52006DC0734

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fir-regolament tal-Kunsill (KE) nru 2328/2003 tat-22 ta' Diċembru 2003 li jintroduċi skema li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali li ntefqu fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mill-Azores, mill-Madeira, mill-Gżejjer Kanari u d-dipartimenti franċiżi ta' Gujana u ta' Réunion, minħabba li huma reġjuni mbiegħda {SEC(2006)1528} /* KUMM/2006/0734 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.11.2006

KUMM(2006)734 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003 tat-22 ta' Diċembru 2003 li jintroduċi skema li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali li ntefqu fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mill-Azores, mill-Madeira, mill-gżejjer Kanari u d-dipartimenti Franċiżi ta' Gujana u ta' Réunion, minħabba li huma reġjuni mbiegħda

{SEC(2006)1528}

Introduzzjoni

Dan ir-rapport qiegħed isir bħala tweġiba għall-Artikolu 12 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003 tat-22 ta' Diċembru 2003 li jintroduċi skema li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali li ntefqu fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mill-Azores, mill-Madeira, mill-gżejjer Kanari u d-dipartimenti Franċiżi ta' Gujana u ta' Réunion, minħabba li huma reġjuni mbiegħda [1] . Huwa jitlob lill-Kummissjoni biex sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni ... tagħti rapport lill-Parlament Ewropew, lll-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri provvduti f'dan ir-Regolament, akkumpanjat, jekk neċessarju, minn proposti għal aġġustamenti approprijati bżonnjużi biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq it-tagħrif disponibbli fil-Kummissjoni u fuq is-sejbiet ta' studju dwar " L-aspetti strutturali tal-Politika Komuni Għas-Sajd fir-reġjuni l-iktar imbiegħda " magħmul minn Ernst & Young and Associates (minn hawn 'il quddiem 'l-istudju') li sar disponibbli minn nofs Settembru 2006. L-għan ewlieni ta' l-istudju kien li jiġu analizzati r-rakkomandazzjonijiet ipprovduti, dwar kif tista' tittejjeb kemm jista' jkun l-effiċjenza l-appoġġ Komunitarju.

Ir-rapport jiddeskrivi n-natura ta' l-iskema ta' l-għajnuna u l-mod kif taħdem, jipprovdi tagħrif dwar l-applikazzjoni tagħha, jagħti stima ta' l-impatt ta' l-iskema tal-qasam tas-sajd fir-reġjuni l-iktar imbiegħda kkonċernati u fl-aħħar jiddeskrivi l-prospetti għal azzjoni Komunitarja f'dak il-qasam. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem "id-Dokument ta' Ħidma") li fih l-annessi ta' dan ir-rapport.

1. L-ISKEMA TA' KUMPENS GħAT-TQEGħID FIS-SUQ TA' ċERTI PRODOTTI TAL-ħUT – IN-NATURA TAGħHA U L-MOD KIF TAħDEM

1.1. L-għan ta' l-iskema ta' kumpens

Minħabba l-bogħod, l-insularità u l-qagħda iżolata tagħhom u klima u topografija diffiċli, ir-reġjuni Komunitarji l-iktar imbiegħda [2] qegħdin jaqgħu lura f'termini soċjo-ekonomiċi. Id-dipendenza ekonomika tagħhom fuq għadd żgħir ta' prodotti, is-swieq limitati tagħhom, in-natura doppja tagħhom kemm bħala reġjuni Komunitarji kif ukoll bħala territorji li jinsabu f'ambjent ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jaffettwaw l-għamla ekonomika u soċjali ta' dawn ir-reġjuni. Dan japplika wkoll għall-qasam tas-sajd li juri kapaċità ta' assorbiment limitat fuq is-swieq lokali u spejjeż addizzjonali tat-trasport lejn l-Ewropa kontinentali li jwasslu għal restrizzjonijiet permanenti fuq il-profittabilità ta' investimenti bażiċi u fuq l-esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

Huwa għalhekk li l-Komunità ddeċidiet li tgħin lill-produtturi tal-prodotti tas-sajd fir-reġjuni l-iżjed imbiegħda biex jintegraw aħjar fis-suq intern. Ġiet introdotta skema mill-1992 biex tpatti għall-ispejjeż żejda ta' trasport tal-prodotti tas-sajd lejn is-swieq imbiegħda ta' l-Ewropa kontinentali għall-benefiċċju tar-reġjuni l-iżjed imbiegħda li ġiet estiża progressivament għall-Azores, Madeira, il-gżejjer Kanari u d-dipartimenti Franċiżi ta' Gujana (mill-1994 'l hemm) u ta' Réunion (mill-1998 'l hemm). Dan għandu joħloq kundizzjonijiet għall-attivitajiet ta' tqegħid fis-suq komparabbli ma' dawk prevalenti għall-operaturi ekonomiċi fl-Ewropa kontinentali. L-aħħar tiġdid ta' l-iskema ta' l-għajnuna seħħ fl-2003 bir-Regolament (KE) Nru 2328/2003. Dan jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

1.2. Il-fatturi ewlenin ta' l-iskema attwali (2003-2006) kif stipulat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003 [3]

