Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew {SEG(2007) 380} {SEG(2007) 381} /* KUMM/2007/0136 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 28.3.2007 KUMM(2007) 136 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew {SEG(2007) 380}{SEG(2007) 381} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew 1. L-IMPENN TAL-KOMUNITÀ SABIEX JITNAQQAS IR-RIMI LURA Ir-rimi lura – it-tfigħ lura l-baħar ta' ħut mejjet, mhux mixtieq, li jinqabad inċidentalment, huwa problema serja fis-sajd Ewropew, u waħda li, fil-fehma tal-Kummissjoni, għandha tiġi indirizzata bħala prijorità għolja. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li titrawwem politika li tnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u progressivament telimina r-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew Politika ġdida dwar ir-rimi lura għandha tnaqqas il-qabdiet inċidentali mhux mixtieqa billi tinkoraġixxi mġiba u teknoloġiji li jevitaw qbid inċidentali mhux mixtieq. L-istrumenti huma introduzzjoni progressiva ta' projbizzjoni fuq ir-rimi lura – fejn il-ħut kollu ( finfish ) u l-krostaċej kollha li jinqabdu jkollhom jittellgħu l-art – u miżuri supplimentari bħall-inkoraġġiment għatt-titjib tas-selettività ta' l-irkaptu tas-sajd, rekwiżiti dwar il-bdil taż-żona mistada u l-għeluq taż-żoni tas-sajd f'ħin reali. Il-prinċipju bażiku ta' l-implimentazzjoni huwa li jiġi rregolat x'jinqabad, aktar milli jiġi rregolat x'jittella' l-art. Il-politika se tkun li l-ġestjoni għandha tissejjes fuq rekwiżiti għal riżultati speċifiċi – l-impatt massimu aċċettabbli – li għandhom jintlaħqu, aktar milli regolamenti b' soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi. Ġestjoni bħal din, ibbażata fuq ir-riżultati, kulfejn ikun possibbli, se tħalli f'idejn l-industrija sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet tekniċi li jkunu ekonomikament u prattikament fattibbli u li jipproduċu r-riżultati meħtieġa. Din hija bidla importanti fl-approċċ fl-implimentazzjoni tal-Politika Komuni dwar is-Sajd. Il-ħtieġa li jitnaqqas ir-rimi lura fis-sajd Ewropew ġiet identifikata mill-Kummissjoni bħala għan importanti għall-ġejjieni tal-Politika Komuni dwar is-Sajd fil-Komunikazzjoni tagħha dwar dan is-suġġett li ġiet adottata fl-2002[1]. Sussegwentement, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fit-3 ta' April 2003 fejn stieden lill-Kummissjoni tesplora mezzi ġodda kif tista' ssolvi din il-problema u, b'mod partikolari, sabiex tippromwovi l-implimentazzjoni ta' proġetti sperimentali għat-tnaqqis tar-rimi lura f'kooperazzjoni ma' l-industrija tas-sajd. Madankollu, minkejja li kienu ftit il-proġetti li mmaterjalizzaw u taw riżultati tajba, il-biċċa l-kbira tas-sajd jibqa' ma jinbidilx u l-impatt fuq il-qabdiet inċidentali kumplessivi huwa negliġibbli. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta kwistjonijiet għad-diskussjoni u tindika l-approċċ ta' politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u progressivament jiġi eliminat ir-rimi lura. Aktar tagħrif ta' sfond jista' jinsab fid-Dokument ta' Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni rilevanti għal din il-Komunikazzjoni[2]. 