52008DC0355

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika miġbura skond ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika ta’ l-iskart u l-kwalità tagħha /* KUMM/2008/0355 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.6.2008

KUMM(2008) 355 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar statistika miġbura skond ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika ta’ l-iskart u l-kwalità tagħha

1. Introduzzjoni

1.1. Regolament dwar l-Istatistika ta' l-Iskart

Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2005 dwar l-istatistika ta’ l-iskart[1] teħtieġ lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(1) li "tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistiċi miġbura skond dan ir-Regolament u b’mod partikolari dwar il-kwalità tagħhom u l-piż fuq in-negozji".

It-Taqsima 7(3) ta' l-Anness I u ta’ l-Anness II tistipula li “il-Kummissjoni se tinkludi r-rapporti ta’ kopertura u ta' kwalità fir-rapport stipulat fl-Artikolu 8”. Ir-rapporti ta’ kwalità mill-Istati Membri huma disponibbli fuq il-websajt li ġej:

http://circa.europa.eu/Public/irc/dsis/pip/library?l=/wastesstatisticssregulat/data_transmission/quality_statistics

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor l-ewwel riżultati, jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kwalità tad- data u jinkludi rakkomandazzjonijiet għal emendi possibbli għar-Regolament. Huwa jkopri l-25 Stat Membru ta’ l-UE li kienu legalment obbligati li jibgħatu d- data fl-2006.

Ir-Regolament jibda bis-sena ta’ referenza 2004 u jeħtieġ lill-Istati Membri ta' l-UE li jipprovdu d- data kull sentejn. L-Annessi I u II jistipulaw ir-rekwiżiti għall-istatisika dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart, it-trattament ta’ l-iskart u l-kapaċitajiet tat-trattament ta’ l-iskart. Ir-riżultati jitqassmu skond il-kategoriji ta’ l-iskart skond in-nomenklatura statistika dwar l-iskart (EWC-Stat), li hija mfissra fl-Anness III tar-Regolament. Tabella 1 tipprovdi aktar dettalji dwar ir-rekwiżiti ta' rappurtaġġ.

Tabella 1: Ġabriet ta’ data skond ir-Regolament dwar l-Istatistika ta’ l-Iskart

Ġabra ta’ data | Deskrizzjoni u tqassim | Livell reġjonali |

1 | Ġenerazzjoni | Ġenerazzjoni ta’ l-iskart bi: - 20 attività ta’ produzzjoni ta’ l-iskart: 19 industriji, djar - 48 kategoriji ta’ l-iskart | Nazzjonali |

2 | Inċinerazzjoni | Inċinerazzjoni ta' l-iskart bi: - 2 tipi ta’ trattament - 14-il kategorija ta’ l-iskart | NUTS 1 |

3 | Irkupru għajr għal irkupru ta’ l-enerġija | Irkupru ta’ l-iskart bi: - 1 tip ta’ trattament - 17-il kategorija ta’ l-iskart | NUTS 1 |

4 | Rimi għajr għal inċinerazzjoni | Rimi ta’ skart bi: - 2 tipi ta’ trattament - 16-il kategorija ta’ l-iskart | NUTS 1 |

5 | Infrastruttura ta’ Trattament Kopertura ta’ l-iskema ta’ ġbir | Nru./kapaċità ta’ rkupru/faċilitajiet ta’ rimi bi: - 5 tipi ta’ trattament Perċentwal ta’ popolazzjoni / djar koperti minn skema ta’ kollezzjoni għad-djar u skart simili. | NUTS 2 |

1.2. Miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni saħħet ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 billi ħejjiet atti legali addizzjonali u fasslet dokument ta’ gwida.

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 574/2004 tat-23 ta' Frar 2004 li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika ta’ l-iskart[2].

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 783/2005 ta’ l-24 ta’ Mejju 2005 li jemenda l-Annessi II tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika ta’ l-iskart[3].

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 782/2005 ta' l-24 ta' Mejju 2005 li jistabbilixxi l-format għat-trażmissjoni ta' riżultati dwar l-istatistika ta' l-iskart[4].

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/2005 tal-5 ta’ Settembru 2005 li jiddefinixxi l-kriterji xierqa ta' valutazzjoni tal-kwalità u l-kontenuti tar-rapporti tal-kwalità għall-istatistika ta’ l-iskart[5].

- Manwal għall-Implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-Istatistika ta' l-Iskart (Lulju 2006, il-Verżjoni 1.1)[6].

1.3. Kwalità tad- data f’ambjent b’ħafna metodi

Ir-Regolament (KE) 2150/2002 jiddefinixxi d- data li għandha tintbagħat u l-kwalità meħtieġa iżda ma jitlobx metodu speċifiku għall-ġbir ta’ l-istatistika ta' l-iskart, li għalhekk tinġabar f’ambjent b’ħafna metodi. Dan jippermetti lill-Istati Membri li jżommu s-sistemi ta’ ġbir tad- data stabbiliti tagħhom u jxejnu t-tibdil meħtieġ biex ikunu konformi mar-Regolament.

