52006DC0790

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Elezzjonijiet Ewropej 2004 Rapport tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom (Direttiva 93/109/KE) u dwar l-arranġamenti elettorali (Deċiżjoni 76/787/KE kif emendati mid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom) {SEC(2006) 1645} {SEC(2006) 1646} {SEC(2006) 1647} /* KUMM/2006/0790 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.12.2006

KUMM(2006) 790 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Elezzjonijiet Ewropej 2004 Rapport tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom (Direttiva 93/109/KE) u dwar l-arranġamenti elettorali (Deċiżjoni 76/787/KE kif emendati mid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom)

{SEC(2006) 1645}{SEC(2006) 1646}{SEC(2006) 1647}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Elezzjonijiet Ewropej 2004 Rapport tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom (Direttiva 93/109/KE) u dwar l-arranġamenti elettorali (Deċiżjoni 76/787/KE kif emendati mid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom)

INTRODUZZJONI

Id-dritt li wieħed jivvota u jikkandida ruħu fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn ikun residenti huwa parti essenzjali miċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni Ewropea. Dan id-dritt huwa mnaqqax fl-Artikolu 19(2) tat-Trattat tal-KE u tpoġġa fis-seħħ permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE[1].

L-elezzjonijiet ta' l-2004 kienu s-sitt elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew. Huma nżammu fil-25 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea mkabbra, bin-numru ta' siġġijiet jiżdied għal 735.

L-10 Stati Membri li ssieħbu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 nnotifikaw il-miżuri nazzjonali rispettivi tagħhom ta' traspożizzjoni fil-ħin. Bħalissa m'hemm l-ebda proċedimenti ta' ksur miftuħa[2].

Sabiex tiġi evalwata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, li mhumiex ċittadini ta' l-istat li huma residenti fih, fl-elezzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom u tinkiseb stampa sħiħa ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri sabiex jipprovdu informazzjoni sew statistika u kif ukoll kwalitattiva dwar l-elezzjonijiet, permezz ta' kwestjonarju dettaljat u li jkopri l-oqsma kollha[3].

Dan ir-rapport huwa bbażat l-aktar fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-risposti għall-kwestjonarju.

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jevalwa l-applikazzjoni tad-Direttiva. Skond l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi emendi għad-Direttiva dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, bil-għan li ħadd ma jitħalla jivvota darbtejn jew ikun kandidat għall-elezzjoni f'żewġ postijiet u dwar il-formalitajiet amministrattivi sabiex wieħed jikkandida ruħu.

Il-Kummissjoni hija għal kollox konxja li minbarra l-arranġamenti amministrattivi xierqa, numru ta' fatturi oħra għandhom impatt sinifikanti fuq il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet tal-PE, bħal kemm ikunu konxji mill-proċessi politiċi fuq il-livell ta' l-UE, il-mobilizzazzjonijiet tal-forzi politiċi u l-politika tal-komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħti kunsiderazzjoni lil dawn il-kwistjonijiet aktar tard u qabel l-elezzjonijiet li jmiss għall-Parlament Ewropej, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u dawk li l-interessi tagħhom huma involuti.

Filwaqt li l-Att ta' l-1976[4] dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew permezz ta' suffraġju dirett universali kif emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772[5] KE ma jobbligax lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta dwar l-applikazzjoni tiegħu, f'dan ir-rapport il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill għall-problemi li jsemmu l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Att.

IT-TħEJJIJA GħALL-ELEZZJONIJIET TA' L-2004

Laqgħat ma' esperti elettorali mill-Istati Membri

Il-Kummissjoni organizzat żewġ laqgħat fl-2002 u fl-2003 ma' esperti elettorali mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva, li jistabbilixxi arranġamenti sabiex ħadd ma jitħalla jivvota jew jikkandida ruħu darbtejn. L-għan ta' dawn il-laqgħat kien li tittejjeb l-operabilità u l-effikaċja tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni stabbilita bejn l-Istati Membri taħt l-Artikolu 13.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha ta' l-UE fl-elezzjonijiet ta' l-2004.

Konxja mill-fatt li l-elezzjonijiet kellhom jinżammu ftit wara d-data ta' l-adeżjoni ta' l-10 Stati Membri l-ġodda, u bil-ħsieb li tiżgura li ċ-ċittadini kollha ta' l-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjoninijiet, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni[6] f'April 2003. Il-Komunikazzjoni kellha l-għan li tgħaġġel l-implimentazzjoni ta' l- acquis relevanti u tiżgura li ċ-ċittadini kollha jkunu rreġistrati fil-listi elettorali kmieni biżżejjed, sew fl-Istati Membri kurrenti u kif ukoll f'dawk futuri.

Id-deroga tal-Lussemburgu

F'Jannar 2003, il-Kummissjoni ressqet Rapport[7] taħt l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva, dwar l-għoti ta' deroga taħt l-Artikolu 19(2) tat-Trattat tal-KE. L-Artikolu 14 jippermetti lil Stat Membru li jillimita d-dritt tal-vot biss għal dawk li jkunu ilhom f'dan l-Istat Membru għal perjodu minimu ta' żmien, li ma jistax jaqbeż il-ħames snin. Il-kundizzjoni għall-għoti tad-deroga hija li l-proporzjon taċ-ċittadini ta' l-UE li jkollhom l-età biex jivvutaw u li jkunu jgħixu f'dak l-Istat Membru iżda ma jkunux ċittadini tiegħu jkun jaqbeż l-20% tan-numru totali taċ-ċittadini ta' l-UE li jkunu jgħixu hemm u li jkollhom l-età biex jivvutaw. Il-Kummissjoni kkonkludiet fir-Rapport li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-għoti tad-deroga lill-Lussemburgu kienu għadhom jeżistu u li għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jkun propost xi tibdil.

Id-deċiżjoni dwar Ċipru ta' l-10 ta' Ġunju 2004/511/KE[8]

Taħt il-Protokoll 10 dwar Ċipru fl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003[9], li jistipula li l-applikazzjoni ta' l- acquis tkun sospiża f'dawk iż-żoni ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, l-elezzjonijiet għall-leġiżlatura 2004-2009 ma sarux f'dawk il-partijiet tal-gżira, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti wkoll liċ-ċittadini Ċiprijotti li jgħixu fil-parti tal-gżira fejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv sabiex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet.

Id-Deċiżjoni 2004/511/KE tistipula li fi-każ li tidħol fis-seħħ riżoluzzjoni sħiħa tal-problema ta' Ċipru, isiru elezzjonijiet straordinarji għar-rappreżentanti tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew għall-bqija tal-leġiżlatura 2004-2009 jew kwalunkwe leġiżlatura sussegwenti tal-Parlament Ewropew.

Miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni komuni ta' l-Artikolu 9(2) ta' l-Att ta' l-1976 dwar l-elezzjoni ta' rappreżentanti tal-Parlament Ewropew kif emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE - id-data li fiha jsiru pubbliċi r-riżultati ta' l-elezzjonijiet

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE li temenda l-Att ta' l-1976 dwar l-elezzjoni ta' membri tal-Parlament Ewropew daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2004. L-elezzjonijiet ta' l-2004 għall-Parlament Ewropew għalhekk inżammu taħt id-dispożizzjonijiet emendati. L-Artikolu l-ġdid 9(2) jirregola ż-żmien preċiż tal-pubblikazzjoni tar-riżultati, u jistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu r-riżultat ta' l-għadd tagħhom pubbliku qabel ma tagħlaq il-votazzjoni fl-aħħar Stat Membru li fih l-eletturi jivvutaw.

Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta' l-Istati Membri[10] għall-interpretazzjoni tagħha ta' l-Artikolu 9(2), u talbithom sabiex ma jippubblikawx ir-riżultati ta' l-għadd tagħhom qabel l-22.00 CET fit-13 ta' Ġunju (meta l-postijiet tal-votazzjoni kellhom jagħlqu fl-aħħar Stati Membri: l-Italja, il-Polonja u s-Slovakkja) u insistiet li l-anqas riżultati inizjali jew parzjali ma kellhom jiġu mħabbra mill-awtoritajiet elettorali qabel dak il-ħin.

L-ewwel elezzjonijiet tal-PE organizzati f'Ġibiltà u żviluppi importanti fil-ġurisprudenza

Fl-2004, ir-Renju Unit żamm l-elezzjonijiet għall-PE f'Ġibiltà għall-ewwel darba, taħt l-Att ta' l-1976, wara li kien adotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-elettorat ta' Ġibiltà sabiex jieħu sehem fl-elezzjonijiet tal-PE[11].

Fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Settembru 2006[12] il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-fehma tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li tagħti l-vot f'Ġibiltà lil "ċittadini eliġibbli tal-Commonwealth" li jinkludu ċerti ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex ċittadini tar-Renju Unit, kienet estendiet id-dritt tal-vot fil-limiti tad-diskrezzjoni li bħalissa hija mogħtija lill-Istati Membri mil-liġi ta' l-UE. Minbarra dan, f'din is-sentenza u f'sentenza oħra mogħtija fl-istess ġurnata dwar id-dritt tal-vot taċ-ċittadini Olandiżi li joqogħdu f'Aruba[13], il-Qorti enfasizzat li fil-preżent huma l-Istati Membri li għandhom l-awtorità li jirregolaw l-aspetti tal-proċedura elettorali tal-PE li mhumiex armonizzati fuq il-livell tal-Komunità, u b'mod partikolari li jiddefinixxu l-persuni intitolati sabiex jivvutaw u jikkandidaw ruħhom. Madankollu, huma għandhom jirrispettaw il-liġi tal-Komunità, inklużi l-prinċipji ġenerali tagħha, taħt il-kontroll tal-Qorti.

PARTEċIPAZZJONI FL-ELEZZJONIJIET TA' L-2004 GħALL-PE – APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 93/109/KE

Stampa ġenerali

Kif rikonoxxut fil-Pjan D għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu[14] tal-Kummissjoni, il-livell aktar baxx tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet saħħaħ is-sens ta' nuqqas ta' kunfidenza fil-proċess politiku. Il-Kummissjoni hija mħassba ħafna dwar it-tnaqqis gradwali fil-perċentwal ta' nies li joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li kompla fl-elezzjonijiet ta' l-2004. B'elettorat ħafna akbar minħabba t-tkabbir ta' l-2004, ivvutaw 45.6% ta' l-elettorat totali.

Xejriet fil-perċentwal ta' nies li ħarġu jivvutaw

[pic]

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika hija essenzjali u għandha tiġi promossa aktar, permezz ta' sforz ikkoordinat mill-atturi kollha involuti, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib, u hija lesta sabiex tikkontribbwixxi għall-istħarriġ tal-Parlament Ewropew, li sar flimkien mal-Parlamenti nazzjonali, dwar parteċipazzjoni akbar miċ-ċittadini u kif tiġi mtejba r-rata tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet .

Fl-2004, ġiet irreġistrata żieda fir-rata tal-votazzjoni f'xi Stati Membri filwaqt li f'oħrajn kien hemm tnaqqis sinifikanti. Ir-rata tal-votazzjoni fl-UE-15 kienet ta' 49.1%, anqas mill-49.8% li kienu ġew irreġistrati fl-1999. Ir-rata tal-votazzjoni fost l-UE-10 kienet ta' 26.9%.

F'dan il-kuntest, għandu jitqies li f'xi Stati Membri l-votazzjoni hija obbligatorja.

Perċentwal globali ta' dawk li ħarġu jivvutaw - 2004

Pajjiż | IT | LT |LU |LV |MT |NL |PL |PT |SE |SI |SK |UK | EU | | Kandidati | 0 |0 |8 |0 |0 |2 |0 |1 |1 |0 |0 |2 | 57 | | Eletti | 0 |0 |0 |0 |0 |0 |0 |- |0 |0 |0 |0 | 3 | |

Wieħed jista' jassumi li hemm diversi fatturi li qed jikkawżaw din ix-xejra ta' tnaqqis.

F'xi Stati Membri, ġie kkritikat il-piż amministrativ qawwi li l-kandidati jkollhom jiffaċjaw meta jressqu l-appllikazzjoni sabiex jikkandidaw ruħhom. L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkandida ruħu jipprovdi fost l-oħrajn li ċittadin tal-Komunità għandu wkoll jippreżenta ċertifikat mingħand l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini li jiċċertifika li hu/hi ma jkunx ġie mċaħħad mid-dritt li jikkandida ruħu f'dak l-Istat Membru jew li dawk l-awtoritajiet ma jkunu jafu bl-ebda skwalifika bħal din. Ġew irrapurtati każijiet fejn ċittadini ta' l-UE mhux ċittadini ta' l-Istat Membru li fih kienu residenti u li fih xtaqu jikkandidaw ruħhom sabu diffikultà sabiex jidentifikaw l-awtoritajiet fl-Istat Membru ta' l-oriġini tagħhom li huma responsabbli għall-ħruġ ta' dawn iċ-ċertifikati.

