52007PC0091

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata u d-direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata rigward il-ħtieġa għal Rapport ta’ espert indipendenti fl-okkażjoni ta’ għaqda jew diviżjoni [SEG(2007) 298] [SEG(2007) 300] /* KUMM/2007/0091 finali - COD 2007/0035 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.3.2007

KUMM(2007) 91 finali

2007/0035 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata rigward il-ħtieġa għal rapport ta’ espert indipendenti fl-okkażjoni ta’ għaqda jew diviżjoni

(preżentata mill-Kummissjoni) [SEG(2007) 298][SEG(2007) 300]

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Parti kbira mil-leġiżlazzjoni tal-KE ġiet introdotta biex ikunu kkorreġuti l-fallimenti tas-suq u jkunu żgurati l-istess kondizzjonijiet għal kulħadd. Dawn l-għanijiet setgħu sikwit jinkisbu biss bl-impożizzjoni ta’ impenji fuq kumpaniji biex jipprovdu tagħrif u jirrapportaw dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Biż-żmien, uħud minn dawn il-proċeduri saru jaħlu ħafna ħin mingħajr bżonn jew skadew. Dawn il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa jxekklu l-attività ekonomika u għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività ta’ l-impriżi Ewropej.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tnaqqas dawn il-piżijiet li mhumiex meħtieġa sakemm ikun possibbli. Din hi parti mill-istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar u hi ta’ importanza kruċjali għall-kisba tal-miri ta’ “Liżbona” tagħna ta’ aktar tkabbir u impjiegi.

- Il-Kuntest Ġenerali

Fl-14 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat Verifika Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea (COM (2006) 689), li tinkludi proposta għal mira biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji b’25% sa l-2012.

Għaxar proposti konkreti għal “azzjoni mgħaġġla” ġew minnufih identifikati fl-Anness III tal-Programm ta’ Azzjoni għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-UE (COM (2007) 23), imsejsa fuq il-konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessanti u suġġerimenti mill-Istati Membri u l-esperti tal-Kummissjoni. L-“azzjonijiet mgħaġġla” jimmiraw li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji permezz ta’ bidliet leġiżlattivi żgħar mingħajr ma jbiddlu l-livell ta’ ħarsien jew l-għan ewlieni tal-leġiżlazzjoni.

Waħda minn dawn il-proposti ta’ “azzjoni mgħaġġla” tikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata . L-għan ta’ din il-proposta hu li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq il-kumpaniji billi l-partijiet interessati jingħataw il-possibbiltà diretta[1] li jirrinunzjaw għar-rapport miktub mill-espert fuq l-abbozz tat-termini taż-żwieġ jew diviżjoni, jekk jixtiequ hekk. Dan se jarmonizza ż-żewġ direttivi mar-rekwiżiti attwali fl-Għaxar Direttiva tal-Liġi tal-Kumpanija (id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar żwiġijiet transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata).

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet eżistenti li din il-proposta tfittex li temenda huma l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE 78/855/KEE dwar l-għaqda ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata u l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TA’ L-IMPATT

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni

Fil-Programm ta’ Azzjoni ta’ l-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat għaxar proposti konkreti għal “azzjonijiet mgħaġġla”. Dawn il-proposti ssejsu fuq konsultazzjonijiet ma’ esperti u b’mod partikolari fuq proġett pilota li jqabbel il-kejl ta’ bażi tal-piżijiet amministrattiva fir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Olanda u r-Renju Unit fl-2006.

Waħda minn dawn “l-azzjonijiet mgħaġġla” ikkonċernat il-Liġi tal-Kumpanija u pproponiet li “tnaqqas ir-rekwiżiti rigward ir-rapporti miktuba lill-partijiet interessati f’każ ta’ żwieġ jew diviżjoni”. Id-Direttivi tal-Kunsill 78/855/KEE u 82/891/KEE jistipulaw li l-kumpanija għandha tistabbilixxi rapport espert dwar l-abbozz tat-termini ta’ żwieġ jew diviżjoni. Id-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li ma japplikawx dawn id-dispożizzjonijiet jekk il-partijiet interessati u d-detenturi ta’ garanziji oħra li jagħtuhom id-dritt li jivvutaw qablu hekk. Skond indikazzjoni minn ċerti Stati Membri, saru konsultazzjonijiet mal-Grupp ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Governanza tal-Kumpaniji u l-Liġi tal-Kumpaniji.

Taqsira tat-tweġibiet

Konsultazzjonijiet mal-Grupp ta’ Konsultazzjoni dwar il-Governanza u l-Liġi tal-Kumpanija kkonfermaw li dan ir-rekwiżit tad-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE rigward ir-rapport espert dwar l-abbozz tat-termini taż-żwieġ hu eċċessiv. Kif diġà ntgħaraf fil-kuntest ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/56/KE, dan ir-rekwiżit isir formalità fejn il-partijiet interessati tal-kumpaniji kollha involuti fiż-żwieġ ma jqisux tali rapport bżonjuż.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet risponsi pożittivi għall-preżentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tagħha, kif ukoll dwar il-proposta mgħaġġla rigward il-Liġi tal-Kumpanija. Ġew enfasizzati wħud mir-risponsi rigward it-trasparenza u l-ħarsien tal-partijiet interessati. Dan it-tħassib tqis f’din il-proposta. Għalhekk jidher xieraq li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 78/855/KEE u 82/891/KEE ħlief għal dawk li jinsabu fid-Direttiva 2005/56/KE.

Stima ta’ l-impatt

L-istima ta' l-impatt qieset tliet alternattivi ta' politika:

Għażla 1 L-ebda bidla politika

Għażla 2 Tneħħija tar-rekwiżiti sakemm il-partijiet interessati talbu għalija

Għażla 3 Tneħħija tar-rekwiżiti f’każijiet fejn il-partijiet interessati kollha qablu li mhumiex bżonjużi.

L-għażla 3 hi l-għażla preferuta peress li tipprovdi livell sodisfaċenti ta’ trasparenza u ħarsien tal-partijiet interessati filwaqt li tikkontribwixxi għall-għan tat-tnaqqis ta’ piżjiet amministrattivi fuq il-kumpaniji.

3. ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

- Taqsira ta’ l-azzjoni proposta

Ġie propost li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 78/855/KEE u 82/891/KEE dwar ir-rapport espert dwar l-abbozz tat-termini taż-żwieġ jew diviżjoni mar-regoli korrispondenti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/56/KE.

- Bażi legali

Il-bażi legali ta’ l-azzjoni Komunitarja f’dan il-qasam hi stipulata fl-Artikolu 44 tat-Trattat tal-KE.

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

L-azzjoni meħuda mill-Istati Membri mhix biżżejjed biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi f’dan il-qasam peress li r-rekwiżiti tat-tagħrif ġew imposti għal żwiġijiet u diviżjonijiet tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata pubblika skond id-Direttivi tal-KE.

L-azzjoni ta’ l-UE se tiżgura li ż-żwiġijiet u d-diviżjonijiet fil-ġejjieni tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata pubbliċi li se jieħdu sehem fl-Ewropa jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.

Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

- Prinċipju tal-proporzjonalità

Bil-proposta li jiġu emendati l-Artikoli rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE permezz ta’ Direttiva, l-Istati Membri xorta għandhom ambitu biżżejjed għat-traspożizzjoni tad-Direttiva u l-kisba tar-riżultat meħtieġ b’mod li jaraw xieraq u li jkun l-aktar addattat għas-sistema legali nazzjonali tagħhom.

Il-proposta tiżgura li l-piżijiet amministrattivi li jaqgħu f'idejn l-operaturi ekonomiċi fil-każ taż-żwiġijiet u d-diviżjonijiet tal-kumpanija b’responsabbiltà limitata pubblika jixxejnu.

