[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 14.2.2008 KUMM(2008) 80 finali 2008/0033 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (Dichloromethane) (emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) (preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2008) 192}{SEG(2008) 193} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi tistabbilixxi qafas għal regoli armonizzati fl-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi. Id-Direttiva 76/769/KEE tintuża biex jiġu ġestiti r-riskji għas-saħħa umana u l-ambjent minn sustanzi perikolużi. Is-sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE jistgħu biss jitqiegħdu fis-suq u jiġu użati soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. Qed jiġi propost li jiġu ġestiti r-riskji fuq id-Dichloromethane (DCM) billi tiġi elenkata din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE. 1.1. Id-Dichloromethane, il-karatteristiċi kimiċi tagħha u r-riskji tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem Id-Dichloromethane (DCM), in-numru CAS 75-09-2 u n-numru EINECS 200-838-9, hija kompost ta’ idrokarbonju alifatiku aloġenat u bla kulur b’riħa ħelwa u ħafifa jew penetranti qisha riħa ta’ etere. Din tintuża prinċipalment fil-produzzjoni ta' farmaċewtiċi, applikazzjonijiet ta' solventi u awżiljari, manifattura ta' prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa u adeżivi. Id-DCM mhijiex inkluża fil-lista prijoritarja skond ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti. Madankollu r-riskji mid-DCM fi prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa ġew evalwati f'diversi studji[1] li kkonkludew li jinħtieġu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju madwar l-UE kollha. Il-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa jintużaw biex ineħħu kisjiet ta’ żebgħa, speċjalment kisjiet bil-bżieżaq imtella’ jew dawk imxaqqa fuq diversi sottostrati, b’mod partikolari metall u njam u jiġu applikati mill-utenti industrijali u professjonali, kif ukoll mill-konsumaturi. Ir-riskji ewlenin mid-DCM għas-saħħa tal-bniedem huma relatati mal-fwar tagħha u l-effetti tossiċi tagħha għas-sistema nervuża ċentrali. Dawn l-effetti assoċjati ma’ kundizzjonijiet ħżiena ta’ ħidma jew dawk operattivi (eż. ventilazzjoni mhux adegwata, tagħmir protettiv personali mhux xieraq) ikkontribwew għal għadd ta’ inċidenti u mwiet irreġistrati matul dawn l-aħħar 18-il sena fl-UE. Skond il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent[2] (SCHER), l-esponiment għad-DCM minn prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa huwa ta' tħassib għas-saħħa tal-bniedem speċjalment għall-popolazzjonijiet l-aktar suxxettibbli bħalma huma t-tfal minħabba l-potenzjal għal esponiment ogħla. Il-konċentrazzjonijiet għolja ta’ DCM imkejla matul l-attività ta’ tneħħija taż-żebgħa mhumiex aċċettabbli għar-riskji tas-saħħa tal-bniedem. Diversi alternattivi għal prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM diġà huma disponibbli fis-suq: tqaxxir fiżiku/mekkaniku, tqaxxir pirolitiku/termali, u tqaxxir kimiku li jinvolvu kimiċi oħra għajr id-DCM. Il-prodotti kimiċi alternattivi għat-tqaxxir taż-żebgħa huma l-aktar użati, madankollu huma għandhom ukoll il-profili ta' riskju tagħhom u, skond il-konċentrazzjoni tagħhom fil-formulazzjoni, jistgħu joħolqu riskji oħra għall-utent. Matul l-aħħar erba’ snin saru diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra. Minkejja l-opinjonijiet diverġenti qawwija dwar ir-riskji assoċjati mad-DCM u dwar is-sikurezza ta’ l-alternattivi, intlaħaq ftehim dwar il-ħtieġa ta’ restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u għall-użu fil-livell Komunitarju skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE biex ikunu limitati r-riskji mid-DCM. 1.2. Effetti intenzjonati tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE Minħabba li hemm bżonn li jkunu limitati r-riskji matul l-użi mill-industriji, il-professjonisti u l-konsumaturi ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM, għandhom jiġu applikati ċerti restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-użu. Id-Deċiżjoni preżenti temenda l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE billi żżid id-Dichloromethane. Dan se jiżgura regoli armonizzati applikati fil-livell Komunitarju. L-aktar proporzjon sinifikanti ta’ mwiet assoċjati ma’ l-użu ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM fl-Ewropa matul l-aħħar 18-il sena kien marbut ma’ użi industrijali u professjonali taħt kundizzjonijiet ta’ ventilazzjoni mhux adegwata u ma’ applikazzjoni