Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ madwar l-Ewropa {SEC(2008) 2174} {SEC(2008) 2175} /* KUMM/2008/0424 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell 3.7.2008 COM(2008) 424 finali Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ madwar l-Ewropa {SEC(2008) 2174} {SEC(2008) 2175} (ippreżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din l-inizjattiva timmira biex tippromwovi l-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ fl-Ewropa u hi komponent ta’ l-"Aġenda Soċjali Mġedda ta’ l-UE: Opportunitajiet, Aċċess u Solidarjetà fl-Ewropa tas-Sekluº21". Hi tfittex li tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ madwar l-Istati Membri, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-aċċessibilità ta’ l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, minħabba li l-volontarjat huwa forma importanti ta’ tagħlim mhux formali. Din tgħin ukoll biex tibni s-solidarjetà bejn l-individwi u l-komunitajiet. Il-mobilità taż-żgħażagħ se tkun promossa billi tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar l-interoperabilità ta’ l-iskemi nazzjonali tagħhom għal attivitajiet volontarji, kemm jekk organizzati mis-soċjetà ċivili u/jew mill-awtoritajiet pubbliċi, u jindirizzaw l-ostakoli li fadal lill-volontarjat transkonfini. Il-mobilità transnazzjonali ta’ voluntiera tgħolli l-għarfien taċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn ta’ l-UE u s-swieq tax-xogħol u tippromwovi inklużjoni soċjali u l-potenzjal għall-impjieg. Il-mobilità transkonfinali għal voluntiera żgħażagħ tista’ tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-kompetittività u s-solidarjetà ta’ l-Ewropa, u ttejjeb, b’mod partikolari, is-sens taċ-ċittadinanza Ewropea. Ostakoli għal mobilità transnazzjonali ta’ voluntiera żgħażagħ jaħlu r-riżorsi umani. Permezz ta’ tagħlim mhux formali, il-volontarjat transkonfinali jista’ jwassal għal kapaċitajiet imtejba u kompetenzi li jżidu l-potenzjal għall-impjieg taż-żgħażagħ. Bil-qgħad għoli taż-żgħażagħ f’ħafna partijiet ta’ l-UE, il-volontarjat huwa mezz biex jimtela n-nuqqas bejn l-edukazzjoni skolastika u l-impjiegi. Is-suq globali ta' llum jitfa primjum fuq in-nies li huma multilingwi u multikulturali. Biex il-kreattività u l-innovazzjoni jiffjorixxu, iż-żgħażagħ ta’ l-UE għandu jkollhom l-aktar opportunitajiet wesgħin biex iwessgħu l-orrizzonti u jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom. Il-ftuħ ta’ aktar opportunitajiet tal-volontarjat transkonfinali għaż-żgħażagħ kollha madwar l-Ewropa jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew taż-Żgħażagħ u jgħin biex jinkisbu l-miri ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona. Il-volontarjat taż-żgħażagħ jista’ jgħin biex tissaħħaħ is-solidarjetà soċjali fl-Ewropa iżda attività bħal din tista’ titqiegħed għas-servizz ta’ miri komuni ta’ politika oħrajn bħall-protezzjoni ċivili, l-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp reġjonali u l-ambjent. L-UE jeħtieġ ukoll tqajjem kuxjenza dwar il-valur tagħha fost l-Ewropej għall-proġett Ewropew kollu kemm hu biex jimxi 'l quddiem. F’din l-inizjattiva, l-intervent ta’ l-UE jista’ jgħin biex jerfa’ l-ostakoli tekniċi u amministrattivi li jipprevjenu liċ-ċittadini milli jagħmlu l-kontribut tagħhom għall-kawża ta’ solidarjetà—xi ħaġa li dwarha ħafna żgħażagħ jemmnu bis-sħiħ—filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu u jivvalorizzaw id-diversità għanja ta’ skemi u tradizzjonijiet li jeżistu u jkomplu jiżviluppaw fl-Ewropa. Il-kuntest ġenerali Attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ kisbu importanza f’livell Ewropew fis-snin reċenti. Hemm qbil ġenerali dwar il-fatt li l-volontarjat għandu rwol sinifikanti fl-integrazzjoni soċjali, professjonali u ekonomika taż-żgħażagħ (b'mod partikolari żgħażagħ b'inqas opportunitajiet) u joffri benefiċċji wkoll lill-komunitajiet li fihom iservu. Dawn il-benefiċċji huma wkoll akbar fil-każ ta’ volontarjat transkonfinali. L-esperjenza turi li impenn volontarju f’pajjiż ieħor jagħmel impatt qawwi fuq żagħżugħ/a u l-iżvilupp personali u professjonali tiegħu/tagħha. Il-benefiċċji ta’ volontarjat transkonfinali huma ċari għal dawk li huma impenjati fih: 62º% ta’ voluntiera preċedenti taħt