52006DC0835




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 10.1.2007

COM(2006) 835 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/KE tat-22 ta' Novembru 1999 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoncerna l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew[SEC(2006) 1806]

WERREJ

Kelmtejn Qabel 3

I. Daħla 4

II. Il-parteċipazzjoni tal-komunità 4

III. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. 5

3.1. Formalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni 5

3.2. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità 6

IV. L-attivitajiet ta' l-Osservatorju 8

4.1. Il-Qasam tas-Suq u tal-Finanzi 8

4.2. Il-Qasam Ġuridiku 8

4.3 Pjattaforma Ewropea ta' Awtoritajiet Regolatorji ( EPRA ) 9

V. Tixrid tar-riżultati tax-xogħol ta' l-Osservatorju 9

5.1. Il-Qasam tas-Suq u tal-Finanzi 9

5.2. Il-Qasam Ġuridiku 10

5.3. Internet 10

5.4. Attivitajiet oħra ta' tixrid u konferenzi 11

VI. Konklużjonijiet 11

KELMTEJN QABEL

1. Dan ir-rapport ikopri l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/EC[1] kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2239/2004/KE[2], li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew. Dan huwa r-rapport finali previst skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Huwa jiddeskrivi r-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Osservatorju u juri l-attivitajiet prinċipali li dan ta' l-aħħar għamel sa mill-1999.

2. Il-Kapitlu II ifakkar ir-raġunijiet li għalihom il-Komunità ħadet sehem fl-Osservatorju.

3. Il-Kapitlu III tar-rapport juri fil-qosor l-atti ġuridiċi l-aktar importanti li jikkonċernaw is-sħubija fil-Komunità u jipprovdi rapport finanzjarju konċiż.

4. Il-Kapitlu IV jagħti stampa ta' l-attivita' kumplessiva ta' l-Osservatorju sa mill-aħħar ta' l-1999 sa nofs l-2006. L-oqsma prinċipali studjati huma kwistjonijiet tas-suq/finanzjarji u ġuridiċi.

5. Il-Kapitlu V jivvaluta t-tixrid ta' l-informazzjoni miġbura u analizzata mill-Osservatorju minn fost il-kategoriji professjonali prinċipali.

6. Il-Kapitlu VI jipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-parteċipazzjoni tal-Komunità fejn jidħlu l-għanijiet stabbiliti fl-1999 u l-implimentazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Osservatorju.

I. Daħla

Dan ir-rapport ikopri l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/KE li tikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew. Ikopri kemm ir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Osservatorju, kif ukoll l-attivitajiet ta' dan ta' l-aħħar b'risposta għall-ħtiġijiet ta' l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi għall-informazzjoni. Ir-rapport ikopri l-perjodu mill-aħħar ta' l-1999, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, sa Novembru 2006.

II. Il-parteċipazzjoni tal-komunità

F'Diċembru 1992, il-Kunsill ta' l-Ewropa ħoloq l-Osservatorju għal perjodu inizjali ta' tliet snin[3] u f'Marzu ta' l-1997 ikkonferma l-kontinwazzjoni ta' l-Osservatorju għal perjodu indefinit[4].

Il-bażi ġuridika dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju huwa Artikolu 157(3) tat-Trattat (ex Artikolu 130). Dan jirreferi għall-attività tal-Komunità sabiex tgħin lis-setturi industrijali jaġġustaw ruħhom għal bidliet strutturali, tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' l-impriżi, speċjalment l-SMEs, tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u tiffavorixxi l-isfruttament tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) u l-politika ta' innovazzjoni.

Skond dawn il-miri, id-deċiżjoni tal-Komunità li tipparteċipa b'mod sħiħ fl-Osservatorju kienet strumentali sabiex tipprovdi lill-industrija awdjoviżiva Ewropea informazzjoni dettaljata, ferm bżonnjuża, f'oqsma bħall- marketing , il-finanzi, ir-regoli ġuridiċi u l-prattika.

L-Osservatorju wera ruħu ferm effettiv biex jieħu ħsieb talbiet ta' informazzjoni u biex ixerred dan it-tip ta' tagħrif, fuq kollox sabiex jirrispondi lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju.

