52007DC0398




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.7.2007

KUMM(2007) 398 finali

L-24 RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI

DWAR IL-MONITORAĠĠ TA’ L-APPLIKAZZJONI TAL-LIĠI KOMUNITARJA (2006) [SEG(2007) 975][SEG(2007) 976]

L-24 RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI

DWAR IL-MONITORAĠĠ TA’ L-APPLIKAZZJONI TAL-LIĠI KOMUNITARJA (2006)

Il-Kummissjoni Ewropea tħejji kull sena rapport dwar il-monitoraġġ tal-mod kif tkun qed tiġi applikata l-liġi komunitarja, skond it-talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew (Riżoluzzjoni tad-9 ta' Frar, 1983) u ta’ l-Istati Membri (punt 2 tad-Dikjarazzjoni Nru 19 annessa mat-Trattat ta’ Maastricht iffirmat fis-7 ta' Frar, 1992). Ir-rapport iwieġeb ukoll għat-talbiet tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill fir-rigward ta' setturi speċifiċi ta' attività.

1. INTRODUZZJONI

Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet esklussivi tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni tiggarantixxi u tikkontrolla l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri skond l-Artikolu 211 tat-Trattat tal-KE. L-Artikolu 226 KE jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċedura kontra Stat Membru li jkun adotta jew żamm dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamenti kontra l-liġi Komunitarja.

Il- White Paper dwar it-tmexxija Ewropea ta’ l-2001[1] ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2001 tisħaq li r-responsabbiltà ewlenija li tiġi applikata l-liġi Komunitarja tistrieħ qabel xejn fuq spallejn l-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali ta’ l-Istati Membri. L-għan ewlieni tal-proċeduri dwar ksur hu biex l-Istati Membri jkunu mħeġġa jikkonformaw minn rajhom u mill-iktar fis possibbli mal-liġi komunitarja. Barra minn hekk, sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni fasslet metodi kumplimentari jew alternattivi sabiex issolvi l-problemi.

L-24 rapport annwali, flimkien mad-dokumenti ta' ħidma tas-servizzi annessi miegħu - kontribuzzjonijiet mid-dipartimenti tal-Kummissjoni (SEC(2007) 975) u l-annessi ta’ statistika (SEC(2007) 976) - jagħtu rendikont ta’ l-attivitajiet tal-Kummissjoni maħsuba biex tiġi monitorata l-applikazzjoni tal-liġi komunitarja fl-2006).

2. IT-TKABBIR TA’ L-UNJONI U N-NOTIFIKA TAL-MIżURI TA’ TRASPOżIZZJONI TAD-DIRETTIVI

Is-sena 2006 kienet karatterizzata mill-preparamenti ta’ l-aħħar għat-tkabbir ta’ l-Unjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija. Iż-żewġ pajjiżi użaw is-sistema integrata ta’ notifika elettronika tal-miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni għat-traspożizzjoni tad-direttivi sabiex tippermettilhom iwettqu l-obbligi tagħhom ta’ qabel in-notifiki fir-rigward tad-direttivi li jiffurmaw l- acquis communautaire .

Fil-preżent, is-27 Stat Membru kollha nnotifikaw b’mod volontarju l-miżuri nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-direttivi permezz tad- database tan-Notifika Elettronika.

F’termini ta’ notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali, f’Jannar 2006 kien hemm medja ta’ 98.93% ta’ direttivi li rċevew in-notifiki mill-25 Stat Membru. Din il-medja telgħet għal 99.06% sa tmiem l-2006[2].

3. IL-PROċEDURI TA’ KSUR

In-numru totali ta’ proċeduri ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni naqas ftit minn 2653 fl-2005 għal 2518 fl-2006. Sal-31 ta’ Diċembru 2006, 1642 każ minn 2518 li ġew irreġistrati kienu għadhom pendenti. Kien hemm ukoll nuqqas żgħir fin-numru ta’ ilmenti reġistrati, minn 1154 fl-2005 għal 1049. L-ilmenti jammontaw għal 41.7% tal-ksur totali li nstab fl-2006. In-numru ta’ proċeduri ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-istħarriġ tagħha tela’ minn 433 fl-2005 għal 565 fl-2006 (24%) għall-UE 25.