is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE), Azzjoni tal-Programm ta’ Żgħażagħ fl-Azzjoni[1], iqisu li din l-esperjenza bidlet għall-aħjar il-possibbiltajiet tal-karrieri tagħhom. Il-Komunità transkonfinali li fiha jimpenjaw ruħhom iż-żgħażagħ voluntiera stagħnat ukoll, kemm kulturalment u kemm ekonomikament, bil-parteċipazzjoni u l-attività tal-voluntier f’dik il-komunità partikolari. Id-domanda għal opportunitajiet għall-volontarjat qegħda wkoll tespandi: stħarriġ ta’ l-2008 mill-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Volontarji (AVSO) ta’ 138ºorganizzazzjoni volontarja jikkalkula li l-għadd ta’ volutiera tagħhom kiber mill-2007 sa l-2008[2]. Fl-2007, bejn wieħed u ieħor 4 000 voluntier transkonfinali żgħażagħ kienu ffinanzjati taħt is-SVE, li laħqu 74º% ta' l-għadd ta' talbiet. F’dik is-sena partikolari kien jeħtieġ li jogħla l-baġit tas-SVE għad-detriment ta’ azzjonijiet oħrajn fil-Programm ‘Żgħażagħ fl-Azzjoni’. Talbiet tas-SVE komplew żdiedu aktar bi 17º% sa issa din is-sena. F’dik li hi domanda potenzjali , stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru[3] ta’ l-2007 ta’ żgħażagħ fl-Istati Membri sab li filwaqt li 16º% biss taż-żgħażagħ intervistati jipparteċipaw f’attività volontarja, 74º% ikunu interessati f’esperjenza ta’ volontarjat kieku kien hemm aktar programmi li jinkoraġġixxu l-volontarjat. Bħalissa hemm 96ºmiljun żagħżugħ/a bejn l-etajiet ta’ 15 u 29 sena fl-Unjoni Ewropea. Anke jekk 1º% biss taż-żgħażagħ kollha fil-grupp ta’ l-età xtaqu jipparteċipaw fi proġett ta’ volontarjat transkonfinali, dan xorta jirrappreżenta 64 000 voluntier żagħżugħ/żagħżugħa barra mill-pajjiż kull sena. Kwistjoni ewlenija li tillimita l-volontarjat transkonfinali bejn l-Istati Membri fl-UE Minkejja interess bħal dan, hemm nuqqas serju ta’ opportunitajiet għal volontarjat trans-Ewropew u skemi nazzjonali (kemm jekk is-soċjetà ċivili u kemm jekk l-awtoritajiet pubbliċi) li waħedhom ma jistgħux ilaħħqu ma’ din id-domanda speċifika. Nuqqas ta’ interoperabilità bejn l-iskemi nazzjonali differenti u l-iskarsezza ta’ l-informazzjoni disponibbli jfisser li, barra mill-possibbiltajiet limitati offruti mis-SVE, ta’ spiss ikun il-każ li perjodu ta’ xogħol volontarju li jsir barra mill-Ewropa fil-qafas ta’ għajnuna ta’ żvilupp hu aktar faċli minn volontarjat f’pajjiż ieħor ta’ l-UE. Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Rakkomandazzjoni proposta tappartjeni lil serje ta’ inizjattivi f’livell Ewropew immirati biex itejbu l-mobilità. Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-2001 u 2006[4] dwar mobilità trasversali huma żewġ referenzi importanti, iżda dawn jiffokaw primarjament fuq studenti u għalliema u f’livell ħafna inqas fuq il-voluntiera. Huma jittrattaw kwistjonijiet ġenerali bħal rikonoxximent, ostakoli u l-kundizzjonijiet ta’ mobilità, iżda għandhom nuqqas ta’ proposti mfassla li jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet partikolari tal-voluntiera żgħażagħ. Il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-problema ta’ nuqqas ta’ interoperabilità ta’ sistemi nazzjonali għall-volontarjat taż-żgħażagħ f’livell Ewropew, u ppropona xi miżuri preparatorji fil-baġit ta’ l-2008 għat-titjib tas-sitwazzjoni permezz ta’ proġett imsejjaħ Amicus. F’Aprilº2008 il-Parlament Ewropew adotta r-rapport dwar ir-"Rwol tal-Volontarjat fil-Kontribuzzjoni għal Koezjoni Ekonomika u Soċjali"[5], preparat mill-MPE Marian Harkin. Ir-rapport iħeġġeġ l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jirrikonoxxu l-valur tal-volontarjat billi jippromwovu l-koeżjoni soċjali u ekonomika, u jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ proġetti volontarji trans-konfinali. Il-kundizzjonijiet tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju huma stipulati skond id-Direttiva tal-Kunsillº2004/114/KE[6], li tipprovdi l-possibbiltà ta’ l-għoti ta’ permessi speċjali ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikkaw biex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru għall-iskop ta’ volontarjat. Is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) kien parti integrali tal-programmi taż-żgħażagħ ta’ l-Unjoni mill-1996, u qed jiżviluppa aktar b’mod kostanti. Għalhekk dan jista’ jipprovdi eżempju meta jkun hemm volontarjat