mhux xierqa ta’ tagħmir protettiv personali. Għall-attivitajiet imwettqa fi stallazzjonijiet industrijali għandhom japplikaw xi rekwiżiti obbligatorji bħal: l-użu ta’ ingwanti protettivi xierqa, l-installazzjoni ta’ ventilazzjoni lokali jew ta’ tagħmir respiratorju protettiv bi provvista ta’ l-arja indipendenti, u l-modifikazzjoni tat-tankijiet tat-tqaxxir, biex jiżguraw it-tnaqqis ta’ l-esponiment tal-ħaddiema. L-użi professjonali għandhom ikunu pprojbiti b’mod ġenerali, iżda l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jippermettu l-użu ulterjuri fit-territorji tagħhom minn professjonisti b'liċenzja speċifika għal dawk l-attivitajiet fejn huma jemmnu li s-sostituzzjoni tad-DCM hija partikolarment diffiċli jew mhux xierqa. Il-liċenzji għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ taħriġ. Għandha tiġi applikata projbizzjoni totali fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-DCM għal użi mill-konsumatur bħala l-unika miżura effettiva biex jiġu eliminati r-riskji. 2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT 2.1. Konsultazzjonijiet Fl-2004 il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kummissjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 76/769/KEE (minn hawn 'il quddiem il-"Grupp ta' Ħidma għal-Limitazzjonijiet"). F’Novembru 2005 il-Kummissjoni organizzat forum dwar “aġenti għat-tqaxxir taż-żebgħa" bl-involviment tal-fabbrikanti tal-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM u ta' alternattivi għad-DCM. Minħabba l-opinjonijiet diverġenti li jibqgħu min-naħa ta' l-industrija u l-awtoritajiet, il-Kummissjoni tat kuntratt għal studju ieħor biex jinġabar aktar tagħrif biex jiġi vvalutat l-impatt ta' restrizzjonijiet potenzjali fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM fil-livell Komunitarju. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-istudju[3] ġew diskussi matul il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma għal-Limitazzjonijiet fit-3 ta’ Lulju 2007. Rappreżentanti minn kumpaniji li huma favur l’użu kontinwu ta’ DCM u minn kumpaniji li huma favur l-alternattivi, l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC), il-Federazzjoni Ewropea tal-ħaddiema għall-Minjieri, Kimika u Enerġija (EMCEF) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) attendew din il-laqgħa jew ġew ikkonsultati. 2.2. Valutazzjoni ta’ l-Impatt Tħejjiet valutazzjoni ta' l-impatt dettaljata u ntbagħtet lill-Bord ta’ valutazzjoni ta’ Impatt fil-5 ta’ Ottubru 2007 li esprima l-opinjoni tiegħu fid-9 ta' Novembru 2007. Il-kummenti kollha tal-Bord (il-lista ta’ kwalità li trid tiġi ċċekkjata ta’ l-IA u l-opinjoni finali) ġew inklużi fil-verżjoni finali tal-valutazzjoni ta’ l-impatt[4]. Għadd ta’ għażliet li jvarjaw mill-għażla ta' ‘Ebda Azzjoni’, għal azzjonijiet volontarji mill-industrija għal restrizzjonijiet leġiżlattivi ta’ gradi varji ġew evalwati u l-aktar għażliet effettivi u effiċjenti għat-tliet kategoriji ta’ użu huma dawn li ġejjin: - Għal użi industrijali L-attivitajiet ta’ tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM għandhom jitwettqu biss f’installazzjonijiet industrijali b’rekwiżiti obbligatorji dwar il-ħarsien tal-persunal, bħal ingwanti xierqa, tagħmir għall-ventilazzjoni ta’ l-egżost jew dak respiratorju ta’ l-arja u kontrolli ta’ l-inġinerija għat-tankijiet tat-tqaxxir. Dawn il-miżuri se jappoġġjaw aktar l-infurzabbiltà tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-ħaddiema billi jitnaqqas b’mod effettiv l-esponiment għad-DCM u b'hekk jitnaqqas l-għadd ta' inċidenti u mwiet. - Għal użi professjonali L-użu professjonali ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM f’ambjenti mhux industrijali għandu jiġi pprojbit b’mod ġenerali, iżda l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jippermettu l-użu ulterjuri fit-territorji tagħhom minn professjonisti b'liċenzja speċifika għal dawk l-attivitajiet fejn huma jemmnu li s-sostituzzjoni tad-DCM hija partikolarment diffiċli jew mhux xierqa. Din il-miżura se tagħti lill-Istati Membri u lill-kumpaniji interessati r-responsabbiltà sħiħa u l-piż amministrattiv għat-twaqqif u l-kontroll ta’ sistema ta’ liċenzji u taħriġ b’miżuri xierqa. Se jitnaqqas l-għadd ta’ inċidenti u mwiet. - Għal użi mill-konsumaturi Il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għat-tqaxxir ibbażati fuq id-DCM għal użu mill-konsumatur hija l-unika miżura effettiva biex ikun eliminat ir-riskju għall-konsumaturi. Mhuwiex possibbli li tiġi sorveljata b’mod komprensiv l-imġiba tal-konsumatur matul applikazzjonijiet minn dilettanti (Do-It-Yourself), jew li jiġi żgurat taħriġ u użu adegwati tat-tagħmir protettiv meħtieġ. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi ġuridika Il-bażi ġuridika tal-Proposta hija l-Artikolu 95 tat-Trattat. Id-Deċiżjoni preżenti għandha tipprovdi regoli għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM għat-tliet kategoriji ta’ użu (industrijali, professjonali u konsumaturi). Din għandha tistabbilixxi wkoll regoli uniformi għaċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM u għandha tevita l-ostakoli għall-kummerċ minħabba differenzi fil-leġiżlazzjoni bejn l-Istati Membri. Din l-emenda proposta għad-Direttiva 76/769/KEE għandha ttejjeb il-kundizzjonijiet għat-tħaddim tas-Suq Intern u għandha tiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien għas-saħħa tal-bniedem. 3.2. Il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità Id-Direttiva 76/769/KEE relatata mar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, qed tfittex li tistabbilixxi regoli armonizzati fl-UE kollha u li tevita leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti, li x’aktarx tikkawża ostakoli għall-kummerċ intrakomunitarju. Dan ma jistax jintlaħaq jekk l-Istati Membri jibqgħu responsabbli li jaġixxu waħidhom. Il-miżuri proposti fid-Deċiżjoni preżenti huma wkoll proporzjonati meta jitqiesu l-ispejjeż u l-benefiċċji globali għall-kategoriji kollha ta’ użu b’rabta ma’ l-għan finali għal titjib tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. 3.3. Għażla ta' strumenti Il-Kummissjoni għażlet id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE bħala l-aħjar strument biex jiġi ppreżervat is-Suq Intern u fl-istess waqt tiżgura livell għoli ta’ ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Għaldaqstant, hija konformi ma’ l-Artikolu 95(3) tat-Trattat. Id-Direttiva 76/769/KEE se titneħħa fl-1 ta’ Ġunju 2009 mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE. L-emenda li trid issir fl-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE minn din id-Deċiżjoni se tapplika wara l-1 ta’ Ġunju 2009 u se tiġi introdotta fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Huwa aktar xieraq li jiġi emendat l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE billi tintuża Deċiżjoni minflok Direttiva peress li t-traspożizzjoni tar-restrizzjonijiet proposti fil-liġi nazzjonali se titwettaq ftit xhur biss qabel ma titneħħa d-Direttiva 76/769/KEE jew saħansitra wara. Għalhekk it-traspożizzjoni mhi se sservi ebda għan utli. F’din is-sitwazzjoni Deċiżjoni hi att legali aktar adatt minn Direttiva. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Ma jinħolqu l-ebda implikazzjonijiet baġitarji mid-Deċiżjoni preżenti. 2008/0033 (COD) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE rigward ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (Dichloromethane) (emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[5], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[7], Billi: (1) Ir-riskji li jinħolqu għas-saħħa tal-bniedem mid-Dichloromethane (DCM) fi prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa ġew ivvalutati f’diversi studji[8] li kkonkludew li jinħtieġu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju madwar l-UE kollha biex jitnaqqsu r-riskji li jinħolqu għas-saħħa tal-bniedem matul l-applikazzjoni tad-DCM fil-livell industrijali, professjonali u tal-konsumatur. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE – aktar tard imsejjaħ SCHER) li jikkonfermaw li l-esponiment għad-DCM minn prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa huwa ta’ tħassib għas-saħħa tal-bniedem[9]. (2) Bl-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa għall-kategoriji kollha ta’ użu (industrijali, professjonali u mill-konsumaturi) it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM għandhom ikunu ristretti. (3) Il-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM jintużaw mill-konsumaturi fid-dar biex ineħħu ż-żebgħa, il-verniċ u l-laker kemm ġewwa kif ukoll barra. L-użu sikur tad-DCM mill-konsumaturi ma jistax ikun żgurat permezz ta’ taħriġ jew monitoraġġ. Għaldaqstant, l-unika miżura effettiva u proporzjonata biex ikunu eliminati r-riskji għall-konsumaturi hija li jiġu pprojbiti t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM. (4) Bl-għan li tiġi żgurata l-infurzabbiltà proporzjonata ta’ l-abolizzjoni tul il-katina tal-provvista ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-DCM, għandhom jiġu stabbiliti dati differenti għall-projbizzjoni ta’ l-ewwel tqegħid fis-suq u l-provvista aħħarija lill-pubbliku