52007PC0637




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.10.2007

KUMM(2007) 637 finali

2007/0228 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għoljin

(preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2007) 1382}{SEG(2007) 1403}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tifforma parti mill-isforzi ta' l-UE biex tiżviluppa politika dwar l-immigrazzjoni komprensiva. Il-Programm ta' l-Aja ta' Novembru 2004, irrikonoxxa li "il-migrazzjoni legali jkollha rwol importanti fit-tisħiħ ta' l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa, fit-tisħiħ ta' l-iżvilupp ekonomiku, u għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona", u talab lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' politika dwar il-migrazzjoni legali "li tinkludi l-proċeduri ta' dħul, kapaċi li jwieġbu malajr għat-talbiet dejjem jinbidlu għall-imjieg tal-migranti fis-suq tax-xogħol". Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 qabel dwar serje ta' passi li għandhom jittieħdu matul l-2007, inkluż għall-"iżvilupp, f'dak li jirrigwarda l-migrazzjoni legali, ta' politiki mmexxija sew, li jirrispettaw bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali, biex jassistu lill-Istati Membri jissodisfaw il-ħtiġijiet tax-xogħol eżistenti u futuri (...) il-proposti ġejjiena tal-Kummissjoni fil-qafas tal-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali ta' Diċembru 2005 għandhom ikunu evalwati mill-iktar fis". Din il-proposta hija ppreżentata - flimkien mal-proposta għal "direttiva qafas" - skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2005 dwar Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali (KUMM(2005) 669), li pprevedew, bejn l-2007 u l-2009, l-adozzjoni ta' ħames proposti leġiżlativi dwar l-immigrazzjoni għax-xogħol. Din l-istrateġija hija mmirata biex tfassal il-kondizzjonijiet ta' dħul għal kategoriji speċifiċi ta' migranti (ħaddiema bi kwalifiki għolja, ħaddiema staġjunali, apprentisti mħallsa u persuni trasferiti fi ħdan l-istess kumpanija), fuq naħa waħda, u l-iżgurar ta' l-istatus legali ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi li diġà daħlu u l-introduzzjoni ta' simplifikazzjoni proċedurali għall-applikanti, fuq in-naħa l-oħra. –Il-proposta preżenti għandha l-għan li twieġeb il-mandati ta' politika msemmijin hawn fuq. B'mod partikolari, għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta' l-UE li tattira u - fejn meħtieġ - iżżomm ħaddiema bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi sabiex iżżid il-kontribut ta' l-immigrazzjoni legali għat-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-UE billi tikkumplementa l-għadd ta' miżuri oħra li l-UE qed timplementa biex tikseb l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona. B'mod speċifiku hija timmira biex twieġeb b'mod effettiv u mingħajr dewmien għall-ħtiġijiet ta' ħaddiema immigranti bi kwalifiki għolja - u biex tikkumpensa n-nuqqasijiet preżenti u futuri ta' kapaċitajiet - billi toħloq opportunitajiet indaqs fil-livell ta' l-UE sabiex tiffaċilita u tarmonizza d-dħul ta' din il-kategorija ta' ħaddiema u billi tippromwovi l-allokazzjoni u r-rijallokazzjoni effiċjenti tagħhom fis-suq tax-xogħol ta' l-UE. Din il-proposta timmira li tilħaq dawn l-għanijiet b'tali mod li ma tfixkilx il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli jagħtu servizzi soċjali bażiċi u jagħmlu progress fil-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs). Għaldaqstant, għandha tinkludi miżuri biex tippromwovi l-migrazzjoni ċirkolari. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tipproponi li toħloq proċedura komuni rapida u flessibbli għad-dħul ta' immigranti bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi, kif ukoll kondizzjonijiet ta' residenza attraenti għalihom u l-membri tal-familja tagħhom, inkluż ċerti faċilitazzjonijiet għal dawk li jkunu jixtiequ jmorru fi Stat Membru ieħor għal impjieg bi kwalifiki għolja. |

120 | Il-kuntest ġenerali Għal dak li jirrigwarda l-immigrazzjoni ekonomika, is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti tas-swieq tax-xogħol ta' l-UE jistgħu jkunu deskritti b'mod ġenerali bħala sitwazzjoni ta' 'bżonn'. Uħud mill-Istati Membri diġà qed ikollhom nuqqasijiet sostanzjali ta' ħaddiema u kapaċitajiet f'ċerti setturi ta' l-ekonomija, li ma jistawx jimtlew mis-swieq tax-xogħol nazzjonali u jinvolvu l-firxa sħiħa ta' kwalifiki. Il-previżjonijiet ta' l-Eurostat jindikaw li sa l-2025 l-popolazzjoni totali fl-UE hija mistennija tonqos u l-popolazzjoni ta' nies f'età li jaħdmu ser tonqos sa l-2011, għalkemm mhux l-Istati Membri kollha jkunu affetwati bl-istess mod. Element ieħor li jrid jiġi kkunsidrat huwa t-tkabbir kontinwu ta' l-impjieg fis-setturi ta' edukazzjoni għolja meta mqabbla ma setturi oħra ta' l-ekonomija ta' l-UE. Għalhekk l-analiżi juru li l-UE ser dejjem ikollha bżonn iktar ħaddiema bi kwalifiki għolja biex issostni l-ekonomija tagħha, għalkemm l-immigrazzjoni fiha nnifisha m'hijiex is-soluzzjoni. Madankollu l-UE in ġenerali tidher li m'hijiex ikkunsidrata attraenti mill-professjonisti bi kwalifiki għolja fil-kuntest ta' kompetizzjoni internazzjonali qawwija ħafna. Pereżempju, l-UE hija d-destinazzjoni ewlenija għal ħaddiema mingħajr, jew b’kapaċitajiet medji, mill-Maghreb (87% minn dawn l-immigranti), filwaqt li 54% ta' l-immigranti bi kwalifiki għolja minn dawn l-istess pajjiżi jgħixu fl-Istati Uniti u l-Kanada. Il-ġibda ta' l-UE meta mqabbla ma' dawn il-pajjiżi tonqos minħabba l-fatt li fil-preżent il-migranti bi kwalifiki għolja jridu jiffaċċjaw 27 sistema ta' dħul differenti, m'għandhomx il-possibbiltà li jiċċaqalqu faċilment minn pajjiż għal ieħor għax-xogħol, u f'bosta każijiet proċeduri twal u kkumplikati jwassluhom biex jagħżlu pajjiż li m'huwiex parti mill-UE li joffri kondizzjonijiet iktar favorevoli għad-dħul u r-residenza. Huwa diffiċli li titkejjel l-iskala tal-problema, minħabba li fil-preżent għaxar Stati Membri biss għandhom skemi speċifiċi biex idaħħlu ħaddiema bi kwalifiki għolja u, minħabba li dawn l-iskemi huma differenti, id-data ma tistax tiġi mqabbla. Għall-Istati Membri l-oħra, statistiċi speċifiċi jew ma jeżistux jew huma parzjali. Jistgħu jiġu pprovduti biss stimi approssimattivi. Pereżempju, madwar 74 300 professjonist daħlu fi 15-il Stat Membru fl-2003. Madankollu, fejn hemm skemi speċifiċi, dawn huma esklużivament nazzjonali u ma jippermettu l-ebda faċilitazzjoni għal ħaddiema bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi jew li jixtiequ jmorru f'Stat Membru ieħor għall-imjieg, li jwassal għal segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-UE u ma jippermettix (rij)allokazzjoni iktar effiċjenti tal-ħaddiema meħtieġa. Mill-Kunsill Ewropew f'Tampere f'Ottubru 1999, il-Kummissjoni ħadmet biex tilħaq ftehim dwar ir-regoli komuni għall-migrazzjoni ekonomika, li huwa l-qofol ta' kwalunkwe politika ta' immigrazzjoni. Fl-2001 il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar "il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' attivitajiet ekonomiċi ta' impjieg bi ħlas u impjieg għal min jaħdem għal rasu". Filwaqt li l-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra taw opinjonijiet pożittivi, id-diskussjoni fil-Kunsill kienet limitata għall-ewwel qari tat-test, li ġie uffiċjalment irtirat fl-2006. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25.11.2003 dwar l-istatus taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul tiddetermina l-kondizzjonijiet biex jingħata dan l-istatus lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fi Stat Membru, u t-termini taħt liema resident għat-tul jista' jiċċaqlaq għat-tieni Stat Membru. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22.9.2003 dwar id-dritt tar-rijunifikazzjoni tal-familja tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom jista' jiġi eżerċitat dan id-dritt. Il-proposta tidderoga minn dawn l-istrumenti safejn tfassal il-proviżjonijiet dwar il-kisba ta' status ta' resident ta' l-UE għat-tul, li ma tippenalizzax il-ħaddiema bi kwalifiki għolja li għandhom il-permess li jmorru minn Stat Membru għal ieħor għax-xogħol bi kwalifiki għolja, u tipprovdi għal kondizzjonijiet iktar favorevoli għar-rijunifikazzjoni tal-familja u għal dritt ta' prijorità biex imorru fit-tieni Stat Membru wara l-istatus ta' resident UE għat-tul ikun inkiseb. B'mod parallel, il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Direttiva dwar proċedura ta' applikazzjoni waħdanija għal permess waħdani ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jirresjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar għadd komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjizi terzi li joqgħodu legalment fi Stat Membru. L-Abbozz taż-żewġ proposti sar bil-għan li jkunu kompatibbli u konsistenti. |

