52007DC0250




MT

Brussel 15.5.2007

KUMM(2007)250 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U

LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 "Regolament dwar il-Bdil bejn il-Fruntieri fl-Elettriku

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U

LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 "Regolament dwar il-Bdil bejn il-Fruntieri fl-Elettriku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1. 1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku [1], li tippubblika rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament Ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli ġusti għall-iskambji transkonfinali ta' l-elettriku, b'hekk isaħħaħ il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq ta' l-elettriku intern. Ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta' kumpens għat-trasferment ta' l-elettriku bejn il-fruntieri, jistabbilixxi prinċipji armonizzati dwar il-prezz tat-trażmissjoni u regoli dwar l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni disponibbli bejn sistemi nazzjonali ta' trażmissjoni.

2. Żvilupp ta' volumi ta' negozju bejn il-fruntieri

It-trasferiment ta' elettriku bejn il-fruntieri fl-Ewropa kiber modestament sena wara sena minn meta nfetaħ is-suq. Madankollu, bħala medja, huwa biss 10% ta' l-elettriku kkonsmat fl-UE li jgħaddi mill-fruntieri ta' bejn l-Istati Membri. It-tabella numru 1 turi l-evoluzzjoni sħiħa tat-trasferimenti fiżiċi bejn il-fruntieri fis-27 pajjiż membru ta' l-UE kif ukoll fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.

(...PICT...)

Tabella 1: L-iżvilupp tat-trasferimenti ta' l-elettriku bejn il-fruntieri bejn Stati Membri ta' l-UE, in-Norveġja u l-Iżvizzera (persentaġġ tat-trasferimenti ta' elettriku bejn il-fruntieri mqabbel mal-konsum totali ta' elettriku).

It-tTabella numru 2 turi l-kwantitajiet ta' trasferimenti bejn il-fruntieri ġo u bejn xi reġjuni fl-Ewropa, kif definit bil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni [2], biż-żieda tax-Xlokk ta' l-Ewropa (SEE). F'din it-tabella, dawk il-pajjiżi li jappartjenu lil diversi reġjuni ġew magħduda ma' dak ir-reġjun li miegħu għandhom l-aktar rabta fiżika b'saħħitha. L-Iżvizzera ġiet inkluża fir-reġjun taċ-Ċentru ta' l-Ewropa tal-Punent u n-Norveġja mar-reġjun tat-Tramuntana ta' l-Ewropa. It-tabella tagħti biss, stampa fuq fuq tar-realtà u ma taqbadx il-fatturi kollha tas-swieq ġeografiċi. Pereżempju is-swieq Ġermaniżi u Awstrijaċi huma fil-verità integrati ferm.

(...PICT...)

Tabella 2: Konsum ta' l-Elettriku u trasferimentl fir-reġjuni ta' l-Ewropa fl-2005 [3]

Electricity consumption and exchanges in regions in Europe in 2005 =

Konsum ta' l-Elettriku u skambji fir-reġjuni ta' l-Ewropa fl-2005

Northern Europe = In-naħa ta' fuq ta' l-Ewropa

Baltic countries = Pajjiżi Baltiċi

UK and Ireland = Ir-RU u l-Irlanda

Central Western Europe= Ċentru Punent ta' l-Ewropa

Central Eastern Europe = Ċentru Lvant ta' l-Ewropa

South East Europe = Xlokk ta' l-Ewropa

Iberian peninsula = Peniżola Iberika

Cons. = Consumption = Konsum

Exch.int. = Cross-border electricity inside region = Elettriku bejn il-fruntieri fir-reġjun

Exch.ext. = Cross-border electricity between regions = Elettriku bejn il-fruniteri bejn ir-Reġjuni

It-Tabella turi li l-akbar reġjun huwa ċ-Ċentru tal-Punent ta' l-Ewropa (CWE) b'konsum annwali ta' 1310TWh. Ir-reġjun CWE jibdel ammonti sostanzjali ta' elettriku mar-reġjuni kollha ġirien, b'mod partikulari ma' l-Italja (41TWh) u mar-reġjun taċ-Ċentru ta' l-Ewropa tal-Lvant (CEE) (35TWh). Sa dan l-aħħar, ir-reġjun Baltiku kien separat mill-kumplament tar-reġjuni ta' l-UE, imma issa l-interkonnettur bejn l-Estonja u l-Finlandja, kkummissjonat f'Diċembru ta' l-2006, temm dan l-iżolament.