1.2.1. Benefiċjarji u destinatarji:

L-iskema tapplika għal ħamsa mis-seba' reġjuni l-iktar imbiegħda, jiġifieri l-Azores, Madeira, il-Ġżejjer Kanari u d-dipartimenti Franċiżi ta' Gujana u Réunion. Id-destinatarji tal-kumpens huma l-produtturi, is-sidien jew l-operaturi ta' bastimenti reġistrati fil-portijiet ta' dawk ir-reġjuni u li joperaw hemm jew għaqdiet ta' l-operaturi bħal dawn, u l-operaturi fis-settur ta' l-ipproċċessar u t-tqegħid fis-suq, jew assoċjazzjonijiet ta' l-operaturi bħal dawn, li jġarrbu spejjeż addizzjonali għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati minħabba l-bogħod ta' dawn ir-reġjuni.

1.2.2. Il-kumpens:

Ir-Regolament jiddefinixxi l-lista ta' speċijiet eleġibbli u prodotti tas-sajd skond ir-reġjun. L-iskema tkopri 17-il taqsima mifruxa mal-ħames reġjuni l-iktar imbiegħda. Hija tistabbilixxi ammont speċifiku ta' kumpens għal kull tunnellata ta' prodotti tas-sajd u l-kwantità totali massima ta' l-ispeċijiet jew prodotti tas-sajd eleġibbli għal kull reġjun għal kull sena li matulha jista' jitħallas il-kumpens. It-tabella fl-Anness I tad-Dokument ta' Ħidma tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-ammonti u l-kwantitajiet għal kumpens skond ir-reġjun.

B'mod ġenerali, bħala riżultat ta' ammonti u kwantitajiet ta' kumpens fissi, il-finanzjament annwali totali għal kull reġjun jista' jilħaq:

Il-finanzjament totali f'€/sena | % tal-pakkett totali għall-iskema ta' kumpens | Reġjun mill-iktar imbiegħda |

2.909.992 | 19,4 | Azores |

1.374.000 | 9,1 | Madeira |

5.884.076 | 39,2 | Gżejjer Kanari |

4.003.500 | 26,7 | Gujana |

865.200 | 5,6 | Réunion |

14.996.768 | 100,0 | Total |

1.2.3. Aġġustamenti ta' ammonti u kwantitajiet – Modulazzjoni

Ir-regolament jipprevedi żewġ possibilitajiet għal aġġustamenti sabiex jitqiesu l-livelli varji ta' qbid u l-kundizzjonijiet effettivi tat-tqegħid fis-suq fl-Istati Membri.

- Stat Membru jista' jaġġusta l-kwantitajiet stabbiliti għad-diversi speċijiet jew prodotti tal-ħut fi ħdan reġjun u bejn ir-reġjuni tiegħu sakemm il-Kummissjoni ma tqajjimx xi oġġezzjoni fi żmien erba' ġimgħat tan-notifikazzjoni ta' talba bħal din. Modifikazzjoni bħal din m'għandha la żżid il-finanzjament annwali ġenerali għal kull Stat Membru u lanqas iżżid l-ammonti ta' kumpens għal kull tunnellata ta' speċi jew prodott tas-sajd.

- Il-Kummissjoni tista' taġġusta l-kwantitajiet u l-ammonti stabbiliti għall-ispeċijiet jew prodotti tal-ħut differenti. Modulazzjoni bħal din tista' titwettaq fi ħdan reġjun, bejn ir-reġjuni ta' Stat Membru jew bejn Stati Membri differenti u fi ħdan il-finanzjament ġenerali disponibbli għall-iskema.

Iż-żewġ tipi ta' aġġustamenti għandhom ikunu ġġustifikati u jqisu il-fatturi rilevanti kollha, b'mod partikolari l-karatteristiċi bijoloġiċi ta' l-ispeċijiet, il-bdil fl-ispejjeż addizzjonali u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq.

Ir-regoli ta' modulazzjoni japplikaw ukoll għal talbiet relatati ma' l-iskema ta' kumpens ta' qabel taħt ir-Regolament (KE) Nru 1587/98 li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwarha qabel l-1 ta' Jannar 2003[4].

1.2.4. Il-ġestjoni finanzjarja ta' l-iskema ta' kumpens.

L-iskema ta' kumpens hija kklassifikata bħala intervent maħsub biex jistabbilixxi s-swieq fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola[5]. Għaldaqstant, is-sors tal-finanzjament Komunitarju huwa t-taqsima tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF). Taħt dan il-fond, madwar 60 miljun € ġew allokati għall-iskema ta' kumpens għall-perjodu bejn l-2003 u l-2006, jiġifieri b'mod iktar preċiż approprjazzjonijiet ta' 14,997 miljun € fis-sena.

L-implimentazzjoni finanzjarja ta' l-iskema ssegwi l-mudell ta' ġestjoni maqsuma applikata għat-taqsima tal-Garanziji ta' l-EAGGF bid-delega tal-ħidmiet lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrimborsa l-ispejjeż imġarrba (pre-finanzjament) mill-Istati Membri malli jiġu ddikjarati.

