52007DC0606




[pic] | Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 18.10.2007

KUMM(2007) 606 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa {SEG(2007) 1351} {SEG(2007) 1367}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-trasport:Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa

IL-KUNTEST U L-ħTIEġA GħALL-AZZJONI

It-trasport tal-merkanzija, mill-materja prima għall-prodotti finali, huwa essenzjali għall-attività ekonomika u l-kwalità tal-ħajja fl-UE. Jippermetti t-tqassim tax-xogħol, l-ekonomiji fil-kobor, u li jiġu sfruttati l-vantaġġi relattivi. It-trasport tal-merkanzija għalhekk huwa fundamentali għall-kompetittività Ewropea.

It-trasport tal-merkanzija organizzat tajjeb jikkontribwixxi wkoll għal operazzjonijiet sostenibbli u effiċjenti mil-lat ta' enerġija u jsaħħaħ il-koeżjoni billi jippermetti lill-impriżi madwar l-UE, inklużi fir-reġjuni periferiċi, ikollhom aċċess aħjar u jibbenefikaw aktar mis-Suq Intern.

L-istudju intermedju tal- White Paper tal-Kummissjoni fl-2001, jipprevedi tkabbir ta' 50% fl-attività tat-trasport tal-merkanzija għall-UE-25 (f'termini ta' eluf ta' kilometri) bejn l-2000 u l-2020. Madankollu dan ifisser li t-trasport tal-merkanzija jqajjem ukoll għadd ta' mistoqsijiet ta' politika li għandhom ikunu indirizzati biex jiġu assigurati l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tiegħu:

- Il-konġestjoni f'ċerti partijiet tas-sistema tat-trasport Ewropew qed tolqot b'mod negattiv l-ispejjeż u l-ħin tat-trasport u qed iżżid il-konsum tal-fjuwil.

- It-trasport tal-merkanzija jeħtieġ li jagħti l-kontribut tiegħu billi jindirizza l-miri ta' l-UE tat-tibdil fil-klima[1], u jnaqqas l-emissjonijiet li jniġġsu u l-istorbju.

- It-trasport tal-merkanzija jiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili, li proporzjon kbir tagħhom jiġu importati.

- Is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport iridu jkomplu jittejbu.

- Hemm sinjali li s-setturi tat-trasport u dawk ta' l-industrija marbuta mal-loġistika qed ikollhom diffikultajiet biex jiġbdu staff ikkwalifikat.

Sakemm ma jittieħdux miżuri ta' mitigazzjoni, dawn il-kwistjonijiet se jkomplu jiggravaw minħabba ż-żidiet imbassra fit-trasport tal-merkanzija.

Madankollu, maġenb dawn l-isfidi, jeżistu wkoll opportunitajiet li ma jistgħux jintilfu:

- L-eteroġenejtà ta' l-UE żdiedet ma kull tkabbir li seħħ u s-suq kontinentali l-ġdid jesiġi li tekniki aġġornati u l-aqwa prassi fil-qasam tal-loġistika jiġu implimentati mingħajr dewmien madwar l-Unjoni.

- Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija sar suq globali dejjem aktar integrat u kkonċentrat, li fih diversi kumpaniji Ewropej stabbilixxew irwieħhom bħala mexxejja dinjin.

- Il-prospetti tat-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi barra mill-UE huma rilevanti. Huwa għalhekk li l-inizjattivi ta' politika proposti jikkunsidraw ukoll il-ħtieġa li l-operazzjonijiet tat-trasport, speċjalment dawk li jinvolvu pajjiżi ġirien, isiru aktar effiċjenti.

- Progress aktar mgħaġġel fit-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) qed iqajjem rivoluzzjonijiet fil-mod li bih tista' tiġi organizzata l-loġistika tat-trasport tal-merkanzija.

Ir-rispons ta' politika

Biex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni Ewropea fl-istess ħin qed tniedi sensiela ta' inizjattivi ta' politika, f'konformità ma' l-istudju intermedju[2] tas-sena l-oħra, tal- White Paper ta' l-2001 dwar it-trasport. Dawn il-miżuri huma r-riżultat ta' konsultazzjonijiet intensivi mal-partijiet interessati kollha, li matulhom ġew organizzati 13-il seminar u konferenza, aktar minn 30 avveniment estern u ntlaqgħu kważi 160 sottomissjoni bil-miktub. Barra minn hekk, intbagħtu aktar minn 500 rapport lill-Kummissjoni dwar punti ta' konġestjoni fil-loġistika.

