52007DC0598

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-Konferenza tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji ta’ Liżbona (mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2007) - Il-Partenarjat Ewromediterranju: Titjib tal-Kooperazzjoni Reġjonali għall-appoġġ tal-paċi, il-progress u d-djalogu interkulturali [SEC(2007) 1309] /* KUMM/2007/0598 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 17.10.2007

COM(2007) 598 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tħejjija tal-Konferenza tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji ta’ Liżbona(mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2007)Il-Partenarjat Ewromediterranju: Titjib tal-Kooperazzjoni Reġjonali għall-appoġġ tal-paċi, il-progress u d-djalogu interkulturali [SEC(2007) 1309]

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tħejjija tal-Konferenza tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin Ewromediterranji ta’ Liżbona(mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2007)Il-Partenarjat Ewromediterranju: Titjib tal-Kooperazzjoni Reġjonali għall-appoġġ tal-paċi, il-progress u d-djalogu interkulturali

1. Minkejja l-kunflitt dewwiemi fil-Lvant Nofsani, il-Partenarjat Ewromediterranju żviluppa b'pass sod u għamel kisbiet konsiderevoli sa mill-1995. Wara kważi tnax-il sena, il-Proċess ta' Barċellona żviluppa f'partenarjat reġjonali komprensiv u inklużiv. Istituzzjonijiet u netwerks komuni bħall-Fondazzjoni Anna Lindh għad-djalogu bejn il-kulturi, l-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja, il-FEMISE (netwerk ta' istituti għar-riċerka ekonomika) u l-EuroMesco (netwerk ta' istituti tax-xjenza politika) jikkostitwixxu assi sinifikanti ta' partenarjat ta' 37 pajjiż imsieħeb b'aktar minn 700 miljun ċittadin. Madankollu, fid-djalogu politiku u ta' sigurtà, il-kunflitti reġjonali jibqgħu impediment għall-progress komprensiv fil-kooperazzjoni multilaterali.

2. Meta tiġi stabbilita, iż-Żona Ewromediterranja ta' Kummerċ Ħieles tkun waħda mill-akbar żoni ta' kummerċ ħieles fid-dinja. Il-Partenarjat Ewromediterranju huwa fattur ewlieni fir-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi viċini. L-Imsieħba Mediterranji lkoll jikkunsidraw il-Proċess ta' Barċellona bħala l-bażi fundamentali għar-relazzjonijiet kollettivi tagħhom ma' l-UE. (l-Anness II jiddeskrivi fil-qosor xi wħud mill-kisbiet aktar sinifikanti tal-proċess ta' Barċellona sa mill-bidu tiegħu).

3. F'Novembru 2005 is-Samit ta' Barċellona kkonferma mill-ġdid l-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Barċellona ta' l-1995 u adotta programm ta' ħidma fuq ħames snin u kodiċi ta' kondotta kontra t-terroriżmu. F'Novembru 2006, fil-Konferenza Ewromediterranja tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin mizmuma f'Tampere, l-imsieħba Ewromediterranji ftiehmu dwar dokument ta' konklużjonijiet komuni u adottaw programm ta' ħidma għall-2007. Dan kien ibbażat ħafna fuq il-proposti magħmula fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2006. L-għan tal-Komunikazzjoni preżenti huwa li tiġi ppreparata l-laqgħa ministerjali li jmiss taħt il-Presidenza Portugiża, jiġi rivedut il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma miftiehem f'Tampere, u jsiru proposti għall-2008.

4. Il-Kummissjoni tilqa' b'mod pożittiv l-inizjattivi reċenti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' l-Imsieħba Mediterranji tagħna. Proposti dwar il-ħolqien ta' Unjoni Mediterranja għandhom il-potenzjal jimmobilizzaw rieda politika mġedda fl-Ewropa u fin-Nofsinhar tal-Mediterran għal sħubija aktar soda bejn l-Ewropa u l-Mediterran tan-Nofsinhar. Il-Konferenza Ewromediterranja dwar l-Affarijiet Barranin li jmiss għandha tkun opportunità eċċellenti sabiex jiġi diskuss kif din l-inizjattiva tista' tiġi artikulata u mħaddma f'sinerġija mal-Partenarjat Ewromediterranju u l-Politika Ewropea dwar il-Viċinat. Għall-Kummissjoni huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijet Ewropej ikunu involuti bis-sħiħ f'dan l-isforz kollettiv.

