[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.10.2007 KUMM(2007) 601 finali KOMISIJAS PAZIŅOJUMS EIROPAS PARLAMENTAM, PADOMEI, EIROPAS EKONOMIKAS UN SOCIĀLO LIETU KOMITEJAI UN REĢIONU KOMITEJAI Dwar strateġija ġdida biex il-Komunità timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina Sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat KOMISIJAS PAZIŅOJUMS EIROPAS PARLAMENTAM, PADOMEI, EIROPAS EKONOMIKAS UN SOCIĀLO LIETU KOMITEJAI UN REĢIONU KOMITEJAI Dwar strateġija ġdida biex il-Komunità timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina Sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat Is-sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat (IUU – Illegal, Unreported and Unregulated) huwa theddida kbira mad-dinja kollha għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Il-'valur tal-bejgħ' globali ta’ ħut IUU reċentement kien stmat li jeċċedi l-10 biljun euro. Dan jirrendi n-negozju IUU bħala t-tieni l-ikbar produttur tal-ħut fid-dinja f’termini ta’ valur, wara ċ-Ċina. Is-sajd IUU huwa problema globali. Hija wkoll waħda fejn l-UE hija mistennija tassumi rwol ewlieni. L-UE għandha waħda mill-ikbar flotot tas-sajd, hija t-tielet potenza fil-qbid u l-ikbar suq u l-ikbar importatur ta’ prodotti tas-sajd fid-dinja. L-importazzjoni illegali ta’ ħut fl-UE hija stmata b’mod konservattiv li tlaħħaq 1.1 biljun euro fis-sena. It-telf hu wisq aktar minn purament ekonomiku. Ħafna mill-ħut IUU għandu wkoll valur ekoloġiku sinifikanti. Waqt li 75% ta' l-istokkijiet tal-ħut fid-dinja qed jiġu sfruttati kompletament jew iżżejjed bis-sajd legali , is-sajd IUU jirrappreżenta l-forza moħbija li qed thedded li tgħarraq din is-sitwazzjoni inkwetanti. Din it-theddida tinfirex ukoll fuq l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar, fi żmien meta l-komunità internazzjonali hija impenjata li tħarishom mill-prattiċi distruttivi tas-sajd. Jeżisti qbil internazzjonali wiesa’ fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni deċiżiva kontra s-sajd IUU, espress partikolarment mill-FAO, l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-OECD. L-UE ilha ħafna attiva fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, kemm internament, u kemm internazzjonalment. Dan l-impenn kien miġbur fil-Pjan ta’ Azzjoni 2002 ta’ l-UE stess għall-eliminazzjoni totali tas-sajd IUU[1]. Il-Kummissjoni temmen li wasal iż-żmien li tħarrax il-ġlieda kontra s-sajd IUU għal livell ġdid. L-aħjar mod kif jinqered dan in-negozju lukrattiv hu li jitneħħa l-inċentiv tar-reat billi ssir diffiċli għall-aħħar, jekk mhux impossibbli, li jinbiegħu prodotti IUU bi qligħ. Il-ħtieġa għal impetu ġdid min-naħa ta’ l-UE kontra s-sajd IUU reċentement ġiet enfasizzata mill-Parlament Ewropew[2]. Din il-komunikazzjoni tiddeskrivi l-karatteristiċi prinċipali tal-fenomenu IUU, u ssemmi l-elementi ewlenin ta’ strateġija ġdida biex ikun żgurat li fil-ġejjieni, ir-reati tas-sajd ma jibqgħux jirrendu. L-approċċ integrat għall-użu sostenibbli ta’ l-oċeani li tirfed din l-inizjattiva tinsab ukoll fl-Istrateġija Marittima Ewropea u għandha titqies ukoll bħala pass ’il quddiem fit-triq lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni proposta fil-Komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Ottubru 2007 (KUMM(2007) 575 – "Il- Blue Book "). 1. KARATTERISTIċI U SKALA TAS-SAJD IUU 1.1. Ambitu L-unika definizzjoni internazzjonali maqbula għas-"sajd IUU" tinsab fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sajd IUU tal-FAO. F’konformità ma’ din id-definizzjoni, u għal skop ta’ ċarezza, il-Kummissjoni tqis li l-ambitu tal-politika ta’ l-UE li timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU għandu jkopri: - il-ksur tar-regoli dwar il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet nazzjonali u internazzjonali; - l-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra internazzjonali koperti minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) imwettqa minn bastimenti mingħajr nazzjonalità jew irreġistrati ma’ Parti barra l-RFMO u b’mod li jikser ir-regoli maħruġa min din l-organizzazzjoni; - l-attivitajiet tas-sajd imwettqa f’ibħra internazzjonali mhux koperti minn RFMO b’mod inkonsistenti mar-responsabbiltajiet Statali għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd skond il-liġi internazzjonali. Il-politika ta’ l-UE kontra s-sajd IUU għandha għalhekk tiġbor fiha l-attivitajiet tas-sajd li jsiru fl-ilmijiet ta’ l-UE kif ukoll lil hinn minn dawk l-ilmijiet. Din il-politika għandha tkun immirata lejn l-iskoraġġiment u l-penalizzazzjoni tal-ksur l-aktar dannuż. 