52007DC0801

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill /* KUMM/2007/0801 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.12.2007

KUMM(2007) 801 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

SOMMARJU EŻEKUTTIV

L-istatistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni (statistika ta' l-STI - Science, Technology and Innovation) hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1608/2003/KE. B'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, din id-Deċiżjoni ġiet implimentata mill-Eurostat taħt forma ta' miżuri leġiżlattivi min-naħa waħda u bħala xogħol addizzjonali li jmur lilhinn minn hekk min-naħa l-oħra.

Żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni marbuta ma' l-istatistika ta' l-STI (Nru. 753/2004 u Nru. 1450/2004) ġew adottati fl-2004. Dawn għandhom x'jaqsmu ma' l-istatistika dwar ix-xjenza u t-teknoloġija min-naħa waħda u l-istatistika dwar l-innovazzjoni min-naħa l-oħra. Dawn iż-żewġ miżuri leġiżlattivi wasslu għal titjib konsiderevoli ta' l-istatistika dwar l-R&D (Research & Development) u l-istatistika dwar l-innovazzjoni tal-Komunità. Sar aktar progress fuq l-istatistika dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi ta' dottorat (statistika CDH), l-istatistika dwar it-teknoloġija għolja u l-istatistika dwar il-brevetti. L-istatistika u l-indikaturi pprovduti ntużaw f'bosta pubblikazzjonijiet u dokumenti ta' strateġija politika (p.eż. fit-Tabella ta' Tqabbil dwar l-Innovazzjoni fl-Ewropa). Il-miżuri tal-Komunità wasslu wkoll għal adattamenti tas-sistemi ta' statistika nazzjonali dwar l-istatistika ta' l-STI.

Iż-żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni tejbu wkoll il-kwalità tad- data ta' l-istatistika ta' l-STI b'mod konsiderevoli. Dan huwa partikolarment veru għall-istatistika dwar l-R&D u l-istatistika dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità. Aktar titjib fil-kwalità tad- data huwa madankollu meħtieġ.

Sar l-ewwel tentattiv ta' kejl ta' l-ispejjeż u l-piż ta' l-istatistika ta' l-STI fuq min iwieġeb u l-awtoritajiet nazzjonali. Ġew irrappurtati riżultati eteroġenei mill-pajjiżi. Għaldaqstant ma jistgħux isiru konklużjonijiet ċari għalissa. Ix-xogħol jeħtieġ li jibqa' sejjer.

Aktar żvilupp ta' l-istatistika ta' l-STI huwa min-naħa meħtieġ f'dak li għandu x'jaqsam mat-titjib li jrid isir fl-oqsma ta' l-istatistika preżenti. Il-progress għandu pereżempju jinkiseb fiż-żieda tar-rilevanza ta' l-istatistika ta' l-R&D, fir-reviżjoni tal-kunċetti u d-definizzjonijiet ta' l-istatistika ta' l-HRST, fl-istabilizzazzjoni ta' l-istatistika tas-CDH, fl-użu aħjar tad- database mhux ipproċessata ta' l-istatistika tal-brevetti l-PATSTAT jew fir-reviżjoni tad-definizzjonijiet ta' l-istatistika dwar it-teknoloġija għolja.

Aktar fuq medda ta' żmien medja milli fuq medda twila, jidher li jeħtieġ li jkun hemm aktar azzjonijiet bħat-titjib fil-kejl ta' l-internazzjonalizzazzjoni ta' l-STI, aċċess aħjar għall-mikrodata ta' l-STI jew it-titjib ta' l-indikaturi li jkejlu l-flussi ta' l-għarfien, ir-rabtiet, l- output u l-impatt ta' l-STI. Dan għandu wkoll jimxi id f'id mar-reviżjoni ġenerali taż-żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq kif ukoll maż-żieda ta' Regolament tal-Kummissjoni addizzjonali dwar l-istatistika tas-CDH.

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1. DAħlA

Dan ir-Rapport mill-Kummissjoni jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp ta' l-istatistika tal-Komunità dwar ix-xjenza u t-teknoloġija kif meħtieġ[1] bl-Artikolu 5 ta' l-istess Deċiżjoni.

Fl-Istrateġija ta' Politika Annwali tal-Kummissjoni għall-2008, l-istatistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni ("Statistika ta' l-STI") hija marbuta mill-qrib ma' l-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjieg u għall-prosperità li fihom l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom pożizzjoni importanti.

L-ewwel parti ta' dan ir-rapport tiffoka fuq l-implimentazzoni minn meta d-Deċiżjoni ġiet adottata. Wara dan jiġu l-kapitoli dwar il-kwalità tad- data , l-ispejjeż u l-piż statistiku. L-aħħar kapitolu tar-rapport iħares 'il quddiem lejn l-azzjonijiet strateġiċi li għandhom jittieħdu fis-snin li ġejjin.

2. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE

2.1. L-implementazzjoni mill-Kummissjoni

Id-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE ġiet implimentata mill-Eurostat taħt forma ta' miżuri leġiżlattivi min-naħa waħda u bħala xogħol addizzjonali li jmur lilhinn minn hekk min-naħa l-oħra.

Żewġ Regolamenti tal-Kummissjoni marbuta ma' l-istatistika ta' l-STI ġew adottati fl-2004:

- Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2004 tat-22 ta' April 2004 li jimplimenta d-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-istatistika dwar ix-xjenza u t-teknoloġija[2]; kif ukoll

- ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1450/2004 tat-13 ta' Awissu 2004 li jimplimenta d-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp ta' l-istatistika Komunitarja dwar l-innovazzjoni[3];

Ir-Regolament Nru 753/2004 ikopri l-istatistika ta' l-R&D, l-istatistika dwar riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija ("l-statistika HRST"), l-istatistika dwar l-industriji ta' teknoloġija għolja u s-servizzi bbażati fuq l-għarfien, l-istatistika dwar il-brevetti u statistika oħra ta' l-STI. Id- data preċiża meħtieġa hija elenkata għall-istatistika ta' l-R&D biss. Ir-Regolament Nru 1450/2004 ikopri l-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità biss.

Skond dawn iż-żewġ Regolamenti l-kisbiet ewlenin fl-oqsma varji ta' l-istatistika ta' l-STI kienu:

2.1.1 L-statistika ta' l-R&D (inkluża l-Istatistika dwar l-approprjazzjonijiet jew infiq ta' baġit tal-Gvern allokati għall-R&D, l-istatistika Gbaord)

L-istatistika ta' l-R&D tkejjel ir-rendiment ta' l-R&D fl-Ewropa. In-nefqa ta' l-R&D u l-personal ta' l-R&D mill-perspettiva ta' l-impriża jew istituzzjoni li twettaq attivitajiet ta' R&D huma kkompilati f'bosta dimensjonijiet u analiżijiet. Din l-istatistika hija bbażata fuq l-hekk imsejjaħ Manwal ta' Frascati u tintuża biex jiġi kkompilat l-Indikatur tal-Kunsill ta' Liżbona u Barċellona ta' 3% dwar l-intensità ta' l-R&D.

