Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ l-artikolu 9 tad-direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-istati membri dwar oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari /* KUMM/2008/0393 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 27.6.2008 COM(2008) 393 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ARTIKOLU 9 TAD-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 89/398/KEE DWAR L-APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI DWAR OĠĠETTI TA’ L-IKEL MAĦSUBA GĦAL UŻU TA’ NUTRIMENT PARTIKOLARI WERREJ 1. Introduzzjoni 4 1.1. Għan u ambitu tad-Direttiva 89/398/KEE u ta’ l-Artikolu 9 5 1.2. Evoluzzjoni tal-qafas legali 6 2. Notifiki rappurtati mill-Istati Membri 7 2.1. Dettalji minn Stati Membri individwali 8 2.1.1. L-Awstrija 8 2.1.2. Il-Belġju 8 2.1.3. Ċipru 8 2.1.4. Ir-Repubblika Ċeka 8 2.1.5. Id-Danimarka 8 2.1.6. L-Estonja 9 2.1.7. Il-Finlandja 9 2.1.8. Franza 9 2.1.9. Il-Ġermanja 10 2.1.10. Il-Greċja 11 2.1.11. L-Ungerija 12 2.1.12. L-Irlanda 12 2.1.13. L-Italja 12 2.1.14. Il-Latvja 12 2.1.15. Il-Litwanja 13 2.1.16. Il-Lussemburgu 13 2.1.17. Malta 13 2.1.18. L-Olanda 13 2.1.19. Il-Polonja 13 2.1.20. Il-Portugall 13 2.1.21. ir-Repubblika Slovakka 14 2.1.22. Is-Slovenja 14 2.1.23. Spanja 14 2.1.24. L-Iżvezja 14 2.1.25. Ir-Renju Unit 15 3. Id-Diskussjoni 15 4. Konklużjoni 18 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ARTIKOLU 9 TAD-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 89/398/KEE DWAR L-APPROSSIMAZZJONI TAL-LIĠIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI DWAR OĠĠETTI TA’ L-IKEL MAĦSUBA GĦAL UŻU TA’ NUTRIMENT PARTIKOLARI INTRODUZZJONI Skond l-Artikolu 9, il-paragrafu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal użu ta' nutriment partikolari[1] (ikel djetetiku), il-Kummissjoni Ewropea hija meħtieġa tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva. Fl-1994, il-Kummissjoni bagħtet rapport lill-Kunsill dwar din il-kwistjoni (COM(94) 475) taħt id-dispożizzjonijiet oriġinali ta’ l-Artikolu 9(5) tad-Direttiva. Ir-rapport kopra n-notifiki riċevuta mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fl-1989 sa l-1994. Fl-1999, id-Direttiva 1999/41/KE[2] emendat id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(5), u għamlet rekwiżit li jintbagħtu rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, fl-2002 u fl-2006 l-Istati Membri ntalbu mis-servizzi tal-Kummissjoni biex jipprovdu tagħrif dwar: 1. L-għadd ta’ prodotti ta’ l-ikel li ġew notifikati taħt l-Artikolu 9 lill-awtorità kompetenti tagħhom. 2. Dettalji ta’ l-użi ta’ nutriment partikolari tal-prodotti notifikati. L-Istati Membri ntalbu jindikaw, fejn possibbli, jekk in-notifiki kienux relatati ma’ l-ewwel darba li l-prodott tqiegħed fis-suq jew jekk il-prodotti kienux notifikati qabel fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, ġew milqugħa kummenti dwar l-esperjenza ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 fil-pajjiż u l-funzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan ir-rapport integra t-tagħrif mogħti mill-Istati Membri fl-2002 u fl-2006 u jkopri notifiki rappurtati riċevuti mill-Istati Membri sa tmiem l-2005. Dan il-limitu ta’ żmien intalab mis-servizzi tal-Kummissjoni. Madankollu, sussegwentement it-tħejjija tar-rapport ingħaqad mat-tħejjija tar-rapport dwar ikel għal persuni b’disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrat (dijabete) u r-riflessjoni fuq il-ħtieġa għal reviżjoni globali tad-Direttiva 89/398/KEE (inkluża l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9). Konsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet bħal din ħadet aktar żmien milli kien mistenni iżda ippermettiet għal reviżjoni aktar kompluta tas-settur rilevanti. Għan u ambitu tad-Direttiva 89/398/KEE u ta’ l-Artikolu 9 Id-Direttiva 89/398/KEE hija dwar oġġetti ta’ l-ikel għal użi ta’ nutriment partikolari, imsejħa wkoll ikel djetetiku. L-Artikolu 1 tad-Direttiva jisħaq li dawn huma “oġġetti ta' l-ikel li, kawża tal-kompożizzjoni jew il-proċess ta' manifattura speċjali tagħhom, huma differenti b'mod ċar minn oġġetti ta’ l-ikel għall-konsum normali, li huma xierqa għall-għanijiet ta’ nutriment mistqarr tagħhom u li jinbiegħu b’mod li jindika din l-adattabilità”. L-Artikolu jisħaq ukoll li użu ta’ nutriment partikolari jrid jissodisfa rekwiżiti ta’ nutriment partikolari: (1) ta' ċerti kategoriji