Għall-UE 25, in-numru ta’ proċeduri għan-nuqqas li jiġu nnotifikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni naqas b’16% għall-2005, minn 1079 sa 904 każ. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment b’żewġ fatturi, (1) it-tnaqqis fin-numru ta’ direttivi b’terminu ta' żmien f’dik is-sena minn 123 fl-2005 għal 108, u (2) it-titjib fin-notifiki f’waqthom mill-Istati Membri.

Iż-żmien medju għall-ipproċessar tal-ksur kollu fil-perjodu 1999-2005, minn meta jkun irreġistrat il-każ fit-terminu ta' żmien speċifikat sakemm tintbagħat l-ittra tat-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE, kien ta’ 20 xahar u nofs meta mqabbel ma’ l-24 xahar għall-perjodu 1999-2002. Iż-żmien medju għall-ipproċessar tal-każijiet li joriġinaw mill-ilmenti u dawk identifikati mill-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni stess huwa ta’ 28 xahar meta mqabbel mal-35 xahar għall-perjodu 1999-2002. Għall-ksur li joriġina min-nuqqas ta’ notifika tal-miżuri nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-direttivi, iż-żmien medju kien madwar 14-il xahar u nofs meta mqabbel mal-15-il xahar għall-perjodu 1999-2002.

B’segwitu għall-adozzjoni tal-Komunikazzjoni miktuba mill-ġdid tal-Kummissjoni SEC(2005)1658 tat-12 ta’ Diċembru 2005 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE, fil-preżent qed issir reviżjoni aktar frekwenti tal-każijiet li jirrigwardaw ksur b’nuqqas kontinwu ta' konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti. Xejra ’l fuq ta’ każijiet imressqa l-Qorti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 228 setgħet tiġi osservata lejn tmiem l-2006. It-tieni tressiq quddiem il-Qorti kien deċiż f’għaxar każijiet, bi tnejn minnhom jiġu rtirati hekk kif din irċeviet il-miżuri tat-traspożizzjoni meħtieġa.

4. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI “MONITORAġġ AħJAR TA’ L-APPLIKAZZJONI TAL-LIġI KOMUNITARJA” COM(2002)725

Il-Kummissjoni kompliet timplimenta din il-Komunikazzjoni, waqt li ssoktat tħaffef aktar l-analiżi u l-ipproċessar tal-ksur u l-konformità sħiħa mal-kodiċi ta’ imġiba amministrattiva tajba fit-trattament tagħha tal-persuni li jagħmlu ilment. Il-Kummissjoni segwiet il-ksur potenzjali fl-Istati Membri, waqt li kompliet tiffoka fuq l-insegwiment imħaffef tat-traspożizzjoni tard tad-direttivi u tat attenzjoni partikolari għall-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Qorti. L-użu konġunt ta' gruppi ta' esperti, laqgħat u kuntatti bilaterali, laqgħat dwar pakkett settorjali, il-parteċipazzjoni f’avvenimenti ta’ taħriġ, kampanji ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza, kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-kuntatti ta’ monitoraġġ ta’ qabel l-adeżjoni komplew isiru. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ssoktat bir-reviżjoni tal-politika tagħha f’dan il-qasam, waqt li qieset ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-21 u t-22 rapport, adottati f’Mejju 2006 fil-pakkett tar-Regolamentazzjoni Aħjar. L-oqsma ewlenin ta’ din ir-reviżjoni ġew identifikati fir-‘Reviżjoni Strateġika tar-Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea' tal-Kummissjoni f’Novembru 2006[3] li ħabbret ukoll komunikazzjoni ġdida fl-2007. Din il-komunikazzjoni tikkonferma l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pożizzjoni preżenti u tistabbilixxi l-politika tagħha għall-futur.

5. KSUR MARBUT MAL-PETIZZJONIJIET IPPREżENTATI LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-petizzjonijiet lill-Parlament jirrappreżentaw sors siewi ta’ informazzjoni biex ikun identifikat il-ksur tal-liġi Komunitarja. F’bosta każijiet il-petizzjonijiet jiġu ppreżentati fl-istess ħin bħala lment lill-Kummissjoni, u l-fatti ddikjarati mill-persuna li tressaq il-petizzjoni diġà qed jiġu eżaminati mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ proċedura ta’ ksur.

L-ogħla numru ta’ petizzjonijiet għandhom x’jaqsmu mal-qasam ta’ l-ambjent u s-suq uniku.

Fis-settur ta’ l-ambjent, il-petizzjonijiet huma importanti peress li l-Kummissjoni m’għandhiex setgħat ta’ “spezzjoni” sabiex tivverifika l-implimentazzjoni prattika tal-liġi tal-KE b’mod konkret.