2. L-ISKEMA TA' KUMPENS GħAT-TQEGħID FIS-SUQ TA' ċERTI PRODOTTI TAS-SAJD –L-APPLIKAZZJONI TAGħHA MILL-2003[6]

2.1. L-applikazzjoni tal-modulazzjoni

L-Istati Membri użaw il-possibilità li jaġġustaw l-kwantitajiet eleġibbli (= modulazzjoni) prevista mill-iskema ta' għajnuna attwali sa issa bi gradi differenti. Filwaqt li Spanja sa issa ma użatx din il-possibilità, Franza użatha bosta drabi fir-rigward ta' Gujana u Réunion . Hekk ukoll il-Portugall applika l-possibilità bosta drabi għal kull wieħed mir-reġjuni l-iktar imbiegħda, l-Azores u Madeira. It-talbiet kollha li waslu fi żmien il-ħruġ ta' dan ir-rapport ġew aċċettati mill-Kummissjoni. It-tabella ta' hawn taħt tiġbor fil-qosor it-talbiet magħmula fis-snin 2003 sa 2005. Sa issa ma waslet l-ebda talba ta' modulazzjoni għas-sena 2006.

Tabella 1: Talbiet għal modulazzjoni mibgħuta u aċċettati għas-snin 2003 sa 2005

Gujana | Reunion | Azores | Madeira |

Is-sena 2003 | Gambli industrijali: Żieda minn 3.300 t għal 3.424 t Ħut abjad imqiegħed frisk fis-suq:Tnaqqis minn 100 għal 3 t Ħut abjad imqiegħed iffriżat fis-suq Tnaqqis minn 500 t għal 38 t | Tonn, pixxispad, marlin, sailfish, lampuki, kelb il-baħarŻieda minn 618 t għal 770 t | Speċijiet mqiegħda friski fis-suq: Żieda minn 2.000 t għal 2.489 t Speċijiet pelaġiċi żgħar u tal-baħar fond għall-iffriżar jew l-ipproċessar: Tnaqqis minn 1.554 għal 48 t |

Is-sena 2004 | Gambli industrijali:Tnaqqis minn 1.554 t għal 3.215 t Ħut abjad imqiegħed frisk fis-suqTnaqqis minn 100 t għal 2 t Ħut abjad imqiegħed iffriżat fis-suq:Tnaqqis minn 500 t għal 56.5 t | Tonn, pixxispad, marlin, sailfish, lampuk, kelb il-baħar:Żieda minn 618 t għal 928.5 t | Speċijiet mqiegħda friski fis-suq:Żieda minn 2.000 t għal 2,501 t Speċijiet pelaġiċi żgħar u tal-baħar fond għall-iffriżar jew l-ipproċessar: Tnaqqis minn 1.554 għal 12 t | Ċinturin iswed:Żieda minn 1.600 t għal 1.817 t Tonn: Tnaqqis minn 4.000 t għal 3.998 t Il-Prodotti ta' l-Akkwakultura Tnaqqis minn 50 t għal 0 t |

Is-sena 2005 | Gamblu industrijali:Tnaqqis minn 3.300 t għal 2.854 t Ħut abjad imqiegħed frisk fis-suq:Tnaqqis minn 100 t għal 6 t Ħut abjad imqiegħed iffriżat fis-suq:Tnaqqis minn 500 t għal 55 t | Tonn, pixxispad, marlin, sailfish, lampuk, kelb il-baħar:Żieda minn 618 t għal 1.209 t | Speċijiet mqiegħda friski fis-suq:Żieda minn 2.000 t għal 2.401 t Speċijiet pelaġiċi żgħar u tal-baħar fond għall-iffriżar jew l-ipproċessar: Tnaqqis minn 1.554 għal 322 t | Ċinturin iswed:Żieda minn 1.600 t għal 1.686 t Tonn: Żieda minn 4.000 t għal 4.072 t Il-Prodotti ta' l-Akkwakultura Tnaqqis minn 50 t għal 11,73 t |

Filwaqt li t-talbiet ta' Franza kien fihom modulazzjoni tal-kwantitajiet bejn iż-żewġ reġjuni mill-iktar imbiegħda Gujana u Réunion, it-talbiet ta' modulazzjoni magħmula mill-Portugall saru għal kull reġjun separatament fi ħdan il-pakketti għall-Azores u Madeira.

It-tieni possibilità ta' modulazzjoni, jiġifieri l-aġġustament ta' kwantitajiet u ammonti għal kumpens mill-Kummissjoni fuq tagħrif mill-Istati Membri madankollu qatt ma kien hemm bżonn li tiġi applikati mid-dħul fis-seħħ ta' l-iskema attwali. [ara n-nota tal-qiegħ 4].

2.2. Eżekuzzjoni fiżika u finanzjarja

It-tabella li ġejja turi l-ħlasijiet f'€ magħmula mill-Kummissjoni għas-snin kalendarji 2003, 2004 u 2005 mad-dikjarazzjonijiet li rċevew l-Istati Membri kkonċernati l-infiq ta' Mejju 2006.