Madankollu, l-istrateġija ta’ ħafna metodi tqajjem problemi serji. Din tista’ tirriżulta f'differenzi metodoloġiċi minn pajjiż għall-ieħor, bejn ġabriet differenti ta' data mill-istess pajjiż, u anke fil-ġabriet ta' data individwali. Dan jagħmilha pjuttost diffiċli li jitħares it-tqabbil tad- data u li tiġi żgurata kwalità ta’ data għolja.

Il-mod kif tista’ titkejjel il-kwalità tad- data jiddependi mill-metodi użati. Għal metodi differenti, jeżistu parametri ta’ kwalità differenti (eż. koeffiċjent ta’ varjazzjoni għal stħarriġ ta' kampjuni; analiżi tas-sensittività għall-immudellar; eċċ.). B’mod partikolari l-kombinazzjoni tal-metodi fil-ġabriet tad- data tagħmilha diffiċli li jiġu definiti indikaturi għall-kwalità tad- data ġenerali. B’konsegwenza ta’ dan, l-istrateġija ta' ħafna metodi tar-Regolament tfixkel b'mod konsiderevoli l-evalwazzjoni u l-komunikazzjoni tal-kwalità tad- data .

Il-varjetà fl-istrateġiji taffettwa wkoll it-tqabbil tad- data . Il-limiti fuq it-tqabbil tad- data jistgħu joħorġu b’mod partikolari fir-rigward tal-kopertura u l-mod kif l-iskart huwa allokat għall-attivitajiet varji ta’ ġenerazzjoni, kif se jiġi deskritt aktar tard f’dan ir-rapport.

Fir-rapporti ta’ kwalità tagħhom, l-Istati Membri ddeskrivew id- data b’referenza għall-elementi ta’ kwalità normalment użati fis-Sistema Statisika Ewropea biex tiġi evalwata l-kwalità ta’ l-istatistika[7] u stipulati fir-Regolament (KE) 1445/2005 dwar il-kwalità ta’ l-istatistika ta’ l-iskart.

2. Puntwalità u żamma tal-ħin

Il-puntwalità u ż-żamma tal-ħin jirreferu għall-konformità tad- data mibgħuta b’dati ta’ skadenza uffiċjali u d-differenza fiż-żmien bejn il-perjodu ta’ referenza u d-disponibbiltà tad- data .

Ir-Regolament (KE) 2150/2002 jeħtieġ data għas-sena ta’ referenza 2004 u li r-rapporti ta’ kwalità jintbagħtu sat-30 ta’ Ġunju 2006. Eurostat jivvaluta t-tagħrif li jirriżulta fi żmien xahrejn wara d-data ta' skadenza fir-rigward tal-kriterji li ġejjin:

- ġabriet tad- data sħaħ;

- rapport ta’ kwalità sħiħ;

- iż-żamma tal-ħin;

- l-applikazzjoni xierqa tat-tifsiriet u l-klassifikazzjonijiet;

- l-applikazzjoni ta’ metodi statistiċi sodi.

L-Istati Membri ġew mgħarrfa dwar ir-riżultati fit-23 ta’ Awwissu 2006 u ntalbu, fil-każ ta’ data nieqsa jew rapporti ta’ kwalità nieqsa, jipprovdu t-tagħrif nieqes kemm jista’ jkun malajr. Fejn kien meħtieġ, id- data ġiet ivvalutata mill-ġdid f'Settembru 2006, flimkien mat-tagħrif riċevut wara l-ewwel valutazzjoni; il-karti tal-valutazzjoni mill-ġdid intbagħtu fit-13 ta’ Settembru 2006.

Meta wieħed iqis li l-2006 kienet l-ewwel sena ta’ rappurtaġġ, il-puntwalità kienet sodisfaċenti. Bosta pajjiżi żammu d-data ta’ skadenza, jew kienu tard bi ftit jiem biss:

- 12-il Stat Membru żammew id-data ta' skadenza tat-30 ta' Ġunju 2006 (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja, l-Iżvezja, is-Slovenja).

- 6 Stati Membri bagħtu d- data u/jew ir-rapporti ta' kwalità tard, iżda kmieni biżżejjed biex jitqiesu fl-ewwel valutazzjoni f’Awwissu 2006 (id-Danimarka, Spanja, l-Italja, il-Litwanja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit).

- 4 Stati Membri bagħtu d- data iżda l-ebda rapport ta’ kwalita sa Awwissu 2006 (Franza, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda); kollha kemm huma bagħtu r-rapport ftit wara.

- 3 Stati Membri naqsu milli jibgħatu partijiet sostanzjali mid- data sat-22 ta’ Settembru 2006 (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall) u għalhekk irċivew ittra uffiċjali. Il-Greċja bagħtet dan f’Novembru 2006, l-Irlanda f’Ġunju 2007 u l-Portugall f’Settembru 2007.

