52007PC0515

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' Qafas Multiannwali għall-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012 /* KUMM/2007/0515 finali - CNS 2007/0189 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.9.2007

KUMM(2007) 515 finali

2007/0189 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' Qafas Multiannwali għall-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 168/207 (ir-Regolament)[1] li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-Aġenzija). L-Aġenzija saret operattiva fl-1 ta' Marzu 2007. L-għan ta' l-Aġenzija huwa li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, organi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Komunità, bl-assistenza u l-għarfien espert relatat mad-drittijiet fundamentali biex tgħinhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali meta jieħdu miżuri u jfasslu strateġija ta' azzjoni fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom. L-Aġenzija twettaq id-dmirijiet tagħha bl-iskop li jintlaħaq dan l-għan fil-kompetenzi tal-Komunità kif stabbiliti fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u tirreferi, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha, għad-drittijiet fundamentali kif definiti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea inkluża l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea. Dawn id-drittijiet fundamentali huma riflessi b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-Unjoni Ewropea, meta wieħed iqis l-istatus tagħha u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawha. Id-dmirijiet fdati lill-Aġenzija jirrigwardaw il-ġbir u l-analiżi ta' informazzjoni u data; l-għoti ta' pariri permezz ta' rapporti u opinjonijiet; u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta' kuxjenza. Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament, l-oqsma tematiċi ta' l-attività ta' l-Aġenzija għandha tiġi determinata mill-Kunsill permezz ta' Qafas Multiannwali. F'dawn l-oqsma tematiċi, l-Aġenzija twettaq id-dmirijet imsemmija aktar 'il fuq, b'indipendenza sħiħa. Dan, madankollu, bla ħsara għat-talbiet tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament barra minn dawn l-oqsma tematiċi, sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jkunu jippermettu. L-għan ta' din il-proposta hija li jiġi stabbilit Qafas Multiannwali għall-Aġenzija kif mitlub mill-Artikolu 5 tar-Regolament. |

Il-kuntest ġenerali Ir-Regolament jistabbilixxi l-elementi bażiċi tal-Qafas Multiannwali fl-Artikolu 5(2), li jistipula l-ewwel li l-qafas għandu jkopri ħames snin. It-tieni, huwa għandu jinkludi fost l-oqsma tematiċi l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u intolleranza relatata. Il-preambolu tar-Regolament jiċċara li, minbarra l-fenomeni tar-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu, ix-xogħol ta' l-Aġenzija bħala s-suċċessur taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija[2] għandu jkompli jkopri wkoll il-ħarsien tad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għall-minoranzi flimkien ma' l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala elementi essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. It-tielet, il-Qafas Multiannwali għandu jkun konsistenti mal-prijoritajiet ta' l-Unjoni, filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni kif xieraq l-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. L-oqsma li ġejjin relatati mad-drittijiet fundamentali tqajmu permezz ta' riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew fis-snin li għaddew[3]: ir-razziżmu u l-ksenofobija; in-non- diskriminazzjoni u t-trattament ugwali; id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' l-orjentament sesswali; l-omofobija fl-Ewropa; id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità, kwistjonijiet tad-diżabilità; il-libertajiet ta' l-espressjoni, ta' l-għaqda u l-assoċjazzjoni u tal-ħsieb; il-libertà ta' l-espressjoni fl-internet; id-dritt tal-parteċipazzjoni taħt kundizzjonijiet ugwali fil-proċessi elettorali; id-dritt ta' l-edukazzjoni, il-libertà ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tfal bniet u n-nisa; is-solidarjetà u d-drittijiet soċjali; id-drittijiet tat-tfal; l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa, il-vjolenza kontra n-nisa; il-mutilazzjoni ġenitali femminili; it-traffikar tal-bnedmin; id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ġustizzja; id-dritt għall-ażil; l-immigrazzjoni; l-integrazzjoni ta' l-immigranti; il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali, id-drittijiet tal-minoranzi u l-kwistonijiet tar-Roma; ir-rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika; il-piena tal-mewt; is-saħħa mentali. L-orjentamenti tal-prijoritajiet maħruġa mill-Kunsill jistgħu jiġu elenkati abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej fis-snin riċenti kif ġej[4]: il-Politika Ewropa dwar il-Migrazzjoni, inkluża l-politika dwar l-integrazzjoni u l-ażil; il-kwistjonijiet tal-viżi u l-kontroll tal-fruntieri; it-traffikar tal-bnedmin; l-ugwaljanza bejn is-sessi; il-ġlieda kontra t-terroriżmu; iż-żgħażagħ. Il-Qafas Multiannwali għandu jagħti l-importanza xierqa lir-riżorsi finanzjarji u umani ta' l-Aġenzija. Ir-riżorsi finanzjarji ta' l-aġenzija għall-perjodu kopert min dan il-Qafas Multiannwali ġew stabbliti mill-qafas finanzjarju anness mal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba tas-17 ta' Mejju 2006[5], u ppreżentat fid-Dokument V Programmar Finanzjarju 2008-2013 tar-Rendikont ta' l-Estimi tal-Kummissjoni għall-2008[6]. Fl-aħħar nett, il-Qafas Multiannwali għandu jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex ikun hemm kumplimentarjetà mar-responsabbiltajiet ta' organi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Komunità u ta' l-Unjoni, u kif ukoll mal-Kunsill ta' l-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. L-aġenziji u organi l-aktar relevanti tal-Komunità fir-rigward ta' dan il-Qafas Multiannwali huma l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006[7] u l-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001[8]. Minħabba li l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi se jiġu trattati mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi f'konformità ma' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006, memorandum ta' ftehim se jiġi konkluż bejn l-Aġenzija u l-Istitut ladarba dan ta' l-aħħar ikun stabbilit sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni xierqa skond l-Artikolu 7 tar-Regolament. Dawn l-elementi jikkostitwixxu l-kriterji li fuqhom il-Qafas Multiannwali għandu jkun ibbażat, flimkien ma' l-ambitu ta' l-Aġenzija taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament. |

KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TA' L-IMPATT |

Il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fil-25 ta' Ottubru 2004 li biha nediet konsultazzjoni pubblika, li ddiskutiet ukoll il-kwistjoni ta' l-oqsma tematiċi. Kien hemm mitt risposta għall-konsultazzjoni bil-miktub. Il-kontributuri inkludew għaxar Stati Membri, organi Ewropej u internazzjonali, organi nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, kontra d-diskriminazzjoni u favur l-opportunitajiet indaqs, akkademiċi, ċittadini privati u kważi 60 organizzazzjoni mhux governattiva. Saret seduta pubblika fil-25 ta' Jannar 2005. Kien hemm aktar minn 200 parteċipant irreġistrat, li kienu jirrappreżentaw lil dawk interessati msemmija hawn fuq. Dawk interessati li kienu kkonsultati qablu li jagħtu ċerti prijoritajiet tematiċi lill-Aġenzija, u b'mod partikolari ssemmew l-oqsma li ġejjin: id-diskriminazzjoni (inkluż fuq il-post tax-xogħol); il-protezzjoni tad-data; l-ażil; l-immigrazzjoni; l-għoti ta' prijorità lid-drittijiet fundamentali fil-politika kollha tal-Komunità; id-drittijiet tal-vittmi; id-drittijiet tal-minoranzi; l-aċċess għall-ġustizzja; il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni; il-miżuri ta' kontra t-terroriżmu; drittijiet soċjali fundamentali; kwistjonijiet tas-sessi Il-konsultazzjoni kienet parti mill-istima ta' l-impatt[9], li appoġġjat l-għażla li tinħoloq "Aġenzija Speċjalizzata ta' Osservazzjoni u Analiżi tal-Politika ta' l-Unjoni". Din l-għażla ġiet realizzata permezz tar-Regolament li fih kriterji sabiex jiġu definiti numru ta' oqsma fejn l-input ta' l-Aġenzija huwa l-aktar meħtieġ għall-iżvilupp tal-politika tal-Komunità. Minbarra dan, il-Kummissjoni, waqt it-tħejjija tal-proposta tagħha, ikkonsultat il-Bord tat-Tmexxija ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fil-laqgħa tiegħu tat-12-13 ta' Lulju u rċeviet kummenti miktuba permezz ta' ittra tal-25 ta' Lulju 2007. Il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni kummenti li saru waqt il-konsultazzjoni f'din il-proposta. Id-dokumenti kollha dwar il-konsultazzjoni u l-istima ta' l-impatt huma disponibbli f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/rights/fsj_rights_agency_en.htm |

ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Taqsira ta' l-azzjoni proposta Abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-Kummissjoni tipproponi li l-oqsma tematiċi li ġejjin jiġu inklużi fil-Qafas Multiannwali ta' l-Aġenzija għas-snin 2007-2012: a) ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata; b) id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali jew immirata lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi; c) il-kumpens tal-vittmi, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-aspetti relatati relevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini; d) il-protezzjoni tat-tfal, inklużi d-drittijiet tat-tfal; e) l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ta' l-immigranti; f) l-ażil; g) il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri; h) il-parteċipazzjoni fil-funzjonament demokratiku ta' l-Unjoni; i) il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw is-soċjetà ta' l-informazzjoni; kif ukoll j) l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti. Il-lista hija "topika" jew "ibbażata fuq il-qasam ta' politika", u dan jippermetti lill-Aġenzija tħares lejn il-problemi kollha tad-drittijiet fundamentali li jista' jkun hemm f'qasam tematiku partikolari. Meta dawn l-oqsma tematiċi jiġu inklużi fil-Qafas Multiannwali, il-Kapitoli kollha tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jkunu involuti sa ċertu punt, bl-oqsma tematiċi jkunu, madankollu, limitati għal numru xieraq. |

Bażi ġuridika Il-bażi ġuridika għad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

Strumenti proposti: Deċiżjoni tal-Kunsill, li hija strument legali xieraq sabiex jiġi stabbilit il-Qafas Multiannwali għal aġenzija tal-Komunità. |

IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

Din il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni diretta għall-baġit ta' l-UE. |

SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAL-PROPOSTA L-oqsma tematiċi ta' l-attività ta' l-Aġenzija (Artikolu 2) jippermettu lill-Aġenzija sabiex tinvestiga l-problemi kollha tad-drittijiet fundamentali li jista' jkun hemm f'qasam tematiku partikolari. Ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata: Dan il-qasam tematiku huwa preskritt mir-Regolament innifsu. Id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali jew immirata lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi: Prattikament dawk kollha li għandhom interess minbarra l-Aġenzija li tittratta r-raġunijiet ta' diskriminazzjoni ta' l-Artikolu 13 TEC, jiġifieri flimkien ma' l-oriġini razzjali u etnika, ukoll is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali. L-aħħar raġuni, il-persuni li jappartjenu għal minoranzi, hija riflessa fil-preambolu tar-Regolament. L-oqsma l-oħra huma kontigwi ma' l-"oriġini razzjali u etnika", u l-Aġenzija tista' għalhekk tibbenefika mill-ekonomiji dovuti għad-daqs fir-rigward tal-ħiliet professjonali u l-metodi ta' ġbir tad-data. Minbarra dan, dan il-qasam tematiku se jippermetti li jiġu koperti, pereżempju, "diskriminazzjoni multipla", diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, jew aspetti relatati mal-kwistjonijiet ta' "inklużjoni soċjali". Speċifikament fir-rigward ta' l-"orjentament sesswali", sew l-iżviluppi reċenti fl-UE u kif ukoll id-domanda qawwija mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-omofobija jsaħħu l-każ biex dan il-qasam jiġi inkluż fil-Qafas Multiannwali. Taħt din l-intestatura, l-Aġenzija tista' wkoll tittratta "kwistjonijiet dwar is-sessi, inkluż il-"gender mainstreaming" b'mod kumplimentari u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-azzjonijiet ta' l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fuq il-bażi tal-memorandum ta' ftehim li għandu jiġi konkluż bejn l-Aġenzija u l-Istitut. Il-kumpens għall-vittmi, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-aspetti relatati relevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini: It-twaqqif taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għamlet il-politika tas-sigurtà essenzjali wkoll fi ħdan il-KE, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni filwaqt li jiġu garantiti s-sigurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini. Il-prevenzjoni tal-kriminalità hija parti indispensabbli minn dan ix-xogħol. "Id-drittijiet tal-vittmi" għandhom jiġu inklużi fl-oqsma tematiċi li jikkorrispondu mal-liġi tal-Komunità dwar il-kumpens mill-Istat għall-vittmi tal-kriminalità jew il-vittmi tat-traffikar tal-persuni. Hemm interess ippruvat minn dawk interessati f'dawn l-oqsma. Il-protezzjoni tat-tfal, inklużi d-drittijiet tat-tfal: . Dan il-qasam ikopri d-drittijiet tat-tfal, li r-rabta tagħhom mal-prijoritajiet tal-Komunità hija ovvja. Ix-xogħol ikun jirrigwarda b'mod partikolari l-oqsma tal-moviment ħieles, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-politika dwar iż-żgħażagħ, il-media u l-politika l-oħra relevanti tal-Komunità. L-immigrazzjoni: L-istess jista' jingħad dwar l-immigrazzjoni; b'mod partikolari, it-trattament fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-immigranti illegali u kif ukoll aspetti relatati mal-vittmi tat-traffikar tal-persuni kollha qajmu preokkupazzjonijiet partikolari mill-aspett tad-drittijiet fundamentali. L-integrazzjoni ta' l-immigranti hija marbuta mill-qrib ma' l-immigrazzjoni. Dan huwa qasam li fih id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu kunsiderazzjoni importanti u fejn l-UE wkoll hija mistennija li twettaq rwol. Taħt dan il-qasam tematiku, l-aspetti relevanti ta' l-inklużjoni soċjali, "libertà reliġjuża", kif ukoll is-suġġetti "mutilazzjoni femminili" jew "żwiġijiet sfurzati" jistgħu wkoll jiġu trattati mill-Aġenzija. L-Ażil: Dan huwa qasam tematiku ovvju għall-Aġenzija ladarba jikkonċerna speċifikament grupp ta' nies vulnerabbli u huwa s-suġġett ta' leġiżlazzjoni estensiva tal-Komunità li d-drittijiet fundamentali huma element essenzjali tagħha. Huwa ġeneralment mistenni wkoll minn dawk interessati li l-Aġenzija twettaq ħidma dwar l-ażil. Il-Politika dwar "il-Fruntieri u l-Viżi" hija aspett konkret tad-dritt fundamentali tal-moviment ħieles. Dan il-qasam huwa ssuġġerit ladarba l-aġir possibbli ta' l-aġenti ta' l-istati f'dan il-qasam jista' jaffettwa mhux biss liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi iżda wkoll liċ-ċittadini ta' l-UE. Fil-biċċa l-kbira ta' l-istrumenti leġiżlattivi fil-qasam tal-fruntieri u l-viżi hemm klawsoli speċifiċi għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Parteċipazzjoni fil-funzjonament demokratiku ta' l-Unjoni. Dan il-qasam tematiku jirrigwarda d-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni sabiex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet lokali u fl-elezzjonjiet għall-Parlament Ewropew. Id-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw is-soċjetà ta' l-informazzjoni jkopru kwistjonijiet importanti bħall-ħajja privata u l-ħarsien tad-data. Dan huwa marbut mill-qrib mat-trasparenza fil-politika u l-amministrazzjoni tal-Komunità u d-drittijiet tal-privatezza li jibbilanċjawhom u jinkludi għalhekk dawn il-kwistjonijiet. Dan il-qasam tematiku ssemma diversi drabi minn dawk involuti. Ikunu jinvolvu wkoll kwistjonijiet bħall-internet u mekkaniżmi oħra ta' komunikazzjoni elettronika, identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju, libertà tal-kelma u l-interessi pubbliċi tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità u kif ukoll il-proprjetà intellettwali. L-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti: Hemm leġiżlazzjoni tal-Komunità li tiffaċilità l-aċċess għall-ġustizzja (għajnuna legali, proċeduri ċivili ssimplifikati, liġi tal-konsumatur), li huma parti importanti miż-żona Ewropea tal-ġustizzja ċivili. |

1. 2007/0189 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' Qafas Multiannwali għall-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[11],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[12],

Billi:

(1) Sabiex l-Aġenzija twettaq id-dmirijiet tagħha tajjeb, l-oqsma tematiċi preċiżi ta' l-attività tagħha għandhom ikunu determinati minn Qafas Multiannwali li jkopri ħames snin kif stipulat fl-Artikolu 5 (2) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

(2) Il-Qafas għandu jinkludi l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata fost l-oqsma tematiċi ta' l-attività ta' l-Aġenzija.

(3) Il-Qafas għandu jkun konsistenti mal-prijoritajiet ta' l-Unjoni, filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni kif xieraq l-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

(4) Il-Qafas għandu jagħti l-importanza dovuta lir-riżorsi finanzjarji u umani ta' l-Aġenzija.

