[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 29.11.2006 KUMM(2006) 725 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-analiżi tal-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-tieni perjodu ta' l-Iskema ta’ l-UE għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet li jakkumpanjaw Deċiżjonijiet tad-29 ta' Novembru 2006 dwar il-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni tal-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87/KE KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-analiżi tal-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-tieni perjodu ta' l-Iskema ta’ l-UE għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet li jakkumpanjaw Deċiżjonijiet tad-29 ta' Novembru 2006 dwar il-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni tal-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit skond id-Direttiva 2003/87/KE 1. INTRODUZZJONI Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija għan prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea. L-Iskema ta’ l-UE għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet (EU ETS), stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE, hija l-istrument ċentrali ta' l-UE biex tilħaq il-miri tal-Protokoll ta' Kjoto matul il-perjodu 2008 sa l-2012 b'mod li jkun jaqbel finanzjarjament. L-EU ETS se tkompli tkun ċentrali għall-isforzi ta' l-UE biex tikseb tnaqqis akbar fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra kemm fuq it-terminu medju u anke twil. Sa issa, l-ewwel fażi ta' l-EU ETS ta' bejn l-2005 u l-2007 tat tagħlim prezzjuż. Dan it-tagħlim qed jinforma lill-proċess ta' reviżjoni[1], li huwa mmirat lejn it-tisħiħ ta' l-iskema billi jħares lejn il-ħidma u l-ambitu tagħha, b'mod partikolari li tespandi għal setturi u gassijiet oħra, lil hinn mit-tieni perjodu ta' skambju, ta' bejn l-2008 u l-2012. Madankollu, l-ewwel sett ta' rapporti dwar l-emissjonijiet verifikati indipendentement għas-sena 2005 kien ta' importanza partikolari. Dan indika li l-emissjonijiet aggregati ta' l-2005, ftit 'il fuq minn 2 biljun tunnellata, kienu taħt il-medja annwali b’mod sinnifikanti ta' allokazzjoni għall-ewwel perjodu ta' kważi 2.2 biljun tunnellata[2]. L-ewwel perjodu minn dejjem kien intenzjonat li jkun il-fazi ta' tagħlim. Fl-istess waqt, l-aħħar rapport[3] mill-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent jenfasizza l-bżonn immedjat li f'għadd ta' Stati Membri jsiru aktar sforzi sabiex l-impenji ta' l-Ewropa fir-rigward tal-Protokoll ta' Kjoto jiġu rispettati. Għalhekk, kieku kellhom jinħarġu aktar kwoti mill-Istati Membri mill-kwantità mistennija ta' l-emissjonijiet attwali mill-2008 sa l-2012 mill-istallazzjonijiet koperti, ikun hemm ċans kbir li l-obbligi ta' Kjoto ma jintlaħqux u l-EU ETS toffri ftit jew l-ebda benefiċċju ambjentali. L-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji nodfa li diġà jeżistu u dawk ġodda kieku jieħdu fit-tul, u l-evoluzzjoni ta' suq globali dinamiku u likwidu tidgħajjef ħafna. Għalhekk, il-Kummissjoni tanalizza l-pjanijiet għat-tieni perjodu b'mod li jiżgura li l-kriterji jiġu applikati sewwa u b'mod konsistenti fid-Direttiva u li jkun hemm biżżejjed skarsezza ta' kwoti fl-EU ETS, b'hekk jiġi żgurat li jkun hemm tnaqqis fl-emissjonijiet u li s-suq tal-karbonju li qed jiżviluppa jissaħħaħ. Dan se jippermetti lil EU ETS li jiftaħ il-potenzjal tiegħu kollu ambjentali u ekonomiku f'termini ta' benefiċċji ambjentali u ekonomiċi. Din il-Komunikazzjoni tistipula l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-analiżi tal-pjanijiet għat-tieni perjodu u hija akkumpanjata mill-ewwel pakkett ta' deċiżjonijiet indirizzat lejn 10 Stati Membri. 