Mill-konsum totali f'dawn ir-reġjuni (3271 TWh), 6,5% (213 TWh) jinbidel man-naħa l-oħra tal-fruntieri ġor-reġjuni, 4,3% (141 TWh) bejn ir-reġjuni u (24 TWh) ma' pajjiżi terzi. Madankollu, wieħed għandu jinnota li trasferimenti fiżiċi huma biss rappreżentanza tal-volumi proprja ta' kummerċ transkonfinali Meta jinqabdu bidliet opposti kummerċjali, il-volumi totali negozjati jistgħu ikunu aktar mill-volumi fiżiċi Minħabba trasferimenti f'ċirku wkoll u minħabba l-metodu attwali kif tiġi kkalkulata l-kapaċità, li tindirizza b'mod fqir l-impatt fuq pajjiżi terzi, bidliet kummerċjali rari jaqblu mat-trasferimenti fiżiċi.

Huwa evidenti minn kif qed isiru l-bildliet attwali bejn ir-reġjuni, u mill-kapaċitajiet ta' interkonnessjoni eżistenti, li hemm għan għal aktar integrazzjoni lejn suq Ewropew. Dan għandu jwassal għal aktar konverġenza fil-prezz bejn ir-reġjuni b'taħlitiet ta' ġenerazzjoni simili, u għal użu aħjar ta' possibilitajiet ta' arbitraġġ bejn reġjuni b'taħlitiet differenti ta' ġenerazzjoni bħal bejn is-CWE u s-suq tat-Tramuntana ta' l-Ewropa.

Fuq kollox, l-opportunitajiet ta' negozju bejn il-fruntieri huma l-bogħod milli jkunu utilizzati b'mod sħiħ. Dan kien konfermat mir-riżultati ta' l-istħarriġ tas-settur fis-swieq ta' l-elettriku u tal-gass [4]. Dan huwa parzjalment minħabba nuqqas ta' integrazzjoni tas-swieq ta' bejgħ kbir u ta' bbilanċjar. F'każijiet oħra, ħafna pajjiżi għad ma għandhomx sinjal ta' prezz ta' min joqgħod fuqu biex jiggwida n-negozju ta' bejn il-fruntieri.

3. Żvilupp ta' metodi ta' negozju bejn il-fruntieri

L-adozzjoni tal-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni kien pass 'il quddiem fit-tfassil tas-suq intern ta' l-elettriku ta' l-UE. Dawn il-linji gwida jikkonsistu f'regoli prattiċi biex jimplimentaw diversi prinċipji, diġà inklużi fir-Regolament 1228/2003. Il-partijiet ewlenin ta' dawn il-linji gwida huma t-tqassim ta' l-UE f'reġjuni (seba' reġjuni u x-Xlokk ta' l-Ewropa), l-obbligu ta' l-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (TSOs) biex joperaw sistema ta' kalkulazzjoni ta' kapaċità komuni koordinata u ta' allokazzjoni, u finalment ir-rekwiżiti dwar it-trasparenza.

Il-metodi ta' allokazzjoni ta' kapaċità attwalment użati fuq interkonnessjonijiet konġestiti huma dawn (ara wkoll it-Tabella f'Anness 1):

(1) iż-żamma (kumpanija integrata vertikalment iżżomm il-kapaċità)

(2) l-allokazzjoni prijoritarja għal kuntratti ta' rabta

(3) irkanti espliċiti

(4) irkanti impliċiti

(5) għal allokazzjonijiet ta' ġurnata, abbażi ta' min jiġi l-ewwel jisserva u pro-rata

L-irkant koordinat espliċitu u impliċitu biss, jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament 1228/2003. Madankollu, iż-żamma għada użata fuq xi wħud mil-linji ta' negozju u xi allokazzjoni prijoritarja għada qed tingħata lill-kuntratti qodma minkejja s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ C-17/03 [5]. Il-Kummissjoni diġà bdiet azzjoni legali kontra dawn il-każi.

Fil-ġejjieni, aktar kapaċità se tkun allokata permezz ta' irkantijiet impliċiti. L-hekk imsejjaħ metodu ta' akkoppjament tas-suq żviluppat mill-ETSO u mill-assoċjazzjoni European Power Exchanges (EuroPex) għandu bħalissa, l-ogħla potenzjal li verament jintegra s-suq ta' l-elettriku Ewropew permezz ta' rkanti impliċiti fl-istadju tal-ġurnata ta' qabel. L-istħarriġ tas-settur [6] wera li rkanti espliċiti kif attwalment imħaddma ħafna drabi jwasslu għal użu ineffiċjenti tal-kapaċità ta' interkonnessjoni u jipprevjeni l-integrazzjoni tas-suq.