Tabella 2: Eżekuzzjoni Finanzjarja 2003 – 2005

2003 | % ta' finanzjament disponibbli* | 2004 | % ta' finanzjament disponibbli* | 2005 | % ta' finanzjament disponibbli* |

Spanja – Gżejjer Kanari | 5.449.043 | 93,2 | 5.453.490 | 93,3 | - | 0,0 |

Gujana Reunion | 3.651.301 865.200 | 96,3 80,3 | 3.568.709 1.299.991 | 100,0 100,0 | 3.139.615 865.200 | 86,5 100,0 |

Franza Total: | 4.516.501 | 92,8 | 4.868.700 | 100,0 | 4.004.815 | 82,3 |

Il-Portugall Total: | 2.980.959 | 69,6 | 2.455.808 | 57,3 | 93.911 | 2,2 |

Total: | 12.946.139 | 86,3 | 12.777.999 | 85,2 | 4.098726 | 27,3 |

* wara l-modulazzjoni

Peress li l-Istati Membri għadhom qed jibagħtu dikjarazzjonijiet ta' l-infiq li jikkonċernaw is-snin l-imgħoddija, inkluż għall-2003 t-tabella ma tippreżentax l-istat aħħari ta' l-eżekuzzjoni ta' l-iskema ta' kumpens. Meta jitqies ir-ritmu tad-dikjarazzjonijiet ta' l-infiq imgħoddija mill-Istati Membri huwa mistenni li l-ħlasijiet għas-snin kalendarji 2005 u 2006 se jlaħħqu bejn wieħed u ieħor l-istess livell tas-snin 2003 u 2004, jiġifieri iktar minn 85% tal-finanzjament eleġibbli totali. Għas-sena 2006, il-Portugall biss iddikjara nfiq ta' 2.019.442 €, jiġifieri kważi n-nofs tal-pakkett annwali għall-Portugall.

It-tabella fl-Anness II tad-Dokument ta' Ħidma tipprovdi stampa daqsxejn iktar dettaljata. Hija turi l-kwantitajiet appoġġjati u sehemhom fi kwantitajiet massimi eleġibbli u finanzjament wara modulazzjoni, jekk applikat. Madankollu, din l-istampa mhix kompluta peress li d-dikjarazzjonijiet ta' l-Istati Membri mhux dejjem jipprovdu t-tqassim neċessarju fi speċi u prodotti tas-sajd. Dan huwa l-każ partikolarment għall-Portugall fejn id-dikjarazzjonijiet għall-2006 biss jipprovdu tqassim ta' din ix-xorta. Għar-reġjuni l-oħra d-dikjarazzjonijiet għall-2005 u l-2006 huma biss disponibbli parzjalment.

3. L-ISKEMA TA' KUMPENS GħAT-TQEGħID FIS-SUQ TA' ċERTI PRODOTTI TAS-SAJD – STIMA TA' L-APPLIKAZZJONI TAGħHA U L-IMPATT TAGħHA FUQ IS-SETTUR TAS-SAJD FIR-REġJUNI L-IKTAR IMBIEGħDA

3.1. L-eżekuzzjoni fiżika u finanzjarja – il-pertinenza ta' kwantitajiet u ammonti ta' kumpens eleġibbli

3.1.1. Il-pertinenza ta' speċijiet u prodotti tas-sajd eleġibbli u tal-kwantitajiet massimi eleġibbli

Il-listi u l-ammonti ta' speċi u prodotti tas-sajd eleġibbli huwa l-frott ta' żviluppi storiċi mit-twaqqif ta' l-iskema ta' kumpens fl-1992. Għaldaqstant, il-lista ta' speċijiet u prodotti tas-sajd eliġibbli stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 2328/2003 mhux dejjem jirrifletti r-realtà tas-suq tar-reġjuni l-iktar imbiegħda li jiddependu mill-fluss fil-qbid u l-istokkijiet u fid-domanda tas-suq. Xi prodotti bħall-palamit li huma kkumerċjalizzati bil-baħar fil-Gżejjer Kanari jew il-ħut abjad fil-Gujana ma ntużaw qatt jew kważi qatt biex jitqiegħdu fis-suq fl-Ewropa kontinentali b'din l-iskema sa issa. Għal prodotti oħra, l-attività ta' tqegħid fis-suq ġie ssottovalutat.

Madankollu, il-possibilità li l-kwantitajiet jiġu aġġustati ċertament iffaċilitaw l-applikazzjoni u l-utilizzazzjoni ta' l-iskema ta' kumpens. Dan huwa partikolarment il-każ ta' Franza li tista' timmassimizza l-utilizzazzjoni ta' l-iskema bil-modulazzjoni mhux biss ta' kwantitajiet eleġibbli imma wkoll billi tibdel il-finanzjament bejn Réunion u Gujana fi ħdan il-finanzjament annwali totali għal Franza. Għall-Portugall, stqarrija bħal din hija daqsxejn iktar diffiċli li ssir peress li d- data meħtieġa għal kull prodott mhix disponibbli. Skond l-istudju, anke għall-Portugall il-modulazzjoni kienet twassal għal utilizzazzjoni aħjar ta' l-iskema ta' kumpens. Madankollu, anke l-Gżejjer Kanari/Spanja juru eżekuzzjoni li taqbeż id-90% mingħajr ma qatt jiġu aġġustati l-kwantitajiet.