2. IL-VALUTAZZJONI TAL-PJANIJIET TA' ALLOKAZZJONI NAZZJONALI Għal kull perjodu ta' skambju, kull Stat Membru huwa obbligat li jinnotifika lill-Kummissjoni bi pjan ta' allokazzjoni nazzjonali. Id-Direttiva tirrikjedi lill-Kummissjoni li tanalizza kull pjan skond l-istess kriterji stabbiliti f'Anness III[4] u skond Artikolu 10 tad-Direttiva . Il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni separata fi żmien tliet xhur minn meta jiġi nnotifikat pjan komplet[5]. Sad-29 ta' Novembru 2006, 19-il Stat Membru kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bi pjan ta' allokazzjoni nazzjonali. Minn dawn, 10 kienu lesti biżżejjed biex jippermettu lill-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibilità mad-Direttiva. Dawn il-pjanijiet jirrapreżentaw madwar nofs il-kwantità ġenerali tal-kwoti allokati fl-ewwel pejodu ta' skambju. Fit-12 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra l-pjanijiet pendenti kollha. Se tkompli teżerċita pressjoni legali sabiex tiżgura li l-pjanijiet pendenti jiġu nnotifikati malajr kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni għamlet enfażi partikolari fuq il-valutazzjoni konsistenti, ġusta u trasparenti tal-pjanijiet għat-tieni perjodu. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni identifikat diversi kwistjonijiet li kienu analizzati bir-reqqa għall-kompatibiltà mal-kriterji fl-Anness III. Dawn jaqgħu taħt l-intestaturi prinċipali li ġejjin: - li jitwaqqaf limitu konsistenti ma' l-obbligu ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-Protokoll ta' Kjoto, l-iżvilupp ta' emissjonijiet u l-potenzjal ta' tnaqqis, - aġġustamenti ex-post , - konsistenza ma' l-obbligi supplimentari (Implimentazzjoni Konġunta/limitu fil-kreditu għal proġett dwar il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif), - kwistjonijiet oħra speċifiċi għal pjanijiet individwali sabiex jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn ta' kompetizzjoni u tas-suq intern. Kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet hija spjegata f'aktar dettall fit-taqsimiet li ġejjin. Dawn it-taqsimiet jirriflettu l-elementi komuni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni inkorporata fid-deċiżjonijiet u jikkostitwixxu motivazzjonijiet addizzjonali ta' dawn ta' l-aħħar. Tabella 1 tiġbor fil-qasir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, u tindika fejn ma ġewx irrispettati l-kriterji. 2.1. Il-livelli konsistenti ma' l-obbligi ta' Kjoto, l-iżvilupp ta' l-emissjonijiet u l-potenzjal ta' tnaqqis Il-kwantità totali ta' kwoti (limitu) trid tiġi valutata skond il-kriterji (1), (2) u (3), rispettivament biex jintlaħaq l-obbligu rilevanti ta' Kjoto, l-iżvilupp ta' l-emissjonijiet u l-potenzjal ta' tnaqqis, f'Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE. Fl-istess waqt iridu jiġu evitati distorsjonijiet mingħajr bżonn tal-kompetizzjoni u tas-suq intern. Anness III jagħti l-mandat lill-Kummissjoni bħala prinċipju ġenerali biex tiżgura applikazzjoni stretta tal-kriterji kollha[6]. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli. Id- data ta' l-emissjonijiet hija ta' kwalità għolja u ġiet verifikata indipendentement. Barra din id- data , jintużaw figuri b'saħħithom tat-tkabbir ekonomiku u t-titjib fl-intensità tal-karbonju li huma mistennija. Dawn huma żewġ fatturi prinċipali li huma importanti biex l-UE tirrispetta l-obbligi ta' Kjoto fil-perjodu 2008 sa l-2012. Il-Kummissjoni qiegħda tqis ukoll l-emissjonijiet addizzjonali verifikati u sostanzjati li jaqgħu taħt il-kopertura ta' l-EU ETS fil-pjan tat-tieni perjodu, ladarba Stat Membru jkun inkluda stallazzjonijiet ta' kombustjoni addizzjonali f'setturi li ma ġewx inklużi fil-pjan ta' l-ewwel perjodu. Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza b'mod partikolari l-verifika indipendenti ta' dawn l-emissjonijiet addizzjonali. Meta użat id- data dwar l-emissjonijiet verifikati għall-ewwel sena li operat l-EU ETS, il-Kummissjoni tat każ dwar jekk l-ewwel sena ta' operat kinitx sena rappreżentattiva u punt ġustifikat ta' referenza għall-valutazzjoni. Waqt li l-ebda figuri ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra m'huma disponibbli f'dan l-istadju biex it-total tal-figuri ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ l-2005 jitqabbel mal-medji matul l-aħħar snin, il-Eurostat[7] irrapporta li l-konsum ta' l-enerġija fl-UE-25 bejn l-2004 u l-2005 kien stabbli (1 637,6 miljun tunnellata ekwivalenti f'żejt fl-2004 versus 1 627,2 miljun tunnellata ekwivalenti f'żejt fl-2005). Għas-snin ta' qabel l-2005, u għalhekk qabel l-introduzzjoni ta' l-EU ETS, m'hemm l-ebda figuri dwar stallazzjonijiet koperti mill-iskema, disponibbli sistematikament li magħhom jista' jsir tqabbil peress li hemm nuqqas ta' verifika indipendenti fuq il-bażi tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tqis li f'kull sena hemm diversi fatturi li jistgħu jkunu ta' riskju, dawn jinkludu x-xejriet tat-temp, li jinfluwenzaw l-emissjonijiet minn stallazzjonijiet ta' l-EU ETS u li ġeneralment jibbilanċjaw lil xulxin fl-effetti tagħhom fuq it-total fl-emissjonijiet annwali. Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni teżamina d-disponibbiltà u l-kwalità ta' data oħra li tikkonċerna l-emissjonijiet u l-użu ta' l-enerġija qabel l-2005. In ġenerali, il-Kummissjoni m'għandhiex indikazzjonijiet li maġġoranza ċara ta' ċirkostanzi eċċezzjonali fl-2005 ippuntaw biċ-ċar lejn direzzjoni waħda. Għalhekk tikkunsidra li l-figuri ta' l-emissjonijiet verifikati ta' l-2005 jistgħu, bħala regola, jitqiesu bħala li huma rappreżentattivi. Madankollu, f'każ li jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni teżamina bir-reqqa safejn huwa ġustifikat li l-emissjonijiet verifikati indipendentement għall-2005 jiġu aġġustati minn fattur xieraq ta' korrezzjoni. Sabiex tevalwa jekk ġewx irrispettati l-kriterji (2) dwar l-iżvilupp ta' l-emissjonijiet u (3) dwar il-potenzjal ta' tnaqqis, il-Kummissjoni kkunsidrat it-tkabbir ekonomiku li huwa mistenni u l-iżviluppi fl-intensità tal-karbonju bejn l-2005 u l-2010[8]. Sabiex tiżgura analiżi konsistenti tal-pjanijiet kollha, il-Kummissjoni qed tapplika x-xejriet ta' tkabbir ekonomiku[9] u ta' l-intensità fil-karbonju bbażati fuq metodoloġija waħda u koerenti u sett ta’ suppożizzjonijiet kif ippreżentat fix-"Xejriet ta' l-Enerġija u tat-Trasport fl-Ewropa sa l-2030 – Aġġornament 2005"[10]. Għall-analiżi ta' kriterju (3) dwar il-potenzjal li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra huwa importanti li jiġi meqjus il-fatt li mill-2005, l-EU ETS introduċiet prezz ta' kwoti li se jeffetwa b'mod pożittiv l-iżviluppi fix-xejriet ta’ l-intensità tal-karbonju. L-obbligi b'saħħithom ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima jipprovdu sinjal ċar u sostnut lill-istallazzjonijiet ta' l-ETS li għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra hemm prezz ekonomiku, li fil-futur se jkompli jsir aktar importanti. Dan isaħħaħ l-inċentivi ekonomiċi fuq perjodu twil biex jonqsu l-emissjonijiet. Bħala konsegwenza, l-intensità tal-karbonju maż-żmien se ssir aħjar, ta' l-anqas bir-rata kif indikat fil-każ ta' "limitazzjoni fil-karbonju baxx/l-ebda CCS"[11]. Il-Kummissjoni tqis li dan il-livell ta' titjib fl-intensità tal-karbonju ma jirriflettix kif xieraq ix-xejriet futuri li huma mistennija għax ma jqisx il-fatturi rilevanti kollha. Flimkien ma' l-inċentivi ekonomiċi maħluqa mill-EU ETS, l-operaturi huma mistennija li jinvestu dejjem aktar fit-teknoloġiji li huma effiċjenti fl-enerġija sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-karburant u ta’ l-elettriku tagħhom. Barra dan, se jkunu