Figura 1: Intensità ta' l-R&D (Nefqa ta' l-R&D bħala % tal-PGD), UE-25, 10 Stati Membri Ġodda (SMĠ 10), iċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Russja u l-Istati Uniti 1994 sa 2005

[pic]

[pic]

Kisbiet ewlenin:

- Riorganizzazzjoni u żieda ta' produzzjoni ta' data u kwalità ta' data

- Armonizzazzjoni tal-kwestjonarju dwar il-ġbir tad- data u s-serje ta' intervalli ta' żmien ma' l-OECD

- Twaqqif u implimentazzjoni ta' rapporti dwar il-kwalità ta' l-istatistika ta' l-R&D għal bosta setturi istituzzjonali.

2.1.2. Statistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità

L-istħarriġiet dwar l-innovazzjoni fil-Komunità jkejlu r-rendiment ta' l-impriżi fl-innovazzjoni fl-Ewropa. Jipprovdu indikaturi dwar attivitajiet ta' innovazzjoni, it-tipi differenti ta' innovazzjoni, in-nefqa fuq l-innovazzjoni, l-effetti tal-kooperazzjoni fl-innovazzjoni. Dawn l-istħarriġiet huma l-uniku sors armonizzat għall-kejl ta' l-innovazzjoni fl-Ewropa u lilhinn. Huma bbażati fuq l-hekk imsejjeħ Manwal ta' Oslo.

[pic]

Sors: Eurostat Statistika dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità 2004

Kisbiet ewlenin:

- Tħejjija tar-raba' Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità bi kwestjonarju u metodoloġija armonizzati ta' stħarriġ, implimentat b'mod wiesa' fil-pajjiżi kkonċernati.

- Ġbir u tixrid ta' data u indikaturi skedati tas-CIS 4 fi tmiem l-2006, flimkien mar-rapporti dwar il-kwalità tas-CIS 4.

- Pubblikazzjoni tal-Manwal ta' Oslo 2005 ta' l-Eurostat/OECD li jkopri wkoll l-innovazzjoni organizzattiva u ta' tqegħid fis-suq.

- Tħejjija tas-CIS 2006, ibbażat fuq is-sena ta' referenza 2006, li huwa ripetizzjoni tas-CIS 4 f'ħafna Stati Membri u tħejjija u implimentazzjoni ta' moduli pilota dwar l-innovazzjoni organizzattiva u ta' tqegħid fis-suq bil-ħsieb ta' CIS 2008.

- Ftuħ ta' aċċess għall- mikrodata tas-CIS għal aktar minn 50 istitut ta' riċerka s'issa.

2.1.3 Statistika dwar ir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija ("Statistika HRST")

L-istatistika ta' l-HRST tkejjel il-parti tal-forza tax-xogħol li għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija jew li huma impjegati f'xogħol fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. Bosta dimensjonijiet differenti ta' din il-parti tal-forza tax-xogħol huma sorveljati (bħas-settur ta' impjieg tagħhom, l-età jew il-mobilità nazzjonali u internazzjonali). Din l-istatistika hija bbażata fuq l-hekk imsejjeħ Manwal ta' Canberra.

Figura 3: Piramida ta' l-età tal-persuni impjegati fix-Xjenza u t-Teknoloġija (S&T) b'edukazzjoni S&T u tat-total ta' persuni impjegati fl-UE-25,2004

[pic]

Sors: Eurostat Statistica HRST

Kisbiet ewlenin:

- It-tkomplija tal-produzzjoni regolari ta' l-istatistika HRST ibbażata fuq il- mikrodata mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Komunità (Community Labour Force Survey - CLFS) u tkabbir biex ikun hemm kejl aħjar ta' l-affarijiet li jirrigwardaw il-mobilità.

- Flimkien ma' l-OECD u l-Istitut għall-Istatistika (Institute for Statistics - UIS) ta' l-UNESCO u fuq il-bażi tal-ħtiġijiet kbar ta' l-utent, it-tħejjija u l-implimentazzjoni usa' ta' "l-istatistika dwar il-karrieri tad-detenturi ta' dottorat" ("Statistika CDH"), il-monitoraġġ tad-detenturi ta' dottorat residenti, inklużi il-karatteristiċi personali tagħhom, il-perkors edukattiv u professjonali tagħhom, il-mobilità internazzjonali, eċċ.

2.1.4 Statistika dwar l-industriji ta' teknoloġija għolja u s-servizzi msejsa fuq il-għarfien ("Statistika dwar Teknoloġija Għolja")

L-istatistika dwar it-teknoloġija għolja tissorvelja s-setturi ta' l-ekonomija li huma kkaraterizzati minn intensità ta' għarfien għoli (pereżempju s-settur farmaċewtiku, tal-kompjuters, telekomunikazzjoni, ajruplani, R&D). Għal dawn l-industriji jiġu prodotti indikaturi ekonomiċi, dawk marbuta ma' l-impjieg jew mal-kummerċ ta' teknoloġija għolja.

Figura 4: Tqassim ta' l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' teknoloġija għolja skond il-grupp ta' prodotti, UE-25, Ġappun u l-Istati Uniti - 2004

[pic]

Sors: Eurostat Statistika Teknoloġija Għolja

Kisbiet ewlenin:

- Tkomplija u tisħiħ tal-produzzjoni regolari ta' l-istatistika dwar it-teknoloġija għolja fuq il-bażi ta' għejun kemm uffiċjali kif ukoll mhux uffiċjali.

- Stima tal-klassifikazzjonijiet ta' sfond (inkluż fuq il-kummerċ ta' teknoloġija għolja) fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss, marbuta mar-reviżjoni tan-nomenklatura ta' attivitajiet ekonomiċi ta' l-NACE.

2.1.5 Statistika tal-brevetti

L-istatistika tal-brevetti tintuża ġeneralment bħala indikatur ta' l- output marbut max-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni. L-indikaturi jiġu prodotti fuq il-bażi tad- data amministrattiva li tiġi mill-Uffiċċju tal-Brevetti Ewropew (European Patent Office - EPO) jew uffiċċji oħra tal-brevetti. Tqabbil madwar id-dinja ta' l-attivitajiet ta' ibbrevettar jippermetti stima tal-kapaċità innovattiva ta' l-ekonomiji rispettivi.

Tabella 1: Applikazzjonijiet għal brevetti ta' Teknoloġija Għolja lill-EPO skond il-grupp ta' teknoloġija għolja, UE-27, il-Ġappun u l-Istati Uniti — 2003

[pic]

Sors: Eurostat Statistika tal-brevetti

Kisbiet ewlenin:

- Flimkien ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra (bħall-Uffiċċju tal-Brevetti Ewropew, l-EPO, l-Uffiċċju tal-Brevetti u l-Marka Kummerċjali ta' l-Istati Uniti, l-USPTO - US Patent and Trademark Office jew l-OECD), it-twaqqif u aktar titjib tal-PATSTAT, il-bażi armonizzata tad- data mhux ipproċessata li tkopri, fost l-oħrajn, l-applikazzjonijiet għal brevetti ma' EPO u l-brevetti mogħtija mill-USPTO.