Rigward is-suq intern, kien hemm żewġ oqsma partikolari li komplew jokkupaw post importanti f’termini ta’ petizzjonijiet. L-għarfien tad-diplomi ra konferma oħra ta’ l-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-għarfien professjonali, aktar milli dak akkademiku, għall-professjonisti li huma kkwalifikati. Fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku, il-kwistjoni tal-liġijiet urbani fir-reġjun ta’ Valenzja kompliet tqajjem domandi importanti.

Tressqu inqas petizzjonijiet f’oqsma oħra, bħalma huma l-problemi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini fuq il-fruntieri esterni ta’ l-UE u r-rifużjonijiet tal-VAT.

6. ŻVILUPPI EWLENIN FL-OQSMA INDIVIDWALI TA’ L-ATTIVITÀ TAL-KUMMISSJONI

L-iżviluppi ewlenin skond il-qasam ta' attività huma dawn li ġejjin.

Fil-qasam ta’ l- agrikoltura , ġew segwiti żewġ għanijiet ewlenin: it-tneħħija ta’ l-ostakli għall-moviment ħieles tal-prodotti agrikoli u l-iżgurar li r-regolamenti ta’ l-agrikoltura jiġu applikati b’mod effettiv u korrett. Ittieħdet azzjoni sabiex jitneħħew l-ostakli tradizzjonali għall-moviment ħieles tal-prodotti agrikoli.

Il-Kummissjoni fakkret ukoll lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom sabiex jibagħtu r-rapporti annwali dwar l-arranġamenti kollha għall-għajnuna mill-Istat fl-agrikoltura u ttieħdet azzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti f’dan ir-rigward.

Fil-qasam dwar il-politika tal-kompetizzjoni , il-prijoritajiet fl-2006 kienu l-monitoraġġ tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-Direttiva dwar it-trasparenza. Il-Kummissjoni eżaminat numru ta' suspetti dwar ksur li jirrigwarda l-Artikolu 86 ikkombinat ma’ l-Artikolu 82 KE, kif ukoll l-Artikolu 31, u investigat in-nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet.

Fl- edukazzjoni u fil-kultura , għad hemm ħafna ostakli li jimpedixxu lill-istudenti milli jiċċaqalqu b’mod ħieles fl-UE. Minħabba l-kompetenza limitata ta’ l-UE, dawn l-ostakli għall-mobbiltà ħafna drabi ma jkunux ksur tal-liġi Komunitarja. Fil-qasam ta’ l-għarfien akkademiku tal-kwalifiki, l-UE tista’ tintervjeni biss f’każijiet ta’ diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ nazzjonalità. F’ħafna każijiet, l-ostakli huma ta’ natura amministrattiva, bħat-tul jew l-ispiża tal-proċeduri ta’ l-għarfien. Dawn il-każijiet huma segwiti mill-qrib minħabba l-impatt tagħhom fuq il-moviment ħieles ta’ l-istudenti. Fl-2006 ġew introdotti żewġ proċeduri ta’ ksur. Fl-ewwel waħda, b’segwitu għall-opinjoni motivata, l-Istat Membru kkonċernat (il-Greċja) emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu. Fit-tieni waħda, li kienet tikkonċerna l-Portugall, opinjoni motivata ntbagħtet fil-bidu ta’ l-2007.

Fil-qasam ta’ l-aċċess għall-edukazzjoni, fejn japplika l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, l-2006 żvelat diffikultà oħra li kienet ġejja mid-differenzi fl-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi fl-Istati Membri. Fl-Awstrija u fil-Belġju l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament indaqs wassal għall-żidiet sostanzjali fin-numri ta’ studenti ta’ l-UE fis-sistemi ta’ edukazzjoni ogħla, peress li dawn l-Istati Membri japplikaw politika ta’ aċċess ħieles għall-edukazzjoni ogħla għaċ-ċittadini tagħhom, waqt li l-Istati Membri ġirien (il-Ġermanja u Franza) japplika numerus clausus strett f’ċerti oqsma ta’ studju. Dan wassal lill-pajjiżi ta’ l-ewwel sabiex jadottaw sistemi ta’ kwoti diskriminatorji għad-dħul ta’ studenti mhux ċittadini fl-universitajiet tagħhom. Dan it-trattament differenzjali jista’ jiġi aċċettat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi li ma jkunux marbuta man-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jkun proporzjonat għall-għan leġittimu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, u dan s’issa għadu ma ntweriex. Dawn il-każijiet huma ta’ importanza legali u politika sabiex jiżguraw il-ħelsien tal-moviment u t-trattament indaqs fl-edukazzjoni ogħla.