Pubblikazzjoni

Id- data dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart kienet ippubblikata fid- database ta' Tixrid ta’ l-Eurostat f’Diċembru 2006; id- data dwar it-trattament ta’ l-iskart f’Jannar 2007. Id- database ġiet aġġornata bosta drabi sabiex tiddaħħal data riveduta jew stimi għal valuri nieqsa. Il-ġabra ta’ data dwar il-kapaċità tat-trattament tad- data għad ma ġietx ippubblikata minħabba li l-istruttura ta’ din il-ġabra ta’ data hija kkumplikata minħabba l-għadd ta’ dimensjonijiet.

3. DATA SħIħA

Il-preżentazzjoni ta’ ġabriet ta’ data kompluti hija kruċjali għall-produzzjoni ta’ aggregati ta’ l-UE. L-imputazzjoni ta' data nieqsa hija diffiċli u tieħu ż-żmien, taffettwa ż-żamma tal-ħin ta' l-istatistika ta' l-iskart kif ukoll il-kwalità tad- data . Il-pajjiżi għalhekk huma mitluba jimminimizzaw l-ammont ta’ data nieqsa, jekk ikun meħtieġ billi jibgħatu l-istimi.

Il-Figura 1 turi li l-Istati Membri bagħtu 88 % tad- data meħtieġa; 12 % ġiet iddikjarata bħala nieqsa. Meta wieħed jiffoka fuq kif id- data nieqsa titqassam bejn l-Istati Membri, is-setturi ekonomiċi u l-kategoriji ta' l-iskart, joħroġ b’mod ċar li tliet oqsma jiffurmaw il-parti maġġuri tal-valuri nieqsa.

Madwar terz tad- data nieqsa hija għall-ġenerazzjoni ta’ l-iskart fl-agrikultura, il-forestrija u l-kaċċa (NACE A), is-sajd (NACE B) u s-settur tas-servizzi (NACE G-Q). Ħdax-il pajjiż kellhom derogi mir-rappurtaġġ dwar dawn is-setturi skond l-Artikolu 4 tar-Regolament. Dan jispjega madwar 70 % tad- data nieqsa f'dawn it-tliet setturi; it-30 % li jibqa’ jikkonċernaw pajjiżi li ma kellhomx derogi. Xi pajjiżi b’deroga fil-fatt bagħtu (parti minn) id- data.

Madwar 20 % tad- data nieqsa tikkonċerna l-ħama. L-ammonti tal-ħama jridu jiġu rrappurtati fil-piż imxarrab u niexef. Bosta pajjiżi setgħu jipprovdu data dwar il-piż niexef jew imxarrab. l-Eurostat stabbilixxa fattur ta’ konverżjoni mxarrab/niexef u użah biex jattribwixxi l-valuri nieqsa.

Fiż-żmien meta tfassal dan ir-rapport il-Portugall kien għad bagħat biss id- data dwar l-iskart iġġenerat mid-djar; id- data dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart fl-ekonomija kienet għal kollox nieqsa. Biex ikun jista’ jikkalkula t-totali ta’ l-UE, l-Eurostat kellu jattribwixxi l-valuri, anke jekk il-bażi empirika għal dan hija dgħajfa fl-ewwel sena.

[pic]

Figura 1: Data sħiħa dwar il-ġenerazzjoni ta' l-iskart mill-Istati Membri

Data sħiħa mibgħuta għat-trattament ta’ l-iskart hija aktar importanti minn dik għall-ġenerazzjoni ta’ l-iskart, minħabba li mhux possibbli li jiġu attribwiti l-kwantitajiet trattati skond it-tip ta’ trattament. Il-kwantitajiet trattati jridu jiġu rrappurtati fil-livell nazzjonali fil-livell NUTS 1. Id-deskrizzjoni f’din it-taqsima tirreferi għal-livell nazzjonali biss. Bosta pajjiżi ma bagħtux it-tqassim reġjonali komplut; fl-ewwel stadju ta’ preżentazzjoni ta’ data , l-Eurostat ta prijorità lill-koerenza u l-kompletezza fil-livell nazzjonali.

Is-sehem ta’ data nieqsa dwar it-trattament ta’ l-iskart jammonta għal mhux aktar minn 2.6 %. Żewġ oqsma jiffurmaw il-parti maġġuri ta’ dan.

Bosta pajjiżi ma setgħux jipprovdu data dwar il-ħama bil-piż imxarrab u bil-piż niexef iżda setgħu jipprovdu biss waħda minn dawn iċ-ċifri. Aktar min-nofs tal-valuri nieqsa huma relatati mar-rappurtaġġ mhux komplut dwar il-ħama. Ħafna mill-valuri nieqsa li jibqa’ jirreferu għall-metodi ta’ rimi li jintużaw l-anqas: trattament ta’ l-art (eż. biodegradazzjoni ta’ rimi likwidu jew ta’ tajn fil-ħamrija eċċ.) u rimi fl-ilmijiet.