- Produzzjoni ta' metodu awtomatizzat għall-armonizzazzjoni ġenerali ta' l-ismijiet ta' l-applikanti għal brevetti. L-applikazzjoni ta' dan il-metodu tippermetti l-produzzjoni ta' statistika addizzjonali dwar il-brevetti, pereżempju l-proporzjonijiet ta' konċentrazzjoni ta' brevetti.

- L-użu dejjem jiżdied tal-PATSAT bi produzzjoni ta' statistika u indikaturi dwar brevetti aktar rilevanti għall-utent.

2.1.6 Produzzjoni u tixrid

Għal aktar titjib tal-kwalità tad- data ta' l-istatistika ta' l-STI u biex tiġi mwaqqfa serje itwal ta' intervalli ta' żmien, l-Eurostat bil-mezzi interni tagħha bniet bażi ta' data dwar il-produzzjoni (STI DB) u bdiet tipproduċi applikazzjoni ġenerika IT għall-ipproċessar tal- mikrodata . Ġew prodotti pubblikazzjonijiet numerużi bl-użu ta' l-istatistika ta' l-STI mxerrda mingħajr ħlas fuq il-web. Fost dawn insibu s-serje Panorama ta' l-Eurostat dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni ppubblikati fuq bażi anwali jew madwar bejn wieħed u ieħor 15-il ħarġa ta' Statistics in Focus maħruġa b'mod regolari. L-istatistika dwar l-STI ntużat ukoll f'bosta dokumenti u komunikazzjonijiet ta' strateġija politika. Fost eżempji ta' dawn l-aktar fl-għajn insibu t-tabella ta' tqabbil dwar l-innovazzjoni li saret mid-DĠ ENTR jew iċ-ċifri ewlenin ippubblikati mid-DĠ RTD.

2.1.7 Statistika ta' l-STI mhux implimentata

Minħabba limitazzjonijiet ta' riżorsi umani, oqsma oħra msemmija fit-taqsima 3 ta' l-anness tar-Regolament Nru. 753/2004 ma ġewx segwiti b'mod intensiv, pereżempju statistika dwar il-bijoteknoloġija, in-nanoteknoloġija u dwar il-bilanċ teknoloġiku tal-pagamenti.

Dawn l-azzjonijiet nieqsa huma madankollu bbilanċjati minn għadd ta' azzjonijiet li tressqu 'l quddiem minħabba ħtiġijiet ta' politika. Uħud minn dawn bħall-istatistika tas-CDH jinsabu f'lista fil-paragrafi ta' qabel. Oħrajn jeħtieġu aktar azzjoni u huma għalhekk parti mill-kapitolu 5 (pereżempju kejl aħjar ta' l-internazzjonalizzazzjoni ta' l-R&D).

2.2. Implimentazzjoni ta' l-istatistika STI fl-Istati Membri

Din it-taqsima tiddeskrivi l-miżuri meħuda fl-Istati Membri dwar l-istatistika ta' l-STI miġbura direttament minnhom: l-istatistika R&D/Gbaord, l-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità u l-istatistika tas-CDH. Għal oqsma oħra, jintużaw għejun ta' data uffiċjali jew mhux uffiċjali li mhumiex inklużi fl-istħarriġiet li jridu jitwettqu mill-Istati Membri.

Statistika ta' l-R&D/Gbaord

Biex jilħqu r-rekwiżiti tar-Regolament Nru. 753/2004, bosta pajjiżi adottaw il-kwestjonarji nazzjonali tagħhom u l-ġbir tad- data mill-2002/2003 'l quddiem. Ta' spiss il-kwestjonarji nazzjonali riveduti diġà kien fihom id- data ta' l-R&D li ntbagħtet b'mod volontarju. Ġeneralment, il-metodi ta' kompilazzjoni ta' data nazzjonali, ta' sikwiet fuq bażi soda ta' indikaturi magħrufa ta' stħarriġ ta' l-R&D, baqgħu ma nbidlux. Minflok dan, id-daqs tal-kwestjonarji ta' stħarriġ nazzjonali ta' l-R&D jew l-użu ta' għejun ta' data nazzjonali kellu jiġi adattat.

Għadd ta' pajjiżi kellhom il-problemi bit-trażmissjoni tad- data ta' l-R&D u l-Gbaord għall-ewwel sentejn obbligatorji ta' referenza (2003 u 2004), b'mod partikolari bil-kompletezza tad- data u bl-ilħuq ta' l-iskadenzi imposti mir-Regolament tal-Kummissjoni. Madankollu, għandu jkollhom inqas diffikultajiet bl-istatistika ta' l-R&D għas-sena ta' referenza 2005 b'iżjed titjib ukoll billi din l-istatistika tingħata f'waqtha. It-trażmissjoni tal-varjabbli ta' l-R&D mitluba fuq bażi volontarja tibqa' madankollu mhux kompluta.

Statistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità

Ir-raba' Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità (CIS 4) kien ikkunsidrat bħala anqas ta' piż u aktar faċli li jiġi implimentat fuq livell nazzjonali. Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri mxew wara l-kwestjonarju ta' stħarriġ CIS 4 u l-metodoloġija ta' stħarriġ armonizzata. Dan wassal għal titjib fil-kwalità tad- data , b'mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà ta' tqabbil u l-puntwalità tad- data . Id- data miġbura f'tabella (reġjonali u nazzjonali) ġiet ġeneralment trażmessa fil-ħin. Madankollu, l-Eurostat mhix se tirċievi s-settijiet kollha nazzjonali CIS 4 ta' mikrodata peress li xi pajjiżi mhux se jittrażmettu din id- data b'mod volontarju. Barra minn hekk, għadd ta' pajjiżi mhux se jittrażmettu d- data reġjonali.

Statistika dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi ta' dottorat ("Statistika CDH")

Fuq il-bażi ta' ħtiġijiet aktar qawwija, il-produzzjoni usa' ta' l-istatistika tas-CDH bdiet fl-2006 u l-2007 f'aktar minn 20 Stat Membru. F'dan il-kuntest, il-pajjiżi bdew jaħdmu fuq l-użu ta' għejun u reġistri ta' data amministrattiva nazzjonali, billi jibnu oqfsa ta' kampjun nazzjonali li jkopru d-detenturi residenti kollha ta' dottorat, jikkalkolaw id-daqs tal-kampjun, ifasslu l-kwestjonarji nazzjonali ta' stħarriġ u jiżviluppaw tekniki ta' ġbir ta' data. Se titwettaq stima usa' tal-produzzjoni ta' l-istatistika tas-CDH fuq livell nazzjonali fl-2008.

Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) hi tal-fehma li: sar progress konsiderevoli bl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE, bir-Regolamenti Nru 753/2004 u 1450/2004 li jkopru l-oqsma kollha ta' l-istatistika ta' l-STI; It-tnedija ta' proġetti addizzjonali bħall-istatistika tas-CDH kienet iġġustifikata mir-rilevanza tagħhom f'dak li għandu x'jaqsma mas-saħħa tal-ħtiġijiet ta' politika ta' sfond. dawn il-miżuri fuq livell internazzjonali ġew imħarsa b'mod ġenerali mill-pajjiżi individwali, li għaġġlu l-isforzi tagħhom biex iwettqu l-adattamenti jew l-investimenti nazzjonali meħtieġa. Dan wassal għal żieda ta' l-istatistika ta' l-STI disponibbli pereżempju fl-istatistika ta' l-R&D u l-Gbaord ta' madwar terz mill-2001 'l hawn. |

- 3. L-ISTATISTIKA STI: KWALITÀ TAD- DATA

IL-QAFAS GħALL-KWALITÀ TAD- data ta' l-istatistika ta' l-STI huwa l-Kodiċi ta' Prassi ta' l-Istatistika Ewropea[4] li jkopri 15-il prinċipju ewlieni. Il-prinċipji ewlenin rilevanti għall-kwalità tad- data fl-istatistika ta' l-STI huma:

- Prinċipju 3: L-adegwatezza tar-riżorsi disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta' l-istatistika

- Prinċipju 4: Impenn lejn il-kwalità għall-membri kollha ta' l-ESS

- Prinċipju 7: Il-metodoloġija soda li trid tirfed l-istatistika ta' kwalità.

- Prinċipju 9: Piż mhux żejjed fuq min iwieġeb

- u l-Prinċipji 11 sa 15 marbuta mar-rilevanza, il-preċiżjoni, l-affidabilità, il-prontezza, il-puntwalità, il-koerenza u l-possibbiltà ta' tqabbil ta' l-istatistika li tiġi prodotta.

Il-kwalità tad- data kif ukoll l-ispiża u l-piż fuq min iwieġeb huma wkoll parti mill-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piż tat-tweġib, is-simplifikazzjoni u l-iffissar tal-prijoritajiet fil-qasam ta' l-istatistika tal-Komunità"[5]. Din il-Komunikazzjoni titratta - fost l-oħrajn - l-istrutturazzjoni mill-ġdid ta' l-istatistika dwar in-negozju li se taffettwa wkoll l-istatistika ta' l-STI fuq medda ta' żmien medja.

Xi wħud mill-kwistjonijiet ta' kwalità ta' statistika li jitfaċċaw f'bosta oqsma huma hawn taħt enfasizzati. Ħafna min dawn is-sejbiet ta' sikwiet huma meħuda mir-rapporti dwar il-kwalità ta' l-istħarriġiet individwali:

- Statistika R&D: Il-kwalità ta' l-istatistika ta' l-R&D Ewropea tjiebet bl-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 753/2004. Ġiet osservata żieda fid-disponibilità tad- data mis-sena ta' referenza 2003 'l hawn. Il-preċiżjoni tad- data u l-possibbiltà ta' tqabbil bejn il-pajjiżi huma wkoll tajbin. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kompilazzjoni tad- data magħmula fil-Manwal ta' Frascati ta' l-OECD ġew ġeneralment osservati.

- Statistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità: Il-kwalità tad- data tas-CIS 4 tjiebet ukoll b'mod konsiderevoli meta mqabbla mas-CIS ta' qabel. Ta' sikwit dan huwa dovut għall-kwestjonarju li huwa iqsar u aktar ċar, għall-proċess ta' produzzjoni u implimentazzjoni li huwa aktar b'saħtu fuq il-livell nazzjonali u għal aktar familjarità mas-CIS min-naħa ta' dawk li jwieġbu. Il-prontezza, il-kompletezza u l-possibbiltà ta' tqabbil tas-settijiet ta' data nazzjonali CIS 4 tjiebu wkoll. Il-preċiżjoni tad- data kienet sodisfaċenti għal bosta pajjiżi.

- Statistika oħra STI: Għall-oqsma l-oħra t-titjib fil-kwalità jiddependi ta' spiss fuq il-progress li jsir bid- data tal-bidu. Sar progress konsiderevoli f'dan ir-rigward bid- data mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol fil-Komunità jew mill-PATSAT.

Għal dak li għandu x'jaqsam mar-Regolamenti Nru 753/2004 u Nru 1450/2004, l-Eurostat bdiet monitoraġġ tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika ta' l-R&D u l-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità fl-2006/2007. Dan il-monitoraġġ se jiġi ripetut f'intervalli regolari b'sekwenza ta' prijorità definita minn qabel għal azzjoni fil-konfront ta' l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat): hi tal fehma li l-kwalità ta' l-istatistika ta' l-R&D u l-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità tjiebet b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, fost l-oħrajn minħabba r-Regolamenti Nru 753/2004 u 1450/2004; temmen li aktar titjib fil-kwalità tad-data huwa, madankollu, meħtieġ fis-snin li ġejjin; biħsiebha tissorvelja l-kwalità tad-data ta' l-istatistika fil-bosta oqsma fil-ġejjieni wkoll. |

- 4. L-istatistika STI: spejjeż u piż

L-Eurostat tkejjel l-ispejjeż u l-piż impost mill-istatistika dwar in-negozju f'għadd ta' oqsma ta' statistika. Fil-każ ta' l-istatistika ta' l-STI l-ispejjeż u l-piż tkejlu biss għall-istatistika R&D u l-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità peress li dawn s'issa kienu l-uniċi żewġ stħarriġiet għalihom ta' l-impriżi.

Minħabba d-diffikultà li mhux kull pajjiż wieġeb u li d- data li waslet kienet eteroġenea u ma tistax titqabbel kompletament, ebda konklużjoni soda ġenerali ma tista' ssir dwar l-ispejjeż u l-piż imposti mill-istatistika ta' l-R&D u s-CIS. Madankollu qed jingħata eżempju minn żewġ pajjiżi:

- Fl- Estonja impriża li tiġi mħarrġa dwar l-istatistika ta' R&D teħtieġ medja ta' 4 sigħat għall-kompilazzjoni kollha tad- data meħtieġa ta' l-R&D. Minħabba rata baxxa ta' kampjun dan il-ħin jonqos għal 8 minuti biss meta jitqiesu l-impriżi kollha fil-pajjiżi. Għall-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità dan il-piż huwa ta' 95 minuta għall-impriża mistħarrġa u 55 minuta għall-impriżi kollha.

- Fl- Italja min-naħa l-oħra l-kompilazzjoni ta' l-istatistika ta' R&D ġabet piż medju ta' 95 minuta fl-impriżi mistħarrġa u 40 minuta meta jitqiesu l-impriżi kollha nazzjonali. Bil-maqlub ta' l-Estonja, iċ-ċifri għall-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità li jikkorrispondu huma ħafna ogħla b'madwar 7 sigħat għall-impriżi mistħarrġa u inqas minn sagħtejn għall-impriżi kollha nazzjonali.

Dawn iż-żewġ eżempji juru li l-ispejjeż u l-piż ta' l-istatistika ta' R&D u l-istatistika dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità imposti fuq l-impriżi huma eteroġenei ħafna. Dan huwa minnu wkoll għall-kejl ta' l-ispiża/piż f'oqsma oħra bħall-Istatistika Strutturali tan-Negozju fejn tagħrif kemmxejn eteroġeneu minn 16-il pajjiż biss huwa disponibbli f'dan l-istadju.