ta' persuni li l-proċessi diġestivi jew il-metaboliżmu tagħhom huma disturbati; jew (2) ta' ċerti kategoriji ta' persuni li huma f'kundizzjoni fiżjoloġika speċjali u li huma għalhekk kapaċi li jiksbu benefiċċju speċjali mill-konsum kontrollat ta' ċerti sustanzi fl-oġġetti ta' l-ikel; jew (3) ta' trabi jew tfal żgħar b'saħħithom. L-Anness I tad-Direttiva fih lista ta’ gruppi ta’ ikel għal użi ta’ nutriment partikolari li għalihom se jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi minn Direttivi speċifiċi. L-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari li mhumiex parti mill-gruppi elenkati fl-Anness I huma koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9. L-Artikolu 9 jispeċifika li: “Biex tiġi permessa sorveljanza uffiċjali effiċjenti ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użu ta' nutriment partikolari li ma jkunux jiffurmaw parti minn wieħed mill-gruppi elenkati fl-Anness I, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin: 1. Meta prodott kif msemmi hawn fuq jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba, il-manifattur jew, fejn prodott huwa manifatturat fi Stat terz, l-importatur, għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq billi jibagħtlu mudell tat-tikketta użata għall-prodott. 2. Meta l-istess prodott sussegwentement jitqiegħed fis-suq ta' Stat Membru ieħor, il-manifattur jew, fejn xieraq, l-importatur, għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru bl-istess tagħrif, flimkien ma' indikazzjoni tar-riċevitur ta' l-ewwel notifika. 3. Fejn meħtieġ, l-awtorità kompetenti għandha tingħata s-setgħa li titlob lill-manifattur jew, fejn japplika, lill-importatur, li jipproduċi x-xogħol xjentifiku u t-tagħrif li jistabbilixxu l-konformità tal-prodott ma' l-Artikolu 1(2) flimkien mat-tagħrif stipulat fl-Artikolu 7(3)(a). Jekk dak ix-xogħol jinsab f'pubblikazzjoni faċilment disponibbli, referenza biss għal dik il-pubblikazzjoni għandha tkun biżżejjed”. L-għan ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/398/KEE huwa li jippermetti s-sorveljanza uffiċjali ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal użi ta’ nutriment partikolari li ma jiffurmawx parti minn gruppi ta’ oġġetti ta’ l-ikel elenkati fl-Anness I tad-Direttiva, li għalihom ġew, jew se jiġu, żviluppati Direttivi speċifiċi. Evoluzzjoni tal-qafas legali Fil-bidu, fl-1989, l-Anness I elenka disa’ gruppi ta’ oġġetti ta’ l-ikel: 1. Formulae tat-trabi 2. Ħalib tal-prosegwiment u ikel ieħor tal-prosegwiment 3. Ikel tat-trabi 4. Ikel ta’ enerġija baxxa u enerġija mnaqqsa maħsuba għall-kontroll tal-piż 5. Ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali 6. Ikel b'sodju baxx, inkluż melħ tad-dieta b'sodju baxx jew ħieles mis-sodju 7. Ikel ħieles mill-gluten 8. Ikel maħsub biex ipatti għall-ħala ta' sforz muskolari intens, speċjalment għall-isportivi 9. Ikel għal persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrat (dijabete). Dan l-Anness ġie emendat mid-Direttiva 1999/41/KE u tneħħew żewġ gruppi ta’ oġġetti ta’ l-ikel: ikel b'sodju baxx, inkluż melħ tad-dieta b'sodju baxx jew ħieles mis-sodju, u ikel ħieles mill-glutina. L-Artikoli 4a u 4b ġew miżjuda mad-Direttiva 89/398/KEE. L-Artikolu 4a jisħaq li regoli għall-użu ta’ termini dwar it-tnaqqis jew n-nuqqas ta’ kontenut ta’ sodju jew melħ (klorur tas-sodju, melħ tal-mejda), u n-nuqqas ta’ glutina, għandhom jiġu adottati permezz ta’ proċedura ta’ komitoloġija. L-Artikolu 4b jisħaq li, fir-rigward ta' ikel għal persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrat (dijabete), il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura ta’ komitoloġija, tipproċedi bit-tħejjija ta’ dispożizzjonijiet speċjali jew tippreżenta proposta xierqa għall-emenda tad-Direttiva. Il-verżjoni attwali ta’ l-Anness tgħid: - “Gruppi ta' oġġetti ta' l-ikel għal użi ta' nutriment partikolari li għalihom se jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi minn Direttivi speċifiċi: 1. Formulae tat-trabi u formulae ta’ prosegwiment[3] 2. Ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali u ikel tat-trabi u tat-tfal żgħar[4] 3. Ikel maħsub għall-użu f'dieti ta' enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż[5] 4. Ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali[6] 5. Ikel maħsub biex ipatti għall-ħala ta' sforz muskolari intens, speċjalment għall-isportivi[7]; - Gruppi ta' oġġetti ta' l-ikel għal użi ta' nutriment partikolari li se jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi għalihom minn Direttiva speċifika, skond ir-riżultat tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 4b: 6. Ikel għal persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrat (dijabete)7.” Notifiki rappurtati mill-Istati Membri Din it-taqsima tiġbor fil-qosor it-tagħrif dwar notifiki ta’ ikel djetetiku li mhux elenkat fl-Anness I tad-Direttiva 89/398/KEE. Għalhekk, fil-prinċipju, kategoriji ta’ ikel elenkati fl-Anness I mhux se jitqiesu. Madankollu, minħabba l-modi differenti tar-rappurtaġġ u t-transpożizzjoni tal-leġiżlazzjoni, ma kienx possibbli li ssir din id-distinzjoni u li jinħareġ l-ammont eżatt ta’ notifiki ta’ ikel djetetiku li jaqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikolu 9 mit-total ikkomunikat. Id-data tal-bidu biex jintbagħtu n-notifiki tvarja minn pajjiż għal ieħor, minħabba d-differenzi fiż-żmien meħud biex jiġu applikati l-proċeduri meħtieġa permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għal pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, il-perjodu meqjus jibda mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data tas-sħubija. Id- data mill-Bulgarija u r-Rumanija mhix inkluża fir-rapport minħabba li tkopri notifiki riċevuti sa tmiem l-2005. Dettalji minn Stati Membri individwali L-Awstrija L-awtorità kompetenti Awstrijaka rċeviet total ta’ 128 notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel għal persuni li jbatu mill-marda celiac – ikel ħieles mill-glutina (92), - ikel għal persuni li jbatu mill-phenylketonuria (12), - ikel għal nisa li jkunu tqal jew li jkunu qed ireddgħu (jipproduċu l-ħalib) (10), - ikel għal trabi li jitwieldu qabel il-waqt u sostituzzjoni tal-karboidrat wara t-twelid; ħalib ta’ l-omm arrikkit għal trabi li jitwieldu qabel il-waqt (10), - ikel għal persuni li jbatu mill-hypercholesterolemia (6). Il-Belġju Prodott wieħed ġie notifikat lill-awtorità kompetenti Belġjana. It-talba kienet għal “għasel tad-dieta”, prodott li fih 60 % ta’ dolċifikanti, bħala sostitut għall-għasel għal persuni li jbatu mid-dijabete. Din ma ġietx aċċettata minħabba li kienet meqjusa bħala mhux konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE li għandha x'taqsam ma’ l-għasel. Madankollu, ta' min jinnota li, kif issemma hawn fuq, ikel għal persuni li jbatu mid-dijabete attwalment mhumiex soġġetti għall-proċedura ta' notifika stipulata fl-Artikolu 9. Ċipru L-awtorità kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru ma rċeviet l-ebda notifika. Ir-Repubblika Ċeka L-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ċeka ma rċeviet l-ebda notifika. Id-Danimarka L-awtorità kompetenti Daniża rċeviet total ta’ 36 notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel bi ftit proteini (19), - ikel tad-dieta bi ftit ħafna kaloriji (9), - ikel ħieles mil-lattożju (5), - ikel ħieles mill-glutina (3). L-Estonja L-awtorità kompetenti Estonjana rċeviet total ta’ 19-il notifika. L-ikel notifikat ġie deskritt kif ġej: - ikel ħieles mill-glutina (18), - ikel b’sodju baxx (1). It-tqegħid fis-suq : It-tqegħid fis-suq ta' tlieta minn dawn il-prodotti ta’ l-ikel diġà kien ġie notifikat fi Stati Membri oħrajn qabel in-notifika fl-Estonja. Il-Finlandja L-awtorità kompetenti Finlandiża rċeviet total ta’ 350 notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel b’lattożju baxx jew ikel ħieles mil-lattożju (201), - ikel ħieles mill-glutina (131), - ikel li jnaqqas il-kolesterol (17), - ikel bi ftit proteini (1), Nota: Madwar 17 % tal-popolazzjoni Finlandiża ssoffri minn intolleranza għal-lattożju. Għal din ir-raġuni l-industrija tal-ħalib żviluppat bosta prodotti tal-ħalib li huma xierqa għal dan il-grupp tal-popolazzjoni. It-tqegħid fis-suq: Il-prodotti notifikati kollha tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba fil-Finlandja. Franza L-awtorità kompetenti Franċiża rċeviet total ta’ 92 notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel bi ftit kaloriji, mhux koperti minn leġiżlazzjoni speċifika dwar it-tnaqqis fil-piż (34), - ikel b’ħafna proteini u ftit kaloriji (8), - ikel imsaħħaħ għat-tfal u l-adolexxenti (ċereali, gallettini u xarbiet tal-ħalib) (46), - ikel imsaħħaħ għall-anzjani (xarbiet tal-ħalib u gallettini) (2), - ikel imsejjes fuq it-trab tal-ħalib għall-konvalexxenti (1), - ikel ħieles mill-glutina (1). Nota: Ma kien riċevut l-ebda