4. Preċiżjoni

Il- preċiżjoni għandha x’taqsam ma kemm ikunu qrib il-valur stimat jew ikkalkulat u l-valur eżatt jew vera, inklużi aspetti bħal żbalji fit-teħid tal-kampjuni, kopertura tad- data , limiti applikati, l-ebda tweġiba, aġġustamenti, kontrolli u korrezzjonijiet, kunfidenzjalità, eċċ.

4.1 Kopertura tad- data u żbalji ta’ kopertura

L-għan tar-Regolament huwa li tiġi prodotta statistika ta' l-iskart skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2006/12/KE, bl-eċċezzjoni ta' l-iskart radjuattiv.

L-istatistika dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart trid tiġi kkalkulata għas-setturi ekonomiċi kollha u għad-djar. L-istatistika għandha tkopri wkoll skart ta’ negozji żgħar (< 10 impjegati) għalkemm dawn il-kumpaniji għandhom jiġu eżentati mill-istħarriġ fejn ikun possibbli.

L-istatistika dwar it-trattament ta’ l-iskart tkopri l-iskart kollu li huwa rkuprat jew mormi fil-pajjiż, irrispettivament mill-oriġini ta’ l-iskart. Il-kunċett bażiku tar-Regolament huwa li jiġbor data dwar id-destinazzjoni aħħarija ta' l-iskart; l-operazzjonijiet ta’ trattament preparatorji mhumiex koperti.

Huwa eskluż ukoll mill-ambitu tar-Regolament kull skart li huwa riċiklat direttament fis-sit fejn l-iskart huwa ġenerat.

Tifsiriet mhux ċari

L-istatistika ta’ l-iskart hija parti mil-leġiżlazzjoni dwar l-iskart Ewropea. B’konsegwenza ta’ dan, l-istatistika ta' l-iskart għandha ssib mod kif tittratta d-defiċit tat-tifsiriet legali, b'mod partikolari l-problema ta' distinzjoni bejn dak li huwa u mhux skart. L-interpretazzjonijiet differenti tat-tifsiriet jista’ jkollhom effett konsiderevoli fuq il-kopertura u t-tqabbil tad- data fejn jidħlu flussi ta’ skart kbar. Problemi komuni msemmija fir-rapporti ta’ kwalità huma dwar kif jiġi inkluż skart ta’ l-injam, skart tal-metall u skart organiku mill-industrija ta’ l-ikel.

Dwar din il-kwistjoni, il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-iskart u prodotti sekondarji (COM(2007) 59 finali) tipprovdi gwida utli. Il-Kummissjoni qed ukoll telabora l-kriterji dwar it-tmiem ta' l-iskart li se jgħin biex tiċċara aktar d-distinzjoni bejn dak li huwa u mhux skart.

Klassifiki u tifsiriet ċari huma meħtieġa b’mod partikolari għall-użu tad- data meta jitqies l-iffissar ta' miri, bħal dwar ir-riċiklaġġ.

Importazzjonijiet u esportazzjonijiet

L-iżbalji fil-kopertura fir-rigward tal-ġenerazzjoni ta’ l-iskart isiru l-aktar minħabba li f’xi pajjiżi d- data ma tinġabarx mill-ġeneraturi ta’ l-iskart iżda tinħareġ indirettament mill-ġbir ta’ l-iskart jew mit-trattament ta’ l-iskart. Din l-istrateġija żżomm il-piż fuq dawk li jwieġbu ħafif iżda għandha xi nuqqasijiet. Waħda hija li esportazzjonijiet diretti ta’ skart, jiġifieri esportazzjonijiet mingħajr stadju ta’ trattament fil-pajjiż, ma jkunux koperti (eż. fl-Awstrija, id-Danimarka, il-Litwanja) sakemm ma jintużawx sorsi ta’ data oħrajn biex jadattaw għal dawn l-esportazzjonijiet. Dan se jaffettwa l-aktar il-kopertura ta’ skart riċiklabbli. Il-possibilitajiet tal-ġbir ta’ statistika dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ l-iskart huma indirizzati minn programm ta' studju bi prova separat, li ntemm fl-2007. Bħalissa qed jitħejja rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġbor fil-qosor ir-riżultati.

Xi pajjiżi għandhom it-tradizzjoni li jiġbru statistika nazzjonali biss dwar it-trattament ta’ l-iskart li huwa ġġenerat fil-pajjiż (eż. id-Danimarka, Franza, l-Olanda, il-Belġju). Dawn il-pajjiżi mhux kollha adottaw l-istrateġija tagħhom għar-rekwiżiti tar-Regolament. Devjazzjonijiet mill-kopertura meħtieġa tista' tapplika għall-kategoriji ta’ l-iskart kollha (eż. id-Danimarka, il-Belġju) jew għal flussi ta’ skart speċifiċi biss (eż. Franza).

