52007PC0525

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro /* KUMM/2007/0525 finali - CNS 2007/0192 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.9.2007

KUMM(2007) 525 finali

2007/0192 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Kuntest ġenerali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001[1] jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro. Is-sejba u l-identifikazzjoni ta' flus foloz hija parti essenzjali minn dan, u r-regolament għalhekk jirrikjedi fl-Artikolu 6 li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet relatati oħra jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti kollha ta' l-euro li jirċievu u li jkunu jafu jew li għandhom għalfejn iqisu li huma foloz u jgħadduhom lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Dan l-obbligu jirrigwarda d-diliġenza dovuta minn istituzzjonijiet ta' kreditu u oħrajn biex jiżguraw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta' l-euro li jqiegħdu mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni jew is-sejba attwali ta' flus foloz. Filwaqt li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni għar-Regolament 1338/2001 inkludiet l-obbligu li dawn l-istituzzjonijiet iwettqu kontrolli għal flus foloz, dan finalment ma ġiex adottat l-aktar minħabba n-nuqqas ta' metodi uniformi u effettivi miftiehma dwar l-awtentikazzjoni fuq skala kbira tal-karti u l-muniti ta' l-euro u dwar is-sejba ta' flus foloz.

Wara li saret riċerka dwar il-metodi ta' awtentikazzjoni tal-karti u l-muniti ta' l-euro, il-BĊE ħareġ qafas konsultattiv għas-sejba ta' karti tal-flus foloz[2] u l-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għall-awtentikazzjoni tal-muniti ta' l-euro[3]. Konsegwenza ta' dan, issa huma disponibbli proċedimenti mill-aktar żviluppati għal istituzzjonijiet ta' kreditu u oħrajn biex isibu l-flus foloz billi jipproċessaw il-karti u l-muniti li jirċievu qabel ma jerġgħu jqiegħduhom fiċ-ċirkolazzjoni. Id-diskussjonijiet bejn l-esperti nazzjonali, kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi Ewropej saħqu fuq l-importanza li tiddaħħal leġiżlazzjoni li tirrikjedi l-verifika ta' l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni.

Dawn il-kontrolli jitwettqu permezz ta' magni li jagħżlu l-flus aġġustati apposta. L-aġġustament tal-magni jsir billi jintużaw kampjuni li jkunu jinkludu karti u muniti kemm ġenwini u kemm foloz. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi żgurat li fil-postijiet fejn isiru t-testijiet ikunu disponibbli kwantitajiet xierqa ta' karti u muniti foloz sabiex ikun jista' jsir l-aġġustament ta' dawn il-magni. Għal dan l-għan, jinħtieġ li jkun awtorizzat it-trasport ta' karti u muniti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll istituzzjonijiet u korpi ta' l-UE.

L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament 1338/2001 jobbligaw liċ-ċentri nazzjonali ta' l-analiżi ta' karti u muniti foloz jibagħtu eżempji ta' fluz foloz lill-BĊE u lill-Kummssjoni rispettivament.

Madankollu, fil-mument it-trasport ta' flus foloz bil-għan li jsir aġġustament fuq it-tagħmir m'huwiex awtorizzat fil-livell ta' l-UE. It-trasport ta' karti u muniti foloz, anke jekk mhux punibbli fin-nuqqas ta' intenzjoni ta' frodi, jikkostitwixxi element oġġettiv tar-reat u b'hekk xorta waħda jagħti lok għall-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali. Għaldaqstant, biex ikunu ffaċilitati l-proċedimenti legali nazzjonali, għandu jkun permess b'mod speċifiku t-trasport ta' flus foloz bl-iskop li jiġi aġġustat it-tagħmir. L-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn ta' l-UE wkoll jirrikonoxxu l-ħtieġa li jkun permess it-trasport għal din ir-raġuni u l-BĊE, b'mod partikolari, ħareġ Rakkomandazzjoni għal dan l-għan[4].Fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament 1338/2001, iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) kien qiegħed iwettaq ħidmietu fuq bażi temporanja fiz-Zekka Franċiża b'appoġġ amministrattiv u ġestjoni pprovduti mill-Kummissjoni, iżda dan kien jopera b'mod indipendenti mill-Kummissjoni. Sussegwentement l-ETSC ġie stabbilit b’mod permanenti fi ħdan il-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/861/KE[5] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005/37/KE[6]. B’riżultat ta’ dan, m’għadux neċessarju li jkun stipulat li l-ETSC jikkomunika d- data lill-Kummissjoni.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001[7] jestendi l-effetti tar-Regolament Nru 1338/2001 għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom. L-Artikolu tar-Regolament Nru 1339/2001 jirreferi għar-relazzjoni dinamika li nħolqot bejn iż-żewġ regolamenti. B’konsegwenza legali, l-emendi proposti hawn taħt, li jaffettwaw ir-Regolament Nru 1338/2001, għandhom japplikaw awtomatikament ukoll għal Stati Membri li m’għandhomx l-euro bħala l-munita unika tagħhom

Emendi proposti

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, qiegħed ikun propost li jiġu emendati:

1. L-Artikoli 4(2) u 5(2) sabiex jippermettu t-trasport ta’ karti u muniti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif definit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1338/2001, kif ukoll istituzzjonijiet u korpi ta’ l-UE.

