52007DC0584




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.10.2007

KUMM(2007) 584 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra Implementing the Lisbon Partnership for Growth and Jobs

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra Implementing the Lisbon Partnership for Growth and Jobs

WERREJ

1. Daħla Error! Bookmark not defined.

2. In-negozji fir-riskju u l-falliment kummerċjali huma inerenti fis-soċjetajiet tagħna Error! Bookmark not defined.

2.1. It-tiġdid kummerċjali huwa parti mill-ekonomija tas-suq Error! Bookmark not defined.

2.2. Il-falliment huwa wkoll opportunità Error! Bookmark not defined.

3. Lejn politika li tagħti opportunità oħra Error! Bookmark not defined.

3.1. Id-dehra pubblika, l-edukazzjoni u l-mezzi tal-massa Error! Bookmark not defined.

3.2. Ir-rwol tal-liġi dwar il-falliment Error! Bookmark not defined.

3.3. Appoġġ attiv għal negozji f’riskju Error! Bookmark not defined.

3.4. Appoġġ attiv għal tnedija mill-ġdid Error! Bookmark not defined.

4. Konklużjoni Error! Bookmark not defined.

Tabella: Il-qagħda attwali fl-Istati Membri 12

DAħLA

Fi Frar 2005, il- Kummissjoni pproponiet bidu mill-ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona li tiffoka l-isforzi ta' l-UE fuq it-twettiq ta’ tkabbir sod u fit-tul u li tipprovdi aktar impjiegi li huma aħjar. Dan jista’ jinkiseb biss permezz tal-ħolqien ta’ ambjent ta’ appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u kultura aktar intraprenditorjali[1].

L-intraprenditorija hija minnha nnifisha riskjuża u teħtieġ fiduċja personali u awtonomija kif ukoll ċerta tħejjija għat-teħid tar-riskju, billi l-ħolqien, is-suċċess u l-falliment kummerċjali huma inerenti għar-realtà ta' l-ekonomija tas-suq. Madankollu, bħala parti min-nuqqas ġenerali ta’ l-apprezzament tas-soċjetà u l-fehma ta’ l-intraprenditorija, id-diffikultà kummerċjali jew anke l-falliment fil-kummerċ għadhom mhumiex qed jinftiehmu bħala żvilupp ekonomiku normali u opportunità għal bidu mill-ġdid.

Il-Kummissjoni tqis li ambjent li joffri aktar appoġġ għal negozji fir-riskju jista' jevita l-falliment. Barra minn hekk, il-fatt li jiġu indirizzati l-konsegwenzi negattivi tal-falliment kummerċjali meta dan iseħħ u d-dehra tiegħu negattiva għandu jgħin biex jagħmel l-aħjar użu possibbli mill-kreatività tal-bniedem fl-Ewropa , jagħti spinta lill-intraprenditorija u jippromwovi l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ l-impjiegi. Dan għandu jgħin ukoll biex irawwem klima aktar favorevoli qalb is-soċjetà fl-Ewropa lejn intraprenditorija fejn tiġi ppenalizzata biss l-imġiba qarrieqa u kriminali. L-Istati Membri u l-komunità kummerċjali huma għalhekk mistiedna biex jaħdmu aktar għal ambjent li joffri appoġġ għall-intraprendituri fir-riskju u dawk li esperjenzaw falliment kummerċjali bl-għan li jbiddlu lill-UE f'post aktar dinamiku għall-intraprenditorija u għal opportunità oħra.

IN-NEGOZJI FIR-RISKJU U L-FALLIMENT KUMMERċJALI HUMA INERENTI FIS-SOċJETAJIET TAGħNA

It-tiġdid kummerċjali huwa parti mill-ekonomija tas-suq

50 % ta' l-intrapriżi ma jirnexxilhomx jibqgħu joperaw fl-ewwel ħames snin ta' l-eżistenza tagħhom. Ir-rata medja annwali ta’ għeluq ta' kumpaniji fl-UE-25 hija ta' 7 %[2]. Il-letteratura ekonomika tħares lejn l-għeluq tal-kummerċ bħala element kompatibbli ma’ l-iżvilupp ekonomiku f'ekonomija globali, xi ħaġa li hija wkoll rikonoxxuta fil-Karta għall-Intrapriżi ż-Żgħar[3]. Rata baxxa ta’ sopravivenza għalhekk mhijiex neċessarjament kawża għat-tħassib – id-dħul minn ditti ġodda huwa parti mill-proċess fejn l-intrapriżi jirreaġixxu għar-realtà fis-suq. Studju li sar dan l-aħħar ta' l-OECD juri li r-rati ta’ sopravivenza ta’ kumpaniji fuq perjodu ta’ erba’ snin jidhru li huma saħansitra inqas fl-Istati Uniti milli fil-pajjiżi kontinentali Ewropej[4], li juri li l-għeluq ta’ kumpaniji jista' jkun kompatibbli mad- dinamiżmu ekonomiku . Hemm raġuni li wieħed jemmen li l-kompetizzjoni globali li qed tiżdied qed tinforza l-intraprendituri biex jirreaġixxu aktar b'ħeffa u bi flessibbiltà, anki billi jagħlqu n-negozju tagħhom u jiftħu ieħor. Id- data tikkonferma korrelazzjoni għolja bejn ir-rati ta' dħul u ħruġ kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, li tissuġġerixxi proċess kontinwu ta’ qerda kreattiva li biha d-ditti ta’ produttività baxxa joħorġu mis-suq u jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda.

