52007PC0680




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2007

KUMM(2007) 680 finali

2007/0234 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE dwar it-tqabbil tal-kwalifiki tat-taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tifforma parti mill-programm ta’ semplifikazzjoni fi ħdan il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2007, li għandu l-mira li jissemplifika l-ambjent regolatorju għan-negozju u l-partijiet interessati l-oħrajn.

Fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE tas-16 ta’ Lulju 1985 dwar it-tqabbil tal-kwalifiki tat-taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea hija żejda u għandha għalhekk titħassar.

L-għanijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE introduċiet sistema għat-tqabbil tal-kwalifiki ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali (VET). Hija kellha l-mira li l-ħaddiema jingħataw opportunità li jużaw aħjar il-kwalifiki tagħhom biex jiksbu aċċess għal impjieg fi Stati Membri oħrajn. Is-sistema definita fid-Deċiżjoni ppruvat tilħaqha billi tiddefinixxi d-deskrizzjonijiet prattiċi ta’ xogħol f’okkupazzjonijiet speċifiċi, li jistgħu jinqraw madwar il-Komunità, u b’hekk tipprovdi lill-kumpaniji, il-ħaddiema u l-awtoritajiet pubbliċi bit-tagħrif neċessarju fuq it-tqabbil tal-kwalifiki miksuba f’bosta Stati Mambri.

Id-Deċiżjoni talbet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw fit-tfassil ta’ deskrizzjonijiet tax-xogħlijiet tal-Komunità għal okkupazzjonijiet speċifiċi jew gruppi ta’ okkupazzjonijiet, u mbagħad iqabblu l-kwalifiki ta’ taħriġ professjonali rikonoxxuti fl-Istati Membri ma’ dawn id-deskrizzjonijiet tax-xogħlijiet maqbula.

Kellhom jiġu stabbiliti tabelli korporattivi li jinkorporaw it-tagħrif dwar: ir-reġistru tas-SEDOC (użat b’konnessjoni mas-sistema Ewropea għad-diffużjoni internazzjonali ta’ l-offerti u l-applikazzjonijiet għax-xogħol), il-kodiċijiet ta' klassifikazzjoni nazzjonali, il-livell ta' taħriġ professjonali, titli professjonali f'kull Stat Membru u l-kwalifiki korrispondenti, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-għoti ta’ taħriġ professjonali u l-entitajiet responsabbli għall-ħruġ jew il-validazzjoni ta’ diplomi, ċertifikati u dokumenti oħrajn. Id-deskrizzjonijiet tax-xogħlijiet Komunitarji li sar qbil dwarhom reċiprokament u t-tabelli komparattivi kellhom imbagħad jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Id-Deċiżjoni kienet titlob ukoll lill-pajjiżi li jaħtru entità ta’ koordinament biex jiġbor u jqassam it-tagħrif dwar il-kwalifiki professjonali kumparabbli; il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni ma’ dawn l-entitajiet, kellha tirrevedi d-deskrizzjonijiet tax-xogħlijiet li sar qbil dwarhom reċiprokament u t-tabelli relatati mal-komparabilità tal-kwalifiki professjonali. L-Istati Membri ntalbu wkoll jibagħtu rapporti kull erba’ snin dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni fil-livell nazzjonali.

Nuqqas ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni

Fil-prattika, madankollu, is-sistema proposta mid-Deċiżjoni nstab li kienet ikkumplikata u l-implimentazzjoni kienet l-iktar l-iktar parzjali.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri inizjalment ikkonċentraw fuq il-kwalifiki okkupazzjonali tal-ħaddiema b’ħila. Bħala l-ewwel pass, ġew iddeżinjati 219-il kwalifika VET f’19-il settur: id-19-il settur intgħażlu biex jirriflettu l-okkupazzjonijiet li l-ħaddiema tagħhom kienu l-iktar probabbli li jġorru lejn pajjiżi oħrajn.