tagħrif għall-perjodu 2002-2005. It-tqegħid fis-suq: L-awtorità Franċiża stqarret li b’mod ġenerali, l-ebda tagħrif ma ngħata dwar jekk il-prodott kienx notifikat fi Stat Membru ieħor jew le. Il-Ġermanja L-awtorità kompetenti Ġermaniża rċeviet total ta’ 338 notifika. Minn dan it-total, 119-il notifika (35 %) instabu li kienu xierqa għal għanijiet djetetiċi u f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali. L-ikel notifikat (inklużi 27 prodott li l-proċedura dwarhom għadha għaddejja) huma deskritti bħala: - Ikel għall-hypercholesterolemics u/jew persuni li jeħtieġu ikel bix-xaħam modifikat (46) - Ikel għal nisa tqal u/jew ommijiet li qed ireddgħu (30) - Ikel għal persuni li jsofru minn disturbi ta’ assorbazzjoni jew ta’ diġestjoni u defiċjenza nutrienti relatata mad-dieta (20) - Ikel għal persuni b’defiċjenza tal-ħadid (14) - Ikel għal persuni li jeħtieġu ikel bil-proteini modifikati (b’mod partikolari oġġetti ta’ l-ikel bil-phenylalanine baxx) (12) - Ikel għal persuni b’defiċjenza f’aċidi amminiċi speċifiċi (11) - Ikel għal persuni b’defiċjenza f’ċerti sustanzi minerali (għajr għall-ħadid) (7) - Oħrajn (6) 128 notifika (38 %) ma ġewx aċċettati minħabba, pereżempju, in-nuqqas ta' deżinjazzjoni ta' oġġettiv ta' grupp ta' konsumaturi partikolari, minħabba li ssemmew kundizzjonijiet li ma jeħtiġux nutriment b'ikel djetetiku formulat b'mod speċjali (climacterium, migranja, età, stress, il-ħtieġa li tibdi reżistenza, eċċ.) u/jew in-nuqqas ta' differenzi mmarkati mqabbla ma' oġġetti ta' l-ikel għal konsum normali, bħas-supplimenti ta' l-ikel[8] jew ikel li magħhom ġew miżjuda vitamini, minerali jew sustanzi oħrajn[9] (“ikel imsaħħaħ”). B’żieda ma’ dan xi prodotti huma l-aktar maħsuba għal għanijiet mhux nutrittivi, biex b’hekk ma tinqatax il-klassifika bħala prodott mediku. Il-proċedura għadha għaddejja għal 49 notifika, pereżempju kawża ta’ proċedimenti tal-qorti pendenti jew eżami li għadu ma tlestiex. Barra minn dan, ġew notifikati mingħajr ħtieġa 42 prodotti minħabba li jiffurmaw parti minn kategoriji ta’ ikel inklużi fl-Anness I ta’ 89/398/KEE. Noti : Id-dispożizzjonijiet nazzjonali jeżentaw il-gruppi li ġejjin ta’ ikel djetetiku mill-proċedura ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 9: - ikel b'sodju baxx, inkluż melħ tad-dieta b'sodju baxx jew ħieles mis-sodju, - ikel ħieles mill-glutina. It-tqegħid fis-suq: Għal 15 mill-prodotti nnotifikati kien iddikjarat li l-prodotti diġà kienu tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru ta' l-UE ieħor qabel ma tqiegħdu fis-suq Ġermaniż. Erbgħa minn dawn il-prodott instabu li kienu xierqa għal raġunijiet djetetiċi. Il-Greċja L-awtorità kompetenti Griega rċeviet u aċċettat total ta’ 15-il notifika. Eżempju ta’ prodott notifika għal użi ta’ nutriment partikolari huwa: - prodott li parzjalment ikopri l-ħtiġijiet ta' ċerti persuni li jippreżentaw disturbi peptiċi minħabba eċċessi djetetiċi. Nota: Erba’ notifiki oħrajn dwar ikel djetetiku għal kopertura parzjali tal-ħtiġijiet nutrittivi ta' nisa matul il-tqala u waqt li jkunu qed ireddgħu ma ġewx aċċettati, minħabba li ma kienx hemm sostanzjament għall-ħtieġa nutrittiva. L-Ungerija L-awtorità kompetenti Ungeriża rċeviet total ta’ 174 notifika. L-ikel notifikat huwa kollu kemm hu deskritt kif ġej: - ikel ħieles mill-glutina (174). Nota: Erbgħa minn dawn il-prodotti jistgħu jintużaw minn pazjenti bil-phenylketonuria wkoll. L-Irlanda Prodott wieħed ġie notifikat lill-awtorità kompetenti Irlandiża. Huwa deskritt bħala: - ikel għal persuni b’intolleranza għal-lattożju jew b'defiċjenza għal-lattożju (1). Nota: Il-leġiżlazzjoni speċifika saret liġi fl-Irlanda fl-2002, u qabel din id-data ma kien hemm l-ebda proċedura ta’ notifika formali fis-seħħ. L-Italja L-awtorità kompetenti Taljana rċeviet total ta’ 12,000 notifika. Eżempji ta’ ikel notifikat għal użi ta’ nutriment partikolari huma: - ħalib biex jikbru għat-trabi, - ħalib ħieles mil-lattożju, - prodotti għal riġenerazzjoni idroelettrolitika fil-każ ta’ dijarea, - ikel imsejjes fuq il-karboidrati u vitamini tal-grupp B biex jiġġieled il-ketose. Nota: Fil-leġiżlazzjoni Taljana, hija meħtieġa wkoll notifika għal supplimenti ta’ l-ikel u ikel imsaħħaħ. L-awtorità kompetenti Taljana tisħaq li parti sinifikanti min-notifiki hija magħmula minn supplimenti ta’ l-ikel, iżda ma kienx possibbli li jinħareġ l-għadd eżatt ta’ ikel djetetiku mill-għadd totali ta’ notifiki. Ma kien riċevut l-ebda tagħrif għall-perjodu 2002-2005. Il-Latvja L-awtorità kompetenti Latvjana rċeviet total ta’ erba’ notifiki. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ilma djetetiku xieraq għal għanijiet differenti (4). Pereżempju, għal persuni b’ammont intensiv ta’ xogħol intellettwali, jew għal persuni li għandhom aktar minn 40 sena, b’ambjent radjoattiv ħafna u storja ta’ tniġġis fl-ikel. Il-Litwanja L-awtorità kompetenti Litwana ma rċeviet l-ebda notifika. Il-Lussemburgu Sa l-2001 l-awtorità kompetenti Lussemburgiża ma rċeviet l-ebda notifika. Ma kien riċevut l-ebda tagħrif għall-perjodu 2002-2005. Malta L-awtorità kompetenti Maltija ma rċeviet l-ebda notifika. L-Olanda L-awtorità kompetenti Olandiża rċeviet total ta’ ħames notifiki. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel b’sodju baxx u li jitqiegħed fis-suq bħala xieraq għal dieti b’sodju baxx (5). Il-Polonja L-awtorità kompetenti Pollakka rċeviet total ta’ 985 notifika. Parti sostanzjali minn dawn (madwar 88 %) kienu dwar oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użi ta' nutriment partikolari li jiffurmaw parti mill-gruppi ta' oġġetti ta' l-ikel elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva. Il-119-il notifika li jibqa’ għandhom x’jaqsmu ma' ikel deskritt bħala: - ikel ħieles mill-glutina (113), - prodotti bi steroli tal-pjanti (pejsts tax-xaħam u xarbiet ta’ jogurt) (3), - oħrajn: probijotiċi (2), ħalib għat-trobbija (1). Il-Portugall L-awtorità kompetenti Portugiża rċeviet total ta’ 66 notifika. L-ikel notifikat ġie deskritt kif ġej: - ikel ħieles mill-glutina (66). Nota: L-awtorità Portugiża tirrapporta dwar in-notifiki riċevuti minn Novembru 2000, li hija d-data tad-Digriet-Liġi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/41/KE f'leġiżlazzjoni nazzjonali. Ma kien riċevut l-ebda tagħrif għall-perjodu 2002-2005. It-tqegħid fis-suq: It-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti diġà kien ġie notifikati fi Stati Membri oħrajn qabel in-notifika fil-Portugall. ir-Repubblika Slovakka L-awtorità kompetenti tar-Repubblika Slovakka ma rċeviet l-ebda notifika. Is-Slovenja L-awtorità kompetenti Slovena rċeviet total ta’ 63 notifika. L-ikel notifikat huwa kollu kemm hu deskritt kif ġej: - ikel ħieles mill-glutina (63). It-tqegħid fis-suq : It-tqegħid fis-suq ta' 62 minn dawn il-prodotti diġà kien ġie notifikat fi Stati Membri ta’ l-UE oħrajn qabel ma ngħatat in-notifika lis-Slovenja. Spanja L-awtorità kompetenti Spanjola rċeviet total ta’ 544 notifika. Parti sostanzjali minn dawn (madwar 50 %) kienu dwar oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użi ta' nutriment partikolari li jiffurmaw parti mill-gruppi ta' oġġetti ta' l-ikel elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva, u għalhekk mhumiex inklużi f’din l-analiżi. L-awtorità kompetenti Spanjola rċeviet total ta’ 273 notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel ħieles mill-glutina (215), - ikel b’sodju baxx (56), - ikel għal trabi li jitwieldu qabel iż-żmien jew li jitwieldu żgħar (2). L-Iżvezja L-awtorità kompetenti Żvediża rċeviet total ta’ 1 680 notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel bil-glutina mnaqqsa jew ikel ħieles mill-glutina b'mod naturali (1 128), - ikel bil-lattożju mnaqqas jew ħieles mil-lattożju, ħalib jew proteini tal-ħalib (556), - ikel ħieles mill-bajd (160), - ikel ħieles mis-sojja (124), - ikel bil-proteini/proteini tal-piżelli mnaqqsa jew ħieles minnhom (89), - ikel bil-phenylalanine baxx (28), - oħrajn: ikel għal adulti bi ħtieġa akbar għall-kalċju, bħal nisa wara l-menopawża u nies kbar fl-età (6), ikel li jnaqqas il-kolesterol u ikel li jżid l-enerġija u l-proteini (4), ikel għal adulti bi ħtieġa akbar għall-ħadid (1) u nutrienti oħrajn (2). Nota : It-total ta’ dawn in-notifiki huwa akbar minn 1 680 minħabba li kull prodott jista' jifforma parti minn aktar minn kategorija waħda (pereżempju, ikel li huwa ħieles kemm mill-glutina kif ukoll mill-ħalib). It-tqegħid fis-suq: Ħafna mill-prodotti ma ġewx notifikati fi Stati Membri oħrajn qabel ma tqiegħdu fis-suq Żvediż. Ir-Renju Unit L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit rċeviet total ta’ 114-il notifika. L-ikel notifikat huwa deskritt kif ġej: - ikel ħieles mill-glutina (103), - oħrajn: prodotti li jsaħħu l-ħalib tas-sider (3), ħalib għat-trobbija (3) u ikel għal tfal li jitwieldu żgħar (2) melħ djetetiku (1), ikel li jikkontrolla d-defiċjenza għal-lattożju (1), ikel li jikkontrolla l-piż (1). Nota: Il-leġiżlazzjoni speċifika saret liġi fir-Renju Unit fl-2002, u qabel din id-data ma kien hemm l-ebda proċedura ta’ notifika formali fis-seħħ. It-tqegħid fis-suq: Ir-Renju Unit ma għandu l-ebda tagħrif dwar jekk dawn il-prodotti ġewx notifikati għall-ewwel darba fir-Renju Unit, jew jekk kienux notifikati qabel fi Stati Membri oħrajn. Id-Diskussjoni Fid-diskussjoni li ġejja, il-Kummissjoni għamlet enfasi fuq il-kwistjonijiet ewlenin imressqa mill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9, filwaqt li ġabret flimkien suġġerimenti u eżempji rilevanti mill-Istati Membri differenti. 1. Fir-rigward tat-tagħrif dwar it-tqegħid għall-ewwel darba ta’ prodott fis-suq, bosta Stati Membri esprimew l-opinjoni li ta’ spiss ikun diffiċli li jiżguraw jekk prodott ta’ l-ikel kienx notifikat qabel fi Stat Membru ta’ l-UE ieħor. Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-importaturi normalment ma jispeċifikawx dan it-tagħrif. Barra minn hekk, fejn hemm għarfien li l-ikel diġà tqiegħed fis-suq tal-Komunità, l-importatur normalment ma jkunx jaf f'liema Stat Membru tqiegħed. Stat Membru ssuġġerixxa li s-sistema ta' notifika tiġi simplifikata u limitata għall-ewwel notifika, li tista' titqassam b'mod elettroniku bejn l-Istati Membri. 2. Xi Stati Membri kkummentaw li l-manifatturi u l-importaturi rari jgħaddu notifiki dwar modifiki fil-kompożizzjoni jew fit-tikkettjar ta’ ikel djetetiku li kienu notifikati qabel. Il-manifatturi u d-distributuri xi drabi jbiddlu sa ċertu livell il-kompożizzjoni, l-għan ta' nutriment dikjarat, jew il-kategorija ta' persuni li għalihom huwa maħsub l-ikel djetetiku, u għalhekk l-eżaminar mill-ġdid tal-konformità tal-prodott mal-leġiżlazzjoni jista’ jsir meħtieġ. Stat Membru saħaq fuq il-fatt li ma hemm l-ebda obbligu dwar l-għoti ta’ tagħrif lill-awtorità kompetenti meta prodott jitneħħa mis-suq, li jagħmilha diffiċli li jkun hemm ħarsa ġenerali aġġornata ta’ x’hemm fis-suq. Stat Membru ieħor issuġġerixxa l-ħolqien ta’ l-obbligu għal dawk li jinnotifikaw li jikkomunikaw kull tibdil li sar lil prodott li diġà kien notifikat. 3. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(3) jagħtu s-saħħa lill-Istati Membri, fejn meħtieġ, li jitolbu lill-manifattur jew lill-importatur li jipproduċu l-ħidma xjentifika u d- data li jistabbilixxu l-konformità tal-prodott ma’ l-Artikolu 1(2). Stat Membru ssuġġerixxa li l-Istati Membri jaqsmu prassi u għarfien speċjalizzat dwar din il-kwistjoni bejniethom. 4. Kien hemm diskrepanzi fl-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 9. Bosta Stati Membri rċevew notifiki dwar ikel li jifforma parti minn wieħed mill-gruppi elenkati fl-Anness I, li normalment ma jeħtiġux nofitika skond l-Artikolu 9; ġie notifikat ukoll ikel li mhux kopert mid-Direttiva 89/398/KEE. Spjegazzjoni waħda hija li f’xi Stati Membri n-notifika hija meħtieġa għal firxa usa' ta' ikel, u l-awtoritajiet ma jagħmlux differenza bejn it-tipi differenti ta' notifiki. Min-naħa l-oħra, analiżi tan-notifiki turi li jista’ jkun hemm għadd ta’ raġunijiet għaliex huwa diffiċli li tapplika l-leġiżlazzjoni eżistenti. Hemm ħafna hekk imsejħa “prodotti borderline”, ikel djetetiku li jista’ jaqa' fi ħdan l-ambitu ta’ biċċiet differenti ta’ leġiżlazzjoni. Jista' jkun hemm inċertezzi dwar ikel djetetiku li huwa kopert minn Direttiva speċifika jew soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 kif ukoll jekk il-prodotti humiex ikel djetetiku jew ikel normali. L-Artikolu 9 vs. Direttivi speċifiċi Xi Stati Membri huma ta' l-opinjoni li ikel għal persuni li jbatu mill-phenylketonuria huma ikel djetetiku fi ħdan l-ambitu ta’ l-Artikolu 9, filwaqt li oħrajn iqisuhom bħala ikel djetetiku għal għanijiet mediċi speċjali. Kien hemm problema simili għal “prodotti b’enerġija baxxa ħafna”. Ikel djetetiku vs. ikel għall-popolazzjoni b’mod ġenerali Fir-rigward tad-differenza bejn oġġetti ta' l-ikel normali, l-aktar każi frekwenti huma miġbura fil-qosor fl-eżempji li ġejjin: Xi Stati Membri jqisu ikel bi steroli tal-pjanti miżjuda bħala ikel djetetiku, maħsuba għal persuni li jsofru mill-hypercholesterolemia, filwaqt li Stati Membri oħrajn iqisuhom bħala ikel għall-popolazzjoni b’mod ġenerali. Kwistjoni simili tqum fid-differenzi bejn ikel djetetiku u supplimenti ta’ l-ikel. Pereżempju, xi Stati