(5) Il-Qafas għandu jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex ikun hemm kumplimentarjetà mar-responsabbiltajiet ta' organi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Komunità u ta' l-Unjoni, u kif ukoll mal-Kunsill ta' l-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. L-aktar aġenziji u organi relevanti tal-Komunità fir-rigward ta' dan il-Qafas Multiannwali huma l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi[13] u l-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad- Data stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id- data [14], li l-għanijiet tagħhom għandhom għalhekk jittieħdu in kunsiderazzjoni.

(6) Il-Kummissjoni, filwaqt li kienet qed tħejji l-proposta tagħha, ikkonsultat mal-Bord ta' Tmexxija ta' l-Aġenzija waqt il-laqgħa tiegħu tat-12-13 ta' Lulju u rċeviet kummenti miktuba permezz ta' ittra tal-25 ta' Lulju 2007.

(7) F'konformità ma' l-Artikolu 5(3) tar-Regolament, l-Aġenzija tista' tirrispondi għal talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament barra mill-oqsma tematiċi ta' attività determinati minn dan il-Qafas Multiannwali.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qafas Multiannwali

1. Qed jiġi stabbilit b'dan Qafas Multiannwali għall-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem "l-Aġenzija) għall-perjodu 2007-2012.

2. L-Aġenzija għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha definiti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-ambitu ta' l-oqsma tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Oqsma tematiċi

L-oqsma tematiċi għandhom ikunu s-segwenti:

a) ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

b) id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali jew immirata lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi;

c) il-kumpens tal-vittmi, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-aspetti relatati relevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini;

d) il-protezzjoni tat-tfal, inklużi d-drittijiet tat-tfal;

e) l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ta' l-immigranti;

f) l-ażil;

g) il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri;

h) il-parteċipazzjoni fil-funzjonament demokratiku ta' l-Unjoni;

i) il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw is-soċjetà ta' l-informazzjoni; kif ukoll

j) l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti.

Artikolu 3

Il-Kumplimentarjetà u l-kooperazzjoni ma' organi oħra

1. L-Aġenzija għandha tiżgura koordinazzjoni xierqa ma' l-organi, uffiċċji u aġenziji tal-Komunità, l-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili, kif stabbilit fl-Artikoli 7, 8 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, għall-implimentazzjoni ta' dan il-Qafas.

2. B'mod partikolari, l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill Ewropew kif stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 u l-ftehim imsemmi f'dak l-Artikolu.

3. L-Aġenzija għandha tittratta l-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi biss bħala parti mix-xogħol tagħha, li għandu jsir fuq kwistjonijiet ġenerali ta' diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 punt (b), u safejn relevanti għalih, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni li l-għanijiet globali ta' l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 għandu jkun li jikkontribwixxi għal u jsaħħaħ il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż il- gender mainstreamin g fil-politika kollha tal-Komunità u l-politika nazzjonali li tirriżulta minnhom, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi u li jqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini ta' l-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jipprovdi għajnuna teknika lill-istituzzjonijiet tal-Komunità, b'mod partikolari l-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

4. L-Aġenzija għandha twettaq id-dmirijiet tagħha fil-qasam ta' kwistjonijet tad-drittijiet tal-bniedem relatati mas-soċjetà ta' l-informazzjoni bla ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad- Data sabiex jiġi assigurat li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni naturali, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità skond id-dmirijiet u poteri tiegħu/tagħha stipulati fl-Artikolu 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 53, 22.2.2007, p.1.

[2] L-Aġenzija hija mibnija fuq dak li kien l-EUMC stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97 tat-2 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 151, 10.6.1997, p.1. Kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1652/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 33).

[3] Riżoluzzjonijiet ta' 17.1.2006, 18.1.2006, 2.2.2006, 16.2.2006, 15.3.2006, 1.6.2006, 14.6.2006, 15.6.2006, 6.7.2006, 6.9.2006, 28.6.2006, 26.10.2006, 15.11.2006, 16.11.2006, 30.11.2006, 26.5.2005, 18.1.2007, 1.2.2007, 13.3.2007 u 26.4.2007.

[4] Kunsilli Ewropej ta' Brussell ta' 22-23.3.2005, 16-17.6.2005, 15-16.12.2006, 23-24.3.2006, 15-16.6.2006 u 14-15.12.2006.

[5] SEC(2007) 500 finali tat-2 ta' Mejju 2007.

[6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[7] ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

[8] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[9] Ara r-Rapport SEC(2005)849, 30.6.2005.

[10] ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

[11] ĠU C […], […], p. […].

[12] ĠU C […], […], p. […].

[13] ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

[14] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.