52007DC0828

Rapport Annwali Mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-kunsill dwar l-isforzi ta’ l-Istati Membri matul l-2006 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd {SEK(2007) 1703} {SEK(2007) 1704} /* KUMM/2007/0828 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 19.12.2007

KUMM(2007) 828 finali

RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-isforzi ta’ l-Istati Membri matul l-2006 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd {SEK(2007) 1703} {SEK(2007) 1704}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Sommarju tar-rapporti annwali ta’ l-Istati Membri 3

2.1. Deskrizzjoni tal-flotot fir-rigward tas-sajd 4

2.2. L-impatt ta’ l-iskemi tat-tnaqqis fl-isforz fuq il-kapaċità 6

2.3. Konformità ma’ l-iskema tad-dħul/ħruġ u mal-livelli ta’ referenza 8

2.4. Il-punti pożittivi u dawk negattivi tas-sistemi tal-ġestjoni tal-flotta 9

3. Konformità mar-regoli għall-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd riżultati globali 9

3.1. Riżultati għall-flotta ta’ l-art kontinentali (minbarra bastimenti reġistrati fir-reġjuni ta’ barranett) 9

3.2. Ir-riżultati għall-flotot reġistrati fir-reġjuni ta’ barranett 10

4. Konklużjonijiet mill-Kummissjoni 11

1. INTRODUZZJONI

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2371/2002[1] u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1438/2003[2] jirrikjedu li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, rapport dwar l-isforzi tagħhom tas-sena ta' qabel sabiex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet ta' sajd disponibbli. Ir-rapporti ta' l-Istati Membri jinsabu fuq il-websajt "Europa"[3]. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti u d-dejta li tinsab fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità (CFR – Community Fishing Fleet Register )[4] il-Kummissjoni fasslet sommarju għas-sena 2006 li hija ppreżentat lill-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd (STECF) u lill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan ir-rapport mill-Kummissjoni issa jippreżenta dak is-sommarju tar-rapporti ta’ l-Istati Membri, flimkien ma’ anness tekniku u mal-fehmiet tal-kumitati msemmija hawn fuq, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. L-anness jipprovdi kummenti ddettaljati dwar il-ġestjoni tal-kapaċità[5] flimkien ma’ tabelli u grafiki li juru x-xejriet ġenerali fil-flotta tas-sajd ta’ l-UE u l-konformità ta’ l-Istati Membri ma’ l-iskema tad-dħul/ħruġ. Barra minn hekk, fuq il-websajt “Europa”, hemm disponibbli din l-informazzjoni:

- riżultati ddettaljati dwar il-konformità ta' l-Istati Membri individwali;

- riżultati fir-reġjuni ta’ barranett tal-Komunità;

- rapporti ta' l-Istati Membri

2. SOMMARJU TAR-RAPPORTI ANNWALI TA’ L-ISTATI MEMBRI

Din is-sena, 12 biss mill-Istati Membri bagħtu r-rapporti fil-ħin; seba’ rapporti waslu bejn ġimgħatejn u xahrejn tard; ir-Renju Unit bagħat ir-rapport tiegħu fil-31 ta’ Ottubru 2007, li kien tard wisq biex il-kontenut tiegħu jiddaħħal fir-rapport. Minkejja dan id-dewmien, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport sommarju lill-kumitati msemmija hawn fuq sal-31 ta’ Lulju 2007. Ta’ min wieħed iżid li, għalkemm l-Istati Membri mxew ma’ l-indikazzjonijet mogħtija lilhom fl-Artikolu 13 tar-Regolament 1438/2003 biex fasslu r-rapporti, il-kwalità ta’ l-informazzjoni li ngħatat mhux dejjem kienet suffiċjenti għall-finijiet ta' dan ir-rapport.

Dan ir-rapport jiġbor fih id-deskrizzjonijiet ta’ l-Istati Membri tal-flotot tas-sajd tagħhom, l-impatt ta’ l-iskemi eżistenti biex jitnaqqsu l-isforzi tas-sajd, il-konformità ta’ l-Istati Membri ma’ l-iskema tad-dħul/ħruġ u l-punti negattivi u dawk pożittivi tas-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tal-flotta.

2.1. Deskrizzjoni tal-flotot fir-rigward tas-sajd

L-Istati Membri taw deskrizzjoni ġenerali tal-flotot tagħhom abbażi ta’ tqassim differenti. Xi wħud żammew is-sistema l-qadima ta’ tqassim MAGP IV; oħrajn użaw kombinazzjonijiet ta’ rkaptu tas-sajd, karatteristiċi tal-bastimenti, speċijiet fil-mira, żoni tas-sajd jew tqassim aktar ġeneriku tal-bastimenti tas-sajd skond it-tip jew attività tagħhom. Ħafna mill-Istati Membri rrappurtaw li l-flotta kostali tas-sajd fuq skala żgħira (li tirrappreżenta aktar minn 80% tal-flotta tas-sajd fil-Komunità) għandha impatt soċjo-ekonomiku sinifikanti fuq il-komunitajiet kostali u għalhekk, jistħoqqilha attenzjoni speċjali. Ir-rapporti ta’ l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja ma kienx fihom valutazzjoni li wieħed jista’ joqgħod fuqha tal-kapaċità tal-flotta fir-rigward tar-riżorsi disponibbli. L-impressjoni ġenerali li toħroġ mir-rapporti ta’ l-Istati Membri hija waħda pjuttost ottimista; skond dawn ir-rapporti, jidher li jeżisti bilanċ bejn il-flotta tal-Komunità u r-riżorsi, għajr f'xi każijiet partikolari. Kif ser jiġi spjegat aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni mhijiex ta’ din il-fehma.