Il-proċeduri għad-definizzjoni tad-deskrizzjonijiet tax-xogħol u t-tqabbil tal-kwalifiki, li jinvolvu lill-Kummissjoni, is-Cedefop u l-esperti ta’ l-Istat Membru, ġew stabbiliti. Imma rapport imħejji mill-Kummissjoni fl-1990 wera fid-dettall id-diffikultajiet f’dan il-proċess u għaraf li l-progress miexi bil-mod - sa l-1990 kienet ġiet ippubblikata data dwar il-komparabilità tal-kwalifiki għal 5 biss mid-19-il settur speċifiku, li jkopri 66 okkupant. Il-proċess ta’ reġistrazzjoni, deskrizzjoni u tqabbil tal-kwalifiki nstab li kien jieħu ħafna ħin u ma tantx irendi. Ir-rapport ta’ l-1990 enfasizza l-importanza li jitlesta x-xogħol fuq il-kumparabilità tal-kwalifiki fil-ħin għat-tlestija ppjanata tas-Suq Intern għall-aħħar ta' l-1992. Huwa ppropona li l-proċeduri jiġu ssemplifikati u l-pass jitħaffef, li jiġu stabbiliti miri għall-qbil tad-deskrizzjonijiet ta’ l-okkupazzjonijiet f'14-il settur ieħor qabel tmiem l-1992. Fil-prattika dan kien ambizzjuż wisq u dawn il-miri ma ntlaħqux.

Id-Deċiżjoni nstab li kienet inflessibbli wisq biex taddatta ruħha għal bżonnijiet li jinbidlu. Għalkemm id-Deċiżjoni semmiet il-bżonn li taddatta għal sitwazzjonijiet ġodda li jiġu minn bidla teknoloġika, il-Kummissjoni, is-Cedefop u l-Istati Membri waslu li jaċċettaw li l-approċċ iċċentralizzat magħżul, u l-evoluzzjoni kostanti u rapida tal-kwalifiki, malajr għamlu t-tagħrif ippublikat skadut.

Ir-rapport ta’ l-1990 enfasizza li s-sistema tkun effettiva biss jekk tintuża mill-Istati Membri – fir-realtà x-xogħol li twettaq fil-livell Ewropew ftit ħalla impatt fil-livell tal-partijiet interessati nazzjonali u settorjali.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet speċifikati fid-Deċiżjoni ġiet abbundanata malajr.

Il-proposta preżenti biex tħassar b'hekk tikkontribwixxi għall-programm tal-Kummissjoni li tissemplifika l-leġiżlazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività bħala parti mill-Aġenda għat-Tkabbir u l-Impjiegi, u biex titjieb il-kwalità ġenerali tal-qafas ġuridiku tal-Komunitajiet.

Il-Kummissjoni temmen, barra minn hekk, li d-Deċiżjoni tal-VET m’għadx hemm bżonnha peress li warajha tnedew bosta inizjattivi iktar reċenti fil-livell ta’ l-UE u intergovernattiv biex tiżdied it-trasparenza, jiġi appoġġjat it-trasferiment u tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlimiet.

Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF)

B’mod partikolari, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, jew EQF, se jipprova jirreplika l-objettiv wiesgħa tad-Deċiżjoni ta’ l-1985, billi tipprova tiffaċilita t-tqabbil tal-kwalifiki u b’hekk il-mobilità tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni ħarġet proposta għat-twaqqif ta’ l-EQF f’Settembru 2006, COM(2006) 479, li kienet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi [xahar/sena].

L-EQF huwa differenti mid-Deċiżjoni ta’ l-1985 fl-ambitu li huwa qafas ta' tagħlim tul il-ħajja, li jkopri edukazzjoni ġenerali u adulta, edukazzjoni ogħla kif ukoll VET (li kien l-uniku fokus tad-Deċiżjoni ta' l-1985). Hija differenti ħafna wkoll fl-approċċ li ttieħed.

Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-EQF bħala għodda ta’ referenza għat-tqabbil tal-livelli tal-kwalifiki f’sistemi ta’ kwalifiki nazzjonali, kif ukoll sistemi ta’ kwalifiki żviluppati mill-għaqdiet settorjali internazzjonali. Huwa rakkomandat li l-pajjiżi jirrelataw is-sistemi nazzjonali tagħhom ma’ l-EQF billi jagħqdu l-livelli tal-kwalifiki mal-livelli EQF korrispondenti u, fejn xieraq, jiżviluppaw qafas nazzjonali għall-kwalifiki. Il-pajjiżi huma rakkomandati wkoll biex jiżguraw li, sa l-2012, iċ-ċertifikati, id-diplomi u l-kwalifiki l-oħrajn tagħhom għandhom il-livell EQF xieraq (eż. il-livell 4).