140 | Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Miżuri biex jattiraw u jżommu ħaddiema bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi taħt strateġija bbażata fuq il-ħtiġijiet huma parti mill-qafas iktar wiesa' identifikat mill-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati favur it-Tkabbir u l-Impjieg, li fihom kemm il-politiki makroekonomiċi kif ukoll mikroekonomiċi huma identifikati b'mod ċar sabiex titħaddan il-kompetittività ta' l-UE, inkluż billi tattira iktar nies għall-impjieg, billi ttejjeb l-adattabilità tal-ħaddiema u l-impriżi, kif ukoll il-flessibilità tas-swieq tax-xogħol. Madankollu, dawn il-miżuri jeħtieġu ż-żmien biex jitwettqu, filwaqt li t-taħriġ u l-ħaddiema eżistenti (jew azzjonijiet simili bħal dawn) fil-parti l-kbira ma jkunux adegwati biex iwieġbu l-ħtiġijiet tal-kumpanniji ta' l-UE għal tobba, inġinjieri eċċ. Immigranti bi kwalifiki għolja jistgħu għalhekk ikunu ta' vantaġġ. Il-proposta hija wkoll konformi mal-politika ta' żvilupp ta' l-UE b'attenzjoni speċjali fuq l-eradikazzjoni tal-faqar u t-twettiq tal-MDGs. F'dan ir-rigward hija tagħraf li jista' jkollha impatt differenti fuq pajjiżi differenti barra l-Unjoni u tfittex biex tnaqqas l-impatti negattivi filwaqt li żżid l-impatti pożittivi ta' migrazzjoni ta' nies b’kapaċitajiet għolja fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li diġà għandhom nuqqas ta' riżorsi umani f'ċerti setturi. Dan l-istrument irid jitqies fil-kuntest usa' tal-politiki ta' żvilupp u immigrazzjoni ta' l-UE, inkluż miżuri operazzjonali, finanzjament, ftehim li diġà saru jew li huma ppjanati. Din il-proposta hija konformi mad-drittijiet fundamentali, billi tirrikonoxxi u tħares id-drittijiet ta' immigranti bi kwalifiki għolja (u l-membri familjarji tagħhom) bħala ħaddiema u residenti fl-UE, inkluż il-garanziji proċedurali u d-drittijiet għal ħajja familjarja. Id-data personali li l-awtoritajiet huma meħtieġa li jiksbu meta jimplimentaw din il-proposta se jkollha bżonn tiġi pproċessata skond id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

211 | Metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu Saret konsultazzjoni pubblika permezz tal-Green Paper dwar strateġija ta' l-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika. Il-kontribuzzjonijiet relevanti kollha jinsabu fuq http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/economic_migration/news_contributions_economic_migration_en.htm). Saret laqgħa pubblika fl-14 ta' Ġunju 2005. Saru iktar konsultazzjonijiet permezz ta' seminars u laqgħat ta' ħidma. L-Istati Membri ġew ikkonsultati fi ħdan il-qafas tal-Kumitat tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Permezz ta' l-istudju estern li sar biex jappoġġja l-valutazzjoni ta' impatt, saru iktar konsultazzjonijiet ta' l-partijiet interessati prinċipali permezz ta' kwestjonarji u intervisti. |

212 | Taqsira tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati L-analiżi tal-kontribuzzjonijiet li waslu wrew appoġġ ġenerali għal politika komuni ta' l-UE għall-immigrazzjoni ekonomika, għalkemm b'differenzi sostanzjali fl-istrateġija li trid tiġi segwita u fir-riżultat finali mistenni. Ħarġu xi elementi ċari, jiġifieri l-ħtieġa għar-regoli komuni ta' l-UE li jirregolaw l-immigrazzjoni għall-impjieg kollha jew mill-inqas il-kondizzjonijiet ta' dħul għal xi kategoriji ewlenin ta' immigranti ekonomiċi (ħaddiema bi kwalifiki għolja u staġjunali). Dawn iż-żewġ kategoriji kienu kkunsidrati ta' importanza kbira għall-kompetittività ta' l-UE. Domanda ċara oħra kienet li jiġu proposti soluzzjonijiet sempliċi, mhux burokratiċi u fl-istess ħin flessibbli. Minħabba li numru kbir ta' Stati Membri ma kienux favur strateġija orizzontali, il-Kummissjoni kkunsidrat li strateġija settorjali hija iktar realistika u twieġeb aħjar id-domandi għal flessibilità. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti li saru dwar il-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali u b' konnessjoni ma' l-istudju għall-valutazzjoni ta' impatt. |

Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

229 | Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. |

230 | Valutazzjoni ta’ l-impatt Tqiesu dawn l-alternattivi li ġejjin: Għażla A - status quo. Il-politiki dwar l-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri jvarjaw ħafna f'dak li jirrigwarda d-dħul ta' ħaddiema bi kwalifiki għolja. Dawn il-ħaddiema huma meħtieġa dejjem iktar biex jimlew in-nuqqasijiet eżistenti u li qed jiżdiedu fis-suq tax-xogħol, imma l-UE ma jirnexxilhiex tattirahom. Fin-nuqqas ta' azzjoni komuni f'dan il-qasam, is-sitwazzjoni tista' ma tinbidilx b'mod sostanzjali. Għażla B - biex tiġi stabbilita politika bażika komuni għad-dħul ta' immigranti bi kwalifiki għolja. Jiġi propost għadd minimu ta' kondizzjonijiet għad-dħul, biex titħalla awtonomija wiesgħa lill-Istati Membri fid-definizzjoni ta' l-elementi distinti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Ma jiġux indirrizzati kondizzjonijiet ta' residenza u impjieg. Din l-għażla jkollha effett limitat biss fuq il-ġibda ta' dawn il-ħaddiema jew fit-titjib ta' l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol ta' l-UE. l-impatt globali fuq l-ambjent makroekonomiku jkun limitat mhux ħażin. Għażla Ċ - biex tiġi ssimplifikata s-sistema ta' dħul, billi titwaqqaf sistema ta' l-UE ta' punti u proċedura ta' dħul rapida, li tippermetti r-rijunfikazzjoni tal-familja immedjata u toħloq database li tqabbel il-kapaċitajiet. Din l-għażla tista' tippromwovi u tiffaċilita ħafna l-migrazzjoni ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja lejn l-UE. Madankollu, sakemm il-punti jiġu stabbiliti fil-livell ta' l-UE (li għalissa jista' jkun f'kuntrast mas-sussidjarjetà), l-immigranti jkomplu jiffaċċjaw kondizzjonijiet ta' dħul differenti ħafna. Għażla D - biex jiġi stabbilit sett komuni ta' kriterju u proċedura rapida għad-dħul flimkien ma' kondizzjonijiet ta' residenza iktar favorevoli (drittijiet ta' impjieg u residenza, rijunifikazzjoni immedjata tal-familja, ksib iktar malajr ta' status ta' resident tal-KE għat-tul, eċċ.). L-integrazzjoni effettiva ta' ħaddiema ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà tkun l-aħjar mod kif il-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tiġi sfruttata, u dan itejjeb ħafna l-kapaċità ta' l-UE li tindirizza l-isfidi preżenti u mistennija. Madankollu, l-effetti ta' politika bħal din tkun limitata għal Stati Membri individwali. Għażla E1 - biex titħaddan il-mobilità fl-UE nnifisha permezz ta' koordinazzjoni ta' listi ta' prijorità u bil-ħolqien ta' Karta Blu ta’ l-UE u database għad-detenturi tal-Karta Blu. Il-mobilità fl-UE nnifisha tkun inċentiv qawwi biex ħaddiema ta' pajjiżi terzi bi kwalifi għolja jidħlu fis-suq tax-xogħol ta' l-UE, u jista' jkollu rwol ewlieni li jnaqqas l-iskarsezza tax-xogħol f'ċerti setturi/oqsma. Iktar għodod ikunu jistgħu jkunu ta' għajnuna fit-tqabbil tal-provvista u d-domanda tax-xogħol (jiġifieri id-Database tal-Karta Blue ta’ l-UE). Din l-għażla ta' politika tista' tikseb effetti notevoli u pożittivi fuq l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol u fuq l-ambjent makroekonomiku ta' l-UE. Għażla E2 - biex jiġu estiżi għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja d-dispożizzjonijiet dwar il-mobilità intra-UE li hemm fid-Direttiva 2003/109/KE. Din l-Għażla tinkludi wkoll is-sistema ta' punti taħt Għażla Ċ. Madankollu, il-mobilità intra-UE taħt din l-għażla tista' tkun iktar limitata milli hi taħt l-Għażla E1. Għalhekk, ir-rilevanza u l-effettività kollha ta' din l-għażla ta' politika tista' tkun iktar limitata. Għażla F - komunikazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni. L-azzjonijiet previsti jistgħu jappoġġjaw, sa ċertu punt, l-istabbiliment ta' bażi komuni li tiffaċilita l-attrazzjoni ta' ħaddiema bi kwalifiki għolja u l-allokazzjoni iktar effiċjenti tagħhom fis-suq tax-xogħol ta' l-UE. Madankollu, ikollha effettività limitata. |

231 | Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni ta’ l-impatt elenkat fil-Programm ta’ Ħidma, li r-rapport tiegħu huwa disponibbli fuq [għandha tiżdied]. |

ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Sommarju ta' l-azzjoni proposta Il-proposta twaqqaf proċedura rapida għad-dħul ta' ħaddiema ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja, ibbażata fuq definizzjoni u kriterji komuni. Kuntratt ta' xogħol, kwalifiki professjonali u salarju 'l fuq mil-livell minimu stabbilit fil-livell nazzjonali. Skema speċifika għall-"professjonisti żgħażagħ" hija maħsubha. Il-ħaddiema b'permess għad-dħul jingħataw permess ta' residenza li jippermettilhom li jaħdmu ("Karta Blu ta’ l-UE"): dan il-permess jagħti lilhom u l-familji tagħhom serje ta' drittijiet, inklużi kondizzjonijiet favorevoli għar-rijunifikazzjoni tal-familja. L-aċċess għas-suq tax-xogħol ta' Stat Membru ta' residenza jkun ristrett għall-ewwel sentejn. Il-proposta tinkludi wkoll il-possibilità għal detentur ta' "Karta Blu ta’ l-UE" li jiċċaqlaq għax-xogħol fit-tieni Stat Membru taħt ċerti kondizzjonijiet u wara sentejn ta' residenza legali fl-ewwel Stat Membru. Biex tkun iffaċilitata l-mobilità intra-UE, id-derogi mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE li hemm proviżjonijiet dwarhom, b'mod partikolari l-possibilità ta' akkumulazzjoni ta' perjodi ta' residenza fi Stati Membri differenti sabiex jiksbu status ta' residenti ta' l-UE għat-tul. Ladarba jinkiseb dan l-istatus, id-dispożizzjonijiet dwar il-mobilità tad-Direttiva 2003/109/KE japplikaw, imma l-Istati Membri jkollhom jagħtu preferenzi lil dawn il-professjonisti fuq ħaddiema oħra ta' pajjiżi terzi li japplikaw għad-dħul. |