transnazzjonali. Madankollu, is-SVE, għad irid jikseb rikonoxximent ta’ marka wiesa’ bħal, per eżempju, il-programm ERASMUS u jibqa’—u se jibqa’—limitat kwantitattivament. It-tnedija tal-metodu miftuħ ta’ koordinament dwar il-politika taż-żgħażagħ fl-2002 tat kontribut qawwi biex iżżomm il-volontarjat taż-żgħażagħ fuq aġenda politika, u wasslet għall-adozzjoni ta’ għanijiet komuni fl-2004 u ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill fl-2007. Matul dawn l-inizjattivi, il-volontarjat qed jidher iżjed bħala opportunità ta’ valur għall-iżvilupp personali u l-impjegabilità taż-żgħażagħ, u jikkostitwixxi mod konkret u effettiv biex "jinvesti fiż-żgħażagħ" f’soċjetà li qed tikber fl-età. Minkejja dawn ir-riżultati pożittivi kollha, id-dimensjoni transnazzjonali tal-volontarjat taż-żgħażagħ fl-Ewropa għadha limitata u hemm definittivament spazju għal aktar progress. Konsistenza ma’ politiki u ma’ għanijiet oħra ta’ l-Unjoni L-għanijiet ta’ din ir-rakkomandazzjoni huma konformi ma’ dawk li jsaħħu l-azzjoni Ewropea fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-prinċipji ta’ tagħlim tul il-ħajja kif ukoll dawk ta’ l-istrateġija Ewropea ta’ l-Impjiegi. Huma wkoll konsistenti b’mod sħiħ ma’ l-istrateġija ta’ l-UE għal inklużjoni soċjali u jtejbu sens ta’ ċittadinanza Ewropea. L-effetti sekondarji pożittivi jistgħu wkoll ikunu mistennija fil-qasam ta’ relazzjonijiet esterni bħala interoperabilità aħjar ta’ skemi nazzjonali u aktar skambju ta’ informazzjoni jista’ jistimula ż-żgħażagħ Ewropej biex jivvolontarjaw aktar f’pajjiżi terzi u jippermettu aktar skambji ma’ pajjiżi terzi. Dan itejjeb il-profil ta’ l-UE bħala attur globali. Il-Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati Fi Frarº2008, saret konsultazzjoni tal-partijiet interessati tal-qafas taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u ż-żgħażagħ nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat f’livell Ewropew. F’din il-laqgħa, deher biċ-ċar li s-soċjetà ċivili toqgħod fuq il-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tiffaċilita u ttejjeb is-sitwazzjoni tal-voluntiera żgħażagħ. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk volontarji jappoġġjaw lill-istrateġija trans-Ewropea tal-Kummissjoni, u jilqgħu l-intenzjoni li tittejjeb il-mobilità. Huma jikkonfermaw ukoll l-isfidi identifikati mill-Kummissjoni. Wara din il-laqgħa, uħud mill-organizzazzjonijiet preżenti, bħall-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Volontarji (AVSO) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Volontarjat (ĊEV) taw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni. Ir-rikonoxximent tal-volontarjat permezz ta’ strumenti ta’ l-UE kien appoġġjat bis-sħiħ miż-żewġ OŻMG. Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (FEŻ) jappoġġja wkoll il-proposta tal-Kummissjoni biex iżid il-valur Ewropew ma’ l-attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ. Huma jinsistu li l-inizjattiva l-ġdida għandha tkopri t-tipi ta’ skemi nazzjonali kollha u mhux is-servizzi ċivili nazzjonali biss, u tipprovdi qafas għad-drittijiet tal-voluntiera. Huma ssuġġerew ukoll li l-ħtieġa għal assigurazzjoni ta’ kwalità tista’ tkun indirizzata b’għodda ta’ awtovalutazzjoni. Konsultazzjoni ta’ l-Istati Membri Fit-tħejjija għal dan ir-Regolament il-Kummissjoni qagħdet il-biċċa l-kbira fuq ir-rapporti nazzjonali ta’ l-Istati Membri dwar il-volontarjat taż-żgħażagħ ta’ l-2006/2007 Ir-rapporti juru li għal ħafna Stati Membri s-Servizz Volontarju Ewropew hu l-għodda ewlenija (jew l-unika) tal-volontarjat taż-żgħażagħ trans-Ewropew. L-Istati Membri jfaħħru s-SVE iżda jirrikonoxxu l-involviment limitat tiegħu u r-restrizzjonijiet baġitarji u organizzattivi, minħabba li hemm aktar żgħażagħ milli opportunitajiet għal volontarjat li s-SVE jista’ jipprovdi. B’riżultat ta’ dan, ftit Stati Membri biss stabbilew forom effettivi ta’ volontarjat transkonfinali. Barra dan, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ l-Istati Membri f’Marzuº2008: kien hemm kunsens dwar l-importanza fost l-Istati Membri tal-kunċett tal-mobilità u l-interoperabilità ppreżentat mill-Kummissjoni. Xi ideat preliminari ġew diskussi wkoll mad-Direttorat Ġenerali għaż-Żgħażagħ ta’ l-Istati Membri f’Aprilº2008: L-Istati Membri kienu interessati