5. L-2007 kienet sena attiva fil-Partenarjat Ewromediterranju. Ix-xogħol li sar fit-tliet kapitoli (id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni ekonomika u d-dimensjoni kulturali u umana) ta' kooperazzjoni kien eċċezzjonali. Fil-Laqgħa Ministerjali ta' Tampere l-imsieħba ftiehmu fuq wieħed u għoxrin inizjattiva konkreta (ara l-Anness III), li l-parti l-kbira tagħhom huma diġà implimentati jew se jsiru qabel l-aħħar ta' l-2007. Sa mill-adozzjoni tal-konklużjonijiet ta' Tampere, id-djalogu politiku bilaterali miżmum fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kompla jikkontribwixxi għat-tkattir tal-progress lejn kooperazzjoni reġjonali f'ħafna oqsma. L-Anness I jagħti fil-qosor l-attivitajiet tal-Partenarjat sa mill-aħħar konferenza Ministerjali Ewromediterranja miżmuma f''Tampere u x-xogħol magħmul fl-oqsma ewlenin tal-kooperazzjoni Ewromediterranja.

PROPOSTI U GħANIJIET GħALL-2008

6. L-2008 se tkun sena importanti għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fis-Samit ta' Barċellona. Huwa mistenni progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi adottati fi snin preċedenti, speċjalment l-implimentazzjoni ta' l-Inizjattiva ‘Horizon 2020' dwar it-tneħħija tat-tniġġis fil-Mediterran, kif ukoll azzjonijiet ulterjuri fil-programm adottat fil-laqgħa ministerjali dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà. Barra minn hekk fl-2008, l-imsieħba Ewromediterranji għandhom jagħtu bidu għal ħames inizjattivi maġġuri sabiex isaħħu l-partenarjat u jestenduh għal oqsma oħra. Dawn l-inizjattivi huma:

- Li tinżamm Laqgħa Ministerjali Ewromediterranja dwar il-kultura;

- Li tinżamm l-ewwel Laqgħa Ministerjali Ewromediterranja dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali;

- L-ewwel Laqgħa Ministerjali Ewromediterranja dwar it-turiżmu.

- Il-Laqgħa Ministerjali Ewromediterranja dwar is-saħħa.

- Il-bidu ta' partenarjat bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjonjiet tal-pajjiżi Mediterranji sabiex jitkattru s-sekondar u l-iskambju ta' uffiċjali u apprentisti.

7. Barra minn dawn l-inizjattivi, il-partenarjat għandu jkompli bix-xogħol tiegħu f'oqsma oħra ta' rilevanza, bħal

- is-soċjetà ta' l-informazzjoni, billi tinżamm it-tieni Konferenza Ministerjali Ewromediterranja f'dan il-qasam,

- li tinżamm il-konferenza annwali FEMIP,

- ir-raba' konferenza Ministerjali Ewromediterranja ta' l-ECOFIN

- il-laqgħat tal-Ministri tal-Kummerċ, u

- il-konferenza dwar il-kooperazzjoni Industrijali.

- lejn l-aħħar ta' l-2008 għandha tinżamm il-laqgħa tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin.

Inizjattivi Ġodda

It-titjib tal-Fondazzjoni Anna Lindh u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali

8. Laqgħa Ministerjali Ewromediterranja dwar il-kultura u d-djalogu kulturali fl-2008 se tkun avveniment importanti maħsub sabiex jippermetti lill-imsieħba jistipulaw linji gwida politiċi għall-attivitajiet futuri tal-Fondazzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti viżibbiltà partikolari lil din il-laqgħa b'avvenimenti f'pajjiżi msieħba Ewromediterranji sabiex tippromwovi d-djalogu interkulturali u d-diversità u sabiex tkabbar il-profil tal-Fondazzjoni Anna Lindh bħala mezz ta' għaqda bejn il-kulturi, ir-reliġjonijiet u t-twemmin Ewromediterranji. Laqgħa ministerjali Ewromediterranja dwar id-djalogu kulturali se tkun konformi ma' l-għanijiet tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew sabiex is-sena 2008 tiġi nominata bħala s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (Deċiżjoni tat-18 ta' Diċembru 2006). B'sinerġija ma' dan, il-Kummissjoni tipproponi li f'Liżbona l-Ministri jiddikjaraw l-2008 bħala s-sena Ewromediterranja tad-djalogu Interkulturali.

9. Il-Fondazzjoni Anna Lindh għad-djalogu bejn il-kulturi ġiet inawgurata uffiċjalment f'Lixandra f'April 2005. Wara perjodu inizjali ta' xogħol li matulu l-Fondazzjoni ġiet stabbilita bħala l-istituzzjoni komuni Ewromediterranja dedikata għad-djalogu kulturali, l-imsieħba se jikkonsolidaw l-istituzzjoni bl-approvazzjoni ta' statuti ġodda u bil-ħatra ta' tmexxija ġdida li għandha tidħol fis-seħħ f'April 2008.

10. L-awdjoviżiv, iċ-ċinema kif ukoll il-promozzjoni tal-wirt kulturali huma modi eċċellenti għal djalogu interkulturali bejn il-pajjiżi Mediterranji u l-Ewropa. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-programmi Awdjoviżivi ta' l-Ewromed u bl-għajnuna ta' esperti Ewropej u Mediterranji, strateġija ġdida għat-titjib tas-settur awdjoviżiv tal-Mediterran għandha tiġi proposta fil-laqgħa Ministerjali Ewromediterranja dwar il-Kultura fl-2008. Barra minn hekk, se jingħata bidu għal Programm dwar il-Wirt Kulturali ġdid li huwa ffokat fuq l-approprjazzjoni tal-wirt kulturali mill-popolazzjoni lokali kif ukoll fuq l-aċċess għall-għarfien dwar il-wirt kulturali.

Partenarjat ġdid dwar it-turiżmu

11. It-turiżmu huwa wieħed mis-setturi ekonomiċi maġġuri fil-Mediterran. Fl-2005, aktar minn 50 miljun turist ġew reġistrati li waslu f'pajjiżi Mediterranji msieħba, u, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, bejn 50% u 80% tal-wasliet kienu minn Stati Membri ta' l-UE. L-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Mediterran ftiehmu li jżommu laqgħa ministerjali fil-Marokk bħala reazzjoni għall-inizjattiva mill-Marokk, il-Portugall u s-Slovenja. Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva.

L-iżvilupp ta' strateġija aktar sistematika għall-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-impjiegi

12. Il-ħolqien ta' l-impjiegi u l-modernizzar tas-swieq tax-xogħol huma fost l-akbar sfidi għall-pajjiżi msieħba Ewromediterranji. Minkejja differenzi nazzjonali konsiderevoli, l-imsieħba kollha jeħtieġu jadattaw għall-globalizzazzjoni u għal ambjent ekonomiku li qed jinbidel malajr. Il-laqgħa tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Ewromed ta' Tampere "laqgħet pożittivament il-proposta sabiex fl-2007 jinżamm workshop ta' l-Ewromed dwar il-politika ta' l-impjiegi u miżuri prattiċi għat-titjib tal-kapaċità għall-impjieg għal min ifittex ix-xogħol u l-ħolqien ta' opportunitajiet deċenti ta' xogħol". Il-workshop għandu "jwitti t-triq għal Konferenza Ministerjali ta' l-Ewromed dwar l-Impjiegi li għandha tinżamm fl-2008", u għandu jlaqqa' flimkien rappreżentanti tal-gvern, imsieħba soċjali, u organizzazzjonijiet internazzjonali.

