52007PC0021

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li jikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat ACP-KE


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.1.2007

KUMM(2007) 21 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li jikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat ACP-KE

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Fit-18 ta’ Frar 2002, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda li jieħu "miżuri xierqa" kontra ż-Żimbabwe[1] wara l-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet li saru skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE[2]. Dawn il-miżuri inkludew is-sospensjoni ta’ l-iffinanzjar ta’ l-appoġġ baġitarju u appoġġ għall-proġetti, kif ukoll is-sospensjoni tal-firma tad-9 Programm Indikattiv Nazzjonali EDF, imma espliċitament ma affettwawx il-kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ natura umanitarja u proġgetti b’appoġġ dirett lill-popolazzjoni, b'mod partikolari dawk fis-setturi soċjali, d-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Inkludew ukoll is-sospensjoni ta' l-Artikolu 12 ta' l-Anness 2 għall-Ftehim ta' Partenarjat AKP-UE, rigward ħlasijiet kurrenti u movimenti kapitali, f’dak li hu meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ aktar miżuri restrittivi, u b’mod partikolari l-iffriżar tal-fondi.

2. Ir-raġuni mogħtija għall-introduzzjoni ta' dawn il-miżuri kienet il-vjolazzjoni serja tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' l-opinjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' laqgħat paċifiċi. Raġuni aktar immedjata kienu t-tentattivi tal-gvern taż-Żimbabwe li jżomm milli jseħħu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, notevolment billi jirrifjuta aċċess għall-osservaturi internazzjonali għall-elezzjoni u għall-midja.

3. Skond l-Artikolu 2 (3) tad-Deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2002, il-miżuri għandhom japplikaw għal perjodu ta' tnax-il xahar. Skond l-istess dispożizzjoni, il-miżuri jkunu rrevokati meta jkun hemm kundizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u ta’ l-istat tad-dritt.

4. F’erba' okkażjonijiet, fit-18 ta’ Frar 2003[3], fid-19 ta’ Frar 2004[4], fis-17 ta' Frar 2005[5] u fl-14 ta' Frar 2006[6] il-Kunsill, filwaqt li qies l-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE li komplew jinkisru mill-Gvern taż-Żimbabwe u li l-kundizzjonijiet f’dal-pajjiż ma żgurawx ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u ta' l-istat tad-dritt, iddeċieda li jestendi l-miżuri xierqa kontra ż-Żimbabwe għal erba' perjodi addizzjonali ta' tnax-il xahar sa l-20 ta' Frar 2004, l-20 ta' Frar 2005, l-20 ta' Frar 2006 u l-20 ta' Frar 2007 rispettivament.

5. Sa minn Frar 2006 ma sar l-ebda progress fuq il-ħames kwistjonijiet identifikati mill-konsultazzjonijiet ta' l-Artikolu 96 u ma kien hemm l-ebda impenn ġenwin u ma ttieħdu ebda miżuri konkreti pożittivi mill-Gvern taż-Żimbabwe biex jirrimedja s-sitwazzjoni. Għall-kuntrarju, kif riċentement kien irrappurtat mill-Kapijiet tal-Missjonijiet[7] f'Ħarare s-sitwazzjoni preżenti fiż-Żimbabwe tkompli tmur għall-agħar

6. Meta jitqies kif sejrin l-affarijiet fil-preżent fiż-Żimbabwe u n-nuqqas ta' żvilupp pożittiv fil-proċess li jikkonċerna l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Kotonu, ma jidhirx li hu ġustifikat it-tneħħija jew anke t-tnaqqis tal-miżuri xierqa. Barra minn hekk ftehim bħal dan mhux bil-fors li jkollu l-qbil ta' bosta Stati Membri.

7. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Kunsill li d-Deċiżjoni preżenti tkun estiża għall-perjodu ieħor ta' 12-il xahar billi tindika lill-Gvern taż-Żimbabwe li hi tibqa' disposta għal djalogu aktar strutturat imtejjeb bl-opportunitajiet offruti mill-għaxar eżerċizzju ta' Programmar kontinwu ta' l-EDF.

8. Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kontinwa u l-miżuri għandhom ikunu revokati meta jkun hemm kundizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u ta’ l-istat tad-dritt.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li jikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat ACP-KE

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE ffirmat f'Kotonu fit-23 ta' Ġunju 2000 [8]u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Awissu 2005[9]

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, fuq miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE[10] u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE[11], il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE[12] ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-anness għal dik id-Deċiżjoni.

(2) Bid-Deċiżjoni 2006/114/KE l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija f'Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE, li kienu estiżi sa l-20 ta' Frar 2004 permezz ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/112/KE[13], sa l-20 ta' Frar 2005 permezz ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/157/KE[14] u sa l-20 ta' Frar 2006 permezz ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/139/KE[15], kienu estiżi għal perjodu ieħor ta' 12-il xahar sa l-20 ta' Frar 2007.

(3) L-elementi essenzjali kkwotati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE qed ikomplu jinkisru mill-Gvern taż-Żimbabwe u l-kundizzjonijiet preżenti fiż-Żimbabwe ma jiżgurawx ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u ta' l-istat tad-dritt.

(4) Il-perjodu ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri għandu għalhekk ikun estiż.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-miżuri li saret referenza għalihom fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE se tkun estiża sa l-20 ta’ Frar 2008. Il-miżuri għandhom jinżammu taħt reviżjoni kontinwa.