Il-Belġju: Minn studju li sar, irriżulta li fl-2006 kien mixtieq tnaqqis ta’ 10 000 kW mill-flotta. Peress li l-bastimenti tas-sajd li għandhom magni b'potenza ta' aktar minn 221 kW jieħdu l-parti l-kbira tal-kwoti, it-tnaqqis tal-kapaċità minn din it-taqsima tal-flotta jista’ jitqies bħala waħda mill-prijoritajiet. Wara kollox, fl-2006, ġew skrappjati sitt bastimenti mill-flotta ta' bastimenti kbar u tlieta minn dik ta' bastimenti żgħar, li wasslu għal tnaqqis ta' 9% mill-kapaċità tal-flotta. Fi żmien qasir mistenni tnaqqis ieħor b'sa 10% tal-kapaċità tal-flotta.

Id-Danimarka: Intuża mudell ekonomiku biex jiġi kkalkolat in-numru minimu ta’ bastimenti meħtieġ biex tinqabad il-kwota minima permezz ta’ 14-il taqsima tal-flotta mqassmin skond ir-Regolament dwar il-Ġbir tad-Dejta[6]. In-numru ta’ jiem fuq il-baħar għal dawn il-bastimenti kien meqjus bħala l-ogħla wieħed possibbli kull sena. Dan il-mudell wera li fl-istat ta’ stokkijiet attwali, jeżistu livelli differenti ta’ kapaċità żejda f’kull taqsima. Madankollu, f’xi taqsimiet deher li kien hemm nuqqas ta’ kapaċità meta din titqies f’xenarju tal-medda t-twila. Ir-riżultat jiddependi ħafna fuq is-sitwazzjoni attwali tat-TAC/kwoti u n-numru ta’ jiem fuq il-baħar permessi għal kull bastiment.

Il-Ġermanja: Intuża approċċ bijoloġiku kwalitattiv biex jiġi evalwat l-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd skond it-taqsima tal-flotta. Dan l-approċċ intuża biex jiġi evalwat jekk ix-xejra tal-kapaċità f’kull taqsima ta’ flotta kinetx konsistenti max-xejra fl-abbundanza u l-livell ta’ sajd ta’ l-istokkijiet ewlenin ikkonċernati. Matul l-2006, bħal ma ġara fl-2005, it-tnaqqis żgħir li sar mill-kapaċità tal-flotta tal-Ġermanja (5% f’termini ta’ TG, 4% f’termini ta’ kW) inkisbet mingħajr l-għajnuna pubblika.

L-Estonja: Fl-2006, ma ġie introdott ebda pjan multiannwali ta’ ġestjoni jew ta’ rkupru fil-Baħar Baltiku jew fiż-żona ta’ regolamentazzjoni NAFO. Jeħtieġ li l-flotot ta’ l-Estonja jadattaw ruħhom għat-tnaqqis fit-TAC għall-merluzz fil-Baħar Baltiku u għall-pjan ta’ riġenerazzjoni tan-NAFO.

Il-Greċja: Matul l-2006, it-tnaqqis fil-kapaċità baqa’ jiġi ffinanzjat mill-għajnuna pubblika. It-tnaqqis totali tal-kapaċità (1 183 TG u 8 926 kW) seta’ jiġi attribwit kważi kollu għall-għajnuna pubblika. Il-parti l-kbira tal-flotta tas-sajd tal-Greċja hija magħmula minn dgħajjes tas-sajd kostali fuq skala żgħira li jużaw varjetà ta' rkaptu tas-sajd.

Spanja: Spanja baqgħet tuża l-fondi pubbliċi biex tnaqqas il-kapaċità tal-flotta; matul l-2006 ġew skrappjati ftit aktar minn 11 000 TG. Il-flotta titmexxa permezz ta’ taqsimiet separati, bħal ma kienet titmexxa skond il-MAGP IV.

Franza: Il-kapaċità tal-flotta kontinentali ta’ Franza kompliet titnaqqas b’madwar 2% kemm f’termini ta’ tunnellaġġ kif ukoll f’termini ta’ potenza tal magni, bħal ma ġara fl-2005. Ir-rapport jagħti sommarju tal-miżuri ta’ ġestjoni, bħal ma huma t-TAC u l-kwoti, li ttieħdu matul is-sena f’diversi livelli nazzjonali jew internazzjonali.

L-Irlanda: Il-programm ta’ l-2005 għaż-żarmar tal-flotta għall- whitefish baqa’ għaddej fl-2006 ukoll u wassal għat-tnaqqis ta’ 10% minn din it-taqsima tal-flotta. Din l-iskema ser tkompli, biex il-kapaċità titnaqqas b'45%. Ir-rapport jiddiskrivi wkoll ir-ristrutturar tal-flotta pelaġika, li huwa mmexxi mill-industrija.