Membri jqisu pilloli b’vitamini miżjuda għall-anzjani bħala ikel djetetiku, filwaqt li oħrajn iqisuhom bħala supplimenti ta’ l-ikel. Il-Kummissjoni nnutat li mhux possibbli li ikel jitqies bħala ikel djetetiku kif ukoll suppliment ta' l-ikel. Skond it-tifsira stipulata fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/46/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta' l-ikel, l-għan ta' suppliment ta' l-ikel huwa li jissupplimenta dieta normali. Kuntrarju għal dan, ikel djetetiku huwa ikel li minħabba l-kompożizzjoni speċjali jew il-proċess ta’ manifattura tiegħu huwa xieraq għal grupp speċifiku mill-popolazzjoni. Bħala regola ġenerali, jekk l-ikel huwa ppreżentat f’forma ta’ doża, kif imsemmi fit-tifsira ta’ supplimenti ta’ l-ikel fid-Direttiva 2002/46/KE, dan għandu jitqies bħala suppliment ta’ l-ikel; iżda jekk eżaminazzjoni każ b'każ ta' l-għanijiet ta' nutriment ta' l-ikel turi li huwa maħsub għal kategorija speċifika ta' persuni li jinsabu f'kundizzjoni fiżjoloġika speċjali (u mhux għall-popolazzjoni b'mod ġenerali), dan il-prodott jista' jitqies bħala ikel djetetiku. Jeżistu wkoll ħsibijiet ta’ klassifika fir-rigward ta’ ikel imsaħħaħ u ikel djetetiku. Pereżempju, fir-rapport, ċereali msaħħa għal tfal u adolexxenti ġew notifikati bħala ikel djetetiku iżda, minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 1925/2006 dwar ikel imsaħħaħ (l-1 ta’ Lulju 2007), prodotti bħal dawn issa jistgħu jitqiesu bħala ikel imsaħħaħ. Xi kategoriji ta' ikel normali kienu meqjusa bħala ikel djetetiku minn ċerti Stati Membri minħabba l-użu ta’ stqarrijiet bħal “ħieles mis-sojja” jew “ħieles mill-ħalib”. Dan kien imsejjes fuq raġunar li dan l-ikel kien maħsub b'mod speċjali għal persuni b'intolleranza jew allerġija għal ingredjenti speċifiċi. Ta’ min jinnota li, fil-każ ta’ “tikkettjar dwar allerġen”, l-indikazzjonijiet dwar il-preżenza ta’ allerġen huma diġà koperti mid-Direttiva 2000/13/KE dwar tikkettjar ta’ l-ikel ġenerali[10]. L-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li tipprovdi l-konsumaturi b’tagħrif li jinftiehem dwar l-oġġetti ta’ l-ikel. Biex ikun żgurat li l-konsumaturi li jbatu minn allerġija jew intolleranza għandhom tagħrif dwar l-ingredjenti li huma sensittivi għalihom, jeżisti rekwiżit biex fuq it-tabella tiġi indikata referenza għall-isem ta' l-ingredjenti allerġeniċi identifikati fil-leġiżlazzjoni. Ġeneralment huwa aċċettat li persuni li huma sensittivi għal sustanzi speċifiċi jħarsu lejn il-lista ta’ ingredjenti għal tagħrif rilevanti. B’żieda ma’ dan, ikel li ma fihx ingredjenti potenzjalment allerġeniċi ma jistax awtomatikament jitqies bħala ikel djetetiku. Ta’ min jinnota li r-rapport huwa dwar notifiki rilevanti magħmula lil Stati Membri qabel ma daħlu fis-seħħ uħud mil-leġiżlazzjonijiet dwar l-ikel riċenti. L-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE, bħall-adozzjoni tad-Direttiva 2002/46/KE dwar supplimenti ta’ l-ikel, diġà qed tħalli l-effett fuq is-sistema ta' notifika. Barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ riċenti tar-Regolamenti dwar ikel imsaħħaħ u dwar stqarrijiet ta' nutriment u saħħa huwa mistenni li jkollu impatt fuq il-kategorija ta' ikel notifikata taħt il-proċedura ta' l-Artikolu 9. 5. Meta wieħed iħares lejn it-tabella sommarja li tippreżenta ħarsa ġenerali lejn in-notifiki riċevuti (ara l-Anness), jidher li perċentwal tajjeb mit-total ta' 3 689 notifika (57 %, 2 017-il notifika) jirreferi għal prodotti ħielsa mill-glutina, u parti sinifikanti oħra (21 %, 764 notifika)’tirreferi għal profotti ħielsa mil-lattożju. Għalhekk wieħed jista’ jara li, fost l-għadd kbir ta’ notifiki, jeżistu xi kategoriji aċċettati b’mod ġenerali li huma komuni għal ħafna mill-Istati Membri. Konklużjoni Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 għandhom l-għan li jiffaċilitaw is-sorveljanza uffiċjali tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq. Iżda, bħala kumment ġenerali, il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri jqisu li s-sistema ta' notifiki għandha tiġi razzjonalizzata biex tkun żgurata implimentazzjoni aktar armonizzata tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu madwar l-UE. Kategoriji ta' prodotti bħal "ħieles mill-glutina" jew "ħieles mil-lattożju", li jirrapreżentaw parti sostanzjali min-notifiki, se jiġu regolati permezz ta' regoli speċifiċi għall-użu ta' termini bħal dawn kif stipulat