[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 25.4.2007 KUMM(2007) 220 finali DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Rapport tal-Progress tal-LeaderSHIP 2015 {SEG(2007) 517} Daħla Meta tfasslet l-istrateġija tal-LeaderSHIP 2015 mill-industrija u ġiet appoġġjata mil-leġiżlaturi fl-2002-2003, il-prospetti ta' l-industrija tal-bini tal-bastimenti ta' l-Ewropa kienu pjuttost imwiegħra. L-ordnijiet ġodda kienu qed jieqfu u l-prezzijiet ġodda tal-bini kienu baxxi u niżlin b'reazzjoni għat-tkabbir intensifikat ta' kapaċità fl-Ażja. F'dan l-isfond, inħoloq il-LeaderSHIP 2015 bħala viżjoni bbażata fuq it-twemmin fil-kapaċità u l-potenzjal ta' innovazzjoni ta' l-industriji marittimi ta' l-Ewropa, u determinazzjoni għall-ġlieda għall-ġejjieni tagħhom. L-inizjattiva identifikat tmien temi, speċifikament: - Il-ħolqien ta' Qagħda ta' Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd fil-Bini tal-Bastimenti fid-Dinja - It-titjib tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Investiment ta' l-Innovazzjoni - L-iżvilupp ta' Finanzjar Avvanzat u ta' Skemi ta' Garanzija - Il-promozzjoni ta' Bastimenti li huma aktar Sikuri u Favur l-Ambjent - Strateġija Ewropea għall-Ħtiġijiet Navali tal-Bini tal-Bastimenti - Il-ħarsien ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) - Sigurtà ta' l-Aċċess għal Ħaddiema tas-Sengħa - Il-bini ta' Struttura ta' Industrija Sostenibbli Hija ta' sodisfazzjoni li ninnutaw li matul dawn l-aħħar ftit snin rajna ċifri ġeneralment pożittivi fuq ordnijiet ġodda. It-tarzni Ewropej raw il-valur ta' l-ordinijiet ġodda tagħhom iktar milli jittriplika bejn l-2002 u l-2005, biex fl-2004 u l-2005 jikber b'rata aktar mgħaġġla minn kwalunkwe reġjun ieħor tad-dinja. U b'produttività li kibret b'aktar minn erba' darbiet daqs kemm kienet qabel matul dawn l-aħħar għoxrin sena, l-industrija estremament speċjalizzata ta' l-Ewropa tal-bini tal-bastimenti hija kompetittiva, flessibbli, u mgħammra tajjeb sabiex taffaċċja l-ġejjieni b'kunfidenza. Minkejja dan, żidiet kbar reċenti fil-kapaċità globali tal-bini tal-bastimenti - l-aktat fl-Ażja - probabbilment se jagħmlu l-ambjent kummerċjali fit-tarzni Ewropej saħansitra aktar iebes fil-futur qrib. Dettalji ulterjuri dwar l-iżviluppi riċenti tas-suq qed jingħataw fl-anness. L-industrija tal-bini tal-bastimenti qiegħda tgawdi minn żewġ żviluppi politiċi favorevoli oħra ta' l-UE, speċifikament il-konċentrazzjoni mġedda fuq il-kompetittività fl-istrateġija riveduta ta' Liżbona - tkabbir ekonomiku u impjiegi - u l-ħolqien ta' viżjoni Ewropea mill-Kummissjoni għall-oċeani u l-ibħra bbażata fuq qafas politiku marittimu olistiku. Il-LeaderSHIP 2015 kien ikkwotat fl-aħħar Komunikazzjonijiet ta' politika industrijali. Fil-fatt, l-industrija tal-bini tal-bastimenti ta' l-Ewropa għinet sabiex fetħet il-bibien għal din l-applikazzjoni moderna tal-politika industrijali u ispirat strateġija simili f'setturi industrijali oħra. Bennejja Ewropej tal-bastimenti li jaħdmu ma' manifatturi tat-tagħmir iwettqu aktar milli sempliċiment ibiegħu bastimenti diġà lesti kif jippreferu jagħmlu bosta kompetituri Ażjatiċi tagħhom, billi jwasslu soluzzjonijiet ikkummissjonati li jilħqu r-rekwiżiti eżiġenti tal-klijenti tagħhom. Bl-istrateġija tagħha ta' politika industrijali moderna li timmira li ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali u l-koerenza ta' sferi varji ta' politika, il-Kummissjoni tfittex li tagħmel l-istess ħaġa. Din is-sitwazzjoni qiegħda tgħin sabiex jinħoloq ambjent li mhuwiex sepliċiment permissiv iżda wieħed li joffri appoġġ. Din l-istrateġija tingħaqad ma' l-isforz tal-Kummissjoni li twaqqaf qafas politiku marittimu olistiku bil-pubblikazzjoni ta' Green Paper tal-Politika Marittima f'Ġunju 2006 li tippreżenta lil-LeaderSHIP bħala pilastru vitali tal-kompetittività ta' l-industriji marittimi ta' l-Ewropa u eżempju li għandu jiġi replikat b'mod aktar mifrux. Il- Green Paper tqiegħed ukoll il-bini tal-bastimenti bħala parti essenzjali ta' spazju marittimu Ewropew vibranti u interkonness. Din