ġenerali u lill-professjonisti. (5) Peress li l-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess għal prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM minkejja l-projbizzjoni permezz tal-katina ta’ distribuzzjoni għal utenti professjonali u industrijali, għandha tiġi inkluża frażi ta’ twissija fuq il-prodott. (6) L-imwiet irreġistrati fl-Ewropa matul l-aħħar 18-il sena għal użi industrijali u professjonali huma attribwiti prinċipalment għal ventilazzjoni mhux adegwata, tagħmir protettiv personali mhux xieraq, l-użu ta’ tankijiet mhux adegwati u l-esponiment fit-tul għad-DCM. Għaldaqstant għandhom jiġu imposti restrizzjonijiet biex ikunu kkontrollati u mnaqqsa r-riskji involuti fl-użi professjonali u industrijali. (7) Il-professjonisti ġeneralment ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-ħaddiema. Madankollu, bosta attivitajiet professjonali ħafna drabi jsiru fl-istabbilimenti tal-klijenti li spiss ma jkollhomx il-miżuri kollha xierqa għall-ġestjoni, il-kontroll u t-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa. Madankollu, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema u jkunu jeħtieġu taħriġ adegwat qabel ma jwettqu attivitajiet ta’ tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM. (8) It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa bbażati fuq id-DCM minn professjonisti għandhom għalhekk jiġu pprojbiti biex tkun imħarsa saħħithom u jitnaqqas l-għadd ta' mwiet u inċidenti mhux fatali. Madankollu, meta s-sostituzzjoni tad-DCM titqies partikolarment diffiċli jew mhux xierqa, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu l-użu ulterjuri ta’ DCM minn professjonisti b’liċenzja speċjali. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-għoti u l-monitoraġġ ta’ dawn il-liċenzji, li għandhom ikunu bbażati fuq taħriġ obbligatorju b’rekwiżiti speċifiċi. (9) L-għadd ta’ mwiet u inċidenti mhux fatali rreġistrati matul attivitajiet industrijali huma indikazzjoni ta’ l-infurzar mhux adegwat tal-leġiżlazzjoni dwar il-post tax-xogħol. L-esponiment għad-DCM għadu għoli u għandhom japplikaw aktar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għal ħaddiema f’installazzjonijiet industrijali. Għandhom jiġu adottati miżuri preventivi bħalma huma ventilazzjoni tajba fuq il-post tax-xogħol, tagħmir protettiv personali xieraq u modifikazzjoni addizzjonali tat-tankijiet. (10) It-tagħmir protettiv personali għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri[10]. (11) Id-Direttiva 76/769/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan. (12) Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema, bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex iħeġġu t-titjib tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol[11], u d-Direttivi individwali bbażati fuqha, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma’ l-esponiment għal-karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Is-sitt Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata)[12] u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma' aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)[13], ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE qed ikun emendat b’konformità ma’ l-Anness għal din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, […] Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS Fl-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE għandu jiżdied il-punt xx li ġej: “(xx) Dichloromethane Nru CAS: 75-09-2 Nru EINECS: 200-838-9 | Prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom dichloromethane f’konċentrazzjoni daqs jew akbar minn 0.1 % bil-massa ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba wara [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni] għall-provvista lill-pubbliku ġenerali jew lill-professjonisti, u ma għandhomx jiġu fornuti lilhom wara [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni]. Permezz ta’ deroga għall-paragrafu (1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-provvista ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-dichloromethane lil professjonisti bil-liċenzja. Il-liċenzja msemmija fil-paragrafu (2) għandha tingħata lil professjonisti mħarrġa fl-użu sikur ta’ prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-dichloromethane. It-taħriġ għandu jkopri: l-għarfien, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa, l-użu ta’ ventilazzjoni adegwata, l-użu ta’ tagħmir protettiv personali xieraq[14]. Il-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom dichloromethane f’konċentrazzjonijiet daqs jew akbar minn 0.1 % bil-massa jistgħu biss jintużaw fi stallazzjonijiet industrijali jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: ventilazzjoni effettiva għall-egżost jew tagħmir respiratorju protettiv bi provvista ta’ l-arja indipendenti[15], tankijiet tat-tqaxxir magħluqa u mgħottija meta ma jkunux qed jintużaw, ingwanti protettivi xierqa għall-operaturi[16]. Mingħajr ħsara għal leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tikkonċerna l-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u l-ittikkettar ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, il-prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom aktar minn 0.1 % bil-massa ta’ dichloromethane għandhom jiġu mmarkati b’mod leġġibbli u li ma jitħassarx sa [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni] kif ġej: “Riżervat għal użi industrijali u professjonali”.” | 1. [1] Klorur tal-metilin: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ restrizzjonijiet possibbli fis-suq fl-UE. Studju TNO-STB iffinalizzat f’Novembru 1999. http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm ; L-effikaċja ta’ retardanti tal-fwar fit-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem minn prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-dichloromethane mill-grupp ta’ esperti ETVREAD. Rapport finali ppubblikat f’April 2004 http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm; Valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ restrizzjonijiet potenzjali fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dichloromethane fi prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa. Studju RPA ffinalizzat f’April 2007. http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm [2] L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent dwar “L-effikaċja tar-retardanti tal-fwar fit-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem minn prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-dichloromethane. Rapport finali ta’ l-ETVAREAD ta’ April 2004. Adottata mill-SCHER matul ir-raba’ sessjoni plenarja tat-18 ta’ Marzu 2005. http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scher/scher_opinions_en.htm [3] Valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ restrizzjonijiet potenzjali fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dichloromethane fi prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa. Studju RPA ffinalizzat f’April 2007. http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm [4] Dokument ta’ ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni: «Ir-Rapport tal-Valutazzjoni ta’ l-impatt» hu disponibbli f’: http ://ec.europa.eu/chemicals/studies_en.htm [5] ĠU C […], […], p. […]. [6] ĠU C […], […], p. […]. [7] ĠU C […], […], p. […]. [8] Klorur tal-metilin: Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ restrizzjonijiet possibbli fis-suq fl-UE. Studju TNO-STB iffinalizzat f’Novembru 1999. http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm ; L-effikaċja ta’ retardanti tal-fwar fit-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem minn prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-dichloromethane mill-grupp ta’ esperti ETVREAD. Rapport finali ppubblikat f’April 2004 http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm; Valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ restrizzjonijiet potenzjali fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dichloromethane fi prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa. Studju RPA ffinalizzat f’April 2007. http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/studies_en.htm [9] L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent dwar L-effikaċja tar-retardanti tal-fwar fit-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem minn prodotti għat-tqaxxir taż-żebgħa li fihom id-dichloromethane. Rapport finali ta’ l-ETVAREAD ta’ l-1 ta’ April 2004 . Adottata mill-SCHER matul ir-raba’ sessjoni plenarja tat-18 ta’ Marzu 2005. http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scher/scher_opinions_en.htm [10] ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18. [11] ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1). [12] ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. [13] ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11. [14] Dan it-tagħmir protettiv personali għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE. [15] Dan it-tagħmir respiratorju protettiv għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE. [16] Dawn l-ingwanti protettivi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE.