52006DC0853

Rapport mill-Kummissjoni dwar it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE applikabbli għall-ħaddiema ta’ l-offshore /* KUMM/2006/0853 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2006

KUMM(2006) 853 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE applikabbli għall-ħaddiema ta’ l-offshore

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE applikabbli għall-ħaddiema ta’ l-offshore

1. INTRODUZZJONI

1.1. Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/104/KE dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol[1] li teskludi mill-qasam ta’ applikazzjoni tagħha diversi setturi u attivitajiet, fosthom is-sajd u l-attivitajiet l-oħra fuq il-baħar. Il-ħaddiema ta’ l- offshore kienu għalhekk esklużi minn din id-Direttiva.

Fl-2000, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2003/34/KE[2] li temenda d-Direttiva 93/104/KE msemmija hawn fuq sabiex jiġu koperti s-setturi u l-attivitajiet esklużi minn din ta’ l-aħħar. Wara din l-emenda, il-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol saret applikabbli għall-ħaddiema ta’ l- offshore . L-Istati Membri għandhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/34/KE fil-liġi interna tagħhom mhux aktar tard mill-1 ta’ Awissu 2003[3].

Fl-2003, iż-żewġ Direttivi msemmija hawn fuq ġew ikkodifikati u abrogati mid-Direttiva 2003/88/KE[4] (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva”), li hi attwalment l-uniku test fis-seħħ.

1.2. Id-dispożizzjonijiet applikabbli

L-Artikolu 2(8) tad-Direttiva jiddefinixxi l-attività ta’ l- offshore skond id-Direttiva bħala xogħol imwettaq primarjament fuq jew minn installazzjonijiet offshore (inklużi r-riggijiet tat-tħaffir), direttament jew indirettament konnessi ma’ l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni jew l-esplojtazzjoni ta’ riżorsi minerali, inklużi l-idrokarburi, u għadis b’konnessjoni ma’ attivitajiet bħal dawn, sewwa jekk imwettqa minn istallazzjoni offshore jew minn vapur .

L-Artikolu 17(3)(a) jipprevedi li jista’ jiġi derogat mill-Artikoli 3 (serħan kuljum), 4 (ta’ waqfien), 5 (ta’ serħan ta’ kull ġimgħa), 8 ( ħinijiet matul il-lejl) u 16 (perjodi ta’ referenza) fil-każ ta’ attivitajiet meta l-post tax-xogħol tal-ħaddiem u l-post tar-residenza tiegħu huma ’l bogħod minn xulxin, inkluż ix-xogħol offshore, jew meta l-postijiet differenti tal-ħaddiem huma ’l bogħod wieħed mill-ieħor . Madankollu, skond it-termini tal-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, dawn id-derogi jingħataw basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta’ serħan obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa .

Finalment, l-Artikolu 20(2) jiddisponi li suġġett għal konformità mal-prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li jkun hemm konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti ta’ min jimpjega u tal-ħaddiema kkonċernati u sforzi sabiex jinkoraġġixxu t-tipi rilevanti kollha ta’ djalogu soċjali, inklużi n-negozjati jekk il-partijiet hekk jixtiequ, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, jestendu l-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b) għal 12-il xahar fir-rigward ta’ ħaddiema li primarjament iwettqu xogħol offshore .

Fil-qosor, il-ħaddiema ta’ l- offshore huma koperti mid-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri jibbenefikaw, għal dawn il-ħaddiema, mill-fakultà ta’ deroga mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 u li jipprevedu, b’mezz leġiżlattiv jew regolamentari, b’deroga ta’ l-Artikolu 19, perjodu ta’ referenza li ma jistax jeċċedi aktar minn tnax-il xahar għall-kalkolu tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa.

Ċerti attivitajiet offshore , kif inhuma definiti fid-Direttiva, jitwettqu minn fuq bastimenti jew pjattaformi f’ibħra internazzjonali. F’dan il-kuntest, tista’ ssir mistoqsija biex jiġi magħruf liema hi l-liġi applikabbli għal dawn il-kuntratti.

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali[5] tipprevedi, f’sitwazzjonijiet li jwasslu għal konflitt fil-liġijiet, il-prinċipju tal-libertà ta’ għażla mill-partijiet. Skond l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni, il-kuntratt hu regolat skond il-liġi magħżula mill-partijiet . Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-kuntratt tax-xogħol, dan il-prinċipju ta’ libertà ta’ għażla tal-partijiet hu soġġett għal ċerti akkomodazzjonijiet. L-ewwelnett, l-għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli ma tistax twassal biex ħaddiem jiġi mċaħħad mill-protezzjoni li hi żgurata lilu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi li għandhom japplikaw, f’każ ta’ nuqqas ta’ għażla (l-Artikolu 6 (1). Barra minn dan, il-Konvenzjoni tipprevedi regoli sussidjarji fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet. Il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 6 jipprevedi li, fin-nuqqas ta’ għażla, il-kuntratt tax-xogħol hu regolat: a ) bil-liġi tal-pajjiz, fejn l-impjegat normalment iwettaq xogħlu in eżekuzzjoni tal-kuntratt, anke jekk huwa temporanjament impjegat f’pajjiz ieħor, jew, b) jekk l-impjegat ma jagħmilx xogħol li jagħmel is-soltu fl-istess pajjiż, skond il-liġi tal-pajjiz fejn jinsab il-post tan-negozju minn fejn kien imqabbad, sakemm ma jidhirx miċ-cirkostanzi kollha li l-kuntratt huwa konness b’mod aktar viċcin ma’ pajjiz ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jiġi rregolat mill-liġi ta’ dak il-pajjiz .

1.3. Ġustifikazzjoni tar-rapport

L-Artikolu 20(3) tad-Direttiva jipprevedi li, mhux aktar tard mill-1 ta’ Awissu 2005 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-amministraturi u l-ħaddiema fil-livell Ewropew, tirrivedi l-operazzjoni tad-disposizzjonijiet fir-rigward tal-ħaddiema offshore mill-perspettiva tas-saħħa u tas-sigurtà bl-għan li tippreżenta, jekk meħtieġ, il-modifiki xierqa .

Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni elaborat kwestjonarju ddestinat għall-Istati Membri u kkunsultat ma’ l-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju. Dan ir-rapport għandu għalhekk l-għan li jitwettaq l-obbligu previst fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva.

2. L-ATTIVITAJIET OFFSHORE FL-UNJONI EWROPEA

Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri ma għandhom ebda attività ta’ offshore fit-territorju tagħhom, inkluż “il-baħar territorjali” tagħhom. Dan hu l-każ ta’ l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja.

Dawn il-pajjiżi kollha, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka u l-Portugall, jiddikjaraw ukoll li mhemm l-ebda kumpanija nazzjonali li qed tiżviluppa attivitajiet ta’ offshore lilhinn mill-baħar territorjali tagħhom.

Fost l-Istati Membri li għandhom attivitajiet ta’ offshore fit-territorju tagħhom jew kumpaniji nazzjonali li jmexxu attivitajiet ta’ din ix-xorta lilhinn mit-territorju tagħhom, is-sitwazzjoni u n-numru ta’ ħaddiema kkonċernati jvarjaw konsiderevolment. Ir-Renju Unit jidher b’mod ċar bħala l-Istat Membru li għandu l-aktar ħaddiema fl-attivitajiet ta’ l- offshore . It-tabella hawn taħt tagħti l-informazzjoni dwar l-attivitajiet eżistenti u n-numru ta’ ħaddiema li huma involuti fihom.

Stat Membru | Fil-baħar territorjali | Lilhinn mill-baħar territorjali |

Deskrizzjoni | Ħaddiema | Deskrizzjoni | Ħaddiema |

DE | Rigg ta’ tfittix u l-estrazzjoni taż-żejt fil-Baħar tat-Tramuntana | ± 75 | Ebda | - |

DK | Ebda | 0 | - Maersk Oil and Gas AS - Dong Exploration and Production A/S - Amerada Hess ApS | ± 2 000 |

ES | Rigg fiss għall-offshore Gaviota (il-Baħar Kantabriju, faċċata tal-Kosti ta’ Biscay) | - | Riggijiet fissi lilhinn minn Casablanca (il-Mediterran, quddiem il-kosti ta’ Tarragone) u Poseidón (fil-Golf ta’ Cádiz). | - |

IE | Marathon Oil Ireland Limited | ± 40 |

FR | Attivitajiet sporadiċi ta’ tħaffir | +-50 |

NL | ± 50 | ± 2 300 |

PL | ± 330 | ± 580 |

PT | Saipem Portugal tagħmel użu minn 24 bastiment u rigg | 9 |

UK | - Liverpool Bay Complex, esplojtjat minn BHP Billiton - Ir-rigg “Beatrice” għall-produzzjoni taż-żejd fil-Moray Firth, esplojtjat minn Talisman | 86 | 85 rigg taż-żejt, 18-il stallazzjoni miżmuma f’wiċċ l-ilma u 167 rigg tal-gass | 25 000 |

3. L-UżU TAD-DEROGI

Kif ġie indikat hawn fuq, id-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jidderogaw mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 tad-Direttiva. Barra minn dan, jistgħu wkoll jiffissaw, b’mezz leġiżlattiv jew regolamentari, perjodu ta’ referenza b’massimu ta’ tnax-il xahar għall-kalkolu tat-tul ta’ żmien massimu tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa.

Għalhekk meħtieġ li jiġi kkalkulat safejn l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jeżistu attivitajiet ta’ offshore għamlu użu minn din il-fakultà ta’ deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

3.1. Il-Ġermanja

Il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ l-uniku rigg eżistenti hu rregolat mil-liġi dwar il-ħin tax-xogħol, bi ftehim kollettiv u bi ftehim fil-livell tal-kumpanija li għandu x’jaqsam mal-ħin tax-xogħol.

L-organizzazzjoni tax-xogħol tvarja skond il-kategoriji tal-ħaddiema, iżda ġeneralment hi bbażata fuq ritmu ta’ erbatax-il ġurnata fuq ir-rigg u erbatax-il ġurnata ta’ mistrieħ fuq l-art.

Il-ħaddiema huma koperti mid-dispożizzjonijiet ekwivalent stipulati fl-Artikoli 3, 4, 5 u 8 tad-Direttiva. Fil-fatt, il-mistrieħ ta’ matul il-ġurnata hu ffissat għal ħdax-il siegħa konsekuttivi, il-ħaddiema għandhom jibbenefikaw minn waqfien ta’ tletin minuta wara perjodu ta’ xogħol ta’ sitt sigħat, ġurnata ta’ mistrieħ fil-ġimgħa hi garantita (fit-teorija, il-Ħadd), u x-xogħol ta’ billejl ma jistax fit-teoriia jeċċedi tmien sigħat.

Il-Ġermanja ma għamlitx użu mill-fakultà ta’ ffissar ta’ perjodu ta’ referenza ta’ tnax-il xahar għall-kalkolu tat-tmienja u erbgħin siegħa. Il-ftehim kollettiv applikabbli anqas ma jipprevedi perjodu ta’ referenza aktar fit-tul mill-perjodu normali ta’ erba’ xhur.

Minkejja li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkorporat dispożizzjoni li tittrasponi l-Artikolu 22 tad-Direttiva (bil-kundizzjoni li tiġi approvata minn qabel bi ftehim kollettiv), din il-fakultà mhix applikabbli f’dan is-settur.