id-dimensjoni ġdida u l-konċentrazzjoni miżjuda fuq l-arena marittima qegħdin ikabbru l-kuxjenza dwar il-bini tal-bastimenti u jtejbu d-dehra tagħha. Iżda aktar attenzjoni tiġġenera aktar responsabilità fuq il-partijiet kollha sabiex jisiltu l-aqwa minn din il-qagħda favorevoli ta' swieq ġodda u ambjent politiku tajjeb sabiex jagħtu prestazzjoni tajba skond ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti. Kapitolu 1: Il-ħolqien ta' Qagħda ta' Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd fil-Bini tal-Bastimenti fid-Dinja L-industrija tal-bini tal-bastimenti hija tassew globali u s-sidien tal-bastimenti jistgħu jixtru bastimenti fi kwalunkwe parti tad-dinja mingħajr restrizzjonijiet tekniċi, kummerċjali jew legali sinifikanti. Minkejja dan, ir-regoli globali tal-kummerċ li jamministraw is-settur spiss huma inugwali, inkompluti jew inapplikabbli. Sfortunatament, għadu ma jidher l-ebda riżultat tanġibbli f'dan il-qasam minkejja l-aqwa sforzi ta' dawk kollha kkonċernati fl-OECD ( Organization for Economic Cooperation and Development ) u areni oħra u d-determinazzjoni li ntweriet fil-prosekuzzjoni tal-każ tad-WTO kontra l-Korea. Dan il-każ għamel enfasi fuq il-limitazzjoni tar-regoli kummerċjali attwali fir-rigward tal-bini tal-bastimenti fejn il-kunċett ta' importazzjoni u esportazzjoni effettivament ma jeżistix u fejn is-sussidjar huwa spiss relatat mal-produttur aktar milli mal-prodott. Għalhekk, is-sentenza ta' dan il-każ ma tantx serviet ta' għajnuna għall-bini tal-bastimenti Ewropew. Sadanittant, in-negozjati ta' l-OECD fuq ftehim ta' bini tal-bastimenti li jindirizzaw il-problemi identiċi ta' sussidji u prezzijiet baxxi li mhumiex sostenibbli fis-suq dinji tal-bini tal-bastimenti għamlu “waqfa qasira” f'Ottubru ta' l-2005 mingħajr il-konklużjoni ta' ftehim sinifikanti u infurzabbli. Il-Parti rilevanti ta' Ħidma Nru 6 (WP6) minn dak iż-żmien 'il hawn ġiet attivata mill-ġdid għal perjodu limitat u l-Kummissjoni tissokta timpenja ruħha u tikkontribwixxi għal dan il-proċess prezzjuż, minkejja li diffiċli. Minkejja dan, il-kompetituri tagħna ewlenin attwalment ma jidhrux motivati biżżejjed sabiex jintrabtu għall-impenji tar-rekwiżiti sabiex jiżguraw ftehim. Mhuwa mistenni l-ebda avvanz fiż-żmien qrib fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati sostantivi ta' l-OECD. Minkejja dan, il-qagħda għandha tiġi soġġetta għal reviżjoni sabiex jiġi deċiż jekk hemmx ambitu li jiġu rijattivati d-diskussjonijiet. Barra minn dan issa qed ikunu segwiti b'mod attiv diskussjonijiet bilaterali. Għaldaqstant, sar progress fit-twaqqif ta' Djalogu bilaterali komprensiv maċ-Ċina dwar il-Bini tal-Bastimenti li għandu jindirizza l-kwistjonijiet rilevanti kollha. L-ewwel laqgħa bejn l-uffiċċjali tal-Kummissjoni u l-kontrapartijiet Ċiniżi tagħhom saret fl-20 ta' Diċembru 2006. Intlaħaq ftehim ġenerali dwar l-ambitu u s-sustanza tad-Djalogu u għandu jiġi ffirmat Memorandum ta' Spjegazzjoni fil-livell għoli sa dan is-sajf. Sadanittant, qed jinbeda wkoll xogħol fir-rigward tal-ftuħ possibbli ta' negozjati mal-Korea dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles. Ovvjament fid-dawl tar-rwol eċċellenti tal-Korea fis-suq globali, il-bini tal-bastimenti għandu jkun inkluż f'dawn in-negozjati. Industrija tal-bini tal-bastimenti vijabbli u sostenibbli Ewropea, u saħansitra dinjija ma tistax tkun ibbażata fuq numri eċċessivi, protezzjoniżmu jew sussidji u l-Kummissjoni qiegħda tissokta taħdem sabiex tikkonvinċi s-sħab kummerċjali tagħna jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bl-istess mod serju kif nagħmlu aħna fl-Ewropa. Qiegħda tingħata wkoll attenzjoni xierqa lill-kawżi u l-effetti ta' differenzi globali fl-ispejjeż ta' ċerti tipi ta' materja prima fuq il-kompetittività tat-tarzni Ewropej. Kapitolu 2: It-titjib tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Investiment ta' l-Innovazzjoni It-titjib tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Investiment ta' l-Innovazzjoni huwa pilastru ewlieni ta' l-inizjattiva tal-LeaderSHIP 2015 . Il-vantaġġ kompetittiv ta' l-Ewropa kien u se jkompli jkun ibbażat fuq il-kapaċità tagħha li tibni l-aktar bastimenti avvanzati. Fil-fatt, l-Ewropa hija responsabbli minn kważi l-innovazzjoniet kollha tal-bastimenti. Dan huwa possibbli permezz ta' l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' suċċess kontinwu ta' l-innovazzjoni u r-riċerka. Fl-ekonomija preżenti u futura ta' l-għarfien, il-LeaderSHIP stimula l-għan ta' appoġġ leġittimu għall-innovazzjoni billi għamel ir-regoli ta' l-UE li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur. Dispożizzjonijiet aġġornati dwar l-għajnuna għall-innovazzjoni lit-tarzni - b'intensitajiet ta' l-għajnuna mfassla sabiex jirriflettu u jippremjaw teħid intelliġenti ta' riskju u jsaħħu l-axxendenza teknoloġika ta' l-Ewropa - ilhom fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2004. Għajnuna ta' l-innovazzjoni tista' tingħata għall-applikazzjoni industrijali ta' prodotti u proċessi innovattivi. Dawn ir-regoli l-ġodda tfasslu sabiex jilħqu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tarzni - fejn wieħed minn kull erba' fornimenti huwa bbażat fuq disinn jew prototip kompletament ġdid jew innovattiv. U jixhdu l-fatt li t-tarzni Ewropej huma sors ġenwin ta' qawwa ta' l-inġinerija. Il-Ġermanja, Franza, u Spanja u aktar riċentement l-Olanda u l-Italja, ħadu l-opportunità ppreżentata mill-qafas il-ġdid ta' għajnuna statali sabiex jiżviluppaw u jiffinanzjaw skemi nazzjonali sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni. Fid-dawl tad-diskrepanza ta' żmien bejn l-adozzjoni tal-qafas u t-twaqqif ta' skemi nazzjonali, jeħtieġ aktar żmien sabiex l-industrija u l-Istati Membri jimplimentaw dawn l-iskemi u jippreżentaw ir-riżultati tagħhom lill-Kummissjoni. Konsegwentement, il-qafas ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2008 sabiex jippermetti aktar żmien għall-verifika ta' l-effettività tiegħu. Ta' min jinnota wkoll hawnhekk il-kooperazzjoni kostruttiva bejn l-industrija u l-Kummissjoni dwar l-elaborazzjoni tar-regoli applikabbli, li ffaċilitaw il-varar ta' din l-iskema fl-Istat Membri kkonċernati. Ir-rakkomandazzjoni l-oħra ta' qofol tal-LeaderSHIP f'dan il-kapitolu, speċifikament is-sejħa għal Pjattaforma tat-Teknoloġija (TP) sabiex issaħħaħ id-dimensjoni Ewropea ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni ġiet fornuta mat-tnedija tal-WATERBORNE TP. Bl-industrija tal-bini tal-bastimenti tforni s-segretarjat, din il-pjattforma tlaqqa' l-komponenti kollha ta' l-industriji marittimi, l-Istati Membri u l-partijiet l-oħra interessati. Sadanittant, minħabba li l-iffinanzjar tal-Komunità għat-trasport fuq il-wiċċ kważi rdoppja - għal madwar €1.3bn - bejn is sitt (FP6, 2002-06) u s-seba' (FP7, 2007-13) Programmi ta' Qafas, teżisti l-opportunità sabiex it-trasport marittimu jirbaħ aktar appoġġ - ukoll meta mqabbel ma' madwar €200 miljun li kiseb mill-FP6. L-FP7 jipprevedi wkoll is-sigurtà - inkluż l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet partikolari għas-settur marittimu - bħala tema ġdida ta' riċerka. Importanti li jinkiseb l-aqwa benefiċċju mill-FP7 u sorsi oħrajn ta' finanzjar fl-Ewropa billi tiġi evitata d-duplikazzjoni, jinħolqu sinerġiji u tiġi mmassimizzata l-koordinazzjon bejn il-leġiżlaturi, l-industrija u l-komunitajiet xjentifiċi. In-natura tat-teknoloġija għolja ta' l-industrija tal-bini tal-bastimenti hija enfasizzata aktar bil-fatt li t-tarzni, bħala medja, jinvestu aktar minn 10% tad-dħul totali tagħhom fuq riċerka, żvilupp u innovazzjoni. Fl-aħħar nett, f'dan il-kuntest, u kif enfasizzat fil-konsultazzjoni tal- Green Paper , il-gruppi industrijali jistgħu jieħdu wkoll rwol importanti fl-industriji marittimi minħabba l-post fejn jinsabu l-intrapriżi u l-livell għoli ħafna ta' għoti estern ta' kuntratti u interkonnessjonijiet bejn is-setturi. Il-gruppi industrijali huma mutur importanti għall-innovazzjoni u l-kompetittività. Il-Kummissjoni hija lesta li tagħmel segwitu tal- Green Paper tal-Politika Marittima f'dan ir-rispett billi tidentifika l-muturi u l-karatteristiċi, inkluża l-kopertura settorjali ta' gruppi marittimi li għandhom suċċess u billi tiddetermina r-rwol tal-Kummissjoni, flimkien ma' l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, billi tippromwovihom. Kapitolu 3: L-iżvilupp ta' Finanzjar Avvanzat u ta' Skemi ta' Garanzija It-tarzni jeħtieġu li jiġġestjonaw proġetti kbar, għaljin u kumplessi. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-valur tal-produzzjoni annwali ta' tarzna jaqbeż il-valur tagħha nnfisha bħala intrapriża profittabbli; madankollu jkollha tħaddan ir-responsabilità sħiħa għal kull bastiment li jinbena. Għalhekk, it-tarzni mhux biss jiżviluppaw proġetti innovattivi, iżda jeħtieġu li jorganizzaw il-kapital li jiċċirkola li jeħtieġ u l-garanziji tar-rifużjoni ġeneralment mitluba mis-sidien. Il-piż fuq il-ħin u r-riżorsi jaffettwa negattivament lill-kompetittività tat-tarzni ta' l-Ewropa meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, igawdu minn skemi ta' finanzjament tal-bastimenti appoġġjati mill-istat. Minħabba f'hekk il-Kummissjoni kienet qiegħda taħdem b'mod intensiv fuq din il-kwistjoni bil-ħsieb li ssib soluzzjoni pragmatika li tilħaq il-ħtiġijiet ta' l-industrija filwaqt li tibqa' kompletament kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-OECD u d-WTO. F'dan il-kuntest, il-konċentrazzjoni saret fuq il-finanzjament ta' qabel il-forniment (il-garanziji ta' rifużjoni) minħabba li s-sidien ġeneralment jkollhomx problemi sabiex jiżguraw finanzjament ta' wara l-forniment fis-suq. Konsegwentament, il-Kummissjoni tat bidu għal kuntatti estensivi mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) sabiex tivvaluta l-fattibilità li huwa jieħu rwol ewlieni fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' skema xierqa. Il-BEI kien ta' għajnuna u kien kostruttiv fit-tfittxija attiva ta' soluzzjoni sodisfaċenti, iżda indika li huwa jiffaċċja limitazzjonijiet sinifikanti notevolment f'termini ta' l-istatut tiegħu, ir-riżorsi disponibbli u l-għarfien espert speċifiku għas-settur li jagħmluha diffiċli għalih sabiex jieħu ewlieni fit-tfassil u l-ġestjoni tal-fond ta' garanzija ta' l-UE li huwa previst. Il-Kummissjoni esplorat ukoll din il-kwistjoni f'ċerta profondità ma' esperti minn istituzzjonijiet bankarji oħra u laqqgħet flimkien il-partijiet kollha interessati f'numru ta' okkażjonijiet sabiex jeżaminaw il-fattibilità ta' l-iskema mixtieqa. Dawn l-isforzi wasslu għal Workshop ma' l-Istati Membri, l-industrija, il-BEI u d-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni fl-20 ta' Ottubru 2006. L-industrija stmat li inizjalment jeħtieġu mill-anqas €300m sabiex jiggarantixxu l-fond. Fil-konklużjoni tal- Workshop , il-Kummissjoni stiednet lill-parteċipanti kollha, partikolarment lill-Istati Membri, sabiex jikkummentaw dwar il-proposta ta' l-industrija, bil-ħsieb li l-kwistjoni titla' fil-livell li jmiss, madankollu s'issa għadha ma waslet l-ebda reazzjoni. Sadanittant il-Kummissjoni, esplorat ukoll il-possibilità ta' allokazzjoni tal-baġit Komunitarju tal-fondi meħtieġa sabiex tappoġġja fond ta' garanzija għat-tarzni. Madankollu, din titlob att speċifiku ta' leġiżlazzjoni u l-iffinanzjar ta' l-ammont rekwiżit li jimplika li jista' jagħti l-każ li tista' tinstab soluzzjoni biss fil-kuntest ta' kwalunkwe qafas baġitarju rivedut. Għandu jiġi nnutat li l-prinċipju bażilari għal skema ta' l-UE jibqa' intatt minkejja l-ħolqien ta' skemi nazzjonali f'bosta pajjiżi. L-industrija tqis li skema Ewropea hija komplementari aktar milli alternattiva għal miżuri nazzjonali. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista' tagħmel progress ulterjuri dwar din il-kwistjoni biss jekk ikun hemm rieda politika ċara mill-Istati Membri wkoll sabeix tingħata reazzjoni xierqa għall-problema. Dan għandu jintwera billi jiġu fornuti mandat u appoġġ solidi mill-awtorità baġitarja u l-BEI għall-iskema mitluba ta' garanzija ta' rifużjoni. Kapitolu 4: Il-promozzjoni ta' Bastimenti li huma aktar Sikuri u Favur l-Ambjent Bastimenti prodotti fl-Ewropa huma ta' l-ogħla kwalità f'termini ta' kumplessità, sigurtà u impatt ambjentali - u ta' spiss jeċċedu r-rekwiżiti regolatorji rilevanti. Minbarra hekk, l-innovazzjoni kontinwa f'termini ta' disinn u bini hija mbuttata mit-talbiet tas-soċjetà għal bastimenti b'aktar sigurtà u li jniġġsu anqas. Iżda t-tarzni Ewropej jikkompetu f'suq tassew dinji li mhux dejjem jivvaluta kif ħaqqhom il-kwalità, l-għarfien u s-servizz u fejn il-bastimenti kultant jiġu ttrattati bħala “komodità”. Il-Kummissjoni u l-indutsrija, minħabba dan, ġeneralment jilqgħu bil-ħerqa standards globali ogħla sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta f'suq globali. Minkejja dan, trid tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li r-regoli globali ma jintużawx ħażin u ma jkollhomx effetti kollaterali perversi. Pereżempju, diskussjonijiet fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar il-kwistjoni ta' l-istandards Ibbażati fuq l-Għanijiet ta' bini tal-bastimenti ġodda jirrikjedu konsiderazzjoni bir-reqqa sabiex jiżguraw li kwalunkwe benefiċċju ta' kwalità u ta' sigurtà li jistgħu jiġġeneraw, ma jwassalx għal kwalunkwe forma ta' trasferiment mhux intenzjonat ta' teknoloġija permezz ta' inkartamenti mandatorji tal-bini tal-bastimenti. Bl-istess mod, ir-regoli ġodda unifikati ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Soċjetajiet ta' Klassifikazzjoni (AISK) għal bini tal-buq jimmiraw li jippromwovu bastimenti b'aktar sigurtà iżda għandha tingħata attenzjoni xierqa minn kulħadd sabiex jiġi evitat kwalunke kxif mhux mixtieq ta' proprjetà intelletwali jew ta' għarfien speċjalizzat. Il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa sabiex jittieħed kont xieraq tat-tħassib ta' sigurtà u ta' ambjent fl-inizjattivi tagħha tal-politika tal-kompetittività u qiegħda taħdem sabiex tiżgura li l-kompetituri globali u s-sħab kummerċjali tagħna jaġixxu bl-istess mod. Dan ifisser ukoll li aktar riċerka fit-teknoloġiji li ma jniġġsux tal-bastimenti u t-tħeġġiġ ta' manutenzjoni aktar spissa u aħjar fil-firxa wiesgħa ta' l-Ewropa ta' faċilitajiet ta' kwalità ta' tiswija tal-bastimenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat it-Tielet Pakkett ta' Sigurtà Marittima sabiex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni attwali notevolmnet fir-rigward tas-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni; kontroll statali tal-portijiet; monitoraġġ tat-traffiku marittimu; responsabilità ta' l-istati tal-bandiera; investigazzjonijiet ta' inċidenti marittimi u r-responsabilità tas-sidien tal-bastimenti. Il-kwistjoni ta' żarmar tal-bastimenti hija wkoll fl-aġenda li għandha tiġi indirizzata fil- Green Paper tal-Kunnissjoni. L-industrija tagħti kontribut tekniku espert lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea ta' Sikurezza Marittima (AESM) u ngħaqdet flimkien ma' reġjuni oħra tal-bini tal-bastimenti sabiex tifforma organizzazzjoni inkarigata bil-koordinazzjoni tal-kontributi tekniċi lil korpi ta' tfassil tar-regoli sabiex tiżgura li jitqiesu l-perspettivi tal-manifatturi. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas f'dan ir-rigward, l-industriji tal-bini tal-bastimenti u tat-trasport marittimu qegħdin jieħdu rwol li kull ma jmur qiegħed iżid l-importanza tiegħu fit-tnaqqis ta' tniġġis tat-trasport u fiż-żieda ta' sikurezza bil-promozzjoni u l-użu ta' Trasport Marittimu f'Distanzi Qosra. L-industriji tal-bini tal-bastimenti ta' l-UE għandhom jissuktaw ikunu fuq quddiem fit-teknoloġija nadifa tat-trasport marittimu, inkluża l-applikazzjoni ta' teknoloġiji sabiex tnaqqas il-konsum ta' l-enerġija, l-emissjonijiet fl-arja u l-użu ta' materjali perikolużu u protezzjoni ta' l- antifouling aktar favorevoli għall-ambjent. Dan għandu jgħin sabiex iwassal il-'kunċett ta' bastiment nadif' f'applikazzjoni usa'. It-trasport marittimu tal-merkanzija huwa diġà aktar effiċjenti mil-lat ta' karburant minn mezzi oħra ta' trasport u t-tarzni Ewropej jinsabu lesti sabiex jagħtu kontribut saħansitra aqwa lejn is-suċċess tiegħu billi jfornu disinji xierqa, innovattivi u