mħeġġa mill-politiki u l-miżuri ta' l-Istati Membri kif ukoll l-opinjoni pubblika biex jaċċelleraw l-isforzi fir-rigward ta' l-innovazzjoni ta' metodi ta’ produzzjoni li jiffrankaw l-enerġija u b'hekk jieħdu azzjoni effettiva kontra l-bidla fil-klima. Fil-livell ta' l-UE, il-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza ta' l-Enerġija[12] kif ukoll l-isforzi kollettivi sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' l-enerġija, se jkomplu jagħtu spinta lill-isforzi sabiex jinkisbu livelli aħjar fl-effiċjenza ta' l-enerġija, u wkoll inaqqsu b'mod ġenerali l-intensità tal-karbonju. Għalhekk, sabiex tiġi riflessa kif jixraq is-sitwazzjoni reali. il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tibbaża l-analiżi skond kriterju (3) fuq rata ta' titjib fl-intensità tal-karbonju li jaqbeż il-każ ta' "limitazzjoni fil-karbonju" b'0.5% fis-sena, li huwa ekwivalenti għal 2.5% matul il-perjodu ta' ħames snin mill-2005 sa l-2010. F'termini prattiċi , il-Kummissjoni qed tevalwa l-kompatibilità ta' pjan ma' kriterji (2) u (3) ibbażata fuq il-formola li ġejja: Livell medju annwali massimu permissibbli = (CIVE * GTD * CITD) + ADD Fejn: CIVE = l-aġġustament ta' emissjonijiet verifikati indipendentement għall-2005 GTD = l-iżvilupp fix-xejra tat-tkabbir mill-2005 sa l-2010 CITD = l-iżvilupp fix-xejra ta' l-intensità tal-karbonju mill-2005 sa l-2010 ADD = l-emissjonijiet addizzjonali koperti minn ambitu estiż ta' l-istallazzjonijiet ta' kombustjoni[13] CIVE = IVE + AWIVE + EOPT Fejn: IVE = l-aġġustament ta' emissjonijiet verifikati indipendentement għall-2005 AWIVE = l-allokazzjoni medja annwali għal stallazzjonijiet mingħajr rapport ta’ emissjonijiet verifikati independentement EOPT = l-emissjonijiet għall-2005 ta' stallazzjonijiet li tħallew barra [14] Fl-analiżi tal-konsistenza ta' pjan ma' l-obbligu ta' Kjoto skond kriterju (1), il-Kummissjoni kkunsidrat: - il-progress lejn l-obbligu ta' Kjoto, u jekk rilevanti, id-distakk li jibqa' biex jingħalaq; - id-dipendenza fuq u l-istat ta' tħejjija u l-implimentazzjoni ta' miżuri għax-xiri min-naħa tal-gvern ta' unitajiet ta' Kjoto; - id-dipendenza fuq u l-istat ta' tħejjija u l-implimentazzjoni ta' miżuri fis-setturi li ma jinvolvux l-iskambju tal-kwoti; - is-saħħa ta' projezzjonijiet għas-settur tat-trasport[15] li jġibu magħhom il-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni. Il-progress lejn Kjoto u d-distakk li fadal Ibbażat fuq ir-rapport ta' progress, il-punt minn fejn tibda l-analiżi ta' kriterju (1) dwar l-obbligu ta' Kjoto huwa l-progress li għamel l-Istat Membru u d-distakk li jkun fadal biex dan jingħalaq bejn l-2008 u l-2012 imqabbel ma' l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra fl-2004, kif irrapurtat fir-rapport ta' progress. Kif ġie ddikkjarat fi gwida oħra tagħha dwar il-pjanijiet ta' allokazzjoni nazzjonali[16], il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju għal Stat Membru b'distakk li jeħtieġ jingħalaq, li juża l-pjan ta' allokazzjoni tat-tieni perjodu biex jinkiseb ta' l-anqas proporzjon ġust ta' l-isforz li jkun fadal, jiġifieri parti li tirrifletti s-sehem ta’ l-istallazzjonijiet ta' l-EU ETS fit-total ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Ix-xiri intenzjonat min-naħa tal-gvern ta' unitajiet ta' Kjoto Skond iż-żewġ dokumenti ta' gwida[17], il-Kummissjoni, waqt li tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-elementi msemmija f'Anness 5 tal-gwida l-oħra, tanalizza jekk ix-xiri intenzjonat min-naħa tal-gvern ta' unitajiet ta' Kjoto huwiex sostanzjat biżżejjed. Il-Kummissjoni sabet li x-xiri intenzjonat tal-gvern ta' l-unitajiet ta' Kjoto huwa sostanzjat biżżejjed biss fejn Stat Membru għandu programm operazzjonali f'postu, ikun iffirma kuntratti jew beda sejħiet