ħafna bl-idea ta’ ħolqien ta’ aktar interoperabilità ta’ skemi nazzjonali tal-volontarjat taż-żgħażagħ u mobilità aħjar għal voluntiera żgħażagħ. Kien hemm ukoll konferma li jkun importanti li jkunu ttrattati ostakoli amministrattivi u soċjali għal volontarjat taż-żgħażagħ. L-Istati Membri nnifishom irrapportaw għadd ta’ ostakoli speċifiċi lill-Kummissjoni[7]. Dawn jinkludu b'mod partikolari: - Nuqqas ta’ għarfien, informazzjoni, appoġġ u aċċessibilità: L-għarfien tal-volontarjat jeħtieġ li jkun aktar fil-fond u wiesa’, l-opportunitajiet għandhom ikunu aktar aċċessibbli faċilment u għandu jkun hemm skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati. - Ostakoli soċjo-ekonomiċi: kopertura tal-kura tas-saħħa mhux kompluta u possibbiltà ta’ telfien ta’ l-impjieg u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali waqt perjodi tal-volontarjat huma diżinċentiv importanti; żgħażagħ b’inqas opportunitajiet b’mod partikolari jiffaċċjaw problemi addizzjonali meta jagħmlu użu mill-iskemi tal-volontarjat u jeħtieġu aktar miżuri promozzjonali speċifiċi, immirati u magħmula apposta; - Nuqqas ta' għarfien Rikonoxximent u għarfien xieraq ta’ perjodi tal-volontarjat jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg u jimmotivaw liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem aktar f’dawn l-attivitajiet. Xi kultant, perċezzjoni ta’ volontarjat inqas pożittiva milli hi, ibbażata fuq nuqqas ta’ apprezzament minn xi impjegati prospettivi tal-volontarjat transkonfinali tista’ tiskoraġġixxi liż-żgħażagħ milli japplikaw għal attivitajiet bħal dawn. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt Il-valutazzjoni ta’ l-impatt tenfasizza l-valur mizjud li din ir-rakkomandazzjoni ġġib magħha bil-promozzjoni tal-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ fl-Ewropa. Din tiddefinixxi l-problema involuta kif ukoll ir-raġuni fundamentali għal azzjoni ta’ politika f’livell ta’ l-UE. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt tindirizza l-għanijiet ta’ l-inizjattiva f’termini ta’ objettivi ġenerali u speċifiċi, tanalizza l-modi diversi ta’ kif tassigura l-akkwist ta’ l-objettivi proposti, u tipproponi l-aktar għażla xierqa ta’ strument legali. In-nuqqas li tittieħed xi azzjoni jippermetti s-sitwazzjoni preżenti li mhix sodisfaċenti biex tkompli. Ostakoli għal mobilità transnazzjonali ta’ voluntiera żgħażagħ tippersisti, u l-aspettattivi tal-partijiet interessati, u ħafna żgħażagħ Ewropej, ma jintlaħqux. L-għażla li s-SVE jespandi f’servizz universali jkollha l-vantaġġ li toffri opportunità ta’ volontarjat Ewropew ta’ kwalità lill kull żagħżugħ/a Ewropew/Ewropea residenti li jixtiquha, iżda mhix vijabbli għal raġunijiet prattiċi u finanzjarji. tkun teħtieġ korp enormi organizzativ u amministrattiv f’livell ta’ l-UE u teħtieġ baġit sinifikament ogħla li mhux kompatibbli mar-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-qafas baġitarju għall-2007-2013. Żvantaġġ ieħor importanti jkun ir-riskju ta’ tnaqqis tad-diversità ta’ skemi li attwalment jeżistu fl-Ewropa, li tkun waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-settur volontarju li għandha tkun ippreservata u vvalorizzata. L-armonizzazzjoni ta’ sistemi nazzjonali f’dan il-qasam hi eskluża mit-Trattat. It-titjib ta’ l-interoperabilità ta’ skemi eżistenti fl-Istati Membri li qed jintużaw mis-soċjetà ċivili jew l-awtoritajiet pubbliċi hi l-għażla ppreferuta mill-Kummissjoni. Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bbażata fuq l-Artikolu tat-Trattatº149(4) kien jibgħat messaġġ politiku qawwi filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà u d-diversità ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri. F’din l-għażla, is-SVE kien ikompli bħala programm stimulanti ta’ volontarjat transkonfinali u bħala laboratorju li jittestja l-kwalità, titjib fl-għarfien u fl-appoġġ. Il-valur miżjud tal-proposta Ir-Rakkomandazzjoni proposta ma timmirax li tibdel l-iskemi nazzjonali. Għall-kuntrarju, il-prinċipji u l-linji ta’ azzjoni proposti fir-Rakkomandazzjoni jimmiraw li jgħinu l-Istati Membri biex isaħħu s-sistemi nazzjonali tagħhom permezz ta’ l-iskambju ta’ prattiċi tajbin u biex jipprovdu pjattaforma li abbażi tagħha l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw aħjar ftehim bilaterali u multilaterali u sħubiji. 