flessibbli ta' bastimenti. Dan għandu jkun skond l-istrateġija sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet atmosferiċi minn bastimenti li jaqsmu l-ibħra u l-istrateġiji tematiċi ta' l-UE dwar l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali u dwar l-ambjent marittimu. Qed jiġu żviluppati inizjattivi bħal Marco Polo u Motorways of the Sea li qegħdin jintroduċu ktajjen ta' loġistika tat-trasport ġodda, li jużaw diversi mezzi tat-trasport u li huma bbażati fuq il-baħar fl-Ewropa sabiex jittrasferixxu l-merkanzija mit-triq għall-baħar. Ir-rwol vitali tal-bastimenti fil-forniment tal-komponenti fiżiċi sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' mezzi xierqa f'dan il-kuntest jista' jintuża b'mod ulterjuri għall-benefiċċju reċiproku ta' kemm it-tarzni kif ukoll l-għanijiet tat-trasport ta' l-Ewropa. Kapitolu 5: Strateġija Ewropea għal Ħtiġijiet Navali tal-Bini tal-Bastimenti Ir-rwol kritiku ta' l-industriji marittimi fil-forniment ta' komponenti fiżiċi essenzjali għall-istrateġiji ta' sigurtà u difiża ta' l-UE jirrikjedi attenzjoni bir-reqqa fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki. Il-kwalità u l-vijabilità tat-tarzni ta' l-Ewropa huma kwalità li teħtieġ li titrawwem u tiġi utilizzata. Il-Kummissjoni qiegħda tkompli tesplora kif tista' tutilizza aħjar il-vantaġġ kompetittiv ta' l-Ewropa fil-bini tal-bastimenti billi, pereżempju, tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq u tiffaċilita s-sinerġiji potenzjali fl-applikazzjoni tal-politiki insudtrijali u dawk ta' sigurtà/difiża/akkwist. Operaturi Ewropej b'saħħithom u integrati għandhom jgħinu l-kompetittività tas-settur navali ta' l-Ewropa. Filwaqt li la timbotta u l-anqas tirrestrinġi l-proċess, il- Kummissjoni tilqa' bil-ħerqa x-xejra emerġenti ta' konsolidazzjoni u kooperazzjoni bejn tarzni tal-bini tal-bastimenti fil-livell nazzjonali, sakemm tikkostitwixxi tarġa li twassal għal bini ta' Bażi Teknoloġika u Industrijali Ewropea ta' Difiża (BTIED) fis-settur navali. Fadal bosta ħidma x'issir sabiex jintlaħaq ftehim dwar rekwiżiti komuni ta' operat u jiġu armonizzati ċ-ċikli ta' akkwist bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan aħħari ta' interoperabilità ta' bastimenti u flotot. Dan il-kunċett ta' interoperabilità qiegħed isir essenzjali wkoll fil-kuntest tar-rekwiżit emerġenti għal kapaċitajiet marittimi ta' sorveljanza koerenti, u li jifirxu madwar l-UE. L-iżvilupp tal-kwalitajiet korrispondenti skond il-kunċett ta' "sistemi ta' sistemi " għandu jistimula l-ħtieġa għal pjattaformi navali u jikkontribwixxi għall-kompetittività ta' tarzni fl-Ewropa. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni qiegħda tavża li l-vantaġġi kompetittivi tad-difiża Ewropea u l-industrija navali qegħdin f'riskju jekk ma jkunx hemm bidla sinifikanti. Id-duplikazzjoni u t-telf ta' l-ekonomiji ta' skala permezz ta' dak li huwa deskritt bħala “Mhux l-Ewropa” fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża jinkludi l-isfidi li jiffaċċjaw it-tarzni li għandhom bażijiet industrijali frammentati li jservu biss ta' swieq nazzjonali. Minkejja dan, l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA) - li l-ħolqien tagħha kien ukoll irrakkomandat fil-LeaderSHIP 2015 - ġiet stabbilita f'Lulju ta' l-2004. L-Aġenzija tilħaq l-għanijiet iddikjarati tagħha u fil-fatt qiegħda tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet deskritti fil-qosor hawn fuq. Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni għandha l-għand li toħroġ b'pakkett komprensiv ta' difiża inklużi inizjattivi fil-qasam ta' l-għoti ta' kuntratti relatat mad-difiża u t-trasferimenti ta' tagħmir ta' difiża fi ħdan l-UE. Kapitolu 6: Ħarsien ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) Il-ġejjieni ta' l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti torbot fuq il-pożizzjoni primarja tagħha fit-teknoloġija. L-eċċellenza marittima ta' l-Ewropa u l-kompetittività tagħha fil-bini tal-bastimenti u t-tagħmir tal-baħar huma bbażati fuq li jkollha l-aqwa prodotti u l-industrija u l-leġiżlaturi jridu jaħdmu sabiex jiżguraw li l-għarfien u l-esperjenza li tgħin fil-ħolqien tagħhom huma vvalutati u mħarsa. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ma' l-industrija f'dan ir-rigward sabiex tqajjem kuxjenza ta' proprjetà intelletwali, tapprofitta mill-istrumenti eżistenti u tipprova tiżgura li l-kompetituri kollha tagħna jimxu skond ir-regoli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni nidiet studju ta' sena dwar il-kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intelletwali fil-bini tal-bastimenti f'Diċembru ta' l-2006. L-għan ewlieni huwa li tinkiseb fehma profonda tal-problemi relatati mal-ħarsien tal-proprjetà intelletwali ta' l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti. Din tħaddan id-dimensjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-problema u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom jiġi diffuż (legalment u illegalment) l-għarfien Ewropew tal-bini tal-bastimenti lill-kompetituri. Għandha tiddefinixxi l-problemi b'mod aktar preċiż u tivverifika l-impatt ekonomiku tagħhom bil-ħsieb ta' formolazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' politika. Grupp ta' Ħidma tal-Forum ta' l-Industriji Marittimi li qiegħed jinvestiga Regoli, Regolamenti u Drittijiet qiegħed ukoll jindirizza t-tħassib ta' proprjetà intelletwali. U, kif indikat hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-għan li tinkludi din il-kwistjoni fid-Djalogu maċ-Ċina kif ukoll f'negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali rilevanti. L-industrija hija wkoll inkarigata fil-ħolqien ta' strutturi interni sabiex tħejji kif jixraq il-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni. Kapitolu 7: Sigurtà ta' l-Aċċess għal Ħaddiema tis-Sengħa Fl-industrija avvanzata ta' l-Ewropa tal-bini tal-bastimenti, ħaddiema tas-sengħa huma fattur ta' qofol li jbiddel l-għarfien f'għana u jiżgura l-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Il-Kummissjoni taqbel ma' kif jaħsbuha l-imsieħba soċjali li s-suċċess jinħoloq mill-ħaddiema tat-tarzni li jużaw l-għarfien u l-esperjenza tagħhom. It-tarzni jeħtieġu li jimpjegaw, iżommu u jħarrġu mill-ġdid ħaddiema ta' kwalità sabiex iżommu l-bażi tagħhom ta' ħiliet u għarfien u jiżguraw suċċess li jifrex fit-tul. Il-Komunità ta' l-Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (CESA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Metall (EMF) stabbilew Kumitat ta' Djalogu Soċjali formali għas-setturi tal-bini tal-bastimenti u tat-tarzni f'Settembru ta' l-2003 . Dan huwa l-ewwel ta' dan it-tip fis-snajja' tal-metall fl-UE u jagħti xhieda għall-ambjent ta' ħidma fil-biċċa l-kbira tat-tarzni Ewropej li huwa kkaratterizzat minn professjonalità u rispett reċiproku. F'dak il-qafas, is-CESA u l-EMF ingħataw l-istatus ta' sħab soċjali Ewropej. Bħala tali huma kkonsultati dwar proposti ta' politika soċjali u, jekk jixtiequ, id-djalogu tagħhom jista' jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inklużi ftehimiet. S'issa, il-kumitat ħoloq tliet gruppi ta' ħidma dwar il-mod kif jidher is-settur minn barra, it-taħriġ u l-kwalifiki tal-ħaddiema u l-attivitajiet ċikliċi u l-kwistjonijiet ta' ristrutturar. Il-Kumitat wettaq inizjattivi prattiċi bħall-Ġimgħa Ewropea tat-Tarzna f'Marzu ta' l-2006. L-għan ewlieni tal-“Ġimgħa tat-Tarzna” kien li jsaħħaħ u jxerred il-messaġġ tal-LeaderSHIP 2015, itejjeb il-kwalità ta' attrazzjoni tat-tarzni bħala post tax-xogħol għaż-żgħażagħ li ggradwaw u l-professjonisti b'ħiliet ta' livell għoli u jippromwovi dehra pożittiva għas-settur. Diġà qiegħed jitħejja ppjanar għal eżerċizzju simili fl-2008. Iżda tibqa' l-problema ta' l-immaġini tal-bini tal-bastimenti li spiss tiġi ppreżentata bħala industrija antika b'ġejjieni inċert u din trid tkompli tiġi indirizzata. Żgħażagħ iggradwati u ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli mhumiex dejjem konxji mill-opportunitajiet disponibbli bħala riżultat ta' l-evoluzzjoni dinamika tat-tarzni fis-snin riċenti. Sadanittant, il-Forum ta' l-Industriji