2. IR-RIMI LURA TAL-ħUT: EFFETTI, KAWżI U FIRXA Il-FAO tiddefinixxi r-rimi lura bħala "dak il-proporzjon tat-total tal-materjal organiku li joriġina mill-annimali li jkun hemm fil-qabda, li jintrema, jew jintefa' lura l-baħar għal kwalunwke raġuni. Ma jinkludix materjal tal-pjanti u skart li joriġina mill-qabda bħal ma hu l-ġewwieni skartat. Ir-rimi lura jista' jkun ħaj jew mejjet"[3]. Ir-rimi lura jista' jikkonsisti fi speċijiet li huma sfruttati b'mod kummerċjali iżda li, minħabba konsiderazzjonijiet tas-suq, restrizzjonijiet tal-kwoti jew daqsijiet minimi ta' ħatt,, ma jittellgħux l-art. Ir-rimi lura jista', skond din id-definizzjoni, jkun ukoll ta' kwalunkwe organiżmu ieħor li jinqabad inċidentalment, bħal ħut mhux mixtieq, krostaċej, molluski, mammiferi tal-baħar u tjur tal-baħar. Is-sajd ta' qabdiet mhux mixtieqa, u r-rimi lura sussegwenti tagħhom għandu diversi konsegwenzi negattivi. Qabdiet inċidentali mhux mixtieqa huma ħela ta' riżorsi soċjali. Il-qbid taż-żgħar ta' individwi ta' speċijiet fil-mira jirriżulta, fil-ġejjieni, f'opportunitajiet ta' qbid aktar baxxi għal dawk l-ispeċijiet u tnaqqis fil-bijomassa riproduttiva peress li ż-żgħar li jinqabdu ma jagħtux kontribut fi staġuni riproduttivi fil-ġejjieni. Ir-rimi ta' individwi maturi ta' speċi fil-mira jirrappreżenta ħela u jnaqqas minnufih il-bijomassa riproduttiva ta' dak l-istokk. Il-qbid u r-rimi ta' speċijiet ta' ħut, krostaċej, tjur tal-baħar jew mammiferi tal-baħar li ma jkunux fil-mira, huma impatt negattiv mhux meħtieġ fuq l-ekosistema tal-baħar peress li jaffettwaw it-tħaddim ta' l-ekosistema u l-bijodiversità tagħha b'mod negattiv mingħajr ma jwasslu għal ebda benefiċċju għas-soċjetà. Ċerti organiżmi tal-baħar, fosthom ċerti speċijiet ta' kelb il-baħar u raj huma sensittivi ħafna għas-sajd, u b'riżultat jistgħu jitnaqqsu għal livelli baxxi ħafna ukoll meta jinqabdu biss bħala qabda inċidentali mhux mixtieqa. F'każijiet bħal dawn, anki l-qtil inċidentali ta' ftit individwi jista' jkun kritiku mill-perspettiva tal-bijodiversità. It-tfigħ ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa lura l-baħar ma jnaqqasx il-problema għaliex il-biċċa l-kbira ta' ħut u krostaċej ikunu mejta jew ikollhom rati baxxi ta' sopravvivenza fil-baħar wara li jkunu qabdu u ntremew lura. Il-qabdiet ta' organiżmi tal-baħar jintremew minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi u/jew minħabba ċerta regolamentazzjoni eżistenti. Jeżistu inċentivi ekonomiċi qawwija f'ħafna oqsma ta' sajd sabiex il-ħut jintrema lura u b'hekk jittella' kemm jista' jkun il-valur tal-qabdiet li jinħattu l-art – l-hekk imsejjaħ "high-grading", partikolarment meta qisien jew kwalitajiet differenti ta' ħut jinbigħu għal prezzijiet differenti jew meta speċijiet b'valur tas-suq differenti ħafna jinqabdu flimkien. Barra minn hekk, il-valur ta' ċerti organiżmi jista' jkun baxx jew ma jeżistix peress li m'hemmx suq għalihom. Iżda anki jekk ikun hemm suq, l-użu ta' riżorsi umani u spazju biex jinżammu maħżuna abbord l-organiżmi kollha li għandhom suq, meta tkun tista' tingħata prijorità lil organiżmi b'valur għoli, hija prattika għalja, u tista' tirriżulta f'telf ekonomiku konsiderevoli. Ċerti strumenti regolatorji li qed jintużaw bħalissa jwasslu inevitabbilment għar-rimi lura. Li nistrieħu fuq it-TACs bħala l-istrument ewlieni ta' ġestjoni f'sajd imħallat iwassal għar-rimi lura meta jinqabdu kwantitajiet 'il fuq mill-kwota għal ċerti speċijiet filwaqt li jkun għad fadal kwoti għal oħrajn. L-użu ta' daqsijiet minimi għall-ħatt l-art ukoll iwassal għar-rimi lura, speċjalment f'sajd imħallat fejn speċijiet ta' daqsijiet differenti ta' adulti jinqabdu flimkien. Id- data dwar il-ħut mormi lura fis-sajd Ewropew inġabret sistematikament skond ir-Regolament dwar il-Ġbir tad- Data mill-2002. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku dwar is-Sajd (STECF) ipprovda sommarju preliminari[4] dwar ir-rati ta' rimi lura abbażi tad- data mill-2003-2005. Ir-rati ta' rimi lura jaqgħu fil-medda ta' bejn 20 u 60% tal-piż maqbud fl-oqsma varji tipiċi tas-sajd li jisfruttaw stokkijiet demersali. Is-sajd tal-merluzz fil-Baltiku kien stmat li kellu rati baxxi ta' rimi lura. Fil-Baħar tat-Tramuntana, it-tkarkir bit-travu kien stmat li jwassal għal rimi lura ta' bejn 40 u 60% tal-qabda, u t-tkarkir demersali madwar 40%. Fiż-żoni fil-punent tal-Gżejjer Brittanniċi, ir-rimi lura b'riżultat ta' l-użu ta' rkaptu għat-tkarkir mal-qiegħ huwa ta' bejn 20-40%. Fl-ilmijiet Komunitarji li jinsabu lejn in-Nofsinhar ta' l-Atlantiku, il-pariti u l-ixkitti jwasslu għal rimi ta' anqas minn 20% filwaqt li s-sajd bit-tkarkir mal-qiegħ iwassal għal rimi ta' bejn 30 u 60%. Id- data disponibbli ma tkoprix is-sajd u l-ispeċijiet kollha u ċerta data mhix rappreżentattiva. L-iSTECF għalhekk ma kienx f'pożizzjoni li jistima l-ammont kumplessiv assolut tar-rimi lura mis-sajd Ewropew. Stimi bbażati fuq studji li saru aktar kmieni[5] jindikaw rimi ta' bejn 500,000 sa 880,000 tunnellata fil-Baħar tat-Tramuntana fid-disgħinijiet, u kienu l-bastimenti tat-tkarkir bit-travu li jistadu għal-lingwata, dawk li jistadu għall-gamblu u f'ċerti snin dawk li jistadu għall- whitefish , li kienu responsabbli għall-akbar ammonti. 3. MIżURI GħALL-INTRODUZZJONI PROGRESSIVA TA' PROJBIZZJONI FUQ IR-RIMI LURA U SABIEX JITNAQQSU L-QABDIET INċIDENTALI MHUX MIXTIEQA. Politika sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali mhux mixtieqa permezz ta' projbizzjoni fuq ir-rimi lura ta' speċijiet kummerċjali, ġiet introdotta, inter alia, f'ċertu sajd fin-Norveġja, l-Iżlanda, il-Kanada u New Zealand. l-esperjenzi minn dawn il-każijiet huma marbuta l-aktar ma' sajd li jindirizza l-ispeċijiet waħda waħda u b'hekk ma jkunux preżenti l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw f'sajd fejn il-qabda tkun taħlita ta' speċijiet . Fil-Komunità hemm ċertu sajd – bħal ħafna mis-sajd pelaġiku – li jista' jkun immirat għal speċi waħda u fejn jistgħu jiġu applikati l-esperjenzi internazzjonali. Jeżistu madankollu, ħafna tipi ta' sajd demersali fil-Komunità, li jaqbdu diversi speċijiet simultanjament u fejn dawn l-esperjenzi ma jistgħux jiġu applikati direttament. It-tnaqqis ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa u l-eliminazzjoni progressiva tar-rimi lura fis-sajd Ewopew għalhekk se jirrikjedu kombinazzjoni ta' diversi strumenti. Politika ġdida dwar ir-rimi lura għandha l-għan li tneħħi din il-prassi. Dan se jinkiseb fl-ilmijiet ta' l-UE permezz ta' pjanijiet speċifiċi mmirati lejn tipi ta' sajd individwali, li jistgħu jinkludu projbizzjonijiet fuq ir-rimi lura u miżuri supplimentari oħra għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali. Fl-istess ħin, il-Komunità se tippromwovi inizjattivi għall-eliminazzjoni tar-rimi lura fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd. Projbizzjonijiet fuq ir-rimi lura jkunu japplikaw għall-ħut u l-krostaċej kollha. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet fil-każ li tintwera biċ-ċar rata għolja ta' soppravvivenza fit-tul ta' speċi partikolari mormija f'sajd partikolari. Il-miżuri eżistenti ta' ġestjoni li bħalissa jinkoraġixxu r-rimi lura f'sajd imħallat, għandhom jerġgħu jiġu studjati u l-użu tagħhom rivedut sabiex jitnaqqas jew jitneħħa kwalunkwe inċentiv biex dan isir. L-użu tat-TACs f'sajd imħallat, mingħajr miżuri supplimentari sabiex jiġi kkontrollat l-isforz, se jinkoraġixxi ssoktar fil-qbid ta' speċijiet li għalihom bastiment ikun eżawrixxa l-kwota, sakemm ikun għad hemm speċijiet oħra li l-kwoti tagħhom ikunu għadhom ma ġewx eżawriti. It-TACs għalhekk għandhom jingħaqdu ma' miżuri sabiex l-isforz jinżamm fil-limiti li jwaqqfu s-sajd meta jkun għad fadal biss kwoti mhux eżawriti ta' ftit speċijiet. Barra minn hekk, f'sajd imħallat jista' jkun hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati mekkaniżmi għal ċerta flessibbiltà u t-trasferiment tal-kwoti. Ir-rekwiżiti attwali dwar id-daqsijiet minimi li jistgħu jinħattu l-art jesiġu li l-ħut żgħir wisq jintrema lura. Jekk jiġi introdott rekwiżit li l-ħut kollu li jinqabad għandu jittella' l-art, il-ħut mhux matur għandu jitħares mis-sajd immirat billi jsir illegali l-bejgħ, aktar milli l-ħatt l-art, ta' dan il-ħut billi minflok jiġu introdotti daqsijiet tal-bejgħ minimi għall-konsum mil-bniedem. . Strumenti oħra tal-PKS u miżuri supplementari jistgħu jintużaw sabiex jitnaqqsu qabdiet inċidentali mhux mixtieqa u jiġi eliminat ir-rimi lura. Strumenti bħal dawn jinkludu l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp u l-użu ta' rkaptu selettiv, għeluq ta' żoni f'ħin reali, obbligu li bastiment jistad f'żoni oħra tas-sajd, flessibbiltà tal-kwoti, tariffi fuq qabdiet inċidentali mhux mixtieqa u esproprjazzjoni ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa. L-aktar miżura effettiva biex tħeġġeġ l-isforzi mill-industrija sabiex jitnaqqsu qabdiet mhux mixtieqa hija projbizzjoni fuq ir-rimi lura. Projbizzjoni fuq ir-rimi lura tqiegħed prezz fuq il-qbid inċidentali mhux mixtieq u b'hekk tħeġġeġ l-iżvilupp ta' teknoloġiji u prattiki li jaqbdu inqas ħut mhux mixtieq. It-tagħqida ta' projbizzjoni fuq ir-rimi lura ma' miżuri supplimentari bħall-għeluq fi żmien partikolari u obbligi biex bastiment imur f'żoni oħra tas-sajd torbot flimkien motivazzjonijiet b'saħħithom biex jiġi evitat il-qbid inċidentali ma' ċerta gwida dwar kif dan jista' jsir. Minflok ma jiġi introdott sett wiesa' ta' regolamenti tekniċi, se jintuża approċċ ibbażat fuq l-impatti massimi aċċettabbli ta' l-operazzjonijiet tas-sajd. L-impatt negattiv tas-sajd li għandu jitnaqqas b'riżultat ta' din il-politika huwa l-qtil bla bżonn ta' l-organiżmi tal-baħar