazzjoni sħiħa jew parzjali ta' xi waħda mill-alternattivi li hemm fl-Artikolu XI tal-Protokoll. Din tidher li hi l-unika soluzzjoni li tiggarantixxi t-tħaddim uniformi tar-Regolament Nru 1346/2000 fi ħdan il-Komumità, meta ma jkunx hemm ġustifikazzjoni biex ikun hemm derogazzjoni minnha għal apparat tal-ajruplani. Minn dan joħroġ li l-Komunità mhix se tagħmel id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu XI tal-Protokoll skont l-Artikolu XXX(3), jew id-dikjarazzjoni dwar assistenza fil-każ ta' falliment imsemmija fl-Artikolu XII, li hi marbuta ma' dik fl-Artikolu XI, skont l-Artikolu XXX(1). 3.3. Il-ġuriżdizzjoni tal-post ta' reġistrazzjoni Fl-aħħarnett, fejn jidħol l-Artikolu XXI tal-Protokoll, naħsbu li jkun aħjar li tiġi evitata sitwazzjoni fejn dan ir-regolament ġdid dwar il-ġuriżdizzjoni joħloq eċċezzjoni mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità. Jekk id-debitur ikun jinsab fi ħdan il-Komunità skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, allura l-liġi tal-komunità għandha tkun applikata b'mod uniformi. L-Artikolu XXX(5) tal-Protokoll jippermetti lill-Istati Kontraenti li jiddikkjaraw li huma mhux se japplikaw dan l-Artikolu. Qed jiġi propost li l-Komunità għandha tiddikjara li mhix se tapplika dan l-Artikolu, li jippermettilha li tapplika r-Regolament Nru 44/2001. 4. DIKJARAZZJONIJIET SKONT L-ARTIKOLU VIII TAL-PROTOKOLL Peress li l-Istati Membri huma kollha marbuta bil-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 dwar il-liġi applikabbli għal obbligazzjonijiet kuntrattwali sa dak il-mument li jkunu marbuta bir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008[7], il-Kummissjoni tipproponi li m'għandhomx jagħmlu dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXX(1) tal-Protokoll li se japplikaw l-Artikolu VIII tal-Protokoll dwar l-għażla ta' liġi. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni kif miġjuba hawn taħt li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni UNIDROIT dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, billi jsiru d-dikjarazzjonijiet miġjuba hawn fuq, u li t-test tagħhom huma mehmuż fl-Annessi I u II. 2008/0162 (CNS) Proposta emendata għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottata b'mod konġunt f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(c) tiegħu, flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[8], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[9], Billi: (1) Il-Komunità qegħda taħdem biex toħloq żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċizjonijiet ġudizzjarji. (2) Il-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli (minn issa 'l quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta' Cape Town") u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet speċifiċi għall-ajurplani (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Protokoll tal-ajruplani"), adottati flimkien f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001, jikkostitwixxu kontribut utli għar-regolamentazzjoni fuq livell internazzjonali fl-oqsma rispettivi tagħhom. Huwa għalhekk mixtieq li d-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti li jikkonċernaw temi li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità għandhom ikunu applikati kemm jista' jkun malajr. (3) Il-Kummissjoni nnegozjat il-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani f'isem il-Komunità, f'dawk il-partijiet minnhom li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. (4) L-Organizzazzjonijiet ta' Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali, li għandhom il-kompetenza dwar ċerti affarijiet regolati mill-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani jistgħu jaċċedu għall-Konvenzjoni msemmija u l-Protokoll imsemmi wara d-dħul tagħhom fis-seħħ. (5) Xi wħud mit-temi regolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[10], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta' falliment[11] [u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Rome I)[12]] huma wkoll indirizzati fil-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll dwar l-ajruplani. (6) Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva dwar xi wħud mit-temi regolati mill-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani, filwaqt li l-Istati Membri għandhom kompetenza dwar materji oħra regolati minn dawn iż-żewġ strumenti. (7) Il-Komunità għandha għalhekk taċċedi għall-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll tal-Ajruplani. (8) L-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Artikolu XXVII tal-Protokoll tal-Ajruplani jistipulaw li, fil-mument tal-adeżjoni, Organizzazzjoni ta' Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika t-temi regolati mill-imsemmija Konvenzjoni u l-imsemmi Protokoll li dwarhom ġiet trasferita l-kompetenza lil dik l-organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. Il-Komunità għandha għalhekk tagħmel dikjarazzjoni bħal din fil-mument tal-adeżjoni. (9) L-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta' Cape Town jistipula li Stat Kontraenti jista' jiddikjara li huwa mhux se japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 jew l-Artikolu 43, jew it-tnejn, kollha jew in parti. Fil-mument tal-adeżjoni għall-Konvenzjoni msemmija l-Komunità