2. L-Artikolu 5(4) sabiex titħassar ir-referenza għall-Kummissjoni li tinsab fit-tielet sentenza.

3. L-Artikolu 6 sabiex jiddaħħal obbligu espliċitu biex l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet rilevanti oħrajn jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta' l-euro li jirċievu u li jqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni, skond il-proċeduri definiti mill-BĊE u l-Kummissjoni għall-karti u l-muniti ta’ l-euro rispettivament. Dawn l-istituzzjonijiet qiegħed jingħatalhom iż-żmien sabiex ikunu jistgħu jadattaw il-proċedimenti interni u jaġġornaw it-tagħmir tagħhom.

2007/0192 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar ta' l-euro

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[8],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[9],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[10],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001[11] jirrikjedi li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet relatati oħra jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti kollha ta' l-euro li jirċievu u li jkunu jafu jew li għandhom għalfejn iqisu li huma foloz u jgħadduhom lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(2) Huwa importanti li jkun żgurat li l-karti u muniti fiċ-ċirkolazzjoni jkunu awtentiċi. Issa huma disponibbli proċeduri li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħrajn li jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-ewro li jirċievu qabel jerġgħu jqiegħduhom lura fiċ-ċirkolazzjoni. Biex ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligu li jiċċekkjaw l-awtentiċità u jimplimentaw dawn il-proċeduri, dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw l-operat intern tagħhom.

(3) Biex tkun iċċekkjata l-awtentiċità tal-karti u l-muniti ta’ l-euro huwa meħtieġ li jsir aġġustament xieraq tat-tagħmir. Biex ikun aġġustat it-tagħmir użat għall-kontrolli ta’ l-awtentiċità huwa essenzjali li fil-postijiet fejn isiru t-testijiet ikunu disponibbli l-kwantitajiet neċessarji ta’ karti u muniti foloz. Għaldaqstant, huwa importanti li jkun permess it-trasport ta’ flus foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.

(4) Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew issa huwa stabbilit formalment fi ħdan il-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/861/KE[12] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005/37/KE[13]. B’hekk, id-dispożizzjoni li tistipula li ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew għandu jikkomunika d- data lill-Kummissjoni m’għadhiex neċessarja.

(5) Dan ir-Regolament japplika għal Stati Membri mhux parteċipanti permezz ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, għal dawk l-Istati Membri li m'adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titolu huwa mibdul b'dan li ġej:

"Obbligu li karti ffalsifikati jiġu trażmessi";

(b) fl-aħħar tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘Biex ikun iffaċilitat il-kontroll ta’ l-awtentiċità tal-karti ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandu jkun permess it-trasport ta’ karti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.’

2. L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titolu huwa mibdul b'dan li ġej:

"Obbligu li muniti ffalsifikati jiġu trażmessi";

(b) fl-aħħar tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘Biex ikun iffaċilitat il-kontroll ta’ l-awtentiċità tal-muniti ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandu jkun permess it-trasport ta’ karti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi ta’ l-Unjoni Ewropea.’

(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) għandu janalizza u jikklassifika kull tip ġdid ta' munita ta’ l-euro ffalsifikata. Għal dan il-għan, iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) għandu jkollu aċċess għad- data teknika u ta' statistika miżmuma mill-Bank Ċentrali Ewropew dwar muniti ta’ l-euro ffalsifikati. Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) għandu jgħaddi r-riżultati finali rilevanti ta' l-analiżi tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, skond l-oqsma ta’ responsabbiltà tiegħu, lill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jgħaddi dawk ir-riżultati lill-Europol, skond il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3).

3. L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘1. L-istituzzjonijiet ta' kreditu, u kull istituzzjoni oħra imqabbda biex jaħdmu fit-tqassim u fid-distribuzzjoni ta' karti tal-flus u muniti lill-pubbliku bħala attività professjonali, inklużi istituzzjonijiet li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-iskambju ta' karti tal-flus u muniti ta' kambji differenti, bħal bureaux de change, għandhom ikunu obbligati li jiżguraw li l-karti u l-muniti ta’ l-euro li jirċievu u li jkun bi ħsiebhom iqiegħdu lura fiċ-ċirkolazzjoni jkunu ċċekkjati għall-awtentiċità u li kull karti u muniti foloz jinstabu. Din il-verifika għandha titwettaq f’konformità mal-proċeduri li għandhom ikunu definiti mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni għall-karti u l-muniti ta’ l-euro rispettivament.

L-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu obbligati li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti u l-muniti ta’ l-euro kollha li jirċievu li jkunu jafu, jew li għandhom għalfejn jaħsbu, li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.’

(b) fl-aħħar tal-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew b'dan minnufih.’

Artikolu 2

Applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jkollu effett fl-Istati Membri li jipparteċipaw kif definiti fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98[14].

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[...] jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6

[2] Disponibbli fuq www.ecb.int

[3] ĠU L 184, 15.7.2005, p.60

[4] ĠU C 257, 25.20.2006, p.16

[5] ĠU L 325, 12.12.2003, p.44.

[6] ĠU L 19, 21.1.2005, p.73.

[7] ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11

[8] ĠU C […], […], p. […].

[9] ĠU C […], […], p. […].

[10] ĠU C […], […], p. […].

[11] ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6

[12] ĠU L 325, 12.12.2003, p. 44

[13] ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73

[14] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1