Il-falliment huwa wkoll opportunità

Mill-għeluq ta' kumpaniji kollha, il-fallimenti jgħoddu għal madwar 15 %[5], filwaqt li minn 11 sa 18 % tal-ħallieqa ta' kumpaniji esperjenzaw xi falliment[6]. Anke jekk teżisti korrelazzjoni naturali bejn iċ-ċiklu kummerċjali u l-għadd ta’ fallimenti[7],dawn ta’ l-aħħar xorta waħda jseħħu f’perjodi ta’ tkabbir għoli tal-PGD. Hemm argumenti sodi għat-twemmin li l-falliment huwa essenzjalment konsegwenza diretta tat-tiġdid intraprenditorjali: minn 4 sa 6 % tal-fallimenti biss huma qarrieqa [8] .

Madankollu, ir-rwol tal-falliment kummerċjali fil-ħajja ekonomika ma jinftihemx tajjeb fis-soċjetà tagħna. L-opinjoni pubblika toħloq rabta qawwija bejn il-falliment kummerċjali u l-inkapaċità personali jew il-frodi. Fl-UE, l-istigma hija preżenti kemm fl-ambjent kummerċjali, fil-qafas legali kif ukoll fl-imġiba kulturali u tas-soċjetà. Dan joħloq xkiel bla bżonn għall-intraprendituri li jixtiequ jerġgħu jibdew mill-ġdid. Minkejja l-għarfien eżistenti dwar il-prestazzjoni ta' dawk li qed jibdew mill-ġdid, il-klijenti u l-finanzjarji jżommu lura milli jpoġġu l-ordnijiet u jinvestu. 79 %[9] taċ-ċittadini ta' l-UE jaffermaw li huma kieku jagħtu opportunità oħra lil dawk li fallew. Iżda l-attitudnijiet jinbidlu meta wieħed jiġi għall-“prattika”. 47 %[10] ta' l-Ewropej mhumiex daqshekk ħerqana li jordnaw minn negozju li jkun diġà falla. 51 %[11] minnhom ma jinvestu qatt f’negozji b’diffikultajiet finanzjarji.

L-analiżi disponibbli turi wkoll li parti żgħira biss ta’ intraprendituri li fallew jerġgħu jipprovaw jibdew mill-ġdid[12], minkejja li l-maġġoranza ta’ dawk li kienu intraprendituri għad għandhom preferenzi intraprenditorjali[13] u ż-żgħażagħ jisperaw li jkollhom opportunità oħra[14]. Dan jiġri minħabba li l-fallimenti għandhom impatt partikolarment kbir fuq l-intraprendituri nnifishom. Madwar terz minn dawk li jfallu jbigħu d-dar tagħhom, filwaqt li r-riperkussjonijiet negattivi jilħqu lill-membri oħrajn tal-familji f’25 % tal-każijiet. Il-falliment kummerċjali joħloq sitwazzjoni stressanti li twassal għat-tkissir fir-relazzjonijiet fi 15 % tal-każijiet[15].

Barra minn hekk, l-intraprendituri li fallew għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ambjent li jissottovaluta l-opportunitajiet il-ġodda maħluqa mill-falliment kummerċjali. L-evidenza tissuġġerixxi li l-intraprendituri li fallew jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u ġeneralment jagħmlu aktar suċċess mat-tieni opportunità li jkollhom[16]. Persuni li jerġgħu jibdew mill-bidu jesperjenzaw tkabbar aktar mgħaġġel mill-kumpaniji li jkunu għadhom kemm ġew stabbiliti[17] u wara ħames snin il-bidu tagħhom ikollu rati ta' sopravivenza tajba. Ir-riċerka dwar il-profil ta’ intraprendituri li għamlu suċċess turi li 18 % kienu diġà amministraw intrapriża waħda. 6 % kienu amministraw tnejn jew iżjed[18].

Fl-aħħar, filwaqt li jagħmel parti mill-ħajja ekonomika, il-falliment għandu impatt kbir fuq l-impjiegi, il-konsumaturi u l-kredituri pubbliċi u privati. Fl-2006, madwar 135 000 falliment ta’ kumpaniji fl-UE-15 heddew l-impjiegi ta’ 1.4 miljun impjegat (1.5 miljun fl-2005) u l-għadd ta’ fallimenti personali telgħu għal aktar minn 237 000 fil-Ġermanja u r-Renju Unit biss[19]. Fl-istess sena fl-Awstrija djun pendenti ma' l-impjegati kien jilħaq il-243 miljun ewro. Rigward djun oħra mhux imħallsa , fil-Ġermanja 50 % tad-debituri kienu intrapriżi attivi u ħaddiema għal rashom. Fi Franza, fejn l- ispejjeż stmati annwali ta’ proċedimenti ta’ fallimenti huma ta’ 13.7 biljun ewro, madwar 55-60 % ta’ djun mhux imħallsa huma dovuti lill-awtoritajiet tat- taxxa u s-sigurtà soċjali u l-banek; dan il-perċentwali jilħaq is-70-80 % fil-każ ta' kumpaniji ta’ servizzi falluti[20]. Djun mhux imħallsa fil-Ġermanja kienu jammontaw għal 31.1 biljun ewro fl-2006 (37.5 fl-2005; 39.4 fl-2004), fl-Italja 9.6 biljun fl-2004, fil-Finlandja 1.37 biljun fl-2003. Il-firxa wiesgħa ta’ spejjeż li l-fallimenti jinvolvu jkunu jistgħu jitnaqqsu jekk in-negozji f'riskju jkunu megħjuna aħjar u, fil-każ ta' falliment, bidu mill-ġdid jkun aktar faċli .