Barra minn aktar sforzi ta' titjib konsiderevoli fil-kejl ta' l-ispiża u l-piż li jiġu miż-żewġ stħarriġiet ta' l-istatistika ta' l-STI msemmija, l-Eurostat, il-metodi ta' kompilazzjoni ta' data nazzjonali użati għal dawn iż-żewġ stħarriġiet, se ġġibhom aktar trasparenti. Dan għandu jwassal għall-inċentivi ta' titjib fil-metodi nazzjonali u bħala konsegwenza għat-tnaqqis tal-piż fuq l-impriżi (pereżempju permezz ta' tnaqqis fid-daqs tal-kampjun li jidher li huwa għoli wisq f'ċerti pajjiżi).

Bl-istess mod, il-piż li se tqiegħed l-istatistika tas-CDH fuq l-Istati Membri se jvarja wkoll, skond l-oqfsa ta' stħarriġ preżenti jew skond l-istħarriġ preżenti tas-CDH jew stħarriġ ieħor nazzjonali. Din l-istatistika mhix madankollu mmirata lejn l-impriżi bħala dawk li għandhom iwieġbu, iżda lejn il-persuni.

Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) wettqet kejl tal-bidu ta' l-ispejjeż u l-piż statistiku impost mill-istatistika ta' l-R&D u l-istatistika dwar l-innovazzjoni fil-Komunità; tagħraf li l-ispejjeż u l-piż li din l-istatistika timponi fuq min iwieġeb u l-awtoritajiet nazzjonali huma kemmxejn differenti; temmen li l-ispejjeż u l-piż jistgħu jitnaqqsu f'bosta pajjiżi sempliċement bl-applikazzjoni aktar sofistikata ta' metodi ta' statistika mingħajr ma titqiegħed fil-periklu l-kwalità tad-data. |

- 5. Aktar żvilupp ta' l-istatistika ta' l-STI

Aktar żvilupp ta' l-istatistika ta' l-STI għandu jkun marbut mas-sistema kollha ta' l-STI, jiġifieri għall- imput , ir-rabtiet, l- output u l-impatt tax-xjenza. Dan il-kapitolu jħares 'il quddiem lejn l-ewwel snin li ġejjin. Min naħa waħda jista' jinkiseb ħafna billi titjieb l-istatistika preżenti fil-medda ta' żmien qasir-medju. Min-naħa l-oħra, indikaturi ġodda, għejun ġodda ta' data u oqsma ġodda ta' statistika ta' l-STI għandhom jinstabu f'approċċ fuq medda ta' żmien medju-twil.

5.1 Titjib ta' l-istatistika preżenti

5.1.1 It-titjib tal-kwalità ta' l-istatistika ta' l-STI

F'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, l-Eurostat għandha l-ħtieġa li tiżgura implimentazzjoni sħiħa tal-qafas leġiżlattiv fuq livell nazzjonali sabiex tikseb aktar titjib fil-kwalità tad- data . Dan jinkludi ġbir addizzjonali ta' data u attivitajiet oħra, li jeħtieġ li jitwettqu u jiġu aktar imtejba.

Il-każijiet speċifiċi huma: l-ibbilanċjar mill-ġdid ta' l-istatistika ta' l-R&D inkluża fir-Regolament Nru 753/2004 (ibbażata fuq stima tal-kwalità tad- data u l-ħtiġijiet ta' l-utent); li l-analiżi ta’ l-“R&D b’finanzjament minn barra” tkun obbligatorja; it-titjib tal-kwalita’ ta’ l-istatistika ta’ l-R&D fid-dawl tal-kapitalizzazzjoni mistennija ta’ l-R&D fis-Sistema Ewropea ta’ Kontabilità u bil-ħsieb li jkun hemm tweġiba aħjar għall-ħtiġijiet ta’ l-utent marbuta man-nisa fix-xjenza; żieda fl-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ kompilazzjoni tad- data ta’ l-istatistika ta’ l-R&D jew aktar titjib fil-prontezza tagħhom b'now - casts .

Il-kwalita’ (konsistenza u rilevanza) ta’ l-istatistika ta’ l-STI dwar ir-riċerkaturi jeħtieġ li titjieb. Fl-aħħar nett il-klassifika riveduta ta’ l-attivitajiet ekonomiċi (In-Nace Rev. 2) jeħtieġ li tkun inkorporata fis-sħih fl-istatistika ta’ l-STI mill-2008 lilhinn. B’dan għandha ssir aktar rilevanti.

5.1.2 Statistika dwar ir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija ("Statistika HRST")

Il-Manwal ta’ Canberra ta’ l-OECD, il-metodoloġija bażika għall-istatistika ta’ l-HRST, li tmur lura għall-1992, jeħtieġ li jiġi rivedut. Din ir-reviżjoni għandha tittratta, b’mod partikolari, ir-rilevanza tal-kunċetti u d-definizzjonijiet ta’ l-HRST, li nstabu li kienu nieqsa. L-istatistika tas-CDH teħtieġ ukoll li tkun inkorporata fil-kunċetti u d-definzzjonijiet ta’ l-HRST. Ix-xogħol fuq dan beda. Il-kooperazzjoni mill-qrib fuq livell internazzjonali (b’mod partikolari ma’ l-OECD) għandha tinkiseb f’dan il-kuntest.

L-istatistika l-ġdida dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi tad-dottorat (“l-istatistika tas-CDH”) imnedija mill-OECD, l-UIS u l-Eurostat teħtieġ li tiġi evalwata u stabbilizzata billi tiġi prodotta fuq bażi regolari. Dan għandu jsir wara l-ewwel programm nazzjonali komprensiv li jimplimenta l-istatistika tas-CDH fil-pajjiżi Ewropej fl-2007. Bħala t-tieni stadju, għandu jkun hemm pjan ta’ integrazzjoni sħiħa fis-Sistema Ewropea ta’ l-Istatistika.

5.1.3 Statistika dwar il-brevetti

PATSTAT, l-għajn il-ġdid ta’ data mhux ipproċessata dwar il-brevetti, jiftaħ bosta possibilitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni ta’ indikaturi ta’ brevetti li jmorru lilhinn minn dawk li jiġu prodotti fil-preżent. Indikaturi addizzjonali jistgħu jiġu kkompilati marbuta ma’ l-applikazzjonijiet nazzjonali għall-brevetti, ismijiet imnaddfa ta’ l-applikanti, l-internazzjonalizzazzjoni ta’ brevetti jew inventuri. Bħala eżempji nsibu l-proporzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ brevetti jew l-indikaturi li jkejlu aħjar ir-rabtiet bejn l-industrija u x-xjenza. Il-ħtiġijiet aktar qawwija ta’ l-utent għal indikaturi addizzjonali jista’ wkoll iwassal għal adattament tal-PATSTAT. Il-fajl ta’ data mhux ipproċessata tal-PATSTAT jista’ jintuża aktar biex jinbnew rabtiet ma’ settijiet oħra ta’ mikrodata (bħat-tabella ta’ tqabbil ta’ l-investiment fl-R&D industrijali fl-UE). Lilhinn minn dan, il-prontezza ta’ l-istatistika dwar il-brevetti jeħtieġ li titjib u l-produzzjoni ta’ l-istatistika reġjonali dwar il-brevetti jeħtieg li tkun stabilizzata.