għall-offerti għax-xiri ta' karbonju, u jkun impenja aktar minn sehem minimu mir-riżorsi baġitarji neċessarji. Fejn Stat Membru b’distakk bejn l-emissjonijiet attwali tiegħu u l-emissjonijiet permissibbli skond il-mira ta' Kjoto ma jissostanzjax jew ma jissostanzjax biżżejjed ix-xiri intenzjonat min-naħa tal-gvern ta' unitajiet ta' Kjoto, dan imur kontra kriterju (1) u bħala konsegwenza l-kwantità totali ta' kwoti intenzjonati titnaqqas proporzjonatament. Sabiex jiġi determinat it-tnaqqis meħtieġ, il-proporzjon ta' l-emissjonijiet ġenerali li l-iskema ta' skambju tirrapreżenta, hija rilevanti meta titqabbel ma' l-emissjonijiet minn sorsi li mhumiex koperti mid-Direttiva. F'termini prattiċi , il-Kummissjoni tiddetermina t-tnaqqis li jkun meħtieġ skond il-formola li ġejja: It-tnaqqis medju annwali meħtieġ = (UNSUB GP) * TSS Fejn: UNSUB GP = ix-xiri medju annwali mhux sostanzjat intenzjonat min-naħa tal-gvern ta' unitajiet ta' Kjoto TSS = is-sehem fis-settur ta' skambju TSS = CIVE / GHG Fejn: GHG =it-total ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2004 [18] Il-livell ta’ kemm huma kredibbli l-politiki u l-miżuti l-oħra u s-sostanzjament tagħhom Skond id-dokument ta' dokumenti ta' gwida, il-Kummissjoni tanalizza l-livell ta' kredibilità fuq politiki u miżuri oħra. Fejn dan il-livell huwa sinifikanti, teżamina bir-reqqa jekk l-implimentazzjoni intenzjonata ta' politiki u miżuri oħra hijiex sostanzjata biżżejjed, waqt li tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-elementi msemmija f'Anness 6 tal-gwida l-oħra. Il-Kummissjoni tqis li politika u miżura jkunu sostanzjati biżżejjed partikolarment meta l-potenzjal ta' tnaqqis intenzjonat jintwera li jkun realistiku u li jista' jintlaħaq fil-perjodu mill-2008 sa l-2012, meta hemm assigurazzjonijiet biżżejjed li l-politika jew il-miżura se tkun implimentata wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan ta' allokazzjoni nazzjonali, u fejn jintwera li l-miżura mhux se jkollha effetti sinifikanti li jikkoinċidu biex inaqqsu l-emissjonijiet fi stallazzjonijiet koperti mill-EU ETS. Fejn Stat Membru b’ distakk bejn l-emissjonijiet attwali u l-emissjonijiet permissibbli skond il-mira ta' Kjoto, ma jissostanzjax jew ma jissostanzjax biżżejjed politika jew miżura oħra, dan imur kontra kriterju (1) u bħala konsegwenza l-kwantità totali ta' kwoti intenzjonata titnaqqas proporzjonatament. Sabiex jiġi determinat it-tnaqqis meħtieġ, il-proporzjon ta' l-emissjonijiet ġenerali li l-iskema ta' skambju tirrapreżenta hija rilevanti meta titqabbel ma' l-emissjonijiet minn sorsi li mhumiex koperti mid-Direttiva. F'termini prattiċi , il-Kummissjoni tiddetermina t-tnaqqis li jkun meħtieġ skond il-formola li ġejja: It-tnaqqis medju annwali meħtieġ = (UNSUB PM) * TSS Fejn: UNSUB PM = politika jew miżura li ma tkunx sostanzjata Projezzjonijiet ta' emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fis-settur tat-trasport L-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fis-settur tat-trasport kibru b'mod sinifikanti u l-miżuri ta' tnaqqis fis-settur tat-trasport jieħdu ħin konsiderevoli biex jintlaħqu l-effetti intenzjonati. Għall-analiżi ta' kriterju (1) huwa għalhekk vitali li tiġi analizzata s-saħħa tax-xejriet mistennija fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fis-settur tat-trasport. Il-Kummissjoni qabblet ix-xejra ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fis-settur tat-trasport kif ippreżentat mill-Istat Membru fil-pjan ta' allokazzjoni nazzjonali ma’ l-iżvilupp tax-xejra fix-"Xejriet ta' l-Enerġija u tat-Trasport sa l-2030 – aġġornament 2005. Fejn Stat Membru b’distakk bejn l-emissjonijiet attwali tiegħu u l-emissjonijiet permissibbli skond il-mira ta' Kjoto, u l-iżvilupp tax-xejra mistenni fil-pjan ta' allokazzjoni