310 | Bażi legali Din il-proposta tikkonċerna kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u standards fuq proċeduri għall-ħruġ tal-permessi meħtieġa. Tfassal ukoll il-kondizzjonijiet taħt liema ċittadin ta' pajjiż terz jista' jirresjedi fit-tieni Stat Membru. Konsegwentament, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 63(3)(b) u (4) tat-Trattat tal-KE. |

320 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjaretà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

321 | Jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom, jista' jkun li ma jkunux jistgħu jiffaċċjaw il-kompetizzjoni internazzjonali għall-ħaddiema ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja. |

323 | Għandu jkun hemm serje ta' kondizzjonijiet differenti għad-dħul u residenza għal dawn il-ħaddiema, billi kull sistema nazzjonali hija magħluqa u f'kompetizzjoni ma' l-oħrajn. Dan jista' jwassal għal distorsjoni fuq l-għażliet ta' l-immigranti, u iktar importanti tikkomplika iktar milli hemm bżonn ir-rijallokazzjoni tal-forza tax-xogħol meħtieġa bit-tibdil tal-ħtiġijiet fuq is-swieq tax-xogħol, bil-possibilità li tintilef forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja diġà preżenti fl-UE. |

L-azzjoni Komunitarja tkun tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

324 | L-attraenza ewlenija ta' l-UE meta mqabbla mal-kompetituri tagħha hija l-possibilità li jiġu aċċessati 27 suq tax-xogħol, u għalhekk l-iżvilupp professjonali filwaqt li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet konkreti tal-kumpanniji ta' l-UE. Imma dan jista' jsir biss permezz ta' azzjoni Komunitarja (meħtieġa wkoll biex tidderoga l-acquis communautaire bil-għan li toħloq kondizzjonijiet iktar faċli għall-kisba ta' residenza tal-KE għat-tul) u jista' jiġi implimentat biss jekk ikun hemm sistema komuni biex jidħlu dan it-tip ta' ħaddiema. |

325 | Azzjoni komuni tiżgura li dawn il-ħaddiema: (1) jidħlu taħt regoli komuni; (2) igawdu mill-istess livell ta' drittijiet fl-UE kollha; (3) ikollhom il-possibilità li jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor sabiex jadattaw u jwieġbu malajr id-domanda dejjem tinbidel għal ħaddiema bi kwalifiki għolja; (4) huma integrati bis-sħiħ fl-UE. |

327 | Il-proposta tħalli wisa' biżżejjed għall-Istati Membri biex jadattaw l-iskema għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol nazzjonali tagħhom u ma taffetwax ir-responsabilità ta' l-Istati Membri li jiddeterminaw in-numru ta' immigranti ekonomiċi li jidħlu fl-UE biex ifittxu x-xogħol. |

Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja(in). |

331 | L-istrument magħżul huwa Direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri livell għoli ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħha. Skond l-Artikolu 63, l-inċiż ta' qabel ta' l-aħħar, tat-Trattat tal-KE, l-Istati Membri huma ħielsa li jżommu jew jintroduċu miżuri barra dawk stipulati fid-Direttiva sakemm ikunu kumpatibbli mat-Trattat u mal-ftehimiet internazzjonali. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

341 | Strument propost: id-direttiva. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja(in). Direttiva hi l-istrument xieraq għal din l-azzjoni: Hi tistabbilixxi standards minimi li jorbtu imma tati lill-Istati Membri flessibilità fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-qafas legali. |

IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

Klawżola ta’ evalwazzjoni/reviżjoni/estinzjoni |

531 | Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi. |

550 | Tabella ta’ korrelazzjoni L-Istati Membri huma meħtieġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll it-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |

570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Artikolu 1 Il-proposta għandha żewġ għanijiet. L-ewwel hija li tiġi introdotta proċedura speċjali għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex jgħixu fl-UE għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għolja, għal iktar minn tliet xhur. It-tieni għan huwa biex jingħata effett lill-Artikolu 63(4) tat-Trattat tal-KE u jiddetermina l-kondizzjonijiet li fihom ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali f'Stat Membru skond il-kondizzjonijiet ta' din il-proposta jistgħu jirresjedu mal-membri tal-familja tagħhom fi Stati Membri oħra. Artikolu 2 Il-proposta tirreferi għall-idea ta' "impjieg bi kwalifiki għolja". Din id-definizzjoni hija bbażata fuq żewġ elementi: l-ewwel hija l-kondizzjoni ta' eżerċitazzjoni ta' attività ekonomika bħala impjegat, li b'hekk teskludi ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jwettqu attività għal rashom. It-tieni tkopri l-kondizzjonijiet meħtieġa ta' "kwalifiki professjonali għolja". F'dan ir-rigward u sabiex tinkludi l-professjonisti li mhux neċessarjament għandhom bżonn diploma post-sekondarja biex jeżerċitaw l-attività tagħhom (maniġers b'esperjenza, ċerti professjonisti fil-qasam ta' l-IT, eċċ) il-proposta tippermetti li titqies minimu ta' tliet snin esperjenza professjonali fil-professjoni, minflok il-kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla. . Artikoli 3 u 4 Il-proposta ma tkoprix liċ-ċittadini ta' l-UE u l-membri tal-familja tagħhom, inklużi dawk li l-eliġibilità tagħhom għall-impjieg fi Stat Membru partikolari hija ristretta bi ftehimiet tranżitorji. Ma tkoprix ukoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fl-UE għat-tul jew refuġjati, dawk li jgħixu fi Stat Membru fuq bażi strettament temporanja skond il-leġiżlazzjoni tal-KE jew taħt impenji li jinsabu fi ftehimiet internazzjonali, u kategoriji limitati oħra. Il-proposta ma tippermettix lil Stati Membri jagħtu kondizzjonijiet iktar favorevoli għall-ewwel dħul fil-Komunità, sabiex ma tfixkilx l-iskop tad-Direttiva. Billi l-kondizzjonijiet ta' residenza (inkluż ir-rijunifikazzjoni tal-familja) jaffettwaw is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati biss f'dak li jirrigwarda l-Istat Membru ta' residenza, l-Istati Membri jibqgħu liberi jagħtu kondizzjonijiet iktar favorevoli. Artikolu 5 Dan l-artikolu jfassal il-kondizzjonijiet li jrid jissodisfa l-applikant, li minnhom dawk speċifiċi għall-proposta huma: 1) Billi d-dħul jiddependi fuq id-domanda, irid jiġi ppreżentat kuntratt ta' xogħol jew offerta ta' xogħol li torbot. 2) Is-salarju speċifikat fil-kuntratt ta' xogħol għandu jkun mill-inqas daqs ta' ċertu livell stabbilit fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu dan il-limiti f'livell kompatibbi mas-suq tax-xogħol u l-politiki ta' immigrazzjoni tagħhom. Madankollu, huwa kkunsidrat neċessarju li jiġi stabbilit livell minimu relativ - marbut in primis mal-paga minima stabbilita fil-liġijiet nazzjonali - sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri ma jinvalidawx dan il-kriterju billi jistabbilixxu livelli li jkun baxx wisq biex ċittadin nazzjonali jew ta' l-UE bi kwalifiki għolja jaċċetta l-post vakanti, għalkemm jikkorrispondi għall-kwalifiki tiegħu jew tagħha. Barra minn hekk, din il-proposta tipprovdi għal forma msaħħa ta' mobilità intra-UE ladarba ċ-ċittadin ta' pajjiż terz bi kwalifiki għolja kiseb ir-residenza tal-KE għal-tul. il-livell komuni minimu relativ għandu l-għan li jiżgura li d-deċiżjonijiet ta' dħul minn Stat Membru ma jaffettwax l-oħrajn b'mod negattiv fit-tul ta' żmien medju. Għandu jiżgura wkoll li l-applikant għandu l-mezzi li jmantni lilhu/ha nnifsu/ha - u jkopri l-ispejjeż ta' ritorn jekk meħtieġ - mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru kkonċernat. 3) Għal professjonijiet mhux irregolati, l-applikant għandu jipprova li hu/hi għandu l-kwalifiki ta' edukazzjoni meħtieġa jew mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali fil-professjoni kkonċernata li jista' jiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għal kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla; L-Istati Membri m'għandhomx jitolbu prova tat-tnejn. Fil-każ ta' professjonijiet irregolati, l-applikant għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-liġi nazzjonali jew tal-Komunità. Artikolu 6 Din id-deroga tikkonċera professjonisti żgħazagħ ta' inqas minn 30 sena, li jista' jkun li m'għandomx biżżejjed esperjenza professjonali biex jitolbu pagi għoljin. F'dan il-każ, kondizzjoni mandatorja anċillari hija li jkunu kkompletaw edukazzjoni ogħla f'qasam relatat ma' l-attività li ser jaħdmu fiha skond il-kuntratt tax-xogħol. Iktar flessibilità fil-kriterji tas-salarji hija proposta għall-professjonisti zgħażagħ li studjaw fl-UE. Artikoli 7, 9 u 10 Il-proposta ma toħloqx dritt għad-dħul. Dawn il-proviżjonijiet ifasslu r-raġunijiet mandatorji u possibbli għar-rifjut (kif ukoll għall-irtirar u n-nuqqas ta' tiġdid), notevolment jekk il-kriterji ma jintlaħqux, l-eżistenza ta' kwoti u l-possibilità li l-Istati Membri jwettqu test fuq is-suq tax-xogħol. Din il-possibilità aktar tardiva tirreferi b'mod partikolari għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Ġunju 1994 dwar il-limitazzjonijiet fuq dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' Stati Membri għall-imjieg. Il-prinċjipu ta' preferenza tal-Komunità kif espress fid-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Atti ta' Adeżjoni ta' l-2003 u l-2005 tikkostitwixxi liġi primarja u għalhekk id-Direttiva tapplika awtomatikament b'konformità ma' l-Atti ta' Adeżjoni minn dawk l-Istati Membri li għadhom qed jagħmlu użu mill-ftehim tranżizzjonali, sakemm jibqgħu jużawhom. Artikoli 8, 11 u 12 L-applikanti (u mhux il-membri tal-familja) li għalihom tittieħed deċiżjoni pożittiva mill-Istat Membru kkonċernat għandu jirċievi permess ta' residenza li jissejjaħ Karta Blu ta' l-UE li jiddikjara l-kondizzjonijiet taħt liema l-applikant għandu l-permess li jaħdem. Proċedura rapida (30 jum) hija prevista, kif ukoll id-dritt għal ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legali li japplikaw għal din l-iskema u jbiddlu l-istatus legali tagħhom fil-każ ta' deċiżjoni pożittiva. Artikoli 13, 14 u 15 Din il-proposta tqies il-ħaddiema bi kwalifiki għolja bħala potenzjal għall-ekonomija ta' l-UE, imma tikkunsidra li d-drittijiet tagħhom għandhom jiddependu fuq it-tul ta' żmien li joqogħdu. Integrazzjoni progressiva tal-ħaddiem bi kwalifiki għolja fis-suq tax-xogħol teħtieġ li kull tibdil fil-pożizzjoni tax-xogħol fl-ewwel sentejn ta' residenza legali ta' detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE għandha tiġi awtorizzata mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri kkonċernati, bħalma jsir għall-ewwel dħul. Wara dan il-perjodu l-persuna kkonċernata ma jkollhiex iktar bżonn turi li hu/hi jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' salarju u kwalifiki biex jibdew xogħol ta' kwalifiki għolja, billi dan jiġi evalwat minn min jimpjega u mis-suq. Sabiex jiġu evitati l-abbużi, hija introdotta kondizzjoni ta' notifika. Huwa permess perjodu ta' qgħad ta' tliet xhur. il-kondizzjonijiet taħt liema membru tal-familja ġdid li jaħdem jista' jiġi awtorizzat skond it-tul ta' żmien li joqgħod, kif imsemmi hawn fuq. Dawn il-proviżjonijiet japplikaw irrespettivament mill-Istat Membru ta' residenza (l-ewwel jew it-tieni) sakemm ir-residenza ta' l-UE għat-tul tinkiseb. L-Artikolu 15 jistipula ż-żoni fejn it-trattament ugwali jrid jiġi rikonoxxut, bil-għan li jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet l-aktar favorevoli possibbli. Biss boroż ta' studju, proċeduri biex jinkisbu għajnuna ta' akkomodazzjoni u għajnuna soċjali huma limitati: dawn m'humiex drittijiet li għalihom ikun intitolat il-ħaddiem fuq bażi tal-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha. Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema suppost jaqalgħu salarji relattivament għolja, għalhekk m'huwiex probabbli li jkunu eliġibbli skond ir-regoli nazzjonali. Artikolu 16 Dan l-artikolu fih dawk id-derogi għad-Direttiva 2003/86/KE meqjusa neċessarji li jfasslu skema attraenti għal ċittadini ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja u ssegwi loġika differenti mid-direttiva dwar ir-rijunifikazzjoni tal-familja, li hija għodda biex tħaddan l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jsiru raġonevolment residenti permanenti. Konformi ma' skemi simili diġà eżistenti fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra, tipprovdi għar-rijunifikazzjoni tal-familja immedjata wkoll f'każijiet ta' residenza temporanja u aċċess għas-suq tax-xogħol għall-konjugi. Biex jintlaħaq dan il-għan, tipprevedi wkoll li miżuri ta' integrazzjoni nazzjonali possibbli għandhom jiġu imposti biss ladarba l-membri familjari jkunu fit-territorju ta' l-UE. Artikolu 17 Din il-proposta għandha l-għan li tħeġġeġ il-mobilità ġeografika ta' ħaddiema bi kwalifiki għolja. Id-derogi għad-Direttiva 2003/109/KE għalhekk jimmiraw biex ma jaffetwawx b'mod negattiv il-ħaddiema li jiċċaqalqu, billi jippermettulhom jakkumulaw perjodi ta' residenza fi tnejn (l-iktar tlieta) Stati Membri sabiex jissodisfaw il-kondizzjonijiet ewlenin għall-kisba ta' status ta' residenza KE għat-tul. Id-derogi fuq il-perjodi ta' assenza mill-UE għandha tkun suġġetta għal kondizzjonijiet stretti sabiex tiġi appoġġjata l-politika ta' migrazzjoni ċirkolari u biex ikunu limitati l-effetti possibbli tal-brain drain. Artikoli 18, 19, 20 u 21 L-Artikolu 19 jispjega l-kondizzjonijiet għall-mobilità intra-UE qabel l-akkwiżizzjoni tar-residenza tal-KE għat-tul skond il-linji wiesgħa tad-Direttiva 2003/109/KE, imma li jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw l-istess kondizzjonijiet bl-istess mod għall-ewwel dħul. L-Artikolu 20 jipprovdi għall-mobilità fl-UE nnifisha wara li jingħata dan l-istatus: billi tqies l-ispeċifitajiet ta' din il-kategorija ta' ħaddiema u n-numru limitat tagħhom f'termini assoluti, tapplika d-Direttiva mingħajr limitazzjonijiet fuq in-numru total ta' persuni li Stati Membri jistgħu jżommu fir-rigward ta' residenti tal-KE oħra għat-tul. Tipprovdi wkoll li Stati Membri għandhom jagħtu preferenza għar-residenti tal-KE għat-tul li għandhom kwalifiki għolja fuq ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għad-dħul għall-istess skopijiet. Permess ġdid ta' residenza huwa maħluq fl-Artikolu 18 sabiex jidentifika l-istatus speċifiku tad-detentur tal-permess. Il-modalitajiet għall-eżerċizzju tar-rijunifikazzjoni tal-familja fit-tieni Stat Membru qabel l-isponsor ikun kiseb ir-residenza għat-tul tal-KE jirrefletti l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/109/KE. Kapitolu VI L-unika dispożizzjoni speċifika għal din il-proposta hija dwar l-obbligu ta' Stati Membri li jaqsmu l-informazzjoni dwar kwoti possibbli u dwar statistika annwali dwar l-implimentazzjoni tagħha permezz tan-netwerk stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/688/KE. Din id-data tippermetti wkoll li jkun segwit ir-reklutaġġ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jbagħtu minn nuqqas ta' riżorsi umani kkwalifikati. |

E-22451 | (Memorandum ta’ spjegazzjoni vvalidat – 22 451 karattru – mhux konformi man-norma tad-DĠT.) |

1. 2007/0228 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għoljin

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 63(3)(a) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Billi:

(1) Sabiex titwaqqaf gradwalment żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat jipprevedi li miżuri jiġu adottati fil-qasam ta' l-ażil, l-immigrazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(2) It-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar il-politika ta' immigrazzjoni dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza, standards dwar proċeduri għall-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għat-tul u permessi ta' residenza, u miżuri li jiddefinixxu d-drittijiet u l-kondizzjonijiet taħt liema ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fi Stat Membru jistgħu jirresjedu fi Stat Membru ieħor.

(3) Il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona ta' Marzu 2000 stipula l-għan għal-Komunità li ssir l-ekonomija msejsa fuq l-għarfien l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja sa l-2010.

(4) Il-Programm The Hague, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta' Novembru 2004, irrikonoxxa li l-migrazzjoni legali jkollha rwol importanti fit-tisħiħ ta' l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa, fit-tisħiħ ta' l-iżvilupp ekonomiku, u għalhekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u talab lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' politika dwar il-migrazzjoni legali, inklużi l-proċeduri ta' dħul, kapaċi li jwieġbu malajr għat-talbiet dejjem jinbidlu għall-imjieg tal-migranti fis-suq tax-xogħol.

(5) Il-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 qabel dwar serje ta' azzjonijiet għall-2007, fosthom l-iżvilupp ta' politiki ta' immigrazzjoni legali mmexxijin sew, li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali bis-sħiħ, biex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-ħtiġijiet tax-xogħol eżistenti u futuri.

(6) Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Proċess ta' Liżbona huwa importanti wkoll li titħaddan il-mobilità ta' ħaddiema bi kwalifiki għolja li huma ċittadini ta' l-UE fi ħdan l-Unjoni, b'mod partikolari mill-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u l-2007. Bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta li jirrispettaw il-prinċipju ta' preferenza tal-Komunità kif espress b'mod partikolari fid-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Atti ta' Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 u l-25 ta' April 2005.

(7) Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi fil-kisba ta' dawn l-għanijiet u tindirizza dawn in-nuqqasijiet ta' xogħol billi tħaddan id-dħul u l-mobilità - għall-iskopijiet ta' impjieg bi kwalifiki għolja - ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal perjodu ta' iktar minn tliet xhur, sabiex il-Komunità tidher iktar attraenti għal ħaddiema bħal dawn minn madwar id-dinja u biex tappoġja l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tagħha. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwa neċessarju li jkun iffaċilitat id-dħul ta' ħaddiema bi kwalifiki għolja u l-membri familjari tagħhom billi titwaqqaf proċedura rapida ta' dħul u billi jingħataw drittijiet soċjali u ekonomiċi indaqs bħaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li qed jilqahom f'ċerti oqsma. Għal dak li jikkonċerna dawn id-drittijiet, din id-Direttiva tibni fuq id-dispożizzjoni korrespondenti tad-Direttiva... ["dwar proċedura ta' applikazzjoni waħdanija għal permess waħdani għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jirresjedi u jaħdem fit-territorju ta' Stat Membru u dwar għadd komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjizi terzi li jirresjedu legalment fi Stat Membru"][5].