Il-kalkolu tal-kapaċità ta' bejn il-fruntieri kienet fil-passat, ibbażata l-aktar fuq il-metodoloġija ta' kapaċità ta' trasferiment netta. (NTC) żviluppata mill-European Transmission System Operators (ETSO). Metodi aktar sofistikati ta' kalkolu ta' kapaċità li huma integrati ma' l-allokazzjoni tal-kapaċità ġew proposti dan l-aħħar, u huma meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni. L-aktar wieħed li jipprometti huwa l-hekk imsejjaħ metodu abbażi tat-trasferiment. F'dan il-metodu l-kapaċità disponibbli hija kkalkulata f'mudell ta' netwerk globali mingħajr ma jiddeżaggrega minn qabel b'mod mhux ottimali l-kapaċità totali fil-valuri bilaterali ta' l-NTC. Il-metodu abbażi tat-trasferiment għandu l-mezzi li jiżgura li t-trasferimenti fiżiċi ta' kull TSO involut li jirriżultaw iżommu n-newerk fil-limiti tas-sigurtà tiegħu. Dan il-metodu għandu benefiċċji potenzjali kbar meta jintuża f'netwerk ta' distribuzzjoni kompatt ħafna.

Hemm bżonn ħafna aktar sforz għall-implimentazzjoni ta' arranġamenti ġodda, fosthom dawk imfassla fil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni B'hekk, mhux il-proġetti ewlenin kollha setgħu jagħtu l-frott sa l-1 ta' Jannar 2007, il-limitu ta' żmien għall-kisba ta' kapaċità ta' kalkulazzjoni komuni u allokazzjoni koordinata komuni f'postha skond il-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni. Dawn id-diffikultajiet huma l-ewwelnett ta' natura teknika peress li s-sistema trid tiġi ttestjata u tkun robusta qabel tiġi implimentata. It-tieninett, ħafna drabi hija sfida politika sabiex jinsab qbil dwar bidliet fis-suq. Anke jekk metodu aħjar iżid il-benefiċċju totali għall-parteċipanti tas-suq u jipprovdi użu sikur u aktar effiċjenti ta' l-infrastruttura eżistenti, l-ammont ta' kapaċità allokata f'ċerti fruntieri tista' tonqos.

Sar ċertu progress fl-iżvilupp ta' aċċess għan-negozju ta' bejn il-fruntieri ta' ġurnata waħda. Dan huwa meħtieġ ukoll mil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni, li huma mandatorji mill-1 ta' Jannar 2008.

Ir-regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni se jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni. Il-Kummissjoni lesta li tibda proċeduri ta' ksur jekk ma jkunux segwiti l-linji ta' gwida l-ġodda.

4. Mekkaniżmu ta' Kumpens Inter-TSO

Ir-Regolament 1228/2003 jipprovdi wkoll qafas fejn il-kumpens għan-netwerks ġirien ma għadux bbażat fuq miżati espliċiti għal negozji individwali (miżati għal bejn il-fruntieri jew ta' tranżitu) iżda fuq mekkaniżmu ta' kumpens globali bbażat fuq trasferimenti fiżiċi. Dan jagħmel ħafna sens f'netwerk ta' distribuzzjoni ta' l-elettriku kompatt ħafna fejn trasferimenti kummerċjali opposti jikkanċellaw lil xulxin u trasferimenti fiżiċi tista' tgħid qatt ma jimxu skond il-kuntratt.

Sar Progress fil-mekkaniżmu ta' kumpens Inter-TSO (ITC) fuq bażi volontarja permezz tal-proċess ta' forum ta Firenze. L-ewwel qbil volontarju sar f'Mejju 2002 bejn il-membri ta' l-ETSO, għalkemm xorta kellu miżata transkonfinali ta' 1 €/MWh, li kienet tinġabar jew b'mod kollettiv jew minn tranżazzjonijiet ta' esportazzjoni jew ta' importazzjoni, skond il-pajjiż. Fl-2003, din it-tariffa tnaqqset għal 0.5 €/MWh u fl-aħħar tneħħiet fl-2004.

Il-qbil volontarju bejn it-TSOs kien ibbażat fuq metodu li huwa simplifikazzjoni tar-realtà fit-trażmissjonijiet transkonfinali. Din is-simplifikazzjoni fiha diversi difetti, li saru dejjem aktar insostenibbli biex jibqgħu jappoġġawhom ċerti parteċipanti. L-ETSO ħadem biex itejjeb il-metodoloġija, u ressaq l'hekk imsejjaħ mudell IMICA (Mudellar Imtejjeb għall-Allokazzjoni ta' l-Ispejjeż ta' l-Infrastruttura) li jindirizza xi difetti fis sistema ta' qabel. Madankollu, peress li l-metodu huwa kkumplikat ferm, u peress li għada għaddejja d-diskussjoni dwar il-prinċipji ta' metodu għall-ITC, ġie implimentat mekkaniżmu interim għall-ITC, fl-2007, b'xi titjib.

Il-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG) ħadem fuq linji gwida dwar l-ITC li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament 1228/2003. Madankollu, wara diversi attentati u diversi metodi kandidati, l-aħħar u l-aktar promettenti huwa l-metodu IMICA, ma ntlaħaq l-ebda ftehim fi ħdan l-ERGEG sa l-aħħar ta' l-2006.