nazzjonali tiegħu huwa sostanzjalment taħt dak fix-"Xejriet ta' l-Enerġija u tat-Trasport sa l-2030 – aġġornament 2005", il-Kummissjoni jidrilha li l-pjan jikser kriterju (1) u bħala konsegwenza l-kwantità totali intenzjonata tal-kwoti titnaqqas proporzjonatament. Sabiex jiġi determinat it-tnaqqis meħtieġ, il-proporzjon ta' l-emissjonijiet ġenerali li l-iskema ta' skambju tirrapreżenta hija rilevanti meta titqabbel ma' l-emissjonijiet minn sorsi li mhumiex koperti mid-Direttiva. F'termini prattiċi , il-Kummissjoni tiddetermina t-tnaqqis li jkun meħtieġ skond il-formola li ġejja: It-tnaqqis medju annwali meħtieġ = [TRANS EM * (ETT - NAPT)] * TSS Fejn: TRANS EM = l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fis-settur tat-trasport fl-2005 ETT = żvilupp fix-xejra mill-2005 sa l- 2010 fix-"Xejriet ta' l-Enerġija u tat-Trasport sa l-2030 – aġġornament 2005" NAPT = l-iżvilupp tax-xejra mill-2005 sa l-2010 fil-pjan ta' allokazzjoni nazzjonali 2.2. Aġġustamenti ex-post Fl-Artikolu 11 u fl-Anness III, kriterju (10), id-Direttiva tbassar li Stat Membru għandu jiddeċiedi mill-bidunett (qabel ma jibda l-perjodu ta' skambju) il-kwantità assoluta totali tal-kwoti allokati u għall-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni ma tistax terġa' tiġi riveduta u l-ebda kwoti ma jistgħux jiġu allokati mill-ġdid billi tiżdied jew titnaqqas mill-kwantità determinata għal kull operatur fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-gvern jew regola li tkun determinata minn qabel. Tali aġġustamenti ex-post jikkontradixxu l-kunċett essenzjali ta' sistema ta' "livellar u skambju" kif konċeputa mid-Direttiva. Kull stallazzjoni tiġi allokata ċertu ammont ta' kwoti fid-deċiżjoni msemmija f'Artikolu 11 (2) tad-Direttiva, li tista' liberament tiddisponi mill-valur tagħha bil-għan li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet ekonomiċi. Jeżistu tliet alternattivi prinċipali, li huma ugwalment leġittimi: li jsir investiment fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet u fil-bejgħ ta' kwoti liberati, li jitnaqqas il-volum ta' produzzjoni u l-bejgħ ta' kwoti liberati, jew li jinżamm jew jitkabbar il-volum ta' produzzjoni waqt li jinxtraw kwoti addizzjonali li jkun hemm bżonn. Il-Kummissjoni tqis li m'hemm l-ebda bżonn amministrattiv jew kwalunkwe ġustifikazzjoni oħra għall-aġġustamenti ex-post . L-Istati Membri huma meħtieġa li jużaw l-aħjar data disponibbli meta jkunu jridu jiddeċiedu mill-bidunett dwar allokazzjonijiet. Fil-fatt, l-użu tat-tbassir dejjem jirrikjedi sa ċertu livell, stima ex-ante ta' l-emissjonijiet li l-volum fattwali tagħhom fir-realtà jista' eventwalment jiddevja. Iżda din hija karatteristika possibbli ta' kull skema ta' "livellar u skambju" u ċertament tista' ma tiġġustifikax bidla retroattiva fl-allokazzjoni li dwarha tkun diġà ttieħdet deċiżjoni mill-bidunett. Barra dan, ir-raġunijiet għal tali devjazzjoni ma jistgħux jiġu identifikati b’mod affidabbli u tista' anke tkun ir-riżultat ta' tnaqqis fl-emissjonijiet minħabba investimenti reali li jkunu twettqu minn operaturi skond l-inċentivi ekonomiċi maħluqa mill-iskema. Bħalma ġara fl-ewwel perjodu, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jippermettu li jsir tibdil fl-allokazzjonijiet intenzjonati fil-pjan fir-rigward ta' titjib fil-kwalità tad- data fi kwalunkwe ħin qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni skond Artikolu 11(2). Huwa biss fil-każijiet li ġejjin li jiġu permessi aġġustamenti wara d-deċiżjoni finali dwar l-allokazzjoni nazzjonali: - fejn stallazzjoni tingħalaq matul il-perjodu li fih Stati Membri jiddeterminaw li m'għadx hemm operatur li għalih se jibqgħu jinħarġu kwoti; u - fejn ikun hemm allokazzjoni għal membri ġodda mir-riserva, li kienet ġiet iffissata mill-bidunett, li l-allokazzjoni eżatta għal kull membru ġdid se tiġi deċiża wara li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni skond Artikolu 11(2). Il-Kummissjoni tirrifjuta kwalunkwe aġġustament ieħor bħala li jmur kontra kriterju (10) skond l-analiżi tal-pjanijiet ta' l-ewwel perjodu. 