Barra minn hekk, ix-xogħol ta' l-Osservatorju jirrappreżenta riżors importanti għall-industrija ta' l-UE għax ikopri għadd kbir ta pajjiżi, fosthom il-pajjiżi kandidati, kif ukoll iż-ŻEE u l-parti l-kbira ta' l-istati Ewropej l-oħra. Sa minn nofs l-2006, l-Osservatorju kellu 37 membru: 36 pajjiż[5] u l-Komunità.

L-ambitu wiesa' ta' l-informazzjoni li l-Osservatorju ta aċċess għaliha flimkien mal-ħila li jipprovdi riċerka mfassla apposta, mhux biss huma essenzjali għall industrija, iżda nstabu siewja ferm għal min ifassal il-politika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Komunità.

L-Osservatorju mhux l-uniku għajn ta' informazzjoni statistika fis-settur awdjoviżiv. B'mod partikulari, sa mill-1999[6] l-Eurostat ilu jiżviluppa informazzjoni statistika fil-livell ta' l-UE. L-esperti ta' l-Osservatorju u ta' l-Eurostat iltaqgħu b'mod regolari sabiex jevitaw li jagħmlu xogħol doppju fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` taż-żewg istituzzjonijiet, b'mod partikulari l-istatistika tas-suq.

III. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jistabbilixxi li l-Komunità trid tkun membru ta' l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, Ftehim Parzjali tal-Kunsill ta' l-Ewropa. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jistabbilixxi li l-Kummissjoni trid tirrappreżenta lill-Komunità fir-relazzjonijiet ma' l-Osservatorju. L-Artikolu 5 oriġinarjament kien jipprovdi li l-parteċipazzjoni tal-Komunità ddum sejra sa l-aħħar ta' l-2004, iżda din ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2239/2004/KE, li estendiet il-parteċipazzjoni sa l-aħħar ta l-2006.

3.1. Formalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni

Fil-bidu tas-sena 2000, Il-Kummissjoni fetħet negozjati mal-Kunsill ta' l-Ewropa u ma l-Osservatorju sabiex timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-punti ewlenin tad-diskussjoni kienu jikkonċernaw il-modalitajiet tal-parteċipazzjponi fl-Osservatorju. Kien hemm bżonn li żewġ kwistjonijiet jiġu solvuti. L-ewwel, li l-Komunità mhijiex membru ta' l-, kif kien il-każ tal-membri l-oħra kollha. It-tieni, is-sħubija kellha takkomoda ċerti rekwiżiti finanzjarji speċifiċi tal-Kummisjoni dwar, b'mod partikolari, x'isir minn fondi li ma jintużawx u l-obbligi fil-każ ta l-irtirar mill-Osservatorju.

Sabiex jiġu akkomodati r-rekwiżiti tal-Kummissjoni, il-Kunsill ta' l-Ewropa emenda l-istatut u r-Regolament finanzjarju ta' l-Osservatorju f'Settembru 2000[7].

Apparti r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Kummissjoni awtorizzat[8] lis-Sinjura Viviane Reding, bħala l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-politika awdjoviżiva, sabiex tifformalizza l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew bħala Ftehim, fil-forma ta' Skambju ta' Ittri mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

Fl-Iskambju ta' Ittri ta' Novembru 2000 kien hemm klawsola ta' reviżjoni għall-perjodu ta' wara l-2004, peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/784/KE kienet valida biss sal-31 ta' Diċembru 2004. Għalhekk, sabiex tkopri s-snin 2005 sa l-2006, il-Kummissjoni reġgħet awtorizzat[9] formalment lis-Sinjura Reding biex tifformalizza l-parteċipazzjoni tal-Komunita fl-Osservatorju għal perjodu ta' sentejn oħra. Il-ftehim ħa l-forma ta' Skambju ta' Ittri ieħor mal-Kunsill ta' l-Ewropa f'Lulju u Settembru 2005. Klawsola ta' reviżjoni reġgħet ġiet inkluża għall perjodu lil hinn mill-validità tad-Deċiżjoni 2239/2004/KE, i.e. il-31 ta' Diċembru 2006.

"Memorandum ta' Ftehim" (MOU) ġie anness ma' l-Iskambju ta' l-Ittri. Dan stabbilixxa t-termini speċifiċi għall-impenji finanzjarji annwali tal-Kummissjoni. Iż-żewġ verżjonijiet sussegwenti tad-dokument ġew aġġornati u approvati uffiċjalment kull sena mill-Kummisjoni u mill-Osservatorju.