Skart sekondarju

L-Anness I tar-Regolament dwar l-istatistika ta’ l-iskart jitlob b’mod espliċitu tagħrif dwar l-iskart li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi, magħruf bħala skart sekondarju. L-iskart sekondarju huwa mistenni li jiżdied l-aktar fl-attivitajiet ekonomiċi li jitrattaw il-ġestjoni ta’ l-iskart (NACE is-setturi 37, 51.57 u 90). Madankollu, id- data u r-rapporti ta' kwalità jindikaw li bosta pajjiżi ma qisux din id-dispożizzjoni, probabbilment minħabba li d- data titħejja b'mod differenti għal raġunijiet nazzjonali.

Minħabba l-kopertura mhux kompluta ta’ skart sekondarju, teżisti t-tendenza li l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart tiġi sottovalutata fis-setturi varji; dan min-naħa tiegħu jikkumplika l-interpretazzjoni tad- data għal dawn is-setturi u għat-totali ta’ l-iskart.

Kopertura ta’ intrapriżi żgħar

Bosta Stati Membri jeżentaw kumpaniji żgħar milli jiġbru data dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart. Filwaqt li xi pajjiżi pproduċew stimi dwar l-iskart iġġenerat minn kumpaniji żgħar, oħrajn ma għamlux l-istess (eż. ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovenja) minħabba problemi metodoloġiċi jew minħabba li l-ammonti ta' skart tqiesu bħala żgħar.

Il-kopertura baxxa li tirriżulta ta' l-ammonti ġġenerati tvarja skond il-limiti għall-ġbir tad- data u l-istruttura ekonomika tal-pajjiżi, jiġifieri l-għadd u l-attivitajiet tal-kumpaniji mhux koperti. It-tagħrif mill-pajjiżi differenti jindika li l-proporzjon ta’ skart iġġenerat minn kumpaniji żgħar jista’ jvarja b’mod konsiderevoli. Bosta kumpaniji li ma pproduċewx stimi semmew fir-rapporti ta’ kwalità tagħhom li kienu qed jaħdmu fuq metodi ta’ stima u se jkunu jistgħu jipprovdu stimi fir-rappurtaġġ li jmiss.

4.2. Problemi ta’ klassifikazzjoni u allokazzjoni

Tqassim skond is-setturi ekonomiċi

Ir-Regolament isejjaħ biex l-Istati Membri jqassmu d- data tagħhom f'20 attività ta’ ġenerazzjoni ta’ skart. L-allokazzjoni xierqa hija prerekwiżit għal:

- tqabbil ta' ammonti ta' skart speċifiċi għas-settur;

- koerenza ta’ l-istatistika ta’ l-iskart ma’ l-istatistika tan-negozju.

It-tqassim ta’ l-attivitajiet ekonomiċi hija b’referenza għall-Klassifika ta’ Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE Rev. 1.1). Ġiet adottata klassifika ġdida ta' attivitajiet ekonomiċi (NACE Rev. 2) u t-tqassim meħtieġ fir-Regolament dwar l-istatistika ta' l-iskart ġie adottat skond dan. NACE Rev. 2 se tintuża mis-sena ta' referenza 2008 'il quddiem; hija prevista konverżjoni tad- data ta’ l-2004 u l-2006 għal NACE Rev. 2. Ir-reviżjoni tan-NACE ma xxekilx il-problemi ta' klassifika diskussi hawn taħt.

Il-mod kif l-iskart jiġi allokat lis-settur tal-ġenerazzjoni jiddependi fuq il-metodi applikati għall-ġbir tad- data. Madwar żewġ terzi ta’ l-Istati Membri jiġbru ħafna mid- data tagħhom dwar il-ġenerazzjoni ta' l-iskart direttament mill-ġeneraturi ta' l-iskart, permezz ta' l-istħarriġ jew minn dokumenti amministrattivi. Din l-istrateġija tipprovdi tagħrif dirett dwar is-sors ta' l-iskart. Ħafna minn dawn il-pajjiżi jużaw ir-Reġistru tan-Negozju statistiku tagħhom biex jistabbilixxu l-kodiċi NACE tal-ġeneratur; dan jassigura l-koerenza ma' l-Istatistika tan-Negozju.

Jeżisti riskju sinifikanti ta’ allokazzjoni żbaljata f’pajjiżi fejn id- data dwar il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart tinħareġ direttament mid- data dwar it-trattament ta’ l-iskart. Din hija l-istrateġija użata mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mil-Litwanja, mill-Awstrija u minn Malta. F’dan il-każ it-tagħrif dwar l-attività ta’ ġenerazzjoni hija magħrufa biss minn sorsi sekondarji (eż. dak li jiġbor l-iskart, l-operatur tat-trattament ta’ l-iskart) jew trid tinħareġ permezz ta' mezzi oħrajn (eż. permezz ta' mudelli jew bl-użu tal-lista ta' l-iskart Ewropea[8], li fiha tagħrif dwar l-oriġini ta' l-iskart). Dawn l-istrateġiji kollha għandhom limitazzjonijiet ċari.