2. Elementi ġuridiċi ta’l-azzjoni proposta Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Ir-Rakkomandazzjoni proposta tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex itejbu l-interoperabilità ta’ skemi ta’ volontarjat taż-żgħażagħ nazzjonali sabiex tiffaċilita li voluntier minn pajjiż wieħed jipparteċipa fl-iskemi ta’ volontarjat ta’ pajjiż ieħor. L-Istati Membri huma mitluba li jagħmlu progress fl-oqsma li ġejjin: jiġbru tagħrif dwar skemi eżistenti fit-territorji tagħhom; ixerrdu informazzjoni dwar opportunitajiet disponibbli; iżidu opportunitajiet tal-volontarjat trans-konfinali skond skemi nazzjonali differenti; jipprovdu livell ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità raġonevoli għal voluntiera żgħażagħ; jiżguraw għarfien xieraq tar-riżultati tat-tagħlim tal-volontarjat żagħżugħ; u jipprovdu appoġġ immirat kemm lejn edukaturi soċjo-edukattivi speċjalizzati fiż-żgħażagħ (ġeneralment imsejħa ‘ħaddiema żgħażagħ’) u żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Il-Kummissjoni se jkollha wkoll ir-rwol li ttejjeb l-aċċess ta’ opportunitajiet ta’ volontarjat permezz ta’ aktar żvilupp ta’ Portal ta’ Voluntiera Żgħażagħ Ewropej (bħala parti mill-Portal taż-Żgħażagħ eżistenti) u permezz ta’ strumenti mmirati biex jiffavorixxu l-għarfien ta’ kapaċitajiet u kompetenzi bħall-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki, l-Europass u l-YouthPass. Bażi ġuridika L-Artikoluº149 tat-Trattat jipprovdi l-bażi ġuridika: Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li l-objettivi tal-proposta ma’ jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta’din ir-Rakkomandazzjoni, jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju. Li titejjeb id-dimensjoni transnazzjonali tal-volontarjat taż-żgħażagħ hu xogħol diffiċli għal kull skema volontarja nazzjonali. Minħabba l-għarfien tagħha tal-problema u l-ħtiġijiet komuni għall-Istati Membri kollha, l-UE hi fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi sett ta' rakkomandazzjonijiet għal interoperabilità aħjar bejn is-sistemi nazzjonali. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li ma tibdilx jew tiddefinixxi l-iskemi tal-volontarjat nazzjonali. Hi ma tarmonizzax dawn u tħalli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri. Hi tirrispetta wkoll id-diversità tal-forom ta’ volontarjat taż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-għażla ta’ l-istrumenti Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 3. L-Implikazzjonijiet għall-Baġit Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit Komunitarju. Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ madwar l-Ewropa IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149(4) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [8], Billi: Attivitajiet volontarji jikkostitwixxu esperjenza għanja ta’ tagħlim mhux formali li ttejjeb il-kapaċitajiet u l-kompetenzi professjonali taż-żgħażagħ, tikkontribwixxi għall-impjegabilità u s-sens ta' solidarjetà tagħhom, tiżviluppa kapaċitajiet soċjali u twitti l-integrazzjoni fis-soċjetà, u trawwem ċittadinanza attiva. Il-mobilità transnazzjonali fl-Ewropa hi ta’ benefiċċju kbir għal kulħadd minħabba li hi għodda essenzjali għal promozzjoni ta’ l-edukazzjoni, l-impjieg u l-koeżjoni reġjonali u soċjali, u biex tgħin biex ittejjeb ftehim reċiproku u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Dan hu partikolarment il-każ għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li jivvaluta dejjem iżjed l-adattabilità u l-flessibilità. Ir-Rakkomandazzjoniº2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilità fil-Komunità għal studenti, persuni li qed jitħarrġu, voluntiera, għalliema u dawk li jħarrġu[9], u r-Rakkomandazzjoniº2006/961/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18ºta’ºDiċembruº2006 dwar mobiltà transnazzjonali fil-Komunità għal għanijiet edukattivi u ta’ taħriġ: Il-Karta Ewropea tal-Kwalità għal Mobilità[10] tirreferi għall-voluntiera. Il-mobilità għal voluntiera żgħażagħ hi parti mill-moviment ħieles ta’ nies imħarsa minn Artikoluº18 tat-Trattat tal-KE. Komunitajiet lokali li jospitaw voluntiera żgħażagħ jibbenefikaw ħafna mill-attivitajiet tagħhom, li jistgħu jsiru