Fl- impjiegi , il-ksur kopra l-panoplija ta’ kriterji ta’ prijorità stipulati fil-Komunikazzjoni ta’ l-2002.

Min-naħa waħda, numru ta’ każijiet jikkonċernaw l-applikazzjoni ħażina preżunta ta’ l-artikoli tat-Trattat u/jew tar-regoli tal-leġiżlazzjoni sekondarja (jiġifieri d-dispożizzjonijiet fir-regolamenti) fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tal-moviment ħieles tal-ħaddiema. Mill-banda l-oħra, il-ksur fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fil-qasam tan-non-diskriminazzjoni (id-direttivi fuq il-bażi ta' l-Artikolu 13 KE, li għal dawn għeluq iż-żmien tat-traspożizzjoni kien fl-2003), jikkonċerna fil-parti l-kbira nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni nazzjonali jew inkella traspożizzjoni mhux korretta. Il-ksur fil-qasam tat-trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa jikkonċerna l-aktar kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità (is-soltu dawn joriġinaw minn ilmenti individwali, domandi miktuba jew petizzjonijiet). Fl-oqsma kollha kkonċernati, ġie żgurat segwitu sistematiku, kif meħtieġ, f’każijiet fejn Stat Membru jkun naqas milli jkun konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Dwar l-użu mill-Istati Membri ta’ l-'UE-15' u ta’ l-'UE-25' tal-klawżoli ta’ salvagwardja previsti fid-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tat-Trattati tas-Sħubija għall-moviment ħieles tal-ħaddiema migranti, u ta’ kwistjonijiet simili relatati, ġiet eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

Fl- intrapriża u fl-industrija l-għan ewlieni huwa li jiġi garantit is-suq intern għall-merkanzija.

Barra milli tinforza l-leġiżlazzjoni eżistenti permezz ta’ proċeduri ta’ ksur skond l-Artikolu 226 u 228 KE, il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ azzjoni preventiva permezz tad-Direttiva 98/34/KE, billi pprovdiet interpretazzjoni u gwida għal diversi abbozzi ta’ leġiżlazzjoni. Ittieħdet azzjoni ġdida oħra sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-direttivi.

Fit-twettiq tal-proċeduri ta’ ksur, ingħatat prijorità għal każijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu id-direttivi, in-nuqqas li jiġu implimentati id-deċiżjonijiet tal-Qorti (l-Artikolu 228 KE) u l-ilmenti li jittrattaw problemi strutturali fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni fetħet 186 proċedura ta’ ksur għal nuqqas ta’ komunikazzjoni u 4 proċeduri għal nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti.

Fl-'UE-25', l-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-suq intern għall-merkanzija tjiebet skond il-volum ta’ l-ilmenti. Parzjalment bħala riżultat ta’ azzjoni proattiva (il-kuntatti ma’ l-Istati Membri, il-laqgħat pakkett, in-netwerk SOLVIT, il-kumitati, eċċ.) fl-2006 ġew solvuti total ta’ 339 każ. Fi 8 każijiet biss il-Kummissjoni kellha tressaq lil Stat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, in-numru ta’ ilmenti rigward l-implimentazzjoni tad-direttivi żdied meta mqabbel ma’ l-2005.

Fil-qasam ta’ l- ambjent, fl-2006, l-implimentazzjoni korretta tal-liġi ambjentali ta’ l-UE baqgħet prijorità importanti għall-Kummissjoni. Is-settur ta’ l-ambjent kien ilaħħaq għal madwar wieħed minn kull ħamsa tan-numru totali ta’ każijiet miftuħa li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità mal-liġi Komunitarja li qed jiġu investigati mill-Kummissjoni, u dan jibqa’ is-settur bl-ogħla numru ta’ każijiet miftuħa. Il-messaġġ pożittiv huwa li, wara s-sħubija ta’ l-10 Stati Membri l-ġodda fl-2004, in-numru ta’ każijiet miftuħa ma kibirx b’mod sproporzjonat.