LEJN POLITIKA LI TAGħTI OPPORTUNITÀ OħRA

Il-Kummissjoni bdiet tindirizza l-ħtieġa għal politika ġdida li tittratta kwistjonijiet ta’ negozji fir-riskju u l-effetti negattivi ta’ falliment ta’ negozji mill-2001 u, sussegwentement, bħala parti mill- Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-Intraprenditorija [21]. Hija ġeddiet l-impenn tagħha għal politika bħal din fil- Politika Moderna ta' l-Intrapriżi z-Żgħar u ta' Daqs Medju[22], li tnediet fl-2005. B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat il-ħtieġa li ttejjeb il-proċeduri ta’ falliment. Minħabba fil-kompetenzi limitati tagħha f’dan il-qasam il-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha biex tiġbor data dwar il-konsegwenzi legali u soċjali tal-falliment kummerċjali[23], tiffaċilita l-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattika tajba[24] u dan l-aħħar biex taħdem fuq għodda ta’ twissija bikrija bħala mezzi għat-tnaqqis ta’ l-istigma assoċjata mal-falliment. Dan għen fil-ħolqien ta' riforma ma' l-UE kollha u ħafna mill-Istati Membri diġà ġew ispirati mill-prattika tajba u mill-konklużjonijiet ta' linji politiċi miġbura f'livell Ewropew.

F’ħafna mill-pajjiżi ta’ l-UE – għalkemm sa ċertu limitu li jvarja – jeżisti impenn ta’ politika f’livell ta’ awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jindirizza l-kwistjoni ta’ falliment kummerċjali u jippromwovi l-bidu mill-ġdid. Fil-kuntest ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona, madwar terz ta’ l-Istati Membri ressqu pjanijiet biex jirriformaw il-leġizlazzjoni nazzjonali tal-falliment fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom[25]. B’riżultat ta’ dan, sar progress fit- titjib tal-liġi dwar il-falliment : nofs l-Istati Membri ħadu miżuri biex inaqqsu l-perjodi ta’ estinzjoni, ineħħu r-restrizzjonijiet jew jirristrutturaw il-proċedimenti ta’ falliment (ara l-Anness). Ir-Renju Unit diġà indirizza ħafna mill-kwistjonijiet fl-2002. Aktar reċenti, Spanja u l-Italja introduċew miżuri simili fil-liġijiet tagħhom. Madankollu, kważi nofs il-pajjiżi ta’ l-UE baqagħlhom jieħdu l-ewwel passi f’din id-direzzjoni. Ukoll, l-ebda Stat Membru għadu ma waqqaf strateġija komprensiva għall-politika li tagħti opportunità oħra – l-Awstrija biss ħabbret pjanijiet ġodda għall-2008. Tabilħaqq, għad hemm x’isir fil-mixja 'l quddiem lejn it-trawwim ta’ attitudni aktar pożittiva lejn l-intraprenditorija, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-inkoraġġiment ta’ aktar persuni biex jibdew mill-ġdid u mat-tnaqqis ta’ l-istigma tal-falliment.

Id-dehra pubblika, l-edukazzjoni u l-mezzi tal-massa

L-ewwel pass fit-trattament ta' l-effetti negattivi tal-falliment kummerċjali huwa li dan jiġi diskuss pubblikament, li l-intraprendituri tal-ġejjieni jkunu indirizzati u li titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ l-intraprenditorija mġedda. Ir-riċerka turi li l- appoġġ kulturali (eż permezz ta’ kampanji promozzjonali) huwa marbut b’mod pożittiv ma’ l-ammont ta’ attività intraprenditorjali fl-UE[26].

Ħafna żgħażagħ qatt ma jsiru intraprendituri fl-aħħar mill-aħħar. L-edukazzjoni ta’ l-intraprenditorija hija mezz fundamentali li jimmaterjalizza l-ispirtu tagħhom intraprenditorjali u jagħmilhom konxji li l-falliment kummerċjali huwa l-punt tat-tluq ta’ bidu ġdid. F’dawn iż-żminijiet l-Ewropej m’humiex daqstant imħeġġa biex jieħdu opportunitajiet ta’ impjieg għal rashom u ta’ attivitajiet intraprenditorjali u juru biċ-ċar li jibżgħu mill-falliment [27]. L-istrateġiji nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-aġġornament ta’ ħiliet intraprenditorjali u kummerċjali.

Ktejjeb Olandiż[28] jippreżenta seba’ każijiet fejn l-intraprendituri jaqsmu l-esperjenzi tagħhom stess dwar il-falliment u jispjegaw kif dawn reġgħu bdew mill-bidu b’suċċess. Dan jista’ jitniżżel minn fuq l-internet minn fuq il-websajt tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi Olandiż.

Fl-UE l- pubbliku ġenerali ta’ sikwit iħares lejn il-falliment bħala kwistjoni kriminali, tkun xi tkun il-kawża. Il-mezzi tal-massa għandhom rwol pożittiv x’jaqdu fit-trattament ta’ dan in-nuqqas ta' fehma u fit-tixrid ta' tagħrif dwar il-benefiċċji li soċjetà tagħna tista' tieħu mill-esperjenzi ta' l-intraprendituri li fallew. Hekk ukoll fl-għotjiet ta’ premjijiet rilevanti.

F’dawn l-aħħar sentejn fil-Ġermanja kien hemm START AWARD (GĦOTJA TA' BIDU) f’kategorija msejħa RESTART (bidu mill-ġdid). Sponsorjata miż-żewġ banek ta’ appoġġ pubbliku u mill-aġenzija ta’ appoġġ għat-tnedija, din ingħatat lill-intraprendituri ġenwini li tgħallmu mill-falliment kummerċjali u li għamlu suċċess fit-tieni opportunità ta' bidu tagħhom. Il-mezzi tal-massa prinċipali kienu ħerqana biex jirrapportaw aktar dwar is-suġġett.

Tagħlimiet li għandhom jinkisbu

- Il-benefiċċji ta’ bidu mill-ġdid għandhom jitressqu f’kampanji ta’ tagħrif u programmi ta' edukazzjoni, biex juru li bosta attentati jimxu id f'id ma' proċess normali ta' tagħlim, riċerka u skoperta.

- Il-mezzi tal-massa jistgħu jkollhom rwol fid-disassoċjazzjoni tal-falliment u l-frodi u t-tixrid tal-benefiċċji ta’ l-intraprenditorija mġedda, għalhekk itejbu d-dehra tat-tnedija kummerċjali mill-ġdid qalb il-pubbliku in ġenerali u jevalwaw l-esperjenzi tagħhom.

- Aktar diskussjoni dwar il-kwistjoni ma’ l-atturi kollha rilevanti għandha tgħin biex tikxef il-ħafna lati ta’ l-istigma li jiċċirkondaw il-falliment kummerċjali.

Ir-rwol tal-liġi dwar il-falliment

Il-bidu mill-ġdid wara falliment jista’ jkun ta’ sfida minn aspett legali. F’ħafna pajjiżi l-liġi dwar il-falliment għadha titratta l-kulħadd bl-istess mod irrispettivament minn jekk il-falliment kienx qarrieqi jew irresponsabbli jew jekk il-falliment ma kien l-ebda ħtija ovvja tas-sid jew tal-maniġer, jiġifieri ġenwin u bla ħabi. Ukoll, għadd ta’ regoli jimponu restrizzjonijiet, projbizzjonijiet u skwalifiki fuq il-fallimenti fuq il-bażi biss ta’ l-eżistenza ta' proċedimenti ta' falliment. Din l-istrateġija awtomatika ma tikkonsidrax ir-riskji li huma fatt ta' kuljum tal-ħajja kummerċjali u timplika twemmin li l-fallut huwa xi ħadd li fih is-soċjetà ma tista’ tpoġġi l-ebda fiduċja jew affidabbiltà. Teħtieġ bidla radikali fir-razzjonalità tal-liġijiet dwar il-falliment fl-UE.

Riċerka li saret dan l-aħħar[29] issoktat tittestja jekk it-tnaqqis tal-gravità tal-liġi dwar il-falliment personali għandux mnejn jistimola l-intraprenditorija fi 15-il pajjiż. Ġew analizzati 13-il pajjiż flimkien mal-Kanada u l-Istati Uniti, fejn il-Kodiċi ta’ Falliment federali tippermetti d-debituri li jwettqu estinzjoni minnufih. L-istudju uża l-estinzjoni bħala miżura ta’ “gravità” u data dwar impjieg ta’ persuni għal rashom fuq 13-il sena. Dan ikkonkluda li l- liġi dwar il-falliment kellha effett qawwi fuq it-tnedija kummerċjali mill-ġdid u li s-sinifikat ekonomiku tagħha kien aktar mit-tkabbir tal-PGD u r-riżultati tas-suq ta’ l-ishma.

Il- Ġreċja introduċiet kodiċi ġdid dwar il-falliment bl-għan li jiddistingwi bejn il-falliment normali u dak qarrieqi. Fil-ġejjieni, fallimenti mhux qarrieqa mhumiex se jkunu suġġetti għall-arrest personali u d-drittijiet tagħhom biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjoni se jibqgħu intatti.

L-intraprendituri jistgħu jsibuha diffiċli li jilliberaw lilhom infushom mid-djun ferm kbar u li mbagħad jerġgħu jibdew mill-ġdid. Ta' sikwit id-djun li jibqgħu mhumiex se jispiċċaw milli jeżistu awtomatikament wara li l-proċedimenti tal-falliment jingħalqu: jekk id-debitur ikun persuna naturali huwa jibqa' responsabbli għalihom. Fil-każ ta’ responsabbiltà personali, il-kredituri jkunu liberi li jirkupraw id-djun li jibqgħu permezz tar-rabta ma’ l-assi personali tad-debitur. Madankollu, meta l-assi personali ta’ l-intraprenditur ma jkunux biżżejjed, il-ħelsien mid-dejn huwa xi drabi possibbli. Għal dawk li jfallu ġenwinament huwa possibbli pjan għall-ħlas lura tad-dejn f’pajjiżi bħall-Portugall, l-Ungerija jew il-Finlandja. Dawn jingħataw estinzjoni awtomatikament fil-Belġju, l-Irlanda jew fir-Renju Unit[30].

Fir- Renju Unit dawk kollha li jfallu huma suġġetti għal xi restrizzjonijiet matul il-perjodu tagħhom ta’ falliment iżda dawk falluti ġenwinament jinħelsu sa massimu ta’ 12-il xahar. Persuni li jfallu u li l-kondotta tagħhom kienet disonesta, traskurata jew ħatja jistgħu jkollhom restrizzjonijiet stretti imposti fuqhom sa 15-il sena.

Barra minn hekk, jidher li hemm korrelazzjoni ċara bejn il-kwalità relattiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-falliment f'pajjiż u l-effettività relattiva tas-sistema tiegħu ta' falliment[31], fejn l-istat tad-dritt huwa l-prinċipju ewlieni fis-soċjetà tagħna[32]. B’mod partikolari, proċedimenti twal huma ġeneralment ħela ta’ flus u ta’ ħin u jfixklu t-tnedija mill-ġdid minħabba fil-qerda ta’ kapital. Fl-UE, iż-żmien medju biex tintemm proċedura ta’ falliment u jingħalaq negozju jvarja minn 4 xhur (fl-Irlanda) sa 9.2 snin (fir-Repubblika Ċeka), fejn l-ispiża tvarja minn 1 % (fl-Olanda) sa 22 % mill-proprjetà (fil-Polonja)[33]. Ir-ristrutturar tal-proċedimenti ta' falliment għandu jfisser ħruġ aktar faċli għall-intrapriżi li jkollhom it-telf, reallokazzjoni aħjar tar-riżorsi u distribuzzjoni aktar ġusta ta' l-assi li jivdlu fost il-kredituri.

Fil- Latvja se tidħol fis-seħħ Liġi ġdida dwar il-Falliment fl-1 ta’ Jannar 2008. Din għandha tbiddel sostanzjalment l-għanijiet u l-prinċipji tal-proċediment tal-fallimenti, fejn waħda mill-miri hija t-tnaqqis tat-tul tal-proċeduri.

Tagħlimiet li għandhom jinkisbu

- Huwa kruċjali li jinħoloq il-qafas xieraq li, filwaqt li jħares l-interessi tal-partijiet kollha kif mistħoqq, jirrikonoxxi l-possibbiltà għal intraprenditur li jfalli u jerġa’ jibda mill-ġdid. Il-liġi dwar il-falliment għandha tinkludi distinzjoni ċara bejn it-trattament legali għal dawk li jfallu ġenwinament u dawk li jfallu b’mod qarrieqi.

- Intraprendituri li jfallu mingħajr ma jkun tort tagħhom għandhom ikunu intitolati li jirċievu deċizjoni formali tal-Qorti li tiddikjarahom mhux qarrieqa u skużabbli. Din id-deċizjoni għandha tkun pubblikament aċċessibbli.

- Il-ħelsien minn kmieni ta’ djun li jkunu baqgħu suġġetti għal ċerti kriterji għandu jitqies fil-liġi dwar il-falliment.

- Ir-restrizzjonijiet legali, l-iskwalifiki jew il-projbizzjonijiet għandhom jitnaqqsu.

- Il-proċedimenti legali għandhom jiġu ssimplifikati u jitħaffu, filwaqt li jimmassimizzaw il-valur ta’ l-assi fi proprjetà ta’ falliment fl-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi. Tipikament, il-proċedimenti għandhom jintemmu wara massimu ta’ sena.

Appoġġ attiv għal negozji f’riskju

L-istigma tal-falliment fin-negozju hija raġuni waħda għalfejn ħafna mill-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju bi problemi finanzjarji jostru l-problemi tagħhom sakemm ikun tard wisq. Azzjoni f’waqtha hija kruċjali biex tevita l-falliment u salvataġġ huwa f’bosta każi preferibbli għal-likwidazzjoni. Din hija r-raġuni għalfejn is-sistemi legali ta' pajjiżi bħall-Franza, l-Estonja, Spanja, Malta jew l-Italja issa x’aktarx qed jagħżlu r-ristrutturar mill-ġdid u l-kontinwità tan-negozju.

Ħafna mill-intraprendituri ta’ spiss huma nieqsa mir-riżorsi meħtieġa u l-esperjenza għall-ġestjoni ta’ kriżi ta’suċċess. Jekk isiru l-iżbalji f'dan l-istadju, jew jekk ma jkunx hemm parir xieraq disponibbli f’waqtu, il-falliment jista’ jkun inevitabbli.

Id- Danimarka qed tintroduċi “sistema bi prova ta’ twissija bikrija” mfassla fuq l-Ondernemersklankbord Olandiża. B’finanzjament ta’ 4 snin, din is-sistema se tgħin lill-intrapriżi vijabbli fi triqithom lejn il-falliment sforz ta’ problemi temporanji billi ttihom l-għarfien u l-parir prattiku.

Għodda ta’ twissija bikrija jistgħu jkunu ta’ ħafna tipi, li jibdew minn riżorsi onlajn, għal pubblikazzjonijiet rilevanti għal involviment aktar dirett ta' dawk l-atturi li huma mgħammra aħjar biex isegwu s-sitwazzjoni finanzjarja tan-negozji. Finanzjament addizzjonali biex jingħeleb perjodu instabbli jista’ wkoll ikun kruċjali. Biex tgħin lill-intraprendituri jevalwaw il-poter tagħhom finanzjarju fi stadju bikri, il-Kummissjoni poġġiet għodda ta’ awtovalutazzjoni onlajn[34].

Fl-avviżi li jintbagħtu meta ma’ titħallasx il-VAT, Franza tinkludi tagħrif dwar fejn l-intraprendituri li qed jaffaċċjaw problemi finanzjarji jistgħu jfittxu l-parir[35]. Barra dan, l-intraprendituri jistgħu joħorġu polza ta’ assikurazzjoni li tkopri l-ispejjeż (parir legali u ħlasijiet ta’ medjaturi) għall-ħlas tad-djun fi stadju bikri.

Tagħlimiet li għandhom jinkisbu

- L-għadd ta’ fallimenti ma jistgħux jixxejnu kompletament, iżda appoġġ bikri għall-intrapriżi vijabbli għandu jgħin biex iżomm il-fallimenti f'minimu. Miżuri ta’ appoġġ għandhom jiffukaw fuq il-ħarsien mill-falliment, parir espert u intervent f’waqthom.

- Jeħtieġ tingħata attenzjoni lill-aċċessibbiltà ta’ l-appoġġ, billi n-negozji f’riskju ma jistgħux iħallsu għal parir li jiswa ħafna.

- L-opportunitajiet ta’ netwerking offruti mill- UE[36] u l-organizzazzjonijiet Ewropej tan-negozju għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ.

- Il-liġijiet dwar il-falliment għandhom jipprovdu għażla għall-istrutturar mill-ġdid aktar milli jiffukaw biss fuq il-likwidazzjoni.

Appoġġ attiv għal tnedija mill-ġdid

Ir-restrizzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intraprendituri meta jerġgħu jibdew mill-ġdid – riżorsi, ħiliet rilevanti u appoġġ psikoloġiku – mhumiex indirizzati biżżejjed mill-appoġġ pubbliku. Li wieħed ikun waħdu bħala intraprenditur huwa fost l-ewwel erba’ diffikultajiet ta’ tnedija mill-ġdid[37].

B’mod ġenerali, bidu mill-ġdid jista’ jixxekkel minħabba fin-nuqqas ta’ riżorsi għall-istabbiliment ta’ negozju ġdid, notament ta’ mezzi finanzjarji [38]. Ta’ sikwit dawk li jibdew mill-ġdid jippjanaw li jibdew b’inqas kapital minn dawk li jibdew għall-ewwel darba, jippjanaw in-negozju b’relattivament ftit impjegati u jagħzlu kumpanija limitata bħala l-forma legali. Matul l-ewwel xhur tat-tnedija tagħhom il-problemi ewlenin huma s-sejba tal-klijenti, il-likwidità u l-kisba ta' appoġġ finanzjarju pubbliku.

F’Sassonja (il-Ġermanja ), l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju li fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment, japprovaw l-abbiltà tagħhom li jorganizzaw mill-ġdid jistgħu jiksbu l-finanzjament mill-Bank ta’ l-Iżvilupp Pubbliku tas-Sassonja bil-ħsieb ta’ tfassil ta’ pjan ta' falliment, tkomplija fil-kummerċ u bidu mill-ġdid la darba l-proċedimenti ta' falliment jingħalqu.

Huwa kruċjali li jkun żgurat li min ifalli jitgħallem mill-esperjenza tiegħu biex imbagħad ikun imħarreġ tajjeb għan-negozju l-ġdid tiegħu. L-eżistenza ta’ eżempji mudelli intraprenditorjali, il-flessibbiltà fil-mobilità u l-kisba ta’ edukazzjoni ogħla għandhom iżidu l-probabbiltà ta' tnedija mill-ġdid. Ukoll huwa ħafna iżjed probabbli li dawk li kienu intraprendituri żgħar ikunu intraprendituri b’interessi attivi ġodda minn intraprendituri mdaħħla fiż-żmien[39]. Dawn huma xejriet komuni, iżda l-ħtiġijiet ta’ dawk li jibdew mill-ġdid huma pjuttost singolari u jeħtieġu strateġija flessibbli fit-tfassil ta’ miżuri ta’ appoġġ.

Mill-2004, il-Lussemburgu offra lil madwar 40 negozjant li fallew ġenwinament kors ta’ taħriġ magħmul apposta dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni biex ikunu mgħammra aħjar għal tnedija mill-ġdid.

Min ifalli jista’ faċilment jitlef il-fiduċja fil-kapaċitajiet tiegħu stess u jiġi effettwat emozzjonalment. Parir speċifiku professjonali u psikoloġiku dwar kif wieħed jista' jirbaħ il-falliment huwa hawnhekk kruċjali. Id-dħul mill-ġdid fil-komunità kummerċjali għandha ssir aktar sempliċi billi dawk li jibdew mill-ġdid jitqabblu ma’ niċeċ fis-suq, ma’ msieħba ġodda u ma’ investituri potenzjali.

L-assoċjazzjoni Franċiża Re-créer, li twaqqfet fl-1999 bl-appoġġ tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Franċiża u ta’ l-Assoċjazzjoni Franċiza tal-Bankiera, taħdem biex tagħti spinta 'l quddiem lill-fiduċja ta’ dawk li se jibdew mill-ġdid u li għaddew minn falliment kummerċjali.

Tagħlimiet li għandhom jinkisbu

- L-awtoritajiet rilevanti għandhom jiddedikaw biżżejjed mezzi finanzjarji għal tnedijiet ġodda billi jneħħu x-xkiel għall-iskemi finanzjarji pubbliċi għal min qed jibda mill-ġdid.

- Il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrevedu l-attitudni kawta żżejjed tagħhom lejn min qed jibda’ mill-ġdid, li ta’ sikwit hija msejsa fuq rati negattivi ta’ kreditu. Il-Kummissjoni qed taħseb biex tpoġġi din il-kwistjoni fuq l-aġenda tad-Diskussjoni tal-Bankiera u l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta' Daqs Medju.

- Il-pajjiżi ta’ l-UE għandhom jiżguraw li l-ismijiet ta’ persuni li fallew ġenwinament ma jidhrux f'listi li jirrestrinġu l-aċċess għas-self fis-settur bankarju.

- Ix-xerrejja pubbliċi għandhom jaċċertaw li d-direttivi tax-xiri pubbliku ma joħolqux żvantaġġ lil persuni li fl-imgħoddi fallew ġenwinament.

- L-appoġġ psikoloġiku u tekniku xieraq flimkien mat- taħriġ speċifiku u kowċing għandhom ikunu disponibbli għal min qed jibda mill-ġdid.

- L-awtoritajiet rilevanti għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ appoġġ mill-klijenti, mill-imsieħba kummerċjali u l-investituri billi joħolqu rabtiet bejniethom u bejn il-persuni bil-potenzjal li jibdew mill-ġdid, bl-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ dawn ta’ l-aħħar.

KONKLUżJONI

Kundizzjonijiet nazzjonali tajba ta’ qafas għall-intraprenditorija huma kruċjali għall-isfruttament sħiħ tal-potenzjal intraprenditorjali ta’ l-UE u għall-ħolqien ta’ kumpaniji dinamiċi. L- apprezzament soċjetali ta’ intraprenditorija ta' suċċess, kruċjali għal dan il-għan, għandu jimxi id f'id ma' politika li tippromwovi opportunità ġdida għall-intraprendituri li jinsabu f'riskju jew li fallew. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-pajjiżi ta’ l-UE biex jimpenjaw ruħhom b’aktar enerġija biex inaqqsu l-istigma tal-falliment fil-kummerċ bħala parti mill-impenn tagħhom biex jippromwovu l-intraprenditorija skond l-Istrateġija tat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi u fi ħdan il-kuntest ta’ politika ta’ intraprenditorija komprensiva. Il-Kummissjoni għandha tissokta fl-appoġġ tagħha għall-isforzi ta’ l-Istati Membri billi tgħolli l-viżibbiltà ta’ prattika nazzjonali tajba. Biex tħaffef il-passi tar-riforma, il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll materjal ta’ komunikazzjoni li għandu jintuża fil-kampanji għall-promozzjoni ta' dehra aħjar tal-falliment kummerċjali.

TABELLA: IL-QAGħDA ATTWALI FL-ISTATI MEMBRI [40]

| Tagħrif/edukazzjoni | Strateġija Ġenerali | Pubbliċità tad-deċiżjoni tal-Qorti dwar fallimenti ġenwini |Restrizzjonijiet imnaqqsa, eċċ | Trattament legali aħjar għal min ifalli ġenwinament | Perjodu qasir ta’ ħelsien u/jew għajnuna għall-ħlas tad-dejn | Proċedimenti ristrutturati | Spinta lill-appoġġ | Trawwim tar-rabtiet | Taħditiet fis-settur finanzjarju | Total Y+(Y) | | Il-Belġju |L |L |(I) |(I) |(I) |(I) |L |L |L |L | 4 | |Il-Bulgarija |L |L |L |L |L |L |L |L |L |L | 0 | |Ir-Repubblika Ċeka |L |L |L |L |L |L |(I) |L |L |L | 1 | |Id-Danimarka |L |L |L |I |(I) |I |(I) |L |L |L | 4 | |Il-Ġermanja |(I) |L |L |I |I |(I) |L |L |L |L | 4 | |L-Estonja |L |L |L |L |L |(I) |(I) |L |L |L | 2 | |L-Irlanda |L |L |L |L |L |I |I |L |L |L | 2 | |Il-Greċja |L |L |L |I |(I) |(I) |I |L |L |L | 4 | |Spanja |L |L |L |L |I |I |I |L |L |L | 3 | |Franza |L |L |L |L |(I) |L |I |L |(I) |L | 3 | |L-Italja |L |L |L |I |I |(I) |(I) |L |L |L | 4 | |Ċipru |L |L |(I) |(I) |L |(I) |(I) |L |L |L | 4 | |Il-Latvja |L |L |L |L |L |L |(I) |L |L |L | 1 | |Il-Litwanja |L |L |L |I |(I) |I |(I) |L |L |L | 4 | |Il-Lussemburgu |L |L |L |L |L |L |L |I |L |L | 1 | |L-Ungerija |L |L |L |L |L |L |L |L |L |L | 0 | |Malta |L |L |L |(I) |(I) |L |L |L |L |L | 2 | |L-Olanda |(I) |L |L |L |(I) |(I) |L |L |L |(I) | 4 | |L-Awstrija |L |(I) |L |(I) |(I) |(I) |I |(I) |(I) |L | 7 | |Il-Polonja |L |L |L |L |(I) |(I) |I |L |L |L | 3 | |Il-Portugall |L |L |L |L |L |L |L |L |L |L | 0 | |Ir-Rumanija |L |L |L |(I) |(I) |L |I |L |L |L | 3 | |Is-Slovenja |L |L |L |L |L |(I) |L |L |L |L | 1 | |Is-Slovakkja |L |L |L |L |L |L |L |L |L |L | 0 | |Il-Finlandja |L |L |L |I |L |(I) |I |I |L |L | 4 | |L-Iżvezja |L |L |L |L |I |(I) |I |L |L |L | 3 | |Ir-Renju Unit |L |L |I |I |I |I |I |L |L |L | 5 | |Total Y+(Y) | 2 |1 |3 |12 |15 |17 |17 |3 |2 |1 | | | I |Iva, il-miżuri jeżistu | (I) |Il-miżuri huma parzjalment ippjanati/disponibbli | L |L-ebda miżura ma teżisti | |

[1] Modern SME Policy for Growth and Employment, Kummissjoni Ewropea, COM(2005) 551 finali, 10.11.2005.

[2] European business . Facts and Figures . Data 1995-2004, Eurostat, 2006 .

[3] http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/charter/index_en.htm.

[4] Is-sorsi tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi ta' l-OECD, OECD, 2003; u d-Demografija fin-Negozju: it-tkabbir fil-popolazzjoni ta’ l-intrapriżi, Eurostat, Iffukar fuq l-Istatistika Nru 48/2007.

[5] A.C.P. de Koning, Business failure and entrepreneurship in international perspective , EIM Small Business Research and Consultancy, 1999

[6] Kreditanstalt für Wiederaufbau Bank Group 2007, Mittelstandsmonitor 2007,http://www.ifm-bonn.org/presse/mimo-2007.pdf.