3.2. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità

Ir-rendikont finanzjarju anness mal-proposta għad-Deċiżjoni 1999/784/KE ipprevediet impenn u approprjazzjonijiet ta' ħlas ta' €1 325 000 għal perjodu ta' sitt snin b'ammont massimu annwali ta' €235 000 fl-2004. Ir-rendikont finanzjarju tad-Deċiżjoni 2239/2004/KE estenda l-limitu massimu għas-snin 2005 u 2006.

Minħabba l-fatt li n-negozjati ħadu fit-tul, il-formalizzazzjoni tas-sħubija tal-Komunità setgħet biss isseħħ f'Novembru 2000, bejn wieħed u ieħor sena wara l-addozzjoni tad-Deciżjoni tal-Kunsill. Għalhekk, sabiex il-kooperazzjoni ma' l-Osservatorju ma tiġix interrotta waqt dak il-perjodu, fil-31 ta' Jannar 2000 il-Kummissjoni kkonkludiet Ftehim ta' Għajnuna Finanzjarja ma' l-Osservatorju għal ammont daqs il-kontribuzzjoni statutorja teoretika u mhux aktar mis-somma indikata għas-sena 1999 fir-rendikont finanzjarju anness mal-proposta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Id-dispożizzjonijiet għal dan il-Ftehim ta' għajnuna kienu skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet finanzjarji. Skema bħal din tvarja mill-Artikoli tal-Memorandum ta' Ftehim (MoU), sakemm skond l-MoU l-ammont tal-kontribuzzjoni finanazjarja annwali mhux marbuta direttament ma' l-infiq proprju li jkun sar fl-istess sena, iżda huwa fiss, bil-ħlas żejjed jiġi mnaqqas mill-kontribuzzjoni tas-sena ta' wara.

It-tħaddim tal-mekkaniżmu finanzjarju tal-Ftehim ta' Għajnuna Finanzjarja ssarraf fi ħlas ta kontribuzzjoni li kienet € 8 528 inqas mill-ammont massimu maħsub. L-Osservatorju talab lill-Kummissjoni biex tħallas l-ammont kollu. Il-Kummissjoni dejjem ikkontestat din it-talba, billi targumenta li hija wettqet l-obbligi finanzjarji tagħha skond il-Ftehim ta' għajnuna finanzjarja. Wara analiżi li għamlu grupp ta' esperti, f'Novembru 2002, il-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Osservatorju ddeċieda li jirrinunzja għal din it-talba mill-Kummissjoni.

Bis-saħħa ta' dan l-iżvilupp tad-dħul supplimentari ta' l-Osservatorju, magħdud mal-kontribuzzjonijiet tal-membri, l-impenji u l-ħlasijiet għas-snin 1999 sa l-2006 kienu konsistentement inqas, kemm f'termini nominali kif ukoll perċentwali, mill-ammonti previsti fil-proposti tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjonijiet ta' l-1999 u ta' l-2004.

Valuri: € |1999 |2000 |2001 |2002 |2003 |2004 |2005 |2006 | |Impenji Massimi |200,000 |215,000 |220,000 |225,000 |230,000 |235,000 |235,000 |235,000 | |Impenji attwali |198,184 |200,000 |219,945 |219,822 |220,080 |221,154 |232,150 |234,999 | |Ħlas attwali |189,656 |200,000 |219,945 |219,822 |220,079 |221,154 |232,150 |234,999 | |Parteċipazzjoni massima |12.25 % |12.25 % |12.25 % |12.25 % |12.25 % |12.25 % |12.25 % |12.25 % | |Parteċipazzjoni attwali |9.68 % |10.04 % |10.89 % |9.66 % |9.81% |9.68 % |8.96 % |9.52 % | |

IV. L-attivitajiet ta' l-Osservatorju

Skond l-istatut ta' l-Osservatorju, "L-għan ta' l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew huwa li jtejjeb it-trasferiment ta' l-informazzjoni ġewwa l-industrija awdjoviżiva, li jippromwovi dehra aktar ċara tas-suq u li jkattar it-trasparenza. Filwaqt li jagħmel dan l-Osservatorju għandu jagħti attenzjoni partikolari sabiex jiżgura l-kredibbilità, l-kompattibbiità u l-komparabbiltà ta' l-informazzjoni".