3.2. Id-Danimarka

Id-Danimarka adottat test li jirregola l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ l- offshore [6]. Dan jipprevedi mistrieħ għal matul il-ġurnata ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva għal kull perjodu ta’ 24 siegħa (ekwivalenti għall-Artikolu 3 tad-Direttiva), waqfien wara kull perjodu ta’ xogħol ta’ sitt sigħat (ekwivalenti għall-Artikolu 4) u tliet ijiem konsekuttivi ta’ mistrieħ fuq l-art għal kull perjodu ta’ ġimagħtejn fuq il-baħar (ekwivalenti għall-Artikolu 5, meħud flimkien ma’ l-Artikolu 16(a)).

It-test ma jipprevedix limitu għat-tul tal-ħin tax-xogħol billejl.

Il-leġiżlazzjoni Daniża tippermetti li l-mistrieħ ta’ matul il-ġurnata jista’ jittawwal jew jitnaqqas bi ftehim kollettiv. Għall-ħaddiema li mhumiex koperti bi ftehim kollettiv, it-test jipprevedi l-possibbiltà li l-kuntratt individwali tax-xogħol jippermetti differiment jew tnaqqis (sa minimu ta’ tmien sigħat) tal-mistrieħ matul il-ġurnata. F’każ ta’ deroga, għandu jiġi żgurat mistrieħ ta’ kumpens.

Il-leġiżlazzjoni Daniża tipprevedi perjodu ta’ referenza ta’ sena għall-ħaddiema ta’ l- offshore .

Id-Danimarka mhix qed tagħmel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (deroga individwali).

3.3. Spanja

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema ta’ l- offshore huma d-dipożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl- Estatuto de los Trabajadores . Mhemmx għalhekk reġim speċjali għal dan is-settur.

Il-possibbiltajiet ta’ deroga mill-preskrizzjonijiet minimi tal-liġi mhumiex permessi ħlief b’negozjar kollettiv.

L-estensjoni tal-perjodu ta’ referenza għal sena mhix ukoll permessa ħlief bi ftehim kollettiv.

Spanja ma tagħmilx użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (deroga individwali) f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema ta’ l- offshore .

3.4. Franza

L-attivitajiet tat-tħaffir imwettqa minn Franża huma magħmula b’mod sporadiku u għall-perjodi qosra (xahar jew tnejn). Għalhekk mhemmx dispożizzjoni speċifika għall-ħaddiema ta’ l- offshore li jimplimentaw id-derogi permessi mid-Direttiva.

3.5. L-Irlanda

Il-ħaddiema ta’ l- offshore ta’ l-unika kumpanija li topera fl-Irlanda, Marathon , jibbenefikaw minn serħan matul il-ġurnata ta’ tnax-il siegħa u ħamsa u sebgħin minuta ta’ waqfien. Mhemm ebda limitu ta’ ħin għax-xogħol billejl.

Ir-ritmu tax-xogħol jidher li hu bbażat fuq sebat ijiem ta’ attività fuq il-baħar u sebat ijiem ta’ serħan fuq l-art.

Il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tat-tul taż-żmein massimu fil-ġimgħa ta’ xogħol hu ta’ tnax-il xahar.

L-Irlanda mhix qed tagħmel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (deroga individwali).

3.6. L-Olanda

Il-ħaddiema ta’ l- offshore qed jibbenefikaw minn 12-il siegħa ta’ serħan matul il-ġurnata u minn perjodu ta’ waqfien ta’ siegħa. Il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fuq xogħol billejl ma jistax jaqbeż 11-il siegħa għal kull perjodu ta’ erba’ u għoxrin siegħa u l-perjodi ta’ xogħol billejl ma jistgħux ikunu aktar minn 28 perjodu għal kull perjodu ta’ 13-il ġimgħa.

Il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tat-tul ta’ ħin massimu fil-ġimgħa ta’ xogħol (iffissat għal 40 siegħa) hu, fit-teorija ta’ 13-il ġimgħa. U dan jitwassal għal 26 ġimgħa għall-ħaddiema li ma għandhomx skeda ta’ xogħol stabbli u regolari u ma jistax jitwassal għal 52 ġimgħa meta s-serħan fuq l-art jiġi interrott minħabba taħriġ għas-sigurtà.

3.7. Il-Polonja

Il-ħin tax-xogħol fis-settur hu regolat mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-kodiċi tax-xogħol. Ebda deroga speċifika għas-settur ma ġiet prevista.

Il-Polonja mhix qed tagħmel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (deroga individwali).

3.8. Il-Portugall

Fil-Portugall, il-kumpanija Saipem Portugal tħaddem erbgħa u għoxrin bastiment u riggijiet li joperaw f’diversi lokalitajiet (l-Awstralja, l-Indja, ir-Russja, il-Lvant Imbiegħed). Il-kumpanija ma għandhiex ħlief disa’ impjegati koperti mill-leġiżlazzjoni Portugiża, li ma għandhiex dispożizzjoni speċifika għas-settur.

3.9. Ir-Renju Unit

Ir-Renju Unit għamel użu mill-possibbiltà ta’ deroga mill-Artikoli 3, 4, 5 u 8. F’każ ta’ deroga, il-ħaddiema għandhom jibbenefikaw minn serħan adegwat.

Ir-Renju Unit introduċa wkoll, b’meżż leġiżlattiv, perjodu ta’ referenza ta’ sena għall-ħaddiema ta’ l- offshore .

Implimenta wkoll il-fakultà prevista fl-Artikolu 22 (deroga individwali). Din id-deroga tidher li mhix qed tintuża b’mod ġenerali ħafna fost il-ħaddiema ta’ l- offshore ; qed tiġi limitata għal ċerti oqsma speċjalizzati, bħalma huma l-attivitajiet ta’ għadis u ta’ kostruzzjoni marittima.

4. IL-FTEHIMIET KOLLETTIVI

Il-ħin tax-xogħol hu qasam tradizzjonalment kopert minn ftehimiet kollettivi, meta dawn jeżistu. Minħabba li d-Direttiva tistabbilixxi preskrizzjonijiet minimi, il-ftehimiet kollettivi jiffissaw b’mod ġenerali r-regoli l-aktar favorevoli għall-ħaddiema, notevolment f’dak li jikkonċerna t-tul tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa.

Il-ftehimiet kollettivi jistgħu wkoll ikollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tad-derogi previsti mid-Direttiva f’dak li jikkonċerna l-mistrieħ matul il-ġurnata u matul il-ġimgħa, il-waqfien, ix-xogħol billejl u l-perjodi ta’ referenza (meta l-Istat Membru ma jkunx iffissa l-perjodu ta’ referenza għal sena b’mezz leġiżlattiv).

Ir-rata ta’ kopertura mill-ftehim kollettiv fis-settur ta’ l-attivitajiet ta’ l- offshore hi varjabbli ħafna. Għalhekk, jidher li ma jeżistix ftehim kollettiv fil-Polonja u fl-Irlanda. Fir-Renju Unit, il-ftehimiet kollettivi ġew iffirmati mill-1999 ’l hawn, iżda dawn mhumiex applikabbli ħlief għall-ħaddiema membri tat-trejdjunjins firmatorji. Madankollu, in-numru ta’ ħaddiema msieħba fil-junjins hu baxx sew (madwar 4 500 ħaddiem). Fl-Olanda, il-ħaddiema ta’ l- offshore huma essenzjalment impjegati minn kumpanija li għaliha ma japplika ebda ftehim kollettiv. Mill-banda l-oħra, il-ftehimiet kollettivi eżistenti fid-Danimarka u fi Spanja japplikaw għal proporzjon għoli ta’ ħaddiema, wara li jiġi kkunsidrat li ż-żewġ pajjiżi għandhom rata ta’ kopertura bi ftehim kollettiv għoli sew (aktar minn 80%). Fil-Ġermanja, il-ħaddiema ta’ l-uniku rigg eżistenti huma koperti minn ftehim kollettiv mal-kumpanija applikabbli għall-impjegati regolari tar-rigg, kif ukoll minn ftehim mal-kumpanija li jirregola r-ritmi tax-xogħol.