Fit-trattament ta’ l-ilmenti u l-ksur, ingħatat ċerta prijorità għal dawk il-każijiet li kienu jikkonċernaw it-traspożizzjoni żbaljata tad-direttivi ambjentali, kif ukoll għall-każijiet li kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligi sekondarji fundamentali taħt il-liġijiet ambjentali tal-Komunità, problemi sistematiċi ta’ implimentazzjoni ħażina u proġetti infrastrutturali kbar. Il-każijiet ta’ traspożizzjoni żbaljata issa jirrappreżentaw porzjon imdaqqas ta’ każijiet miftuħa (17.81 %) u ksur (22.61%). L-ogħla numru ta’ każijiet miftuħa kien fis-settur tan-natura (250 każ), segwit minn dak ta’ l-iskart (119-il każ), ta’ l-ilma (103), tal-valutazzjoni ta’ l-impatt (98) u ta’ l-arja (89), b’26 każ mis-setturi l-oħra.

Fil-qasam tas- sajd , il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin marittimi timmira lejn interessi soċjali u ekonomiċi fuq medda ta' żmien twil.

Fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi, ingħatat attenzjoni partikolari sabiex jinżammu l-istandards dwar it-tħaddim tas-sistemi nazzjonali ta’ kontroll; għall-monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni; għall-komunikazzjoni ta’ ċerta data dwar il-qbid u l-attività tas-sajd; għall-kapaċità tal-flotta; u għall-użu ta’ xbieki driftnets .

Il-Kummissjoni kompliet taħdem sabiex tistabbilixxi l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd.

Fil-qasam tas- Soċjetà ta’ l-Informatika u l- Midja , l-attenzjoni ta’ l-infurzar dwar il-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika m’għadhiex aktar tikkonċerna kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni iżda li tiġi żgurata l-konformità sħiħa u l-applikazzjoni effettiva fil-25 Stat Membru kollha, b’mod partikolari, l-eżaminazzjoni tal-problemi ewlenin imfissra fl-anness għar-Rapport ta’ Implimentazzjoni ta’ l-2005. Għalhekk il-proċeduri l-ġodda qed jiffokaw fuq in-nuqqas ta’ disponibilità għall-awtoritajiet ta’ emerġenza ta’ informazzjoni dwar fejn jinstab min qed iċempel għal sejħiet fuq il-112 minn fuq telefons fissi u/jew ċellulari, fuq in-nuqqas li tiġi żgurata t-tkomplija f’waqtha tar-reviżjonijiet tas-suq, kif ukoll fuq dispożizzjonijiet nazzjonali li jeħtieġu jsiru. Kwistjonijiet oħra li ġew indirizzati kienu jikkonċernaw l-indipendenza u s-setgħat ta' l-NRA, id-dritt ta’ l-appell kontra d-deċiżjonijiet ta' l-NRA, id-drittijiet tal-mogħdija, in-nuqqas ta’ offerta ta' Referenza rigward unbundling , il-kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, il-portabbiltà tan-numru u l-iffinanzjar ġenerali tas-servizz. Sabiex tiżdied it-trasparenza għall-partijiet kollha kkonċernati, il-Kummissjoni kompliet tagħmel stqarrijiet għall-istampa f’kull stadju tal-proċedura li tkun infetħet.

Rigward il-politika dwar il-midja, l-iżvilupp ewlieni jikkonċerna r-reviżjoni tad- Direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri , fejn bħalissa il-proposta għall-emendi qed tiġi diskussa fil-Kunsill u fil-Parlament. Id- Direttiva 2003/98 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva PSI) tfittex li tħaffef il-ħolqien ta’ servizzi Komunitarji bbażati fuq il-PSI, li ssaħħaħ l-użu mill-ġdid transkonfinali effettiv tal-PSI għal servizzi b’valur miżjud, u li tillimita t-tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-suq Komunitarju. Il-Kummissjoni qed tħares mill-qrib lejn il-proċess tat-traspożizzjoni u qed tforni għajnuna teknika sabiex issaħħaħ l-użu mill-ġdid u sabiex tħaffef l-iskambju ta’ prattika tajba fl-Istati Membri.

Kien adottat rapport dwar l-applikazzjoni tad- Direttiva dwar il-firem elettroniċi li ma kienetx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ ksur.