f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħall-promozzjoni ta’ l-inklużjoni soċjali, l-ippreservar tal-wirt kulturali, it-trawwim ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-ħarsien ta’ l-ambjent, filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ id-diversità kulturali tal-komunitajiet ospitanti. r-rapport dwar ir-"Rwol tal-Volontarjat fil-Kontribuzzjoni għal Koeżjoni Soċjali u Ekonomika"[11] li jinkoraġġixxi l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jirrikonoxxu l-valur tal-volontarjat fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ekonomika, u jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ proġetti voluntiera transkonfinali. Teżisti varjetà vasta ta’ attivitajiet volontarji madwar l-Ewropa organizzati mis-soċjetà ċivili jew l-awtoritajiet pubbliċi u dawn l-attivitajiet għandhom ikunu ppreservati, żviluppati aktar u jsiru interoperabbli. Ir-Regolament (KEE) Nruº1408/71 tal-Kunsill ta’ l-14ºta’ºĠunjuº1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunita[12] u d-dispożizzjonijiet relatati jkopru biss dawk il-voluntiera li għandhom assigurazzjoni skond il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, bil-konsegwenza li kwistjonijiet relatati mal-ħarsien soċjali jistgħu xi kultant jaġixxu bħala diżinċentiv biex jieħdu sehem f’attivitajiet volontarji fi Stati Membri oħrajn. Ir-Rakkomandazzjoni Nruº2001/613/KE stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri li huma jikkunsidraw xierqa, skond il-liġi Komunitarja u fil-qafas tal-liġi nazzjonali tagħhom, biex il-voluntiera u l-familji tagħhom ma jkunux diskriminati minħabba l-mobilità tagħhom fir-rigward ta’ protezzjoni soċjali rilevanti, bħall-kura tas-saħħa u l-politika ta’ l-għajnuna soċjali Ir-Riżoluzzjoni tal-15ºta'ºNovembruº2004 tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kunsill dwar objettivi komuni għal attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ u r-Riżoluzzjoni tad-19ºta’ºNovembruº2007 tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar l-implimentazzjoni ta’ objettivi komuni għal attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ rispettivament stabbilixxiet objettivi komuni għal attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ u pproponiet skambji ta’ prassi tajba u attivitajiet bejn il-pari biex isaħħaħ l-implimentazzjoni tagħhom, u stiednet l-Istati Membri biex jikkunsidraw mezzi prattiċi għall-kejl tal-progress. It-Riżoluzzjoni ta' l-aħħar stiednet ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar proposti għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ. Attivitajiet volontarji kienu prijorità tal-metodu miftuħ ta’ koordinament fil-qasam taż-żgħażagħ, li diġà kien identifika għadd kbir ta’ prattiċi tajbin. F’dan il-kuntest is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE), azzjoni tal-Programm Żgħażagħ ta’ l-UE mill-1996, ippermetta liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem f’servizz volontarju f’diversi oqsma. Il-Programm attwali Żgħażagħ fl-Azzjoni jsaħħaħ din l-azzjoni. Id-Direttiva tal-Kunsillº2004/114/KE tat-13ºta’ºDiċembruº2004 dwar l-kundizzjonijiet tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju[13] tipprovdi l-possibbiltà ta’ l-għoti ta’ permessi speċjali ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru għall-iskop ta’ volontarjat. Minkejja dawn l-isforzi, għad hemm ostakoli għal mobilità transkonfinali tal-voluntiera żgħażagħ madwar l-Ewropa u din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk timmira primarjament li tipprovdi qafas għal Stati Membri biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom, bla ħsara għad-diversità ta’ l-iskemi nazzjonali tagħhom. Fil-qafas ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, attivitajiet tal-volontarjat transkonfinali għandhom ikunu definiti bħala impenn volontarju li fih il-voluntier żagħżugħ jieħu sehem f’attività bla ħlas u li ma tagħmilx profitt għall-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali f’pajjiż aktar milli l-pajjiż residenti tiegħu jew tagħha. Attività bħal din hi kkaratterizzata bl-aspetti li ġejjin: miftuħa għal kulħadd, żgħażagħ taħt it-30ºsena, se ssir bħala volontarja, perjodu ffissat, b’objettivi ċari, l-istruttura u l-qafas, mingħajr ħlas iżda bi flus fil-but għal spejjeż