[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 4.4.2007 KUMM(2007) 182 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Titjib it-trasferiment ta' l-għarfien bejn istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija madwar l-Ewropa: it-tħaddin ta' l-innovazzjoni miftuħa - Implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' Liżbona - {SEG(2007) 449} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Titjib it-trasferiment ta' l-għarfien bejn istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija madwar l-Ewropa: it-tħaddin ta' l-innovazzjoni miftuħa- Implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' Liżbona -(Test b'rilevanza għaż-ŻEE) Wieħed mill-assi tradizzjonali u importanti ta' l-Ewropa huwa l-bażi qawwija ta' l-informazzjoni xjentifika u din ħallietna nsiru ta' klassi mondjali f'diversi oqsma ta' riċerka[1]. Minkejja dawn il-merti kollha, il-pożizzjoni globali tar-riċerka Ewropea qed tiġi sfidata minn ambjent ta' riċerka li qiegħed dejjem jitbiddel malajr. Fl-istess waqt, ir-riċerka Ewropea qed tiġi ffaċċata bl-implikazzjonijiet tal-globalizzazzjoni tas-swieq u ta' l-industriji, bid-diġitizzazzjoni u bit-teknoloġiji ġodda, kif ukoll bil-bżonn li jiġu indirizzati kwistjonijiet tas-soċjetà bħall-popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ jew it-tibdil fil-klima. Fl-istrateġija ta' innovazzjoni ta' bażi wiesgħa tagħha għall-UE[2], l-importanza għal titjib fit-trasferiment ta' l-għarfien[3] bejn istituzzjonijiet ta' riċerka pubbliċi[4] u partijiet terzi, fosthom l-industrija u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienet identifikata mill-Kummisssjoni bħala wieħed mill-għaxar oqsma importanti għal azzjoni. Din il-Komunikazzjoni tirrispondi għal dan il-bżonn u tressaq għadd ta' orjentazzjonijiet għall-Istati Membri. Hija turi l-ideat kif l-Istati Membri u l-Komunità jistgħu jaħdmu flimkien, b'tisħiħ reċiproku, sabiex jegħlbu xkiel eżistenti, b'mod partikulari fejn tidħol il-promozzjoni tad-dimensjoni transnazzjonali tat-trasferiment ta' l-għarfien. Hija akkumpanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar "linji ta' gwida volontarji għall-universitajiet u istituzzjonijiet ta' riċerka sabiex itejbu r-rabtiet tagħhom ma' l-industrija madwar l-Ewropa" li huwa bbażat fuq prattiċi tajbin identifikati minn għadd ta awtoritajiet nazzjonali pubbliċi u x-xogħol ta' diversi assoċjazzjonijiet interessati Ewropej. 1. ħTIEġA GħALL-AZZJONI Problema importanti hija kif tagħmel użu aħjar minn fondi pubbliċi għall-R&D. Meta mqabbla ma' l-Amerika ta' Fuq[5], l-universita medja Ewropea[6] [7]toħloq ħafna anqas invenzjonijiet u brevetti. L-aktar dan iseħħ minħabba ġestjoni anqas sistematika u professjonali ta' l-għarfien u tal-proprjeta intellettwali min-naħa ta' l-universitajiet Ewropej. Barra minn hekk, it-trasferiment effiċjenti ta' l-għarfien fl-istituzzjonijiet ta' riċerka Ewropej huwa mxekkel minn firxa ta' fatturi, fosthom: differenzi kulturali bejn il-komunitajiet tan-negozju u dawk tax-xjenza; nuqqas ta' inċentivi; ostakli legali; u swieq imfarrka għall-għarfien u t-teknoloġija[8] Dawn il-fatturi kollha jaffetwaw ħażin it-tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa. Madankollu, l-importanza tat-trasferiment ta' l-għarfien sabiex issaħħaħ il-kompetittività u biex tikkontribwixxi għall-effettività tar-riċerka pubblika qed dejjem tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri, u hija riflessa fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom żviluppati skond l-istrateġija ta' Liżbona. Qed jitwettqu diversi inizjattivi bil-għan li jippromwovu kolloborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u n-negozji. Diversi Stati Membri ħadu inizzjattivi biex jippromwovu u jiffaċilitaw it-trasferiment ta' l-għarfien (pereżempju liġijiet ġodda, metodi ta' l-IPR, linji gwida jew mudelli ta' kuntratti) u ħafna oħrajn qed jippjanaw li jintensifikaw il-ħidma tagħhom f'din id-direzzjoni. Madankollu, dawn l-inizjattivi ħafna drabi huma ddisinjati b'perspettiva nazzjonali, u jonqsu li jindirizzaw id-dimensjoni transnazzjonali tat-trasferiment ta' l-għarfien. Għalhekk hemm bżonn kundizzjonijiet aktar ekwi fejn jidħlu interazzjonijiet ta R&D bejn l-universitajiet u l-industrija fl-Ewropa. L-universitajiet Ewropej u istituzzjonijiet ta' riċerka oħrajn qed jirrealizzaw indaqs ir-rwol li dejjem qed jinbidel tagħhom fl-ekonomija globalizzata u daħlu għal inizjattivi interessanti. Huma rrealizzaw li ma għadhomx akatar sempliċement jipprovdu ż-żona lokali bil gradwati iżda, qed isibu rwieħhom jikkompetu fuq skala globali għall-istudenti, riċerkaturi u sħab industrijali. Min-naħa tagħhom, huma jirrealizzaw li se jkollhom jipprovdu riċerka ta' klassi mondjali biex jiġbdu lejhom l-imsemmija studenti u r-riċerkaturi fil futur. Sabiex jibqgħu attraenti, se jkollhom bżonn jiftħu rwieħhom għan-negozju u għall kollaborazzjoni internazzjonali, li tista' wkoll tgħin biex tiġġenera fondi ġodda. Il-qsim ta' l-għarfien, partikolarment permezz ta' kollaborazzjonijiet ta' R&D man-negozji – filwaqt li potenzjalment huma sors ta' dħul għall-istituzzjonijiet ta' riċerka – jista' jagħti spinta importanti kemm lill-kwantità kif ukoll lill-kwalità tar-riċerka mibdija. 