Il-Kummissjoni għada qed tikkunsidra jekk ix-xogħol ta' l-EGREG jiprovdix, fi kwalunkwe każ, bażi biżżejjed biex tadotta il-linji gwida bl-għajnuna tal-kumitat dwar it-trasferiment ta' l-elettriku bejn il-fruntieri imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament 1228/2003.

5. L-armonizzazzjoni ta' tariffa għall-aċċess tan-netwerk

It-tariffi tan-netwerk għall-aċċess tan-netwerk ta' trażmissjoni jvarjaw ħafna (ara wkoll it-tabella f'anness 2). It-tariffa medja tan-netwerk għal tagħbija elettrika mqabbda man-netwerk ta' trażmissjoni, it-tariffa-L, tvarja minn ca. 2 €/MWh (L-Iżvezja) għal ca. 27 €/MWh (Lvant tad-Danimarka) It-tariffa medja tan-netwerk għal ġeneratur ta' l-elettriku mqabbad man-netwerk ta' trażmissjoni, it-tariffa-G, tvarja minn 0 €/MWh (xi Stati Membri) għal 1.8 €/MWh (L-Irlanda). Hemm diversi fatturi li jispjegaw dawn id-differenzi. Apparti mill-ispejjeż differenti ta' l-infrastruttura, dawn it-tariffi jistgħu jinkludu jew ma jinkludux, telf, sinjali għall-lokalizzazzjoni, sistemi ta' servizz jew tariffi li mhumiex relatati direttament ma' l-attivitajiet tat-TSO. Dawn il-tariffi oħra huma l-aktar relatati ma' obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku bħall-appoġġ għall-sorsi ta' enerġija li tiġġedded u għall-sorsi ta' sħana u enerġija elettrika flimkien (CHP) kif ukoll għal spejjeż mhux mistennija.

L-armonizzazzjoni tat-tariffa hija meħtieġa għal suq ta' l-elettriku ġust u hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin indirizzati permezz tar-Regolament 1228/2003. Għalkemm linja gwida li torbot dwar il-livell tat-tariffa ilha fi stadju ta' preparazzjoni għal diversi snin fil-proċess tal-forum ta' Firenze, ma tistax, skond ir-Regolament, tiġi adottata indipendentement mil-linja gwida tal-mekkaniżmu ITC. L-abbozz ta' linja gwida dwar it-tariffikazzjoni tat-trażmissjoni għandu l-għan li jnaqqas bil-mod il-firxa tat-tariffa G. Dan huwa minħabba l-fatt li t-tariffa G hija aktar importanti fejn tidħol il-ġustizzja għall-kulħadd, mitt-tariffa L.

6. Konġestjoni

Jista' jiġi nnotat li x-xejriet ta' konġestjoni saru aktar volatili, anke jekk ma hemm l-ebda metodu uniformi sabiex tinġabar u tiġi ppubblikata d-dejta dwar kif tidher il-konġestjoni sa issa. Fil-passat it-trasferimenti, spiss dominati minn kuntratti fit-tul, baqgħu relativament stabbli. Aktar volatilità tista tidher bħala sinjal ta' funzjonalità aħjar tas-suq li twassal għal aktar negozju fiż-żewġ direzzjonijiet fuq l-interkonnetturi. F'xi każi, dan jista' jkun minħabba strateġija ġdida ta' negozju mill-parteċipanti f'pożizzjoni dominanti f'suq wieħed: volumi li jaqsmu l-fruntieri qed jiġu ottimizzati.

B'mekkaniżmi bbażati fuq is-suq, it-TSO's jiġbru l-kera tal-konġestjoni li tirrifletti d-differenza fil-prezz bejn iz-zoni u l-volum negozjat fuq kull interkonnettur. Fuq fruntieri fejn irkantijiet espliċiti ilhom jintużaw għal xi zmien diġà, dawn il-kirjiet inġabru fl-2005 (2004) [7] Il-Ġermanja 158 M€ (98 M€), l-Olanda 48 M€ (35 M€), ir-Repubblika Ċeka 44 M€ (41 M€), il-Polonja 41 M€ (9 M€) u d-Danimarka (fruntiera mal-Ġermanja) 28 M€ (19 M€). Fir-reġjun tat-Tramuntana l-kera tal-konġestjoni aggregata li ġejja nġabret skond is-sistema tat-tqassim tas-suq [8] 48 M€ fl-2004, 117 M€ fl-2005 u 104 M€ fl-2006. Għall-2006 diversi irkantijiet espliċiti ġodda ġew introdotti sabiex jieħdu post ir-retensjoni, l-allokazzjoni prijoritarja għall-kuntratti ta' rabta jew metodi fejn jinqeda ta' l-ewwel, li ma humiex kompatibbli mar-Regolament 1228/2003 jew is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f'każ C-17/03.

Skond ir-Regolament, id-dħul mill-konġestjoni jista' jntuża biss biex jiggarantixxi l-kapaċità, għall-bini ta' infrastruttura u biex titnaqqas it-tariffa tan-netwerk. Sfortunatament, it-tnaqqis tat-tariffa kien l-aktar użu komuni mid-dħul tal-konġestjoni. Fi ftit każi biss ġie ppreferut investiment fin-netwerks (pajjiżi Nordiċi, l-Olanda) Skond il-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni, r-regolaturi għandhom, mill-2007, jippubblikaw rapport annwali dwar il-ġbir u l-użu mid-dħul tal-konġestjoni.

7. Aċċess għall-elettriku li jaqsam il-fruntieri għall-utenti aħħarija

Il-fruntieri bejn il-pajjiżi u żoni ta' kontroll għadhom ostakolu importanti għall-integrazzjoni tas-suq. Mira għall-perjodu medju hijal-armonizzazzjoni reġjonali tas-suq u l-bini ta' infrastruttura gdida b'tali mod li l-parteċipanti tas-suq jittellfu anqas mill-fruntieri milli llum. Din is-sitwazzjoni nħolqot l-aktar għall-parteċipanti fi swieq kbar fiz-zona tal-Grupp Nordiku. Meta parteċipanti tas-suq fis-suq Nordiku jkunu qed jitfgħu l-offerti għas-suq tal-ġurnata ta' qabel, is-sistema awtomatikament tottimizza l-użu ta' l-infrastruttura transkonfinali. Is-suq li jekwalizza huwa wkoll integrat billi juża offerti mir-reġjun kollu. Madankollu, dan is-suq Nordiku għadu ma jestendix direttament għas-suq bl-imnut, peress li l-konsumaturi għadhom obbligati li jużaw d-distributuri stabbiliti fl-istess pajjiż. Għaddej xogħol bil-ħsieb li jitwaqqaf suq Nordiku ta' veru għall-utenti aħħarija. Eżempju ieħor ta' integrazzjoni ta' swieq kbar huma l-Ġermanja u l-Awstrija. L-integrazzjoni tas-suq tal-bejgħ bl-imnut f'dan il-qasam qed ukoll jiġi diskuss.

8. Sigurtà tal-provvistà

L-ewwel sena li r-Regolament kien fis-seħħ, fl-2003, irriżultat bħala waħda diffiċli għas-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku L-Italja sofriet qtugħ ta' dawl kbira f'Settembru ta' l-2003 minħabba problemi fil-linji ta' interkonnessjoni ma' l-Iżvizzera u minħabba nuqqasijiet fit-trażżin tal-firxa tal-ħsara. F'Settembru ta' l-2003 ukoll, kien hemm qtugħ ta' dawl kbira ukoll fin-nofsinhar ta' l-Iżvezja u fil-Lvant tad-Danimarka. Qtugħ anqas estiż seħħ fl-2003 f'Londra u f'Helsinki. L-aktar qtugħ riċenti fl-4 ta' Novembru 2006 affettwa ż-żona sinkronizzata kollha ta' l-Unjoni għall-Koordinazzjoni għat-Trażmissjoni ta' l-Elettriku (UCTE). Dan l-inċident beda mill-Ġermanja ta' fuq u wassal għall-qasma taż-Żona UCTE fi tliet partijiet u, konsegwentement, it-tnaqqis ta' tagħbija elettrika ta' bejn wieħed u ieħor ta' 10% fin-naħa tal-punent sabiex tinżamm l-integrità tan-netwerk tad-distribuzzjoni.

Peress li disturbanzi kbar tas-sistema huma rari, mhux possibbli li għalissa jintlaħqu l-konklużjonijiet jekk hemmx probabbilità li jiżdied jew li jonqos il-qtugħ minn qabel ma żdiedet it-trażmissjoni bejn il-fruntieri. Iżda, ħarġet ċara mill-qtugħ ta' l-Italja li t-TSOs ma kellhomx qafas biżżejjed f'postu biex jiggarantixxi livell għoli ta' l-operazzjoni tas-sistema fuq skala Ewropea. Il-kooperazzjoni kienet ibbażata fuq rakkomandazzjonijiet li ma jorbtux mingħajr kontrolli u nfurzar ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Konsegwentement l-UCTE beda x-xogħol dwar il-bdil tar-rakkomandazzjonijiet fi ktejjeb ta' regoli, infurzati u kontrollati pemezz ta' ftehim ta' rabta bejn it-TSOs kollha li huma membri ta' l-UCTE. Għalkemm sar ħafna progress il-proċess għadu mhux lest.

Ġie diskuss speċjalment fil-proċess tal-forum ta' Firenze, jekk humhiex meħtieġa regoli ta' sigurtà li jorbtu fuq livell Ewropew. Dan diġà huwa possibbli permezz tar-Regolament, għalkemm il-Kummissjoni s'issa għadha m'għażlitx li toħroġ proposta.