għandha tagħmel dikjarazzjoni bħal din. (10) L-Artikoli X, XI, XII u XIII tal-Protokoll tal-ajruplani japplikaw biss meta Stat Kontraenti jkun għamel dikjarazzjoni f'dan is-sens skont l-Artikolu XXX tal-imsemmi Protokoll u skont il-kundizzjonijiet speċifikati minn dik id-dikjarazzjoni. FIl-mument tal-adeżjoni mal-Protokoll tal-ajruplani, il-Komunità għandha tiddikjara li mhix se tagħmel xi dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXX(3). Il-kompetenza tal-Istati Membri fejn jidħlu r-regoli ta' liġi sostantiva fejn tidħol l-insolvenza mhix se tkun affettwata. (11) L-applikazzjoni tal-Artikolu VIII tal-Protokoll tal-ajruplani dwar l-għażla tal-liġi hija wkoll soġġetta għal dikjarazzjoni li tista' ssir minn kwalunkwe Stat Kontraenti skont l-Artikolu XXX(1). Fil-mument tal-adeżjoni għall-Protokoll tal-Ajruplani il-Komunità għandha tiddikjara li mhix se tapplika l-Artikolu VIII. (12) Ir-Renju Unit jibqa' marbut mal-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kontrattwali[13] sa dak il-mument li jkun marbut mar-regolamenti tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Wieħed jassumi li r-Renju Unit, jekk jaċċedi għall-Protokoll tal-ajruplani qabel dak il-mument, fil-mument tal-adeżjoni jagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXX(1) li mhux se jippreġudika l-applikazzjoni tar-regolamenti tal-imsemmi Regolament. (13) Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma parteċipi fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. (14) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta magħha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Il-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli (minn issa 'l quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta' Cape Town") u l-Protokoll dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajurplani (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Protokoll dwar l-ajruplani"), adottati flimkien f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001, huma b'dan approvati f'isem il-Komunità Ewropea. 2. It-testi tal-Konvenzjoni ta' Cape Town u tal-Protokoll dwar l-ajruplani huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni. 3. F'din id-Deċiżjoni, "Stat Membru" tfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li t/jiddepożita(w) f'isem il-Komunità Ewropea l-istrument ta' approvazzjoni li għalih hemm provdut fl-Artikolu 47(4) tal-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Artikolu XXVI(4) tal-Protokoll tal-ajruplani. Artikolu 3 1. Fil-mument tal-adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' Cape Town, il-Komunità se tagħmel id-dikjarazzjoni stipulata fil-punt I tal-Anness I u d-dikjarazzjoni stipulata fil-punt I tal-Anness II. 2. Fil-mument tal-adeżjoni għall-Protokoll tal-ajruplani, il-Komunità se tagħmel id-dikjarazzjoni stipulata fil-punt II tal-Anness I u d-dikjarazzjoni stipulata fil-punt II tal-Anness II. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS I Dikjarazzjonijiet ġenerali dwar il-kompetenza tal-Komunità li għandha ssir mill-Komunità fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli ("il-Kovenzjoni ta' Cape Town") u l-Protokoll dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani ("il-Protokoll tal-ajruplani"), adottati flimkien f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001. I. Dikjarazzjoni skont l-Artikolu 48(2) dwar il-kompetenza tal-Komunità Ewropea dwar temi regolati mill-Konvenzjoni ta' Cape Town li dwarhom l-Istati Membri għaddew il-kompetenza tagħhom lill-Komunità. 1. L-Artikolu 48 tal-Konvenzjoni ta' Cape Town jistipula li l-Organizzazzjonijiet ta' Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali li huma kkostitwiti minn Stati sovrani u li għandhom il-kompetenza dwar ċerti temi regolati mill-Konvenzjoni jistgħu jaċċedu għaliha bil-kundizzjoni li jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(2). Il-Komunità ddeċidiet li taċċedi għall-Konvenzjoni ta' Cape Town u għaldaqstant qed tagħmel dik id-dikjarazzjoni. 2. Il-Membri preżenti tal-Komunità Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. 3. Madankollu din id-dikjarazzjoni ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarja skont l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa mat-Trattat. 4. Din id-dikjarazzjoni mhux applikabbli fil-każ tat-territorji ta' l-Istati Membri li fihom it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ma japplikax u hi mingħajr preġudizzju għal dawk l-atti jew pożizzjonijiet li jistgħu jkunu adottati skont il-Konvenzjoni ta' Cape Town mill-Istati Membri kkonċernati f'isem u fl-interessi ta' dawk it-territorji. 5. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għaddew il-kompetenza lill-Komunità fejn jidħlu temi li jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[14], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta' falliment[15] [u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Rome I)[16] 6. Fil-mument tal-adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' Cape Town, il-Komunità mhix se tagħmel xi waħda mid-dikjarazzjonijiet permessi skont l-Artikoli msemmija fl-Artikolu 56 tal-imsemmija Konvenzjoni. L-Istati Membri jżommu l-kompetenzi tagħhom fejn jidħlu r-regoli ta' liġi sostantiva fil-każ tal-falliment. 