2. L-INDUSTRIJA U L-ISTITUZZJONIJIET TA' RIċERKA – ĦIDMA FLIMKIEN LEJN EKONOMIJA TA' L-GħARFIEN Il-ħtieġa għall-qsim ta' l-għarfien bejn l-istituti ta' riċerka u l-industrija sar aktar evidenti f'dawn l-aħħar snin. Storikalment, l-istituzzjonijiet ta' riċerka kienu ikkunsidrati bħala sors ta' ideat ġodda u l-industrija offriet rotta naturali sabiex timmassimizza l-użu ta' dawn l-ideat. Madankollu, matul l-aħħar għaxar snin kien hemm bidla sinifikanti fir-rwoli taż-żewġ partijiet. Ħafna kumpaniji qed jiżviluppaw metodi ta' innovazzjoni miftuħa għall-R&D, waqt li jikkumbinaw ir-riżorsi interni u dawk esterni, u jimmiraw li jimmassimizzaw il-valur ekonomiku mill-proprjetà intelletwali tagħhom, anki meta mhux marbuta direttament mal-qofol tan-negozju tagħhom. B'mod partikolari, huma bdew jaraw ir-riċerka pubblika bħala riżors strateġiku. Fl-istess waqt, sar iktar ċar il-fatt li istituzzjonijiet ta' riċerka jrid ikollhom rwol akatr attiv fir-relazzjoni tagħhom ma' l-industrija sabiex jimmassimizzaw l-użu tar-riżultati tar-riċerka. Dan ir-rwol ġdid[9] jirrikjedi persunal speċjalizzat li jidentifika u jġestixxi ir-riżorsi ta' l-għarfien b'potenzjal ta' negozju, jiġifieri kif l-aħjar tieħu idea ġdida fis-suq, tiżgura riżorsi xierqa (fondi, servizzi ta' għajnuna, eċċ.) biex isseħħ, u biex tikseb xiri mill-interessati kollha. 2.1. Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal suċċess fit-trasferiment ta' l-għarfien Sar magħruf li l-involviment tan-negozji fil-ġestjoni ta' istituzzjonijiet ta' riċerka jista' jgħin biex jorjenta r-riċerka u l-attivitajiet edukattivi lejn il-bżonnijiet tas-soċjetà, biex iġib il-ħiliet meħtieġa biex jgħinu l-attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien, u biex jindika rieda li fl-attivitajiet kollha jiddaħħlu metodi innovattivi. Interazzjoni bħal din għenet biex tħaffef il-mobbiltà intersettorjali, jiġifieri permezz ta' bdil ta' staff kif ukoll permezz ta' għoti ta' xogħol lill-gradwati ġodda mill-industrija. Aktar minn hekk, ħafna istituzzjonijiet ta' riċerka Ewropej waqqfu uffiċji għat-trasferiment ta' l-għarfien f'dawn l-aħħar snin, bil għan li jtejbu il-kollaborazzjoni u l-użu tar-riżultati ta' riċerka u l-użu tagħhom min-negozji. Is-suċċess tagħhom jiddependi l-aktar fuq il-ħiliet u l-kompetenza tal-persunal tagħhom, kif ukoll mir-rwol strateġiku assenjat lilhom u mill-awtonomija tal-ġestjoni tagħhom. Il-membri tal-persunal li jaħdmu fit-trasferiment ta' l-għarfien għandu jkollhom firxa wiesgħa ta' ħiliet sabiex jagħmlu xogħlhom b'mod efettiv. Madankollu, ħafna drabi f'dawn il-karigi jinħatru individwi relattivament bla esperjenza. Żvilupp professjonali kontinwu jeżisti biss f'għadd limitat ta' pajjiżi iżda ħafna drabi huma inadegwati f'termini ta' spejjeż u/jew l-għotja. Il-Kummissjoni bħalissa qed tistudja mezzi sabiex tindirizza din il-problema. Seba' Stati Membri[10], bl-għajnuna tal-Kummisssjoni[11], qed jibnu struttura li tipprovdi uffiċjali ġodda li jaħdmu fit-trasferiment ta' l-għarfien bi kwalifika li hija reċiprokament rikonoxxuta bejniethom. Aktar minn hekk, PROTON Europe[12], filwaqt li tibni fuq l- Istitut għat-Trasferiment ta' l-Għarfien [13], qed tippjana li toħloq skeda ta' akkreditazzjoni għall-uffiċjali eżistenti tat-trasferiment ta' l-għarfien ibbażata fuq l-esperjenza u r-riżultati mgħoddija tagħhom. Sabiex iwettqu attivitajiet ta' trasferiment, l-istituzzjonijiet ta' riċerka hemm bżonn li jkollhom awtonomija biżżejjed sabiex iħaddmu staff tat-trasferiment ta' l-għarfien ta' esperjenza fuq bażi kompetittiva. Aktar mobbiltà bejn il-pubbliku u s-settur privat tgħin lir-riċerkaturi ta' l-istituzzjonijiet ta' riċerka u lill-maniġers jidentifikaw bżonnijiet komuni ma' l-industrija. Madankollu, xi regoli u ostakli amministrattivi jistgħu jiskoraġixxu tali mobbiltà. Pereżempju, regoli relatati ma' taħriġ intern u regolazzjoni tas-suq tax-xogħol, b'mod partikulari dawk li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet, jistgħu jimpedixxu bdil ta' staff. Barra dan, f'xi pajjiżi, riċerkaturi tas-settur pubbliku ma jitħallewx jaħdmu għall-industrija fuq bażi part-time , konsulenza jew mod ieħor[14]. Hemm bżonn ukoll li riżorsi eżistenti jsiru aktar aċċessibbli. Dan jista' jinkiseb parzjalment permezz tal-koordinazzjoni. Fil-preżent, xi istituzzjonijitet għandhom persunal li l-ħin kollu jfittxu rabtiet ma' l-industrija, iżda ma jinteraġixxux bejniethom. Billi jaqsmu bejniethom il-ħiliet tagħhom dwar it-trasferiment ta' l-għarfien, jistgħu jiżguraw li ħiliet bħal dawn isiru aktar disponibbli madwar l-istituzzjonijiet ta' riċerka. Barra dan, benefiċċji sinifikanti jistgħu jinqalgħu billi jqabbdu lill-ħaddieħor jagħmel ċerti funzjonijiet speċjalizzati jew billi jużaw ir-riżorsi ta' xulxin jew riżultati ta' l-R&D (u d-drittijiet ta' l-IP assoċjati) bejn diversi istituzzjonijiet ta' riċerka[15]. Eżempji ta' l-użu tar-riżorsi ta' xulxin bejn diversi uffiċċji tat-trasferiment ta' l-għarfien jinkludu l- marketing tal-brevetti u l-aġenziji tat-trasferiment ta' l-għarfien stabbiliti fil-Ġermanja, in- North of England Science Initiative jew il- VIB[16] Belġjana . Inkella, użu tali jista' jindirizza settur uniku ta' l-industrija (pereżempju il- White Rose Consortium [17] ) jew attività unika ta' trasferiment ta' l-għarfien. Huwa partikolarment ta' interess tinnota l-firxa ta' benefiċċji li jistgħu jinkisbu permezz ta' l-użu bejniethom tal-brevetti ta' l-istituzzjonijiet ta' riċerka. L-użu konġunt ta' brevetti miġmugħin jista' jgħin fil-ħolqien ta' massa kritika ta' proprjetà intellettwali li hija meħtieġa sabiex idea innovattiva tiġbed lis-settur privat. Bi tmexxija tajba, kull parteċipant relevanti fl-industrija jista' jkun mgħarraf dwar iċ-ċentri ta' riċerka li ġġeneraw l-IP u dan kieku jgħin l-ixprunar ta' rabtiet ma' l-industrija. Barra minn dan, il-ħolqien ta' brevetti miġmugħin għall-użu minn kulħadd jista' jwassal għal relazzjonijiet aktar b'saħħithom bejn l-uffiċċji tat-trasferiment ta' l-għarfien u jipprovdu bażi għal aktar xogħlijiet interistituzzjonali. Tagħqid flimkien tar-riżorsi bħal dan jidher li hu partikolarment xieraq għal dawk l-istituzzjonijiet ta' riċerka li ma għandhomx il-firxa u l-volum ta' riżultati ta' riċerka li jistgħu jintużaw li jiġġustifikaw il-ħolqien ta' uffiċċju għat-trasferiment ta' l-għarfien. Fejn xieraq, Stati Membri għandhom attivament jippromwovu u jgħinu l-ġmigħ flimkien tar-riżorsi bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka. Hu kemm hu ta' għajnuna fuq livelli nazzjonali u reġjonali, ġmigħ ta' riżorsi tali, dawn l-inizjattivi rari jindirizzaw id-dimensjoni transnazzjonali. Biex tindirizza dan in-nuqqas il-Kummissjoni ħolqot netwerk transewropew bil-għan li jiffaċilita t-trasferiment transnazzjonali tat-teknoloġija, jiġifieri in-netwerk ta' l- Innovation Relay Centres (IRCs)[18]. L-IRCs huma bbażati fi 33 pajjiż u jipprovdu assistenza ppersonalizzata lill-universitajiet u lill-industrija (speċjalment lin-negozji ta' daqs żgħir u medju). Bil kollaborazjoni mill-qrib tagħhom ma' assoċjazzjoni ewlenija Ewropea ta' trasferiment ta' l-għarfien[19] huma ħolqu sistema sempliċi u effettiva li tippermetti lill-universitajiet li jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar teknoloġiji ġodda relevanti għall-kummerċ b'mod strutturat mal kumpaniji madwar l-Ewropa. 2.2. Promozzjoni ta' mentalità imprenditorjali Il-bżonn tal-pubblikazzjoni u tad-disponibbiltà b'xejn tar-riżultati ħafna drabi tidher bħala inkompatibbli mal-bżonn ta' l-industrija li l-informazzjoni żżommha kunfidenzjali u protetta bis-saħħa tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali bħal brevetti. Madankollu, l-esperjenza turi li l-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u t-tixrid ta' għarfien ġdid jista' jkun kompatibbli, sakemm kwistjonijiet ta' proprjetà intelletwali jiftiehmu u jiġu ġestititi professjonalment. L-interazzjoni dwar dawn il-punti tista' tiġi ffaċilitata b'għodod bħad- decision tree CREST[20], kuntratti mudell bħal- Lambert agreements tar-Renju Unit[21], jew gwida bħad-dokument Daniż dwar Kuntatti, kuntratti u kodiċi [22], kif ukoll permezz ta' inizjativi ta' tqajjim ta' kuxjenza mill-uffiċċji Ewropej u nazzjonali tal-brevetti. L-inizzjattiva Sħubija Responsabbli [23], żviluppata minn 4 universitajiet Ewropej ewlenin u assoċjazzjonijiet ta' l-industrija (EIRMA, EUA, PROTON, EARTO), tippreżenta għarfien ewlieni dwar kif tista' tinħoloq kollaborazzjoni effettiva ta' riċerka. L-Istati Membri għandhom rwol fl-iżvilupp u t-twettiq ta' inizjattivi bħal dawn u għandhom jgħinuhom attivament. Diversi approċċi ta' "kreattività komuni"[24] (aċċess miftuħ, pubblikazzjonijiet miftuħa, softwer miftuħ,...) qed jintużaw dejjem aktar minn ħafna universitajiet. Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiżguraw tixrid aktar effettiv tar-riżultati, għalkemm f'xi każijiet jista' jkun hemm bżonn ta' protezzjoni formali (eż. drittijiet ta' disinn, brevetti jew ftehim ta' trasferiment ta' materjal) jekk xi prodott għandu jitpoġġa fis-suq b'suċċess. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li r-riċerkaturi jkunu mgħarrfa b'dawn il-benefiċċji taż żewġ metodi u li d-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta' l-impatt soċjoekonomiku. Peress li r-regoli li jirregolaw il-pussess tar-riżultati ta' R&D mħallsa minn fondi pubbliċi għadhom ivarjaw madwar l-Ewropa, jista' jkun xieraq li fil-futur qarib terġa' titqajjem il-kwestjoni tal-pussess tal-mudell uniku Ewropew għar-riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi. It-trawwim ta' mentalità imprenditorjali[25] kif ukoll tal-ħiliet relevanti fost ir-riċerkaturi, tista' tikkontribwixxi ħafna għat-tnaqqis tal-qasma kulturali li teżisti bejn istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija. Sabiex irawwmu interazzjonijiet bejniethom, ir-riċerkaturi jeħtieġu ħiliet bażiċi ta' trasferiment ta' l-għarfien u imprenditorjali. Edukazzjoni intraprenditorjali għandha tiġi offruta sabiex tipprovdi taħriġ dwar il-ġestjoni il-proprjetà intellettwali, kif taħdem flimkien ma' l-industrija, u kif tibda u tmexxi negozju. Għalkemm l-edukazzjoni terzjarja hija normalment deċentralizzata sew, jeżistu eżempji ta' strateġiji nazzjonali għall-promozzjoni ta' intraprenditorija fl-edukazzjoni għolja (eż. is- Science Enterprise Challenge fir-Renju Unit). Sabiex tgħin fis-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-kontenut ta' korsijiet bħal dawn, il-Kummissjoni bħalissa qed tagħti fondi għal proġett[26] sabiex toħloq sett komuni ta' materjal għat-taħriġ tal-qofol sabiex iqajjem kuxjenza ta' l-importanza ta' kwistjonijiet ta' ġestjoni ta' l-IP fost parteċipanti diversi. Barra minn hekk, wiehed mill-aktar metodi effettivi biex tiżviluppa ħiliet bħal dawn u l-qsim ta' l-għarfien huwa ċ-ċaqliq tal-persunal bejn l-istituzzjonijiet u l-industrija. Il-Kummissoni kienet proponent attiv ta' attivitajiet bħal dawn permezz ta' l-iskema " Sħubija strateġika Industrijali Akkademika Marie Curie " li tgħin l-iżvilupp ta' kollaborazzjonijiet fit-tul bħal dawn permezz tal-bdil tar-riċerkaturi. Il- qafas ġdid b'għajnuna mill-Istat ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni introduċa wkoll miżura dwar għajnuna għal self ta' persunal kwalifikat sew minn istituzzjonijiet ta' riċerka (jew kumpaniji kbar) lin-negozji ta' daqs żgħir u medju (SMEs). F'ħafna pajjiżi, l-istituzzjonijiet ta' riċerka ħolqu sistemi ta' premju fejn l-inventur jirċievi sehem mill profitti magħmula mill-brevetti jew rekalmar ta' l-invenzjonijiet. Mudell eżempju huwa wieħed fejn il-profitti huma maqsuma bejn ir-riċerkatur, l-istituzzjoni ta' riċerka u s-sieħeb fin-negozju. Madankollu, għalkemm jistgħu jiġu applikati xi inċentivi finanzjarji, ħafna mill-persunal jibqgħu lura milli jieħdu sehem f'attivitajiet bħal dawn, speċjalment jekk ma jitqisulhomx għall–progress fil-karriera. Għalhekk huwa importanti li l-kriterji ta’ valutazzjoni jagħtu kas attivitajiet oħra bħal brevettar, liċenzjar, mobbiltà u l-kollaborazzjoni ma' l-industrija [27] . 3. KIF DAN ISEħħ: ħIDMA FLIMKIEN BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-KOMUNITÀ L-istituti ta' riċerka u l-industrija jistgħu jibbenefikaw minn politika ta' għajnuna pubblika fuq livelli reġjonali[28], nazzjonali u tal-Komunità. L-għajnuna tista' tkun ta' forom differenti, mill-promozzjoni ta' politiki tajba għall-finanzjament dirett għal mekkaniżmi ta' trasferiment ta' l-għarfien. Attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fiż- Żona Ewropea ta' Riċerka (ERA) u permezz ta' l-istrateġija ta' Liżbona permezz ta' l-implimentazzjoni tal-"pjan ta' azzjoni 3%"[29] qed ikomplu jagħtu riżultati konkreti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-fondi disponibbli, u jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet ta' riċerka sabiex jagħmlu hekk ukoll . Fondi għall-Politika ta' Koeżjoni ( Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Koeżjoni Soċjali, u l-Fond Soċjali Ewropew ), fondi nazzjonali skond il-qafas ġdid Komunitarju ta' għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI)[30], u l- Programmi ta' Qafas Ewropej għandhom kollha jintużaw sabiex isaħħu aktar rabtiet bejn istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija. 3.1. L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija It-twaqqif ta' l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT) huwa eżempju tajjeb ta' kif l-UE tista' timplimenta mudelli ta' organizzazzjoni innovattivi- kif imsemmija fl-aġenda ta' tiġdid għall-universitajiet – sabiex tispira bidla u tgħaġġel il-proċess ta' trasferiment ta' l-għarfien f'istituzzjonijet eżistenti, kif ukoll iżżid ir-rabtiet tagħhom ma' l-industrija, bħala parti sħiħa mill-istrateġija sabiex tuża l-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-Ewropa. Minn meta l-Kummissjoni l-ewwel ressqet l-idea fl-2005, sar proċess wiesa' ta' konsultazzjoni u xogħol ta' stima ta' l-impatt. Il-Kummissjoni tistenna li d-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew u l-Parlament jitlestew fl-2007 u li l-EIT jibda jaħdem fl-2008. L-EIT huwa viżjoni u sforz kuraġġuż fit-tul. Dan se jiffoka fuq l-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' l-aspetti kollha tat-trijangolu ta' l-għarfien – innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni - f'oqsma li joffru sfidi għall-futur ta' l-Ewropa. B'mod partikolari, l-EIT se jippromwovi l-istituzzjonijiet ta' riċerka - interazzjonijiet ma' l-industrija u t-trasferiment ta' l-għarfien. Fil-bord tat-tmexxija tiegħu se jkun bilanċ bejn l-għarfien espert azjendali u dak akkademiku, u se