Raġuni oħra possibbli għall-parteċipazzjoni baxxa hija marbuta mad-dritt taċ-ċittadini ta' l-UE li ma jkunux ċittadini tal-pajjiżi li fihom ikunu residenti sabiex jieħdu sehem fil-ħajja politika ta' l-Istat Membru li fih ikunu residenti.

Skond l-Opinjoni dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' l-UE fil-partiti politiċi ta' l-Istati Membri li fihom ikunu residenti mfassla min-netwerk ta' esperti indipendenti ta' l-UE dwar id-drittijiet fundamentali[16], 16-il Stat Membru jirrikonoxu d-dritt ta' ċittadini ta' l-UE li mhumiex ċittadini ta' l-Istati Membri fejn jgħixu sew li jissieħbu f'partiti politiċi nazzjonali eżistenti u kif ukoll li jwaqqfu partiti politiċi ġidda fl-Istat Membru fejn jgħixu. Żewġ Stati Membri jagħmlu distinzjoni bejn id-dritt li jitwaqqaf partit politiku u d-dritt tas-sħubija f'partit politiku, u jagħtu biss it-tieni wieħed minn dawn id-drittijiet. F'seba' Stati Membri oħra, persuni li mhumiex ċittadini la jistgħu jissieħbu f'partiti politiċi u lanqas iwaqqfu partiti politiċi.

Votanti li mhumiex ċittadini ta' dak l-Istat Membru jistgħu għalhekk jiġu mċaħħda mill-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom sabiex jikkandidaw ruħhom, għaliex fil-prattika l-kandidati huma fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ippreżentati mill-partiti politiċi. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex joffru lil ċittadini ta' l-UE li mhumiex ċittadini ta' l-Istat Membru fejn huma residenti l-possibilità li jsiru membri ta' partiti politiċi nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet li huma disponibbli għaċ-ċittadini tagħhom. Dan jiffaċilita ħafna l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja politika ta' l-Istati Membri fejn ikunu qed jgħixu u kif ukoll l-integrazzjoni tagħhom u ssaħħaħ il-ħajja politika u d-demokrazija.

Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu wkoll ikollhom rwol fil-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini ta' l-UE fil-proċess demokratiku fuq il-livell Ewropew u nazzjonali.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha teżamina aktar il-kompatibilità mad-Direttiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali msemmija aktar 'il fuq.

L-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini ta' l-UE dwar id-dritt li jivvutaw u jikkandidaw ruħhom

L-istħarriġ tal-Eurabarometer li sar fl-2002[17] juri li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni huma konxji mid-dritt tagħhom li jivvutaw u jikkandidaw ruħhom fl-elezzjonijiet għall-PE fl-Istat Membru fejn ikunu residenti.

Madankollu, sabiex jeżerċita dan id-dritt kull votant jeħtieġ biżżejjed informazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi. Huwa għalhekk li l-Artikolu 12 tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw kmieni biżżejjed u b'mod xieraq liċ-ċittadini tal-Komunità intitolati li jikkandidaw ruħhom dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ddettaljati għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet.

Il-Kummissjoni terġa' tenfasizza l-fehma tagħha li l-Istati Membri għandhom speċifikament jinfurmaw liċ-ċittadini ta' l-UE residenti fit-territorju tagħhom dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun imfassla sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-informazzjoni ta' l-eletturi li ma jkunux ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Ġiet użata varjetà wiesgħa ta' mezzi differenti mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinfurmaw liċ-ċittadini. Dawk l-aktar komuni kienu fuljetti, riklami f'diversi media u ittri personali mibgħuta liċ-ċittadini. F'diversi Stati Membri, l-awtoritajiet ipprovdew lil ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-UE residenti fuq it-territorju tagħhom informazzjoni mhux biss fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn huma residenti iżda wkoll f'lingwi oħra ta' l-UE.

Fit-tliet Stati Membri fejn il-parteċipazzjoni qabżet il-25%, l-ittri personali mibgħuta sabiex jinfurmaw lil ċittadini ta' l-UE li mhumiex ċittadini tal-pajjiż fejn huma residenti dwar id-dritt tagħhom li jipparteċipaw inkludew ukoll il-formola tar-reġistrazzjoni tal-votanti sabiex din timtela.