2.3. Konsistenza ma' l-obbligi supplimentari (limitu JI/CDM) Minbarra l-azzjoni domestika minn Stati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom, il-Protokoll ta' Kjoto jippermetti lill-Istati Membri jinvestu fil-proġetti ta' l-Implimentazzjoni Konġunta (JI) u l-Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp Nadif (CDM) f'pajjiżi oħra u jużaw krediti oħra minn dawn għal raġunijiet ta' konformità ma' parti mill-obbligi tagħhom għal tnaqqis fl-emissjonijiet. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-użu tal-mekkaniżmi flessibbli ta' Kjoto huwa supplimentari għal azzjoni domestika, bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi fl-emissjonijiet per capita bejn pajjiżi żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw[19]. Minbarra dan l-użu mill-Istati Membri, id-Direttiva tippermetti lil operaturi ta' l-istallazzjonijiet ta' l-EU ETS biex jużaw krediti ta' JI u CDM sabiex iwettqu proporzjon mill-obbligi tagħhom skond din id-Direttiva. Dan il-proporzjon għandu jkun konsistenti ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri għal supplimentarità u għandu jiġi ffissat fil-pjan ta' allokazzjoni nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tanalizza jekk il-limitu huwiex konsistenti ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri għas-supplimentarità. L-obbligi supplimentari jinkorporaw kemm ix-xiri tal-gvern kif ukoll l-użu mis-settur privat ta' krediti ta' JI u CDM, waqt li l-analiżi tal-Kummissjoni skond id-Direttiva hija limitata għall-użu mis-settur privat. Il-Kummissjoni tieħu l-istrateġija li ġejja biex tanalizza l-kompatibilità tal-limiti ta’ JI/CDM proposti ma' l-Anness III fid-Direttiva: Il-livell ta' l-isforz biex jitnaqqsu l-gassijiet serra li Stat Membru huwa meħtieġ li jieħu huwa determinat billi jiġi analizzat l-ammont ta' tnaqqis li huwa meħtieġ li jieħu b'rabta ma' - l-emissjonijiet tas-sena bażi, - l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2004, - u l-emissjonijiet projettati fl-2010[20]. Fil-pass li jmiss, jiġi kkalkolat nofs il-figura li tirrapreżenta l-ogħla sforz. Din il-figura hija meqjusa bħala l-ammont massimu ġenerali ta' krediti ta' JI/CDM li Stat Membru jista' juża flimkien ma' l-azzjoni domestika, waqt li jirrispetta l-obbligi tiegħu biex jiżgura li l-użu tal-mekkaniżmi ta' Kjoto huwa supplimentari għall-azzjoni domestika. Fir-rigward ta' Stati Membri li m'għandhomx intenzjoni li jixtru l-ebda unitajiet ta' Kjoto mal-fondi tal-gvern, Stat Membru jista' jippermetti lill-operaturi tiegħu koperti mill-iskema tal-Komunità biex jużaw il-krediti ta' CDM/JI għall-ammont sħiħ ta' dan il-limitu. Dan il-limitu għandu jkun mifhum bħala figura perċentwali speċifikata bħala sehem tal-livell approvat għas-settur ta' skambju. Jekk l-Istati Membri ppermettew livell ogħla ta' użu, jiġi meqjus li nkiser kriterju (12). Fir-rigward ta' l-Istati Membri li għandhom intenzjoni li jixtru unitajiet ta' Kjoto b'fondi tal-gvern, jiġu meqjusa dawn ix-xirjiet. L-ammont ta' krediti ta' JI/CDM li jistgħu jintużaw minn stallazzjonijiet fl-iskema tal-Komunità f'dak l-Istat Membru jonqos bl-ammont annwali medju ta' xiri tal-gvern intenzjonat jew sostanzjat. Fejn analiżi skond dawn l-istrateġiji tirriżulta f'sitwazzjoni li l-istallazzjonijiet ta' l-EU ETS f'dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jużaw biss krediti ta' JI/CDM sa livell ta' anqas minn 10%, il-Kummissjoni tqis li bħala livell minimu, l-istallazzjonijiet għandhom jingħataw