Skart iġġenerat mid-djar

Id-distinzjoni bejn skart iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi u skart iġġenerat minn djar fir-Regolament tieħu post il-kunċett tradizzjonali ta' 'skart muniċipali'.

L-isfida metodoloġika hija li jiġu prodotti statistiċi preċiżi għal skart iġġenerat minn djar minħabba li skart iġġenerat minn djar normalment jinġabar flimkien ma’ skart ta’ ħwienet, negozji żgħar u istituzzjonijiet. Bosta pajjiżi ma għandhomx tagħrif dirett dwar is-sehem ta' skart prodott mid-djar; dawn il-pajjiżi għalhekk intalbu jistabbilixxu s-sehem ta’ l-iskart mid-djar permezz ta' metodu ieħor.

Tnax-il Stat Membru stabbilixxew il-kunċett ġdid u rrappurtaw ċifri għall-iskart minn djar biss. Il-metodi tagħhom ivarjaw minn stħarriġ immirat (analiżi ta’ l-iskart) għal stimi approssimattivi riċevuti minn kumpaniji tal-ġestjoni ta’ l-iskart jew operaturi tal-landfill. Disa’ pajjiżi ma implimentawx il-kunċett il-ġdid. Ir-rapporti ta' kwalità ta’ erba' pajjiżi ma kienx fihom tagħrif dwar din il-kwistjoni. B’riżultat ta’ dan, it-tqabbil tad- data dwar l-iskart mid-djar huwa attwalment limitat għall-pajjiżi li huma konformi. Huwa mistenni li l-qagħda titjieb hekk kif tiġi riċevuta d- data għall-2006 minħabba li bosta pajjiżi qed jaħdmu fuq metodi xierqa.

4.3. Żbalji fil-kejl

L-iżbalji fil-kejl jistgħu jirriżultaw mill-użu ta’ fatturi ta’ konverżjoni impreċiżi. Landfills li għadmhumiex mgħammra b’pontijiet li jiżnu għandhom problema komuni. F’każi bħal dawn iċ-ċifri rrappurtati huma normalment imsejsa fuq il-volum tal-vetturi tal-ġbir u maqluba permezz ta' densitajiet medji ta' skart. L-esperjenza tal-Polonja u l-Litwanja tissuġġerixxi li din l-istrateġija għandha t-tendenza li tagħti stima għolja, aktar milli baxxa, tal-kwantitajiet ta’ l-iskart. L-iżball fil-kejl huwa probabbilment l-ikbar għal skart muniċipali u skart ieħor mhux perikoluż li jintrema fil-landfills. Huwa aktar probabbli li skart perikoluz u riċiklabbli jintiżen għal raġunijiet finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-kwalità tad- data titjieb b’mod konsistenti hekk kif landfills qodma jingħalqu u jinbnew oħrajn ġodda f’konformità mar-Regolamenti ta’ l-UE.

5. Piż fuq in-negozji

Il- piż fuq dawk li jwieġbu jirreferi għall-piż li l-ġbir tad- data jimponi fuq in-negozji u jitkejjel skond l-għadd attwali ta' dawk li jwieġbu u l-piż tagħhom f'termini fiżiċi (żmien meħtieġ għal tweġiba).

Ir-Regolament dwar l-istatistika ta’ l-iskart jitlob lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż billi jipprovdu aċċess għal data amministrattiva u jeskludu kumpaniji żgħar b’anqas minn 10 impjegati minn stħarriġ sakemm ma jikkontribwixxux b'mod sinifikanti għall-ġenerazzjoni ta' l-iskart.

Bosta Stati Membri, madankollu, ma jkejlux il-piż f‘termini fiżiċi u għalhekk ma jistgħux jirrappurtaw dwar dan. Ħames Stati Membri rrappurtaw piż ta' madwar 30 minuta u ħames sigħat għal kull min wieġeb. Madankollu, bosta Stati Membri huma konxji mill-piż tax-xogħol għall-kumpaniji u għandhom strateġiji differenti bil-għan li jnaqqsu l-piż filwaqt li jiġbru d- data b'mod effiċjenti.

L-aktar għajnuna importanti għall-kumpaniji huwa li jevitaw rappurtaġġ doppju għal għanijiet amministrattivi u statistiċi billi jużaw data amministrattiva u/jew billi jikkoordinaw stħarriġ dwar l-iskart fost l-istituzzjonijiet ikkonċernati (Uffiċċji ta’ l-Istatistika, Ministeri ta’ l-Ambjent, Aġenziji ta’ l-Ambjent). Għal 14-il Stat Membru, id- data amministrattiva hija l-materja prima ewlenija għall-istatistika ta' l-iskart. Pajjiżi oħrajn jużaw data amministrattiva bħala waħda minn bosta sorsi ta’ data .