L-EQF huwa bbażat fuq sett ta’ livelli ta’ referenza Ewropej deskritti f’termini ta’ riżultati mit-tagħlim - li jiddiskrivu x’jaf, x’fehem u x’kapaċi jagħmel l-istudent irrispettivament mill-kuntest fejn tinkiseb kwalifika partikolari. B’dan il-mod, il-kwalifiki fi kwalunkwe qafas ta’ edukazzjoni u taħriġ ikun jista’ jinftiehem. Dan l-użu tar-riżultati tat-tagħlim fid-deskrizzjoni tal-livelli tal-kwalfiki jiffaċilita l-validazzjoni tat-tagħlim li jseħħ barra l-istituzzjonijiet formali ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, element kruċjali biex verament ikun hemm tagħlim tul il-ħajja.

L-EQF u d-Deċiżjoni 85/368/KEE

Id-Deċiżjoni ta’ l-1985 kellha approċċ minn fuq għal isfel li kien jeħtieġ kooperazzjoni intensiva bejn l-esperti minn pajjiżi differenti biex jaġġornaw kostantement il-lista, jemendaw id-deskrizzjonijiet ta' l-okkupazzjonijiet u l-kwalifiki, u jżidu kwalifiki ġodda jekk ikun hemm bżonn. Il-fatt li qasam limitat biss ta’ okkupazzjonijiet u frazzjoni biss ta’ kwalifiki professjonali kienu koperti jirrifletti l-imprattikabilità ta’ approċċ ta’ dan it-tip.

L-EQF jadotta approċċ volontarju u deċentralizzat fejn il-Komunità tipprovdi punt ta’ referenza komuni filwaqt li deċiżjonijiet dettaljati jitħallew għal entitajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u settorjali. L-arranġamenti maħsuba għax-xogħol ta’ referenzar fi ħdan il-pajjiżi mhumiex ta’ piż eċċessiv. Il-pajjiżi jorbtu l- livelli ta’ kwalifiki għall-EQF, ħalli kwalunkwe kwalifika li taqa’ taħt livell partikolari fil-qafas jew sistema nazzjonali tkun tista’ tingħata klassifikazzjoni tal-livell EQF. L-EQF b’hekk jipprovdi lingwaġġ komuni għad-deskrizzjoni u biex jinftiehmu l-kwalifiki.

Id-deċiżjonijiet nazzjonali dwar it-tqegħid tal-kwalifiki fil-livelli ta’ l-EQF imbagħad ikunu ppreżentati lill-Grupp Konsultattiv ta' l-EQF li jiżgura l-kwalità tal-proċess. . Il-pajjiżi b’hekk għandhom interess f'li jagħmlu stima inizjali xierqa tal-livell tal-kwalifiki tagħhom stess u fil-kontribut għall-proċess ta' assikurazzjoni tal-kwalità fil-livell Ewropew.

L-EQF b'hekk jindirizza l-limitazzjonijiet tad-Deċiżjoni ta' l-1985 f'żewġ livelli: billi jiffoka fuq it-titjib tat-trasparenza tal-kwalifiki, u bl-introduzzjoni ta' approċċ deċentralizzat għall-kooperazzjoni iktar xierqa għall-kumplessità dejjem tiżdied tal-kwalifiki fl-Ewropa.

Strumenti oħrajn ta' trasparenza u mobilità

Filwaqt li l-EQF se jkun l-istrument li jfittex l-iktar mill-qrib li jilħaq il-miri u l-funzjonijiet li d-Deċiżjoni ta' l-1985 ma setgħetx tilħaq, hemm strumenti u miżuri oħrajn fil-livell Ewropew li jippromwovu t-trasparenza u jżidu t-trasferibilità tal-kwalifiki. Dawn jinkludu l-Europass, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment tal-Kredits għal edukazzjoni ogħla (ECTS), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-2004 dwar l-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali u l-portal Ploteus

Id-Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas uniku tal-Komunità għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass) introduċa sett ta' strumenti Ewropej biex jiġu użati mill-individwi biex jiddeskrivu l-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom.