Sabiex jonora l-mandat tiegħu, l-Osservatorju żviluppa l-attivitajiet tiegħu madwar żewġ linji prinċipali: Il-pubblikazzjoni ta' statistika annwali li tikkonċerna s-swieq awdjoviżivi u l-pubblikazzjoni perjodika ta' newsletters. Fuq kollox, għadd ta studji ad hoc u pubblikazzjonijiet inħarġu f''diversi okkażjonijiet.

4.1. Il-Qasam tas-Suq u tal-Finanzi

L-Osservatorju ħa ħsieb l-aktar il-ġbir u l-analiżi ta' l-informazzjoni statistika u ekonomika dwar oqsma varji tas-suq awdjoviżiv, fuq is-sitwazzjoni tal-kumpaniji involuti f'attivitajiet awdjoviżivi, u fuq is-sussidji pubbliċi għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi. Ingħatat attenzjoni partikolari għall-isfidi li nqalgħu minħabba teknoloġiji ġodda u għall-bżonn ta' tkattir tat-trasparenza madwar is-swieq awdjoviżivi Ewropej.

Pubblikazzjonijiet bhall- Yearbook , FOCUS u xi rapporti ad hoc ipprovdew firxa wiesgħa ta' informazzjoni bil-ħsieb li jsostnu x-xogħol ta ħafna operaturi, kategoriji professjonali u amministrazzjonijiet pubbliċi. Fuq kollox tnedew servizzi online bla ħlas, li jipprovdu aktar nformazzjoni siewja u dettaljata, b'mod partikulari għall- SMEs : Id- database LUMIERE, dwar l-attendenza għall-films, id-database KORDA dwar għajnuna finanzjarja pubblika, id-direttorju PERSKY li jipprovdi links sistematiċi għall-websajts ta' eluf ta' stazzjonijiet tat-televiżjoni u għall-sorsi ta' informazzjoni dwar is-swieq internazzjonali tat-televiżjoni.

Sabiex jimplimenta dawn ix-xogħlijiet, l-Osservatorju ħadem ma' diversi networks speċjalizzati ta' “ data providers ” fosthom aġenziji nazzjonali tal-films, organizzazzjonijiet professjonali, istituti nazzjonali ta' l-istatistika, kumpaniji ta' rivisti tal-kummerċ u tar-riċerka dwar is-suq.

4.2. Il-Qasam Ġuridiku

Is-suġġetti li indirizza l-Osservatorju jinkludu d-diġitizzazzjoni tax-xandir u l-komunikazzjoni elettronika, il-konverġenza u l-globalizzazzjoni u kif dawn sejrin jaffetwaw oqsma bhad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ekonomiċi, għanijiet kulturali u wirt kulturali, il-liġi tad-dritt ta' l-awtur, il-liġi kriminali, il-liġi kummerċjali, ir-reklamar, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċes ħieles għall-informazzjoni, l-għajnuna ta' l-Istat u l-programmi ta' għajnuna ta' l-UE, skemi ta' taxxa, it-trasparenza, l-edukazzjoni, eċċ.

Sabiex iservi l-industrija awdjoviżiva ġenerali kif ukoll lill-leġiżlaturi u lill-amministraturi pubbliċi fl-Istati Membri b'informazzjoni u analiżi komprensiva u aġġornata, l-Osservatorju bena xibka ta' korrispondenti nazzjonali u istituzzjonijiet akkademiċi. Fuq kollox, żamm kuntatti regolari mal-leġiżlaturi, l-awtoritajiet regolatorji u l-organizzazzjonijiet sovranazzjonali oħra. Attenzjoni speċjali ngħatat għall-ħolqien ta' xibka barranija ta' ħila adegwata ta' traduzzjoni (li tinkludi t-taħriġ tal-korretturi tal-provi). Il-liġi awdjoviżiva hija tema kritika għal żona ta' kulturi differenti u ħafna lingwi.

4.3 Pjattaforma Ewropea ta' Awtoritajiet Regolatorji ( EPRA )

Sa mill-bidu ta' l-2006, l-Osservatorju laqa' fi ħdanu s-segretarjat ta' l- EPRA . Ftehim speċifiku ma din l-entità ġie ffirmat fit-30 ta' Novembru 2005 wara l-approvazzjoni tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Osservatorju f'Ġunju 2005. L-infiq għas-segretarjat ta' l- EPRA huwa rreġistrat fil-kotba tal-baġit ta' l-Osservatorju, iżda huwa kollu ffinanzjat mill- EPRA nnifisha.

V. Tixrid tar-riżultati tax-xogħol ta' l-Osservatorju

Il-prodottti u s-servizzi ta' l-Osservatorju huma mmirati lejn tliet gruppi ta' setturi.

- l-industrija tal-qofol (films, xandir, vidjo/DVD u multimedja) kif ukoll setturi li jixxiebhu (eż. telekomunikazzjoni),

- is-settur tas-servizzi ta' l-industrija tal-qofol (konsulenti, avukati, servizzi finanzjarji, stampa speċjalizzata, eċċ.),

- dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, Ewropea u internazzjonali, awtoritajiet u s-settur tas-servizz pubbliku ġenerali (ministeri, awtoritajiet tax-xandir, entitajiet ta' għajnuna finanzjarja pubbliċi, organizzazzjonijiet internazzjonali, etc).

L-Osservatorju huwa marbut bl-istatut tiegħu li jitħallas mingħand min juża s-servizzi tiegħu, iżda huwa meħtieġ ukoll bħala istituzzjoni ta' servizz pubbliku, li jipprovdi servizzi komprensivi bla ħlas lill-membri tiegħu u lil dawk is-setturi li lejhom huma mmirati l-prodotti tiegħu.

5.1. Il-Qasam tas-Suq u tal-Finanzi

Il- Yearbook huwa l-pubblikazzjoni prinċipali ta' l-istatistika ta' l-Osservatorju; dan ilu jiġi ppubblikat ta' kull sena sa mill-1994. Matul il-perjodu 2002-2005, il- Yearbook kien jikkonsisti f'ħames volumi. (1. L-Ekonomija ta' l-Industrija tar-Radju u tat-Televiżjoni fl-Ewropa, 2. Apparat Awdjoviżiv tad-dar – Trażmissjonijiet – Udjenza Televiżiva, 3. Film u Vidjos tad-dar, 4. Multimedja u Teknoloġiji Ġodda, 5. Stazzjonijiet tat-televiżjoni – Produzzjoni u Distribuzzjoni ta' Programmi. Fl-2006 kien ippubblikat fi 3 volumi (1. Ix-xena tat-televiżjoni f'36 pajjiż Ewropew, 2. L-iżvilupp tat-Televiżjoni fl-Ewropa, 3. Films u vidjos).

Il- Yearbook jista' jinkiseb ukoll f'format elettroniku b'sistema ta' abbonament. Din is-sistema lill-imsieħba tagħtihom ċ-ċans jaċċessaw l-informazzjoni qabel jiġi stampat il- Yearbook , kif ukoll il-possibilità li jkollom aċċes għaliha fil-format Excel .

FOCUS – Fejn sejjer is-suq Mondjali tal-Films, jiġi ppublikat kull sena f'Mejju waqt l-okkażjoni tas-Suq tal-Films f'Cannes. Din il-pubblikazzjoni tipprovdi analiżi aġġornata li tkopri l-iżviluppi mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll f'partijiet oħra tad-dinja. Illum hija magħrufa ħafna bħala għodda ta' informazzjoni ta min joqgħod fuqha u faċli biex tużaha.

Fuq kollox, rapporti ad-hoc jiġu ppublikati mill-Osservatorju dwar suġġetti speċifiċi. Dawn jinħarġu bħala pubblikazzjoni stampata, jew online . Xi wħud minnhom jinkitbu direttament mill-esperti u l-analisti ta' l-Osservatorju, oħrajn huma kkumissjonati minn esperti esterni.

5.2. Il-Qasam Ġuridiku

Sa mill-1999, l-Osservatorju żied b'mod regolari l-informazzjoni ġuridika miġbura, ipproċessata u mxerrda permezz ta' pubblikazzjonijiet differenti taħt it-tikketta "Iris".

In-" newsletter IRIS", tnediet fl-1995, u tiġi ppubblikat 10 darbiet fis-sena. Tinstab ukoll online . Aktar minn 3600 artiklu li jikkonċernaw sentenzi tal-Qorti, deċiżjonijiet amministrattivi u dokumenti ta' politika ġew ippubblikati matul is-snin. In- newsletter tkopri attivitajiet minn 56 pajjiż differnti u mill-organizzazzjoniet sovranazzjonali ewlenin kollha.

"IRIS plus" beda jiġi ppubblikat fl-2001. Huwa suppliment tematiku li jiġi anness man " newsletter IRIS" ħarġa iva u ħarġa le. Jiffoka fuq suġġetti attwali ta' mportanza internazzjonali u jqabbel kif dawn is-suġġetti jiġu trattati taħt il-liġijiet ta' pajjiżi differenti. Is-suġġetti koperti bl-"IRIS plus " ivarjaw mid-dritt ta' l-awtur sa l-għajnuna finanzjarja ta' l-istat, il-konvergenza, x-xandir klassiku, sal-media ġodda u drittijiet tal-bniedem.

"IRIS Speċjali" huma pubblikazzjonijiet ewlenin ta bejn 50 u 150 paġna li jagħtu informazzjoni dwar oqfsa ġuridiċi applikabbli (Leġiżlazzjoni Ewropea u Nazzjonali) kif ukoll eżempji ta' mudelli regolatorji. F'ħafna okkażjonijiet, għal raġuni ta' tqabbil, l-"IRIS Speċjali" fornew ukoll informazzjoni dwar l-istruttura regolatorja ta' l-Istati Uniti. L-"IRIS Speċjali" bdew fl-1999 bħala gwida ġuridika għall media awdjoviżivi Ewropej. Sa minn dakinhar ħarġu tmienja oħra. "IRIS Speċjali" ta' dan l-aħħar jinkludu xogħol dwar "l-implimentazzjoni tar-Regolament tas-Servizzi tal- Media Adjoviżivi transnazzjonali"; li nħareġ fl-aħħar ta' l-2006.

5.3. Internet

L-Osservatorju jsostni żewg databases ekonomiċi u finanzjarji u direttorju online bla ħlas fuq il-websajt tiegħu.

Id- database LUMIERE ilu sa mill-1996 iforni informazzjoni dettaljata dwar l-attendenza annwali għall-films kollha, f'kull wieħed mis-27 pajjiż Ewropew li tkopri. Aktar minn 15 000 film huma inklużi fil-LUMIERE. Dan id- database joffri għodda qawwija għall-analiżi statistika (ishma tas-suq, analiżi skond il-ġeneru, eċċ.) li jagħmlu sors ta' informazzjoni effettiv ghall-professjonisti.

Id- databse KORDA jipprovdi informazzjoni komprensiva fuq madwar 600 skema ta' għajnuna pprovduti minn aktar minn 200 entità ta' fondi finanzjarji pubbliċi Ewropej. Bis-saħħa ta' għodda ta' tiftix wieħed jista' jidentifika skemi speċifiki ta' programmi ta' għajnuna skond il-pajjiż, il-ġeneru u l-fażi tal-produzzjoni.

Id-direttorju PERSKY jipprovdi tagħqid sistematiku mal-websajts ta' l-istazzjonijiet tat-TV kollha li jeżistu fis-36 Stat Membru fl-Osservatorju, kif ukoll link ma' l-awtoritajiet regolatorji tax-xandir, sorsi ta' informazzjoni u rapporti nazzjonali.

L-Osservatorju ilu sa mill-2003 joffri bla ħlas aċċess għad- database ġuridiku bl-isem ta "IRIS Merlin" li fih kważi 4 000 artiklu, u aktar minn 4 200 dokument b'referenza (liġijiet, digrieti, każijiet tal-qorti, eċċ.). "IRIS Merlin", li fih funzjoni speċjali ta tiftix u għażla, mhux magħmul biss minn artikli min-" newsletter IRIS" iżda jinkludi wkoll artikli miktubin apposta għad- database (eż. il-kollezzjoni ta' ftehimiet ta' koproduzzjoni, ippubblikata fl-2005).