L-istudju tal- White Paper jinnota l-bidla fil-kuntest mill-2001, ikkaratterizzat mill-aċċelerazzjoni tal-globalizzazzjoni tal-produzzjoni, in-nuqqas ta' sigurtà tal-provvisti ta' l-enerġija, l-iggravar tat-tibdil fil-klima u d-dimensjoni kontinentali ta' l-UE wara t-tkabbir għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Fid-dawl ta' dan it-tibdil, jissuġġerixxi li titwessa' l-konċentrazzjoni u l-istrumenti tal-politika tat-trasport biex jintlaħqu l-isfidi l-ġodda. B'mod partikolari jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tal-mezzi differenti tat-trasport, jintużawx waħedhom jew f'kombinazzjoni ma' oħrajn (komodalità). L-għan tal-pakkett ta' miżuri attwali huwa li jikkontribwixxi għal dan il-għan.

L-inizjattivi ta' politika ppreżentati bħalissa jinkludu:

- Il-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tal-Merkanzija [3] jissuġġerixxi għadd ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tal-ġestjoni tal-merkanzija u tat-traffiku, kwalità u effiċjenza sostenibbli, is-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi, ir-reviżjoni ta' l-istandards tat-tagħbija u l-eżaminar, bil-għan li possibbilment tiġi riveduta d-Direttiva 96/53/KE dwar id-dimensjonijiet u l-piżijiet tal-vetturi (filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi fuq mezzi oħra tat-trasport).

- Il- Komunikazzjoni dwar netwerk ferrovjarju orjentat lejn il-merkanzija [4] se jwassal għal settur ferrovjarju tal-merkanzija aktar kompetittiv, partikolarment billi jiżgura ħinijiet ta' tranżitu iqsar u żieda fl-affidabilità tal-linji ferrovjarji u s-sensittività għall-ħtiġijiet tal-klijenti.

- Il- Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet [5] se tipprovdi viżjoni u l-għodod meħtieġa biex jittejjeb ir-rendiment tal-portijiet kif ukoll iċ-ċentri essenzjali fis-sistema Ewropea tat-trasport, għandha tgħinhom jiġbdu investimenti ġodda, toħloq djalogu stabbli bejn il-partijiet interessati kollha u ttejjeb id-dehra tagħhom. Din il-Komunikazzjoni timplimenta l-Komunikazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea[6], li tippreżenta approċċ olistiku u transettorjali lejn l-affarijiet marittimi;

kif ukoll

- Id- dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni "Lejn spazju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli" [7] se jibda proċess ta' konsultazzjoni dwar kif it-trasport fil-qosor bil-baħar ikun jista' jibbenefika kompletament mis-Suq Intern permezz tal-faċilitazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u dokumentarji, biex it-trasport marittimu tal-merkanzija jitqiegħed fuq l-istess livell ta' mezzi oħra tat-trasport.

- Id- dokument ta' ħidma ta' l-istaff dwar Awtostradi tal-Baħar [8] jiddeskrivi l-progress li sar fl-iżvilupp ta' l-Awtostradi tal-Baħar u jissuġġerixxi elementi ulterjuri ta' kwalità.

Sinerġiji

L-inizjattivi tal-politika msemmija hawn fuq isaħħu lil xulxin u jikkostitwixxu aġenda ta' politika sabiex tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa. Meqjusa flimkien, għandhom jgħinu biex it-trasport tal-merkanzija fl-UE jsir aktar effiċjenti u aktar sostenibbli. Filwaqt li kollha kemm huma jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi għall-oqsma partikolari tagħhom, dan jagħmluh billi jadottaw approċċ komuni li huwa kkaratterizzat minn

- Enfasi fuq il- kurituri, li jgħaqqdu wkoll il-katini tat-trasport lejn u mill-pajjiżi ġirien u dawk aktar 'il bogħod,

- Il-promozzjoni ta' teknoloġiji u prassi innovattivi fl- infrastruttura, il-mezzi tat-trasport (bħalma huma l-vetturi, il-vaguni u l-inġenji tal-baħar) u l-ġestjoni tal-merkanzija,

- is- simplifikazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-katini tat-trasport tal-merkanzija u proċeduri amministrattivi relatati, u

- it-tisħiħ tal- kwalità .