jipprovdi mudell ta' riferenza għall-esperimentazzjoni b'metodi ta' tmexxija orjentati lejn in-negozju. L-EIT se jġib valur miżjud importanti għall-inizjattivi eżistenti ta' l-UE fil-qasam tat-trasferiment ta' l-għarfien: - Is-settur tan–negozju se jkollu rwol kruċjali f'kull attività ta' l-EIT. L-għan finali ta' l-EIT ċertament huwa l-innovazzjoni u t-twettiq tar-riżultati tar-riċerka u l-edukazzjoni f'soluzzjonijiet innovattivi. - Huwa maħsub li jkun l-inizjattiva ewlenija ta' l-Ewropa fl-innovazzjoni, li jibgħat messaġġ ċar dwar l-impenn tagħha għat-tisħiħ ta' l-innovazzjoni u jispira bidla fl-istituzzjonijiet ta' riċerka tagħha. - Se jintegra għall-ewwel darba it-tliet aspetti tat-trijangolu ta' l-għarfien fuq bażi ugwali. Speċjalment l-edukazzjoni titqies bħala element essenzjali fil-proċess ta' innovazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet it-twaqqif ta' mudell ta' 'EIT integrat' li jgħaqqad metodi minn isfel għal fuq u dawk minn fuq għal isfel ibbażati fuq struttura ta' żewġ livelli. L-ewwelnett, bord tat-tmexxija li jirrappreżenta kemm lill-azjendi kif ukoll lill-akkademja se jipprovdi gwida dwar l-għażla, l-evalwazzjoni u l-koordinament tal- Komunitajiet ta' l-Għarfien u l-innovazzjoni (KICs). It-tieni, sett ta' KICs awtonomi se jintgħażlu sabiex iwettqu x-xogħol ta' l-EIT madwar l-Ewropa. Dawn se jintegraw kompletament u jwettqu innovazzjoni, riċerka u attivitajiet edukattivi dwar temi miftiehma. Dawn se jkunu impriżi konġunti ta' organizzazzjonijet sħab li jirrappreżentaw l-universitajiet, organizzazzjonijiet ta' riċerka u negozji. 3.2. Attivitajiet ta' kooperazzjoni Sforzi sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet ta' riċerka pubbliċi jiżviluppaw rabtiet aktar effettivi ma' l-industrija, b'mod partikulari ma' l-SMEs, kienu fil qofol tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni ta' l-Istati Membri u l-Komunità sabiex jimplimentaw il-mira ta' 3% ta' l-istrateġija għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta' l-UE. Dawn l-attivitajiet seħħew fi ħdan il- Kumitat Għal-Riċerka Xjentifika u ta' Riċerka teknoloġika (CREST), li iservi bħala forum sabiex iqiegħed fil-prattika il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, għodda ta' kooperazzjoni politika bbażata prinċipalment fuq il-qsim ta' l-informazzjoni u l-aqwa prattika. Is-sezzjonijet ta' qabel irreferew għal xi riżultati ta' din il-kooperazzjoni li tieħu l-forma ta pariri esperti, rakkomandazzjonijiet ta' politika, dokumenti ta' gwida, reviżjoni minn esperti ugwali ta' politiki nazzjonali u inizzjattivi li jqajmu kuxjenza[31]. Dawn l-attivitajiet ta' kooperazzjoni se jkomplu u r-riżultati għandhom isostnu l-azzjoni ta' l-Istati Membri sabiex itejbu t-trasferiment ta' l-għarfien u r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija. L-inizjattivi ta' politika l-aktar relevanti għandhom jiġu inklużi fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-P rogrammi Nazzjonali ta' Riforma (2008-2011). Bħala tkomplija ta' seminar li sar f'Liżbona għall-koordinaturi nazzjonali ta' Liżbona dwar sħubijet ta' l-għarfien, l-Istati Membri ressqu firxa ta' eżempji interessanti. Madankollu, dawn l-inizjattivi ovvjament huma ddisinjati b'perspettiva nazzjonali, u jonqsu li jindirizzaw id-dimensjoni transnazzjonali tat-trasferiment ta' l-għarfien. L-elaborazzjoni ta' inizjattivi konkreti fuq livell tal-Komunità għandu jiġi esplorat sabiex jgħin l-isforzi ta' l-Istati Membri u jgħolli id-dimensjoni transnazzjonali ta' xi miżuri. Żewg oqsma li jeħtieġu sforzi speċjali fuq il-livell ta' l-Istati Membri u tal-Komunità huma l-iżvilupp ta' miżuri apposta li jippromwovu l-istituzzjonijiet ta' riċerka - interazzjoni ta' l SMEs u għodda għall-kejl tal-progress: - Il-promozzjoni ta' l-istituti ta' riċerka – Interazzjonijiet ta' l-SMEs Ħafna mill-interazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-kumpaniji jinvovlvu ditti kbar. Dan minħabba l-fatt li kollaborazzjonijiet bħal dawn jitqiesu li huma aktar b'saħħithom u regolari minn dawk ta' ma' l-SMEs. Evidentement, l-SMEs huma klijentela diversa għas-servizzi ta' trasferiment ta' l-għarfien. SMEs fis-setturi ta' teknoloġija għolja tal-manifattura għandhom baġits tipikalment għoljin għall-R&D u rabtiet mill-qrib ma' l-akkademja bħala effett ta' ċikli ta' prodott ferm qosra. Fis-setturi tradizzjonali, il-kapaċità ta' l-SMEs li attivament jieħdu sehem f'attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien huwa tipikalment ristrett mir-riżorsi umani u finanzarji. Għalhekk huwa importanti li l-SMEs jiġu inkoraġġiti jassorbu għarfien ġdid u estern għal innovazzjoni aktar malajr. Eżempju ta' prattika tajba eżistenti hija l-iskema ta' vawċers ta' innovazzjoni ta' l-Olanda li l-għan ewlieni tagħha huwa li jippermetti l-SMEs jixtru għarfien u konsulenza strateġika mingħand istituzzjonijiet ta' riċerka permezz ta' vawċers ta' innovazzjoni (li jiswew €7 500) u b'hekk jistimulaw l-interazzjoni bejn il-fornituri ta' l-għarfien u l-SMEs. Il-fornitur ta' l-għarfien jista' imbagħad jgħaddi l-vawċer lill-Aġenzija ta' Innovazzjoni SenterNovem u jieħu l-ħlas . Ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat jippermettu li konsultazzjoni bħal din issir minn fondi pubbliċi[32]. L-Istati Membri għandhom jużaw il-mekkaniżmi disponibbli għalihom sabiex jiġppromwovu attivitajiet bħal dawn ta' trasferiment ta' l-għarfien (eż. vawċers ta' l-innovazzjoni jew krediti ta' taxxa ta' l-R&D li jippermettu l-ħlas lura għal flus li jkunu tħallsu lill-istituzzjonijiet ta' riċerka għall-R&D). - Il-kejl tal-progress Il-monitoraġġ ta' attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien għandu diversi għanijiet, fosthom li jgħin l-istituti ta' riċerka biex jippromwovu dak li nkiseb għall-ġid tal-pubbliku. Filwaqt li hemm bosta klassifiki ta' l-universitajiet, dawn ħafna drabi joqogħdu fuq indikaturi akkademiċi bħall-pubblikazzjonijiet u n-numru ta' PhDs, u ma jikkunsidrawx il-prestazzjoni fl-użu tar-riżultati ta' l-R&D. Hemm evidenza li[33] l- benchmarking ta "attivitajiet relatati ma'l-innovazzjoni", speċjalment jekk immexxi abbażi ta' metriċi komparabbli madwar l-UE, se jippermettu istituzzjonijiet ta' riċerka li jqabblu dak li akkwistaw fuq livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali. Il-Kummissjoni se twaqqaf grupp ta' esperti fl-2007 sabiex jieħu ħsieb dawn il-kwistjonijiet. 3.3. Appoġġ finanzjarju - Għajnuna mill-Istat Il-qafas ġdid ta' għajnuna mill-Istat RDI , jaħseb biex jikkjarifika li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat applikabbli għal attivitajiet ta fondi għall-R&D&I, fosthom il-finanzjament ta' attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien. Din il-kjarifika kienet meħtieġa peress li istituzzjonijiet ta' riċerka pubbliċi aġixxew dejjem aktar bħala kumpaniji privati f'żoni li qegħdin qrib ħafna l-attività tas-suq, u b'hekk jagħmlu kwistjonijiet ta' l-għajnuna mill-Istat dejjem aktar relevanti għalihom. Il-qafas jikkunsidra li l-attivitajiet ewlenin ta' l-istituzzjonijiet ta' riċerka pubbliċi, b'mod partikolari kif issir ir-riċerka indipendenti għal aktar għarfien u ftehim aħjar, fosthom riċerka kollaborattiva, u t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka ħafna drabi jkunu ta natura mhux ekonomika (jiġifieri mhemm l-ebda prodotti jew servizzi disponibbli f'suq eżistenti)[34]. Attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien għandhom natura mhux ekonomika jekk huma "interni"[35], u jekk kull dħul minn dawn l-attivitajiet jerġa' jiġi investit fl-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka[36]. Evidentement, kull attività ekonomika li ssir (eż. konsulenza, riċerka kuntrattwali, kiri ta' infrastruttura, eċċ.) għandha sseħħ skond il-kundizzjonijiet normali tas-suq, u jekk ikun hemm fondi pubbliċi għal attivitajiet bħal dawn ġeneralment jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet regolatorji li jikkorrispondu. Il-qafas il-ġdid jippermetti wkoll li istituzzjonijiet ta' riċerka għandhom jallokaw b'mod separat l-ispejjeż u l-qligħ ta' attivitajiet ekonomiċi u le, sabiex jevitaw kull sussidju doppju possibli. Sabiex dan jintlaħaq, huwa ssuġġerit li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' kontabbiltà sħiħa ta' l-stituzzjonijiet ta' riċerka, li jkollha l-vantaġġ li tibbenefika minn parteċipazzjoni mħaffa fis-seba' Programm ta' Qafas. Jekk ma jiġux introdotti miżuri bħal dawn, kull finanzjament pubbliku biex jgħin attivitajiet mhux ekonomiċi jista' jitqies bħala għajnuna mill-Istat. - Il-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE Jekk l-istituzzjonijiet ta' riċerka u d-ditti ikunu qrib ta' xulxin, dan jiffaċilita t-trasferiment ta' l-għarfien, li jenfasizza ir-rwol kruċjali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jista' jkollhom. Għajnuna għal attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien hija disponibbli permezz tal-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE bħala parti mill-istrateġija ta' tkabbir ekonomiku u ta' l-impiegi ta' l-UE. Pereżempju, l-istrument ewlieni tal-politika ta' koeżjoni, il-Fond Finanzjarju Ewropew għall-Iżvilupp tar-Reġjuni (ERDF), jintuża sabiex jgħin l-inkubaturi u l- parks tax-xjenza (infrastrutturi u servizzi li jakkumpanjawhom) li huma mezzi effettivi sabiex l-għarfien jitwettaq fis-suq u jgħin għal-ħolqien ta' rabtiet aqwa bejn l-SMEs u l-universitajiet. Inkubaturi u gruppi mħaddma sew għandhom vantaġġi sinifikanti li jagħmilhom strumenti mill-aqwa għat-trasferiment ta' l-għarfien, l-aktar għal teknoloġija għolja. Karatteristika distintiva hija li hemm servizzi disponibbli li jżidu l-probabbiltà li t-trasferiment ta' l-għarfien ikun suċċess. Madankollu, minbarra li hu ta għajnuna għall-infrastruttura, l-ERDF jipprovdi kofinanzjament ta madwar €4 bn għall-perjodu 2000-2006 għall-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija u u għall-ħolqien ta' netwerks u sħubijiet