52007DC0592




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.10.2007

KUMM(2007) 592 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs.

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Kisbiet tal-Politika Ewropea Moderna għall-SMEs 3

2.1. It-tneħħija tal-burokrazija 5

2.2. It-titjib ta’ l-aċċess għas-swieq ta’ l-SMEs 6

2.3. Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorjat 8

2.4. It-titjib tal-potenzjal ta’ tkabbir ta’ l-SMEs b'mod sostenibbli 9

2.5. It-tisħiħ tal-komunikazzjoni u l-konsultazzjoni politiċi ta’ l-SMEs mal-partijiet interessati 11

3. Il-prospettivi għall-ġejjieni 11

INTRODUZZJONI

L-Intrapriżi Żgħar u ta‘ Daqs Medju (SMEs) huma s-sinsla ta’ l-ekonomija ta’ l-UE. Il-prosperità tagħhom hija fattur kruċjali biex ikun hemm iktar tkabbir ekonomiku u iktar xogħlijiet aħjar fl-UE. Għalhekk il-politika għall-SMEs saret element kruċjali tas-Sħubija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u x-Xogħlijiet sa minn meta tnediet mill-ġdid fl-2005.

L-għan prinċipali tal-politika Moderna tal-Kummissjoni għall-SMEs[1] kien biex it-tħassib ta’ l-SMEs jingħata prijorità fil-politiki Komunitarji u nazzjonali bl-applikazzjoni tal-prinċipju “Naħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir”. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2006 qabel fuq sett ta' azzjonijiet prijoritarji li jridu jiġu implimentati sa tmiem l-2007 biex joħorġu l-potenzjali tan-negozju ta’ l-SMEs Ewropej.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta dak li ntlaħaq fis-sentejn mit-tnedija tal-politika Moderna għall-SMEs u tistabbilixxi eżempji ta' kif jista' jitħaddem il-prinċipju ta' “Naħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir”. Filwaqt li tikkonferma li l-orjentament tal-politika Ewropea l-ġdida għall-SMEs hija tajba, il-Komunikazzjoni tindika l-bżonn biex ikun hemm iktar politiki li jappoġġjaw l-SMEs fil-livell nazzjonali u ta’ l-UE minħabba l-importanza ekonomika u soċjali tagħhom.

KISBIET TAL-POLITIKA EWROPEA MODERNA GħALL-SMES

L-implimentazzjoni tal-politika Ewropea Moderna għall-SMEs twettqet f’kuntest ta’ tkabbir ekonomiku dejjem jikber: fl-2006, it-tkabbir tal-PGD ta’ l-UE laħaq it-3.0% - kważi d-doppju tar-rata ta’ l-2005 - u nħolqu madwar 3.5 miljun xogħol ġdid[2]. Fil-fatt, l-SMEs huma l-mutur ewlieni taż-żieda fl-impjiegi, b'mod partikolari f’setturi bħall-kostruzzjoni, it-trasport, il-komunikazzjoni jew it-turiżmu[3].

L-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ġiet iggwidata minn impenji politiċi fil- ħames oqsma prinċipali kollha:

- it-tneħħija tal-burokrazija

- it-titjib ta’ l-aċċess għas-swieq ta’ l-SMEs

- il-promozzjoni ta’ l-intraprenditorjat u l-ħiliet

- it-titjib tal-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku ta’ l-SMEs

- it-tisħiħ tad-djalogu u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati ta' l-SMEs.

Minħabba f’hekk, l-SMEs issa huma integrati għal kollox fil-politiki Komunitarji, bħal dawk li jippromwovu l-kompetizzjoni, ir-riċerka, il-koeżjoni u l-iżvilupp rurali. L-interessi ta’ l-SMEs ingħataw prijorità wkoll fl-inizjattivi reċenti fl-oqsma ta’ l-innovazzjoni[4] u l-politiki industrijali[5].

Il-Kummissjoni żiedet il-fokus ta' l-SMEs fi ħdan programmi Komunitarji ta' nfiq għall-perjodu 2007-2013. Il-Fondi Strutturali jibqgħu l-ikbar strumenti ta’ finanzjament Komunitarju li minnhom jibbenefikaw l-SMEs[6]. Madwar 16-18% ta’ l-allokazzjoni totali għall-Politika ta' Koeżjoni ta' €347.4 biljun hija ppjanata li tintefaq fir-rigward ta' l-SMEs. Barra minn hekk, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)[7] se jonfoq sa €10 biljun biex jappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi mhux agrikoli fiż-żoni rurali, l-akkwist ta’ ħiliet u t-taħriġ, kif ukoll SMEs fl-agrikoltura, l-industrija ta' l-ikel u l-forestrija.

Is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP 7) jinkludi għadd ta’ inċentivi għall-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs, inkluż żieda fir-rata massima ta' rimbors għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku minn 50% għal 70%. Il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)[8], b’baġit ta’ madwar €3.6 biljun, jipprovdi aċċess aħjar għall-finanzi għall-SMEs u l-appoġġ ta’ l-intraprenditorjat, l-innovazzjoni, l-ICT kif ukoll użu usa' mill-enerġiji ġodda u rinnovabbli u t-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija . Il-Kummissjoni tappoġġja bil-qawwi wkoll l-inizjattivi biex l-edukazzjoni u t-taħriġ isiru disponibbli għal kulħadd permezz tal-programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja.

Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 saħħew u kkumplimentaw l-approċċ tal-Politika Moderna għall-SMEs billi talbu lill-Istati Membri biex joħorġu l-potenzjal fin-negozju ta’ l-UE billi jittieħdu l-ħames azzjonijiet prijoritarji li ġejjin:

1. Jistabbilixxu one-stop-shop minn fejn tista’ titwaqqaf kumpanija b'mod sempliċi u malajr u li jitnaqqas il-ħin medju għat-twaqqif ta’ negozju għal ġimgħa.

2. Iħeġġu l-intrapreditorjat, inkluż permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ l-intraprenditorjat.

3. Ir-reklutaġġ ta’ l-ewwel impjegat ma għandux jinvolvi iktar minn punt amministrattiv pubbliku wieħed.

4. Jagħmlu l-prinċipju ta’ ‘Naħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir’ prinċipju gwida fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti u japplikawh sistematikament.

5. Jiffaċilitaw l-aċċess għall-SMEs għall-akkwist pubbliku.

L-aġenda ta’ riforma Ewropea kkoordinata mwaqqfa fis-Sħubija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u x-Xogħlijiet ħeġġet għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri biex jintegraw l-interessi ta' l-SMEs fil-proċessi tat-tfassil tal-politika tagħhom. Dawn inkisbu b’modi differenti bħall-ħolqien ta’ entità speċifika biex tirrappreżenta l-interessi ta’ l-SMEs, stima ta’ l-impatt iktar komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-SMEs, konsultazzjonijiet sistematiċi ma’ l-SMEs u titjib gradwali ta’ l-ambjent tan-negozju.

Id-djalogu regolari ma’ l-Istati Membri dwar il-politika ta’ l-SMEs wassal għal kumplimentarjetà aħjar bejn il-miżuri nazzjonali u ta’ l-UE. Il-Kummissjoni appoġġjat dan il-proċess billi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ l-aħjar prassi. Hija ġabret u ppubblikat onlajn, fil-qafas tal-proċess tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, iktar minn 250 prassi tajba mill-Istati Membri, eż. fl-oqsma tat-titjib ta’ l-aċċess onlajn, tassazzjoni u regolamentazzjoni aħjar[9].

Madankollu, hemm bżonn ta’ iktar titjib fil-prijoritizzazzjoni ta’ l-aspetti ta’ l-SMEs fil-politiki ta' l-Istati Membri u l-UE.

Il-paragrafi li ġejjin jistabbilixxu f’iktar dettall il-progress li sar f’kull waħda mill-ħames oqsma ewlenin tal-politika Moderna ta’ l-SMEs, inklużi l-azzjonijiet prijoritarji mitluba mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006.

It-tneħħija tal-burokrazija

Il-Kummissjoni ħadet passi importanti lejn il-ħolqien ta’ ambjent regolatorju li jieħu ħsieb iktar l-SMEs .

Pereżempju, ir-reviżjoni tar-regoli ta' l-għajnuna statali Komunitarja żiedet il-limitu de minimis li taħtu l-għajnuna m’hemmx għalfejn tiġi rrapurtata sa €200,000[10]. Ir-regoli l-ġodda jinkludu wkoll proposti għaż-żieda ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna lill-SMEs, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar. Barra minn hekk, qafas Komunitarju ġdid għall-għajnuna Statali għar-riċerka u l-innovazzjoni [11] jintroduċi regoli iktar flessibbli għall-ispejjeż ta’ l-SMEs relatati mad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR), mat-tqabbid ta’ persunal iktar kwalifikat u aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni. Dan jagħmilha eħfef għall-SMEs biex jiksbu finanzjament għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u biex jibbenefikaw mit-trasferiment tat-teknoloġija.

Il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex tippermetti lill-Istati Membri biex in-negozji b’fatturat annwali ta' inqas minn €100,000 jiġu eżentati mill-VAT u biex tiġi introdotta sistema ta’ one-stop-shop għall-VAT biex jiġu ssemplifikati l-obbligi tal-VAT għan-negozji li jinnegozjaw fi Stat Membru li mhumiex stabbiliti fih. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi regoli semplifikati għar-rifużjonijiet tal-VAT fi Stati Membri oħrajn biex b'hekk jonqsu l-piżijiet minn fuq l-SMEs u jiġu mħeġġa jżidu l-kummerċ fl-UE. Il-Kummissjoni qiegħda tagħfas għall-adozzjoni malajr ta’ din id-Direttiva b’xi partijiet mill-proposta li x’aktarx jiġu adottati sal-31 ta’ Diċembru 2007.

Il-Kummissjoni regolarment tistima l-impatt ta' biċċa ġdida ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja bil-ħsieb li tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq in-negozju u l-Bord ta’ l-Istima ta’l-Impatt li twaqqaf reċentement beda tanġibbilment itejjeb il-kwalità ġenerali ta' l-istimi ta' l-impatt tal-Kummissjoni.

Minkejja dan it-titjib konsiderevoli, għad fadal ħafna xi jsir biex l-SMEs jiġu liberati mill-piżijiet amministrattivi żejda u biex ir-rekwiżiti regolatorji jiġu iktar issemplifikati. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha kemm biex issegwi l-azzjoni prijoritarja tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 li jagħmel il-prinċipju “Naħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir” prinċipju gwida fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha kif ukoll biex tapplikaha sistematikament.

L-Aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar ta’ l-UE diġà qed tistabbilixxi mira għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv li ġej mil-leġiżlazzjoni Komunitarja b’25% sa l-2012 f'għadd ta’ oqsma prijoritarji. Bħala l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, il-Kummissjoni diġà pproponiet għaxar azzjonijiet biex jitħaffef il-proċess f’oqsma fejn dawn l-azzjonijiet x’aktarx li jkollhom l-ikbar impatt, bħal-liġi tal-kumpaniji u r-relazzjonijiet ta’ l-impjiegi. Dawn l-10 azzjonijiet biex jitħaffef il-proċess, li ġew appoġġati mill-Kunsill tar-Rebbiegħa 2007 se jagħmlu l-ħajja eħfef għall-SMEs u x’aktarx li jiffrankaw sa €1.3 biljun fl-ispejjeż amministrattivi.

Il-Kummissjoni hija konxja sew li intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jġorru piż amministrattiv u regolatorju sproporzjonat meta mqabbla ma’ negozji akbar - ġie stmat li fejn kumpanija kbira tonfoq Euro għal kull impjegat minħabba dmir regolatorju, negozju żgħir jaf ikollu jonfoq medja li ma taqbiżx l-għaxar Euro[12]. Biex dan il-piż sproporzjonat fuq l-SMEs jiġi allevjat, il-Kummissjoni bdiet tipproponi regoli speċifiċi għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom l-isfida wkoll biex iżommu lura milli jimponu rekwiżiti amministrattivi dettaljati fuq l-SMEs fil-livell Ewropew kull meta jkun xieraq li jippermetti lill-Istati Membri li jilħqu miri politiċi definiti komunement b’mod iktar effiċjenti bil-mezzi tagħhom stess li jirrifletti aħjar il-bżonnijiet partikolari ta’ l-SMEs fiċ-ċirkostanzi lokali, reġjonali jew nazzjonali magħrufa.

Il-Kummissjoni finalment tilqa' l-impenn ta' l-Istati Membri fil-Kunsill tar-Rebbiegħa fl-2007 biex jieħdu sehem fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi b'mod partikolari bil-ħsieb li jitnaqqsu wkoll ir-rekwiżiti ta’ issa għar-rappurtar u d-dokumentazzjoni għall-SMEs fil-livell nazzjonali, partikolarment għall-mikrointrapriżi.

It-titjib ta’ l-aċċess għas-swieq ta’ l-SMEs

Fil-mument, 18% ta' l-SMEs għandhom attivitajiet internazzjonali u saħansitra inqas minn hekk jesportaw il-prodotti tagħhom barra minn pajjiżhom[13]. L-SMEs jiffaċċjaw ostakli wkoll meta jaċċessjaw is-swieq ta’ l-akkwist pubbliku, meta jbigħu lill-konsumaturi barra mill-fruntieri jew japplikaw l-istandards. Għalhekk, il-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għas-swieq u b'mod partikolari għas-Suq Uniku jibqgħu vitali.

Minkejja l-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija, ħafna kumpaniji xorta għadhom jiffaċċjaw barrieri tekniċi meta jesportjaw lejn Stat Membru ieħor billi l-awtoritajiet jitolbu li l-merkanzija li ġejja minn Stati Membri oħrajn tiġa addattata mar-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk tefgħet proposta għal regolament li se jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali li jinnegaw l-aċċess għas-suq biex jiġġustifikaw sew id-deċiżjoni tagħhom[14]. Dan se jpoġġi d-dmir tal-prova fuq l-awtoritajiet nazzjonali minflok fuq il-kumpaniji li qed jiffaċċjaw dawn il-barrieri.

Fl-2007 qiegħed jitwaqqaf netwerk ta' appoġġ għall-innovazzjoni u negozju integrat li se jkun qed jopera fis-sħiħ fl-2008 biex jgħin l-SMEs biex jibbenefikaw iktar mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku. Dan jippromwovi avvenimenti ta’ tlaqqigħ bejn SMEs, senserija tat-teknoloġija u tfittxijiet għal sħab, jorganizza r-rispons mill-SMEs dwar il-leġiżlazzjoni u l-istandards ta' l-UE kif ukoll jappoġġja l-internazzjonalizzazzjoni ta’ l-SMEs. In-netwerk jilħaq 2,000,000 SME permezz ta’ 600 għaqda Ewropea ta’ appoġġ għan-negozju u l-innovazzjoni.

Id-Direttiva l-ġdida tas-Servizzi[15] se tilliberalizza l-provvista tas- servizzi , li huma responsabbli għal 70% tal-valur miżjud ta’ l-UE u li għandhom potenzjal konsiderevoli biex jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi. Dan se jagħmilha eħfef għan-negozji biex jipprovdu servizzi u jwaqqfu stabbiliment f’pajjiżi oħra ta’ l-UE billi jaqtgħu l-burokrazija u jipprovdu għajnuna għan-negozji barranin li jridu jagħmlu hekk. Hekk ukoll, ċertu grad ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-konsumatur jista’ jgħin ukoll lill-SMEs biex ibigħu l-prodotti tagħhom barra minn pajjiżhom.

L- istandardizzazzjoni għandha rwol kruċjali għat-trawwim tal-kompetittività u t-tkabbir ta’ l-SMEs billi żżid il-kwalità tal-prodotti tagħhom u l-kunfidenza tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk iżżid il-kofinanzjament tagħha biex tappoġġja l-esperti li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-SMEs fil-proċess li jistabbilixxi l-istandards Ewropej. Il-Kummissjoni tappoġġja fis-sħiħ ukoll l-inizjattivi ta’ l-Għaqdiet Ewropej ta’ l-Istandards immirati lejn l-SMEs. Finalment, fil-kuntest tal-ħidma tagħha dwar l-istandards u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda teżamina kif tista' ssaħħaħ il-potenzjal ta' l-istandards biex iħeġġu l-innovazzjoni mill-SMEs.

Id-Direttivi ta’ l-Akkwist Pubbliku jipprovdu qafas għat-trawwim ta’ swieq kompetittivi għall-akkwist pubbliku għall-benefiċċju ta’ l-SMEs. Bi tweġiba għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006, il-Kummissjoni ħadet passi biex jiġi analizzat kif is-swieq ta’ l-akkwist pubbliku , li huwa responsabbli għal 16% tal-PGD ta’ l-UE, jista’ jintuża aħjar biex jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività ta’ l-SMEs. Is-sejbiet reċenti juru titjib ċkejken rigward il-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs fis-swieq fis-snin reċenti għalkemm ix-xejra mhix uniformi madwar l-UE.

Il-Kummissjoni ppubblikat Gwida prattika għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni [16]. L-Istati Membri qegħdin jintroduċu miżuri biex iqajmu kuxjenza fost l-intrapriżi dwar l-opportunitajiet ta’ akkwist u biex itejbu l-aċċess għall-offerti pubbliċi. Madankollu, ftit pajjiżi, bħar-Renju Unit, l-Italja u Franza, diġà waqqfu strateġija speċifika biex jgħinu lill-SMEs jieħdu sehem fl-akkwist pubbliku.

Finalment, l-istrateġija mġedda ta’ l-UE għall-aċċess fis-suq tenfasizza sforzi multilaterali u bilaterali biex jiġu megħjuna n-negozji Ewropej, fosthom l-SMEs, biex jegħlbu l-barrieri li jiffaċċjaw fl- aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi [17]. L-azzjonijiet jinkludu l-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw il-kummerċ fi ftehimiet futuri għall-kummerċ ħieles (FTAs) u fid-WTO u djalogi politiċi regolatorji u industrijali ma' pajjiżi terzi biex jiġu ttrattati ostakli regolatorji għall-kummerċ. Barra minn hekk, miżuri speċifiċi bħal kampanji ta’ tagħrif u tqajjim ta’ kuxjenza u avvenimenti ta’ tlaqqigħ biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-SMEs għal swieq ta’ pajjiżi terzi, bħal AL-INVEST, MEDINVEST u PROINVEST kienu suċċess u se jitkomplew.

Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorjat

L- Istati Membri wkoll għamlu sforzi konsiderevoli biex sa tmiem l-2007 jkunu laħqu l-azzjonijiet prijoritarji għall-intraprenditorjat kif mitlub mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006.

Il-parti l-kbira tal-pajjiżi stabbilew one-stop-shop jew arranġament ekwivalenti għat-twaqqif ta' kumpanija, avolja f'ċerti każjiet ma jkoprux it-tipi kollha tal-kumpaniji. B’mod ġenerali, il-ħinijiet ta' reġistrazzjoni tjiebu u f’ħafna reġjuni u Stati Membri issa huwa possibbli li tirreġistra kumpanija fi żmien ġimgħa. Madankollu, għad hemm ambitu u bżonn għal aktar semplifikazzjoni. Finalment, id-Direttiva tas-servizzi tobbliga lill-Istati Membri jwaqqfu "punti ta' kuntatt uniku" li permezz tagħhom il-fornituri tas-servizzi jistgħu jeħilsu l-formalitajiet kollha għall-attivitajiet tagħhom.

Għall-iżvilupp tal- ħiliet intrapreditorjali permezz ta’ l-edukazzjoni ta’ l-iskola, il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri ħadu xi miżuri f’dan il-qasam. Madankollu, il-progress fit-twaqqif expliċitu ta’ l-intraprenditorjat bħala kompetenza ewlenija fi ħdan il-kurrikuli tal-qafas nazzjonali (jew reġjonali) għall-edukazzjoni sekondarja ġenerali miexi daqsxejn bil-mod. Dan intlaħaq f’xi Stati Membri, filwaqt li oħrajn qed jibdew jimplimentaw jew qed jippjanaw riformi fl-istess direzzjoni.

Min-naħa tagħha, fi Frar 2006, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar it-trawwim ta’ ħsibijiet intraprenditorjali permezz ta’ l-edukazzjoni u t-tagħlim [18], li tipprovdi eżempji ta’ prassi tajba li ġew diskussi fil-konferenza ta’ Oslo dwar l-edukazzjoni intraprenditorjali. Barra minn hekk, huwa stmat li iktar minn 200,000 student tas-sekondarja ħadu sehem fi skema ta' taħriġ orjentata lejn il-prattika, imnedija mill-Kummissjoni, fejn imexxu mini-kumpaniji biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kunċetti u l-ħiliet bażiċi tan-negozju. Dawn l-istudenti huma erba’ darbiet iżjed probabbli li joħolqu kumpanija għalihom minn oħrajn.

Sal-lum, madwar terz ta’ l-Istati Membri jidhru li stabbilew sistema ta’ one-stop-shop għar-reklutaġġ ta’ l-impjegati (eż. flimkien ma’ one-stop-shops għat-twaqqif) jew ikollhom proċeduri ta’ reklutaġġ li huma tant sempliċi li jistgħu jitqiesu “ one-stop ”. Inkiseb progress fit-tnaqqis tan-numru ta’ proċeduri.

Finalment, biex jitħarsu t-2.8 miljun xogħol stmati li huma mhedda mit- trasferimenti tan-negozji kull sena, il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi prassi tajba għal kif jitfasslu servizzi li għandhom l-għan li jistabbilixxu kuntatti bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja potenzjali tan-negozji trasferibbli. B’segwitu għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[19], azzjoni pilota għandha l-mira li tippromwovi skemi ta’ mentoring fl-Istati Membri ta’ l-UE biex jissaħħu l-għarfien u kompetenzi ewlenin li huma essenzjali għat-trasferiment b’suċċess tal-proprjetà tan-negozju.

L-immaġni ta’ intraprendituri u b'mod partikolari biex tittratta l-istigma marbuta mal-falliment ta’ negozju tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib. Minoranza żgħira biss ta’ intraprendituri falluti jerġgħu jippruvaw jistabbilixxu negozju, minkejja li spiss jibqa’ jkollhom preferenza għal attività intraprenditorjali. Minkejja dan, dawk li effettivament jerġgħu jippruvaw x'aktarx li jibbenefikaw mill-esperjenza preċedenti u għandhom iktar ċans li jkollhom suċċess. Għalhekk il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Negħlbu l-istigma tal-falliment tan-negozju - għal politika tat-tieni ċans”[20] daħlet xi oqsma ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ bidu ġdid għal intraprendituri onesti li fallew.

Il-potenzjal wiesa’ ta’ l- intraprendituri nisa, anzjani u minoritajiet etniċi għadu ma ġiex sfruttat.

It-titjib tal-potenzjal ta’ tkabbir ta’ l-SMEs b'mod sostenibbli

Biex jitjieb l- aċċess għall-finanzi ta' l-SMEs , iktar minn €1 biljun ingħataw lill-istrumenti finanzjarjji fi ħdan il-Progamm Qafas tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) għall-perjodu 2007-2013. L-ammont se jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jipprovdu madwar €30 biljun ta’ finanzjament ġdid lill-SMEs, għax kull euro li jintefaq mill-baġit ta’ l-UE huwa kkumplimentat minn flus minn investitur privat li b'hekk joħloq effett multiplikatur sostanzjali. Għalhekk 400,000 SME fl-UE se jibbenefikaw minn dawn il-fondi, b’ħafna minnhom ikunu mikrointrapriżi jew intrapriżi żgħar.

Sehem sinifikanti tal-Fondi Strutturali (2007-2013) se jintefqu għall-appoġġ tal-ħolqien u t-tkabbir ta’ l-SMEs, l-iktar għat-titjib tal-kapaċità innovattiva, l-investiment tagħhom fl-RTD u l-ħiliet. Biex titjieb id-disponibilità ta’ finanzjament sostenibbli għall-mikrointrapriżi u l-SMEs fil-livell reġjonali, il-Kummissjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI) nedew l- inizjattiva JEREMIE[21] . Din tagħti l-possibilità lill-Istati Membri biex jużaw il-flus mill-Fondi Strutturali fi prodotti finanzjarji bħal kapital ta' riskju, garanziji u mikro-finanzi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw attivament dawn l-opportunitajiet ta' finanzjament.

Il-Kummissjoni ppromwoviet ukoll djalogu u kooperazzjoni attivi bejn il-bankiera u l-SMEs li wassal għal ftehim reċiproku aħjar u għal iktar trasparenza. Il-Ħames Diskussjoni Madwar Mejda bejn il-Bankiera u l-SMEs[22] iddiskutiet il-kwistjonijiet ta’ trasparenza kif ukoll l-għodod finanzjarji innovattivi bħall-finanzjament mezzanin u t-titolizzazzjoni ta’ l-SMEs, li se jħaffef l-aċċess għas-sorsi addizzjonali ta’ finanzjament ta’ l-SMEs. Finalment, il-Kummissjoni identifikat, flimkien ma’ l-Istati Membri u l-industrija, l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tas-swieq kapitali transkonfinali biex iħeġġu l-iżvilupp ta’ suq veru Ewropew għall- kapital ta’ riskju .

Il-politika għall-innovazzjoni tal-Kummissjoni u azzjonijiet ta’ appoġġ speċifiċi taw sehemhom biex jiżdied sehem l-SMEs fl-innovazzjoni billi jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati. It-tnedija ta’ Strateġija ta’ Innovazzjoni b’bażi wiesgħa ġdida bi pjan ta' azzjoni b'għaxar punti tindirizza bosta kwistjonijiet essenzjali għall-SMEs, fosthom il-ħiliet, l-istandardizzazzjoni u l-IPR. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tippromwovi attivament il-politiki ta' raggruppamenti fl-Istati Membri u tiżgura l-koordinament tar-raggruppamenti fil-livell ta' l-UE biex tgħin l-emerġenza ta' raggruppamenti Ewropej ta' klassi dinijija.

Biex ikompli jissaħħaħ l- aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi żgħar ħafna jew negozji ta’ l-artiġjanat, il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi l-provvista ta' mikro-kreditu fl-Ewropa. Ingħatat iktar attenzjoni għat-tisħiħ ta' l-aċċess ta' l-SMEs għal ekwità, b'mod partikolari fil-fażi ta' tkabbir tagħhom. Investimenti ta’ l-ekwità fl-SMEs ma għandhomx ikunu żvantaġġati, pereżempju minħabba trattament inqas favorevoli fit-taxxa kuntrarjament għal sorsi oħrajn ta’ kapital.

Biex ikun evitat li l-SMEs u partikolarment in-negozji ta’ l-artiġjanat ikunu affettwati negattivament minn nuqqas ta’ xogħol ta' ħila u n-nuqqas ta’ ħiliet maniġerjali, il-Kummissjoni nediet azzjoni pilota għal programm ta’ skambju tat-tip ta’ l-ERASMUS għall-apprendisti biex jitħeġġew jieħdu esperjenza professjonali fi Stat Membru ieħor. Din l-azzjoni bħalissa qiegħda tiġi vvalutata.

Il-ħiliet u l-kompetenzi huma essenzjali għall-SMEs u b’mod partikolari għas-settur ta’ l-artiġjanat. Antiċipazzjoni aħjar tar-rekwiżiti futuri tal-ħiliet tibqa' sfida diffiċli, billi l-bżonnijiet ta’ ħiliet emerġenti, il-muturi għat-tiġdid tax-xogħlijiet, u titjib neċessarju għall-ippjanar strateġiku fis-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ se jħallu impatt fuq firxa wiegħa ta’ attivitajiet industrijali. Biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ e-skills , mhux inqas mill-SMEs il-Kummissjoni pproponiet aġenda politika ġdida għall- e-skills [23].

Finalment, il-miri ambjentali ambizzjużi għaż-żieda ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra b’ta’ l-inqas 20% sa l-2020 u l-promozzjoni tas-sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli jeħtieġu l-emerġenza ta’ paradigma ġdid tan-negozju. L-isfida hija li l-SMEs jiġu megħjuna jadottaw produzzjoni sostenibbli u mudelli tan-negozju biex b’hekk ikollhom rwol attiv fiċ-ċaqliq ta’ l-ekonomija Ewropea lejn produzzjoni u konsum li jagħmel inqas ħsara ambjentali, filwaqt li b’mod parallel l-SMEs ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji ekonomiċi li din tippreżenta. Dan se jibni fuq l-esperjenza ta' appoġġ għal prattiċi soċjalment responsabbli fost l-SMEs. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi programm ta’ għajnuna għall-SMEs biex it-tħassib ambjentali jiġi integrat mal-proċessi tal-produzzjoni u l-prodotti li jibda minn iktar konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali[24]. Barra minn hekk, il-Pjainijiet ta' Azzjoni dwar il-Politika Industrijali Sostenibbli u l-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli se jagħtu sehemhom ukoll għat-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibilità ta’ l-SMEs.

It-tisħiħ tal-komunikazzjoni u l-konsultazzjoni politiċi ta’ l-SMEs mal-partijiet interessati

Tagħrif regolari u laqgħat ta’ diskussjoni ma’ għaqdiet Ewropej tan-negozju mmexxija mir-Rappreżentant ta’ l-SMEs[25] jipprovdu forum għal skambju regolari ta’ tagħrif dwar l-inizjattivi politiċi u leġiżlattivi ewlenin tal-Kummissjoni u l-impatt tagħhom fuq l-SMEs. Dan ikkontribwixxa għat-tisħiħ tal-funzjoni ta' "għassies" tar-Rappreżentant ta' l-SMEs, li jkabbar it-tħassib ta' l-SMEs fil-politika Ewropea u l-proċess tat-tfassil tal-liġi fi stadju bikri u jippermetti lill-partijiet interessati biex ikunu parti integrali tal-proċess Ewropew tat-tfassil tal-politika għall-SMEs.

Barra minn hekk, bosta konferenzi għall-partijiet interessati ta’ livell għoli ġabu flimkien varjetà wiesgħa ta' rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-komunità tan-negozju, li qawwiet l-impenn tal-partijiet importanti kollha fl-implimentazzjoni tal-politika Moderna għall-SMEs. Il-Kummissjoni qiegħda trawwem ukoll djalogu ġdid bejn l-edukazzjoni ogħla u r-rappreżentanti tan-negozju, li fih se jitqajmu kwistjonijiet ta' tħassib għall-SMEs.

Il- ‘Premjijiet Ewropej għall-Intrapriża ’, organizzati għall-ewwel darba fl-2006, ikkontribwew biex titqajjem kuxjenza dwar l-intraprenditorjat u l-politika ta’ l-SMEs u l-modi diversi u kreattivi kif ir-reġjuni jinkoraġġixxu, jappoġġjaw u jgħinu lin-negozji ż-żgħar jirnexxu. It-tieni edizzjoni tal-Premjijiet se tkun organizzata f’Diċembru 2007 flimkien mal-Presidenza Portugiża tal-Kunsill. Finalment, il- web-portal ġdid tal-Kummissjoni għall-SMEs (http://ec.europa.eu/enterprise/sme/) iffaċilita konsiderevolment l-aċċess għal tagħrif onlajn relatat ma’ l-SMEs.

IL-PROSPETTIVI GħALL-ġEJJIENI

Il-politika Moderna għall-SMEs imnedija fl-2005 bdiet tagħti l-frott . Politika għall-SMEs proattiva, inklussiva u koerenti poġġiet lill-SMEs fl-għoli fuq l-aġenda ta’ riforma Ewropea u nazzjonali u żiedet l-impenn tal-partijiet interessati għal miri maqbula komunement. Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni għamlu progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet biex joħolqu ambjent tan-negozju aħjar, biex il-kwistjonijiet ta' l-SMEs jingħataw prijorità f'oqsma politiċi ewlenin u biex iktar nies jitħeġġew biex isiru intraprendituri.

Minħabba f’hekk, saret eħfef biex tibda kumpanija, l-edukazzjoni intraprenditorjali qed issir iktar u iktar parti mill-kurrikuli ta’ l-iskola, hemm kuxjenza dejjem tikber dwar l-intraprenditorjat u l-kwistjonijiet ta’ l-SMEs fi ħdan l-UE, u l-prinċipju “Naħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir” qiegħed jiġi integrat fil-politiki Komunitarji u nazzjonali. Madankollu, għad hemm x’jitranġa, kemm fil-livell Komunitarju u kemm fi ħdan l-Istati Membri.

Il- “kultura” ta’ regolamentazzjoni aħjar bdiet tinbet ukoll madwar l-UE: hemm bżonn li l-istituzzjonijiet juru t-triq. Il-Kummissjoni għamlet bidliet maġġuri fil-mod ta’ kif tiżviluppa l-proposti l-ġodda u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' l- acquis eżistenti. Il-Parlament Ewropew ukoll beda juża l-istimi ta’ l-impatt imma l-Kunsill għadu jrid jibda jużah bħala għodda ta’ ħidma.

Imma l- benefiċċji ta’ regolamentazzjoni aħjar iridu jinħassu fil-livelli kollha . L-Istati Membri qablu li jistabbilixxu l-miri biex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi b’25% sa l-2012. Biex jinqatgħu l-piżijiet għall-SMEs li huma affettwati b’mod sproporzjonat minn dawn il-piżijiet għandu jkun hemm preżunzjoni li l-SMEs mhux se jkunu koperti minn rekwiżiti amministrattivi ta' leġiżlazzjoni ta' l-UE sakemm m'hemmx bżonn ċar biex dan isir u l-kwistjoni ma tistax tiġi ttrattata aħjar fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Meta l-SMEs ikunu koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE, għandhom jitfasslu miżuri speċjali biex jingħataw l-għajnuna. B’mod iktar ġenerali, l-UE għandha bżonn issib modi biex jitneħħew il-piżijiet kull fejn jippermettu ċ-ċirkostanzi. L-istadju li jmiss huwa li jiġu mmodernizzati l-amministrazzjoni pubbliċi ħalli jipprovdu servizz trasparenti, prevedibbli u mezz effettiv ta’ rimedju.

Il-Kummissjoni semgħet lill-partijiet interessati importanti bil-ħsieb ta' iktar żvilupp u perfezzjonament tal-politika moderna għall-SMEs. Hija analizzat ir-riżultati ta’ konferenzi reċenti ta’ livell għoli, b’mod partikolari r-raba’ Konferenza Ewropew dwar l-Artiġjanat u l-Intrapriżi ż-Żgħar[26] u l-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar il-politika għall-SMEs[27], ħadu spunt minn inizjattivi implimentati jew proposti mill-Istati Membri u minn rapporti reċenti minn istituzzjonijiet oħrajn ta’ l-UE.

Il-kompitu issa huwa li jinħareġ il-potenzjal għat-tkabbir u għax-xogħlijiet ta’ l-SMEs u jsir użu sħiħ mill-kapaċitajiet innovattivi tagħhom. Il-Kummissjoni hija konvinta mill-bżonn li titqiegħed terġa’ iktar enfasi fuq l-SMEs fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ Liżbona 2008-2010 li jmiss . Hija se titlob il-fehmiet tan-negozji ż-żgħar u r-rappreżentanti tagħhom billi qed tqis li tisma' lil negozji żgħar u r-rappreżentanti tagħhom bil-ħsieb li jsiru proposti konkreti biex l-SMEs ikunu appoġġjati iktar.

Fis-sett ta’ proposti l-ġodda għall-SMEs fil-kuntest taċ-ċiklu ta’ Liżbona li jmiss il-Kummissjoni se tqis id-diversità tal-komunità ta’ l-SMEs: l-artiġjanat u n-negozju ż-żgħar, intrapriżi ekonomiċi soċjali u SMEs immexxija mill-familja kollha juru potenzjal għat-tisħiħ tat-tkabbir Ewropew u jaġixxu bħala l-mutur għall-innovazzjoni, l-iżvilupp lokali, it-taħriġ u l-impjiegi, filwaqt li xi kultant juru problemi u bżonnijiet speċjali.

Finalment huwa ta’ importanza ugwali li l-Istati Membri jagħmlu sforzi ikbar u jpoġġu l-politika ta’ l-SMEs ogħla fl-aġenda fi ħdan il-kuntest tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

[1] http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/sme_policy.htm

[2] It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea 2007-2008.

[3] Statistics in Focus, 24/2006, Eurostat.

[4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE’ COM (2006) 502.

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu: Kontribut lejn l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet COM (2007) 374.

[6] http://ec.europa.eu/regional_policy/index_en.htm

[7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005.

[8] http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/cip/index_en.htm

[9] http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/charter/gp/

[10] Limitu de minimis differenti huwa applikat f'xi setturi, bħas-sajd.

[11] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2006/c_323/c_32320061230en00010026.pdf

[12] ‘Mudelli għat-tnaqqis tal-piż regolatorju sproporzjonat fuq l-SMEs. Rapport tal-Grupp ta’ Esperti’, il-Kummissjoni Ewropea, Mejju 2007.

[13] http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/analysis/doc/smes_observatory_2003_report4_en.pdf)

[14] http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/goods/mutrec_en.htm

[15] Id-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta' Diċembru 2006.

[16] http://ec.europa.eu/enterprise/innovation/documents_en.htm

[17] 'L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija’ COM(2006) 567.

[18] http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/training_education/commplan.htm

[19] L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi: Trasferiment tan-Negozju - Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid COM (2006)117.

[20] COM(2007) 584

[21] http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/2007/jjj/jeremie_en.htm

[22] Ara r-rapport finali f’http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/financing/round_table.htm

[23] E-skills għas-seklu 21: It-Trawwim tal-Kompetittività, it-Tkabbir u x-Xogħlijiet (2007-2010).

[24] COM(2007) 379.

[25] http://ec.europa.eu/enterprise/sme/envoy_en.htm

[26] http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/4th_conference.htm

[27] Brussell, 14 ta' Settembru 2007