Approċċ ibbażat fuq il-kurituri

Billi jisfruttaw l-ekonomiji fil-kobor, il-kurituri joffru opportunitajiet tekniċi u ekonomiċi uniċi li minħabba fihom ikun attraenti li l-mezzi varji tat-trasport jintużaw bl-aħjar mod. Huwa essenzjali li l-mezzi varji tat-trasport, kif ukoll il-kurituri nfushom jistgħu jiġu kkombinati f'servizz fluwidu dirett għall-utenti, billi jintużaw – fejn ikun xieraq – terminals ddisinjati tajjeb. Din hija prekondizzjoni biex il-merkanzija tgħaddi faċilment, b'mod affidabbli u ekonomiku minn mezz wieħed għall-ieħor. Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Politika għall-Portijiet u dwar in-netwerk ferrovjarju orjentat lejn il-merkanzija għalhekk jindirizzaw id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-pjattaformi tat-trasbord filwaqt li l-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Tagħbija dwar il-kwalità u l-effiċjenza għaċ-ċaqliq ta' l-oġġetti, kif ukoll fuq l-iżgurar li informazzjoni marbuta mal-merkanzija tgħaddi faċilment bejn il-mezzi.

Biex it-trasport tal-merkanzija jsir aktar sostenibbli, iridu jsiru sforzi biex jitnaqqsu l-konsum ta' l-enerġija u l-emissjonijiet ta' l-istorbju, sustanzi li jniġġsu u gassijiet b'effett ta' serra kkawżati mill-ġarr ta' l-oġġetti.

Fid-dawl ta' dan, il-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika jintroduċi l-kunċett ta' "kurituri ekoloġiċi", jiġiferi kurituri tat-trasport tal-merkanzija li huma kkaratterizzati minn impatti baxxi fuq l-ambjent uman u dak naturali. Il-mezzi tat-trasport ferrovjarji u bl-ilma se jkunu komponenti essenzjali ta' dawn il-kurituri ħodor.

L-infrastruttura, il-mezzi tat-trasport u l-ġestjoni tal-merkanzija

L-infrastruttura tat-trasport tal-lum teħtieġ li takkomoda t-tkabbir sostanzjali fit-trasport tal-merkanzija li huwa previst għas-snin li ġejjin. Element wieħed ta' l-istrateġija lejn dan l-għan huwa n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) fejn ix-xogħol kurrenti jinkludi l-iżvilupp ta' għadd ta' kurituri transnazzjonali li huma strateġikament sinifikanti. Element ieħor se jkun l-użu effiċjenti ta' l-infrastruttura disponibbli, inkluż l-użu ta' sistemi bbażati fuq it-teknoloġija ta' l-informazzjoni biex tittejjeb il-ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija li jinġarru. Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-Applikazzjoni Telematika għall-Merkanzija (TAC) fis-settur ferrovjarju u s-Servizzi ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) għat-trasport fuq il-passaġġi interni ta' l-ilma, kif ukoll SafeSeaNet, is-Sistemi ta' Ġestjoni u ta' Informazzjoni dwar it-Traffiku tal-Bastimenti (VTMIS), is-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) u Identifikazzjoni u Traċċar fuq Distanzi Kbar (LRIT) għat-trasport marittimu jixhdu l-isforzi għaddejjin f'din id-direzzjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni fil-qasam tal-Loġistika jissuġġerixxi li jeħtieġ li jsiru sforzi ulterjuri għall-iżvilupp ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) fit-trasport tat-triq, ukoll sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà. Barra minn hekk jappella biex isir xogħol ħalli jinkisbu ttraċċar u lokalizzazzjoni integrati u, fuq medda itwal, ir-rottar tal-merkanzija fuq diversi mezzi. F'dan ir-rigward, inizjattiva kbira dwar l-ITS għall-2008, li tistabbilixxi rotta rettaljata għall-iżvilupp u l-mobilitazzjoni ta' l-ITS fl-Ewropa u li tindirizza l-applikazzjonijiet teknoloġiċi ewlenin li huma rilevanti għal-loġistika tal-merkanzija, bħalissa qed titħejja mill-Kummissjoni. Il-mobilitazzjoni tas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita, bħalma huma l-EGNOS u Galileo hija l-pedament ta' politika bħal din.

Il-ġarr tal-merkanzija għandu wkoll dimensjoni urbana. Id-distribuzzjoni ta' l-oġġetti f'żoni urbani tirrikjedi interfaces effiċjenti bejn it-trasport tal-massa fuq distanzi twal bejn punti intermedji u tqassim fuq distanzi qosra għad-destinazzjoni aħħarija. Din il-kwistjoni hija parti mill- Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-mobilità urbana li għandha twassal għal azzjonijiet futuri f'dan il-qasam.

It-tieni prerekwiżit għal użu aktar effiċjenti ta' l-infrastruttura tat-trasport huwa t-tneħħija ta' ostakli operattivi u kummerċjali li jxekklu l-aċċess għall-infrastruttura. Din il-kwistjoni hija indirizzati bil-Komunikazzjoni dwar in-Netwerk Ferrovjarju orjentat lejn it-Trasport tal-Merkanzija għaliex in-nuqqas ta' koordinament fl-allokazzjoni tar-rotot iwassal għal kumplessità żejda fl-arranġament tat-traffiku transkonfinali u jżid ma' l-ostakli fiżiċi għall-operazzjonijiet ferrovjarji u dewmien bla bżonn.

Simplifikazzjoni

Matul iż-żmien, is-servizzi u r-regolament evolvew skond il-mezz u kemm-il darba skond il-pajjiż, u dan wassal għal ġabriet ta' regoli differenti dwar id-dokumentazzjoni, ir-responsabbiltà u rekwiżiti u proċeduri amministrattivi oħra.

Miżuri biex jiġi ssimplifikat l-ambjent amministrattiv tat-trasport tal-merkanzija huma l-ewwelnett iffokati fuq katini tat-trasport multimodali. Il-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija jenfasizza l-importanza li nimxu lejn punt ta' kuntatt uniku għar-rekwiżiti amministrattivi fil-ġarr tal-merkanzija u jindirizza wkoll il-kwistjoni tad-dokumentazzjoni u r-responsabbiltà fit-trasport multi-modali. Fuq binarju parallel, il-Komunikazzjoni dwar Netwerk Ferrovjarju Orjentat lejn it-trasport tal-Merkanzija tindirizza l-kwistjoni ta' l-armonizzazzjoni tar-regoli madwar il-kurituri ferrovjarji.

Il-kumplessità amministrattiva u dokumentarja ta' trasport bil-baħar fil-qosor huwa każ partikolari. Dan huwa parzjalment dovut għall-karatteristiċi inerenti tat-trasport bil-baħar iżda wkoll għaliex it-tbaħħir tal-bastimenti bejn żewġ portijiet ta' l-UE jitqies bħala tluq mit-territorju doganali ta' l-UE fil-port tat-tluq u dħul mill-ġdid f'dak it-territorju fil-port tal-wasla. Dan jinvolvi għadd ta' proċeduri li jeħtieġ isiru. Dan il-punt qed jiġi eżaminat fid-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni dwar spazju marittimu Ewropew mingħajr ostakli.

Il-kwalità tat-trasport tal-merkanzija

Il-kwalità tas-servizz fit-trasport tal-merkanzija jeħtieġ li tittejjeb, speċjalment jekk l-alternattivi modali għat-trasport bit-triq għandhom isiru aktar attraenti. B'mod partikolari, is-settur ferrovjarju għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb ir-rendiment tiegħu, filwaqt li l-integrazzjoni tal-mezzi fuq ilma fil-katina tat-trasport loġistiku għandha tittejjeb.

Ir-rwol tal-KE

Biex jittejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija, l-awtoritajiet għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet xierqa u jappoġġaw ix-xejra lejn il-komodalità u s-sostenibbiltà. Dan jinkludi l-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi xierqa, il-ħolqien ta' mandat għall-istandardizzazzjoni teknika, il-forniment ta' appoġġ politiku u finanzjarju u t-trawwim ta' l-aqwa prassi. Permezz tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tal-Merkanzija, il-Komunikazzjoni dwar Netwerk Ferrovjarju orjentat lejn il-Merkanzija, il-Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet u d-dokumenti ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni "Lejn Spazu Marittimu Ewropew mingħajr ostakli" u dwar l-Awtostradi tal-baħar, li flimkien jagħmlu l-Aġenda tat-Trasport tal-Merkanzija għall-2007, il-Kummissjoni Ewropea qed tindirizza l-azzjonijiet li jeħtieġ jitwettqu fuq il-livell ta' l-UE.

L-isforzi Ewropej b'appoġġ għall-kurituri tat-trasport, traffiku u ġestjoni tat-trasport tal-merkanzija mtejba, is-simplifikazzjoni u l-kwalità huma partikolarment meħtieġa fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-kurituri, is-sehem li qed jikber tat-trasport tal-merkanzija transkonfinali hekk kif jiżviluppa s-Suq Intern, u l-opportunitajiet għat-tkabbir u l-kummerċ, lil hinn mill-fruntieri esterni ta' l-UE. Barra minn hekk, f'industrija li tistrieħ ħafna fuq l-innovazzjoni, in-nuqqas ta' approċċ Ewropew iwassal għal frammentazzjoni tas-swieq u jtellef l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda jew soluzzjonijiet innovattivi, partikolarment għall-SMEs. Finalment, it-tħassib ambjentali li jirriżulta mit-trasport tal-merkanzija jirrikjedi sforz komuni.

Nimxu 'l quddiem

L-adozzjoni simultanja ta' inizjattivi li jindirizzaw it-trasport tal-merkanzija tixhed l-importanza ta' dan is-suġġett għas-sostenibbiltà u l-kompetittività ta' l-ekonomiji ta' l-Ewropa. Il-proposti li fihom huma r-riżultat ta' proċess twil ta' konsultazzjonijiet. Dan irriżulta fit-tnedija tad-Djalogu Soċjali Ewropew dwar il-Portijiet u x'aktarx jinkoraġġixxi djalogu soċjali intensiv fuq il-livell lokali u reġjonali.

Il-ġabra ta' inizjattivi ta' politika introdotti f'dan id-dokument jindikaw it-triq lejn politika Ewropea tat-trasport tal-merkanzija, li hija msejsa fuq il-prinċipji tal-komodalità, is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS), kurituri ekoloġiċi u l-orjentament ta' l-utenti:

- il-komodalità tirrikjedi titjib fl-effiċjenza, fl-interoperabilità u l-interkonnettività tat-trasport ferrovjarju, marittimu, dak fuq il-passaġġi ta' l-ilma interni, bl-ajru, bit-triq u ċ-ċentri relatati sabiex tinkiseb l-integrazzjoni sħiħa tagħhom f'servizz fluwidu dirett għall-utenti;

- Is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti joffru mezz biex tittejjeb il-ġestjoni tat-trasport u tal-merkanzija, u jiżdied l-użu ta' l-infrastruttura disponibbli;

- Il-kunċett ta' kurituri ekoloġiċi jkompli jlaħħam l-għan li jiġi integrat it-tħassib ambjentali, flimkien ma' dak tas-sikurezza u tas-sigurtà fit-tfassil u t-tħaddim ta' l-infrastruttura fuq in-netwerk transEwropew tat-trasport;

- finalment, il-ħtiġijiet ta' l-utenti jeħtieġ li jsiru l-punt fokali tal-ġejjieni.

Dawn il-prinċipji se jiggwidaw l-implimentazzjoni ta' l-azzjonjijiet u l-inizjattivi li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi bħalissa.

[1] Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 8/9 ta' Marzu 2007.

[2] "Inżommu l-Ewropa miexja: Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna" COM(2006) 314 finali

[3] COM(2007) 607 finali.

[4] COM(2007) 608 finali.

[5] COM(2007) 616 finali.

[6] COM(2007) 575 finali.

[7] SEC(2007) 1351.

[8] SEC(2007) 1367.