13. Il-workshop preparatorju għall-Konferenza Ministerjali dwar l-Impjiegi ta' l-Ewromed għandu jikkontribwixxi sabiex: (a) Ikun hemm apprezzament aħjar ta' l-isfidi għas-swieq tax-xogħol u l-politiki ta' l-impjiegi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku, u (b) Jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-iskambju ta' esperjenzi u l-aqwa prattiċi fost is-37 imsieħba. Il-Konferenza Ministerjali dwar l-Impjiegi li għandha tinżamm fit-tieni nofs ta' l-2008 għandha tipprevedi inizjattivi u proposti konkreti għall-promozzjoni tal-ħolqien tax-xogħol, il-modernizzar tas-swieq tax-xogħol, u x-xogħol deċenti. Id-dimensjoni tas-sess fil-politiki ta' l-impjiegi għandha tkun prijorità tematika orizzontali tal-Konferenza Ministerjali u tal-workshop preparatorju tagħha. L-għan għandu jkun sabiex id-dimensjoni soċjali tal-Partenarjat Ewromediterranju tiġi żviluppata permezz ta' strateġija aktar sistematika għall-kooperazzjoni, skond l-għanijiet tas-Samit ta' Barċellona. L-imsieħba soċjali fir-reġjun Ewromediterranju għandhom ikunu involuti fil-preparazzjoni tal-konferenza, possibbilment permezz ta' seminar fir-Rebbiegħa ta' l-2008 dwar l-impjegar ekonomiku u t-tibdil ekonomiku.

Lejn kooperazzjoni mtejba fi kwistjonijiet tas-saħħa

14. Il-konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Ewromed ta' Tampere stiednu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex fl-2007 iżommu workshop Ewromediterranju dwar is-sorveljanza u l-kontroll ta' mard li jittieħed. Il-workshop se jwassal għal laqgħa ta' uffiċjali anzjani bħala pass ieħor ta' preparazzjoni lejn Konferenza tal-Ministri ta' l-Ewromed dwar is-Saħħa.

Titjib tal-miżuri ta' rinforz tal-partenarjat

15. F'dokument li għandu l-għan li jtejjeb il-metodi tax-xogħol tal-Partenarjat ta' l-Ewromed, l-imsieħba ta' l-Ewromed qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jiġu mistiedna uffiċjali sekondati mill-imsieħba Mediterranji għall-appoġġ tax-xogħol tas-Segretarjat tal-Kunsill. Il-Kummissjoni Ewropea għandha esperjenza twila ta' skambju ta' uffiċjali ma' Stati Membri ta' l-UE u ma' istituzzjonijiet oħra. Uffiċjali nazzjonali sekondati mill-Istati Membri ta' l-UE jagħmlu kontribuzzjoni pożittiva għall-kompetenza esperta tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni. Bħala miżura kumplimentari ta' rinforz tal-partenarjat, il-Kummissjoni qed toffri li tistabbilixxi partenarjat bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran fl-iskambju ta' l-esperjenza professjonali. L-offerta mill-Kummissjoni għandha tinkludi s-sekondar u l-iskambju ta' uffiċjali u apprentisti.

IL-KONTINWAZZJONI U L-KONSOLIDAZZJONI TA' OQSMA EżISTENTI TAX-XOGħOL

Djalogu politiku u dwar is-sigurtà

16. Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ id-djalogu politiku fil-livell reġjonali Ewromediterranju. Il-partenarjat Ewromediterranju huwa l-uniku forum li fih l-imsieħba Mediterranji kollha jaqsmu l-veduti tagħhom u jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv minkejja l-kunflitt persistenti fil-Lvant Nofsani u f'partijiet oħra tar-reġjun. Id-djalogu politiku sar suġġett regolari fl-aġenda tal-laqgħat ta' l-uffiċjali anzjani ta' l-Ewromed. Il-Kummissjoni tilqa' pożittivament il-proposta magħmula fir-rigward tat-titjib tal-metodi ta' xogħol li, fejn meħtieġ, l-uffiċjali anzjani għandhom jaġixxu bħala mekkaniżmu ta' reazzjoni bikrija sabiex jipproponu li jinżammu konferenzi tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin b'reazzjoni għall-iżviluppi fir-reġjun. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iddeċieda joffri lill-imsieħba Mediterranji (ENP) il-possibbiltà li jikkonformaw, fuq bażi ta' każ b'każ, mad-dikjarazzjonijiet ta' l-UE, u l-pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' Politika Barranija u Sigurtà Komuni (PBSK).