Marittimi (FIM) għamel sejħa għal Jum Marittimu Ewropew fir-rakkomandazzjoni tiegħu fl-aħħar sessjoni plenarja f'Oslo (in-Norveġja) f'Ottubru ta' l-2006. Minbarra dan, il-kumitat tad-Djalogu Soċjali attwalment qiegħed iħejji proġett ġdid sabiex jiżviluppa età kumulattiva u profil ta' kwalifika li jista' jintuża sabiex jidentifika rekwiżiti futuri ta' taħriġ u reklutaġġ. Dan jipprevedi wkoll l-analiżi u l-indirizzar tal-problema tal-popolazzjoni tal-ħaddiema li qiegħda tixjieħ li hija partikolarment kritika f'uħud mill-Istati Membri u jista' jikkomplementa kwalunkwe inizzjattiva futura tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ħiliet marittimi. Kapitolu 8: Il-bini ta' Struttura ta' Industrija Sostenibbli Il-Kummissjoni la għandha l-mandat u l-anqas il-vokazzjoni sabiex tiddefinixxi l-istruttura ta' l-industrija ta' l-Ewropa tal-bini tal-bastimenti. Dan jinsab f'idejn is-suq u l-forzi u l-prinċipji li jiggvernawh. Minkejja dan, il-frammentazzjoni ta' l-industrija Ewropea tat-tarzna, jekk tissokta, tista' xxekkel il-kompetittività. Għalhekk il-Kummissjoni tilqa' bil-ħerqa l-iżviluppi riċenti fid-direzzjoni tal-fużjoni tal-kumpaniji, akkwiżizzjonijiet u intrapriżi konġunti. Gruppi b'saħħithom Ewropej tal-bini tal-bastimenti bil-kapaċitajiet finanzjarji u teknoloġiċi mitluba għandhom ikunu mgħammra aħjar sabiex jikkompetu b'suċċess fis-suq dinji li dejjem qiegħed isir aktar kompetittiv. Il-LeaderSHIP 2015 ċertamnet iffaċilita xi konverġenzi ta' politika nazzjonali lejn l-industrija tal-bini tal-bastimenti billi pprovda qafas ta' riferiment għall-kompetittività tas-settur. Iżda għad fadal ambitu għall-progress ulterjuri f'din id-direzzjoni. Meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħha fil-Ġappun u l-Korea, l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti hija aktar diversifikata, għandha aktar tarzni ta' daqs żgħir jew medju u l-proċess ta' konsolidazzjoni u ristrutturar għandu ma tlestiex. Konklużjonijiet u Prospettivi għall-ġejjieni Il-LeaderSHIP 2015 qiegħed iwettaq riżultati minn kull lat. Huwa kkontribwixxa għal bidla fil-politika Ewropea li xeqilbet lejn il-perċezzjoni pubblika tas-settur. Minkejja li l-bini tal-bastimentikien meqjus bħala industrija sussidjata li tinsab fi tmiemha, illum hija rikonoxxuta b'mod wiesa' bħala parti mis-settur Ewropew modern u effiċjenti tal-manifattura li fil-fatt qiegħed joffri impjiegi ġodda u iservi ta' mutur għat-tkabbir fit-trasport, il-kummerċ, it-turiżmu u oqsma oħra. Il-LeaderSHIP huwa eżempju tanġibbli ta' l-applikazzjoni ta' l-istrateġija ta' Tkabbbir Ekonomiku u Impjiegi għal settur speċifiku. Mgħejjun minn żviluppi pożittivi tas-suq, huwa immobilizza partijiet interessati, għen l-industrija tadatta għat-tmiem ta' għajnuna ta' l-operat fl-2000 u forna pjan ta' rotta universalment aċċettat għall-bidla meħtieġa. Ma għandniex nissottovalutaw l-effett ta' unità/mobilizzar li ħalla fuq l-industrija nnifisha – li fuqha jiddependi s-suċċess fundamentali fis-suq – billi ħeġġiġha tibni strateġiji u strutturi komuni sabiex tirreaġixxi għall-isfidi fl-isferi kollha. Barra minn dan, il- Green Paper tal-Politika Marittima, li temfasizza l-importanza tas-setturi marittimi fl-Ewropa ssaħħaħ b'mod ulterjuri dan l-isforz. Il-Kummissjoni temmen li l-LeaderSHIP 2015 ikompli jipprovdi qafas xieraq għall-politiki tagħha indirizzati lejn is-settur tal-bini tal-bastimenti. Għandu jissokta u fejn possibbli għandha tiżdiedlu l-ħeffa tiegħu, partikolarment fir-rigward tal-kwistjoni ta' l-iffinanzjar tal-bastimenti. Iżda għandu jiġi nnutat li f'bosta oqsma l-inizjattiva tinsab prinċipalment fil-qasam ta' l-industrija (eż. l-istruttura ta' l-industrija) jew għand l-Istati Membri. L-ambjent tas-suq għat-tarzni Ewropej ta' klassi mondjali probabbilment se jsir aktar iebes fis-snin li ġejjin iżda l-Kummissjoni tibqa' marbuta mal-LeaderSHIP 2015 u se tissokta tirsisti sabiex tiżgura li l-aqwa taħlita ta' politika qiegħda titfassal u tiġi applikata fil-livell ta' l-UE sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni.