Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni - Il-poteri Rispettivi li żammew l-Istat Membru ta' l-Oriġini u l-Istat Membru Ospitanti fit-tqegħid fis-suq ta' l-UCITS skond it-Taqsima VIII tad-Direttiva dwar l-UCITS /* KUMM/2007/0112 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 19.3.2007 KUMM(2007) 112 finali KOMUNIKAZZJONI INTERPRETATTIVA TAL-KUMMISSJONI Il-poteri Rispettivi li żammew l-Istat Membru ta' l-Oriġini u l-Istat Membru Ospitanti fit-tqegħid fis-suq ta' l-UCITS skond it-Taqsima VIII tad-Direttiva dwar l-UCITS KOMUNIKAZZJONI INTERPRETATTIVA TAL-KUMMISSJONI Il-poteri Rispettivi li żammew l-Istat Membru ta' l-Oriġini u l-Istat Membru Ospitanti fit-tqegħid fis-suq ta' l-UCITS skond it-Taqsima VIII tad-Direttiva dwar l-UCITS (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) Introduzzjoni Id-Direttiva dwar l-UCITS[1] ħolqot l-ewwel prodott finanzjarju mhux professjonali Ewropew. Billi d-Direttiva dwar l-UCITS armonizzat il-miżuri ta' l-intrapriżi ta' investiment kollettiv, wittiet it-triq għal kompetizzjoni transkonfinali effettiva u għal livell għoli ta' protezzjoni uniformi għal investituri fl-UE. It-tqegħid ħieles fis-suq ta' l-UCITS fi Stat Membru barra dak li tinstab fih huwa bbażat fuq il-proċedura ta' "notifika"[2]: UCITS li tikkonforma mar-regolamenti bażiċi komuni[3] tad-Direttiva tista' tkun awtorizzata mill-awtorità ta' l-Istat Membru ta' l-Oriġini tagħha. Din l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' unitajiet ta' l-UCITS hija valida f'kull Stat Membru, sakemm issir notifika lill-Istat Membru Ospitanti skond il-proċedura stipulata fl-Artikoli 44 u 46 tad-Direttiva. L-awtorità ta' l-Istat Membru Ospitanti tista' toġġezzjona għal tali tqegħid fis-suq jekk tara li l-arranġamenti magħmula għat-tqegħid fis-suq ta' l-unitajiet ma jikkonformawx mar-regolamenti lokali fis-seħħ fl-Istat Membru Ospitanti li ma jaqgħux fl-ambitu definit mid-Direttiva. Il-proċedura ta' notifika ntużat ħafna, b'iktar minn 29,000 notifika sa llum. Madankollu, inqalgħu xi diffikultajiet fir-rigward tat-tmexxija bla xkiel tagħha[4]. B'mod partikolari, il-formalitajiet, it-tul u l-komplessità tal-proċedura ta' notifika jistgħu jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Jekk xi wħud minn dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jitfissru permezz ta' prassi amministrattivi differenti, bosta minnhom jirriżultaw ukoll minn interpretazzjonijiet varjanti tad-Direttiva. Biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-regolaturi tad-Sigurtajiet Ewropej (CESR)[5] sa mill-2004 niedu serje ta’ inizjattivi[6]. Interpretazzjonijiet diverġenti tar-responsabbiltajiet rispettivi ta’ Stat Membru Ospitanti u ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini ġew identifikati bħala l-fattur ewlieni li jwassal għall-inċertezza legali. Biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni temmen li għandhom jitfakkru l-konsegwenzi ta’ l-Artikolu 44(1) li jistabblixxi r-responsabbilitajiet rispettivi ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini u ta’ l-Istat Membru Ospitanti. L-Artikolu 44(1) jistipula li: “UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fdak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.” Il-fehmiet ivarjaw skond l-implikazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni għar-responsabbilità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti. Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-oqsma “rregolati” jew irriżervati skond id-Direttiva għar-responsabbilità ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini. Hi tafferma mill-ġdid il-konsegwenzi ta’ l-Artikolu 44(1) fir-rigward tar-responsabbilità ta’ l-Istat Membru Ospitanti. Din il-komunikazzjoni ma toħloqx xi dritt jew obbligu. Ma tippreġudikax il-pożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li titratta l-istess kwistjonijiet fi stadju iktar tard fid-dawl ta’ iktar żviluppi, inklużi s-sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’ Istanza. Sommarju eżekuttiv - Ir-responsabbilitajiet rispettivi ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini u ta’ l-Istat Membru Ospitanti fil-kuntest tat-tqegħid transkonfinali fis-suq ta' l-unitajiet ta' l-UCITS huma stabbiliti permezz ta' l-Artikolu 44 (1) tad-Direttiva ta' l-UCITS. “ UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fdak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva . - Il-qasam ta’ reponsabbilità ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini skond id-Direttiva ta’ l-UCITS tikkonċerna: l-awtorizzazzjoni tal-fondi, l-istruttura tal-fondi, il-politiki tal-ġestjoni u ta' l-investiment u l-informazzjoni obbligatorja li trid tingħata lill-utenti ta' l-unità. UCITS li jikkonforma mar-regoli ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini li jimplimentaw ir-"regoli bażiċi komuni" tad-Direttiva f'dan il-qasam riżervat għandhu jkun intitolat li jqiegħed l-unitajiet fis-suq madwar l-UE kollha Fil-“settur riżervat”, ma jistgħu jiġu imposti l-ebda regoli addizzjonali, rekwiżiti jew rikjesti ta’ informazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru Ospitanti fuq il-bażi tar-responsabbiltà residwa tiegħu. L-Istat Membru Ospitanti jżomm ir-responsabbilità tiegħu barra dan il-qasam. - Mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita lista definittiva ta’ l-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta’ Stat Membru Ospitanti. Madankollu, huwa possibbli li wieħed jafferma li l-infrastruttura tad-distribuzzjoni, it-tekniki u l-mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta’ l-Istat Membru Ospitanti. Il-faċilitajiet biex isiru l-pagamenti, ix-xiri mill-ġdid / ħlas lura ta’ l-unitajiet ta’ l-UCITS u biex issir disponibbli l-informazzjoni obbligatorja dwar l-investitur ukoll jaqgħu taħt l-ambitu ta' l-awtorità li qed tospita (l-Artikolu 45 tad-Direttiva ta' l-UCITS). - Sakemm ir-rekwiżiti ta’ l-Istat Membru Ospitanti jirrelataw għal funzjonijiet jew attivitajiet li mhumiex fl-ambitu tal-kumpanija ta’ ġestjoni ta’ l-UCITS innifisha, iżda jitwettqu minn partijiet terzi fl-Istat Membru Ospitanti u maħtura mill-UCITS, il-konformità ma’ dawk ir-regoli nazzjonali għandha tkun primarjament meħtieġa minn partijiet terzi bħal dawn. 1. POTERI RISPETTIVI TA’ L-ISTAT MEMBRU TA' L-ORIġINI U L-ISTAT MEMBRU OSPITANTI SKOND L-ARTIKOLU 44 - PRINċIPJI ġENERALI Skond l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva, “ UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor għandha tikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fdak l-Istat li ma jidħlux fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva . Fil-każ tal-proċedura ta’ notifika, l-ambitu tal-kompetenza residwa hija riflessa fl-Artikolu 46 tad-Direttiva. l-Istat Membru Ospitanti huwa intitolat li jirrevedi fl-istadju ta’ notifika, il-konformità ta’ UCITS ma' Stat Membru ieħor bil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-arranġamenti tat-tqegħid fis-suq li jaqgħu barra l-qasam irregolat bid-Direttiva. Jekk l-Artikolu 44(1) jipprovdi għar-responsabbilità esklussiva ta’ l-Istat Membru Ospitanti barra l-qasam irregolat bid-Direttiva, għandu jiġi interpretat ukoll biex ifisser li l-Istat Membru Ospitanti m’għandux juża l-poteri residwi tiegħu biex jevita r-regoli u l-prinċipji stabbiliti bid-Direttuva, u notevolment dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbilità esklussiva ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini. Dan huwa l-każ anke jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva m'huma xejn iktar minn regoli bażiċi komuni. Dan il-prinċipju huwa l-qofol tal-proċedura tan-notifika ta’ l-UCITS u huwa rikonoxxut ferm fil-liġi interna tas-suq tal-KE[7]. UCITS li tixtieq tqiegħed l-unitajiet tagħha fis-suq fi Stat Membru Ospitanti m’għandux għalfejn jikkonforma mar-regoli ta' l-Istat Membru Ospitanti applikabbli fil-qasam li d-Direttiva tirriżerva għar-responsabbilità ta' l-Istat Membru ta' l-Oriġini. 