fid-Direttiva 89/398/KEE dwar ikel djetetiku (l-Artikolu 4a) u r-Regolament 1924/2006 dwar stqarrijiet dwar nutriment u saħħa magħmula fuq l-ikel (il-premessa 22). B’konsegwenza ta’ dan, il-prodotti li jibqa’ biss li dwarhom ma jistgħux jiġu stabbiliti regoli speċifiċi minħabba li huma prodotti innovattivi jew minħabba li mhumiex parti minn kategorija ta’ l-ikel rikonoxxuta b’mod ġenerali se jiġu koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9. Jistgħu jinqalgħu inkonsistenzi minn interpretazzjonijiet differenti tat-tifsira ta’ “oġġetti ta’ l-ikel għal użi ta’ nutriment partikolari” fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/398/KE dwar ikel djetetiku, li għandha elementi differenti u jidher li hija miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti mill-awtoritajiet. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/398/KEE dwar ikel djetetiku jindikaw li, b’żieda mal-fatt li huwa mmirata lejn ċerti kategoriji ta’ persuni, l-ikel djetetiku għandu jkun, kawża tal-kompożizzjoni speċjali jew il-proċess ta' manifattura tiegħu, distint b’mod ċar minn oġġetti ta’ l-ikel għal konsum normali. Dan ir-rapport juri li din it-tifsira mhix interpretata b’mod uniformi mill-Istati Membri u għalhekk jeħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar l-ambitu ta' l-applikazzjoni. Dan għandu jgħin ukoll biex jiċċara d-differenzi fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni bejn biċċiet differenti ta’ leġiżlazzjoni bħad-Direttiva 2002/46/KE dwar supplimenti ta’ l-ikel u r-Regolament 1925/2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ċerti sustanzi oħrajn fl-ikel (ikel imsaħħaħ). Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet isir ċar li r-reviżjoni ta’ l-Artikolu 9, flimkien mar-reviżjoni ta’ artikoli rilevanti oħrajn, kif xieraq, se jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni aktar effettiva u armonizzata tal-leġiżlazzjoni dwar ikel djetetiku. [1] ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27–32. [2] Id-Direttiva 1999/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 1999 li temenda d-Direttiva 89/398/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari. ĠU L 172, 8.7.1999, p. 38–39. [3] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formulae tat-trabi u formulae tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE. ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1–33. [4] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta' Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali u ikel tat-trabi u tat-tfal żgħar (Verżjoni kodifikata). ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16–35. [5] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta' Frar 1996 dwar ikel maħsub għall-użu f’dieti ta’ enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż. ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22–26. [6] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta' Marzu 1999 dwar ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali. ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29–36. [7] Ma ġew adottati l-ebda direttivi speċifiċi. [8] “Supplimenti ta' l-ikel” tfisser oġġetti ta' l-ikel li l-għan tagħhom huwa li jissupplementaw id-dieta normali u li huma għejun ikkonċentrati ta' nutrienti jew sustanzi oħrajn b'effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, waħidhom jew imħallta, mibjugħa f'forma ta’ doża, jiġifieri forom bħal kapsuli, pastillji, pirmli, pilloli u forom oħra bħalhom, boroż ta’ trab, ampulli ta' likwidi, flixkien tal-qtar, u forom oħra ta' likwidi u trabijiet, intiżi li jkunu meħudin fi kwantitajiet ta' miżura żgħira.” Dawn huma rregolati mid-Direttiva 2002/46/KE dwar is-supplimenti ta’ l-ikel. ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51–57. [9] Ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini, minerali jew sustanzi oħrajn huma regolati mir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel. ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26–38. [10] Id-Direttiva 2000/13/KE ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u r-reklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel. ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29-42, emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/68/KE tas-27 ta’ Novembru 2007 li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' ċerti ingredjenti ta' l-ikel. ĠU L 310, 28.11.2007, p. 11-14.