5.1.4 Statistika dwar l-industriji ta' teknoloġija għolja u s-servizzi msejsa fuq l-għarfien ("Statistika dwar Teknoloġija Għolja")

L-istatistika aggregata dwar it-teknoloġija għolja (inklużi l-aggregati kummerċjali ta’ teknoloġija għolja) trid tiġi riveduta peress li n-nomenklatura ta’ l-NACE ta’ l-attivitajiet ekonomiċi qed tinbidel għal dik ta’ l-Nace Rev. 2 jew peress li l-ġbir fi gruppi tal-prodotti jeħtieg li jiġi aġġornat. It-titjib ukoll fl-istruttura ta’ l-attivitajiet ekonomiċi fl-Nace Rev. 2 qed jiftaħ possibbiltajiet ġodda għall aktar aggregati rilevanti u aktar sofistikati. Il-kooperazzjoni ma’ l-imseħbin internazzjonali l-oħra hija meħtieġa f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) biħsiebha: ittejjeb aktar il-kwalità ta' l-istatistika ta' l-STI flimkien ma' l-Istati Membri; tniedi reviżjoni tal-kunċetti u d-definizzjonijiet għall-istatistika dwar ir-riżorsi tal-bniedem fix-xjenza u t-teknoloġija; tevalwa u tistabilizza l-istatistika dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi tad-dottorat; tagħmel użu aħjar mill-PATSTAT għall-istatistika dwar il-brevetti li tista’ titqabbel b’mod internazzjonali bili toħloq ukoll indikaturi ġodda; tirrevedi l-kunċetti u d-definizzjonijiet għall-industriji ta’ teknoloġija għolja u s-servizzi bbażati fuq l-għarfien billi tagħmilhom aktar rilevanti. |

- 5.2 Indikaturi ġodda, għejun ġodda ta’ data u oqsma ġodda

Jeħtieġ li jiġu żviluppati indikaturi ġodda, jeħtieġ li jinfetħu għejun ġodda ta’ data , oħrajn possibilment jeħtieġ li jingħalqu u oqsma ġodda jiżdiedu fil-medda ta’ żmien medju-twil. Għadd ta’ oqsma ewlenin għall-ippjanar fuq żmien medju u twil huma ttrattati b’mod ħafif hawn taħt.

5.2.1 Kejl aħjar ta’ l-internazzjonalizzazzjoni ta’ l-STI

Il-kejl ta’ l-internazzjonalizzazzjoni ta’ l-STI jidher li mhux tajjeb biżżejjed meta jitqies il-fatt li l-STI qed issir dejjem iktar internazzjonali. Hemm il-vojt fid- data fuq, pereżempju, l-ispiża ta' l-R&D mill-kumpaniji ta' l-UE barra mit-territorju tagħhom jew l-R&D proprjetà ta' l-affiljati barranin, il-mobilità ta' riżorsi umani ta' ħiliet għolja jew il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-innovazzjoni.

It-titjib jista' jitqettaq pass wara pass fid-diversi oqsma kkonċernati (pereżempju l-istatistika dwar l-R&D u l-istatistika dwar l-affiljati barranin). Jeħtieġ li jkun hemm ukoll kooperazzjoni mill-qrib ma' l-OECD.

5.2.2 Stħarriġ aħjar dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità għal aktar utenti

Il-Manwal ta' Oslo ta' l-Eurostat/OECD ta' l-2005 li jkopri żewġ tipi ġodda ta' innovazzjoni (fl-organizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq) jeħtieġ li jkun implimentat fis-sħiħ fis-CIS 2008. Lilhinn minn dan, se jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ġodda ta' l-utenti mill-Istħarriġiet dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità li jmiss, jiġifieri s-CIS 2008 u lilhinn minnu. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, il-kejl aħjar ta' l-innovazzjoni ekoloġika u d-disinn, ir-reġistrazzjoni ta' l-innovazzjoni b'enfażi fuq l-utent jew tal-kuntratti pubbliċi u l-innovazzjoni. Aktar setturi ta' l-ekonomija għandhom jiżdiedu kif ukoll ikopru b'mod sħiħ ir-reġjuni Ewropej miksuba bil-fażijiet li jmiss ta' Stħarriġiet dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità. Min-naħa l-oħra, trid issir attenzjoni li l-kwestjonarju tas-CIS 2008 ma jitgħabbix iż-żejjed b'effett negattiv fuq il-kwalità tad- data .

5.2.3 Aċċess aħjar għall-mikrodata

Jeħtieġ li jsir aktar użu intensiv mill- mikrodata mir-riċerkaturi, lilhinn mit-tabelli u l-indikaturi standard imxerrda. Jekk jittieħed is-CIS bħala eżempju, it-trażmissjoni ta' mikrodata lill-Eurostat u l-użu ċentralizzat tagħha hemmhekk mir-riċerkaturi ttejjeb b'mod konsiderevoli l-proporzjon spiża-benefiċċju. Il- mikrodata tista' tintuża jew bħala mikrodata anonimizzata jew bħala mikrodata konfidenzjali fis- Safe Centre tal-Eurostat. L-aċċess għaż-żewġ settijiet ta' data huwa regolat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 831/2002. Id-disponibilità ċentrali tal- mikrodata tas-CIS fl-Eurostat trid tiġi żgurata permezz ta' trażmissjoni obbligatorja tad- data mill-pajjiżi. Il-proċedura ta' aċċess għall- mikrodata tas-CIS mir-riċerkaturi jeħtieġ li tkun issimplifikata.

Fuq medda ta' żmien medja, il-possibbiltà ta' trażmissjoni ta' mikrodata oħra ta' l-STI għandha tiġi investigata. L-ewwel kandidati għal dan ikunu l-istatistika ta' l-R&D u dik tas-CHD. Dan iżda jkun jeħtieġ armonizzazzjoni ikbar ta' produzzjoni ta' data fuq livell nazzjonali u biżżejjed ħtiġijiet ta' l-utent għal dawn il- mikrodata min-naħa tar-riċerkaturi. Fl-aħħar nett, l-irbit tas-settijiet differenti ta' mikrodata ta' l-STI ma' settijiet oħra ta' mikrodata għandu jkun parti minn pjan ta' ħidma fuq medda twila ta' żmien.