L-Italja: L-Italja kompliet tnaqqas il-kapaċità tal-flotta tagħha permezz ta’ skrappjar megħjun mill-fondi pubbliċi. Matul l-2006, tneħħew 137 bastiment mill-flotta, li bejniethom jammontaw għal tunnellaġġ ta’ 7 267 TG u 27 016 kW potenza totali tal-magni. Skond ir-rapport Taljan, wara tnaqqis qawwi fis-snin ta’ qabel, il-medja ta’ jiem ta’ sajd laħqet livell stabbli ta' 134 jum, l-istess bħal ma kienet fl-2005.

Ċipru: Bħala parti minn skema ta’ żarmar għall-perjodu 2004-2006, fl-2006 ġew skrappjati ħames bastimenti polivalenti bl-għajnuna pubblika. Fl-2006, inkiseb tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-flotta minħabba li l-akbar bastiment tas-sajd bit-tkarkir ġie esportat lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika. Il-kapaċità ta’ dan il-bastiment kienet tammonta għal madwar terz ta’ dik tal-flotta Ċiprijotta u l-esportazzjoni tiegħu għal 87% tat-tnaqqis totali tal-kapaċità fl-2006, f’termini ta’ TG.

Il-Latvja: Għall-flotta ta’ l-ibħra internazzjonali, l-opportunitajiet tas-sajd huma meqjusa bħala biżżejjed biex jiggarantixxu xogħol għal kulħadd. Fil-flotta tal-Baħar Baltiku (inkluż il-Golf ta’ Riga), l-akbar qabdiet tal-merluzz, laċċa kaħla u aringi saru minn bastimenti ta’ aktar minn 24 metru tul. Aktar minn nofs il-qabda tal-merluzz issir minn bastimenti ta’ bejn l-24 u l-40 metru tul. Għalhekk, dawn il-bastimenti jħallu impatt kbir fuq l-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku.

Il-Litwanja: Fl-2006, tneħħew ħames bastimenti tas-sajd minn fuq ir-reġistru. Fl-istess sena, il-kapaċità li tnaqqset mingħajr l-għajnuna ta’ l-UE ppermettiet id-dħul ta' sitt bastimenti ġodda.

Malta: Il-flotta hija magħmula minn bastimenti full-time u minn oħrajn part-time . Il-flotta topera l-aktar fuq skala żgħira. B'mod ġenerali, ix-xejriet staġjonali tas-sajd, kif ukoll is-sajd innifsu baqgħu l-istess fl-2006 bħal fi snin preċedenti u ma waslet l-ebda indikazzjoni ta' żieda fl-isforz ta' sajd fi kwalunkwe tip ta' sajd. Il-qabdiet tat-tonn baqgħu ferm inqas mill-limitu allokat għal Malta mill-ICCAT.

L-Olanda: Il-kapaċità tal-flotta tal- cutters ma segwitx ix-xejra ta’ l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata li dejjem qed jonqsu. Għall-kumplament tal-flotta, jidher li l-kapaċità attwali qiegħda f'bilanċ ma' l-istokkijiet tal-ħut. Għall-flotta Olandiża, l-2006 kienet sena pjuttost kwieta.

Il-Polonja: Mil-lat ekonomiku, il-merluzz huwa l-aktar ħuta importanti għas-sajjieda Pollakki, għalkemm fil-ħames snin li jmiss, mhux mistenni titjib sinifikanti fil-bijomassa ta’ din l-ispeċi. Il-kapaċità totali tal-flotta Pollakka tnaqqset permezz ta’ l-irtirar permanenti (ta’ bastimenti) bl-għajnuna pubblika: bi 18 840 TG u 54 500 kW, i.e. 39.8% u 36% rispettivament, meta mqabbel ma’ kif kienet il-qagħda fl-1 ta’ Mejju 2004.

Il-Portugall: Matul l-2006, ġie reġistrat tnaqqis konsiderevoli kemm fin-numru ta’ bastimenti tas-sajd kif ukoll fil-kapaċità tas-sajd, hekk kif imqabbel ma’ l-2005. Meta kkunsidrat f’termini ta’ numru ta’ bastimenti (4.4%), dan it-tnaqqis jidher akbar milli meta kkunsidrat f’termini ta’ tunnellaġġ gross (0.72%) jew potenza tal-magni (0.2%).

Is-Slovenja: Fl-2006, il-flotta tas-sajd kienet miżgħuda bi problemi strutturali persistenti, notevolment, minħabba li kienet inadegwata u kien għadda żmiena, u minħabba n-natura staġjonali tas-sajd u l-probabbiltà għolja li l-istokkijiet tas-sajd ikomplu jonqsu. Barra minn hekk, l-attivitajiet tas-sajd jintlaqtu wkoll mid-daqs żgħir taż-żona tas-sajd li testendi għal madwar ftit aktar minn 180 km².

Il-Finlandja: Fl-2006, għajr għal taqsima waħda, in-numru ta’ bastimenti u l-kapaċità tal-flotta Finlandiża naqsu fit-taqsimiet kolla. Meta mqabbel mal-livelli fl-1 ta' Jannar 2003, jirriżulta tnaqqis ta’ 17% f'termini ta' TG u ta' 11% f'termini ta' kW.