Minħabba f'hekk, meta mqabbel ma' l-eżekuzzjoni taħt skemi preċedenti bi fluss għoli fl-użu ta' kwantitajiet u l-assorbiment tal-fondi bejn is-snin u r-reġjuni, l-applikazzjoni ta' din l-iskema stabilizzat ruħha u saret iktar regolari f'termini ta' użu ta' kwantitajiet eleġibbli u fondi disponibbli, xejra li mistennija tkompli fiż-żmien li fadal. Madankollu, minkejja l-possibilità ta' modulazzjoni ċertu ammont ta' kwantitajiet u fondi xorta baqgħu ma ntużawx.

Il-pertinenza ta' prodotti tas-sajd eleġibbli għandha titqies ukoll minn żewġ angoli oħra:

Skond ir-regoli ta' issa l-Kummissjoni ma għandha l-ebda garanzija li l-prodotti tas-sajd mgħejuna nqabdu, waslu sa l-art, u tqiegħdu fis-suq skond ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. M'hemm l-ebda rekwiżit li jridu jitħarsu r-regoli ta' konservazzjoni u ġestjoni jew l-istandards ta' gradazzjoni u d-dispożizzjonijiet ta' traċċabilità għall-finijiet ta' l-iskema u lanqas ma hemm mod biex prodotti li joriġinaw minn sajd illegali u mhux rappurtat jiġu esklużi mis-sostenn. Lanqas ma hemm dispożizzjoni biex tiżgura li l-kumpens ma jirriżultax f' iżjed pressjoni fuq stokkijiet bijoloġikament sensittivi. Qagħda bħal din diffiċli tiddefendiha.

Ir-reġim ta' issa ma jillimitax is-sostenn għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn prodotti maqbuda lokalment imma jippermetti l-kumpens għall-prodotti tas-sajd magħmula minn ħut importat. F'dan l-aħħar każ il-kumpens jingħata kollu lill-intrapriża ta' l-ipproċessar filwaqt li fl-aħħar każ il-kumpens is-soltu jinqasam bejn min jipproċessa (20%) u s-sajjied/sid il-vapur (80%). Huwa ċar li għal xi industriji l-importazzjonijiet huma bżonnjużi għall-ekonomiji fil-kobor u għall-użu tal-kapaċità sħiħa ta' l-intrapriża. Madankollu, f'każijiet bħal dawn il-valur miżjud għas-settur lokali tas-sajd jidher li huwa iżjed limitat mill-każ ta' prodotti maqbuda lokalment.

3.1.2. Il-pertinenza ta' l-ammonti ta' kumpens

Huwa mfakkar li l-għan ewlieni ta' l-iskema ta' għajnuna hija li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali li ġejjin mill-bżonn biex il-prodotti jiġu ttrasportati mir-reġjuni l-iktar imbiegħda lejn l-Ewropa kontinentali.

L-iżvilupp ta' l-ammonti ta' kumpens mill-1992 kif stipulati f'regolamenti konsekuttivi juru li l-ammonti baqgħu pjuttost stabbli b'aġġustamenti żgħar 'il fuq jew 'l isfel (eż tnaqqis minn 185 €/t fl-1992-1993 sa 177 €/t fl-2003-2006 għat-tonn ikkonsenjat lill-industrija tat-tqegħid fil-laned fl-Azores, żieda minn 898 €/ fl-1994 għal 1.100 €/t fl-2003-2006 għall-gambli f'Gujana) għal ħafna prodotti u reġjuni. Madankollu, il-każ huwa differenti għall-Gżejjer Kanari fejn l-ammonti ta' kumpens taħt l-iskema attwali huma sa disa' darbiet ogħla meta mqabbla ma l-iskemi ta' qabel. Id-determinazzjoni ta' l-ammonti dehret li iktar issegwi loġika li tassorbi l-fondi disponibbli fid-dawl ta' kwantitajiet eliġibbli mnaqqsin wara tmiem il-ftehim tal-Marokk.

Hemm varjazzjoni kbira fl-ammonti ta' kumpens skond il-prodotti u r-reġjuni. L-inqas kumpens imur għal speċijiet pelaġiċi żgħar fl-Azores b'148€/t sa 1.400 €/t for għal pelagiċi kbar f'Réunion. Anke bejn oqsma simili l-kumpens ivarja minn reġjun għall-ieħor b'177€/t fl-Azores, 230 €/t f'Madeira għat-tonn ikkonsenjat lill-industrija lokali tat-tqegħid fil-laned u 950€/t għat-tonn ikkummerċjalizzat bl-ajru u 500 €/t għat-tonn ikkummerċjalizzat bil-baħar fi stat nej fil-Gżejjer Kanari.