permezz tas-sajd. Standards għall-qabdiet inċidentali massimi ta' organiżmi mhux tajbin għas-suq, żgħar fl-età, jew 'il fuq mill-kwota b'hekk se jiġu definiti skond it-tipi individwali ta' sajd. Dawn l-istandards għall-bidu se jkunu bbażati fuq tnaqqis marbut mas-sitwazzjoni attwali u progressivament se jsiru aktar stretti sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku u adattament għal prattiki tas-sajd li jevitaw il-qbid inċidentali. L-impetu ewlieni ta' din l-inizjattiva għalhekk huwa t-tneħħija progressiva tar-rimi lura u t-tnaqqis b'mod sinifikanti ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa permezz ta' ġestjoni li tispeċifika r-riżultati aktar milli l-mezzi. Approċċ bħal dan se jirrappreżenta bidla importanti fil-ġestjoni tas-sajd Ewropew. F'dan l-approċċ speċifikazzjonijiet estensivi ta' mikroġestjoni ta' l-irkaptu u tal-prattiki tas-sajd jiġu sostitwiti b'rekwiżiti għal riżultati speċifiċi (qabda inċidentali massima aċċettabbli) u l-industrija mbagħad titħalla tagħżel hi liema soluzzjonijiet huma l-aktar kompatibbli mar-realtajiet prattiċi u ekonomiċi tas-sajd partikolari. B'hekk dan l-approċċ se jistrieħ ħafna fuq l-inizjattiva min-naħa ta' l-industrija sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet tekniċi u jissolvew kwistjonijiet oħra ta' implimentazzjoni. Rekwiżit sabiex jinħatt l-art il-ħut kollu se jfisser li xi kultant se jinħatt ħut li jkun qabeż il-kwota jew li jkun iżgħar mid-daqs minimu għas-suq. Huwa meħtieġ li wieħed iqis jekk dawn il-qabdiet inċidentali li jittellgħu l-art għandhomx jingħaddu mill-kwoti u jekk is-sistema tal-kwoti għandhiex tiġi mmodifikata sabiex jiġi inkluż il-qbid inċidentali. Jeħtieġ li wieħed iqis xi jsir minn dawn il-qabdiet inċidentali – jekk jinbigħux permezz tas-sistemi normali tas-suq, għall-konsum mill-bniedem (jekk ikunu akbar mid-daqs minimu tas-suq), biex jiġu pproċessati għal tħin u żejt jew għal għanijiet oħra. Għandu jiġi deċiż jekk u kif tista' parti mill-qligħ ta' bejgħ bħal dan jistgħux jiġu allokati biex ikopru dawk l-ispejjeż il-ġodda li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' miżuri ta' "l-ebda rimi", jew dawk imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi inkella mis-sajjieda nfushom. 4. SORVELJANZA U KONTROLL Fid-dawl ta' l-inċentivi ekonomiċi qawwija għar-rimi lura, wieħed għandu jistenna li meta tiġi imposta politika għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali li tkun tinkludi projbizzjoni fuq ir-rimi lura, ir-rimi xorta jseħħ f'ċirkostanzi fejn l-infurzar ikun dgħajjef jew il-konsegwenzi ġuridiċi ma jkunux pariġġ il-benefiċċju ekonomiku immedjat li jirriżulta mir-rimi. Għall-Kummissjoni l-infurzar għalhekk huwa punt importanti ħafna għall-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri marbuta mal-ġestjoni tal-qabdiet inċidentali li għalihom jistgħu jiġu implimentati sistemi ta' monitoraġġ fil-prattika u li huma effettivi mil-lat ta' nefqa. Ir-rimi lura mhux lakemm wieħed josservah huwa u jseħħ, u ladarba jkun seħħ, mhux lakemm wieħed jiddokumentah. Għalhekk nistgħu nargumentaw li qatt mhu se jkun possibbli li tiġi kompletament infurzata projbizzjoni fuq ir-rimi lura u żgurata l-eliminazzjoni tar-rimi