L-Iżvezja: Madwar 40% tal-ħatt l-art fl-Iżvezja ġie reġistrat fil-kosta tal-lvant, iżda f’termini ta’ valur, 60% mill-ħatt l-art kien reġistrat fil-kosta tal-punent, madwar 30% fil-kosta tan-nofsinhar u 10% fil-kosta tal-lvant. Il-biċċa l-kbira tal-valur tal-ħatt l-art jiġi mill-bastimenti ta’ aktar minn 24 metru tul li jintużaw għas-sajd pelaġiku bix-xbieki tat-tkarkir, minn dawk ta’ aktar minn 12-il metru tul u li jintużaw għas-sajd demersali u mill-bastimenti tas-sajd ta’ tul inqas minn 12-il metru li jistadu b’irkaptu passiv.

2.2. L-impatt ta’ l-iskemi tat-tnaqqis fl-isforz fuq il-kapaċità

L-Istati Membri rrappurtaw diversi miżuri ta’ rkupru u skemi tat-tnaqqis fl-isforz li kienu applikabbli fl-2006. B’mod partikolari, dawn kienu jikkonċernaw is-sajd f’Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana u Skagerrak, fil-Punent ta’ l-Iskozja, fil-Lvant tal-Kanal, fil-Baħar Irlandiż, fil-Bajja ta’ Biscay, fil-Baħar Kantabriju u l-Punent ta' l-Iberja u l-Baħar Baltiku. Fil-parti l-kbira tagħhom, ir-rapporti ta’ l-Istati Membri ma jindikawx b’mod ċar biżżejjed jekk l-iskemi tat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd kinux jew ikunux għodda effettiva biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità u r-riżorsi. Il-fehma tal-Kummissjoni hi li r-riżultati ġenerali f’termini ta’ daqs tal-flotta għadhom ħżiena u jeħtieġu aktar sforzi.

Il-Belġju: Il-flotta tas-sajd kienet soġġetta għall-iskema ta’ l-Anness II[7] u għar-reġim ta’ l-Ilmijiet tal-Punent. In-numru totali ta' jiem fuq il-baħar għall-flotta kollha kemm hi ma nqabiżx, għaliex ċerti bastimenti ma użawx il-jiem kollha li kienu ġew allokati lilhom. Minkejja dan it-tnaqqis fil-jiem fuq il-baħar, il-qbid u ħatt l-art ma kienx anqas mill-kwoti disponibbli. L-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli għall-arzell kważi kollha intużaw. Madankollu, fiż-żona VIII ta’ l-ICES, l-allokazzjoni għall-isforzi tas-sajd ma kinetx biżżejjed u kien meħtieġ skambju sostanzjali ta’ kwoti ma’ l-Olanda.

Id-Danimarka: Bħala parti mill-pjan għall-irkupru tal-merluzz, u b’konformità ma’ l-Anness II, in-numru ta’ bastimenti naqas b’149. Dan ammonta għal 3 676 TG jew 4% tal-kapaċità totali. Matul l-2006, 652 bastimenti kienu qed jistadu b’irkaptu li huwa kopert mir-Regolamentazzjoni dwar il-jiem fuq il-Baħar, li meta mqabbel mas-697 li ntużaw fl-2005 jirriżulta fi tnaqqis ta’ 6%. Fl-2006 intużaw 61 062 jiem fuq il-baħar, li meta mqabbel mal-71 701 fl-2005 juri tnaqqis ta’ 15%. F’termini ta’ ġranet kW, dan kien tnaqqis ta’ 15%.

Il-Ġermanja: Bħal ma ġara fl-2005, l-iskemi tat-tnaqqis fl-isforz ftit li xejn ħallew impatt fuq il-flotta, speċjalment fil-Baħar Baltiku. Dan l-impatt ma ġiex kwantifikat.

L-Estonja: Matul l-2005 u l-2006, il-kapaċità tal-flotta tnaqqset bi 17%. Fl-2006, l-attivitajiet għall-immodernizzar tal-bastimenti żdiedu, għalkemm ma jidher li kien hemm ebda żieda ta’ pressjoni fuq ir-riżorsi tas-sajd.

Il-Greċja: L-għoti ta’ liċenzji tas-sajd professjonali f’każijiet ta’ tiġdid tal-flotta biss, għamel il-kapaċità tas-sajd stabbli. Ġew introdotti diversi miżuri nazzjonali għall-ġestjoni ta’ l-isforz tas-sajd, bħal-limitazzjonijiet fuq it-tipi u speċifikazzjonijiet tal-bastimenti u rkaptu tas-sajd, projbizzjoni ta’ sajd f’ċerti perjodi u ta’ ċertu irkaptu tas-sajd, u l-impożizzjoni ta’ distanzi u fond minimi li fihom ikun permess is-sajd.

Spanja: Il-flotta intlaqtet minn miżuri tat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond u għall-marlozz tan-nofsinhar u ghan- nephrops (Anness IIB). Ġew adottati pjanijiet ta’ ġestjoni fil-livell nazzjonali għall-Mediterran, għall-Golf ta’ Cadiz u għall-Ilmijiet tal-gżejjer Kanarji. Madankollu, ir-rapport ma jispjegax kemm it-tnaqqis permanenti fil-kapaċità, bl-għajnuna pubblika, ta’ madwar 100 bastiment jew 12000 TG, huwa marbut ma’ dawn il-miżuri ta’ tnaqqis fl-isforz.