Is-servizz legali : fil-każ ta’ l-impjant nukleari ta’ Sellafield għall-ipproċessar mill-ġdid ta’ żejt karburant, il-Qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha parzjalment fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat tal-KE; din kienet l-ewwel darba li dak l-artikolu ġie invokat u applikat. Il-Qorti qalet li kellha l-ġurisdizzjoni esklussiva li tiddeċiedi dwar kwalunkwe kwistjoni li kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, u sostniet li l-Irlanda kienet naqset milli tilħaq l-obbligi tagħha meta din ressqet kwistjoni bejnha u r-Renju Unit dwar kwistjonijiet li essenzjalment kienu kwistjonijiet ta’ liġi Komunitarja quddiem tribunal ta’ arbitraġġ kif previst fil-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

Fil-qasam tal- ġustizzja, liberta u sigurtà , it-termini ta' żmien għall-implimentazzjoni ta’ żewġ Direttivi importanti li jagħtu d-drittijiet liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-ażil u l-immigrazzjoni skadew fl-2006 (id-Direttivi 2003/109 u 2004/83). Bl-istess mod, id-Direttiva importanti 2004/38, li tikkonsolida u taġġorna d-drittijiet tal-moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ l-UE u tal-membri tal-familji tagħhom, kellha wkoll tiġi implimentata fl-2006. Il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi 93/96, 90/364, 90/365 dwar id-dritt tar-residenza għall-istudenti, għal dawk il-persuni li ma jaħdmux kif ukoll għaċ-ċittadini rtirati ta’ l-UE.

Punt importanti ieħor li joriġina mill-Programm ta’ l-Aja kienet l-adozzjoni ta’ l-ewwel Scoreboard Plus li qatt tfasslet. Flimkien mal-monitoraġġ tal-proċess ta’ l-adozzjoni, għall-ewwel darba, bħala parti minn dan l-eżerċizzju għall-politiki tal-Ġustizzja, Liberta u Sigurtà, din il-komunikazzjoni tistħarreġ l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ dawn il-politiki.

Fis- suq intern , fl-2006, il-Kummissjoni żiedet il-ħidma tagħha fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. L-għan kien li tiġi żviluppata aktar il-politika ta’ l-infurzar tagħna u li din tinbidel fi strument ta’ politika għall-promozzjoni ta’ prijoritajiet ta’ politika ġenerali tad-Direttorat Ġenerali. L-azzjonijiet ittrattaw l-oqsma li ġejjin:

Is-segwitu għall-Komunikazzjoni ta’ l-2002 – Inżammet politika attiva għall-applikazzjoni tal-prinċipji li kienu previsti fil-Komunikazzjoni. Din organizzat laqgħat pakkett u workshops dwar it-traspożizzjoni f’oqsma differenti. Dawn l-inizjattivi żguraw djalogu preventiv ma’ l-Istati Membri u kkontribwew sabiex jitħejjew aħjar il-miżuri tat-traspożizzjoni nazzjonali. Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern saħħaħ ukoll il-promozzjoni tiegħu tas-SOLVIT bħala mekkaniżmu komplementarju għas-soluzzjoni ta’ problemi.

Is-segwitu għar-Rakkomandazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar il-prattika tajba li tikkonċerna t-traspożizzjoni – L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni kompliet tiġi skambjata ma’ l-Istati Membri. L-inkjesta kkonfermat li diversi rakkomandazzjonijiet li ġew ifformulati mill-Kummissjoni ġew ikkunsidrati u kienu riflessi f’inizjattivi nazzjonali konkreti. It-Tabella ta’ Valutazzjoni għas-Suq Intern ta’ Lulju 2006[4] analizzat ir-riżultati u kkonkludiet li r-rakkomandazzjoni kellha rwol prinċipali fit-tnaqqis tad-defiċit tat-traspożizzjoni fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri.

"Il-prijoritizzazzjoni" tal-proċeduri ta’ ksur – Kien ingħata bidu għal riflessjoni dwar kif kellha titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ksur b'referenza għall-kriterji tas-suq u kriterji legali. Il-proċeduri jeħtieġ isiru aktar effettivi (li jinvolvu l-ġerarkija, it-tħaffif fit-trattament, l-għażla ta’ l-aktar metodu xieraq għal kull problema li tinstab) sabiex jipproduċu riżultati aktar tanġibbli għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji. Ir-riflessjoni wasslet għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ strateġija aħjar fit-trattament ta’ ilmenti u ta' ksur. Dan il-metodu ġdid introduċa sistema ta’ benchmarking sabiex jinstabu soluzzjonijiet aktar mgħaġġla għal każijiet importanti. Barra minn hekk din tikkunsidra aħjar l-impatt tal-problemi identifikati dwar l-għanijiet ewlenin tal-politika dwar is-suq intern. It-trattament ta’ prijorità qed jingħata wkoll għal dawk il-problemi li qed jheddu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew it-tħaddim tajjeb tal-leġiżlazzjoni sekondarja.