bejn negozji u istituzzjonijiet ta' riċerka. L-ERDF għalhekk għandu parti importanti sabiex jiffaċilita l-interazzjoni bejn ċentri ta' Riċerka pubbliċi u l-industrija, it-tnejn f'sens ta' interazzjoni reġjonali u transreġjonali. Aktar minn hekk, il- Fond Soċjali Ewropew (ESF) jipprovdi għajnuna finanzjarja permezz ta' assistenza lin-nies (taħriġ u gwida eċċ.), u għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni ta' strutturi u sistemi edukattivi. Fil-perjodu tal-programmazzjoni l-ġdid (2007-20013), hemm enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment permezz tat-trasferiment ta' l-għarfien. Il-Linji ta' Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni [37] fasslu qafas indikattiv għall-istrateġija u l-programmi tal-fondi Strutturali u ta' Koeżjoni futuri ta' l-Istati Membri . L-inkoraġġiment ta' l-innovazzjoni huwa identifikat bħala prijorita ewlenija u l-linja ta' gwida dwar "Titijib fl-għarfien u l-Innovazzjon għat-Tkabbir" tindika firxa ta' attivitajiet ta' trasferiment li għandhom jingħataw attenzjoni. B'mod partikulari, għandhom jissaħħu l-għajnuniet għall-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-universitajiet ta' l-Istati Membri u għall-infrastrutturi ta' trasferiment ta' l-għarfien u s-servizzi tagħhom , sabiex isaħħu aktar id-dimensjoni reġjonali ta' l-ekonomija ta' l-għarfien. - Il-Programmi ta' Qafas tal-KE ta' riċerka u ta' Żvilupp ("FP") u għall-' kompetittività & innovazzjoni("CIP"). It-trasferiment transnazzjonali ta' l-għarfien dejjem fil-qalba tal-P rogrammi ta' Qafas ta' Żvilupp fir-Riċerka u Tteknoloġija (FP). Ċertament, ħafna proġetti ta' l-FP jinvolvu taħlita ta' parteċipanti mis-settur pubbliku u dak privat, minn diversi pajjiżi. Xi żoni tematiċi, bħas-settur ta' l-ICT, kienu partikolarment ta' suċċess f'dan ir-rispett: aktar minn 90% tal-proġetti[38] jinvolvu kolloborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija. Dan b'mod ċar jiffaċilita l-iżvilupp tat-teknoloġiji lesti għall-użu kummerċjali. Barra minn proġetti ta' R&D, l-FP jagħti wkoll fondi għall-mobbiltà intersettorjali tal-persunal ta' riċerka, fosthom skambji bejn l-universitajiet u l-industrija. Il-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni il-ġdid se jappoġġja kull forma ta' innovazzjoni, sħubija bejn il-privat u l-pubbliku u miżuri li jtejbu l-aċċess għall-finanzi fosthom self, kapital spekulattiv u finanzjament magħruf bħala "business angel " . Se jipprovdi wkoll fondi għal metodi ġodda li jiffaċilitaw il-bdil ta' l-għarfien bejn istituzzjonijiet ta' riċerka u kumpaniji, b'mod partikolari għall-SMEs[39] kif ukoll inizjattivi ġodda ta' gruppi transnazzjonali . Fil-qasam ta' l-ekoinnovazzjoni, b'mod partikulari se jgħin fit-tpoġġija fis-suq ta' teknoloġiji innovattivi u ta' prattiċi permezz ta proġetti pilota u ta' replikazzjoni fis-suq. Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ta dawn iż-żewġ Programmi ta' Qafas, dawn sejrin jaħdmu flimkien sabiex ifornu sensiela ta' attivitajiet kumplementarji għal proġetti ta' l-R&D sabiex jippromwovu t-trasferiment ta' l-għarfien u l-użu tar-riżultati ta' l-R&D. Evidentement, minbarra li jippromwovu direttament attivitajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien, il-Kummissjoni tippromwovi wkoll il- qsim ta' l-aħjar prattika bħala appoġġ għall-qsim ta' l-għarfien bejn il-Gvernijiet. F'dan ir-rispett il-Komunità toffri diversi opportunitajiet għat-tagħlim ta' politika reġjonali u transnazzjonali[40]. 4. KONKLUżJONI L-interazzjonijiet bejn il-bażi pubblika ta' riċerka u l-industrija qegħdin bil mod il-mod jikbru f'dawn l-aħħar għaxar snin. Dawn jistgħu ivarjaw minn riċerka kuntrattwali għal riċerka kolloborattiva jew ukoll sħubija strutturata. Ħafna minn dawn l-interazzjonijiet jinvolvu t-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-interessati kkonċernati, u jsaħħu l-impatt soċjoekonomiku tar-riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi, eż. bil-ħolqien ta' prodotti ġodda, impjiegi ġodda u xi drabi kumpaniji ġodda. L-orjentazzjonijiet ta' analiżi u ta' politika imfassla f'din il-Komunikazzjoni jikkostitwixxu punt tat-tluq għad-diskussjonijiet fuq qafas Ewropew komuni għat-trasferiment ta' l-għarfien, sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs u żona Ewropea koerenti rigward it-trasferiment ta' l-għarfien. Aktar minn hekk, il-linji ta' gwida volontarji maħruġa fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness huma intenzjonati li jgħinu l-stituzzjonijiet ta' riċerka jidentifikaw interessi komuni ma' l-industrija u li jiffaċilitaw arranġamenti ta' trasferiment ta' l-għarfien ta' siwi reċiproku. Dawn il-linji ta' gwida se jsiru dokument ħaj, ikkumplementati b'xogħol addizzjonali li għandu jsir minn grupp ta' parteċipanti ta' livell għoli mill-industrija u akkademiċi. Dan il-grupp se jitnieda fl-2007 u se jipprovdi pariri fuq azzjonijiet oħra li jista' jieħu sabiex jippromwovi t-trasferiment ta' l-għarfien fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-livell tal-Komunità se jkompli fil-kuntest ta' l-istarteġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Inizjattivi ta' politika ewlenin f'dan il-qasam li jittieħdu fl-Istati Membri għandhom jiġu riflessi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, u l-Kummissjoni tkompli ġġib 'il quddiem il-qsim ta' l-aħjar prattika. [1] Attwalment l-Ewropa għandha l-ogħla numru ta' gradwati fix-xjenza u fl-inġinerija per kapita u ta' karti akkademiċi (Figuri ewlenin – http://ec.europa.eu/invest-in-research/monitoring/statistical01_en.htm) [2] “Inqiegħdu l-għarfien fil-prattika: Strateġija għall-innovazzjoni fuq bażi wiesgħa għall-UE”, – COM(2006)502 [3] It-trasferiment ta' l-għarfien jinvolvi proċess ta' qbid, ġbir u bdil ta' għarfien espliċitu u impliċitu, inklużi ħiliet u kompetenzi. Din tinkludi attivitajiet kemm kummerċjali u kemm le bħal kollaborazzjonijiet ta' riċerka, konsulenza, liċenzjar, ħolqien ta' derivati, mobbiltà tar-riċerkatur, pubblikazzjonijiet, eċċ. Filwaqt li l-enfasi hija fuq informazzjoni xjentifika u teknoloġika forom oħra bħal proċessi ta' kummerċ xprunati mit-teknoloġija huma wkoll ikkonċernati. [4] Għall-finijiet ta' dan id-dokument it-terminu "Istituzzjonijiet ta' Riċerka" huwa użat biex ikopri kull istituzzjoni edukattiva għolja (irrispettivament mill-isem u l-istatus fl-Istati Membri eż. universitajiet, kulleġġi jew politekniks) u ċentri u organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi . [5] Stħarriġ AUTM –http://www.autm.net/events/File/FY04%20Licensing%20Survey/04AUTM-USLicSrvy-public.pdf [6] Stħarriġ ProTon – http://www.protoneurope.org/news/2006/art2006/artjanmar06/2asfy2004/attachment_download/file [7] Stħarriġ ASTP 2006 htp://www.merit.unu.edu/publications/docs/200605_ASTP.pdf [8] http://ec.europa.eu/invest-in-research/pdf/download_en/consult_report.pdf [9] Meta nirreferu għall-universitajiet, dan ir-rwol ġdid huwa magħruf ikoll bħala "it-tielet missjoni." [10] AT, NL, FR, IT, SE, BE, LT [11] OMC-Net project "Certified trans-national technology transfer manager". [12] Waħda mill-assoċjazzjonijiet ewlenin ta' trasferiment ta' l-għarfien ta' l-Ewropa – http://www.protoneurope.org [13] www.iknowledge transfer.org.uk [14] SEC(2006)971 [15] Ara r-Rapport Irlandiż dwar it-trasferiment ta' l-għarfien– http://www.universitiesireland.ie/news/techtransfer.php [16] www.vib.be [17] www.whiterose.ac.uk [18] http://irc.cordis.europa.eu [19] ProTonEurope – http://www.protoneurope.org [20] Crest decision tree – http://ec.europa.eu/invest-in-research/policy/crest_cross_en.htm [21] Lambert agreements – http://www.innovation.gov.uk/lambertagreements [22] Contacts, contracts and codices – MACROBUTTON HtmlResAnchor http://billed.di.dk/wimpfiles/lores/image.asp?objno=/686201.pdf [23] http://www.responsible-partnering.org [24] Ara eż. http://creativecommons.org [25] COM(2004)70. [26] IP4Inno – http://www.proinno-europe.eu/ip4inno.html [27] EUA konklużjonijiet tal-konferenza ta' Vjenna – http://www.eua.be/fileadmin/user_upload/files/EUA1_documents/report_web%20221006.1161606166446.pdf [28] Eż. fl-għajnuna lill-gruppi, "eko-sistemi ta' negozju". [29] COM(2003)226. [30] RDI Qafas ta' għajnuna ta' l-Istat – ĠU C 323 tat- 30.12.2006 [31] Rapport tal-grupp ta' esperti tal-CREST "Il-promozzjoni tar-riforma taċ-ċentri ta' Riċerka pubbliċi, partikularment l-universitajiet, sabiex jinġieb 'il quddiem it-trasferiment ta' l-għarfien lis-soċjeta u lill-industrija"– http://ec.europa.eu/invest-in-research/pdf/download_en/final_crest_report_march2006.pdf [32] Għajnuna bħal din tista' taqa' taħt jew id-dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet fir-Regolament tal-Kummisssjoni (KE)Nru. 70/2001 dwar l-applikazzjoni ta' Artikoli 87 u 88 tat-trattat tal-KE dwar għajnuna ta' l-Istat lill-SMEs, , ĠU L 10 tat- 13.1.2001, taħt punt 5,6 tal-qafas ġdid dwar għajnuna ta' l-Istat RDI. [33] Rapport ta' l-ITTE dwar "Titjib ta ' l-istituzzjoniet għat-trasferiment tat-teknoloġija mix-xjenza għall-intrapriża" – http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/competitiveness/doc/itte_expertgroupreport.pdf [34] Punt 3.1.1 tal-qafas. [35] Bl-espressjoni "ta' natura interna" il-Kummissjoni tifhem sitwazzjoni fejn il-ġestjoni ta' l-organizzazzjonijiet ta' għarfien tar-riċerka issir jew min dipartiment jew minn xi sussidjarju ta' organizzazzjoni ta' riċerka jew flimkien ma' organizzazzjonijiet oħrajn ta' riċerka. L-għotja ta' kuntratti għal provvediment ta' servizzi speċifiċi permezz ta' tenders miftuħa li ma jikkompromettux in-natura interna ta' attivitajiet tali. [36] Il-Kummissjoni trid tiġi nnotifikata għall-tip ieħor ta' attività ta' trasferiment ta' l-għarfien li tirċievi għajnuna mill-fondi ta' l-Istat. [37] COM(2006)386 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas- 6 ta' Ottubru 2006 [38] Taħt FP6 [39] www.europe-innova.org [40] e.g. ERAnet, PRO INNO Europe, ERIK u OMC-Net