Franza: Fl-2006, it-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta bl-għajnuna pubblika kien jammonta għal 85 bastiment jew 6 162 TG, fil-parti l-kbira tagħhom bħala konsegwenza ta’ miżuri għat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd għall–merluzz, marlozz u lingwata. Il-flotta ta’ bastimenti tas-sajd bit-tkarkir li topera fl-ilmijiet Mediterranji tnaqqset b’21 bastiment jew 1 800 TG, iżda mhux ċar jekk dan kienx riżultat tat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd.

L-Irlanda: In-natura tas-sajd li jaqa’ fl-ambitu tal-pjanijiet għall-irkupru ta’ l-istokkijiet (iż-żoni VIa u VIIa ta’ l-ICES) tvarja ħafna. Għalhekk, diffiċli li jitkejjel l-impatt tat-tnaqqis fl-isforz. Skond ir-reġim ta’ l-Ilmijiet tal-Punent, l-iskema ta’ żarmar ta’ bastimenti tas-sajd għall-arzell fl-2005 wasslet għal bilanċ aħjar bejn il-kapaċità u l-allokazzjoni disponibbli għall-isforz.

L-Italja: Għall-flotta Taljana, għalkemm ma hemm ebda skema ta’ ġestjoni ta’ l-isforz tas-sajd mandatorja, l-Italja rrappurtat tnaqqis gradwali fl-isforz tas-sajd, kemm f’termini ta’ kapaċità kif ukoll ta’ attività, li wassal għal żieda fil-qbid għal kull unità ta’ sforz. Ix-xejra partikolarment pożittiva fil-ħatt l-art għal kull bastiment hija marbuta mat-tkabbir, li proporzjonalment kien ferm ogħla għad-dħul ta' kull bastiment, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni.

Ċipru: Għas-sajd minn Ċipru, ma tapplika ebda skema ta’ tnaqqis fl-isforz. Għaldaqstant, l-iskema ta’ żarmar imsemmija qabel ma hijiex riżultat tal-limitazzjonijiet ta’ l-isforzi tas-sajd introdotti mill-ġestjoni tas-sajd.

Il-Latvja: L-unika skema tat-tnaqqis fl-isforzi tas-sajd applikabbli fl-2006 kien programm ta' żarmar iffinanzjat mill-għajnuna pubblika permezz tal-FIFG ( Financial Instrument for Fisheries Guidance ). Mill-1 ta’ Mejju 2004, meta ġiet applikata l-iskema ta’ l-iskrappjar, tnaqqsu 59 bastiment mill-flotta, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu jistadu għall-merluzz fil-Baħar Baltiku. Il-Latvja qed tippjana li tkompli tnaqqas il-kapaċità tal-flotta tas-sajd tagħha billi tiskrappja madwar 133 bastiment fil-ftit snin li jmiss.

Il-Litwanja: Sabiex jibbilanċjaw l-isforz tas-sajd u jqabblu l-kapaċità tas-sajd ma’ l-istokkijiet disponibbli tal-ħut, l-awtoritajiet komplew bl-irtirar permanenti ta’ ċerti bastimenti tas-sajd mill-attività.

Malta: Matul l-2006, tliet bastimenti tas-sajd waqfu u l-isforz tas-sajd tagħhom ma ġiex sostitwit. Madankollu, l-impatt fuq il-kapaċità globali tas-sajd kien wieħed minimu.

L-Olanda: Il-flotta hija soġġetta għal-limitazzjoni ta’ “jiem fuq il-baħar” fil-Baħar tat-Tramuntana (ir-reġim ta’ l-Anness II). Meta mqabbel ma l-2005, in-numru tal-jiem ta’ sajd tnaqqas bi 8%. Meta implimentat l-Anness IIA, l-Olanda għażlet li tapplika l-aktar flessibbiltà possibbli fi ħdan il-limiti tar-regoli: Kienu permessi t-trasferimenti ta’ jiem bejn il-bastimenti u t-trasferimenti bejn il-perjodi ta’ ġestjoni.

Il-Polonja: Fl-2006, b’konsegwenza tal-programm għat-tnaqqis ta’ l-isforzi tas-sajd, il-jiem tas-sajd użati mill-flotta Baltika naqas b’sa 36% meta mqabbel ma’ l-2004 u bi kważi 70% fil-każ tal- cutters ta’ 24-25 metru tul. Fil-perjodu bejn l-2004 u l-2006, in-numru ta’ jiem użati mill-bastimenti għas-sajd tal-merluzz naqas b’madwar 30%.

Il-Portugall: Il-pjan għall-irkupru tal-marlozz u n- nephrops (Anness IIB għar-Regolament tat-TAC) ma wassal għal ebda tnaqqis ieħor fil-kapaċità tal-flotta li tistad għal dawn l-ispeċijiet. B’konsegwenza tal-pjan għall-irkupru tal-Ħalibatt ta’ Greenland (NAFO), in-numru ta’ liċenzji tnaqqas iżda, peress li l-bastimenti ġew trasferiti għal sajd ieħor, ma kienx hemm ħtieġa għal tnaqqis fil-kapaċità. Ir-restrizzjonijiet fuq is-sajd għas-sardin baqgħu jgħoddu, b'applikazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru ta’ dawn l-istokkijiet.

Is-Slovenja: Il-flotta tas-sajd ma tibbilanċjax bl-eżatt ir-riżorsi disponibbli għas-sajd fl-ilmijiet territorjali, fejn isir il-biċċa l-kbira tas-sajd mill-flotta.

Il-Finlandja: F’dawn l-aħħar snin, id-daqs tal-flotta tas-sajd naqas gradwalment. Matul il-perjodu 2004-2006, minħabba l-kapaċità żejda fis-sajd għall-aringi u l-laċċa kaħla, u wara l-projbizzjoni fuq l-għeżula tal-mitlaq fil-Baħar Baltiku u d-Digriet dwar is-Salamun li jirregola s-sajd tas-salamun, ġiet implimentata skema speċjali ta’ żarmar. Ġiet irtirata kapaċità totali ta’ 1,378 TG u 6,025 kW bl-għajnuna pubblika. Globalment, l-isforz totali tal-flotta juri li qed jiżdied, anke jekk f’dawn l-aħħar snin naqset il-kapaċità tal-flotta.

L-Iżvezja: Il-flotta hija koperta mill-Anness IIA u l-isforz tas-sajd, b'konsegwenza ta' TACs iżgħar u inqas jiem fuq il-baħar, tnaqqas gradwalment. Ir-regoli nazzjonali li jrażżnu s-sajd kostali u l-introduzzjoni obbligatorja ta’ xbieki tat-tkarkir li jagħżlu l-ħut skond id-daqs komplew inaqqsu l-isforz tas-sajd. In-numru ta’ jiem permessi fuq il-baħar għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku naqas, u dan wassal għal tnaqqis fl-isforz tas-sajd. Fl-2006, in-numru ta’ sajjieda bl-għeżula tal-mitlaq naqas minn 53 għal 35 u dawn is-sajjieda, għal xi żmien, kienu offruti aktar għajnuna biex jiskrappaw il-bastimenti tagħhom. Madankollu, fl-2006, ġew skrappjati żewġ bastimenti biss.

2.3. Konformità ma’ l-iskema tad-dħul/ħruġ u mal-livelli ta’ referenza

Skond id-dejta fir-reġistru CFR disponibbli fit-23 ta’ Ottubru 2006, fi tmiem l-2006, kważi l-Istati Membri kollha kienu qed joperaw fi ħdan il-limitu massimu tal-kapaċità tal-flotta. Għalkemm kien hemm xi Stati Membri li qabżu il-limiti tad-dħul/ħruġ fl-2006, kif kien ġara fi snin ta' qabel (ara t-taqsima 3.1), ix-xejra globali fil-kapaċità tal-flotta ta' l-UE turi tnaqqis kostanti. L-Istati Membri kkonċernati kollha kienu konformi mal-livelli ta’ referenza għal-flotta ta’ l-art kontinentali.

2.4. Il-punti pożittivi u dawk negattivi tas-sistemi tal-ġestjoni tal-flotta

L-aktar punt pożittiv enfasizzat mill-Istati Membri huwa li l-iskema tad-dħul-ħruġ u l-limiti massimi tal-kapaċità tal-flotta ġew rispettati mill-qrib mill-ġestjonijiet tas-sajd nazzjonali. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri stqarrew li l-iskema attwali għat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd għenet sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn l-isforz tas-sajd u r-riżorsi disponibbli. Naturalment, it-tnaqqis fil-kapaċità tas-sajd wassal għal tnaqqis fil-pressjoni tas-sajd. Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri enfasizzaw ukoll l-importanza tad-diversi pjanijiet ta’ ġestjoni u rkupru implimentati, li jinkludu l-ġestjoni aqwa tal-liċenzji tas-sajd u s-segwiment bil-għaqal ta’ l-allokazzjonijiet tal-kwoti.

Sa tmiem l-2006, il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri kellhom sistemi ta’ l-IT komprensivi u integrati għall-ġestjoni tas-sajd, magħmula minn diversi subapplikazzjonijiet ta’ software , bħal ma huma r-reġistru tal-flotta, liċenzji, ġurnali ta’ abbord, dokumenti tal-ħatt l-art, noti tal-bejgħ, VMSs, kwoti, rapporti dwar il-qbid, eċċ. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn is-sistemi ta’ IT joħolqu rabta bejn id-diversi korpi amministrattivi, kif ukoll bejn il-korpi amministrattivi ċentrali u dawk lokali, u b’hekk saħħew konsiderevolment l-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-flotta tas-sajd.

Minkejja dan, xi Stati Membri enfasizzaw li xorta għad fadal xi diffikultajiet fir-rigward tal-kapaċità umana u r-riżorsi disponibbli għall-ġestjoni tal-flotta tas-sajd. Barra minn hekk, xi Stati Membri rrikonoxxew li meħtieġ titjib fil-ġestjoni u l-għajnuna għas-sajd fuq skala żgħira.