Fid-Danimarka, intbagħtu ittri personali sew lil dawk li ma kinux ċittadini Daniżi u li kienu diġà rreġistraw ruħhom fir-reġistru elettorali għall-elezzjonijiet għall-PE u lil dawk li ma kinux ċittadini Daniżi u li kienu għadhom ma ġewx inklużi. Dawn ta' l-aħħar kellhom magħhom il-formola tar-reġistrazzjoni relevanti.

Fl-Irlanda, intbagħtu ittri personali lil dawk li ma kinux ċittadini Irlandiżi identifikati mill-awtoritajiet elettorali mill-aħħar elezzjonijiet ta' l-1999, inkluża magħhom il-formola tar-reġistrazzjoni relevanti. Minbarra dan, saret kampanja ta' riklami sabiex tħeġġeġ lin-nies jiċċekkjaw jekk ikunux irreġistrati. Saru riklami fil-gazzetti fl-2004 sabiex jinfurmaw lil ċittadini ta' Stati Membri oħra ta' l-UE residenti fuq it-territorju tagħhom, u wkoll ċittadini ta' Stati Membri applikanti, li huma intitolati li jiġu inklużi fir-reġistru elettorali.

Fl-Iżvezja, l-Awtorità Elettorali bagħtet ittra personali lil dawk kollha li mhumiex ċittadini Żvediżi bl-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' l-elezzjoni, inkluża formola speċjali li għandha tintuża biex wieħed jinkiteb fir-reġistru elettorali jew biex jitħassar minnu. L-ittra personali inkludiet ukoll fuljett fi tmien lingwi differenti b'informazzjoni dwar kif kellha timtela l-formola mehmuża.

L-ittri personali mibgħuta lil kull ċittadin ta' Stati Membri oħra ta' l-UE jidhru li huma effiċjenti partikolarment meta jinkludu informazzjoni relevanti mfassla għall-persuna li tkun qed tintbagħtilha l-ittra f'numru kemm jista' jkun kbir ta' lingwi u meta jkun fiha formola ta' reġistrazzjoni b' istruzzjonijiet li tista' tintbagħat lura lill-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri kollha sabiex japplikaw din il-prattika, li hija ta' ġid kbir fil-promozzjoni ta' l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-vot.

Xi Stati Membri rrappurtaw li kienu pprovdew informazzjoni permezz ta' diversi mezzi, bħal servizzi pubbliċi f'kull livell li jkollhom kuntatt ta' sikwit u fuq skala kbira maċ-ċittadini.

Ir-rwol potenzjali tal-partiti politiċi jista' jkun kruċjali, partikolarment sabiex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni bħala kandidati. Minbarra dan, l-Istituzzjonijiet Ewropej għandhom jikkontribbwixxu wkoll sabiex iċ-ċittadini jiġu infurmati kif suppost dwar id-dritt tagħhom li jivvutaw u li jikkandidaw ruħhom.

Il-prevenzjoni ta' vvutar doppju jew ta' kandidaturi doppji

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprojbixxi liċ-ċittadini ta' l-UE milli jivvutaw jew jikkandidaw ruħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess elezzjoni. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma obbligati taħt l-Artikolu 13 li jiskambjaw informazzjoni dwar iċ-ċittadini ta' l-UE li jkunu ġew inklużi fir-reġistru elettorali jew li jkunu kkandidaw ruħhom fl-Istat Membru li fih ikunu residenti. Twaqqfet sistema ta' skambju ta' l-informazzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 13: fuq il-bażi ta' informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru tar-residenza lill-Istat Membru ta' l-oriġini, dan ta' l-aħħar iħassar mir-reġistru elettorali tiegħu lil kull persuna li tiġi miżjuda mar-reġistru elettorali fl-Istat Membru tar-residenza.

Sa mill-elezzjonijiet ta' l-1994, il-Kummissjoni sabet li s-sistema ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni ma kenitx qed tiffunzjona kif suppost[18]. Għaldaqstant, saru sforzi mill-Istati Membri sabiex jimplimentaw serje ta' miżuri prattiċi li jżidu l-operabilità u l-effikaċja tas-sistema: ġew adottati formola standard u format ta' data personali sabiex jintbagħtu lill-Istat Membru ta' l-oriġini, ġew stabbiliti arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' l-informazzjoni ( diskettes u/jew posta elettronika) u ġiet iċċirkolata lista ta' l-awtoritajiet nazzjonali risponsabbli sabiex jirċievu d- data fost l-Istati Membri .

Is-sistema ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni – kif riflessa fit-tweġibiet għall-kwestjonarju

Minkejja l-isforzi kollha, kważi kull Stat Membru kkonkluda li kien hemm nuqqasijiet fl-operabilità tas-sistema ta' skambju ta' l-informazzjoni u li l-effikaċja tagħha kienet imfixkla minn numru ta' diffikultajiet.

Kważi l-Istati Membri kollha rrapurtaw li kienu ltaqgħu ma' problemi serji bid- data skambjata. Numru ta' Stati Membri ma kkomunikawx data bħall-kunjom ta' xebba, jew il-post u d-data tat-twelid li kienu meħtieġa sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jiġu identifikati fir-reġistru elettorali tal-pajjiż ta' l-oriġini sabiex jitneħħa isimhom. Xi Stati Membri pprovdew perċentwali: Spanja rrapurtat li kienet setgħet tidentifika madwar 53% tal-persuni li ġiet notifikata dwarhom; fil-Polonja, l-awtoritajiet setgħu jidentifikaw madwar 69% ta' dawn il-persuni; fil-Latvja dan il-proporzjon kien ta' 73%; fir-Repubblika Ċeka u l-Iżvezja 75%; u fil-Litwanja 85%.

It-tieni l-akbar ostaklu għall-operat tajjeb tas-sistema, kif identifikat mill-maġġoranza l-kbira ta' l-Istati Membri, kien fil-fatt li d- data sikwit waslet tard wisq sabiex tiġi pproċessata mingħajr miżuri addizzjonali ta' emerġenza u f'ħafna każijiet waslet tard wisq biex tittieħed f'kunsiderazzjoni.

It-tranżlitterazzjoni ta' l-ismijiet jew l-indirizzi rriżulta bħala l-akbar problema fil-Greċja fejn, minħabba alfabett differenti, l-awtoritajiet ma setgħux jidentifikaw il-persuni li ġew innotifikati dwarhom permezz tas-sistema.

Diversi Stati Membri rrapurtaw ukoll esperjenza negattiva ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni ma' Stati Membri li għandhom reġistri deċentralizzati, li rriżulta fi problemi prattiċi kkawżati min-numru kbir ħafna ta' komunikazzjonijiet miktuba ta' kwalità mhux konsistenti mill-awtoritajiet risponsabbli mir-reġistri deċentralizzati.

Il-metodi użati sabiex tintbagħat l-informazzjoni (posta elettronika, diskettes , eċċ.) spiss kienu jvarjaw fi Stat Membru wieħed, u dan ukoll seta' joħloq konfużjoni.

Wieħed jista' jikkonkludi li l-isforzi kollha preċedenti li saru mill-Kummissjoni ma' l-Istati Membri sabiex itejbu l-operabilità u l-effikaċja tas-sistema kellhom biss impatt limitat u ma rnexxielhomx jilħqu l-aspettattivi. Globalment, kienu biss ħames Stati Membri li qiesu s-sistema preżenti bħala adegwata sabiex ma tħallix li jsir ivvutar doppju mingħajr l-introduzzjoni ta' bidliet oħra.

Min-naħa l-oħra, f'diversi każi, l-implimentazzjoni tas-sistema kurrenti wasslet biex ċittadini ta' l-UE jiġu mċaħħda mid-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet fl-Istat Membru ta' l-oriġini tagħhom bħala konsegwenza ta' skambju ta' informazzjoni dwar iċ-ċittadini ta' Stati Membri li jkunu residenti fi Stati Membri oħra, minħabba li jkun jitqies, meta dan ma jkunx tassew il-każ, li huma jkunu għadhom iridu jivvutaw fl-Istat Membru fejn qabel kienu residenti meta huma fil-fatt ikunu reġgħu lura lejn l-Istat Membru ta' l-oriġini tagħhom u eżerċitaw drittijiet politiċi bħal li jivvutaw f'elezzjonijiet lokali[19].