(8) Kondizzjonijiet favorevoli għar-rijunifikazzjoni tal-familja u għal aċċess għax-xogħol għal konjuġi għandu jkun element fondamentali ta' kwalunkwe skema li għandha l-għan tkun attraenti għal ħaddiema bi kwalifiki għolja. Derogi speċifiċi għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għar-rijunifikazzjoni tal-familja[6] għandhom ikunu maħsuba biex jintlaħaq dan il-għan.

(9) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terżi provenjenti minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu x-xogħol. Dan għandu jinkludi wkoll ċittadini ta' pajjiżi terzi li jridu jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru sabiex jeżerċitaw attività ekonomika mħallsa u li huma residenti legali f'dak l-Istat Membru taħt skemi oħrajn, pereżempju studenti li għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom jew riċerkaturi li daħlu skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas u servizz volontarju[7] u d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' riċerka xjentifika[8], u li ma jgawdux minn aċċess konsolidat għas-suq tax-xogħol ta' l-UE ta' l-Istat Membru skond il-leġiżlazzjoni tal-KE jew nazzjonali.

(10) Din id-Direttiva għandha tipprovdi għal sistema ta' dħul flessibbli li tiddependi fuq id-domanda, ibbażata fuq kriterji oġġettivi bħal-limitu minimu ta' salarju kumparabbli mal-livelli ta' salarji fl-Istati Membri u fuq kwalifiki professjonali. Id-definizzjoni ta' denominatur komuni minimu għall-limitu nazzjonali ta' salarji huwa meħtieġ biex ikun żgurat livell minimu ta' armonizzazzjoni fil-kondizzjonijiet ta' dħul fl-UE kollha. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-livell nazzjonali tagħhom skond is-sitwazzjoni tas-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom u l-politiki ta' immigrazzjoni ġenerali tagħhom.

(11) F'dak li jirrigwarda d-derogi mill-iskema prinċipali tal-livelli tas-salarji għall-applikanti bi kwalifiki għolja taħt it-30 sena li, minħabba l-esperjenza professjonali limitata tagħhom u l-pożizzjoni tagħom fis-suq tax-xogħol, jistgħu ma jkunux f'pożizzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' salarju ta' l-iskema ewlenija jew, għal dawk li kisbu l-kwalifiki tagħhom ta' edukazzjoni ogħla fl-Unjoni Ewropa.

(12) Ladarba Stat Membru jkun iddeċieda li jdaħħal ċittadin ta' pajjiż terzi li jissodisfa l-kriterji komuni, iċ-ċittadin ta' pajjiż terż għandu jirċievi permess ta' residenza speċifiku, li għandu jissejjaħ Karta Blu ta’ l-UE u li għandu jagħtih aċċess progressiv għas-suq tax-xogħol, u jgawdi mid-drittijiet ta' residenza u mobilità mogħtija lilu/lilha u l-familja tiegħu/tagħha.

(13) Il-format tal-Karta Blu ta’ l-UE għandha tkun skond id-Dispożizzjonijiet tar-Regolament 1030/2002, li jistipula format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi[9], li jippermetti lill-Istati Membri jirreferu għall-informazzjoni, b'mod partikolari taħt liema kondizzjonijiet il-persuna tingħata l-permess li taħdem. Id-dispożizzjonijiet orizzontali maħsuba mid-Direttiva... ["dwar proċedura ta' applikazzjoni waħdanija għal permess waħdani għal ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jirresjedi u jaħdem fit-territorju ta' Stat Membru u dwar għadd komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjizi terzi li joqgħodu legalment fi Stat Membru"], għandhom japplikaw mutatis mutandis.

(14) Ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom fil-pussess tagħhom dokument validu ta' ivjaġġar u tal-Karta Blu ta’ l-UE maħruġa minn Stat Membru li japplika l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ, għandhom jingħataw il-permess li jidħlu u jiċċaqalqu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ, għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet xhur skond ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Komunità dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) [10] u Artikolu 21 ta' l-acquis ta' Schengen - il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta' Franza dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, (il-Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni ta' Schengen" [11] .

(15) Il-mobilità okkupazzjonali u ġeografika taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja għandha tiġi rikonoxxuta bħala mekkaniżmu ewlieni għat-titjib ta' l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol, għall-prevenzjoni tan-nuqqasijiet tal-kapaċitajiet u għall-kumpens ta' l-iżbilanċi reġjonali. Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-preferenza tal-Komunità u sabiex jiġu evitati abbużi possibbli tas-sistema, il-mobilità okkupazzjonali ta' ċittadin terz bi kwalifiki ogħla għandha tkun limitata għall-ewwel sentejn ta' residenza legali fi Stat Membru.

(16) Il-mobilità ġeografika fl-UE għandha tkun ikkontrollata u dipendenti fuq id-domanda matul l-ewwel perjodu ta' residenza legali ta' ċittadin ta' pajjiż terz. Ladarba jingħata status ta' residenza għat-tul KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza lil dawn il-ħaddiema meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-mobilità fl-UE nnifisha. Id-derogi mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul[12] għandhom ikunu inklużi sabiex ma jippenalizzawx ċittadini ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja ġeografikament mobbli li għadhom ma kisbux l-istatus ta' resident KE għat-tul, u biex tkun imħeġġa l-migrazzjoni ġeografika u ċikolari.

(17) Il-mobilità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja bejn il-Komunità u l-pajjiż ta' oriġini tagħhom għandha titrawwem u tiġi appoġġjata. Id-derogi mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul għandhom ikunu previsti sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' assenza mit-territorju tal-Komunità li m'huwiex ikkunsidrat għall-kalkolu tal-perjodu ta' residenza legali u kontinwa neċessarja għall-eliġibilità għall-istatus ta' resident tal-KE għat-tul. Perjodi itwal ta' assenza minn dawk li hemm dispożizzjoni dwarhom fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE għandhom jingħataw wara ċittadini ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja jkunu kisbu l-istatus ta' residenza tal-KE għat-tul. B'mod partikolari, biex titħeġġeġ il-migrazzjoni ċirkolari ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi li joriġinaw mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-użu ta' possibilitajiet offruti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE biex tippermetti perjodi itwal ta' assenza minn dawk li hemm dispożizzjoni dwarhom f'din id-Direttiva. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza b'mod partikolar ma' l-iżvilupp għaddej ta' l-għanijiet, dawn id-derogi għandhom japplikaw biss jekk jista' jiġi ppruvat li l-persuna kkonċernata rritornat lura għall-pajjiżha għal raġunijiet ta' xogħol, studju jew attivitajiet ta' volontarjat.

(18) Ħaddiema ta' pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja għandhom igawdu minn trattament ugwali f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali. Fergħat differenti ta' sigurtà soċjali kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/1971 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal raqshom u għal membri tal-familja tagħhom li jispustaw ruħhom fil-Komunità[13]. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 ta' l-14 ta' Mejju 2003[14] li estenda d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma kienux diġà koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/1971 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fl-Unjoni Ewropea u li huma f'sitwazzjoni transkonfinali. Id-dispożizzjonijiet dwar trattament ugwali f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali f'din il-proposta japplikaw ukoll direttament għall-persuni li jidħlu di Stat membru direttament minn pajjiż terz. Madankollu, din id-Direttiva m'għandhiex tati iktar drittijiet minn dawk ipprovduti diġà fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom elementi transkonfinali bejn l-Istati Membri.

(19) Kwalifiki professjonali akkwistati minn ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu rikonoxxuti bl-istess mod kif isir għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni u kwalifiki akkwistati f'pajjiż terz għandhom jiġu kkunsidrati konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005[15] dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali.

(20) Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom joqgħodu lura milli jwettqu reklutaġġ attiv f'setturi li qed ibgħatu minn nuqqas ta' riżorsi umani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Politiki u prinċipji ta' reklutaġġ etiku applikabbli għall-imjegati tas-settur pubbliku u privat għandu jiġi żviluppat partikolarment fis-settur tas-saħħa, kif enfasizzat fil-konklużjoni tal-Kunsill u l-Istati Membri fl-14 ta' Mejju 2007 dwar il-Programm Ewropew għal Azzjoni biex jiġi indirizzat in-nuqqas kritiku ta' ħaddiema tas-saħħa fil-pajjżi li qed jiżviluppaw (2007-2013). Dawn għandhom jissaħħu bl-iżvilupp ta' mekkaniżmi, linji gwida u għodod oħra biex tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni ċirkolari u termporanja, kif ukoll miżuri oħra li jnaqqsu l-effetti negattivi u jżidu l-effetti pożittiv ta' immigrazzjoni ta' kapaċità għolja fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Kwalunkwe intervent ta' dan it-tip għandu jittieħed konformi mal-linji tad-Dikjarazzjoni Konġunta Afrika-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp, adottata fi Tripli fit-22 u t-23 ta' Novembru 2006 bil-għan li tistabbilixxi politika komprensiva ta' migrazzjoni kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006.

(21) Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' rappurtaġġ għandhom jiġu previsti biex tkun segwita l-implimentazzjoni ta' l-iskema dwar il-kwalifiki għolja, ukoll bil-għan li jiġu identifikati u eventwalment kontrobattuti l-impatti possibli f'terminu ta' brain drain fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara. Id- data dwar il-professjonijiet u n-nazzjonalitajiet ta' l-immigranti bi kwalifiki għolja aċċettati minn Stati Membri għandha għalhekk tiġi mgħoddija kull sena mill-Istati Membri permezz tan-netwerk maħluq għal dawn l-iskopijiet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/688/KE tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' informazzjoni reċiproka li tikkonċerna l-miżuri ta' l-Istati Membri fl-oqsma ta' l-ażil u l-immigrazzjoni[16].

(22) L-għanijiet ta' l -azzjoni proposta, notevolment l-introduzzjoni ta' proċedura speċjali għad-dħul u l-adozzjoni ta' kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza applikabbli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi għal perjodi ta' iktar minn tliet xhur fl-Istati Membri għal skop ta' impjieg bi kwalifiki għolja, ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-iżgurar ta' mobilità bejn l-Istati Membri, u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar mill-Komunità. Għalhekk il-Komunità hija intitolata tieħu miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx ‘l hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-miri.