Fil-portal tas-sit ta' l-Osservatorju wieħed isib ukoll għadd ta' artikoli ġuridiċi bħal rapporti dwar xi pajjiż (eż. dwar ir-Russja, it-Turkija u l-Iżvizzera) jew dwar suġġetti speċjali oħra, kif ukoll listi ta' deskrizzjoni dwar l-istat ta' ffirmar u ratifikazzjoni ta' Konvenzjonijiet Ewropej, flimkien ma trattati internazzjonali oħra u listi nazzjonali dwar l-attivitajiet ta' importanza kbira għas-soċjetà

5.4. Attivitajiet oħra ta' tixrid u konferenzi

L-Osservatorju organizza bi sħab ħdax-il laqgħa ta' ħidma fil-qasam ġuridiku matul l-aħħar seba' snin. L-aħħar wieħed, li sar f'Novembru 2006, iffoka fuq "Il- Futur tal Broadband Video” . Kull laqgħa ta' ħidma kienet is-suġġett speċifiku ta' pubblikazzjoni IRIS. Fuq kollox, l-Osservatorju jikkontribwixxi regolarment f'konferenzi,laqgħat ta' ħidma u attivitajiet simili organizzati minn istituzzjonijiet oħra, mill-Istati Membri ta' l-UE u mis-Suq tal-Films f'Cannes.

Fl-2003 l-Osservatorju, biex jilħaq id-diversi għanijiet li jikkuntattja l-imsieħba ta' diversi networks , l-istampa internazzjonali, il-klijenti kurrenti u lil dawk li forsi għad jissieħbu, waqqaf database ta kuntatt imsejjaħ "Oriel".

VI. Konklużjonijiet

Ir-riżultat pożittiv tar-relazzjonijiet Komunità/Osservatorju msemmija fir-Rapport Intermedjarju[10] ta' l-2002 tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Osservatorju jista' żgur jiġi rijaffermat. Is-suċċess tal-pubblikazzjonijiet u tad- databases bħall- Yearbook , l-Iris u l-Lumiere saħħew il-pożizzjoni ta' l-Osservatorju, għalhekk jidher li huwa sors ewlieni ta' informazzjoni ekonomika u ġuridika fost min jaħdem f'diversi oqsma tas-suq ta' l-industrija awdjoviżiva kif ukoll awtoritajiet pubbliċi, f'livelli kemm nazzjonali kif ukoll ta' Komunità.

Apparti l-pubblikazzjonijiet maħruġa fuq bażi regolari u d- databases online, l-Osservatorju kellu l-ħila joħroġ analiżi eżatta li kienet tkun diffiċli biex takkwistaha bi prezz hekk raġjonevoli, kemm għall-industrija kif ukoll, meta wieħed iqis kemm tiswa s-sħubija, għall-entitajiet pubbliċi msieħba.

Il-ħila ta' l-Osservatorju li jistabilixxi u jsostni networks ta' sħab xjentifiċi hija fost l-aqwa kwalitajiet ta' din l-istituzzjoni u nstab li kienet essenzjali għall-akkwist kontinwu u ferm diversi ta' tagħrif għall-analiżi ekonomika u ġuridika ta' l-Osservatorju. L-Osservatorju min-naħa l-oħra, ipprovda lill-qasam awdjoviżiv u b'mod partikulari, lill-operaturi ta' daqs żgħir u medju, strumenti komprensivi li jipprovdu stampa aktar ċara tas-swieq u tal-qafas ġuridiku/regolatorju.

Sabiex tkompli tgħin l-attivitajiet ta' l-Osservatorju, il-Kummissjoni pproponiet li l-parteċipazzjoni tal-Komunità tkompli sa l-2013 ġewwa l-qafas tal-programm ġdid Media 2007[11].

[1] ĠU L 307, 2.12.1999, p. 61.

[2] ĠU L 390, 31.12.2004, p.1

[3] Ir-Riżoluzzjoni (92) 70 tal-Kumitat tal-Ministri addottata fil-15 ta' Diċembru 1992

[4] Ir-Riżoluzzjoni (97) 4 tal-Kumitat tal-Ministri addottata fl-20 ta' Marzu 1997

[5] Il-Membri ta' l-Osservatorju huma l-25 Stat Membru tal-Komunità u l-Albanija, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, l-Iżvizzera, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll it-Turkija.

[6] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika awdjoviżiva. COM(2004) 504 finali, 16.7.2004.

[7] Ir-Riżoluzzjoni (2000) 7 tal-Kumitat tal-Ministri addottata fil-21 ta' Settembru 2000

[8] Id-Deċiżjoni C(2000)3308, 15.11.2000, mhux ippubblikata.

[9] Id-Deċiżjoni C(2005)1989, 05.07.2005, mhux ippubblikata.

[10] COM(2002) 619 finali

[11] COM(2004) 470 finali