5.2.4 Aktar indikaturi dwar il-flussi ta' għarfien, ir-rabtiet, l-output u l-impatt ta' l-STI.

Hemm il-ħtieġa li jiġu riveduti l-indikaturi eżistenti dwar it-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-universitajiet u l-industrija biex jiġi stmat l-ambitu tagħhom (pereżempju l-liċenzjar u l-ibbrevettar, ir-riċerka kollaborattiva, il-pubblikazzjonijiet, il-mobilità ta' riżorsi umani) u tiġi ddeterminata r-rabta tagħhom ma' l-impatt ekonomiku, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta' data aktar koerenti rilevanti għall-analiżi tat-trasferiment ta' l-għarfien ma' l-Ewropa u d-definizzjoni ta' sett ta' indikaturi armonizzati. B'mod partikolari, il-ħtieġa li jinħolqu indikaturi ġodda li juru l-proċess ta' tixrid u ħolqien ta' l-għarfien fi ħdan is-sistemi ta' l-R&D u l-innovazzjoni għandha tiġi evalwata. Indikaturi ta' rabta bħal dawn jikkonċentraw, pereżempju, fuq netwerks ta' riċerkaturi/inventuri jew il-punt safejn il-bażi industrijali tagħmel użu mir-riżultati tax-xogħol xjentifiku għall-attivitajiet innovattivi tagħha. Kapitolu speċifiku dwar ir-rabtiet ta' innovazzjoni ddaħħal fil-Manwal ta' Oslo ta' l-2005. Bħal fil-każ ta' l-indikaturi tar-rabtiet, l-indikaturi ta' l- output u l-impatt ta' l-STI għadhom ukoll ma ġewx investigati b'mod komprensiv. Qed isir ħafna titjib (pereżempju fuq l-istatistika dwar il-brevetti jew bibliometrika), iżda ebda mappatura tal-ħtiġijiet ta' l-utent imqabbla mad- data miġbura f'dawn l-oqsma għadha ma twettqet. Dan huwa partikolarment veru għall-indikaturi ta' l-STI li jkejlu l-impatt ekonomiku, li għalihom ma jeżisti ebda sett ta' indikaturi armonizzati.

Dawn il-ħtiġijiet japplikaw għall-oqsma kollha ta' l-istatistika ta' l-STI (l-istatistika ta' l-R&D, l-istatistika ta' l-innovazzjoni, l-istatistika ta' l-HRST, l-istatistika tat-teknoloġija għolja u l-istatistika tal-brevetti). L-ewwel nett, il-ħtiġijiet ta' l-utenti għandhom jiġu ċċarati u kkonsolidati fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' produzzjoni ta' l-istatistika. Il-produzzjoni preżenti ta' data mbagħad jeħtieġ li titjieb, l-aktar bid-definizzjoni u l-produzzjoni ta' indikaturi ġodda. L-użu aħjar tal- mikrodata fis-CIS huwa eżempju urġenti ta' dan. Min-naħa l-oħra, l-inkorporazzjoni minnufih ta' oqsma li għadhom mhumiex parti tas-Sistema ta' l-Istatistika Ewropea bħall-istatistika bibliometrika, tidher diffiċli, jekk mhux impossibbli. Dan huwa l-aktar minħabba n-nuqqas ta' riżorsi fl-Eurostat jew id-drittijiet ta' proprjetà intelletwali ta' sfond. Aktar riċerka u miżuri ta' konsolidament għandhom jitniedu dwar din l-attività.

5.2.5 Screening u valutazzjoni mill-ġdid ta' l-indikaturi ta' l-input ta' l-STI

L-istatistika tradizzjonali ta' l-R&D u l-analiżijiet differenti, is-suddiviżjonijiet u l-allokazzjonijiet għas-setturi eżekuttivi (is-settur ta' intrapriża kummerċjali, il-BES, is-settur governattiv, il-GOV, is-settur ta' l-Edukazzjoni Għolja, l-HES u s-settur Privat mingħajr Profitt, il-PNP) ilhom jeżistu għal aktar minn 40 sena. Huma msejsa fuq il-Manwal ta' Frascati (l-aħħar verżjoni mill-2002). Ġew adattati matul is-snin mingħajr ma nbidlu b'mod fondamentali l-kunċetti u d-definizzjonijiet. Madankollu, matul is-snin l-istatistika ta' l-R&D u l-Gbaord tgħabbiet b'talbiet għal data addizzjonali li ma kinitx oriġinarjament imfassla għalihom. Hemm prospetti ta' ħtiġijiet ġodda, pereżempju taħt forma ta' kapitalizzazzjoni ta' l-R&D fi ħdan is-Sistema ta' Kontabilità Nazzjonali riveduta jew kejl aħjar ta' l-internazzjonalizzazzjoni ta' l-R&D. Barra minn hekk ir-rilevanza ta' xi data ta' l-R&D u l-Gbaord miġbura għal bosta snin tista' tkun fil-periklu. Eżempju ta' dan hija l-istatistika tal-Gbaord li ma tinkludix data dwar krediti fiskali.

Fuq medda ta' żmien medja għalhekk jidher li huwa meħtieġ li l-istatistika tradizzjonali ta' l-R&D u l-Gbaord isirilha screening u tiġi evalwata, b'mod partikolari għar-rilevanza. Dan għandu jsir mhux biss fi ħdan il-komunità ta' l-istatistika, iżda wkoll flimkien ma' l-utent u l-komunità tar-riċerka.

5.2.6 Data dwar intrapriżi individwali, gruppi ta' intrapriża u istituzzjonijiet ta' riċerka jew edukazzjoni għolja

Saru sforzi fuq livell Ewropew biex tinġabar d- data dwar l-intrapriżi individwali, il-gruppi ta' intrapriża, u l-istituzzjonijiet ta' riċerka jew edukattivi, bħall-universitajiet, u biex jinfetaħ l-aċċess għaliha. It-tagħrif miġbur kien imsejjes b'mod ġenerali fuq tagħrif miftuħ għall-pubbliku, pereżempju ppubblikat fil-kontijiet ta' l-entitajiet rilevanti jew li huwa aċċessibbli bħala data amministrattiva fuq livell nazzjonali. L-iktar eżempju fiċ-ċar ta' dawn l-isforzi hija t-tabella ta' tqabbil ta' l-investiment industrijali fl-R&D ta' l-UE, miġbura mill-Kummissjoni Ewropea (mill-IPTS f'isem id-DĠ ta' l-RTD). It-tagħrif fuq l-intraprizi individwali jew l-istituzzjonijiet jiżdied ma' l-istatistika aggregata miġbura bħala output b'mod regolari.

Fuq il-bażi ta' dawn l-attivitajiet eżistenti, għadd ta' miżuri jistgħu jiġu kkunsidrati fis-snin li ġejjin:

- Fuq medda ta' żmien qasira sa medja, aktar żvilupp tat-tabella ta' tqabbil ta' l-investiment industrijali fl-R&D ta' l-UE jista' jiġi kkunsidrat biż-żieda ta' aktar reġistrazzjonijiet ta' data individwali (pereżempju dwar il-brevetti) jew billi jiġu mfittxija sinerġiji mar-reġistru tan-negozju tal-grupp ta' l-Euro ta' l-Eurostat li jkopri l-gruppi ta' intrapriża u l-istrutturi tagħhom. Għan wieħed ikun li tiġi pprovduta data dwar l-aċċess għall-finanzjament għall-impriżi innovattivi. Madankollu, ebda ġbir ta' data doppju dwar gruppi ta' intrapriżi individwali m'għandu jitwettaq fuq medda twila ta' żmien.

- Tagħrif simili dwar istituzzjonijiet individwali (għajr għall-intrapriżi) jista' wkoll jinġabar mill-Eurostat meta jasal il-waqt. L-ewwel kandidati jkunu l-universitajiet Ewropej bil-funzjoni doppja tagħhom ta' riċerka u edukazzjoni. L-indikaturi dwar l-universitajiet individwali jistgħu jiġu kkompilati minn għejun ta' data amministrattivi jew ta' statistika fuq livell nazzjonali u wara jiġu trażmessi lill-Eurostat. Bosta attivitajiet ta' riċerka diġà bdew f'dan il-qasam. Peress li l-ħtiġijiet ta' l-utent f'dan il-qasam qed jikbru b'pass mgħaġġel, l-Eurostat se tinvestiga l-fattibilità ta' din il-produzzjoni ta' data u ssegwi dan ix-xogħol meta jkun il-waqt.

5.2.7 L-integrazzjoni ta' l-istatistika dwar il-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija u oqsma oħra li qed jinħolqu.

L-iżvilupp ta' l-istatistika dwar il-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija tmexxa 'l quddiem l-aktar mill-OECD f'dawn l-aħħar snin. B'mod partikolari, ix-xogħol dwar l-istatistika tal-bijoteknoloġija mexa aktar 'il quddiem lejn armonizzazzjoni ikbar tal-kunċetti u d-definizzjonijiet ta' sfond u fuq il-ġbir ta' data pilota. Ix-xogħol fuq il-kejl tan-nanoteknoloġija mhux daqshekk avanżat daqs ix-xogħol fuq il-bijoteknoloġija. Madankollu, l-utenti (DĠ TRD) esprimew il-ħtiġijiet ta' informazzjoni aktar minn darba f'dan il-qasam.

L-istatistika tal-bijoteknoloġija u tan-nanoteknoloġija għandha b'xi mod tiġi inkorporata fl-istatistika ta' l-STI fil-medda ta' żmien medja. Dan jimplika, pereżempju, titjib ta' l-istatistika ta' R&D, l-istatistika tal-brevetti jew l-istatistika ta' l-HRST. Min-naħa l-oħra, l-istatistika dwar il-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija trid tiġi kkunsidrata bħala xi ħaġa usa' milli sempliċement parti mill-istatistika ta' l-STI. Għalhekk, meta jasal il-waqt, data uffiċjali jew mhux uffiċjali oħra għandha tintuża biex tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa dwar il-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija. L-istatistika u d- data għan-nanoteknoloġija għandhom fejn ikun possibbli jipprovdu wkoll data għaliha u statistika dwar l-ambjent, l-impatti fuq is-sikurezza u s-saħħa tan-nanoteknoloġiji u l-ispiża marbuta mar-riċerka.

Il-ħtiġijiet ta' strateġija politika għad- data dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni jevolvu, xi drabi b'pass mgħaġġel. Filwaqt li l-infrastrutturi ta' l-istatistika ma jistgħux jiġu adattati f'ħabta u sabta, iridu madankollu jindirizzaw kwistjonijiet ġodda. F'dan ir-rigward, ir-rilevanza tal-klassifikazzjonijiet u l-metodi użati għandha tiġi evalwata b'mod regolari bil-ħsieb tat-titjib. It-tħassib politiku qawwi dwar l-ambjent, is-saħħa pubblika, it-tibdil fil-klima u l-produzzjoni ta' l-enerġija pereżempju huwa marbut wkoll ma' aktar Riċerka u Żvilupp f'dawn l-oqsma. Filwaqt li fil-preżent l-infrastrutturi huma adattati sewwa biex jipproduċu statistika dwar dawn is-suġġetti, in-nomenklaturi eżistenti għandhom madankollu jissoktaw fit-titjib tar-rilevanza tagħhom għall-kwistjonijiet politiċi ta' tħassib.

Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) biħsiebha: ittejjeb il-kejl ta’ l-internazzjonalizzazzjoni ta’ l-STI; ittejjeb l-Istħarriġiet dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità biex tagħmilhom dejjem iktar rilevanti; ittejjeb l-aċċess għall-mikrodata ta' l-STI billi t-trażmissjoni tal-mikrodata tas-CIS lill-Eurostat tkun ukoll obbligatorja; ittejjeb l-indikaturi ta' l-STI dwar il-flussi ta' għarfien, ir-rabtiet, l-output u l-impatt ta' l-STI; tagħmel screening ta' l-indikaturi ta' input ta' l-STI biex tivverifika r-rilevanza tagħhom; tinvestiga aktar it-trattament tad-data ta' l-STI marbuta ma' istituzzjonijiet individwali ta' edukazzjoni għolja jew gruppi ta' intrapriża u tieħu azzjoni xierqa meta jasal il-waqt; tintegra l-istatistika dwar il-bijoteknoloġija, in-nanoteknoloġija u oqsma oħra li qed jinħolqu fl-istatistika ta' l-STI kemm jista' jkun u safejn hu meħtieġ. |

- 5.3 L-aġġornament tal-qafas legali għall-istatistika ta' l-STI

Il-qafas legali għall-istatistika ta' l-STI jeħtieġ li jkun aġġornat fuq medda ta' żmien medja. L-Eurostat biħsiebha tieħu l-azzjonijiet li ġejjin f'dan ir-rigward:

- Ir-Regolament Nru 753/2004 jeħtieġ li jiġi bbilanċjat mill-ġdid, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet addizzjonali tad- data , tiġi integrata xi data miġbura fuq bażi volontarja, tiġi eliminata data oħra ta' rilevanza iktar baxxa jew jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-frekwenzi ta' produzzjoni ta' d- data .

- Ir-Regolament Nru 1450/2004 ukoll jeħtieġ li jiġi rivedut fuq il-bażi tal-kwestjonarju ta' stħarriġ armonizzat u l-metodoloġija ta' stħarriġ għas-CIS 2008 u billi t-trażmissjoni tal- mikrodata tas-CIS tkun obbligatorja;

- it-tielet Regolament tal-Kummissjoni fuq l-istatistika dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi ta' dottorat ("l-istatistika CDF") għandu jiġi adottat fil-mument xieraq. Tista' tiġi kkunsidrata produzzjoni ta' data kull sentejn.

Tista' tkun meħtieġa leġiżlazzjoni addizzjonali, pereżempju dwar l-aċċess għall- mikrodata u l-irbiet mal- mikrodata . L-Eurostat biħsiebha tieħu l-azzjonijiet xierqa f'dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) biħsiebha: tirrevedi r-Regolamenti Nru 753/2004 u 1450/2004 biex tiżgura rilevanza aħjar; tadotta t-tielet Regolament tal-Kummissjoni fuq l-istatistika dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi ta' dottorat meta jasal il-waqt. |

- [1] ĠU L 230, 16.9.2003, p. 1

[2] ĠU L 118, 23.4.2004, p. 23

[3] ĠU L 267, 14.8.2004, p. 32

[4] COM (2005) 217

[5] COM (2006) 693