17. Il-Kummissjoni hija konvinta li l-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja (EMPA) hija assi importanti tal-Partenarjat. L-EMPA tippermetti rappreżentanti politiċi jiddiskutu il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni reġjonali, l-evoluzzjoni tal-proċess ta' Barċellona u l-prospetti tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat fir-rigward tal-Mediterran. Il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Greċja, li għandha l-Presidenza li tmiss ta' l-EMPA, għal Assemblea ta' suċċess fl-2008. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja wkoll ix-xogħol tal-kumitati ta' l-EMPA fil-mixja lejn l-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja ta' l-2008.

18. Il-Kummissjoni hija kunfidenti li d-diskussjonijiet utli dwar is-suġġett ta' l-elezzjonijiet fil-laqgħat ta' l-uffiċjali anzjani ta' l-Ewromed fl-2007 jistgħu jitkomplew fil-livell ta' l-esperti. L-organizzazzjoni ta' seminar fil-livell ta' esperti għandha tippermetti lill-imsieħba li jipparteċipaw fi skambju aktar tekniku ta' veduti bl-għan li jkun hemm kooperazzjoni prattika f'dan il-qasam bejn il-partijiet li jkollhom ir-rieda li jagħmlu dan.

Kodiċi ta' Kondotta kontra t-terroriżmu

19. Il-Kummissjoni temmen li huwa ta' importanza kbira li tapprofondixxi aktar il-passi prattiċi sabiex jiġi implimentat il-Kodiċi ta' Kondotta kontra t-terroriżmu miftiehem konġuntament. Għalhekk hija tipproponi li tikkonċentra l-isforzi tagħha għall-2008 fuq kwistjonijiet tekniċi bħall-infurzar tal-kooperazzjoni internazzjonali f'materji kriminali u t-titjib ta' miżuri ta' sigurtà marittima inkluż unitajiet tat-trasport tal-merkanzija. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jinżamm workshop reġjonali Ewromediterranju fuq kull wieħed minn dawn it-temi bil-parteċipazzjoni ta' korpi, aġenziji u esperti internazzjonali rilevanti.

Lejn sistema Ewromediterranja ta' protezzjoni ċivili

20. It-tendenza li qed tikber tal-vulnerabbiltà għal diżastri naturali u li ġejjin mill-bniedem f'ħafna partijiet tal-Mediterran tikkonferma l-bżonn għal miżuri ta' sigurtà akbar li għandhom ikunu fis-seħħ għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Matul is-snin li għaddew, il-Kummissjoni ffinanzjat il-Proġett Pilota ta' l-EWROMED (1998-2003) u l-Bridge Programme ta' l-EWROMED għall-Iżvilupp ta' Sistema Ewromed għat-tnaqqis, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' diżastri naturali u li jkunu ġejjin mill-bniedem (2005-2008) sabiex tissaħħaħ u tinbena l-kapaċità ta' aġenziji ta' protezzjoni ċivili fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja din l-inizjattiva ferm pertinenti b'fażi ġdida (2008-2010, Programm ta' l-EWROMED ta' Prevenzjoni, Tnaqqis u Ġestjoni ta' Diżastri naturali u magħmula mill-bniedem) li għandha tibbenefika minn strateġija mtejba u mir-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-evalwazzjoni ta' Nofs iż-Żmien tal-Bridge Programme.

Xogħol li għadu għaddej fis-servizzi u fil-kummerċ ta' prodotti agrikoli

21. In-negozjati dwar is-servizzi u d-dritt ta' stabbiliment raw interess u impenn espressi mill-parti l-kbira ta' l-imsieħba li qed jinnegozjaw. Wara l-laqgħa f'Liżbona tal-Ministri tal-Kummerċ tat-22 ta' Ottubru, fejn id-diskussjonijiet f'livell reġjonali huma mistennija jiġu ffinalizzati, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal negozjati bilaterali ma' numru ta' msieħba Mediterranji li jridu li dan isir. Dawn in-negozjati dwar servizzi u investiment bilaterali għandhom jibdew fil-bidu ta' l-2008 u jiġi konklużi fi żmien qafas ta' żmien li għandu jwassal għal liberalizzazzjoni sostanzjali tas-servizzi u l-istabbiliment sa l-2010.