Is-sistema eżistenti għat-trasferiment tal-Kredits Ewropej għall-edukazzjoni ogħla (ECTS) u s-Sistema emerġenti Ewropea għat-Trasferiment tal-Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Professjonali (ECVET) se jagħmluha eħfef għall-individwi li jikkombinaw l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ minn pajjiżi differenti. Dawn iż-żewġ strumenti jipprovdu appoġġ dirett lil ċittadini individwali li qed jippruvaw jittrasferixxu kwalifiki jew unitajiet ta' kwalifiki minn ġo ostakli istituzzjonali u fruntieri nazzjonali.

Sett ta' prinċipji Ewropej komuni dwar l-identifikazzjoni u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali ġew adottati mill-Kunsill Ewropew fl-2004 (9600/2004). Dawn il-prinċipji jipprovdu bażi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-validazzjoni u jinkoraġġixxu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jintroduċu b'mod aktar sistematiċi metodi u sistemi għall-validazzjoni.

Il-portal 'Ploteus' dwar l-opportunitajiet tat-tagħlim (http://ec.europa.eu/ploteus) jikkontribwixxi għal trasparenza aħjar tal-kwalifiki billi jipprovdi informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u tagħlim fil-pajjiżi Ewropej.

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki fil-qasam tal-professjonijiet regolati huwa żgurat mid-Direttiva 2005/36/KE, adottata fis-7 ta' Settembru 2005. Din id-Direttiva, li tikkonsolida, timmodernizza u tissemplifika 15-il Direttiva eżistenti adottati bejn l-1975 u l-1999, tistipula sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki għall-professjonijiet b’kundizzjonijiet ta’ taħriġ armonizzat (tobba, infermiera, qwiebel, dentisti, veterinarji, spiżjara) kif wkoll għall-periti. Għall-professjonijiet regolati l-oħra (bħalissa madwar 800 professjoni huma rregolati minn Stat Membru wieħed jew aktar ta’ l-UE) is-sistemi huma bbażati fuq rikonoxximent reċiproku, jiġifieri persuna kkwalifikata biex teżerċita professjoni fi Stat Membru, għandha tkun awtorizzata wkoll li tipprattika din il-professjoni fi Stat Membru ieħor.

2. KONSISTENZA MAL-POLITIKI U L-GħANIJIET L-OħRA TA’ L-UNJONI

Il-proposta biex titħassar id-Deċiżjoni hija konsistenti ma' l-aġenda ta' Liżbona, b'mod partikolari l-istrateġija ta' Regolamentazzjoni Aħjar u l-bżonn biex l-ambjent regolatorju jkun issemplifikat għan-negozju u partijiet oħrajn interessati.

Id-Deċiżjoni ta' l-1985 ilha li ma baqgħetx tintuża. Ilu mill-1990 li tħejja rappport mill-Kummissjoni li enfasizza d-defiċjenzi u r-rekord l-iktar l-iktar parzjali fl-ilqugħ ta' l-għanijiet stabbiliti. Qatt ma saret iktar minn parzjalment implimentata u waqfet milli tiġi applikata fi kwalunkwe kuntest.

Il-possibilitajiet għall-Kummissjoni:

Fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qieset tliet possibilitajiet għall-proċediment. L-ewwel possibilità tkun li d-Deċiżjoni titħalla tibqa' parti mill-acquis Komunitarju. Madankollu, minħabba l-ineffettività tad-Deċiżjoni, din il-pożizzjoni tkun kontradittorja għall-impenn dikjarat tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-leġiżlazzjoni. Peress li l-Kunsill u l-Parlament adottaw il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, li jipprova jikseb xi wħud mill-istess miri tad-Deċiżjoni ta' l-1985, dan iwassal għal biċċa leġiżlazzjoni żejda fis-seħħ teoretikament. Għalhekk, ikun hemm żewġ strumenti b'miri simili imma bbażati fuq metodoloġiji differenti u li jiddeskrivu l-kwalifiki b'ħarsa differenti. Dan joħloq sitwazzjoni ta' konfużjoni.