Ir-rapport ta' dan l-aħħar ta' l-ETSO dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni [9] indika li ma hemm l-ebda tħassib kbir għall-parti l-kbira tan-Netwerk Ewropew sa l-2012. Wara l-2012, is-sitwazzjoni tista' ssir kritika jekk l-investimenti jseħħu aktar bil-mod minn kif previst. Is-sitwazzjoni tista' tinbidel kemmxejn malajr meta jitħabbru investimenti ġodda, pereżempju fl-Italja, fi Spanja, fl-Olanda u fil-Ġermanja. Il-pajjiżi Nordiċi jiddependu mix-xita, minħabba li sehem kbir mill-ġenerazzjoni hija idroelettrika. Għalhekk, il-kapaċità tal-ġenerazzjoni issir kwistjoni fi snin xotti bħall-2006.

I-Rapport ta' l-ETSO iqis l-influwenza tal-konnessjonijiet transkonfinali fuq l-adegwadezza tal-ġenerazzjoni fuq livell reġjonali bl-aspettattiva li TSOs ma jaqtgħux unilateralment l-interkonnetturi bejn l-Istati Membri fil-każ ta' kundizzjonijiet ta' domanda estrema ta' l-elettriku. Madankollu, l-imġiba ta' ċerti TSOs f'dawn il-kundizzjonijiet ma tantx hija prevedibbli. Xi eżempji jindikaw li konsumaturi domestiċi jistgħu ikunu preferuti minn dawk barranin. Dan huwa ksur ta', kemm Direttiva 2003/54 dwar regoli komuni għas-suq intern ta' l-elettriku [10] kif ukoll tad-Direttiva 2005/89 dwar miżuri maħsuba biex iħarsu s-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku u l-infrastruttura ta' l-investiment [11]. Aktar diskussjoni dwar din il-kwistjoni importanti se ssir fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-aħħar imsemmija.

9. Sinjali ta' lokalizzazzjoni

Is-sinjali ta' lokalizzazzjoni huma rekwiżit fundamentali għall-funzjonalità tas-suq ta' l-eletttriku. Sinjali ta' lokalizzazzjoni jirreferu għal kull tariffa ta' trażmissjoni jew kundizzjonijiet li jinfluwenzaw it-twassil tal-ġenerazzjoni fil-medda l-qasira u l-post fejn se jinbnew stazzjonijiet ta' ġenerazzjoni u konsumaturi intensivi ta' l-elettriku fil-medda t-twila ta' żmien.

Attwalment, l-effetti tal-konġestjoni jipprovdu l-aktar sinjal ta' lokalizzazzjoni b'saħħtu rigward in-netwerk fis-suq ta' l-elettriku ta' l-UE. Effettivament l-eżistenza tal-konġestjoni tfisser li s-suq huwa maqsum f'żoni ta' miżati u l-konġestjoni ssostni differenza fil-prezzijiet ta' żoni differenti. Dan huwa sinjal b'saħħtu meta kumpanija tagħżel fejn tinvesti kapaċità ta' ġenerazzjoni. Barra minn hekk, f'xi pajjiżi (ir-Renju Unit, l-Iżvezja u n-Norveġja) hemm ukoll element ta' sinjal ta' lokalizzazzjoni nkluż fit-tariffa għall-aċċess tan-netwerk. Dan is-sinjal suppost jinfluwenza kemm l-imġiba fil-medda l-qasira (twassil) kif ukoll l-imġiba fit-tul (investimenti). Għad ma hemmx sinjali ta' lokalizzazzjoni fit-tariffi madwar l-Ewropa kollha biex jissupplimentaw dawk li ġejjin mill-konġestjoni. L-armonizzazzjoni tat-tariffi tan-netwerk jistgħu ikunu meħtieġa qabel ma sinjal ta' lokalizzazzjoni jkun jista' jiġi inkluż fit-tariffi ta' madwar l-Ewropa kollha.

Teżisti kwistjoni kbira li tikkonċerna sinjali ta' lokalizzazzjoni fi ħdan xi Stati Membri, speċjalment f'pajjiżi kbar b'zona ta' prezz waħdanija u fejn il-konġestjoni mhix rikonoxxuta b'mod espliċitu. Per eżempju, fil-Ġermanja hemm penetrazzjoni qawwija ta' elettriku ġenerat mir-riħ fin-naħa tal-pajjiż bi prijorità ta' trasferiment. Għalkemm teżisti konġestjoni bejn in-naħa ta' fuq u n-naħa ta' isfel tal-Ġermanja, iż-żamma ta' zona bi prezz uniku tfisser li s-sinjal ta' lokalizzazzjoni għal ġeneraturi konvenzjonali ma teżistix. In-naħa t'isfel ta' l-Iżvezja u n-naħa t'isfel ta' l-Awstrija ukoll isofru minn nuqqas ta' sinjali ta' lokalizzazzjoni għall-ġenerazzjoni minħabba iż-żamma ta' zona bi prezz uniku. Fi Franza hemm zona bi prezz uniku għall-elettriku u tariffa skond iz-zona għall-gass: din toħloq konġestjoni fuq is-sistema ta' trażmissjoni ta' l-elettriku filwaqt li jkun aktar ekonomiku li tiġi trasportata l-enerġija primarja milli l-elettriku. Metodi ta' allokazzjoni bbażati fuq it-trasferiment mistennija jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta' żoni diffikultużi fis-sistema ta' l-enerġija.