7. L-eżerċizzju tal-kompetenza li l-Istati Membri għaddew lill-Komunità skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hu, fin-natura tiegħu, suġġett ta’ żvilupp kontinwu. Fil-qafas ta' dak it-Trattat, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw sa fejn tasal il-kompetenza tal-Komunità. Din tal-aħħar għaldaqstant tirriserva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni kif ikun jixraq, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fejn jidħlu temi regolati mill-Konvenzjoni ta' Cape Town. II. Dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXVII(2) dwar il-kompetenza tal-Komunità Ewropea dwar temi regolati mill-Protokoll tal-ajruplani li dwarhom l-Istati Membri għaddew il-kompetenza tagħhom lill-Komuità. 1. L-Artikolu XXVII tal-Protokoll tal-ajruplani jistipula li Organizzazzjonijiet għall-Integrazzjoni Ekonomika Reġjonali li huma kkostitwiti minn Stati sovrani u li għandhom il-kompetenza dwar ċerti temi regolati mill-Protokoll jistgħu jaċċedu għalih bil-kundizzjoni li jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu XXVII(2). Il-Komunità ddeċidiet li taċċedi għall-Protokoll tal-ajruplani u għaldaqstant qed tagħmel dik id-dikjarazzjoni. 2. Il-Membri preżenti tal-Komunità Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. 3. Madankollu din id-dikjarazzjoni ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarja skont l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa mat-Trattat. 4. Din id-dikjarazzjoni mhux applikabbli fil-każ tat-territorji ta' l-Istati Membri li fihom it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ma japplikax u hi mingħajr preġudizzju għal dawk l-atti jew pożizzjonijiet li jistgħu jkunu adottati skon il-Protokoll tal-ajruplani mill-Istati Membri kkonċernati f'isem u fl-interessi ta' dawk it-territorji. 5. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għaddew il-kompetenza lill-Komunità fejn jidħlu temi li jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[17], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta' falliment[18] [u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Rome I)[19]]. 6. Fil-mument tal-adeżjoni għall-Protokoll tal-ajruplani, il-Komunità mhix se tagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXX(1) li se tapplika l-Artikolu VIII u lanqas mhi se tagħmel xi waħda mid-dikjarazzjonijiet permessi skont l-Artikolu XXX(3). L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom dwar ir-regoli ta' liġi sostantiva fejn jidħol il-falliment 7. L-eżerċizzju tal-kompetenza li l-Istati Membri għaddew lill-Komunità skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hu, fin-natura tiegħu, suġġett ta’ żvilupp kontinwu. Fil-qafas ta' dak it-Trattat, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw sa fejn tasal il-kompetenza tal-Komunità. Din tal-aħħar għaldaqstant tirriserva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni kif ikun jixraq, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fejn jidħlu temi regolati mill-Protokoll tal-ajruplani. ANNESS II Dikjarazzjonijiet li għandhom isiru mill-Komunità fil-mument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta' Cape Town u l-Protokoll tal-ajruplani dwar ċerti dispożizzjonijiet u miżuri li fihom I. Dikjarazzjoni mill-Komunità skont l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta' Cape Town. Skont l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta' Cape Town, fejn id-debitur ikun domiċiljat fit-territorju ta' Stat Membri tal-Komunità, l-Istati Membri marbuta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[20] se japplikaw l-Artikoli 13 u 43 tal-Kovenzjoni ta' Cape Town għal eżenzjoni temporanja biss skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta' Brussell tas-27 ta' Settembru 1968[21] (l-Artikolu 24). II. Dikjarazzjoni mill-Komunità skont l-Artikolu XXX tal-Protokoll tal-ajruplani Skont l-Artikolu XXX(5) tal-Protokoll tal-ajruplani, l-Artikolu XXI tiegħu mhux se japplika fi ħdan il-Komunità u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali[22] se japplika f'din it-tema għall-Istati Membri marbuta bir-Regolament imsemmi jew b'xi kwalunkwe ftehim ieħor maħsub biex jestendi l-effetti tiegħu. [1] SEC (2002) 1308 finali/2 03.03.2003 [2] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. [3] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. [4] Sentenza tal-31 ta' Marzu 1982 C.H.W. v G.J.H. (Każ Nru 25/81 [1982] ECR 1189) [5] Sentenza tas-17 ta' Novembru 1998 Van Uden Maritime v Kommanditgesellschaft in Firma Deco-Line u Ieħor (Il-Każ 391/95 [1998] ECR I-7091) [6] Kawża 22/70 [7] ĠU L 177, 4.7.2008, p.6 [8] ĠU C [...], [...] p. [...]. [9] ĠU C [...], [...] p. [...]. [10] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [11] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [12] …. [13] ĠU L 27, 26.1.1998, p. 34. [14] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [15] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [16] ĠU L 177, 4.7.2008, p.6 [17] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [18] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [19] ĠU L 177, 4.7.2008, p.6…. [20] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn [21] ĠU L 27, 26.1.1998, p. 1. [22] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar minn