Filwaqt li l-uniku għan tas-sistema huwa li twaqqaf lin-nies milli jivvutaw jew jikkandidaw ruħhom darbtejn u hija ma tippermettix li jinqabdu tentattivi biex isir dan, l-informazzjoni pprovvduta mill-Istati Membri tidher li tindika li n-numru ta' każi ta' reġistrazzjoni doppja jew ivvutar doppju minn ċittadini ta' l-UE li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor huwa baxx[20]; Minbarra dan, dawn il-każijiet għandhom it-tendenza li ma ma jkunux assoċjati ma' abbużi apposta iżda ma' żbalji jew sitwazzjonijiet fejn persuni ma jkunux fehmu l-arranġamenti leġiżlattivi, jew ma jkunux familjari magħhom, jew fejn l-informazzjoni tkun intbagħtet darbtejn, jiġifieri mill-Istat Membru tar-residenza u minn dak ta' l-oriġini.

APPLIKAZZJONI TA' L-ATT TA' L-1976 DWAR L-ELEZZJONI TAR-RAPPREżENTANTI FIL-PARLAMENT EWROPEW KIF EMENDAT BID-DEċIżJONI TAL-KUNSILL 2002/772/KE

IL-PUBBLIKAZZJONI TAR-RIżULTATI TA' L-ELEZZJONIJIET

Meta kienu qed isiru t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet għall-PE ta' l-2004, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta' l-Istati Membri għall-ħtieġa ta' interpretazzjoni komuni ta' l-Artikolu 9(2) dwar iż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-riżultati elettorali.

Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri ma ppubblikawx ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet tal-PE qabel ma għalqet il-votazzjoni fl-aħħar pajjiżi. Madankollu, xi Stati Membri ppubblikaw xi riżultati qabel dak il-ħin. Il-Kummissjoni tenfasizza li fil-fehma tagħha, l-iskop ta' l-Artikolu 9(2) huwa li jiġi żgurat li l-publikazzjoni kmieni ta' l-informazzjoni dwar ir-riżultati fi Stat Membru wieħed ma tinfluenzax il-vot b'xi mod fi Stati Membri oħra fejn tkun għadha qed issir il-votazzjoni. Dan isir sabiex jiġi ggarantit il-vot liberu, li jinkludi l-libertà tal-votanti li jiddeċiedu għalihom infushom. Il-vot liberu huwa prinċipju demokratiku bażiku, li għandu jiġi mħares fl-elezzjonijiet parlamentari Ewropej skond l-Artikolu 1(3) ta' l-Att ta' l-1976.

Il-kwistjoni taċ-ċittadinanza doppja jew multipla

Diversi Stati Membri rrapurtaw li huwa impossibbli li ċittadini ta' l-Unjoni jitwaqqfu milli jivvutaw jew jikkandidaw ruħhom darbtejn meta dawn ikollhom iċ-ċittadinanza ta' aktar minn Stat Membru wieħed.

Għalkemm il-kwistjoni taċ-ċittadinanza doppja ma taqax taħt din id-Direttiva, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għal din il-problema bħala sors potenzjali ta' votazzjoni doppja li hija wkoll projbita skond l-Artikolu 8 ta' l-Att ta' l-1976.

KONKLUżJONIJIET

Il-proposti għal emendi għad-Direttiva 93/109/KE

Is-sistema kurrenti ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni li twaqqfet sabiex jiġu evitati l-voti doppji u l-kandidaturi doppji ma rriżultatx bħala waħda sodisfaċenti. Ir-raġuni prinċipali għal dan in-nuqqas huwa li xi Stati Membri m'humiex f'pożizzjoni li jipprovdu d- data neċessarja dwar iċ-ċittadini ta' l-UE rreġistrati biex b'hekk jagħmluha possibbli li isimhom jinqata' minn fuq ir-reġistru elettorali fl-Istati Membri ta' l-oriġini. Il-proċdura tieħu fit-tul u hija diffiċli.

Il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, fil-passat ippruvat ittejjeb is-sistema sabiex din tiffunzjona aħjar fil-prattika. Għalkemm diversi problemi ġew xi ftit jew wisq solvuti b'suċċess, hemm ukoll problemi li għadhom ma ġewx solvuti. Il-piż tax-xogħol ukoll żdied mill-aħħar elezzjonijiet, l-aktar minħabba t-tkabbir ta' l-Unjoni u l-mobilità akbar taċ-ċittadini ta' l-UE.