[7] Il-kunċett ta’ falliment kummerċjali jvarja minn pajjiż għal ieħor, u għalhekk jagħmilha diffiċli biex titqabbel id- data .

[8] Il-perċentwali fl-Italja u fir-Renju Unit huwa minn 3 sa 4 % u fl-Awstrija huwa ta’ 7 % ( data nazzjonali 2003-2006).

[9] Flash Eurobarometer Nru 192.(2007).

[10] Flash Eurobarometer Nru 146.(2004).

[11] Ara n-nota 9 f'qiegħ il-paġna.

[12] G. Metzger, After life – who takes heart for restart Dokument ta’ Diskussjoni ta’ ZEW Nru 06-038, 2006.

[13] E. Stam, D. B. Audretsch and J. Meijaard, Renascent Entrepreneurship , ERIM, 2006

[14] Fi stħarriġ fl-2005 taż-żgħażagħ mill-Junior Achievement-Young Enterprise, li kien jinvolvi rispondenti minn 18-il Stat Membru ta’ l-UE u 7 pajjiżi mill-Ewropa tal-Lvant u l-Balkani, 58 % taż-żgħażagħ Ewropej ħassew li jekk huma fallew fit-tnedija ta’ negożju huma kienu se jkollhom ċans ieħor.

[15] R. Blom, Faillissement - oorzaak en gevolg, Graydon, 2004.

[16] Niffaċċjaw l-isfida – L-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-Impjiegi, rapport mill-Grupp ta’ Livell Għoli ippresedut minn Wim Kok, 2004 jew I. Ekanem and P. Wyer, A fresh start and the learning experience of ethnic minority entrepreneurs, International Journal of Consumer Studies 31 (2), 144–151, 2007.

[17] Global Benchmark Report 2006 – Ready for globalisation?, Konfederazzjoni ta’ l-Industriji Daniżi, 2006.

[18] Il-profil ta’ l-intraprenditur li jagħmel suċċess . Ir-Riżultati ta’ l-Istħarriġ “Fatturi ta’ Suċċess fin-Negozju”, Eurostat, Konċentrazzjoni fuq l-Istatistika 29/2006.

[19] Insolvencies in Europe 2005/6 , Creditreform Economic Research Unit.

[20] P. Matsakos et al., Vie et Survie des PME, PMI, TPE dans leur environnement quotidien aujourd'hui et demain , Rapport Saratoga/Datar , 2004.

[21] The European Agenda for Entrepreneurship , il-Kummissjoni Ewropea, COM(2004) finali, 11.2.2004.

[22] Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

[23] Attivitajiet imwettqa fi ħdan il-Programm Multiannwali għall-Intrapriża u l-Intraprenditorija 2001-2006 ( L-Aħjar Proċedura”, “ Il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar” ).

[24] Ir-rapport finali tal-grupp espert ta’ l-Aħjar proġett dwar ir-Ristrutturar, il-Falliment u Bidu mill-Ġdid, il-Kummissjoni Ewropea, 2003.

[25] L-Anness għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa: L-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u għall-Impjiegi – "Sena ta’ riżultati". Kummissjoni Ewropea, COM(2006) 816 finali, 12/12/2006.

[26] Global Entrepreneurship Monitor 2004.

[27] Ara n-nota 9 f'qiegħ il-paġna.

[28] Tweede kans – failliet gaan betekent niet mislukken/lessen in vallen en opstaan, http://www.minez.nl/.

[29] J. Armour u D.J. Cumming, " Bankruptcy Law and Entrepreneurship ". University of Cambridge, Centre for Business Research, Dokument ta’ Ħidma No 300, 2005.

[30] Entrepreneurship Policy Indicators: Bankruptcy legislation in OECD Member and Non-Member Economies, OECD CFE Sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma Nru 1, 2006.

[31] 2004 EBRD Legal Indicator Survey for transition economies, f’The European Restructuring and Insolvency Guide 2005/2006.

[32] Il-kooperazzjoni ġudizzjarja eqreb għandha tgħin biex tiżgura li dawk falluti ma jaqsmux il-fruntieri biex jevitaw skwalifiki u restrizzjonijiet imposti minn pajjiżhom iżda li mhumiex magħrufa fil-pajjiżi ta' l-istabbiliment il-ġdid. Il-Grupp ta’ l-E-ġustizzja tal-Kunsill qed jistudja l-possibbiltà li jistabbilixxi reġistru ta’ sentenzi tal-Qorti relatati mal-liġijiet tal-kumpaniji f’livell ta’ l-UE, li jippermetti interkonnessjoni diretta ta’ reġistri u Qrati nazzjonali.

[33] Doing Business in 2007, il-Bank Dinji.

[34] http://ec.europa.eu/sme2chance.

[35] http://www.entrepriseprevention.com/.

[36] Il-programm INTERREG IVC taħt l-Fond Reġjonali Ewropew huwa għodda b’saħħtitha fit-trawwim ta’ l-iskambju ta’ prattika tajba fl-qasam ta’ l-appoġġ kummerċjali, http://www.interreg3c.net/web/fic_en.

[37] Ara n-nota 18 f'qiegħ il-paġna. Il-tliet diffikultajiet l-oħra huma l-kuntatti mal-klijenti, l-amministrazzjoni u l-finanzjament.

[38] Ara n-nota 12 f'qiegħ il-paġna.

[39] Ara n-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

[40] Din it-tabella ma tirriflettix evalwazzjoni tal-miżuri. Turi jekk jeżistux miżuri jew le, skond ir-rapporti u d- data disponibbli ta’ l-Istati Membri.