1.1. Il-qasam irreżervat għar-responsabbilità ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini L-ewwel mistoqsija hija: x’jinkludi “il-qasam rregolat bid-Direttiva”? B’mod iktar speċifiku, liema huwa l-qasam irreservat għar-responsabbilità ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini skond id-Direttiva? Premessa 4 tad-Direttiva ta’ l-UCITS issemmi li waħda mill-għanijiet tagħha hija li tistabbilixxi “ regoli bażiċi komuni ” għall-“ awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet ta ’ impriżi ta ’ investiment kollettiv li jinstabu fl-Istati Membri u l-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw ”. Dan jista’ jinftiehem bħala il-“qasam irriżervat”. B’mod iktar iddettaljat, dan il-qasam jista’ jitqassar b’dan il-mod li ġej: (i) awtorizzazzjoni tal-fond (Taqsima II tad-Direttiva), (ii) struttura tal-fond (obbligi fir-rigward ta' kumpaniji ta' ġestjoni u kumpaniji ta' investiment, obbligi fir-rigward tad-depositarju) (Taqsimiet III, III(a) IV u IV(a) tad-Direttiva), (iii) ġestjoni (kundizzjonijiet o, obbligi dwar il-politiki ta’ investiment u assi eliġibbli, obbligi ġenerali bħall-projbizzjoni tal-bejgħ mhux kopert jew limitazzjonijiet fuq is-self) (l-istess taqsimiet bħal (ii), Taqsima V u Taqsima VII tad-Direttiva), u (iv) informazzjoni obbligatorja li trid tingħata lid-dententuri ta' l-unità mill-UCITS (Taqsima VI)[8] F’kull wieħed minn dawn l-oqsma, l-Istat Membru Ospitanti m'għandux japplika, għal UCITS minn Stat Membru ieħor li jqiegħed l-unitajiet fis-suq fit-territorju tiegħu, ir-regoli li huwa japplika għal UCITS rreġistrat fit-territorju tiegħu. Il-Premessa 5 tad-Direttiva ta’ l-UCITS tagħmel ċar li “... l-applikazzjoni ta ’ dawn ir-regoli komuni hija garanzija suffiċjenti biex impriżi ta ’ investiment kollettiv li jinstabu fi Stati Membri ... li jdaħħlu fis-suq l-unitajiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma' dawk l-Istati Membri l-oħrajn ma jkunu jistgħu jissuġġettaw lil dawk l-impriżi jew l-unitajiet tagħhom għal kull dispożizzjoni barra minn dispożizzjonijiet li, f ’ dawk l-Istati, ma jidħlux fil-qasam kopert minn din id-Direttiva Bħala konsegwenza ta’ dan t’hawn fuq, bħala prinċipju ġenerali, m’hemm l-ebda responsabbiità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti fil-qasam li d-Direttiva tirriżerva bħala r-responsabbilità esklussiva ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini [9] 1.2. Ir-responsabbilità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti It-tieni mistoqsija hija: x’inhuma r-regoli ta’ l-Istat Membru Ospitanti li jaqgħu barra l-qasam riżervat li se jkun applikabbli għal-UCITS minn barra li qed iqiegħed l-unitajiet tiegħu fis-suq ta’ Stat Membru Ospitanti bħal dan?. Fuq il-bażi ta’prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 44(1), mhuwiex possibbli li titfassal lista definitiva ta’ regoli bħal dawn. Madankollu, huwa possibbli li jiġu identifikati l-oqsma li ġejjin li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta’ l-Istat Membru Ospitanti: - L-infrastruttura tad-distribuzzjoni li għandha titwaqqaf qabel ma jitqiegħdu fis-suq l-unitajiet ta' l-UCITS. F’ċerti Stati Membri, dan jista' jimplika l-użu ta' intermedjarju awtorizzat kif jixraq u/jew issorveljat. - It-tekniki u l-mezzi użati biex jiżguraw li l-unitajiet ta’ l-UCITS huma fl-aħħar mill-aħħar sottoskritti mill-investitur, bħall-kanvassing, telefonati għall-għarrieda, bejgħ dirett mill-internet u forom oħra ta' stedin lill-investitur. Pereżempju, jekk Stat Membru jipprojbixxi l-użu ta’ ċerti tekniki għal UCITS li qiegħed fit-territorju tiegħu, dan jista’ jiġi impost fuq UCITS li jkun qiegħed fi Stat Membru ieħor. - Reklamar (Artikolu 44(2)[10] L-Istat Membru Ospitanti huwa kompetenti biex jiddetermina u jirrinforza r-regoli applikabbli għall-mod kif UCITS barrani huwa promoss lill-investituri potenzjali li joqgħodu fit-territorju tiegħu bil-ħsieb ta’ sottoskrizzjoni. - Faċilitajiet biex isiru pagamenti lid-detenturi ta’ l-unitajiet, ix-xiri mill-ġdid jew il-ħlas lura ta’ l-unitajiet u biex l-informazzjoni obbligatorja fuq il-UCITS issir disponibbli għad-detenturi ta’ l-unitajiet (Artikolu 45). Għandu jingħad ukoll li bosta regoli ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini li jaqgħu barra l-qasam irreżervat skond