10. Konklużjonijiet

Matul il-perjodu li fih is-swieq ta' l-elettriku fl-Ewropa ilhom miftuħa, kien hemm żieda kostanti għalkemm żgħira fit-trasferimenti bejn il-fruntieri. L-ixprun ewlieni kien il-possibiltà ta negozju bejn żoni differenti b'differenza fil-prezzijiet. Il-kalkolazzjoni tal-kapaċità u l-metodi ta' allokazzjoni żviluppaw, bil-possibiltà ta' aktar titjib fil-ġejjieni bħala riżultat tal-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni adottati f'Novembru 2006. Dawn se jirrikjedu metodi bbażati fuq ottimizzazzjoni fuq reġjun akbar ta' l-użu tan-netwerk minflok il-konċentrazzjoni fuq negozju bilaterali bejn żewġ pajjiżi maġenb xulxin. Dan jeħtieġ ukoll ġestjoni b'aktar sigurtà tat-trasferimenti fiżiċi.

Madankollu, hemm sinjali li n-netwerk ta' trażmissjoni ġieli jitħaddem mal-limiti fiżiċi tiegħu. It-tifi fl-Italja ta' l-2003 u fl-UCTE fl-2006 wrew kemm jista' jiswa kull inċident fin-netwerk ta' trażmissjoni ta' madwar l-Ewropa. Għalhekk huwa importanti għaż-żieda fin-negozju li jkun akkumpanjat b'aktar operazzjoni koordinata tan-netwerk u l-bini ta' infrastruttura ġdida, fosthom it-titjib tal-linji eżistenti, il-bini ta' linji ġodda u l-investiment f'aktar komponenti tan-netwerk, fejn ikun hemm bżonn. Minħabba n-natura lokali ta' l-elettriku, iż-żieda fil-potenzjal ma hijiex bla limiti, iżda għad baqa' lok sostanzjali sabiex l-użu tar-riżorsi eżistenti tat-trażmissjoni jiġi ottimizzat. Madankollu, iż żieda fit-trasferiment mhux għan fih innifsu. Aktarx hija l-possibiltà tat-trasferiment li hija kundizzjoni neċessarja għal negozju bejn il-fruntieri u li hija komponent fundamentali għal suq intern ta' l-elettriku li jaħdem sew.

Is-suq Ewropew huwa bbażat dejjem aktar fuq kunċett reġjonali. L-ewwel wieħed żviluppa b'mod naturali, wara li mexa mar-realtajiet fiżiċi tan-netwerk. Bit-twaqqif tar-reġjuni fil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni u bl-iżvilupp ta' Inizjattivi L-approċċ għandu, madankollu, jiġi kkunsidrat bħala għodda prammatika għall-kisba ta' suq Ewropew totali. M'hemm a priori, l-ebda raġuni għalfejn l-implimentazzjoni tas-suq ta' l-elettriku għandu jvarja ħafna bejn ir-reġjuni.

Il-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2006. Il-linji gwida ta' l-ITC u l-linji gwida għall-armonizzazzjoni tat-tariffi qed jiġu ppreparati u għandhom jiġu adottati matul l-2007 mill-Kummissjoni. B'dawn il-linji gwida r-regoli maħsuba mir-Regolament 1228/2003 sejrin jintlaħqu, bl-eċċezzjoni tar-regoli ta' sigurtà u affidabbiltà. Fl-istess waqt qed jidher biċ-ċar li hemm bżonn li jiġu indirizzati numru ta' kwistjonijiet dwar liema r-Regolament ma jaħsibx għal linji gwida dettaljati. Il-lista tentativa li ġejja fiha l-kwistjonijiet għaddejjin bħalissa dwar in-negozju bejn il-fruntieri, li ftit minnhom biss huma koperti bir-Regolament. Madankollu, ħafna minnhom huma diġà indirizzati b'diversi inizjattivi tal-ERGEG:

(1) Regoli ta' sigurtà u affidabbiltà: regoli bejn it-TSOs sabiex tiġi żgurata operazzjoni bla periklu tal-grid. Mandat għall-adozzjoni tal-linji gwida mill-Kummissjoni diġà jinsab fl-Artikolu 8 tar-Regolament 1228/2003.

(2) Regoli ta' konnessjoni: li jikkmandaw ir-relazzjoni bejn it-TSOs u l-konsumaturi (ġeneraturi, distribuzzjoni, operaturi tas-sistemi u konsumaturi aħħarija kbar).