L-ittra li tidher fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-President taż-Żimbabwe.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Brussell,

ITTRA LILL-PRESIDENT TAŻ-ŻIMBABWE

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE. Bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Partenarjat, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt huma l-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Bl-ittra tad-19 ta' Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u biex tieħu ċerti 'miżuri xierqa' fit-tifsira ta' l-Artikolu 96(2)(c) ta' dak il-Ftehim.

Bl-ittri tad-19 ta’ Frar 2003, d-19 ta’ Frar 2004, it-18 ta' Frar 2005 u l-15 ta' Frar 2006 l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjonijiet tagħha li ma tirrevokax l-applikazzjoni tal-'miżuri xierqa' u biex testendi l-perjodu ta' l-applikazzjoni sa l-20 ta' Frar 2004, l-20 ta' Frar 2005, l-20 ta' Frar 2006 u l-20 ta' Frar 2007 rispettivament.

Wara tnax-il xahar, l-Unjoni Ewropea tqis li ma sar l-ebda progress sinifikattiv fil-ħames oqsma msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2002.

Fid-dawl ta' dak li ssemma' hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ma tqisx li tista' tirrevoka l-miżuri xierqa u ddeċidiet li testendi l-perjodu ta' l-applikazzjoni tagħhom sa l-20 ta' Frar 2008.

L-Unjoni Ewropea tixtieq terġa' tenfasizza li mhix qiegħda tippenalizza n-nies taż-Żimbabwe u ser tkompli bil-kontribuzzjoni tagħha għall-operazzjonijiet ta' natura umanitarja u għall-proġetti f'appoġġ dirett lill-popolazzjoni, partikolarment dawk f'setturi soċjali, id-demokratizzazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li mhumiex affettwati b'dawn il-miżuri.

L-Unjoni Ewropea tixtieq tfakkar li l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa kif imfissra fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE mhu ta' ebda xkiel għad-djalogu politiku kif mfisser fid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' l-istess ftehim.

B'dan il-ħsieb, l-Unjoni Ewropea tixtieq għal darba oħra tisħaq l-importanza li hi torbot ma' kooperazzjoni fil-futur bejn il-KE u ż-Zimbabwe u tixtieq tikkonferma r-rieda tagħha li tkompli tuża l-opportunità provduta mill-għaxar eżerċizju ta' programmar kontinwu ta' l-EDF biex tkompli bid-djalogu u li fil-futur qrib tirreġistra progress lejn sitwazzjoni fejn terġa' ssir possibbli kooperazzjoni sħiħa.

Għoddni tiegħek,

Għall-Kummissjoni Għall-Kunsill

[1] Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE (ĠUKE L50/64 tal-21.02.2002. Barra minn hekk (ara GAC Konklużjonijiet 18 ta’ Frar 2002) il-Kunsill adotta kif ukoll sanzjonijiet immirati tajjeb tas-CFSP (Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/145/CFSP u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 310/2002 rigward ċerti miżuri ta’ restrizzjoni in relazzjoni maż-Żimbabwe; ĠUKE L50/1-12).

[2] Art. 96 konsultazzjonijiet infetħu biex jinstab qbil dwar miżuri li għandhom jittieħdu mill-Gvern taż-Żimbabwe biex jirrimedja s-sitwazzjoni, b'mod partikolari dwar ħames kwistjonijiet (tmiem ta' kull tolleranza uffiċjali għall-vjolenza politika; stedina bikrija lil sieħba internazzjonali biex jappoġġaw u josservaw l-elezzjonijiet li ġejjin u aċċess sħiħ għal dak il-għan; protezzjoni tal-libertà tal- mass media ; indipendenza tal-ġudikatura u rispett għad-deċiżjonijiet tagħha u t-tmiem għall-okkupazzjoni illegali tal-propjetajiet).

[3] ĠUUE, L46 ta’ l-20.02.2003, paġna 25.

[4] ĠUUE, L50 ta’ l-20.02.2004, paġna 60.

[5] GUUE, L48/28 tad-19.02.2005.

[6] GUUE, L48/26 tat-18.02.2005.

[7] Ara r-rapport HoMs tat-18.09.2006 li jenfasizza 'xejriet negattivi kemm tas-sitwazzjoni politika u dik ekonomika u 'l-ebda progress dwar it-tħassib ta' l-UE'. Fl-4 ta' Diċembru 2006 il-Kunsill ta' l-AWG talab għal rapport ġdid HoMs ta' l-UE dwar l-iżviluppi fiż-Żimbabwe biex ikun diskuss mill-grupp f' Jannar 2007 dwar żjidiet possibbli fil-miżuri ta' l-UE, li probabbilment jikkonferma l-istess valutazzjoni.

[8] ĠU L 317, 15.12.2002, p. 3.

[9] ĠU L 209, 11.08.2005, p. 25

[10] ĠU L 317, 15.12.2004, p. 376. Ftehim Intern kif emendat l-aħħar minn Ftehim Intern ta' l-10.4.2006 (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 48).

[11] ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/114/KE (ĠU L 48, 18.2.2006, p. 26) .

[12] ĠU L 317, 15.12.2004, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-AKP-KE tat-2 ta' Ġunju 2006 (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22) .

[13] ĠU L 46, 20.2.2003, p. 25.

[14] ĠU L 50, 20.2.2004, p.60.

[15] ĠU L 48, 19.2.2005, p. 29