id-Direttiva issa xorta waħda huma armonizzati fil-livell ta’ l-UE. Dan jinkludi regoli applikabbli għall-mezzi u tekniki tat-tqegħid fis-suq (id-direttiva ta’ l-e-kummerċ, id-direttiva tal-kummerċjalizzazzjoni minn distanza ta' prodotti finanzjarji), regoli ta' ħarsien għall-konsumatur (id-direttiva tal-prassi kummerċjali inġusta, reklamar qarrieqi u komparattiv) u dispożizzjonijiet tal-MiFID[11] dwar il-komunikazzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u informazzjoni pre-kuntrattwali oħra. Minn meta jibda t-tqegħid fis-suq fl-Istat Membru Ospitanti, UCITS għandu jkun konformi mar-regoli kollha applikabbli ta’ l-Istat Membru Ospitanti li ma jaqgħux fi ħdan il-qasam riżervat. Il-konsegwenzi fuq il-kumpanji ta’ ġestjoni ta’ l-UCITS[12] ivarjaw skond kemm huma involuti fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni. Tabilħaqq, sakemm ir-rekwiżiti ta’ l-Istat Membru Ospitanti jirrelataw mal-funzjonijiet u attivitajiet li ma jsirux minn kumpanija ta' ġestjoni ta' l-UCITS, iżda li minflok jitwettqu minn partijiet terzi li qegħdin f’dak l-Istat Membru, u maħtura mill-kumpanija ta’ ġestjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ l-unitajiet, il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti m'hijiex primarjament meħtieġa mill-kumpanija ta’ ġestjoni ta’ l-UCITS. Billi jintużaw l-eżempji tal-paragrafu 1.1, ir-rekwiżiti ta’ konformità ta’ l-Istat Membru Ospitanti fuq tekniki ta’ tqegħid fis-suq jew pagament jew xiri mill-ġdid ta’ unitajiet għandhom jiġu ssodisfati mill-entitajiet lokali li qed jagħmlu attivitajiet bħal dawn. Minbarra l-qasam irriżervat għar-responsabbilità ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini, il-kumpanija ta' ġestjoni ta' l-UCITS għandha tkun suġġetta għal ċerti rekwiżiti ta' konformità anke meta tħalli t-tqegħid fis-suq ta’ l-unitajiet tagħha f'idejn parti terza fi Stat Membru Ospitanti. Per eżempju, bl-użu ta' eżempji ta' paragrafu 1.1, awtorità ta' Stat Membru Ospitanti tista' tkun intitolata biex teħtieġ li kumpanija ta' ġestjoni tikkonforma ma' ċerti standards għall-għażla ta’ l-entità lokali tagħha (bħal intermedjarju awtorizzat u ssorveljat kif jixraq). Fil-każ ta’ kampanji ta’ reklami organizzati minn parti terza li qiegħda fi Stat Membru, parti bħal din tista' toqgħod fuq informazzjoni provduta mill-kumpanija ta’ ġestjoni. Awtorità ta’ Stat Membru Ospitanti tista’ tirrikjedi kumpanija ta’ ġestjoni ta’ l-UCITS biex tipprovdi informazzjoni ċara, ġusta u mhux qarrieqa lill-entità lokali fuq il-UCITS. Fl-aħħarnett, id-Direttiva tipprovdi b'mod espressiv, fl-Artikolu 44(3) li r-regoli ta’ l-Istat Membru Ospitanti li jirregolaw il-qasam li jaqa’ barra l-ambitu tad-Direttiva għandhom jiġu applikati mingħajr ma jiddiskriminaw bejn l-UCITS li qegħdin fl-Istat Membru ta' l-Oriġini u oħrajn li jkunu fl-Istat Membru Ospitanti. Barra minn hekk, trid tkun ġurisprudenza stabbilita li fil-qasam residwu ta’ responsabbiltà ta’ l-Istat Membru Ospitanti għandha tilħaq ċerti kundizzjonijiet sabiex tiġi ġustifikata. Speċifikament, restrizzjoni bħal din m’għandhiex taqbeż dak li huwa “oġġettivament meħtieġ għal dan il-għan”[13] u m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb (“it-test tal-proporzjonalità”)[14] Fi kliem ieħor, meta jiġu imposti r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment jew fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fuq il-bażi ta’ protezzjoni ta’ l-investitur, l-Istat Membru Ospitanti rilevanti għandu juri li r-restrizzjoni hija oġġettivament neċessarja biex jitħares l-investitur u li dan ma setgħax jinkiseb b’regoli inqas stretti[15] Għalhekk ir-regoli ta’ l-Istat Membru Ospitanti li jaqgħu barra mill-qasam riżervat tad-Direttiva ta’ l-UCITS huma wkoll suġġetti għal dawn ir-rekwiżiti ġenerali[16] 2. KONSEGWENZI TA' DAWN IL-PRINċIPJI – XI EżEMPJI 2.1. Il-prospektus sħiħ u l-prospektus simplifikat Fil-każ ta’ informazzjoni obbligatorja li trid tingħata lid-detenturi ta’ l-unitajiet, (taqsima VI tad-Direttiva), l-informazzjoni provduta fil-prospektus sħiħ u dak simplifikat jaqgħu fi ħdan il-qasam