(23) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u għandha tiġi implimentata skond dawn.

(24) L-Istati Membri għandhom jagħtu effett għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, l-ilsien, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew l-opinjonijiet ta' natura oħra, is-sħubija ma' minorità nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali b'mod partikolari skond id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mill-oriġini razjali jew etnika[17] u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol[18].

(25) [Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Prokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll, dawn l-Istati membri m'humiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u m'humiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(26) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka m'hijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u m'hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I

DISPOSIZZJONIJIET ġENERALI

Artikolu 1 Suġġett

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li:

(a) il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta' l-Istati Membri ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u tal-membri tal-familja tagħhom għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għolja,

(b) il-kondizzjonijiet għal residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom f'punt (a) fi Stati Membri minbarra l-ewwel Stat Membru.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "ċittadin minn pajjiż terz" ifisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin ta' l-Unjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b) "impjieg bi kwalifiki għolja" jfisser l-eżerċizzju ta' xogħol ġenwin u effettiv taħt id-direzzjoni ta' xi ħadd ieħor għal liema persuna titħallas u li għalih huwa meħtieġ kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla jew minimu ta' tliet snin esperjenza professjonali;

(c) Il-"Karta Blu ta’ l-UE" tfisser l-awtorizzazzjoni bl-isem ta' "Karta Blu ta’ l-UE" li tintitola d-detentur jirresjedi u jaħdem legalment fit-territorju tagħha u jiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor għal impjieg bi kwalifiki għolja skond il-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva;

(d) "l-ewwel Stat Membru" jfisser l-Istat Membru li l-ewwel ta ċittadini ta' pajjiż terz il-"Karta Blu ta’ l-UE";

(e) "it-tieni Stat Membru" jfisser kwalunkwe Stat Membru minbarra l-ewwel Stat Membru.

(f) "membri tal-familja" jfisser iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi skond id-definizzjoni f'Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE.

(g) "kwalifika ta' edukazzjoni ogħla" tfisser kwalunkwe lawrea, diploma jew ċertifikat ieħor maħruġ minn awtorità kompetenti li jiddikjara t-tmiem b'suċċess ta' programm ta' edukazzjoni ogħla, notevolment għadd ta' korsijiet ipprovduti minn stabbiliment edukattiv magħruf bħala istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla mill-Istat li jinsab fih. Dawn il-kwalifiki jiġu kkunsidrati, għall-iskop ta' din id-Direttiva, fuq kondizzjoni li l-istudji meħtieġa biex jinkisbu damu minimu ta' tliet snin.

(h) "kwalifiki professjonali għolja" jfisser kwalifiki ċċertifikati b'evidenza ta' kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla jew ekwivalenti ta' minimu ta' tliet snin esperjenza professjonali.

(i) "esperjenza professjonali" tfisser iż-żmien attwali u legali fil-professjoni kkonċernata.

Artikolu 3 Ambitu

1. Din id-Direttiva għandha tapplika lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għad-dħul fit-territorju ta' Stat Membru għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għolja.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li:

(a) jirresjedu fi Stat Membru bħala applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew taħt skemi ta' protezzjoni temporanji;

(b) jkunu refuġjati jew ikunu applikaw għar-rikonoxximent bħala refuġjati u li l-applikazzjoni tagħhom tkun għada ma tatx lok għal deċiżjoni finali;

(c) li japplikaw biex jirresjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi fit-tifsira tad-Direttiva 2005/71/KE sabiet iwettqu proġett ta' riċerka;

(d) li jkunu membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni li eżerċitaw, jew li qed jeżerċitaw, id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fil-Komunità;

(e) li jgawdu minn status ta' resident għat-tul fi Stat Membru skond id-Direttiva 2003/109/KE u jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirresjedu fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attività ekonomika f'kapaċità ta' impjegati jew għal rashom;

(f) li jidħlu fi Stat Membru taħt impenji li jinsabu fi ftehim internazzjonali li jiffaċilita d-dħul u r-residenza temporanja ta’ persuni naturali minn ċerti kategoriji ta’ negozju u relatati ma’ l-investiment;

(g) li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta’ fatt jew ta’ dritt.

3. Din id-Direttiva hija bla ħsara għal kwalunkwe ftehim futur bejn il-Komunità jew bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha fuq naħa u pajjiż jew pajjiżi terzi fuq naħa oħra, li jagħmlu lista tal-professjonijiet li ma jaqgħux taħt din id-Direttiva sabiex jiżgura reklutaġġ etiku, f'setturi li fihom hemm nuqqas ta' persunal, billi jitħarsu r-riżorsi umani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, firmatarji ta' dawn il-ftehimiet.

Artikolu 4 Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar favorevoli ta':

(a) Leġiżlazzjoni Komunitarja, inklużi patti ta' ftehim bilaterali u multilaterali bejn il-Komunita jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra;

(b) ftehim bilaterali u multilaterali konklużi bejn wieħed jew iktar Stat Membru u wieħed jew iktar pajjiż terz.

2. Din id-Direttiva ma taffettwax id-dritt ta' Stati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli dwar kondizzjonijiet ta' dħul u residenza għal persuni li tapplika, ħlief għad-dħul fl-ewwel Stat Membru.

Kapitolu II

IL-KONDIZZJONIJIET TA’ DħUL

Artikolu 5 Kriterji għad-dħul

1. Ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex jidħol għall-iskopijiet stipulati f'din id-Direttia għandu:

(a) jippreżenta kuntratt validu ta' xogħol jew offerta ta' impjieg li torbot ta' minimu sena fl-Istat Membru kkonċernat;

(b) jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju miċ-ċittadini ta' l-UE tal-professjoni rregolata speċifikata fil-kuntratt ta' xogħol jew offerta' ta' impjieg li torbot;

(c) għall-professjonijiet mhux irregolati, jippreżenta d-dokumenti li jiċċertifikaw il-kwalifiki professjonali għolja rilevanti fl-attività professjonali jew is-settur speċifikat fil-kuntratt ta' xogħol jew fl-offerta ta' impjieg li torbot;

(d) jippreżenta dokument validu ta' vjaġġar, kif stipulat mill-liġi nazzjonali u, jekk xieraq, prova valida ta' permess ta' residenza. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-perjodu ta' validità tad-dokumenti ta' vjaġġar biex ikopru l-minimu ta' żmien inizzjali tal-permess ta' residenza;

(e) jippreżenta prova li għandu assigurazzjoni għall-mard għall-applikant u għall-familja tiegħu/tagħha għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru kkonċernat għall-perjodi fejn kopertura minn assigurazzjoni u l-benefiċċji ekwivalenti m'humiex ipprovduti b'konnessjoni ma' kuntratt tax-xogħol, jew jirriżultaw minnu.

(f) li l-persuna kkonċernata ma tikkostitwixxix theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

2. Barra mill-kondizzjonijiet stipulati fl-1 paragrafu, is-salarju gross fix-xahar speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol jew offerta ta' impjieg li torbot m'għandhiex tkun inqas mill-livell nazzjonali ta' salarju definit u ppublikat għall-iskop ta' l-Istati Membri li għandu jkun mill-inqas tliet darbiet il-minimu tal-paga minima gross kif stipulat fil-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri fejn il-pagi minimi m'humiex iddefiniti għandhom jistabbilixxu l-livell nazzjonali ta' salarju sabiex ikun mill-inqas tliet darbiet id-dħul minimu li bih iċ-ċittadini ta' l-Istat Membru kkonċernat huma intitolati għal għajnuna soċjali f'dak l-Istat Membru.

Artikolu 6 Deroga

Jekk l-applikazzjoni hija ppreżentata minn ċittadin ta' pajjiż terz ta' inqas minn 30 sena u li għandu kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla, japplikaw id-derogi li ġejjin:

(a) L-Istati Membri għandhom iqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(2) jekk is-salarju gross fix-xahar offrut huwa ekwivalenti għal mill-inqas żewġ terzi tal-livell nazzjonali tas-salarju definit skond Artikolu 5(2);

(b) L-Istati Membri jistgħu ma japplikawx il-kondizzjoni ta' salarju imniżżla fl-Artikolu 5(2) fuq kondizzjoni li l-applikant ikun temm edukazzjoni ogħla fil-post ta' studju u kiseb lawrea ta' Baċċellerat jew Masters f'istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla li tinsab fit-territorju tal-Komunità.

(c) L-Istati Membri ma jitolbux prova ta' esperjenza professjonali minbarra l-kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla, sakemm dan huwa meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju miċ-ċittadini ta' l-UE tal-professjoni rregolata speċifikata fil-kuntratt ta' xogħol jew l-offerta' ta' impjieg li torbot.

Artikolu 7 Il-Volumi ta' dħul

Artikoli 5 u 6 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-volumi ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-impjieg bi kwalifiki għolja.

Kapitolu III

IL-KARTA BLU TA’ L-UE, PROċEDURA U TRASPARENZA

Artikolu 8 Karta Blu ta’ l-UE

1. Persuna li tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 u li għaliha tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva mill-awtoritajiet kompetenti tingħata il-Karta Blu ta’ l-UE.

2. Il-validità inizjali tal-Karta Blu ta’ l-UE tkun ta' sentejn u tiġġedded mill-inqas għall-istess ammont. Jekk il-kuntratt ta' xogħol ikopri perjodu ta' inqas minn sentejn, il-Karta Blu ta’ l-UE tingħata għat-tul ta' żmien tal-kuntratt ta' xogħol b'żieda ta' tliet xhur.

3. Il-Karta Blu ta’ l-UE tingħata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru bl-użu tal-format uniformi stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. Konformi ma' l-Annes A tiegħu, 7.5-9, l-Istati Membri għandhom jindikaw duq il-Karta Blu ta’ l-UE l-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-suq tax-xogħol kif stipulat fl-Artikolu 13(1) jew (2) ta' din id-Direttiva, skond dik applikabbli. Taħt l-intestatura "tip ta' permess", l-Istati Membri għandhom idaħħlu "Karta Blu ta’ l-UE".

4. Matul il-perjodu ta' validità tagħha, id-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE jkun intitolat:

(a) jidħol, jerġa' jidħol u joqgħod fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun ħareġ il-Karta Blu ta’ l-UE;

(b) jgħaddi minn Stati Membri oħra sabiex jeżerċita d-drittijiet taħt punt (a).

5. Id-Detenturi tal-Karta Blu ta’ l-UE jkunu intitolati għad-drittijiet rikonoxxuti lilhom u l-familji tagħhom permezz ta' l-Artikoli 8, 10(2), 12, 13-19 u 21 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 9 Raġuni għaċ-ċaħda

1. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu ta’ l-UE meta l-applikant ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 u 6 u meta d-dokumenti ppreżentati jiġu akkwistati b'mod frawdolenti, jew iffalsifikati jew imbagħbsa.

2. Qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal Karta Blue ta’ l-UE, l-Istati Membri jistgħu jeżaminaw is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom u japplikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom dwar il-kondizzjonijiet għal mili ta' pożizzjoni battala.

Għal raġunijiet ta' politika tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza lil ċittadini ta' l-Unjoni, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi, fejn hemm provvediment dwar dan fil-leġislazzjoni tal-Komunità, kif ukoll għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment u li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad fl-Istati Membri konċernati.

Artikolu 10 Irtirar jew nuqqas ta' tiġdid tal-Karta Blu ta’ l-UE

1. L-Istati Membri għandhom jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu ta’ l-UE maħruġa fuq il-bażi ta' din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin:

(a) meta din tkun inkisbet b'mod frawdolenti, jew iffalsifikata jew imbagħbsa, jew

(b) meta jidher li d-detentur ma laqax jew m'għadux jilqa' l-kondizzjonijiet għal dħul u residenza stipulati fl-Artikoli 5 u 6 jew li qed jirresjedi għal skopijiet oħra minbarra dak li għalih ingħata awtorizzazzjoni għal residenza.

(c) meta d-detentur ma rrispettax il-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikoli 13(1) u (2) u 14.

2. In-nuqqas ta' notifika skond l-Artikolu 13(2) ma jkunx ikkunsidrat raġuni suffiċjenti għall-irtirar jew in-nuqqas ta' tiġdid tal-Karta Blu ta’ l-UE.

3. L-Istat Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu ta’ l-UE għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

Artikolu 11 Applikazzjonijiet għad-dħul

1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk applikazzjonijiet għal Karta Blu ta’ l-UE għandhomx isiru miċ-ċittadin ta' pajjiż terz jew mill-imjegatur tiegħu/tagħha.

2. L-applikazzjoni tiġi kkunsidrata u eżaminata jew meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat qed jgħix barra t-territorju ta' l-Istat Membru li fih jixtieq jidħol jew meta hu/hi huwa diġà resident legali fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat.

3. L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti kull faċilità lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu ġiet aċċettata biex jikseb il-viżi meħtieġa.

4. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, applikazzjoni ppreżentata meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat m'huwiex fil-pussess ta' permess ta' residenza imma huwa legalment preżenti fit-territorju tiegħu.

Artikolu 12 Salvagwardji proċedurali

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompluta u jinnotifikaw l-applikant bil-miktub, skond il-proċeduri ta' notifika stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri kkonċernati, mhux iktar tard minn 30 jum mid-data ta' meta ssir l-applikazzjoni. F'każijiet eċċezzjonali li jinvolvu applikazzjonijiet kumplessi, il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż għal massimu ta' 60 jum ieħor.

2. Jekk l-informazzjoni pprovduta ma' l-applikazzjoni m'hijiex adegwata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet ikunu rċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

3. Kwalunkwe deċiżjoni ta' rifjut ta' applikazzjoni għal Karta Blu ta’ l-UE, jew nuqqas ta' tiġdid jew irtirar ta' Karta Blu ta’ l-UE, għandha tiġi nnotifikata bil-miktub liċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat u, fejn dan ikun relevanti, lil min ikun ser jimpjegah skond il-proċeduri ta' notifika skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti u din tista' tiġi kkontestata quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru kkonċernat. In-notifikazzjoni għandha tispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni, il-proċeduri possibbli ta' rimedju disponibbli u l-limitu ta' żmien biex tittieħed dik l-azzjoni.

Kapitolu IV

DRITTIJIET

Artikolu 13 Aċess għas-suq tax-xogħol

1. Għall-ewwel sentejn ta' residenza legali fl-Istat Membru kkonċernat bħala detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE, l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuna kkonċernata jkun ristrett għall-eżerċizzju ta' attivitajiet ta' impjieg imħallas li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għad-dħul stipulati fl-Artikoli 5 u 6. Tibdil fit-termini tal-kuntratt tax-xogħol li jaffettwaw il-kondizzjonijiet għad-dħul jew tibdil fir-relazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' residenza, skond il-proċeduri nazzjonali u fil-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 12(1).

2. Wara l-ewwel sentejn ta' residenza legali fl-Istat Membru kkonċernat bħala detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE, il-persuna kkonċernata għandha tgawdi minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini f'dak li jirrigwarda aċċess għal impjieg bi kwalifiki għolja. Id-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE għandu jgħarraf l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' residenza dwar tibdil fir-relazzjoni tax-xogħol, skond il-proċeduri nazzjonali.

3. Id-detenturi tal-Karta Blu ta’ l-UE li ngħataw status ta' residenti KE għat-tul għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini f'dak li jirrigwarda aċċess għal attivitajiet ta' impjieg u impjieg għal rashom.

4. L-Istati Membri jistgħu jżommu restrizzjonijiet dwar aċċess għal attivitajiet ta' impjieg u impjieg għal rashom, ladarba attivitajiet bħal dawn ifisser l-involviment okkażjonali ta' l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika u responsabilità għas-ħarsien ta' l-interess ġenerali ta' l-Istat f'każijiet fejn, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja eżistenti, dawn l-attivitajiet huma riżervati għaċ-ċittadini tal-pajjiż.

5. L-Istati membri jisgħu jżommu restrizzjonijiet għall-aċċess għall-impieg jew attivitajiet ta' impieg għal rashom fil-każi fejn, skond il-leġislazzjoni eżistenti nazzjonali jew tal-Komunità, dawn l-attivitajiet ikunu riżervati għaċ-ċittadini tagħhom, iċ-ċittadini tal-UE jew taż-ZEE.

6. Id-dispożizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw bla ħsara għall-prinċipju tal-preferenza tal-Komunità kif imniżżel fid-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Atti ta' Adeżjoni tas-16 ta' April 2003 u l-25 ta' April 2005.

Artikolu 14 Qgħad temporanju

1. Il-qgħad fih innifsu m'huwiex raġuni biex tkun irrevokata Karta Blu ta’ l-UE, sakemm il-perjodu ta' qgħad ma jkunx iktar minn tliet xhur konsekutivi.

2. Matul dan il-perjodu, id-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE jingħata permess ifittex u jaċċetta impjieg taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) jew (2) skond liema jkun applikabbli.

3. L-Istati Membri jippermettu lid-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE jibqa' fit-territorju tagħhom sakemm tingħata jew tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni meħtieġa skond l-Artikolu 13(1). It-notifika skond l-Artikolu 13(2) awtomatikament ittemm il-perjodu ta' qgħad.

Artikolu 15 Trattament ugwali

1. Id-detenturi ta' Karta Blu ta’ l-UE għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini f'dak li jirrigwarda:

(a) kundizzjonijiet ta' impjieg. inklużi l-paga u s-sensja, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

(b) il-libertà ta' assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ma' organizzazzjoni li tirrappresenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta' xi organizzazzjoni li l-membri tagħha jkunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn dawk l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet nazzjonali dwar politika pubblika u sigurtà pubblika;

(c) edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inklużi boroż ta' studju skond il-liġi nazzjonali;

(d) rikonoxximent ta' diplomi professjonali, ċertifikati u kwalifiki oħra, skond il-proċeduri relevanti nazzjonali;

(e) fergħat differenti ta' sigurtà soċjali kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta 'sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal raqshom u għal membri tal-familja tagħom li jispustaw ruħhom fil-Komunità. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom għandhom japplikaw għaldaqstant;

(f) għajnuna soċjali kif definita mil-liġi nazzjonali;

(g) ħlas ta' pensjoni akkumulata meta persuna tiċċaqlaq għal pajjiż terz;

(h) benefiċċji tat-taxxa;

(i) aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku, inklużi l-proċeduri għal ksib ta' akkommodazzjoni u l-għajnuna mogħtija minn uffiċjali ta' l-imjieg;

(j) aċċess liberu għat-territorju kollu ta' l-Istat Membru konċernat, fil-limiti li hemm provdut dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali għal raġunijiet ta' sigurtà.

2. l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-drittijiet mogħtija skond il-paragrafi 1(b) u (h) f'dak li jirrigwarda boroż ta' studju u proċeduri għall-kisba ta' akkomodazzjoni pubblika għall-każijiet fejn id-detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE ilu joqgħod jew għandu d-dritt li joqgħod fit-territorju tiegħu għal minimu ta' tliet snin.

3. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol f'dak li jirrigwarda għajnuna soċjali għall-każijiet fejn id-detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE ingħata status ta' resident tal-KE għal żmien twil skond l-Artikolu 17.

Artikolu 16 Membri tal-familja

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE għandha tapplika bid-derogi stipulati f'dan l-Artikolu.

2. Permezz ta' deroga mill-Artikoli 3(1) u 8 tad-Direttiva 2003/86/KE, ir-rijunifikazzjoni tal-familja m'għandhiex tiddependi fuq ir-rekwiżit tad-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE li jkollu prospetti raġunevoli li jikseb id-dritt ta' residenza permanenti u li jkollu/ha perjodu minimu ta' residenza.

3. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5(4) ta' l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2003/86/KE, il-permessi ta' residenza għall-membri tal-familja jingħataw mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data ta' meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.

4. Permezz ta' deroga mill-Artikoli 4(1) l-aħħar subparagradu u 7(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-miżuri ta' integrazzjoni msemmija fihom jistgħu japplikaw biss wara li l-persuni jingħaqdu mal-familji tagħhom.

5. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/86/KE u fir-rispett ta' aċċess għas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri m'għandhomx japplikaw il-limitu ta' żmien ta' 12-il xahar.

6. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86/KE, għall-iskop ta' kalkolu ta' ħames snin ta' residenza meħtieġa għall-ksib ta' permess awtonomu ta' residenza, residenza fi Stati Membri differenti jistgħu jiġu akkumulati.

7. Jekk l-Istati Membri jirrikorru għall-għażla pprovduta fil-paragrafu 6, id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 dwar l-akkumulazzjoni ta' perjodi ta' residenza fi Stati Membri differenti mid-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE japplikaw mutatis mutandis.

8. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 13(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86/KE, it-tul ta' validità tal-permessi ta' residenza tal-membri tal-familja tkun daqs tad-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE sakemm il-perjodu ta' validità tad-dokumenti ta' ivjaġġar tagħhom jippermettu.

Artikolu 17 Status ta' residenti tal-KE għat-tul għad-Detenturi tal-Karta Blu ta’ l-UE

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE għandha tapplika bid-derogi stipulati f'dan l-Artikolu.

2. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109/KE, id-detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE li għamel użu mill-possibilità pprovduta fl-Artikolu 19 jingħata permess jakkumula l-perjodi ta' residenza fi Stati Membri differenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti dwar it-tul ta' residenza, jekk jintlaħqu il-kondizzjonijiet li ġejjin.

(a) ħames snin ta' residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Komunità bħala detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE;

(b) residenza legali u kontinwa bħala detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE fit-territorju ta' l-Istat Membru fejn tkun ippreżentata l-applikazzjoni għal permess ta' residenza tal-KE għat-tul sentejn immedjatament qabel il-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni.

3. Għall-iskop ta' kalkolu tal-perjodu ta' residenza legali u kontinwa fil-Komuità u permezz ta' deroga mill-Artikolu 4(3) ta' l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2003/109/KE, perjodi ta' assenza mit-territorju tal-Komunità ma jinterrompux il-perjodu msemmi fil-paragrafu 2(a) u jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tagħha jekk huma inqas minn 12-il xahar konsekuttiv u ma jaqbżux fit-total 16-il xahar fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 2(a). Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll f'każijiet fejn id-detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE ma għamilx użu mill-possibilità pprovduta fl-Artikolu 19.

4. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2003/109/KE, l-Istati Membri għandhom iġeddu b'24 xahar il-perjodu ta' assenza permess lil detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE u tal-membri tal-familja tiegħu/tagħha li ngħataw status ta' residenti tal-KE għat-tul mit-territorju tal-Komunità.

5. Id-derogi mid-Direttiva 2003/109/KE stipulati fil-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw biss f'każijiet fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat jista' jippreżenta evidenza li hu/hi kien assenti mit-territorju tal-Komunità biex jeżerċita attività ekonomika f'kapaċità ta' impjegat jew impjieg għal rasu, jew biex iwettaq servizz volontarju jew biex jistudja fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu/tagħha.

6. L-Artikoli 13, 15 u 16 għanhom ikomplu japplikaw, fejn dan huwa relevanti, wara li d-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE jingħata permess ta' residenza skond l-Artikolu 18.

Artikolu 18 Permess ta' residenza "Resident tal-KE għat-tul / Detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE"

1. Id-detenturi tal-Karta Blu ta’ l-UE li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 għall-kisba ta' status ta' resident tal-KE għat-tul għandhom jingħataw permess ta' residenza konformi ma' l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002.

2. Taħt l-intestatura "tip ta' permess", l-Istati Membri għandhom idaħħlu "resident tal-KE għat-tul / Detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE.

3. Id-detenturi tal-permess ta' residenza "resident tal-KE għat-tul / detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE" jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw lilhom u l-membri tal-familja tagħhom stipulati f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 2003/109/KE.

Kapitolu V

RESIDENZA FI STATI MEMBRI OħRA

Artikolu 19 Kondizzjonijiet

1. Wara sentejn ta' residenza legali fl-ewwel Stat Membru bħala detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE, il-persuna kkonċernata u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħataw permess jiċċaqalqu għal Stat Membru ieħor minbarra l-ewwel Stat Membru għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għolja taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2. Mhux iktar tard minn xahar wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, id-detentur ta' Karta Blu ta’ l-UE għandu jinnotifika l-preżenza tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru u jippreżenta d-dokumenti kollha li jippruvaw li hu/hi jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 għat-tieni Stat Membru.

3. Skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12, it-tieni Stat Membru għandu jipproċessa n-notifika u jinforma bil-miktub l-applikant u l-ewwel Stat Membru dwar id-deċiżjoni tiegħu li:

(a) joħrog Karta Blu ta’ l-UE u jippermetti lill-applikant jirresjedi fit-territorju tiegħu għal skop ta' impjieg bi kwalifiki għolja jekk il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu huma sodisfatti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8-15.

(b) jirrifjuta li joħroġ Karta Blu ta’ l-UE u jobbliga lill-applikant u l-membri tal-familja tiegħu, skond il-proċeduri pprovduti mil-liġi nazzjonali, inkluż il-proċeduri ta' tkeċċija, biex jitlaq mit-territorju tiegħu jekk il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu m'humiex sodisfatti. L-ewwel Stat Membru għandu jdaħħal immedjatament u mingħajr formalitajiet id-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 japplikaw wara d-dħul mill-ġdid.

4. L-applikant ikun responsabbli għall-ispejjeż relatati mar-ritorn u d-dħul mill-ġdid tiegħu/tagħha u tal-membri tal-familja, inkluż bir-rimbors ta' l-ispejjeż li tħallsu mill-finanzi pubbliċi fejn applikabbli, skond il-paragrafu 3(b).

5. Fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw il-volumi ta' dħul kif speċifikat fl-Artikolu 7.

Artikolu 20 Aċċess għas-suq tax-xogħol tat-tieni Stat Membru għad-detenturi ta' permess ta' residenza "resident tal-KE għat-tul / Detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE"

1. L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2003/109/KE ma japplikax għad-detenturi tal-permess ta' residenza "resident tal-KE għat-tul / detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE".

2. F'każijiet fejn Stat Membru jiddeċiedi li japplika r-restrizzjonijiet dwar aċċess għas-suq tax-xogħol previst fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/109/KE, tingħata preferenza għad-detenturi tal-permess ta' residenza "resident tal-KE għat-tul / detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE" fuq ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għar-residenza hemmhekk għall-istess skopijiet.

Artikolu 21 Residenza fit-tieni Stat Membru għall-membri tal-familja

1. Meta d-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE jiċċaqlaq għat-tieni Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 u meta l-familja tkun diġà kkostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu/tagħha jkunu awtorizzati jakkumpanjawh/ha jew jingħaqdu miegħu/magħha.

2. Mhux iktar tark minn xahar wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, il-membri tal-familja kkonċernati għandhom jinnotifikaw il-preżenza tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru u jippreżentaw applikazzjoni għal permess ta' residenza.

3. It-tieni Stat Membru jista' jeħtieġ li l-membri tal-familja konċernati jippreżentaw ma' l-applikazzjoni tagħhom għal permess ta' residenza:

(a) il-permess ta' residenza fl-ewwel Stat Membru u dokument validu ta' l-ivjaġġar;

(b) evidenza li jkunu rrisjedew bħala membri tal-familja tad-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE fl-ewwel Stat Membru;

(c) prova li għandhom assigurazzjoni ta' mard li tkopri r-riskji kollha fit-tieni Stat Membru, jew li d-detentur tal-Karta Blu ta’ l-UE għandu assigurazzjoni għalihom.

4. Fejn il-familja ma tkunx diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, għandu japplika l-Artikolu 16.

Kapitolu VI

DISPOżIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22 Il-miżuri ta' implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jekk miżuri leġiżlattivi jew regolatorji huma ppromulgati fir-rigward ta' l-Artikoli 7, 9(2), 19(5) u 20 permezz tan-netwerk stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/688/KE.

2. L-informazzjoni skond paragrafu 1 għandha tinkludi d-dettal tal-miżuri kkonċernati, tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea minbarra l-lingwa ta' l-Istat Membru kkonċernat.

3. Kull sena, u għall-ewwel darba mhux iktar tard mill-1 ta' April [sena wara d-data ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-istatistiċi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra permezz tan-netwerk stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/688/KE dwar il-volumi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ngħataw, li ġġedditilhom jew li ċċaħditilhom Karta Blu ta’ l-UE matul is-sena kalendarja ta' qabel, bl-indikazzjoni tan-nazzjonalità tagħhom u l-impjieg. Statistika dwar membri tal-familja li jidħlu għandhom jiġu kkomunikati wkoll. Għad-detenturi tal-Karta Blu ta’ l-UE u l-membri tal-familja tagħhom li jidħlu skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 19 sa 21, l-informazzjoni pprovduta għandha wkoll tispeċifika l-Istat Membru ta' residenza preċedenti.

Artikolu 23 Rapporti

Kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux iktar minn [tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi kwalunkwe emendi li huma neċessarji.

Artikolu 24 Punti ta' kuntatt

1. L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta' kuntatt li jkunu responsabbli li jirċievu u jittrażmettu l-informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 19.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kooperazzjoni adattata fl-iskambju ta' l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 25 It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-[...] ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 27 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

[1] ĠU C […], […], p. […].

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] ĠU C […], […], p. […].

[5] ĠU L...

[6] ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

[7] ĠU L 375, 23.12.2004, p.12.

[8] ĠU L 289, 3.11.2005, p.15.

[9] ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

[10] ĠU L 105 tal-13.4.2006, p 1.

[11] ĠU L 239 tal-22.9.2000, p 19.

[12] OJ L 16, 23.1.2004, p. 44.

[13] ĠU L 149, 15.7 1971, p 2. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 100, 6.4.2004, p. 1).

[14] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

[15] ĠU L 255, 30.9.2005, p.22.

[16] ĠU L 283, 14.10.2006, p.40.

[17] ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

[18] ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.