1.2. Impatti tas-sajd IUU Il-ħtieġa li tissaħħaħ l-azzjoni ta’ l-UE hija ġġustifikata b’mod dirett mill-ħafna impatti detrimentali assoċjati mas-sajd IUU. 1.2.1. Ħsara ambjentali L-aktar impatt ovvju tas-sajd IUU hija l-ħsara ta’ sikwit diżastruża li jikkaġuna lill-bijodiversità tal-baħar. - Il-prattika tas-sajd IUU tinsab f’kull oċean, fejn tagħmel ħsara kbira lis- sostenibbiltà tas-sajd . Dan huwa l-każ meta l-qabdiet tal-ħut ma jiġux iddikjarati jew jiġu ddikjarati ħażin u b’hekk jikkontribwixxu għas-sajd eċċessiv. Dan hu l-każ ukoll meta l-attivitajiet tas-sajd ikunu mmirati lejn ħut għadu zgħir, bi ksur tar-regoli tad-daqsijiet minimi, jew jitwettqu f’perjodi jew żoni li normalment ikunu magħluqa, u b’hekk jipperikolaw it-tiġdid ta' l-istokkijiet tal-ħut ikkonċernat. Dawn l-impatti kollha jiggravaw meta l-istokkijiet mistada jkunu diġà taħt il-limiti bijoloġiċi ta’ sikurezza. - Il-konsegwenzi ambjentali tas-sajd IUU jisbqu sew il-ħsara diretta li ssir lill-istokkijiet tal-ħut. Dawn il-prattiċi jirrappreżentaw ukoll theddida serja għall- ambjenti naturali tal-baħar . B’mod partikolari, is-sajd b’metodi pprojbiti jista’ jirriżulta fi proporzjon għoli ta’ speċi mhux mixtieqa li jittellgħu bħala qabda inċidentali u mbagħad jintremew. Tali qabda inċidentali tkun tinkludi mhux biss speċi ta’ ħut, iżda wkoll speċi oħra, bħalma huma għasafar tal-baħar jew fkieren, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom jispiċċaw imutu. Is-sajd f’żoni protetti jista’ jkun ukoll il-kaġun dirett ta’ ħsara irriversibbli fl-ambjenti naturali vulnerabbli tal-baħar, bħalma huma s-sikek tal-qroll. 1.2.2. Konsegwenzi soċjoekonomiċi Is-sajd IUU ma jagħmilx il-ħsara biss fl-ambjent tal-baħar. Ifisser ukoll serq ta’ riżorsi komuni tas-sajd u jirriżulta f'telf konsiderevoli għas-sajjieda li josservaw il-liġi. Huwa diffiċli, naturalment, li ssir stima totali preċiża għal kull prattika illegali. Madankollu, il-valur dinji tas-sajd IUU hu stmat li jammonta għal €10 biljun. Bħala paragun, il-valur ta’ l-ħut imniżżel l-art mill-flotta ta’ l-UE kien €6.8 biljun fl-2004. - L-industrija tas-sajd ta’ l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni ħarxa mill-operaturi IUU li jinjoraw kull obbligu li jidħlu għalih l-operaturi legali waqt il-ħidma tagħhom fl-istess territorji tas-sajd jew waqt is-sajd għall-istess speċi u għall-istess swieq aħħarin (pereżempju merluzz, salamun, pixxispad, toothfish, tonn). Is-sajjieda ta’ l-UE li joperaw legalment għalhekk qed jiffaċċjaw prattiċi inġusti mill-operaturi IUU, li jirriżultaw partikolarment f’telf mis-sehem tas-suq għall-industrija ta’ l-UE. Din il-problema kibret matul l-aħħar snin bil-globalizzazzjoni tas-settur tas-sajd, li wasslet għal żieda fil-flussi kummerċjali ta’ prodotti tal-ħut li diffiċli tiddetermina l-legalità tagħhom. - Is-sajd IUU qed ikollu wkoll konsegwenzi drammatiċi għall- komunitajiet kostali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw , li għalihom ir-riżorsi tal-ħut jista’ jkollhom rwol kbir ħafna għall-iżgurar ta’ l-ikel u biex itaffi l-faqar. Il-pajjiżi kostali li qed jiżviluppaw spiss ma jkollhomx il-mezzi u l-ħila biex jamministraw u jikkontrollaw sew l-ilmijiet marittimi fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Operaturi illegali bla skrupli japprofittaw ruħhom minn din id-dgħjufija biex jissoktaw b’attivitajiet tas-sajd mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istati kostali u jisirqu r-riżorsi li huma vitali għas-sajjieda lokali. Din hija problema serja fl-Afrika