lura kollu illegali. Riżultat pożittiv manakollu se jinkiseb jekk proporzjon kbir biżżejjed ta' sajjieda jibdlu l-mod kif jaħdmu (billi jużaw irkaptu aktar selettiv, ibaħħru lil hinn minn żoni fejn il-qbid inċidentali jkun għoli wisq) għaliex jaderixxu mal-projbizzjoni fuq ir-rimi lura u/jew għaliex ir-reġim ta' infurzar ikun qiegħed biżżejjed pressjoni fuq min jikser l-ispirtu tal-politika. L-iskemi ta' osservazzjoni se jkollhom rwol ewlieni fl-infurzar. Madankollu ma jistgħux ikunu soluzzjoni unversali waħedhom peress li skemi bħal dawn iqumu l-flus, speċjalment meta jkun involut għadd kbir ta' bastimenti żgħar jew ta' daqs medju. Kif ikkonfermat mill-esperjenza miksuba f'pajjiżi li implimentaw projbizzjonijiet fuq ir-rimi lura, l-iskemi ta' osservazzjoni jridu jkunu parti minn reġim ta' infurzar kumplessiv, li għandu jinkludi mill-inqas - monitoraġġ attent tal-ħatt l-art minn bastimenti individwali flimkien ma' analiżi sistematika taċ-ċifri ddettaljati tal-qabdiet u tal-ħatt l-art li jitqabblu mad- data ta' l-osservaturi abbord meta ma jkunx possibbli li dawn l-osservaturi jkunu abbord il-bastimenti kollha tas-sajd, - skemi ta' ġurnali t'abbord elettroniċi b'rappurtar prattikament fil-ħin reali dwar il-kompożizzjoni tal-qabda, speċjalment fejn jitqies l-għeluq fil-ħin reali ta' ċerti żoni, - monitoraġġ u kontroll ta’ l-irkaptu tas-sajd, - l-involviment u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati. Qabdiet li jkollhom jinħattu l-art minkejja li ma jistgħux jinbiegħu minn bastimenti tas-sajd (eż. ħut iżgħar mid-daqs tas-suq, qabdiet 'il fuq mill-kwota permessa) ukoll iridu jiġu ssorveljati mill-qrib, sabiex jiġi żgurat li ma jiddisturbawx swieq legali eżistenti u li ma jwasslux għal profitti mhux permessi mill-bastimenti tas-sajd. Il-monitoraġġ u l-analiżi tal-qabdiet inċidentali sabiex jiġi implimentat l-għeluq fil-ħin reali se jesiġi li d- data kollha mill-flotot kollha tinġabar u tiġi analizzata regolarment u li jiġi stabbiliit mekkaniżmu li permezz tiegħu entità Komunitarja tista' tikkomunika ma' Stat Membri partikolari mingħajr il-ħtieġa li jiġi implimentat għeluq. Jiġi tiġi introdotta ċerta flessibilità fl-użu ta l-istrumenti tal-kwoti, iridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw li flessibilità bħal din titħaddem bl-istess mod madwar il-Komunità. Il-kisbiet ta' l-għanijiet ta' din il-politika jeħtieġ li jissegwew. L-għan ewlieni hu li titnaqqas il-mortalità mhux mixtieqa ta' organiżmi tal-baħar Huwa għalhekk importanti li jitwaqqfu programmi xjentifiċi sabiex tiġi segwita l-evoluzzjoni tal-mortalità tal-popolazzjonijiet korrispondenti. 5. L-IMPATTI SOċJALI TA' POLITIKA SABIEX JITNAQQSU L-QABDIET INċIDENTALI U L-INċENTIVI GħALL-BIDLA L-impatti ekonomiċi u soċjali tal-politika l-ġdida se jvarjaw ħafna skond l-struttura u l-qagħda ekonomika speċifika ta' kull industrija tas-sajd u l-komunitajiet kostali li jiddependu minnhom. Il-valutazzjonijiet ekonomiċi u ta' l-impatt soċjali għalhekk għandhom isiru fuq il-livell tar-regolamenti għal sajd speċifiku. Fuq livell ġenerali ħafna, l-implimentazzjoni progressiva ta' politika sabiex jiġi eliminat ir-rimi lura, fil-medda l-qasira tista' tirriżulta f'żieda fl-ispejjeż