- Għażla ta’ l-istrumenti

Strumenti proposti: Direttiva

L-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrativi kkaġunati mir-rekwiżiti tat-tagħrif imposti mid-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE jista’ jintlaħaq biss jekk jiġu emendati dawn id-Direttivi, li jista’ jsir biss permezz ta’ strument legali tal-KE li jorbot, ta’ l-istess tip u livell, jiġifieri Direttiva.

4. L-IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

5. INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI

- Simplifikazzjoni

Il-proposta tipprovdi għal simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi għall-partijiet privati.

Il-proċedura amministrattiva li se tiġi segwita minn kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata pubblika f’każ ta’ żwiġijiet u diviżjonijiet għandha tkun issimplifikata fis-sens li ċerti obbligi ta’ tagħrif se jsiru volontarji minflok obbligatorji.

- Tabella ta’ korrelazzjoni

L-Istati Membri huma meħtieġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll it-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

2007/0035 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata rigward il-ħtieġa għal rapport ta’ espert indipendenti fl-okkażjoni ta’ għaqda jew diviżjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

(1) Il-politiki Komunitarji dwar Regolamentazzjoni Aħjar, b’mod partikolari l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Valutazzjoni strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea[5], u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Il-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea”[6], jisħaq l-importanza tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi imposti fuq l-impriżi bil-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ element kruċjali għat-titjib tal-kompetittività tagħhom u għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ l-aġenda ta’ Liżbona.

(2) Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar żwiġijiet transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata[7] tipprovdi għal eżenzjoni mill-obbligu ta’ tfassil tat-termini taż-żwieġ eżaminat minn espert indipendenti u ta’ twettiq ta’ rapport minn dan l-espert, jekk il-partijiet interessati kollha jaqblu li tali rapport mhux meħtieġ.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE[8] ma fihiex eżenzjoni simili, u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE[9] tħalli f’idejn l-Istati Membri jekk iridux jew le jipprovdu għal tali possibbiltà b’ħarsa għar-rapport esperti ta’ l-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni.

(4) M’hemm l-ebda raġuni għala jinħtieġ tali eżami minn espert indipendenti jekk il-partijiet interessati kollha jaqblu li dan jista’ jiġi evitat.

(5) Id-Direttiva 78/855/KEE u d-Deċiżjoni 82/891/KEE għaldaqstant għandhom jiġu emendati skond dan.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 78/855/KEE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"4. La eżami ta’ l-abbozz tat-termini taż-żwieġ lanqas rapport ta’ espert m’hu se jinħtieġ jekk il-partijiet interessati kollha u d-detentur ta’ garanziji oħra li jagħtuhom d-dritt li jivvutaw ta’ kull wieħed mill-kumpaniji involuti fiż-żwieġ qablu hekk.”

(2) Fl-Artikolu 11(1), il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

(e) fejn applikabbli, ir-rapporti stipulati fl-Artikolu 10.”

Artikolu 2

Id-Direttiva 82/891/KEE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 9(1), il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

(e) fejn applikabbli, ir-rapporti stipulati fl-Artikolu 8.”

(2) L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 10

1. La eżami ta’ l-abbozz tat-termini taż-żwieġ lanqas rapport ta’ espert kif stipulat fl-Artikolu 8(1) m’hu se jinħtieġ jekk il-partijiet interessati kollha u d-detentur ta’ garanziji oħra li jagħtuhon d-dritt li jivvutaw ta’ kull wieħed mill-kumpaniji involuti fid-diviżjoni qablu hekk.”

2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 7 u 9(1)(c) u (d) jekk il-partijiet interessati kollha u d-detenturi ta’ garanziji oħra li jagħtuhom d-dritt li jivvutaw tal-kumpaniji involuti fid-diviżjoni qablu hekk.”

Artikolu 3 It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2008. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 5

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE bħalissa tippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu possibbiltà għall-partijiet interessati li jirrinunzjaw ir-rapport espert fuq l-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni.

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] ĠU C […], […], p. […].

[5] COM(2006) 689.

[6] COM(2007) 23.

[7] ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

[8] ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 37).

[9] ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.