(3) Regoli għan-negozju ta' l-elettriku: armonizzazzjoni ta' l-arranġamenti tan-negozju, skedi u prodotti, fosthom negozju tal-ġurnata.

(4) Regoli ta konnessjoni: regoli dettaljati dwar bdil ta' dejta u l-pubblikazzjoni bejn il-parteċipanti tas-suq. Regoli ta' trasparenza diġà huma indirizzati fil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni .

(5) Ir-regoli dwar l-ibbilanċjar u l-enerġija elettrika ta' riserva: immirar għal aktar integrazzjoni tas-swieq ta' l-ibbilanċjar u l-enerġija elettrika ta' riserva. Bilanċjar bejn il-fruntieri diġà huwa indirizzat fil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni .

(6) Regoli dwar skambju ta' dejta u ta' sistemazzjoni: immirati għal integrazzjoni tas-suq tal-bejgħ bl-imnut permezz ta' regoli armonizzati biżżejjed dwar l-iskambju tad-dejta u dwar is-sistemazzjoni.

(7) Regoli ta' inċentivi għall investiment fosthom sinjali ta' lokalizzazzjoni: provvediment ta' qafas Ewropew għal sinjali ta' investiment effiċjenti għal investimenti kemm fill-ġenerazzjoni u fin-netwerks.

Il-bżonn għal u l-livell ta' dettall ta' dawn ir-regoli għadhom qed jiġu diskussi, u hemm bżonn ta' aktar studji sabiex jipprovdu l-kontribuzzjoni neċessarja. Madankollu, sar evidenti li aktar integrazzjoni tas-suq intern teħtieġ sett ta' regoli koerenti, kif elaborat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku [12]. Ħafna minn dawn ir-regoli diġà jeżistu, iżda fuq bażi nazzjonali jew ta' kumpanija, b'orjentazzjoni differenti mir-regolaturi nazzjonali. L-inkompatibilità ta' dawn ir-regoli tista' tkun waħda mill-akbar ostakoli għall-integrazzjoni tas-suq. Il-komunikazzjoni dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku telabora xi rwol għandu jkollhom ir-regolaturi fil-preparamenti, kontroll u infurzar ta' dawn ir-regoli, u kif it-TSOs għandhom ikunu involuti f'dan il-proċess.

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Anness 1: Metodi tal-ġestjoni tal-konġestjoni użati fl-Ewropa (sors, ir-rapport ta' l-ETSO: Ħarsa fuq fuq tal-metodi Attwali tal-Ġestjoni tal-Konġestjoni ta' bejn il-Fruntieri fl-Ewropa, Mejju 2006)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Anness 2: Il-livell tat-tariffi ta' trażmissjoni fl-Ewropa (sors, ir-rapport ta' l-ETSO mill-2006: Ħarsa fuq fuq ta' l-ETSO dwar it-tariffi tat-trażmissjoni fl-Ewropa: Sinteżi 2005)

(...PICT...)

Range of G components paid in 2005 by producers across Europe = Medda ta' komponenti G mħallsa fl-2005 mill-produtturi madwar l-Ewropa

(...PICT...)

Range of L components paid in 2005 by consumers across Europe = Medda ta' komponenti L mħallsa fl-2005 mill-konsumaturi madwar l-Ewropa

[1] ĠU L 176 tal-15.7.2003, p.1.

[2] 2006/770/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2006 li temenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku, ĠU L 312, 11.11.2006, p.59–65

[3] Sorsi: UCTE, Nordel, DTi, Baltic TSOs

[4] Stħarriġ skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-setturi Ewropej tal-gass u ta' l-elettriku COM(2006)851, ara Parti b II 3 Integrazzjoni tas-Suq

[5] Vereniging voor Energie, Milieu en Water u Oħrajn v Directeur van de Dienst uitvoering en toezicht energie, ĠU C 182 tat-23.7.2005, p.2.

[6] Stħarriġ skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-setturi Ewropej tal-gass u ta' l-elettriku COM(2006)851, ara Parti b II.3 Integrazzjoni tas-Suq ara Parti b II.3.5.3

[7] Informazzjoni miġbura mill-websajts ta' l-uffiċċju ta' l-irkantijiet. Il-kera fuq kull interkonnettur hija maħsuba li tinqasam 50-50 bejn it-TSO's involuti.

[8] Nordel

[9] L-adegwatezza tal-ġenerazzjoni, studju dwar l-interkonnessjoni ta' sistemi ta' l-elettriku Ewropej 2008-2015 Mejju 2006, ETSO

[10] ĠU L 175 tal- 15.7.2003, p.37.

[11] ĠU L 33 tal- 4.2.2006, p.22.

[12] Prospetti għas-suq tal-gass u ta' l-elettriku, COM(2006)841

--------------------------------------------------