Il-ħin medju tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa tal-ħaddiema ta’ l- offshore Daniżi koperti minn ftehim kollettiv hu ta’ madwar tlieta u tletin siegħa (minflok ta’ tmienja u erbgħin previsti mid-Direttiva). Fi Spanja, il-ftehim kollettiv tal-kumpanija Repsol introduċa dispożizzjonijiet aktar favorevoli dwar il-ħin ta’ serħan (ta’ matul il-ġurnata, fil-ġimgħa, fis-sena). Fil-Ġermanja, il-ftehim kollettiv jipprevedi tul ta’ ħin ta’ xogħol fil-ġimgħa li ma jaqbiżx l-erbgħin siegħa.

5. KONKLUżJONIJIET

L-attivitajiet ta’ l- offshore ma jolqtux ħlief numru limitat ta’ Stati Membri u numru ta’ ħaddiema stmat li hu ± 30 000. Stat Membru wieħed biss, ir-Renju Unit, għandu l-maġġoranza l-kbira (25 000) tal-ħaddiema ta’ l- offshore .

Wara l-emenda introdotta fl-2000, id-Direttiva tkopri l-ħaddiema ta’ l- offshore iżda tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà ta’ deroga għal bosta mid-dispożizzjonijiet tagħha, bil-kundizzjoni li l-perjodi ekwivalenti ta’ serħan kumpensatorju jkunu jistgħu jingħataw lill-ħaddiema kkonċernati.

Wieħed jista’ madankollu josserva li l-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri ma għamlux użu minn din il-fakultà u li l-ħaddiema ta’ l- offshore huma għalhekk koperti permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali dwar is-serħan matul il-ġurnata jew fil-ġimgħa, il-waqfien u t-tul tal-ħin tax-xogħol billejl. Ir-Renju Unit hu l-unika Stat Membru li għamel użu b’mod sħiħ mill-possibbiltajiet ta’ deroga għall-ħaddiema ta’ l- offshore .

Jirriżulta wkoll li l-ftehimiet kollettivi, meta dawn jeżistu, jipprevedu reġimi aktar favorevoli mill-preskrizzjonijiet minimi tad-Direttiva, notevolment f’dak li jikkonċerna t-tul ta’ ħin massimu tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u l- leave imħallas fis-sena.

Il-flessibilità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema ta’ l- offshore tispjega probabbilment għala l-Istati Membri jiddikjaraw b’mod tabilħaqq unanimu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma adegwati għas-settur involut u għalhekk ma għandhomx jiġu emendati. Mill-banda l-oħra, l-imsieħba soċjali ma tawx l-opinjoni tagħhom dwar il-konsultazzjoni llanċjata mill-Kummissjoni.

Minħabba l-opinjonijiet espressi mill-Istati Membri kkonċernati u l-assenza ta’ kummenti mill-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni tikkalkula li ebda tibdil tar-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ l- offshore mhu neċessarju.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 307, 13.12.1993, p.18.

[2] Id-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u l-attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva, ĠU L 195, 1.8.2000, p. 41.

[3] Ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/34/KE.

[4] Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

[5] Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (il-verżjoni konsolidata), ĠU C 27, 26.1.1998, p. 34.

[6] L-Ordni Nru 630 ta’ l-1 ta’ Lulju 2003 dwar ċerti aspetti tat-tqassim tal-ħin tax-xogħol fuq l-istallazzjonijiet ta’ l- offshore .