Il-ħelsien ta’ l-istabbiliment u tal-moviment ħieles tas-servizzi : l-oqsma ta’ azzjoni rilevanti ewlenin, bħal fis-snin ta’ qabel, kienu l-impjegar tal-ħaddiema, il-mobbiltà tal-pazjenti u r-rimborż ta’ l-ispejjeż mediċi, il-ftuħ ta’ spiżeriji, il-logħob ta’ l-ażżard, l-awtorizzazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ spezzjonijiet fuq vetturi, il-ftuħ ta’ negozji, is-servizzi ta’ ċertifikazzjoni, is-servizzi tas-sigurtà privata.

Il-politika reġjonali : l-għajnuna, mill-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali għall-programmi jew proġetti individwali tal-Fond ta’ Koeżjoni, hija bbażata fuq il-prinċipju ta' partenarjat; jiġifieri l-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali (u reġjonali), li dawn ta’ l-aħħar ikunu legalment responsabbli għall-korrettezza tal-proġetti li jiġu ffinanzjati minn dawn il-Fondi, partikolarment billi tiġi żgurata l-konformità mal-politiki tal-Komunità bħalma huma l-ambjent jew is-suq intern (id-Direttiva ta’ l-akkwist pubbliku) u mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

Fil-qasam tas- saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur l-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tal-liġi ta’ l-UE dwar is-saħħa u l-konsumatur baqgħet prijorità.

L-ispezzjonijiet li saru mill-Uffiċċju Veterinarju u ta’ l-Ikel huma l-bażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri sabiex jinkiseb livell għoli fis-sigurtà ta’ l-ikel, fis-saħħa ta’ l-annimali, fil-benessri ta’ l-annimali kif ukoll fis-saħħa tal-pjanti. Il-Kummissjoni ma ddejqitx milli tieħu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li damu biex implimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni li kellhom jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom, li ma ħadux azzjoni adegwata jew li fihom instab theddid kbir kemm għas-saħħa tal-bnedmin kif ukoll ta’ l-annimali.

Il-Kummissjoni ħadet ukoll passi mgħaġġla fil-qasam tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-suq tal-prodotti tat-tabakk.

Fil-qasam tal-politika dwar il-konsumatur, il-Kummissjoni tat bidu għal eżaminazzjoni dettaljata tat-traspożizzjoni ta’ diversi direttivi bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tiddefendi b’mod adegwat l-interessi tal-konsumatur, is-saħħa u s-sigurtà fis-suq uniku.

In-numru ta’ każijiet li nbdew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni żdied sew matul l-2006.

Fl-2006, fil- qasam tat-tassazzjoni u d-dwana , is-sitwazzjoni kienet kif ġej. Fil-qasam tat-tassazzjoni, minkejja l-figuri tajba għan-notifikazzjoni tat-traspożizzjoni ta' direttivi u politika aktar pro-attiva dwar il-ksur fir-rigward tal-kontroll ta’ l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, għad hemm numru importanti ta’ ksur potenzjali fil-leġiżlazzjoni domestika.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fit- tassazzjoni diretta ġiet żviluppata għal darb’oħra, b’aktar ħtieġa li jkun hemm segwitu għaliha mill-Kummissjoni. Ingħatat attenzjoni għall-ħlasijiet transkonfinali ta’ dividendi, b’mod partikolari fuq it-taxxi f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jitħallsu barra, f’każijiet fejn id-dividendi mħallsa lir-residenti ma jiġux intaxxati (id-diskriminazzjoni u l-ostaklu għall-investiment).

Rigward it-tassazzjoni indiretta , il-politika pro-attiva dwar il-ksur wasslet sabiex jiġi stabbilit pjan fi ħdan il-qafas tat-tassazzjoni fuq il-karozzi sabiex jiġu identifikati, u jekk hemm bżonn jinbdew, proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri. Barra minn hekk, ingħata bidu għal ċerti proċeduri ta’ ksur dwar l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT, it-trattament tat-taxxa għas-servizzi postali, waqt li ttieħdet ukoll azzjoni kontra l-Istati Membri li kienu qed jimponu prezzijiet minimi ta’ bejgħ bl-imnut fuq is-sigaretti.

Fl- enerġija u t-trasport , il-proporzjon ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ notifika għat-tipi l-oħra ta’ ksur (in-nuqqas ta’ konformità, l-applikazzjoni żbaljata) naqset għal 35% tal-każijiet. Din it-tendenza speċifika tista’ tiġi spjegata bl-isforzi li saru sabiex tiġi verifikata l-konformità tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-direttivi, li wassal għal numru kbir ta’ ittri ta’ avviż formali (91) u opinjonijiet motivati (53) li ntbagħtu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

Fil-qasam ta’ l-enerġija, ġiet eżaminata l-applikazzjoni korretta taż-żewġ direttivi ta’ l-2003 dwar is-suq intern ta’ l-elettriku u l-gass, liema direttivi huma fundamentali għall-ftuħ tas-swieq ta’ l-elettriku u l-gass fl-UE.

Il-Kummissjoni żiedet ukoll l-isforzi tagħha kontra n-nuqqasijiet rigward it-Trattat Euratom b’azzjonijiet li jikkonċernaw mhux biss il-protezzjoni mir-radjazzjoni iżda wkoll obbligi oħra marbuta mas-salvagwardji nukleari, ir-relazzjonijiet esterni kif ukoll ir-rwol ta’ l-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom.

Fil-qasam tat-trasport, ġiet eżaminata l-applikazzjoni korretta tad-direttiva dwar il-ħlas fit-triq u tat-traspożizzjoni tad-direttivi tat-tieni pakkett ferrovjarju. Fl-ivvjaġġar bl-ajru, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Stat Membru wieħed quddiem il-Qorti minħabba li dan naqas milli josserva l-leġiżlazzjoni ta’ l-UE dwar l-istabbiliment ta’ awtorità nazzjonali ta’ kontroll fil-kuntest ta’ l-ajru uniku Ewropew (Single European Sky) . Rigward is-sigurtà marittima, kompliet tittieħed azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li naqsu milli jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kontroll Statali tal-portijiet u dwar it-titjib fid-disponibilità u fl-użu tal-faċilitajiet ta’ lqugħ fil-port ta’ skart iġġenerat mill-vapuri u fdalijiet ta’ merkanzija.

L-Istati Membri li ma ttrasponewx id-direttivi dwar il-ħin tax-xogħol għat-trasport fuq it-triq u dwar ir-rappurtaġġ ta’ okkorrenzi marbuta mas-sigurtà tat-trasport fl-ajru ġew imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-qasam tal- persunal u l-amministrazzjoni , iż-żewġ proċeduri ta’ ksur li nfetħu kontra Stati Membri ġew magħluqa. Dawn kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u b’mod partikolari l-possibbiltà li l-impjegati jkunu jistgħu jiksbu t-trasferiment tad-drittijiet akkwi stati tal-pensjoni ta’ l-irtirar għall-iskema Komunitarja.

Fil- qasam tal-baġit , il-Kummissjoni ssoktat bil-ħidma tagħha fil-każijiet kollha fejn il-ksur tal-liġijiet tal-KE rriżultaw fi ħlas żbaljat jew tard għar-riżorsi proprji u riċevuti oħrajn, waqt li ttieħdet azzjoni legali fejn il-korrispondenza jew id-diskussjonijiet preliminari fil-Kumitat ta’ Konsulenza dwar ir-Riżorsi Proprji ma setgħux isolvu l-problema.

Fil- qasam ta’ l-istatistika Komunitarja , fl-2006, l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja tista’ titqies bħala waħda sodisfaċenti u ma nfetħu l-ebda każijiet ġodda ta’ ksur.

Fil-qasam tat- Tkabbir , każ li kien jikkonċerna l-applikazzjoni żbaljata tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni mat-Turkija tressaq quddiem il-Qorti minħabba diskriminazzjoni kontra ħaddiema Torok li xtaqu jtawlu l-permessi tar-residenza tagħhom.

[1] It-Tmexxija Ewropea – White Paper (COM (2001)428).

[2] Ara d-dettalji għal kull Stat Membru fuq il-websajt EUROPA tas-Segretarjat Ġenerali: http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/sgb/droit_com/index_fr.htm#transpositions

[3] COM(2006)689.

[4] Ara http://europa.eu.int/comm/internal_market/score/index_en.htm.