Kienet identifikata problema oħra dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijet bħala kandidati. Jidher li r-regoli eżistenti dwar kif tiġi mressqa applikazzjoni għal kandidatura fl-Istat Membru tar-residenza jirriżultaw f'piż amministrattiv kbir għall-kandidati potenzjali li jista' jkun fattur fir-rata baxxa ta' parteċipazzjoni.

Fid-dawl ta' dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni wettqet stima ta' l-impatt u qed tipproponi emendi għad-Direttiva.

Il-problemi li ġew identifikati fl-implimentazzjoni ta' l-Att ta' l-1976 dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772

Il-Kummissjoni identifikat li l-interpretazzjonijiet minn ċerti Stati Membri ta' l-Artikolu 9(2) dwar il-ħin tal-pubblikazzjoni tar-riżultati elettorali fl-elezzjonijiet ta' l-2004 kienet wasslet għall-pubblikazzjoni kmieni tar-riżultati f'dawk l-Istati Membri. Problema oħra li ġiet identifikata kienet tirrigwarda l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej ta' ċittadini li jkollhom ċittadinanza ta' aktar minn Stat Membru wieħed li tista' tkun sors ta' votazzjoni doppja.

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal dawn in-nuqqasijiet, li jistgħu jwasslu għall-ksur tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija mnaqqxa fil-liġi tal-Komunità.

[1] ĠU L 329, 30. 12.1993, p.34.

[2] Il-proċediment ta' ksur li jissemma fir-rapport preċedenti ngħalaq f'Diċembru 2000 wara emendar tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

[3] Il-Kummissjoni bagħtet l-ittra mal-kwestjonarju lill-Istati Membri kollha fit-18 ta' Novembru 2004; it-tweġibiet waslu għand il-Kummissjoni bejn it-8 ta' Diċembru 2004 għall-ewwel Stat Membru u fil-25 ta' Jannar 2006 għall-aħħar wieħed. Għal aktar dettalji dwar il-kwestjonarju ara d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni fl-Anness.

[4] Dan l-Att huwa anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom ta' l-20 ta' Settembru 1976, ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

[5] ĠU L 283, 21.10.2002.

[6] COM(2003)174.

[7] COM(2003)31.

[8] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/511/KE ta' l-10 ta' Ġunju 2004 dwar ir-rappreżentazzjoni tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew fil-każ ta' soluzzjoni tal-problema ta' Ċipru, ĠU L 211, 12.6.2004, p. 22–23.

[9] ĠU L 236, 23. 9.2003, p.955.

[10] Intbagħtu żewġ ittri lill-Istati Membri fl-4 ta' Mejju u fis-7 ta' Ġunju 2004 mid-Direttorat-Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà.

[11] L-istatut tar-Renju Unit ġie adottat wara l-każ “Matthews v. UK” li fih il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza kontra r-Renju Unit għaliex l-ebda elezzjonijiet Ewropej ma kienu nżammu f'Ġibiltà – Sentenza tat-18 ta' Frar 1999.

[12] Każ C-145/04, Spanja v. Renju Unit.

[13] C-300/04, Eman and Sevinge (elezzjonijiet għall-PE f'Aruba).

[14] Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-perjodu ta' riflessjoni u lilhinn (COM 2005) 494 finali

[15] Il-proporzjonijiet ikkalkulati fuq il-bażi tan-numru ta' ċittadini ta' l-UE li ma jkunux ċittadini ta' l-Istat Membru li fih ikunu residenti, li jkollhom l-età biex jivvutaw, u n-numru ta' ċittadini ta' l-UE li ma jkunux ċittadini ta' l-Istat Memrbu li fih ikunu residenti, li jkunu mniżżla fir-reġistru elettorali f'dak l-Istat Membru – fejn iż-żewġ ċifri ġew ipprovduti f'risposti għall-kwestjonarju

[16] Referenza: CFR-CDF. Opinjoni 1.2005: http://europa.eu.int/comm/justice_home/cfr_cdf/doc/avis/2005_1_en.pdf.

[17] Flash Eurobarometer Nru 133.

[18] COM(1997) 731 finali, p. 23 u COM(2000)843 finali, p. 10.

[19] Ara l-Petizzjoni Nru 592/2004.

[20] Fl-elezzjonijiet ta' l-2004, il-Ġermanja biss irrappurtat stima ta' 120 każ u l-Lussemburgu 4 każijiet.