3. KONFORMITÀ MAR-REGOLI GħALL-ġESTJONI TAL-KAPAċITÀ TAS-SAJD RIżULTATI GLOBALI

3.1. Riżultati għall-flotta ta’ l-art kontinentali (minbarra bastimenti reġistrati fir-reġjuni ta’ barranett)

Skond ir-reġistru CFR, matul il-perjodu ta’ erba’ snin 2003-2006, il-kapaċità globali tal-flotta tal-Komunità tnaqqset b’ 217 000 TG u 773 000kW, li jfisser tnaqqis nett ta’ madwar 10%. Il-kontribut tal-“flotta ta’ l-UE 15” għal dan it-tnaqqis kien ta’ 167 000 TG u 645 000 kW, filwaqt li l-“flotta ta’ l-UE 10” irtirat 51 000 TG u 128 000 kW. Relattivament, it-tnaqqis tal-“flotta ta’ l-UE 10” mid-data ta’ l-adeżjoni ’l hawn kien akbar mit-tnaqqis tal-“flotta ta’ l-UE 15” matul il-perjodu 2003-2006 (23% mqabbel ma’ 9%, kemm f’termini ta’ tunnellaġġ kif ukoll f’termini ta’ potenza tal-magni).

Matul il-perjodu ta’ erba’ snin 2003-2006, madwar 173 000 TG u 560 000 kW mill-flotta ta’ l-UE (għajr għar-reġjuni ta' barranett) ġew irtirati bl-għajnuna pubblika, li minnhom, 40 000 TG u 127 000 kW ġew irtirati fl-2006.

F’sens ġenerali, it-tnaqqis nett mill-flotta tal-KE jidher li għadu mhux biżżejjed, meta wieħed iqis it-titjib teknoloġiku kostanti li jinnewtralizza l-effetti tat-tnaqqis tal-kapaċità u l-qagħda fqira tal-parti l-kbira tas-setturi tas-sajd Komunitarji, partikolarment għall-ispeċijiet demersali, li jeħtieġu tnaqqis drastiku mill-isforz tas-sajd.

It-Tabelli 1 u 2 fl-anness ta’ dan ir-rapport jindikaw il-konformità ta’ l-Istati Membri ma’ l-iskema tad-dħul/ħruġ u l-livelli ta’ referenza fil-31 ta’ Diċembru 2006. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri qablu ma' dawn ir-regoli. Madankollu, skond id-dejta tar-reġistru CFR, Spanja qabżet il-limitu tagħha tad-dħul/ħruġ b’1.66%, anke jekk iċ-ċifri li ngħataw fir-rapport annwali Spanjol jindikaw li l-flotta Spanjola kienet konformi mal-limiti ta’ tunnellaġġ. Il-flotta Franċiża qabżet il-limitu ta’ tunnellaġġ tagħha b’0.21%.

Dejta aktar dettaljata (tabelli u grafika) dwar ix-xejriet fil-kapaċità tal-flotot ta’ l-Istati Membri huma disponibbli fuq il-websajt Europa[8]. Permezz ta’ din id-dejta wieħed jista’ jivverifika l-konformità ta’ l-Istati Membri mal-limiti ta’ kapaċità fi kwalunkwe żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006. Din id-dejta tindika li matul dan il-perjodu ta’ referenza, it-TG ta’ Franza u l-Italja kien ogħla mill-limitu. Tindika ukoll li d-Danimarka u l-Greċja qabżu l-limiti ta’ potenza tal-magni bi ftit.

F’Lulju 2007, il-Kunsill adotta emenda għad-dispożizzjonijiet tal-ġestjoni tal-flotta li tippermetti lill-Istati Membri, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, jallokaw mill-ġdid 4% tal-kapaċità li tkun ġiet skrappjata bl-għajnuna pubblika sabiex jiżdiedu s-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodott. Din l-emenda tinkludi wkoll il-possibbiltà li jiġu allokati mill-ġdid, għall-istess għan ta’ titjib imsemmi qabel, 4% tal-medja annwali ta’ tunnellaġġ irtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li kienu jagħmlu parti mill-Komunità fl-1 ta' Jannar 2003, u bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006 għal dawk l-Istati li saru Membri tal-Komunità fl-1 ta’ Mejju 2004. Fiż-żmien li tfassal dan ir-rapport, il-Kummissjoni ppreparat ir-regoli li jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, fil-forma ta' emenda għar-Regolament tal-Kummissjoni 1438/2003.

3.2. Ir-riżultati għall-flotot reġistrati fir-reġjuni ta’ barranett

Il-kapaċità tal-flotot reġistrati fir-reġjuni ta’ barranett u l-varjazzjoni tagħha bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006 jidhru fit-Tabella 4 ta’ l-Anness ta’ dan ir-Rapport. Ir-riżultati juru li l-flotta rreġistrata fir-reġjuni ta' barranett ta’ Spanja u tal-Portugall tnaqqset ferm kemm f'termini ta' tunnellaġġ kif ukoll f'termini ta' qawwa. Fid-dipartimenti Franċiżi lil hinn mill-Ewropa kien hemm tnaqqis żgħir fin-numru totali ta' bastimenti, tnaqqis fit-tunnellaġġ u żieda fil-qawwa.