It-talba fir-Regolament biex jiġu eżentati kumpaniji żgħar mill-istħarriġ hija ttrattata b'modi differenti. Xi pajjiżi jkopru kumpaniji żgħar permezz ta’ stħarriġ ta’ kampjuni u jestrapolaw ir-riżultati (il-Belġju; l-Estonja għal xi setturi; il-Greċja). Madankollu, bosta jeskluduhom kompletament, u ċ-ċifri jew jinjorawhom (ara t-taqsima 4.3 ) jew jestrapolawhom permezz ta' mudelli ta' stima msejsa fuq il-fattur. Il-pajjiżi stabbilixxew limiti ta' esklużjoni differenti, definiti l-aktar mill-għadd ta' ħaddiema jew mill-ammont ta' skart iġġenerat fis-sena. Xi pajjiżi jgħaqqdu ż-żewġ kriterji biex jiżguraw li anke l-pajjiżi ż-żgħar huma koperti mill-ġbir tad- data meta dawn jaqbżu l-limitu ta’ ġenerazzjoni ta’ l-iskart definit.

6. Konklużjonijiet

L-analiżi tad- data mill-ewwel rappurtaġġ għadha ma ġietx finalizzata, iżda l-progress li għamilna lejn statistika ta’ l-iskart Ewropea aktar kompluta u armonizzata huwa diġà ovju.

Ta’ min jenfasizza l-impatt pożittiv ta' l-obbligazzjoni li jiġu dokumentati metodoloġiji u li tiġi evalwata d- data fir-rapporti ta' kwalità. Il-problemi u d-defiċjenzi huma aktar viżibbli u juri fejn huwa meħtieġ it-titjib. B’żieda ma’ dan, ir-Regolament jagħti spinta lill-koerenza bejn l-istatisika ta’ l-iskart u oqsma ta’ l-istatistika oħrajn billi jeħtieġu konformità stretta mal-klassifika NACE ta' attivitajiet ekonomiċi u l-użu ta' unitajiet ta' statistika kif applikati fl-istatistika tan-negozju. B’hekk dan isaħħaħ il-possibbiltà ta’ l-integrazzjoni ta’ l-istatistika ta’ l-iskart fil-Kontabbiltà Ambjentali-Ekonomika.

6.1. Żvilupp fl-Istati Membri

Fil-livell nazzjonali, il-karattru li jorbot tar-Regolament saħħaħ b’mod ċar l-istat ta' l-istatistika ta' l-iskart fis-sistemi statistiċi. L-obbligazzjonijiet imposti mir-Regolament wasslu għal żviluppi metodoloġiċi u għal tibdil fis-sistemi tal-ġbir tad- data nazzjonali.

Fid-dawl ta’ l-esperjenza ta’ l-ewwel rappurtaġġ, bosta pajjiżi ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jtejbu l-kwalità tad- data u l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament. Fejn tibdil bħal dan jeħtieġ azzjoni legali, il-miżuri jista’ jkun li ma jsirux effettivi sas-sena ta’ referenza 2008.

Jidher li r-Regolament tejjeb t-tendenza ġenerali fl-Istati Membri li jevitaw rappurtaġġ żejjed permezz tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet li jiġbru d- data u s-simplifikazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet tar-rappurtaġġ. L-użu doppju tad- data għall-għanijiet amministrattivi u statistiċi qed isir aktar komuni, peress li l-punt kruċjali hu aktar konsistenza bejn id- data u piż imnaqqas għal dawk li jwieġbu.

6.2. Ħtieġa għal reviżjoni

Għalkemm ir-riżultat ta’ l-ewwel rappurtaġġ ikkonferma l-istrateġija ġenerali, jeżistu xi nuqqasijiet kunċettwali li jeħtieġ li jiġu riveduti.

Tqassim ta’ tipi ta’ skart

Fl-Anness I u l-Anness II (it-Taqsima 2) ir-Regolament jitlob biex ammonti ta’ skart iġġenerat u trattat jitqassmu f’kategoriji ta’ skart b’mod differenti għal kull ġabra ta’ data (ara Tabella 1). Dan biex jiġi minimizzat il-livell meħtieġ ta’ dettall u għalhekk jiġi minimizzat il-piż għall-Istati Membri.

L-esperjenza ta’ l-ewwel rappurtaġġ turi b’mod ċar li l-iżvantaġġi ta’ dan il-kunċett huma bosta filwaqt li l-vantaġġi huma insinifikanti, bl-ebda nuqqas fil-piż għall-Istati Membri. Bosta Stati Membri jiġbru t-tagħrif f’livell wisq aktar dettaljat u jnaqqsu t-tqassim meta jħejju d- data għat-trażmissjoni lill-Eurostat.

L-aspetti negattivi prinċipali huma:

- Mhux possibbli li jinħarġu bilanċi għal kategoriji ta’ skart individwali; dan ifixkel mhux ftit il-validazzjoni u l-interpretazzjoni tad- data.