Hemm żviluppi fin-negozjati bejn l-Eġittu, l-Iżreal u l-Marokk dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-agrikoltura, il-prodotti agrikoli pproċessati u l-prodotti tas-sajd. It-Tuneżija hija impenjata sabiex tibda negozjati qabel l-aħħar ta' l-2007. Fl-2005 ġew konklużi negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Ġordan li wasslu għal livell għoli ta' liberalizzazzjoni reċiproka. Qed isiru wkoll diskussjonijiet dwar ftehimiet bilaterali dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli.

Is-Sajd

22. Il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba Komunitarji u dawk Mediterranji għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran se tkun intensifikata, b'mod partikolari fil-korpi reġjonali rilevanti (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku), f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tas-Sajd fil-Mediterran li kienet saret f’Venezja (Novembru 2003).

Politika Marittima

23. Fl-10 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tidentifika lill-Mediterran bħala reġjun importanti fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-ġestjoni tar-riżorsi u l-governanza marittima għar-rigward tar-responsabbiltà komuni ta' l-ibħra, li l-Ewropea taqsam ma' l-eqreb viċini. Il-Politika Ewropea dwar il-Viċinat tipprovdi qafas fejn din il-kooperazzjoni tista' tiġi promossa b'mod effettiv sabiex tiżgura koerenza bejn l-azzjoni ta' l-UE internament u l-azzjoni meħuda mill-viċini tagħna. L-oqsma ta' prijorità għandha tiġi diskussa ma' l-imsieħba Mediterranji tagħna, u l-Kummissjoni għandha tfittex tibda dan id-djalogu f'livell Ministerjali.

Enerġija u trasport

24. Il-konklużjonijiet tal-konferenza Ministerjali ta' Marrakech kif ukoll il-Komunikazzjoni "Linji gwida għat-trasport f'Ewropa Usa'", jirrikonoxxu li l-istabbiliment ta' sistema integrata, sigura u effiċjenti tat- trasport fiż-żona tal-Mediterran hija importanti għall-iżvilupp ta' l-istabbiltà tar-reġjun u għal żieda fil-kummerċ interreġjonali. Sabiex titmexxa 'l quddiem l-implimentazzjoni ta' din is-sistema, qed jiġi propost li tinżamm konferenza ta' livell għoli (fl-aħħar ta' l-2007 jew fil-bidu ta' l-2008) dwar it-trasport li għandha tiffoka fuq żewġ punti ewlenin: il-preżentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tat-Trasport Reġjonali u passi lejn l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tiegħu u l-estensjoni tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew għar-reġjun tal-Mediterran.

25. Il-Grupp ta' Esperti stabbilit fi ħdan il-Forum ta' l- Enerġija ta' l-Ewromed se jiltaqa' fi Brussell fis-16 ta' Ottubru 2007 sabiex jiddiskuti l-"Programm ta' Azzjoni ta' Prijorità għall-Kooperazzjoni ta' l-Enerġija Ewromediterranja" għall-perjodu li ġej. Laqgħa Ministerjali dwar l-Enerġija ta' l-Ewromed għandha tinżamm lejn l-aħħar ta' l-2007 jew fil-bidu ta' l-2008 sabiex dan il-programm ta' prijorità jiġi adottat.

Horizon 2020

26. Il-Horizon 2020 dwar it-tneħħija tat-tniġġis fil-Mediterran se jkompli jimplimenta l-miżuri miftiehma taħt il-qafas ta' żmien ta' azzjonijiet approvati fit-tielet laqgħa Ewromediterranja tal-Ministri ta' l-Ambjent fil-Kajr u mressqa mill-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta' Tmexxija f'Ġunju 2007. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent se tikkoordina ma' l-imsieħba rilevanti sabiex jiġi mfassal proċess indikatur koerenti u qafas ta' ħidma għal analiżi regolari bbażati fuq indikaturi, inkluż "skeda ta' punteġġ" sabiex il-progress jitqabbel u jiġi mkejjel. Segwitu xieraq għax-xogħol ta' l-EIB se jiġi organizzat sabiex jiġu identifikati proġetti b'għajnuna finanzjarja li għandhom importanza reġjonali.