It-tieni possibilità hija li d-Deċiżjoni ta' l-1985 tiġi modifikata. Imma, kemm metodoloġikament kemm prattikament, dan ikun diffiċli jekk mhux impossibbli. Kif ġie indikat hawn fuq, il-bażi l-iktar ta' inputs tad-Deċiżjoni ta' l-1985 hija iktar u iktar skaduta jiġifieri t-test tad-Deċiżjoni jeħtieġ li jinkiteb kważi kollu mill-ġdid, li jfisser li t-test oriġinali jitlef is-sens kollu. Modifika tirrepeti xi wħud mill-problemi/oġġezzjonijiet imsemmija fl-ewwel possibilità ta' hawn fuq, per eżempju li jintbagħtu sinjali li jħawdu lill-Istati Membri.

It-tielet possibilità hija li titħassar id-Deċiżjoni, u b'hekk il-miri tagħha jitħallew jiġu indirizzati mill-EQF il-ġdid u l-mekkaniżmi l-oħrajn imsemmija hawn fuq. It-tħassir huwa konsistenti mal-mira ġenerali tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-piż regolatorju u t-tneħħija ta' leġiżlazzjoni obsoleta u li ma tintużax (Programm ta' Semplifikazzjoni u Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2007, u l-istrateġija ta' Regolamentazzjoni aħjar). Il-miri tagħha jintlaħqu mill-EQF kemm b'iktar effiċjenza, minħabba l-qafas eħfef tagħha, u kemm b'mod iktar effettiv, minħabba t-trasparenza miżjuda tagħha, l-ambitu usa' tagħha u l-fatt li hija bbażata fuq ir-riżultati tat-tagħlim. Barra minn hekk, l-EQF inbena b'kunsens fost il-partijiet interessati f'kull stadju ta' l-iżvilupp tiegħu. Il-Kummissjoni pproponietu fuq talba ta' l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, u kkonsultathom fit-tul dwar il-formulazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni b'hekk iddeċidiet li tagħżel t-tielet possibilità u tipproponi t-tħassir tad-Deċiżjoni ta' l-1985.

3. ELEMENTI ĠURIDIċI TAL-PROPOSTA

Taqsira ta' l-azzjoni proposta

Il-proposta tipprovdi t-tħassir tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE dwar it-tqabbil tal-kwalifiki tat-taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea

Bażi ġuridika

L-Artikolu 150(4) tat-Trattat, li jgħid li azzjoni Komunitarja għandha tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni ta' l-Istati Membri u, b'mod partikolari, kif intqal fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu, ittejjeb it-taħriġ professjonali inizjali, tiffaċilita l-integrazzjoni professjonali u l-integrazzjoni mill-ġdid kif ukoll tiżviluppa skambji ta' tagħrif u esperjenzi fi kwistjonijiet komuni.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġuni li ġejja.

- Id-Deċiżjoni trid titħassar fil-livell Komunitarju.

Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja:

Tħassar leġiżlazzjoni żejda.

L-għażla ta’ l-istrumenti

L-istrument propost: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Deċiżjoni hija neċessarja għat-tneħħija ta' Deċiżjoni eżistenti.

4. IMPLIKAZZJONI FUQ IL-BAġIT

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità.

2007/0234 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE dwar it-tqabbil tal-kwalifiki tat-taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

(1) Il-politiki Komunitarji dwar regolamentazzjoni aħjar jenfasizzaw l-importanza tas-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja bħala element kruċjali fit-titjib tal-kompetittività ta’ l-impriżi u għall-ksib ta’ l-għanijiet ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona.

(2) L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 85/368/KEE[5] ma kinitx effettiva fil-ksib tal-kumparabilità tal-kwalifiki professjonali għall-benefiċċju tal-ħaddiema li qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor.

(3) Il-metodi u l-approċċ użat għad-deskrizzjoni u t-tqabbil tal-kwalifiki stipulati fid-Deċiżjoni 85/368/KEE huma differenti minn dawk applikat bħalissa fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ.

(4) Id-Deċiżjoni 85/368/KEE saret żejda bl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill ta' […] dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja[6].

(5) Id-Deċiżjoni 85/368/KEE għandha għalhekk titħassar.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 85/368/KEE qiegħda titħassar b'effett minn […]

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU L 199, 31.7.1999, p. 56.

[6] ĠU […]