- Il-livell tad-dettall għal data dwar it-trattament ta' l-iskart huwa baxx wisq; flussi ta’ skart importanti jitniżżlu f’kategoriji ta’ skart mhux speċifiku ('skart ieħor').

- Il-preżentazzjoni u l-komunikazzjoni tar-riżultati hija kkumplikata ħafna.

- Il-formati differenti jagħmlu l-immaniġġjar u l-ipproċessar tad- data aktar diffiċli.

L-istrateġija attwali għandha tiġi abbandunata favur tqassim komuni kemm għall-ġenerazzjoni ta’ l-iskart kif ukoll għat-trattament ta’ l-iskart. It-tqassim aktar dettaljat ta’ kategoriji ta’ l-iskart fit-Taqsima 2 ta’ l-Anness I għandha tintuża bħala l-bażi għad-diskussjoni.

Tqassim reġjonali ta’ data dwar l-infrastruttura tat-trattament ta' l-iskart

Ir-Regolament jeħtieġ lill-Istati Membri li jipprovdu data dwar l-għadd u l-kapaċità ta’ faċiltajiet ta’ rkurpru u rimi fil-livell NUTS 2 (l-Anness II, it-taqsima 3). Dan it-tqassim reġjonali dettaljat joħloq piż ta' xogħol sinifikanti għall-Eurostat u l-Istati Membri wkoll. Il-proporzjoni ta’ data kunfidenzjali tikber b’mod konsiderevoli mal-livell reġjonali ta’ dettall, u għalhekk tnaqqas is-siwi. Ir-rilevanza ta’ dan it-tagħrif dettaljat irid jiġi rivedut.

Tqassim permezz ta’ tipi ta’ trattament ta’ l-iskart

Taħt it-Taqsima 8(2), ir-rappurtaġġ dwar it-trattament ta’ l-iskart jiġbor l-operazzjonijiet kollha (10) ta' rkupru, għajr għall-irkupru ta' l-enerġija, f'kategorija ta' rappurtaġġ waħda. B’żieda ma’ dan, id- data meħtieġa dwar il-kapaċità ta' l-irkupru ta' l-iskart tħaddan operazzjonijiet ta' trattament bħall-kompostjar, ir-riċiklaġġ tal-metalli u r-raffinar taż-żejt. F’dawn il-każi, il-livell ta’ dettall jidher li mhux biżżejjed: huwa bżonnjuż tagħrif dwar ċerti operazzjonijiet ta' riċiklaġġ għall-għanijiet tal-politika tas-sorveljanza ta’ l-iskart. B’mod partikolari, teżisti ħtieġa li qed dejjem tikber li tiġi pprovduta data xierqa għall-użu bħala valutazzjoni komparattiva kontra miri stabbiliti. F’xi każi dawn il-miri jistgħu jkunu obbligatorji. Dan jenfasizza l-ħtieġa ta' data konsistenti fl-Istati Membri, li għaliha wisq probabbli jkun meħtieġ aktar raffinar tad-definizzjonijiet u l-klassifiki.

Fl-aħħarnett, operazzjonijiet ta’ rimi (8 tipi ta' trattament) jinqasmu f'żewġ kategoriji ta’ rappurtaġġ, li wieħed minnhom virtwalment qatt ma jintuża fl-Istati Membri.

7. Prospettiva

Fuq is-saħħa ta’ l-ewwel esperjenza u sabiex tissaħħaħ l-użu u l-kwalità tad- data , filwaqt li jitqiesu kwalunkwe spejjeż addizzjonali għall-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-Kummissjoni se tipproponi li temenda r-Regolament fil-ħin għall-ġbir tad- data għas-sena ta’ referenza 2008:

- sabiex ikollha l-istess tqassim ta’ kategoriji ta’ l-iskart għall-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u t-trattament ta’ l-iskart billi toħloq konformità bejn is-Sezzjonijiet 2 ta' l-Anness I u l-Anness II,

- sabiex tirrevedi t-tqassim reġjonali fl-Anness II,

- sabiex tirrevedi t-tqassim tal-kateġoriji tat-trattament ta’ l-iskart fl-Anness II, b’mod partikolari l-irkupru ta’ l-iskart u r-rimi ta' l-iskart.

[1] ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[2] ĠU L 90, 27.3.2004, p.15.

[3] ĠU L 131, 25.5.2005, p. 38.

[4] ĠU L 131, 25.5.2005, p.26.

[5] ĠU L 229, 6.9.2005, p.6.

[6] http://circa.europa.eu/Public/irc/dsis/pip/library?l=/wastesstatisticssregulat/manual_statistics

[7] Il-websajt ta’ l-Eurostat dwar il-Kwalità: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2273,1,2273_47140765&_dad=portal&_schema=PORTAL

[8] Id-Deċiżjoni 2000/532/KE fir-rigward tal-lista ta’ l-iskart, ĠU L 226, 6.9.2000, p.3.