żgħar u bl-ispejjeż koperti. Attenzjoni speċjali għandha tingħata liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet minħabba li l-volontarjat jikkonstitwixxi f’ possibbiltà partikolarment ta’ valur ta’ mobilità għal dawk iż-żgħażagħ li inkella jkollhom anqas benefiċċji, jew xejn, ta’ skemi ta’ mobilità. Dawn iż-żgħażagħ għandhom taħriġ speċjali u l-ħtiġijiet ta’ sorveljanza għandhom ikunu kkunsidrati. Għajnuna għat-taħriġ u l-mobilità ta' edukaturi soċjo-edukattivi speċjalizzati fiż-żgħażagħ u l-mexxejja taż-żgħażagħ tkun utli ħafna f'dan il-kuntest. Interoperabilità aħjar ta’ skemi nazzjonali u aktar tixrid ta’ informazzjoni jistgħu jistimulaw liż-żgħażagħ Ewropej kollha tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom biex jieħdu sehem aktar fil-volontarjat fil-pajjiżi terzi. Minħabba li l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri sabiex tippromwovi l-mobilità għal voluntiera żgħażagħ permezz ta’ l-interoperabilità ta’ skemi nazzjonali, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat f’Artikoluº5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-artikolu, ir-Rakkomandazzjoni preżenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi. B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI: A jippromwovu l-mobilità ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-Ewropa billi jtejbu l-interoperabilità ta’ skemi nazzjonali għal volontarjat kemm jekk organizzat mis-soċjetà ċivili jew l-awtoritajiet pubbliċi, biex kull żagħżugħ/a jkollu/ha l-opportunità biex ikun/tkun voluntier/a fl-Ewropa jekk hu jew hi jixtiequ jagħmlu dan. B jiżviluppaw għal dak il-għan il-linji ta’ azzjoni li ġejjin: (1) itejbu l-livell ta’ għarfien ta’ skemi tal-volontarjat fit-territorji nazzjonali tagħhom u jitrasferixxu din l-informazzjoni lill-Kummssjoni Ewropea għal aktar disseminazzjoni; (2) jaraw li l-informazzjoni dwar opportunitajiet barra mill-pajjiż tkun faċilment aċċessibbli għaż-żgħażagħ, għal edukaturi soċjo-edukattivi speċjalizzati fiż-żgħażagħ u għall-mexxejja taż-żgħażagħ; (3) ixerrdu informazzjoni lil dawk kollha kkonċernati (awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, impjegati prospettivi u żgħażagħ li jinkludu ċittadinanzi ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti fl-UE) dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet li jinħolqu mid-dispożizzjonijiet eżistenti f’livell Ewropew u nazzjonali dwar il-volontarjat transnazzjonali; (4) jiskambjaw informazzjoni dwar opportunitajiet għall-volontarjat ma’ l-Istati Membri u proċess ta’ l-applikazzjoni simplifikat kemm jista’ jkun possibbli biex ikun aktar faċli għaż-żgħażagħ ta’ Stat Membru biex ikollhom aċċess u japplikaw għall-iskemi nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn; (5) jiżviluppaw opportunitajiet għal volontarjat Ewropew transnazzjonali skond strateġija flessibbli; jiżviluppaw għajnuna għall-kapaċità ta’ l-ospitazzjoni għal voluntiera trans-Ewropej fil-pajjiż fejn ikun meħtieġ; joħolqu punti ta’ kuntatt għal voluntiera żgħażagħ Ewropej skond 'post wieħed biex jinqdew f'kollox', b’konnessjoni, fejn xieraq, ma’ Aġenziji Nazzjonali tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni; u jippromwovu l-użu ta’ mekkaniżmi Ewropej eżistenti li jistgħu jgħinu l-mobilità taż-żgħażagħ bħal karti tal-mobilità; (6) inaqqsu l-ostakoli lingwistiċi għall-mobilità transkonfinali ta’ voluntiera żgħażagħ billi jħeġġu t-tagħlim tal-lingwi minn voluntiera; (7) jiżviluppaw standards bażiċi ta’ kwalità sabiex jippromwovu assigurazzjoni ta’ livell ta’ kwalità raġonevoli biex ikun hemm assigurazzjoni u ħarsien tal-voluntiera meta jaqsmu l-fruntieri u biex tinbena l-fiduċja u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fi skemi transkonfinali; dawn jistgħu jirrelataw mal-livell ta’ taħriġ tal-voluntiera u l-persunal, il-preparazzjoni għall-attività, l-intraċċar u s-segwitu; (8) ixerrdu informazzjoni dwar standards ta’ kwalità bħal dawn għal organizzazzjonijiet li jospitaw u dawk li jibagħtu, kif ukoll għall-voluntiera, u jassiguraw r-rispett ta’ dawn l-istandards mill-organizzazzjonijiet; (9) jeżaminaw aktar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-protezzjoni soċjali bil-għan li jsir użu sħiħ tal-possibbiltajiet skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-UE, u jeżaminaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet li jifdal fejn il-voluntiera mhumiex koperti b’mod adegwat; (10) jieħdu miżuri sabiex jiżguraw ir-rikonoxximent xieraq ta’ riżultati tat-tagħlim ta’ volontarjat taż-żgħażagħ, fl-oqfsa nazzjonali rispettivi għal kwalifiki u konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Komunità, fejn ikunu jeżistu; (11) jippromwovu l-użu ta’ strumenti f’livell ta’ l-UE li jistgħu jiffaċilitaw volontarjat transkonfinali billi jiżguraw it-trasparenza ta’ kwalifiki, bħall-Europass, u jirrikonoxxu b’mod xieraq il-kapaċitajiet u l-kompetenzi miksuba permezz tal-volontarjat preferibbilment f’forma komparabbli, ċertifikata bbażata fuq Youthpass jew ekwivalenti; (12) isaħħu l-mobilità trans-Ewropea ta’ edukaturi soċjo-edukattivi speċjalizzati fiż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ attivi f’volontarjat transkonfinali; (13) jiżviluppaw informazzjoni u taħriġ ta’ edukaturi soċjo-edukattivi speċjalizzati fiż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ f’organizzazzjonijiet, awtoritajiet lokali, servizzi ċivili dwar volontarjat trans-Ewropew taż-żgħażagħ; (14) jagħtu attenzjoni partikolari u jipprovdu strateġiji mfassla għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet sabiex isaħħu l-aċċess tagħhom għal attivitajiet volontarji u speċjalment għal tipi ta’ volontarjat trans-Ewropew, u jikkunsidraw it-taħriġ speċifiku u l-ħtiġijiet ta’ appoġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ; B’DAN IĦADDAN IL-ĦSIEB TAL-KUMMISSJONI LI (1) tappoġġja lill-Istati Membri f’dawn ix-xogħlijiet ta’ hawn fuq billi jużaw il-qafas ta’ kooperazzjoni ta’ l-UE fil-qasam taż-żgħażagħ u b’mod partikolari l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u l-programm ta’ Żgħażagħ fl-Azzjoni; (2) jinkoraġġixxu u jorganizzaw, ma’ l-Istati Membri, skambju sistematiku ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar l-interoperabilità ta’ skemi nazzjonali tal-volontarjat organizzati mis-soċjetà ċivili jew mill-awtoritajiet pubbliċi; (3) jiżviluppaw Portal Ewropew tal-Voluniera Żgħażagħ dwar volontarjat ibbażat fuq portals nazzjonali tal-volontarjat taż-żgħażagħ, dejtabases jew websajts speċifiċi. (4) jirrapportaw lill-Kunsill erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni biex jiddetermina jekk il-miżuri proposti humiex qegħdin jaħdmu b’mod effettiv u biex janalizza l-bżonn għal aktar azzjonijiet. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni Nruº1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembruº2006 li tistabbilixxi l-programm "Żgħażagħ fl-Azzjoni" għall-perjodu 2007-2013, ĠU Lº327 ta’ l-24.11.2006,p. 30. [2] Stħarriġ ta’ AVSO u Netwerks taż-Żgħażagħ; Fondazzjoni ta’ Bla Fruntieri, l-Olanda, 28ºta’ºFrarº2008; http://www.avso.org/ [3] "X'hemm wara ċ-ċifri: Ir-riżultati ewlenin ta’ l-Ewrobarometru 2007 ta’ l-istħarriġ dwar iż-żgħażagħ", Uffiċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 2007, ISBN 978-92-79-05540-9, http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm [4] Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10ºta’ºLuljuº2001 dwar il-mobilità fil-Komunità għal studenti, persuni li qed jitħarrġu, voluntiera, għalliema u dawk li jħarrġu, ĠU Lº215/30 tad-9.8.2001, p.º30, u Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18ºta’ºDiċembruº2006 dwar mobiltà transnazzjonali fil-Komunità għal għanijiet edukattivi u ta’ taħriġ: Il-Karta Ewropea tal-Kwalità għal Mobilità, ĠU L 394, tat-30.12.2006, p.º5. [5] REGI/6/50546, 2007/2149, tal-21ºta’ºAprilº2008 [6] Id-Direttiva tal-Kunsillº2004/114/KE tat-13ºta'ºDiċembruº2004 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul ta' cittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, ĠU Lº375, 23.12.2004, p.º12. [7] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Analiżi ta’ Rapporti Nazzjonali mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea Dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Għanijiet Komuni għal Attivitajiet Volontarji taż-Żgħażagħ", SEC(2007) 1084 tal-5.9.2007 [8] ĠU C , , p. . [9] ĠU Lº215, 9.8.2001, p.º30. [10] ĠU Lº394, 30.12.2006, p.º5. [11] REGI/6/50546, 2007/2149, tal-21ºta’ºAprilº2008 [12] ĠU Lº149, 5.7.1971, p.º2. [13] ĠU Lº375, 23.12.2004, p.º12.