Id- data disponibbli fil-livell Komunitarju ma tippermettix verifika ta' jekk il-kumpens hux f'livell xieraq u x'tip ta' spejjeż addizzjonali qiegħed ikopri. Filwaqt li l-ispejjeż addizzjonali li ġew mit-trasport lejn l-Ewropa kontinentali (trasport bl-ajru jew bil-baħar, spejjeż għall-ħażna u ta' tranżitu marbuta mat-trasport) huma l-iżjed pertinenti fid-dawl ta' l-għan ta' l-iskema ta' l-għajnuna u huma wkoll l-eħfef spejjeż biex jiġu vverifikati, hemm tipi oħra ta' spejjeż addizzjonali li jiġu mill-bogħod tar-reġjuni liktar imbiegħda, bħalma huma spejjeż ogħla ta' investimenti jew spejjeż operattivi għall-produzzjoni u l-ipproċessar. Huma wkoll iktar diffiċli biex tistimahom. Min-naħa l-oħra ċerti spejjeż jistgħu jkunu inqas minn dawk fl-Ewropa kontinentali.

L-istudju ma jagħmilx stima ġdida ta' l-ispejjeż addizzjonali ta' kull prodott u katina ta' prodotti imma jiġbor tagħrif minn sorsi differenti, bħal studju fl-2000 (Megapesca) aġġornat bl-użu ta' rata ta' inflazzjoni, amministrazzjoni pubblika jew intrapriżi privati. Din il-kompilazzjoni turi li l-istima ta' l-ispejjeż addizzjonali u għaldaqstant tal-bżonn għal kumpens ivarja bil-qawwi skond is-sors ta' tagħrif u x'tip ta' spejjeż addizzjonali tqiesu. Fost is-sorsi kollha tat-tagħrif użati mill-istudju, bħala medja, il-kumpens huwa ta' madwar 60% ta' l-ispejjeż addizzjonali. Madankollu il-kumpens ivarja ħafna bejn 40% (pelaġiċi żgħar u speċi tal-baħar fond fl-Azores) u 169 % (għal palamit ikkummerċjalizzat bil-baħar fil-Gżejjer Kanari). Jekk jitqassam sa l-ispeċi individwali fi ħdan l-oqsma il-varjazzjoni ssir iktar ovvja. F'relazzjoni mal-valur tas-suq (= prezz tal-bejgħ) il-livell ta' kumpens ivarja bejn 3% (tonn fl-Azores) u 30% (xi prodotti ta' l-akkwakultura fil-Gżejjer Kanari).

Minkejja din il-varjazzjoni, nistgħu naslu għal ċerti konklużjonijiet ġenerali: L-ewwel nett, il-kumpens għall-prodotti mqiegħda ffriżati fis-suq u bil-baħar huwa ogħla għal prodotti mqiegħda friski fis-suq u bl-ajru. It-tieni nett, il-livell ta' kumpens ivarja wkoll skond l-oriġini tal-materja prima/ħuta maqbuda. Għalhekk, għat-tonn f'Madeira u l-Azores, il-kumpens huwa ogħla għat-tonn maqbud mill-flotta reġjonali milli għat-tonn impurtat.

L-istudju juri wkoll ċerti każijiet fejn l-iskema ta' l-għajnuna mhix tintuża għall-finijiet tagħha biex tikkumpensa l-iżvantaġġi marbuta mal-qagħda mbiegħda imma bħala sussidu globali biex iżżomm lill-intrapriżi ħajjin. Għalhekk jista' jkollha effett ikrah fuq id-dinamiżmu kummerċjali u l-kompetittività ta' intrapriża. Dan jidher partikolarment li hu l-każ, meta l-livell ta' kumpens jaqbeż l-20% tal-valur fis-suq tal-prodott.

Barra minn hekk, jidher li hemm tipi ta' intervent pubbliku f'xi reġjuni mill-iktar imbiegħda bħal deduzzjonijiet fiskali jew skemi ta' għajnuna nazzjonali jew Komunitarji (FIFG) li jintervjenu direttament jew indirettament fil-kumpens ta' l-ispejjeż addizzjonali. Għalhekk, hemm ir-riskju ta' kumpens żejjed li jiġi mill-akkumulazzjoni tal-kumpens ma' tipi oħra ta' intervent pubbliku.

3.2. L-impatt soċjo-ekonomiku tal-kumpens fuq is-settur tas-sajd fir-reġjuni l-iktar imbiegħda

Filwaqt li l-ebda indikaturi kwantitattivi ta' l-impatt ma huma disponibbli fost ir-reġjuni l-iktar imbiegħda kkonċernati, eż. dwar iż-żamma u l-ħolqien ta' attivitajiet u impjiegi, jidher li wieħed ikollu raġun jgħid li l-iskema trawwem il-kundizzjonijiet, li operaturi ekonomiċi fis-settur iridu jimxu magħhom biex ikomplu fil-kummerċ li jwassal għal benefiċċji soċjo-ekonomiċi għall-komunitajiet lokali. L-eżistenza permanenti tas-settur tas-sajd tiggarantixxi l-impjiegi f'reġjuni fejn impjieg alternattiv huwa limitat. Il-prodotti tas-sajd koperti mill-iskema huma responsabbli għal sehem sinjifikanti ta' l-esportazzjonijiet mir-reġuni l-iktar imbiegħda. Dan jistimula l-produzzjoni lokali, l-ipproċessar u l-attivitajiet tas-suq.

Ir-riżultati ta' l-istudju juru, li, fuq kollox, l-iskema ta' kumpens ippermettiet lis-settur tas-sajd biex jiffaċċja kompetizzjoni dejjem tiżdied fis-suq komuni li qiegħed jinfetaħ dejjem iżjed għal pajjiżi terzi u lill-pajjiżi ta' l-ACP b'mod partikolari. Il-politika ta' kumpens tirriżulta f'ekonomiji ta' skala u fi dħul finanzjarju konsiderevoli għall-benefiċjarji u jippermettilhom li jikkompetu bi spejjeż daqs dawk tal-kumpaniji fl-Ewropa kontinentali. L-iskema ppermettiet lir-reċipjenti biex iżommu sehem mis-suq li kieku l-kompetizzjoni kienet toħdilhom.

L-iskema ta' kumpens iffaċilitat ukoll l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni ta' ċerti attivitajiet. Is-settur ta' l-akkwakultura fil-Gżejjer Kanari pereżempju jipproduċi l-iktar għas-suq kontinentali u bbenefika bil-kbir mill-iskema. L-istess jista' jingħad għall-industrija tat-tqegħid tat-tonn fil-laned fl-Azores, għall-flettijiet tat-tonn u ċ-ċinturin iswed f'Madeira u għall-industrija tal-gambli f'Gujana. Minħabba f'hekk, l-impjiegi ġew stabbilizzati jew saħansitra żdiedu.

Madankollu wieħed ma jistax jiċħad li l-użu rikorrenti ta' miżuri ta' kumpens iġib miegħu r-riskju li tinħoloq dipendenza ekonomika li xxekkel il-kapaċità jew il-potenzjal innovattiv. Dan jidher li huwa l-każ għall-gambli minn Gujana li jistgħu jkunu mqiegħda aħjar fis-suq u għaldaqstant jattiraw prezzijiet ogħla. Jista' jkun il-każ ukoll li ċerti attivitajiet ta' esportazzjoni jinżammu artifiċjalment jew saħansitra jiġu żviluppati filwaqt li swieq profittabbli barranin (eż il-Ġappun u l-Istati Uniti) ma jiġux esplorati biżżejjed u s-swieq lokali jiġu injorati.

4. KONKLUżJONIJIET U PROSPETTIVI GħALL-ġEJJIENI

Matul l-operat tagħha, l-iskema ta' kumpens ġabet stabilità dewwiema li ppermettiet lill-atturi ekonomiċi kkonċernati biex joperaw taħt kondizzjonijiet simili għal dawk tal-kontroparti tagħhom fl-Ewropa kontinentali. L-iskema tat sehemha għaż-żamma ta' l-impjiegi f'reġjuni fejn hemm ftit opportunitajiet oħra. Il-benefiċċji li dawn l-operaturi ħadu mill-iskema ppermettiet lil bosta setturi kkonċernati biex iżommu livell adegwat ta' produzzjoni u żvilupp.

Il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-ispejjeż addizzjonali ftit se jinbidlu fi żmien qasir, peress li ġejjin min-natura nnifisha tar-reġjuni l-iktar imbiegħda u l-qagħda partikolari tas-settur tas-sajd tagħhom. Għalhekk għandha jitqies li l-iskema tkompli, b'hekk jiġi żgurat li l-għanijiet li ġiet stabbilita għalihom ikomplu jintlaħqu sew. Hija tkun koerenti wkoll ma' l-impenn tal-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha, dwar sħubija aktar b'saħħitha għar-reġjuni l-iktar imbiegħda tas-26.5.2004 [COM(2004)343 finali] li tidentifika t-tnaqqis ta' spejjeż addizzjonali fir-reġjuni l-iktar imbiegħda bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta' l-attivitajiet ta' l-Unjoni biex tgħin lil dawn ir-reġjuni jegħlbu l-problemi ikkawżati mill-qagħda mbiegħda tagħhom.

Fid-dawl tal-bżonn ta' viżjoni strateġika għas-settur, huwa ssuġġerit li l-iskema titkompla fl-istess livell ta' finanzjament għall-perjodu 2007-2013. Dan ikun koerenti wkoll mat-tul taż-żmien tal-miżuri skond l-Artikolu 11 tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali[7]. Se ssir reviżjoni, inter alia fid-dawl tar-riforma ta' l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-prodotti tas-sajd.

Madankollu, il-valutazzjoni f'dan ir-rapport u s-sejbiet ta' l-istudju jitolbu li jsiru għadd ta' aġġustamenti. Dawn għandhom jippermettu:

- Iktar pertinenza imma anke flessibilità fid-dawl ta' realtajiet u bżonnijiet speċifiċi ta' tqegħid fis-suq fir-reġjuni l-iktar imbiegħda billi

- tippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw u jaġġustaw għar-reġjuni tagħhom il-prodotti tas-sajd eleġibbli u l-kwantitajiet tagħhom u li jiffissaw l-ammonti ta' kumpens rispettivi fi ħdan allokazzjoni annwali ta' fondi għar-reġjuni kkonċernati ta' l-Istat Membru, ibbażata fuq allokazzjonijiet fl-iskema attwali;

- tibbaża l-ammonti ta' kumpens l-iktar fuq l-ispejjeż addizzjonali li jiġu mit-trasport lejn l-Ewropa kontinentali. Dan jippermetti wkoll li l-iskema tiġi ċċentrata mill-ġdid fuq l-għan ewlieni tagħha;

- Ġustifikazzjoni u armonizzazzjoni aħjar tas-sostenn billi

- jiġu introdotti salvagwardji biex jiġu evitati livelli mhux ġustifikati ta' kumpens, b'mod partikolari billi jillimitaw il-kumpens għal sehem mill-ispejjeż tat-trasport u spejjeż relatati oħra, u jqisu tipi oħra ta' intervent pubbliku b'effett fuq il-livell ta' spejjeż addizzjonali;

- Li jintlaħaq l-għan ta' l-iskema b'konformità mal-Politika Komuni tas-Sajd billi

- jiġu definiti kundizzjonijiet ta' eleġibilità iżjed ċari għar-reċipjenti u l-prodotti, b'mod partikolari billi jiġi eskluż is-sostenn għa; prodotti li mhumiex kompatibbli mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd jew li ġejja minn prodotti importati,

- jiġi żgurat li l-kumpens ma jirriżultax f'iżjed pressjoni fuq stokks bijoloġikament sensittivi;

- l-appoġġ jiġi kkonċentrat fuq reċipjenti li huma ekonomikament vijabbli;

- Amministrazzjoni sempliċi permezz ta' rekwiżiti proporzjonali fir-rigward tal-proċeduri neċessarji;

- Iktar trasparenza bl-introduzzjoni ta' rappurtaġġ regolari mill-Istati Membri.

Dawn l-aġġustamenti jindirizzaw in-nuqqasijiet ewlenin li ħarġu mill-implimentazzjoni ta' l-iskema u tejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-effettività tal-funzjonament tagħha. Dawn jilħqu wkoll ħafna mir-rakkomandazzjonijiet ta' l-istudju (l-Anness III tad-Dokument ta' Ħidma). L-istudju rrakkomanda wkoll it-twaqqif possibbli ta' lista pożittiva ta' spejjeż addizzjonali u valutazzjoni tal-livell tagħhom, bil-ħsieb li tiġi żgurata trasparenza sħiħa fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta' kumpens għal spejjeż addizzjonali. Approċċ bħal dan madankollu jeħtieġ mhux biss iktar analiżi u għalhekk żmien qabel ma tkun tista' ssir proposta konkreta, imma tagħmel l-iskema wkoll iktar riġida u kkumplikata bir-riskju li ma jiġux riflessi l-ispefiċitajiet kollha tar-reġjuni l-iktar imbiegħda mill-bidu jew li jinbidlu maż-żmien. Ma tidhirx ġusta lanqas li l-ko-finanzjament nazzjonali jew reġjonali ta' l-iskema jiġi previst. Din ir-rakkomandazzjoni hija mmotivata l-iktar minn b'żieda fil-baġit ġenerali. Madankollu, l-aġġustamenti previsti, fosthom il-kundizzjoni li s-sostenn ikun ikkonċentrat fuq reċipjenti li jkunu ekonomikament vijabbli, suppost li jippermettu xorta waħda applikazzjoni iżjed effiċjenti u ffokata ta' l-iskema u responsabilità ogħla mill-Istati Membri.

Madankollu, l-iskema se teħtieġ aġġustament sabiex tiġi implimentata s-sistema l-ġdida għall-ġestjoni finanzjarja adottata għall-infiq fis-suq għas-settur tas-sajd taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (EAGF), jiġifieri ġestjoni diretta ċentralizzata.

Il-proposta għal regolament li jkompli l-iskema ta' kumpens għar-reġjuni l-iktar imbiegħda li takkumpanja dan ir-rapport tistabbilixxi d-dettalji għall-emendi ssuġġeriti.

[1] ĠU L 345, 31.12.2003, p. 34.

[2] Ir-reġjuni identifikati mill-Artikolu 299(2) tat-Trattat huma d-dipartimenti lil hinn mix xtut Franċiżi, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanari.

[3] Għalkemm l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2328/2003 jipprevedi l-adozzjoni ta' regoli ta' implimentazzjoni, dawn ir-regoli qatt ma ġew stabbiliti.

[4] Il-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba mressqa mill-Azores f'Mejju ta' l-2002 biex jiġi rduppjat il-kumpens għal speċi li jgħixu f'qiegħ il-baħar peress li t-talba kienet motivata b'mod uniku billi tassorbi l-fondi u mhux mill-fatturi rilevanti.

[5] ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103.

[6] Minħabba n-nuqqas ta' rekwiżiti ta' rappurtaġġ għall-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta' l-iskema ta' kumpens it-tagħrif disponibbli fil-Kummissjoni jirriżulta l-iżjed mill-eżekuzzjoni finanzjarja u t-talbiet għal modulazzjoni. It-tagħrif l-ieħor ippreżentat f'dan il-kapitolu ttieħed mill-istudju msemmi hawn fuq dwar "L-aspetti strutturali tal-Politika Komuni tas-Sajd fir-reġjuni l-iktar imbiegħda".

[7] Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 210 tal-31.7.2006, p.1)