Fi tmiem l-2006, bħal ma ġara fi snin ta’ qabel, tlieta mis-17-il taqsima tar-reġjuni ta’ barranett kellhom livelli ogħla mil-livell ta’ referenza. It-taqsima 4FJ (bastimenti ta’ anqas minn 12-il metru tul) tad-dipartiment Franċiż li jirrigwarda l-gżira Martinique qabżet il-livell ta’ referenza għall-qawwa b’5 622 kW. Il-qagħda fit-taqsima 4K9 għall-gżejjer Azores kienet l-istess, fejn il-livell ta’ referenza nqabeż b’138 kW. It-taqsima CA3 (bastimenti ta’ aktar minn 12-il metru tul, reġistrati fil-Gzejjer Kanarji u li jistadu f’ilmijiet internazzjonali u ta’ pajjiżi terzi) qabżet il-livell ta’ referenza tagħha għat-tunnellaġġ b’795 TG.

4. KONKLUżJONIJIET MILL-KUMMISSJONI

Minn meta ġie ppreżentat l-ewwel rapport, li kien ikopri s-sena 2003, il-kwalità tar-rapporti ta’ l-Istati Membri tjiebet b’mod kostanti. Madankollu, bħal ma ġara fis-snin ta’ qabel, il-biċċa l-kbira tar-rapporti ta’ l-Istati Membri ma ddeskrivewx il-flotot tagħhom f’relazzjoni mas-sajd, kif jitlob l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1438/2003 b’mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tanalizza l-isforzi li saru biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta tas-sajd u l-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli, kif stipulat mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Minflok, l-Istati Membri enfasizzaw is-sistemi tal-ġestjoni tal-flotta nazzjonali implimentati u x-xejriet fil-kapaċità tal-flotta fir-rigward ta’ l-iskema tad-dħul/ħruġ.

Il-partijiet kollha involuti (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-kumitat STECF u l-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew) jaqblu li l-kwalità tar-rapporti annwali ta’ l-Istati Membri għandhom jitjiebu, li jimplika l-ħtieġa li dawn l-Istati Membri jingħatawlhom linji ta’ gwida aktar iddettaljati. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni laqqgħet, ad hoc , grupp ta’ ħidma fi ħdan il-kumitat STECF biex ifassal metodu armonizzat li jevalwa l-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet ta' sajd disponibbli. Dan il-grupp iltaqa’ fi tmiem Ottubru 2007 u fil-bidu ta’ l-2008 mistenni li ssir laqgħa ta’ segwitu. Din il-kwistjoni ser tibqa’ fuq l-aġenda tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura.

Matul l-2006, il-kapaċità tas-sajd tal-flotta ta’ l-UE kompliet bir-rata tagħha ta’ tnaqqis bil-mod u kostanti ta’ bejn 2% u 3%. Il-Figuri 3 sa 5 ta’ l-anness juru li din kienet ix-xejra ġenerali f’dawn l-aħħar 15-il sena. Dan it-tnaqqis jidher modest wisq meta mqabbel mat-tnaqqis kbir fl-isforz meħtieġ għal xi stokkijiet ta’ ħut kbar, it-titjib kostanti fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ekonomika fqira tal-parti l-kbira tal-flotot.

F’sens ġenerali, il-miżuri ta’ l-isforz tas-sajd ftit ħallew impatt fuq it-tnaqqis tal-kapaċità. Dan ifisser li l-approċċ adottat matul ir-riforma tal-PKS, jiġifieri li l-ġestjoni ta’ l-isforz tas-sajd tintuża bħala l-għodda ewlenija biex tiġi aġġustata l-flotta, ma tax ir-riżultati mistennija. Sa ċertu punt, dan kien dovut għall-assenza ta’ sistemi ta’ ġestjoni ta’ l-isforz f’diversi setturi tas-sajd jew għan-nuqqas ta’ effiċjenza ta’ dawk eżistenti (l-Anness II, l-Ilmijiet tal-Punent, is-sajd fil-baħar fond, xi skemi nazzjonali, eċċ.). Hawnhekk, il-PKS għandha ħafna fejn tista’ titjieb u għal dan il-għan diġà qed jiġu kkunsidrati proposti għall-futur. Iżda, punt ieħor li għandu jiġi enfasizzat huwa li l-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi aħjar għall-aġġustament tal-kapaċità. Il-programmi operattivi għall-perjodu 2007-2013 fil-kuntest tal-Fond Ewropew tas-Sajd joffru opportunità li ma għandhiex tintilef biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn flotta Komunitarja aktar effiċjenti f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (ĠU L 358, tal-31 ta' Diċembru 2002, pp. 59–80).

[2] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003 (ĠU L 204 tat-12 ta’ Awwissu 2003, pp. 21-28).

[3] http://ec.europa.eu/fisheries/fleet/index.cfm?method=FM_Reporting.AnnualReport.

[4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 (ĠU L 5 tad-9 ta’ Jannar 2004, pp. 25-35).

[5] Skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (PKS) adottata f’Diċembru 2002, il-flotot tas-sajd jitmexxew skond ir-regola ġenerali li kapaċità ġdida, imfissra f’tunnellaġġ u qawwa, li tiddaħħal fil-flotta ma tistax tkun ogħla minn dik li tneħħiet minnha.

[6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1639/2001 (ĠU L 222 tas-17 ta’ Awwissu 2001, pp. 53-115).

[7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 51/2006 (ĠU L 1, ta’ l-20 ta' Jannar 2006, pp. 1-183).

[8] http://ec.europa.eu/fisheries/fleet/index.cfm?method=FM_Reporting.AnnualReport.