riżervat kopert bid-Direttiva. Konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva għandhom jiġu vverifikati fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini. Awtorizzazzjoni bħal din hija suffiċjenti biex tistabbilixxi l-konformità ta’ dawn id-dokumenti u d-dritt li unitajiet tal-UCITS jitqiegħdu fis-suq fi Stati Membri oħra. L-Istat Membru Ospitanti m’għandux jirrikjedi li titħejja informazzjoni bħal din fuq il-bażi tar-regoli tiegħu stess. Dan il-prinċipju ġenerali għandu żewġ eċċezzjonijiet possibbli stabbiliti b’mod espressiv fl-Artikolu 45 u 48 tad-Direttiva ta’ l-UCITS (ara l-paragrafu 2.2 hawn taħt). Fil-każ tal-prospektus simplifikat, id-Direttiva pprovdiet b’mod espliċitu għal dan il-prinċipju. Il-prospektus simplifikat għandu natura doppja. L-ewwelnett, informazzjoni obbligatorja prekuntrattwali li tinħtieġ għall-investitur medju biex ikun jista' jagħmel ġudizzju infurmat. It-tieni, għad-diskrezzjoni tal-kumpanija ta’ ġestjoni, għodda għall-kummerċjalizzazzjoni, bħal informazzjoni ġenerali immirata lejn klijent potenzjali. Madankollu, anke jekk tintuża bħala għodda għall-kummerċjalizzazzjoni, dan ma jfissirx li l-prospektus simplifikat jaqa' taħt ir-responsabilità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti. l-Artikolu 28(3) huwa espliċitu f’dan ir-rigward, billi ddikjara mill-ġdid il-prinċipju stabbilit fil-Paragrafu 1 hawn fuq: il-prospektus simplifikat jista' jintuża bħala għodda għall-kummerċjalizzazzjoni ddiżinjata biex tintuża fl-Istati Membri kollha “ mingħajr alterazzjoni ħlief traduzzjoni ”. Fil-każ li dan ma kienx biżżejjed, l-Artikolu 28(3) iżid jgħid: “L-Istati Membri ma jistgħu għalhekk jeħtieġu li jiżdiedu ebda dokumenti ulterjuri jew informazzjoni addizzjonali ”. L-Artikolu 28(3) ma jeskludix l-applikabbilità ta’ dan il-prinċipju għall-prospektus sħiħ u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni oħra stabbiliti fit-Taqsima VI tad-Direttiva. Xi eżempji - Fuq il-bażi tar-regoli lokali ta’ reklamar, Stat Membru jista’ jimponi rekwiżiti għal iktar informazzjoni għall-investitur mill-UCITS li qegħdin fit-territorju tiegħu, minħabba ċertu karatteristiċi tagħhom. Dan jista’ jkun il-każ meta UCITS ikollu garanzija jew jieħu sehem f’ċerti tipi ta’ investimenti li għall-Istat Membru Ospitanti jistgħu jidhru li jkollhom riskji ta’ investiment ġodda jew ta’ livell għoli. Fil-każ ta’ UCITS li qiegħdin fi Stati Membri oħra u qed iqegħdu l-unitajiet tagħhom fis-suq fi Stat Membru Ospitanti bħal dan, dan ta’ l-aħħar għandu jonqos milli jimponi xi emendi jew addizzjonijiet għall-kontenut ta’ prospektus sħiħ jew prospektus simplifikat imfassal skond il-prinċipji basiċi komuni stabbiliti fid-Direttiva[17]. Dawn id-dokumenti ta’ żvelar jaqgħu fi ħdan il-qasam riżervat bid-Direttiva, jiġifieri, informazzjoni obbligatorja li trid tiġi pprovduta mill-UCITS lid-detenturi ta' l-unità. Il-qasam riżervat ikopri b’mod partikolari żvelar fuq ir-riskji, id-drittijiet u l-ispejjeż ta’ l-UCITS[18] (ara l-Anness I tad-Direttiva). Fl-każ ta’ UCITS awtorizzat, il-konformità ma' rekwiżiti bħal dawn diġà ġiet trattata mill-Istat Membru ta' l-Oriġini u m'għandhiex tkun suġġetta għal analiżi oħra fil-livell ta' l-Istat Membru Ospitanti [19]. Dwar id-distinzjoni bejn l-informazzjoni ta’ reklamar u dik obbligatorja, l-informazzjoni li l-UCITS hija meħtieġa tipprovdi lid-detenturi tagħha taħt id-Direttiva m’għandhiex titfixkel ma’ l-informazzjoni li hija pprovduta bħala parti mill-“kampanja pubbliċitarja” (eż. fuljetti, brochures, kampanji ta’ reklami) u li jistgħu jiġu kkaraterizzati bħala “ reklami”. Fl-ewwel każ, il-qasam ta’ informazzjoni obbligatorja huwa riżervat bid-Direttiva għar-responsabbiltà unika ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini (l-Artikolu 44(1)). Fit-tieni każ, il-qasam tar-reklami m'huwiex trattat bid-Direttiva u jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru Ospitanti. Jekk reklam, fuq l-inizjattiva ta’ kumpanija ta’ ġestjoni ta’ UCITS minn Stat Membru ieħor jista’ jiġi mmodifikat b’dan il-mod fuq talba ta’ l-Istat Membru Ospitanti, din il-possibilità ma testendix għall-informazzjoni obbligatorja, li hija suġġetta għar-responsabbilità ta' l-Istat Membru ta' l-Oriġini. - Prospektus simpilifikat abbozzat skond il-prinċipji bażiċi komuni tad-Direttiva minn UCITS awtorizzat mill-awtorità ta' l-Istat Membru Ospitanti tiegħu ma jistax jiġi revedut, ikkontestat jew diskuss minn Stat Membru Ospitanti, anke meta ma kienx suġġett għall-proċedura ta' approvazzjoni formali mill-awtorità ta' l-Istat Membru ta' l-Oriġini. L-attestazzjoni mill-Istat Membru ta' l-Oriġini li l-UCITS tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti bid-Direttiva, hija biżżejjed f'dan ir-rigward. - Fuq il-bażi ta’ Artikolu 47 paragrafu 2, Stat Membru Ospitanti jista' jivverifika t-traduzzjoni tal-prospektus sħaħ u ssimpilfikati, ir-rapporti annwali u ta' nofs is-sena u ta' informazzjoni oħra prevista fl-Artikoli 29 u 30. 2.2. Eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-qasam riżervat fir-rigward ta’ kemm il-prospektus sħiħ kif ukoll dak simplifikat - Id-Direttiva fl-Artikolu 45 tagħha tistqarr b’mod ċar li UCITS li tixtieq tqiegħed l-unitajiet tagħha fis-suq ta’ Stat Membru ieħor, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru Ospitanti, għandha tieħu “ l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li jkunu disponibbli f ’ dak l-Istat faċilitajiet biex isiru pagamenti lil titolari ta unitajiet, għal xiri mill-ġdid jew ħlas lura ta unitajiet u biex tkun disponibbli l-informazzjoni[20] li l- UCITS jkunu obbligati li jipprovdu. Min-naħa l-oħra , Skeda A, punt 4 tad-Direttiva tistipula li l-prospektus sħiħ għandu jinkludi “ informazzjoni li tikkonċerna l-arranġamenti biex isiru pagamenti lil titolari ta ’ l-unitajiet, xiri mill-ġdid, jew ħlas lura ta ’ unitajiet u biex issir disponibbli l-informazzjoni li tikkonċerna l- UCITS.” Bl-istess mod, Skeda C tad-Direttiva tistipula li l-prospektus simplifikat għandu jipprovdi informazzjoni dwar “ kif għandhom jinbiegħu l-unitajiet ”, “ meta u kif id-dividendi fuq l-unitajiet jew l-ishma ta ’ l- UCITS għandhom jitqassmu . [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif rikonoxxut fl-Artikoli 45 u 46 tad-Direttiva, Stat Membru Ospitanti għandu jkun kompetenti biex jirrevedi l-konformità ta’ informazzjoni bħal din mar-regoli lokali tiegħu sakemm hija indirizzata lill-investituri li qiegħdin fit-territorju tiegħu. - Bl-istess mod, l-artikolu 48 tad-Direttiva tintitola l-UCITS biex tuża l-istess isem ġeneriku (bħal "kumpanija ta' investiment" jew "fond ta' investiment" fl-Istat Membru Ospitanti kif ukoll fl-Istat Membru ta' l-Oriġini. L-Artikolu 48 espressament jagħti s-setgħa lill-Istat Membru ta' l-Oriġini biex jimponi fuq il-UCITS biex iżid ċerti dettalji ta’ spjegazzjoni ma' l-isem ġeneriku tiegħu għall-iskopijiet ta’ kjarifika. Dan jitħalla jsir biss jekk ikun hemm riskju ta’ konfużjoni, iżda bl-ebda mod m’hemm implikat xi fakultà biex jiġi kkuntestat l-isem ġeneriku. 2.3. Restrizzjonijiet possibbli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti Fuq il-bażi tal-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 hawn fuq, mhux se jkun possibbli għal Stat Membru Ospitanti li juża r-responsabbilità residwa tiegħu biex jipprevjeni t-tqegħid ta' l-unitajiet fis-suq ta’ UCITS li joriġinaw minn Stati Membri oħra minħabba li l-karatteristiċi tiegħu jitqiesu mhux konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva, li tfassal prodott ta' investiment għall-investitur mhux professjonali (pereżempju billi jiddeċiedi li UCITS bħal dan mhuwiex xieraq għall-investituri mhux professjonali). Għall-Istat Membru Ospitanti, dan ikun ifisser li l-awtorizzazzjoni, li taqa’ taħt il-qasam riżervat, mogħtija mill-Istat Membru ta' l-Oriġini, tiġi kkuntestata. L-Istat Membru ta' l-Oriġini huwa l-uniku responsabbli biex jiddetermina jekk prodott jikkonformax mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-UCITS jew le. Mindu tiġi stabbilita t-tali konformità, l-Istat Membru ta' l-Oriġini ma jistax jirrevedi l-merti tiegħu fuq il-bażi tar-responsabbilità residwa. 2.4. Proċedura ta' notifika Il-proċedura ta’ notifika u b’mod partikolari, l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-UCITS lill-awtorità ta’ l-Istat Membru Ospitanti skond l-Artikolu 46 hija parti mill-“qasam riżervat” tad-Direttiva. Skond dan, UCITS li qed tipprovdi l-informazzjoni rikjesta taħt l-Artikolu 46 (attestazzjoni, regoli tal-fondi jew strumenti ta’ inkorporazzjoni, prospektus sħiħ u prospektus simplifikat, l-aħħar rapport annwali u rapport ta’ nofs is-sena sussegwenti, skond kif ikun il-każ u dettalji ta’ l-arranġamenti tat-tqegħid fis-suq) m’għandhiex tintalab għal dokumenti jew informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ta’ l-Istat Membru Ospitanti fuq il-bażi tar-regoli applikabbli fl-Istat Membru Ospitanti. Madankollu, hemm eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 46, minħabba li Stat Membru Ospitanti huwa intitolat b’mod espressiv skond id-Direttiva biex jikkontrolla l-konformità ta’ l-arranġamenti għat-tqegħid fis-suq ta’ l-unitajiet mar-regoli applikabbli ta’ l-Istat Membru Ospitanti skond l-Artikoli 44(1) u 45, fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1 hawn fuq. Konklużjoni Ir-responsabbilità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti fuq ir-regoli applikabbli għall-oqsma li jaqgħu barra l-ambitu tad-Direttiva UCITS ma jfissirx li l-Istat Membru Ospitanti għandu “liċenzja" biex jimponi regoli addizzjonali fuq UCITS minn Stati Membri oħra mmotifikati li jqiegħdu fis-suq unitajiet fit-territorju tiegħu. Prinċipju ewlieni huwa li regoli bħal dawn m’għandhomx jimponu fuq ir-responsabbilità esklussiva ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini kif stabbilit skond it-termini tad-Direttiva. L-impatt ta' xi responsabbilità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti fir-rigward ta' kumpanija ta' ġestjoni ta' l-UCITS għandha tiġi valutata ukoll fir-rigward l-mod ta' kif l-UCITS tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha Kumpaniji ta’ ġestjoni ta’ spiss jużaw partijiet terzi biex iwettqu d-distribuzzjoni ta’ l-UCITS tagħhom fl-Istati Membri Ospitanti. Barra minn hekk, ir-responsabbilità residwa ta’ l-Istat Membru Ospitanti hija ċirkoskritta wkoll mill-fatt li r-regoli li jaqgħu barra l-qasam riżervat qed jiġu armonizzati dejjem iktar u iktar fil-livell ta’ l-UE. Minkejja li Stat Ospitanti m’għandux id-dritt jimponi żvelar addizzjonali fuq il-profil ta’ riskju ta’ UCITS skond id-Direttiva, approċċ komuni possibbli dwar żvelar imsaħħaħ huwa attwalment taħt reviżjoni wara l-ħruġ tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-qafas ta’ l-UE għall-fondi ta’ investiment. Sadanittant, il-Kummissjoni tfakkar il-ħtieġa ta' rispett u konformità għall-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva ta'l-UCITS. [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' l-intrapriżi għal investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) ĠU nru L375, tal-31.12.1985, p. 3, kif emendata (id-"Direttiva dwar l-UCITS" jew id-"Direttiva"). [2] Xi drabi hemm referenza għaliha bħala l-"proċedura ta' passaport". Din il-komunikazzjoni tiffoka fuq il-proċedura ta' notifikazzjoni applikabbli għat-tqegħid transkonfinali fis-suq ta' l-unitajiet ta' l-UCITS , mhux għal dik applikabbli għall-kumpaniji ta’ ġestjoni. [3] Ara l-Premessi 4 u 5 tad-Direttiva. [4] Ara, notevolment, il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-qafas legali għall-fondi ta' investiment, COM(2005) 314, finali, 14.7.2005, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġestjoni ta’ l-assi (2006/2037(INI)), 27.4.2006. [5] Stabbilit skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001, (ĠU nru L191, 13.7.2001, p.43), is-CESR jaġixxi bħala grupp ta’ konsulenza biex jassisti l-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tat-titoli. Hu jikkontribwixxi ukoll għal implimentazzjoni iktar konsistenti u iktar fil-waqt tal-leġiżlazzjoni tal-KE fl-Istati Membri billi jġib kooperazzjoni iktar effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza. [6] Ara il-linji ta’ gwida tas-CESR Nru 04/434b tat-3 ta’ Frar 2005 għal kontrolluri fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttivi 2001/107/KE u 2001/108/KE li jemendaw id-Direttiva ta l-UCITS, abbozz ta ’ proposta tal-Kummissjoni għal strument tal-komitoloġija li jikkjarifika l-assi eliġibbli għall-investiment (li attwalment qed jiġi diskuss) jew abbozz ta ’ linji ta ’ gwida tas-CESR Nru 06/120b tad-29 ta’ Ġunju 2006 għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika tal-UCITS. [7] Fil-każ ta’ moviment ħieles tal-programmi tat-televiżjoni, ara pereżempju il-QtĠE Każi Konġunti C 34/95, 35/95 u 36/95, KO vs De Agostini u KO vs TV-Shop tad-9 ta’ Lulju 1997, notevolament il-paragrafi 55 sa 62 [8] Fil-każ ta’ Taqsima VI, Artikoli 33 u 35 tad-Direttiva, li jagħtu ċerti drittijiet lill-investituri għall-aċċess għall-informazzjoni obbligatorja, huma barra mill-ambitu ta’ din il-komunikazzjoni, għax japplikaw għall-investituri kollha, mingħajr ma jiddistingwu bejn dawk li qegħdin fl-Istat Membru ta' l-Oriġini u dawk li qegħdin fl-Istat Membru Ospitanti. Għaldaqstant, dawn m’għandhomx x’jaqsmu mal-poteri rispettivi li għandhom l-Istat Membru ta' l-Oriġini u l-Istat Membru Ospitanti. [9] Id-Direttiva tagħraf b’mod espressiv l-eċċezzjonijiet potenzjali fir-rigward ta’ ċerti elementi ta' informazzjoni li jridu jiġu inklużi fil-prospektus sħiħ u fil-prospektus simplifikat (ara l-paragrafu 2.2 t’hawn taħt) [10] Il-fatt li l-Artikolu 44(2) mhuwiex imsemmi b’mod espressiv fl-Artikolu 46 ma jfissirx li r-reklamar ma jaqax fl-ambitu ta' l-analiżi li trid issir skond il-proċedura ta' notifika mill-Istat Membru ospitanti. Sewwasew, l-Artikolu 44(2) huwa biss deskrizzjoni ta’ l-Artikolu 44(1). [11] Id-Direttiva 2004/39/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (id-Direttiva tal-MiFID), ĠU nru L145, 30.04.2004, p.1. [12] Ir-referenza fl-Artikolu 44(1) għal “UCITS li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha... ” hija legalment korretta iżda ma tikkorrispondix għar-realtà ekonomika . UCITS ma tikkostitwixxix ċentru awtonomu li jieħu d-deċiżjonijiet, mil-lat ekonomiku l-UCITS mhux se tkun qed tqiegħed l-unitajiet fis-suq hija nnifisha (eċċezzjoni għal dan huwa UCITS ġestita minnha nnifisha). It-tqegħid fis-suq huwa fl-ambitu tal-kumpanija ta’ ġestjoni ta’ l-UCITS, u, fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-intermedjarji lokali jaġixxu bħala distributuri tal-parti terza. [13] Ara per eżempju QtĠE C100/01, 26.11.2002, Oteiza Olazabal, QtĠE C 192/01, 23.09.2003, Kummissjoni vs Danimarka u QtĠE C 496/01, 11.03.2004, Kummissjoni vs Franza, u QtĠE C 384/93, 10.05.1995, Alpine Investment BV [14] Ara l-interpretazzjoni ekwivalenti fil-każ ta’ moviment liberu tal-kapital, QtĠE C 174/04, 02.06.2005, il-Kummissjoni vs l-Italja, para.35. Ara wkoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-servizzi finanzjarji ta' l-Artikolu 3(4) sa 3(6) tad-direttiva ta' l-E-kummerċ, paragrafu 2.2., COM(2003) 259, finali, 14.5.2003 [15] Fil-każ ta' self ta' ipoteka, ara QtĠE C 222/95, 09.07.1997, Parodi vs de Bary. [16] Ara fil-każ ta’ ċempil għall-għarrieda b'rabta mas-servizzi finanzjarji, ara Alpine Investment BV, imsemmi hawn fuq. [17] Fi kwalunkwe għamla, per eżempju permezz ta’ emenda diretta, rikjesta ta’ informazzjoni addizzjonali jew iktar dokumenti. [18] Għandha ssir distinzjoni bejn l-iżvelar ta’ l-infiq u d-drittijiet fir-rigward ta’ l-UCITS innifsu, li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini u l-iżvelar u d-drittijiet fir-rigward tal-forniment tas-servizzi minn partijiet terzi, bħalma huma d-distributuri, li m'humiex koperti bid-Direttiva. Dan jidher fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2006/73/KE ta’ l-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva tal-MiFID (ĠU n°L241, 2.9.2006, p.26). [19] Ara f’sitwazzjoni komparabbli l-QtĠE Każijiet Konġunti C 34/95, 35/95 u 36/95, KO vs De Agostini u KO vs TV-Shop tad-9 ta’ Lulju 1997, imsemmija hawn fuq. [20] Ara l-paragrafu 2.4 hawn taħt dwar il-kompetenza ta’ l-Istat Membru ta' l-Oriġini u ta’ l-Istat Membru Ospitanti fuq l-għoti ta’ informazzjoni obbligatorja lill-investituri.