27. Matul il-Presidenza Franċiża ta' l-Unjoni Ewropea fl-2008, għandha tinżamm laqgħa ministerjali Ewromediterranja dwar l-ilma. Din il-konferenza se ssir kważi għaxar snin wara l-konferenza ministerjali Ewromediterranja dwar il-ġestjoni ta' l-ilma lokali miżmuma f'Turin fl-1999 u ħames snin wara li ngħata bidu għall-komponent Mediterranju ta' l-Inizjattiva dwar l-Ilma ta' l-UE. Din għandha tindirizza kwistjonijiet importanti ta' politika marbuta mal-ġestjoni tar-riżorsi ta' l-ilma, il-protezzjoni u s-servizzi.

Kooperazzjoni Industrijali

28. Il-laqgħa ministerjali Ewromediterranja dwar il-Kooperazzjoni Industrijali li jmiss hija skedata għal Ottubru 2008. Il-laqgħa se tqis il-progress miksub s'issa u tiddefinixxi programm ta' xogħol dwar kooperazzjoni industrijali għall-2009-2010.

29. Fir-rigward ta' politiki marbuta mas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, huwa previst li tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni ta' ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva permezz ta' ambjent regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-innovazzjoni, l-investiment u l-kompetizzjoni. L-iskema ta' kooperazzjoni għandha tinkludi l-iżvilupp ta' servizzi online sabiex jiġu mtejba l-inklużjoni soċjali u servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasporti u l-kwalità tal-ħajja. Barra minn hekk il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Mediterran fil-parti ta' l-ICT tas-7 Programm ta' Qafas għandha tiżdied bi proġetti ta' interess komuni. Dan l-aħħar ngħata bidu għal żewġ proġetti li jiffokaw fuq l-ippjanar ta' eċċellenza ta' l-ICT fil-Pajjiżi Msieħba Mediterranji (MED-IST u MAP-IT). Huwa mistenni wkoll li l-EUMEDCONNECT, wieħed mill-proġetti EUMEDIS, jista' jiġi estiż fil-futur qrib. L-EUROMEDCONNECT żgura ir-rabta ta' netwerks tar-riċerka fiż-żona tal-Mediterran u ppermetta l-użu tiegħu bħala infrastruttura tar-riċerka għal proġetti komuni tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran. Dawn l-inizjattivi ġodda se jiġu lkoll diskussi matul it-Tieni Konferenza Ministerjali dwar is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni ta' l-Ewromed organizzata fl-Eġittu fl-ewwel parti tas-sena 2008.

Xogħol li għadu għaddej dwar il-kooperazzjoni fl-istatistika

30. Statistika affidabbli hija fattur importanti għat-teħid ta' deċiżjonijiet u qed tingħata għajnuna teknika lis-servizzi ta' l-istatistika fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran permezz tal-programm MEDSTAT II. Dan huwa ffokat fuq it-titjib ta' l-istatistika f'numru ta' oqsma importanti: l-Agrikoltura, l-Enerġija, l-Ambjent, il-Kummerċ Estern, il-Migrazzjoni, il-Kontijiet Nazzjonali, Soċjali (speċjalment l-impjiegi), it-Turiżmu u t-Trasport, kif ukoll it-taħriġ ġenerali fl-istatistika. Il-programm se jitħaddem sa l-aħħar ta' l-2008. Fl-2008, ikun meħtieġ li jiġu esplorati mekkaniżmi disponibbli sabiex ikun jista' jingħata appoġġ kontinwu għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-istatistika tal-pajjiżi lilhinn minn dik id-data, partikolarment f'oqsma li s'issa mhumiex ittrattati, bħal pereżempju, is-servizzi, is-saħħa.

Il-Migrazzjoni

31. Fid-19 ta' Novembru 2007 l-imsieħba ta' l-Ewromed għandhom jiltaqgħu għall-ewwel darba fil-livell ministerjali sabiex iżommu diskussjoni komprensiva, integrata u bbilanċjata dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni. Il-laqgħa ministerjali ta' l-Ewromed dwar il-migrazzjoni li jmiss se tkun opportunità tajba sabiex tenfasizza l-valur miżjud tal-qafas tal-kooperazzjoni reġjonali, filwaqt li tenfasizza l-bżonn għall-progress kontinwu mill-Imsieħba kollha sabiex jintlaħaq l-għan strateġiku ta' titjib tal-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-migrazzjoni għall-pajjiżi ta' l-oriġini, it-tranżitu u d-destinazzjoni. Inizjattivi ġodda mill-UE sabiex jiffaċiltaw il-ġestjoni tal-migrazzjoni legali jistgħu jkunu rilevanti ħafna għall-Imsieħba Mediterranji, pereżempju l-iffokar fuq il-migrazzjoni ċirkolari jew il-kunċett ta' partenarjati tal-mobbiltà.

Lejn Żona ta' Edukazzjoni Ogħla u Riċerka Ewromediterranja

32. Sabiex jitressqu 'l quddiem l-għanijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar Edukazzjoni Ogħla u Riċerka Xjentifika ta' l-2007 tal-Kajr, ix-xogħol tal-Kumitat ta' Monitoraġġ għall-Kooperazzjoni Ewromediterranja fl-RTD (MOCO) se jkun ikkomplementat bil-ħolqien ta' grupp ta' esperti sabiex ikopri l-edukazzjoni ogħla. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aktar kwistjonijiet rilevanti għall-grupp ta' esperti huma l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali fil-pajjiżi Msieħba Mediterranji strutturati madwar it-tliet oqsma ewlenin identifikati fil-livell ta' l-UE, jiġifieri t-tibdil kurrikulari inkluż dawk previsti mill-proċess ta' Bologna, il-governanza u l-finanzjament. Il-grupp ta' esperti għandu jirraporta lill-Kumitat ta' l-Ewromed, mhux aktar tard mit-tieni semestru ta' l-2008. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ewwel eżerċizzju ta' rappurtar għandu jiffoka b'mod partikolari fuq il-kontribuzzjoni lejn l-għan ġenerali ta' approssimazzjoni tas-sistemi ta' l-Edukazzjoni Ogħla ta' l-Ewromed b'rabta mal-proċess ta' Bologna u s-sistema ta' l-ECTS.

Il-MOCO se tkun involuta fl-attivitajiet tal-proġett INCO-NET previsti għall-2008 (li fihom il-membri kollha tal-MOCO huma involuti). L-attivitajiet tat-tip INCO-NET se jkunu strumentali sabiex japprofondixxu l-prijoritajiet komuni u reġjonali, jintensifikaw l-għarfien, ir-rinforz tal-kapaċità u l-funzjonament tal-MOCO.

Il-pjan ta' azzjoni dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà

33. Il-Kumitat Ewromediterranju huwa mistenni jsejjaħ laqgħa ad hoc ta' l-Ewromed fil-livell ta' esperti anzjani sabiex tiġi riveduta l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma fil-laqgħa Ministerjali ta' l-Istanbul dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà fit-tliet oqsma ta' xogħol identifikati: id-drittijiet ċivili u politiċi tan-nisa; id-drittijiet soċjali u ekonomiċi tan-nisa u l-iżvilupp sostenibbli; u d-drittijiet tan-nisa fil-qasam kulturali u r-rwol tal-komunikazzjonijiet u l-mass midja.

L-Ewromed u l-inizjattiva Midja

34. Diversi attivitajiet fis-settur tal-midja (taħriġ ta' ġurnalisti żgħar, programmi tat-televiżjoni u r-radju fil-lingwi lokali, supplimenti tal-gazzetti, stħarriġ u servejs dwar l-opinjoni pubblika, eċċ...) għandhom jgħinu sabiex tittejjeb il-viżibbiltà tal-Partenarjat ta' l-Ewromed fir-reġjun tal-Mediterran kif ukoll jikkontribwixxu għal ftehim reċiproku tan-nies taż-żewġ kosti tal-Mediterran, grazzi għall-programm ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.

35. L-Ewromed u t-Task Force tal-Midja għandhom jiltaqgħu mill-ġdid sabiex jesploraw modi kif il-vuċi u r-rwol tal-midja fil-Partenarjat jistgħu jiġu kkonsolidati. Għandhom ukoll jagħtu pariri dwar proposti prattiċi sabiex jiġu ttrattati d-diversi problemi mqajma matul il-konferenzi u s-seminars differenti tal-midja. Għandu jkun hemm segwitu għall-konferenza ta' Dublin dwar 'Ir-Rappurtar tat-Terroriżmu', u għandha tinżamm konferenza reġjonali kbira dwar l-iżvilupp tal-midja reġjonali.