u tnaqqis fl-introjtu. Iż-żamma u l-ħżin ta' qabdiet inċidentali ta' valur aktar baxx mhumiex b'xejn u l-introjtu mill-ħatt l-art kumplessiv ikun aktar baxx. L-użu ta' żoni magħluqa u rekwiżiti għal tbaħħir lejn żoni oħra tas-sajd jistgħu jimplikaw distanzi itwali lejn iż-żoni tas-sajd u b'hekk jiżdiedu l-ħin tat-tbaħħir u l-ispejjeż tal-fjuwil. L-użu mandatorju ta' rkaptu selettiv ukoll jista' jnaqqas il-profitti fil-medda l-qasira. Impatti ulterjuri huma mistennija aktar 'l isfel fil-katina tal-bejgħ u tad-distribuzzjoni, bħala riżultat tal-ħatt u t-trattament tal-ħut li s'issa kien qed jintrema. Fil-medda t-twila se jkun hemm benefiċċji ekonomiċi hekk kif it-tnaqqis ta' qabdiet inċidentali ta' ħut mhux matur u li jkun qabeż il-kwota jirriżulta fi stokkijiet akbar u aktar b'saħħithom u b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta' sajd. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu swieq addizjonali għal prodotti dderivati minn qabdiet li fl-imgħoddi kienu jintremew. L-infurzar għandu jiġi appoġġat minn miżuri li jinkoraġixxu l-evitar ta' qabdiet inċidentali mhux mixtieqa u r-rimi lura. Miżura possibbli hija l-introduzzjoni ta' status preferenzjali bħalma huwa l-aċċess preferenzjali għas-sajd abbażi ta' riżultati mgħoddija ta' qabdiet inċidentali baxxi. Jista' jitqies jekk l-iżvilupp tal-bidliet fit-teknoloġija u l-prattiki li huma meħtieġa jistgħux jiġu appoġġati mill-EFF. Tista' wkoll tingħata għajnunna sabiex jiġu żviluppati alternattivi għall-użu ta' ħut li qabel kien jintrema, partikolarment qabdiet inċidentali inevitabbli ta' speċijiet ta' valur kummerċjali baxx jew ineżistenti. Tista' wkoll titqies għajnuna għall-iżvilupp ta' tattiċi avvanzati tas-sajd abbażi tas-sistemi ta' informazzjoni sabiex il-flotot jiġu infurmati dwar iż-żoni b'riskju għolu ta' qabdiet inċidentali inaċċettabbli. 6. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM Abbażi ta' dan id-dokument, il-prinċipji ta' implimentazzjoni għal politika sabiex progressivament jiġi eliminat ir-rimi lura u sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali fis-sajd Ewropew se jiġu diskussi ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-2007. Sekwenza u pjan għall-implimentazzjoni għal sajd speċifiku se jiġu identifikati. Skond dan il-pjan, ir-regolament imbagħad se jiġu żviluppati u proposti mill-2008. Il-produzzjoni progressiva ta' regolamenti li jkopru s-sajd Komunitarju kollu se tkun proġett għall-medda t-twila. [1] KUMM(2002) 656. Komunikazzjonijiet oħra li jirreferu għall-kwistjoni tar-rimi lura mill-perspettiva ambjentali huma KUMM(2002) 186 u KUMM(2004) 438. [2] Skond tekniku għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew" Dokument ta' Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni SEG(2007) 380. [3] FAO Fisheries Technical Paper 339 (1994); FAO Fisheries Report 547 (1996); FAO Fisheries Technical Paper 470 (2005). [4] Rimi lura mill-flotta ta' l-UE. Rapport tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Dokument ta' Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni - http://ec.europa.eu/fisheries/legislation/reports_en.htm. [5] Kif jingħad fl-Istudju Tekniku tal-FAO dwar is-Sajd Nru 470 (2005).