Sub-Saħarjana, fejn it-telf li jirriżulta mis-sajd IUU hu stmat li jlaħħaq €800 miljun fis-sena. - Barra minn dan, xi ditti li jipprattikaw is-sajd illegali, inklużi operaturi mill-UE, iħaddmu bastimenti taħt l-istandards normali taħt il-bandiera ta’ Stati li jew ma japplikawx jew japplikaw standards baxxi ħafna ta’ protezzjoni soċjali. B’riżultat ta’ dan, l-ekwipaġġi tagħhom ikollhom jissaportu kondizzjonijiet ta’ għajxien u xogħol inaċċettabbli . Dan imbagħad ixejjen l-isforzi għall-kisba tal-progress internazzjonali fl-istandards soċjali tas-sajjieda, riflessi fil-konvenzjoni kkonsolidata dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd adottata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) f’Ġunju 2007. 1.2.3. Is-Sajd IUU jxejjen l-isforz għal regolazzjoni aħjar ta’ l-oċeani It-tkomplija ta’ prattiċi illegali tnaqqas il-leġittimità tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) f’għajnejn is-sajjieda ta’ l-UE. Is-sajd IUU għalhekk jirrappreżenta theddida serja mhux biss għall-futur tar-riżorsi komuni ta’ l-oċeani tagħna, iżda wkoll għal kull attentat biex jittejjeb ir-reġim tar-regolazzjoni li bih ikunu amministrati. B’dan il-mod, dan jipperikola l-istess pedament tal-politika Komunitarja li hi mfassla biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tagħhom fl-ilmijiet ta’ l-UE u barra minnhom. 1.3. Motivazzjonijiet tas-sajd IUU L-aktar motivazzjonijiet importanti wara l-perpetwazzjoni tas-sajd IUU huma deskritti fil-qosor hawn taħt. 1.3.1. Is-sajd IUU jibqa’ attività profitabbli L-inċentivi għat-twettiq tas-sajd IUU jibqgħu hemm sakemm dan jibqa’ jkun attività profitabbli għall-operaturi kkonċernati. - Operaturi li jipprattikaw attivitajiet IUU kapaċi jżommu l-ispejjeż ta’ l-operat baxxi u jgawdu profitti sostanzjali . L-ispejjeż ta’ l-operat ta’ ditti involuti f’sajd illegali huma ġeneralment inqas minn dawk ta’ ditta tas-sajd medja li topera legalment. Spejjeż li jirriżultaw minn infiq soċjali u taxxi jistgħu jkunu f’livelli minimi u jistgħu wkoll ma jeżistux għall-flotot involuti f’attivitajiet IUU li jkunu koperti minn kumpaniji offshore jew bnadar tan-non-konformità. In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tas-sajd u l-bejgħ ta’ qabdiet permezz ta’ kanali mhux uffiċjali jissarrfu wkoll fi tnaqqis ta’ l-ispejjeż. Waqt li l-ispejjeż ikunu baxxi, il-profitti li x’aktarx isiru mill-attivitajiet IUU huma ġeneralment għoljin, partikolarment minħabba li l-operaturi illegali għandhom it-tendenza li jistadu speċi ppreġjati li jġibu prezzijiet ogħla fis-suq (per eżempju, toothfish, tonn jew merluzz). - F’xi tipi ta’ sajd, il- kapaċità żejda tal-flotot tas-sajd komparata mal-possibbiltajiet ta’ sajd disponibbli ukoll tiġġenera attivitajiet ta’ sajd illegali, billi xi bastimenti jaqbżu l-limiti tal-qabdiet imposti fuqhom biex isostnu livell ta’ qbid li jista’ jżomm in-negozju tagħhom profitabbli. F’kuntest ta’ żieda kostanti fil-konsum tal-prodotti tas-sajd mad-dinja kollha, l-inċentivi għall-provvista ta’ prodotti tas-sajd illegali fis-swieq aħħarin jibqgħu jinkoraġġixxu lill-operaturi sakemm ikunu kapaċi jkomplu jagħmlu l-qligħ minn tali attivitajiet. 1.3.2. L-operaturi IUU kapaċi jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jiffaċċjaw l-ebda ostaklu sostanzjali Il-persistenza tal-prattiċi IUU hi fil-parti l-kbira konsegwenza tal-faċilità li biha l-operaturi illegali kapaċi jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom tul il-katina kollha tal-provvista, ħielsa minn kull xorta ta’ obbligu jew restrizzjoni li tista’ ttellef il-prattiċi tagħhom. - L-ewwelnett l-operaturi IUU japprofittaw ruħhom mill-benefiċċji disponibbli taħt ċerti sistemi nazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-bandiera. Għadd kbir ta’ bastimenti tas-sajd, partikolarment dawk li joperaw barra l-ilmijiet ta’ l-UE, huma rreġistrati fi Stati li jħaddmu reġistri miftuħa, u/jew fi Stati li ma jridux jew ma jistgħux jeżerċitaw kontroll sew fuq il-flotta tas-sajd tagħhom biex jiżguraw li dawn jirrispettaw il-miżuri tal-konservazzjoni u l-ġestjoni. Ir-reġistrazzjoni fi Stati bħal dawn ġeneralment tkun operazzjoni sempliċi ħafna u rħisa. Din tinkoraġġixxi l-bdil tal-bnadar, fejn il-bastimenti jibdlu l-bandiera regolarment biex jieħdu vantaġġ minn dawk ir-reġimi l-inqas esiġenti u jagħmluha iktar diffiċli għas-servizzi ta’ l-ispezzjoni u l-kontroll li jsegwuhom. Skond il-Liġi tal-Baħar, hija primarjament ir-responsabbiltà ta’ l-Istat tal-Bandiera li jeżerċita l-kontroll fuq bastiment. L-operaturi illegali jtajjru Bandiera ta’ Stati li mhumiex kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw dan il-kontroll. Kemm l-Istati Portwali u kemm l-Istati tas-Suq għandhom strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom li jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-inċentivi pprovduti minn dawn il-"Bnadar tan-non-konformità", iżda sa issa ma sarx użu biżżejjed minn dawn l-istrumenti. B’riżultat ta’ dan, il-parti l-kbira tal-bastimenti identifikati li qed iwettqu ksur IUU f’partijiet differenti tad-dinja qed ikomplu jirreġistraw ma’ Stati magħrufa għan-nuqqas ta’ kontrolli adegwati fuq il-flotta tas-sajd tagħhom. - Dawn il-problemi jkomplu jiggravaw bin-nuqqas ta’ biżżejjed kooperazzjoni kemm fil-livell internazzjonali u kemm ta’ l-UE bejn l-Istati u l-korpi internazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza ta’ sajd u l-attivitajiet marbuta miegħu. - L-operaturi IUU għandhom it-tendenza li jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom ta’ qbid f’territorji tas-sajd fejn huwa diffiċli li jitwettqu attivitajiet ta’ kontroll (pereżempju żoni remoti f’ibħra internazzjonali) jew fejn il-kapaċitajiet tal-kontroll ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ma jkunux adegwati biex jiskoraġġihom (notevolment fl-ibħra ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw). - Is-sajd IUU huwa min-natura tiegħu attività internazzjonali. Il-kummerċ internazzjonali fil-prodotti tal-ħut kiber konsiderevolment bħala parti mill-globalizzazzjoni ekonomika, u dan ipprovda lill-operaturi illegali b’ħafna opportunitajiet lukrattivi ġodda. Biex tinħeba l-oriġini illegali tagħhom, il-qabdiet tal-ħut spiss jiġu ttrasportati tul rotot komplessi qabel jaslu fis-suq tad-destinazzjoni, li jinkludu trażbord fuq il-baħar, żbarki f’portijiet ta’ konvenjenza" u pproċessar f’pajjiż li jkun differenti mill-Istati tal-Bandiera u tas-suq. F’xi każijiet, il-komplessità, l-iskala u l-metodi tax-xogħol ta’ dawn l-attivitajiet jistgħu bir-raġun jikkwalifikaw bħala forma ta’ kriminalità transnazzjonali organizzata. - Barra minn dan, il-probabbiltà żgħira li l-operaturi illegali jiġu ppenalizzati u l-insinifikanza ekonomika tas-sanzjonijiet attwali li jistgħu jeħlu mhumiex biżżejjed bħala deterrent effettiv għal dawk li jwettqu sajd IUU. Dawk is-sanzjonijiet jitqiesu mill-operaturi bħala spejjeż negliġibbli ta’ l-operat. - Il-kooperazzjoni f’kull livell (internazzjonali, reġjonali, ta’ l-UE u nazzjonali) hija ta’ importanza ewlenija sabiex jiġu ttraċċati u investigati kif suppost l-attivitajiet IUU. Minkejja xi progress, is-servizzi inkarigati mill-aspetti varji tas-sorveljanza marittima u l-kontroll tal-fruntieri għadhom frammentati, u n-nuqqas ta’ mezzi suffiċjenti biex jiġbru l-evidenza u jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom ifixkel it-twaqqif ta’ mekkaniżmi effettivi biex jiskoraġġixxu l-operaturi IUU milli jkomplu bl-attivitajiet tagħhom. - L-operaturi illegali fl-ilmijiet ta’ l-UE japprofittaw ruħhom ukoll mid-dgħjufija tas-sistemi tal-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar ta’ l-Istati Membri biex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom. Il-volum tal-prodotti tas-sajd maqbuda bi ksur tar-regoli Komunitarji u li mbagħad jinbiegħu barra l-kanali uffiċjali tad-distribuzzjoni fis-suq ta’ l-UE (’l hekk imsejħa "ħut iswed") jista’ jilħaq proporzjon għoli ħafna f’xi tipi ta’ sajd (per eżempju huwa stmat li 35-45% tal-merluzz maqbud fil-Baħar Baltiku jitniżżel l-art bla ma jiġi ddikjarat). 2. PROPOSTA GħAL STRATEġIJA ġDIDA TA’ L-UE BIEX TIMPEDIXXI, TISKORAġġIXXI U TELIMINA S-SAJD IUU F’KONFORMITÀ MA’ L-IMPENJI INTERNAZZJONALI U L-GħAN ġENERALI TAGħHA LI TTEJJEB IL-ġESTJONI U TEVITA L-ISFRUTTAMENT żEJJED TAR-RIżORSI NATURALI (KIF STABBILIT FL-ISTRATEġIJA GħAL ŻVILUPP SOSTENIBBLI TA’ L-UE MAQBULA FIL-KUNSILL EWROPEW TA’ ĠUNJU 2006), L-UE GħANDHA responsabbiltà speċifika li tmexxi l-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. L-UE kienet attiva ħafna tul dawn l-aħħar snin, fil-promozzjoni fil-livelli ta’ l-UE, reġjonali u internazzjonali l-implimentazzjoni ta’ politika ambizzjuża biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. Filwaqt li sar progress sinifikanti, notevolment fi ħdan l-RFMOs, m’hemmx dubju li s-sajd IUU għadu lura milli jinqered għal kollox. Il-Kummissjoni tqis li t-tkomplija ta’ dawn il-prattiċi minkejja l-azzjonijiet ta’ l-UE u dawk internazzjonali, u l-konsegwenzi ambjentali u soċjoekonomiċi drammatiċi tagħhom, teħtieġ tweġiba urġenti u soda mill-UE. Il-politika ta’ l-UE kontra s-sajd IUU fl-imgħoddi kienet xprunata mill-ħtieġa imperattiva li jiġu elaborati regoli internazzjonali u li jiġu stabbiliti u kkonsolidati korpi reġjonali responsabbli biex jeżerċitawhom. Fil-parti l-kbira, l-attenzjoni kienet iffukata fuq il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza ta’ l-attivitajiet imwettqa fuq il-baħar u l-identifikazzjoni ta’ l-operaturi IUU. Il-Kummissjoni tqis li issa wasal iż-żmien li testendi dan il-qafas għall-kumplament tal-katina tal-provvista u ttejjeb l-effikaċja tiegħu, billi tiffukah fuq il-ħtieġa ta’ infurzar aħjar u sanzjonijiet verament deterrenti. L-isfidi prinċipali li jkollha taffaċċja l-UE fil-politika tagħha kontra s-sajd IUU huma dawn li ġejjin: Kif tista’ tidentifika, timpedixxi u tippenalizza l-importazzjoni ta’ prodotti IUU minn pajjiżi terzi fis-suq ta’ l-UE? Kif tista’ ddaħħal miżuri aktar effiċjenti biex jiġu identifikati u ppenalizzati l-bastimenti u l-Istati li jinvolvu ruħhom jew jappoġġjaw l-attivitajiet IUU fl-ibħra internazzjonali jew fl-ilmijiet ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw? Kif tista’ ttejjeb il-livell ta’ l-osservanza tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd fl-ilmijiet tal-KE u/jew mill-operaturi tal-KE? Dawk it-tliet sfidi jistgħu jitqiesu bħala l-problemi prinċipali maħluqa mis-sajd IUU fl-UE, u jeħtieġ li titfassal strateġija adegwata għas-soluzzjoni tagħhom. | - Il-modalità proposta mill-Kummissjoni għandha l-mira li tkopri kull sajd u attività relatata marbuta mal-prattiċi IUU (il-qbid tal-ħut, it-trażbord, l-ipproċessar, l-iżbark, il-kummerċ, eċċ.), u li tindirizza l-problemi li jġibu magħhom dawk l-attivitajiet fil-livelli ta’ l-UE, u dawk reġjonali u internazzjonali. Hi għandha tkompli tibni u tiżviluppa l-miżuri l-aktar avvanzati introdotti fil-livelli internazzjonali u reġjonali, waqt li tappella wkoll għal azzjoni unilaterali mill-UE kull fejn l-inizjattivi multilaterali ma jkunx għadhom waslu biex jiksbu riżultat sodisfaċenti. Il-karatteristiċi prinċipali ta’ l-istrateġija l-ġdida kontra s-sajd IUU rrakkomandati mill-Kummissjoni huma deskritti hawn taħt[3]. Uħud mill-miżuri sostnuti mill-Kummissjoni jkollhom jissejsu fuq strument regolatorju, u għaldaqstant iddaħħlu fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill[4] li ġiet adottata mill-Kummissjoni flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Il-miżuri l-oħra għandhom l-għan li jiggwidaw il-politika futura ta’ l-UE fix-xena internazzjonali jew fil-kollaborazzjoni ma’ l-imsieħba tagħha, u għaldaqstant mhumiex ta’ natura regolatorja. 2.1. Tlestija tas-sistema ta’ l-UE għal azzjoni kontra l-IUU bl-integrazzjoni tad-dimensjoni kummerċjali Il-karatteristiċi transnazzjonali u komplessi tal-fenomenu tas-sajd IUU jeħtieġu l-adozzjoni ta’ modalità integrata biex dawn l-attivitajiet ikunu indirizzati tul il-katina kollha tal-provvista (mix-xibka sal-platt). In-nuqqas prinċipali tar-reġim attwali ta’ l-UE huwa preċiżament il-fatt li mhuwiex komprensiv biżżejjed. Id-dimensjoni tas-suq tal-problema IUU tingħata l-ġenb wisq, minkejja l-fatt li l-UE hija l-ikbar suq u l-ikbar importatur tal-prodotti tal-ħut, b’valur fi prodotti tal-ħut importati fl-UE li laħħaq kważi € 14-il biljun fl-2005. Il-qafas ta’ l-UE hu b’mod partikolari dgħajjef biex jiggarantixxi li l-prodotti tal-ħut importati fl-UE minn pajjiżi terzi jkunu ġejjin minn qabdiet li jikkonformaw mar-regoli rilevanti tal-ġestjoni u l-konservazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-volum ta’ prodotti tas-sajd illegali li jiġi importat kull sena fl-UE hu stmat li jlaħħaq bejn wieħed u ieħor 500 000 tunnellata b’valur ta’ €1.1 biljun, u jista’ jkun li ċ-ċifri huma ogħla. Teżisti ħtieġa urġenti biex l-UE tirrimedja dawn id-divarji. Għall-fini ta’ dan, ir-reġim attwali jeħtieġ reviżjoni radikali, permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ bidliet kbar fil-modalità ta’ l-UE għall-monitoraġġ tal-legalità tal-prodotti tal-ħut li jkunu sa jiġu importati fit-territorju tagħha u l-aċċess li jkollhom il-bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-portijiet tas-sajd ta’ l-UE. Il-miżuri proposti għandhom jagħlqu l-bibien ta’ l-UE b’mod effettiv għall-prodotti tal-ħut u l-bastimenti illegali, u b’hekk inaqqsu l-inċentivi ekonomiċi għall-operaturi IUU li jaqbdu u jbigħu prodotti tas-sajd illegali. Azzjoni proposta mill-Kummissjoni: L-introduzzjoni ta’ reġim ġdid li jirregola l-aċċess għat-territorju Komunitarju ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u prodotti tal-ħut importati. Dan ir-reġim għandu jissejjes fuq il-prinċipju li jkunu biss il-prodotti tal-ħut iċċertifikati legali intitolati mill-Istat tal-Bandiera kkonċernat li jkollhom id-dritt jidħlu fil-Komunità. | - 2.2. Sejbien ta’ modi aktar effettivi biex jipperswadu l-Istati tal-Bandiera li ma jridux jew mhumiex kapaċi jwettqu kontroll adegwat fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom biex jiżguraw il-konformità mar-regoli Biex tindirizza l-kwistjoni tal-"Bnadar tan-non-konformità" fis-settur tas-sajd, l-UE ilha tieħu jew tappoġġja inizjattivi fil-livell multilaterali. Waqt li tirrikonoxxi l-importanza tagħhom, il-Kummissjoni tqis li dawn l-inizjattivi ma jaslux biex jindirizzaw il-problema b’mod effettiv. Il-Kummissjoni tqis is-sitwazzjoni attwali bħala inaċċettabbli fejn il-korpi reġjonali u internazzjonali m’mhumiex kapaċi jeżerċitaw miżuri effettivi kontra l-Istati li jonqsu fil-qadi ta’ dmirijiethom skond il-liġi internazzjonali li jieħdu azzjoni xierqa kontra s-sajd IUU, u notevolment kontra dawk l-Istati li jospitaw bnadar tan-non-konformità. In-nuqqas ta’ azzjoni multilaterali m’għandhiex timpedixxi l-UE milli twettaq l-impenji li għandha kontra s-sajd IUU u tieħu kull inizjattiva tqis bħala meħtieġa. L-UE għandha tistabbilixxi għaliha stess mekkaniżmu trasparenti u ġust għall-identifikazzjoni ta’ dawk l-Istati li jagħżlu li jibqgħu barra mill-ordni ġuridiku internazzjonali u b’hekk ikunu qed jiffaċilataw il-prattiċi IUU, u għandha tapplika miżuri xierqa biex tħeġġiġhom jiżguraw li l-bastimenti tagħhom jikkonformaw tabilħaqq mar-regoli tal-ġestjoni u l-konservazzjoni. Azzjoni proposta mill-Kummissjoni: Li l-Komunità jkollha l-jedd li taġixxi unilateralment sabiex tidentifika Stati li jospitaw Bnadar tan-non-konformità u bastimenti li jwettqu sajd IUU, u tintroduċi miżuri kummerċjali fil-konfront tagħhom. | - 2.3. Ilħiq ta’ livell ogħla ta’ Konformità ma’ l-istandards internazzjonali u ta’ l-UE mill-bastimenti u l-operaturi ta’ l-UE, u b’mod ġenerali fl-ilmijiet Komunitarji L-UE tista’ titqies biss bħala esponent kredibbli kontra s-sajd IUU fl-arena internazzjonali jekk ikollha l-ħila turi li s-sajd illegali fl-ilmijiet ta’ l-UE, u b’mod aktar ġenerali mill-bastimenti u l-operaturi ta’ l-UE, jkun qed jiġi ttrattat adegwatament. Għadd kbir ta’ investigazzjonijiet urew li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għad jonqsu ħafna biex jitqies sodisfaċenti. Hu maħsub li l-operaturi ta’ l-UE jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti ta’ dawk li jirreġistraw il-bastimenti tas-sajd tagħhom fi Stati li jospitaw bnadar tan-non-konformità. Din id-dgħjufija għandha tiġi indirizzata b’urġenza. Il-qafas attwali ta’ l-UE diġà jipprevedi sistema komprensiva ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar tar-regoli tas-sajd. L-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet hija fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri. F’dak ir-rigward, l-ewwel pass lejn aktar konformità mal-liġi Komunitarja jkun it-titjib ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri biex jindirizzaw is-sajd illegali mwettaq mill-bastimenti jew iċ-ċittadini tagħhom fl-ilmijiet tagħhom jew barra mill-ilmijiet ta’ l-UE. Barra minn dan, il-qafas attwali għandu jiġi mtejjeb bil-ħsieb li jitneħħew nuqqasijiet fil-liġi li jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom l-operaturi illegali. Għall-fini ta’ dan, il-Kummissjoni biħsiebha li fl-2008 tipproponi semplifikazzjoni u aġġornament tal-qafas ta’ l-UE dwar il-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar. Madanakollu, il-Kummissjoni hi ta’ l-opinjoni wkoll li l-livell insuffiċjenti ta’ penali li jiġu imposti għal ksur serju tal-liġi tas-sajd u l-livell ta’ impunità li jgawdu ċ-ċittadini ta’ l-UE li jwettqu sajd illegali jew jappoġġjawh barra l-UE huma nuqqasijiet kbar ħafna li jinkoraġġixxu t-tkomplija tas-sajd IUU. Dawn id-dgħjufijiet jitolbu r-reazzjoni urġenti ta’ l-UE. Azzjoni proposta mill-Kummissjoni: L-użu tal-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tħeġġeġ l-Istati Membri u ċ-ċittadini Komunitarji jiżguraw implimentazzjoni korretta tal-qafas attwali tal-PKS; Approssimazzjoni fil-livell ta’ l-UE tal-livelli massimi ta’ sanzjonijiet relatati ma’ ksur serju tar-regoli tal-PKS; Kontroll u miżuri ta’ infurzar aktar stretti kontra ċ-ċittadini Komunitarji ħatja ta’ sajd IUU barra mill-ilmijiet Komunitarji. | - 2.4. Aktar kooperazzjoni biex jiġu investigati l-attivitajiet IUU Kif indikat fis-Sezzjoni 1.3, investigazzjoni effettiva ta’ attivitajiet IUU teħtieġ livell għoli ta’ koordinament u skambju regolari ta’ informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza marittima u l-kontroll tal-fruntieri, kif ukoll żvilupp ta’ mezzi ġodda biex jiġu skoraġġuti attivitajiet bħal dawn. Il-Kummissjoni tixtieq ittejjeb il-politika u l-prattika ta’ l-UE f’dak ir-rigward. L-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd[5] (CFCA) għandha tiżvolġi rwol kruċjali f’dan il-qasam: - fi ħdan l-UE, permezz ta’ ġbir u disseminazzjoni ta’ informazzjoni u l-koordinament ta’ l-attivitajiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll, il-Kummissjoni u aġenziji oħra; - bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, billi tippromwovi l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali biex ittejjeb il-kapaċitajiet operazzjonali ta’ l-MCS ta’ l-awtoritajiet tal-kontroll fit-traċċar ta’ attivitajiet IUU transkonfinali. Azzjoni proposta mill-Kummissjoni: Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni tipproponi li l-UE tikkontribwixxi sostanzjalment fl-isforzi multilaterali li jsiru, notevolment fi ħdan il-FAO, biex jitwaqqaf reġistru mondjali tal-bastimenti tas-sajd, netwerk internazzjonali apposta għall-attivitajiet ta’ l-MCS u biex tippromwovi l-assistenza reċiproka mal-pajjiżi terzi biex ikun missielet is-sajd IUU; Fil-livell Komunitarju, il-koordinament bejn u fi ħdan l-awtoritajiet tal-kontroll ta’ l-Istati Membri għandu jittejjeb permezz ta’ l-attivitajiet tas-CFCA. | - 2.5. Intensifikazzjoni tal-politika ta’ l-UE kontra s-sajd IUU fl-ibħra internazzjonali u fir-rigward ta’ l-Istati li qed jiżviluppaw Il-Kummissjoni tqis li l-iskala reġjonali hija l-aktar livell rilevanti għat-trattament f’termini operazzjonali tas-sajd IUU fl-ibħra internazzjonali. Il-Kummissjoni għaldaqstant biħsiebha tipproponi li l-UE tintensifika l-politika tagħha fi ħdan l-RFMOs biex tiskoraġġixxi, timpedixxi u telimina s-sajd IUU. Il-pajjiżi kostali li qed jiżviluppaw huma wħud mill-vittmi prinċipali tas-sajd IUU. Il-politika ta’ l-UE tqiegħed il-ġlieda kontra s-sajd IUU fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha ma’ dawk l-Istati. B’mod partikolari, l-UE tikkontribwixxi fit-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom għal ġestjoni u monitoraġġ aħjar ta’ l-attivitajiet tas-sajd. Din il-politika trid tiġi mtennija u msaħħa permezz tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u dawk il-pajjiżi, kemm fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Sajd u kemm fid-djalogu tal-politika ta’ l-UE għall-iżvilupp. L-implimentazzjoni tas-sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU għandha tkun akkumpanjata minn azzjonijiet u inizjattivi sabiex jittejbu l-kapaċità u l-mezzi li għandhom l-Istati li għadhom qed jiżviluppaw sabiex jistabbilixxu s-sistema proposta ta' ċertifikazzjoni u għall-ġestjoni u l-monitoraġġ aħjar ta' l-attivitajiet tas-sajd. Dan l-għan għandu jkun segwit ukoll fil-livell reġjonali, permezz ta’ skemi apposta mal-pajjiżi kostali u organizzazzjonijiet reġjonali, fuq il-mudell tal-pjan reġjonali għas-sorveljanza tas-sajd fil-Lbiċ ta’ l-Oċean Indjan maqbul f’Jannar 2007. Kontribut finanzjarju jgħin notevolment lill-Istati Kostali li qed jiżviluppaw jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-iskema taċ-ċertifikazzjoni Komunitarja li l-Kummissjoni biħsiebha tipproponi biex tiġi applikata għall-importazzjonijiet tal-prodotti tal-ħut fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-konsegwenzi tar-regolament dwar l-IUU fuq il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, kif ukoll il-ħtieġa għal miżuri anċillari. L-UE mistennija b’mod partikolari twettaq programmi ta’ taħriġ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura l-applikazzjoni ta’ din l-iskema mingħajr intoppi u tevita li din timpedixxi l-bejgħ tal-prodotti tas-sajd maqbuda legalment. Azzjoni proposta mill-Kummissjoni: Il-konsolidament, l-ilħiq ta’ operazzjonalità akbar u espansjoni tal-miżuri kontra s-sajd IUU fit-13-il RFMO li tagħhom hija Parti l-Komunità u l-promozzjoni tal-koordinament bejn dawk l-organizzazzjonijiet; Il-konferma u l-intensifikazzjoni ta' l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità lill-Istati Kostali li qed jiżviluppaw sabiex itejbu l-ġestjoni u l-monitoraġġ ta’ l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tagħhom u mill-bastimenti li għandhom; tkompli tivvaluta l-konsegwenzi tar-regolament dwar l-IUU fuq il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, kif ukoll il-ħtieġa u l-ispejjez involuti għal miżuri anċillari; Il-promozzjoni ta’ ratifika rapida u wiesgħa tal-konvenzjoni kkonsolidata ta’ l-ILO dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd kif ukoll tal-konvenzjonijiet internazzjonali relatati mas-sigurtà tal-bastimenti tas-sajd, anki billi tiġi eżaminata l-possibbiltà li dawn il-konvenzjonijiet jiddaħħlu fil-liġi Komunitarja. | - Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta l-istrateġija l-ġdida ta’ l-UE kontra s-sajd IUU rakkomandat mill-Komunikazzjoni attwali lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri u tistedinhom japprovawha. [1] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea: Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju għall-eliminazzjoni totali tas-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat - KUMM(2002) 180, 28.5.2002 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7.6.2002. [2] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ l-UE kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat, adottata fil-15 ta’ Frar 2007 (2006/2225(INI)). [3] Preżentazzjoni ddettaljata tal-proposti li jirfdu din l-istrateġija, kif ukoll reviżjoni ta’ l-Azzjoni tal-Komunità 2002 jidhru fi-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni adottat flimkien mal-Komunikazzjoni attwali. [4] Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat – KUMM(2007) 602, 17.10.2007. [5] Ara wkoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta’ April 2005 li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Kontroll tas-Sajd tal-Komunità u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi s-sistema ta’ kontroll applikabbli għall-politika komuni dwar is-sajd.