il-permess li jużaw krediti ta' JI/CDM sa livell ta' 10%. Dan jirrifletti bilanċ raġonevoli bejn it-tnaqqis domestiku u l-għoti ta' inċentiv lill-operaturi ta’ stallazzjonijiet biex jinvestu fi proġetti f'pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw. F'termini prattiċi , il-Kummissjoni tanalizza l-konsistenza ma' l-obbligi supplimentari skond il-formoli li ġejjin: A = emissjonijiet tas-sena bażi – emissjonijiet permissibbli skond il-mira ta' Kjoto B = emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2004 – emissjonijiet permessi skond il-mira ta' Kjoto C = emissjonijiet projettati fl-2010 – emissjonijiet permessi skond il-mira ta' Kjoto D = 50 % ta' Max (A, B, C) – xiri annwali medju tal-gvern ta' unitajiet ta' Kjoto Limitu massimu permess (f'%) = (D / livell annwali medju) jew 10 % 2.4. Kwistjonijiet speċifiċi għal pjanijiet individwali Garanziji ta' allokazzjoni lil hinn mill-perjodu ta' skambju Il-Kummissjoni tinnota li d-Direttiva 2003/87/KE tipprovdi għal pjan ta' allokazzjoni nazzjonali biex ikopri l-perjodu ta' skambju rispettiv. Bħala konsegwenza, l-analiżi tal-Kummissjoni ta’ pjan hija ristretta għal aspetti marbuta mal-perjodu ta' skambju rispettiv. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni rriservat l-opinjoni tagħha, fil-każijiet kollha fejn il-pjanijiet ta' allokazzjoni għall-ewwel perjodu ta' skambju (minn l-2005 sa l-2007) kien fihom dispożizzjonijiet, speċjalment dawk relatati ma' garanziji ta' allokazzjoni[21] li jirreferu għall-perjodu ta' wara l-2007. Il-Kummissjoni qed tanalizza għall-ewwel darba l-applikazzjoni konkreta ta' garanziji ta' allokazzjoni mill-ewwel perjodu sal-punt safejn hu maħsub li jkunu applikati fi pjanijiet tat-tieni perjodu. Tqis li dawn il-garanziji jiksru kriterju (5) u jiddiskriminaw bejn kumpaniji b'tali mod li jiffavorixxu aktar milli meħtieġ ċerti impriżi jew attivitajiet li jmorru kontra l-ħtiġijiet tat-Trattat, speċjalment l-Artikoli 87 u 88 tiegħu. F'tali każijiet il-garanziji jirriżultaw f'allokazzjoni mhux preferenzjali ta' kwoti għall-istallazzjonijiet li jibbenefikaw imqabbel mal-grad ta' allokazzjoni b'xejn li tingħata lil stallazzjonijiet oħra eżistenti skond il-metodoloġija ta' l-allokazzjoni ġenerali. Tali trattament preferenzjali għal grupp wieħed ta' stallazzjonijiet li jeżisti, ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni ma' grupp ieħor ta' stallazzjonijiet li jeżisti u għandu wkoll effetti transkonfinali meta jitqies l-iskambju fis-setturi kollha fl-UE li tkopri d-Direttiva 2003/87/KE. F'dan l-istadju, l-Kummissjoni tqis li kwalunkwe għajnuna ta' l-Istat li tkun involuta probabbli tinstab li ma tkunx kompatibbli mas-suq intern jekk tiġi analizzata skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat. Barra dan, mill-lat ambjentali, il-Kummissjoni hija mħassba dwar garanziji li jipprovdu għal livell ogħla ta' allokazzjoni b'xejn għal modi ta' produzzjoni li għandhom livell għoli ħafna ta' karbonju għall-ħafna snin futuri. Tali garanziji jistgħu joħolqu inċentivi biex isir investiment f'modi ta' produzzjoni li għandhom livell għoli ħafna ta' karbonju b'hekk jillimitaw l-għażliet għal aktar tnaqqis neċessarju fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra post-2012. Fl-istess waqt, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-EU ETS, kwalunkwe tip ta' garanzija ta' allokazzjoni lil hinn mill-2012 tillimita l-ambitu għal aktar armonizzazzjoni tal-metodoloġija ta' allokazzjoni fis-suq intern kollu. L-attività bankarja L-attività bankarja[22] tal-kwoti fil-prinċipju hija element ta' disinn sod ta’ skema ta' skambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet u għandu jiġi permess mill-Istati Membri mit-tieni perjodu ta' skambju 'l quddiem. Mill-ewwel sat-tieni perjodu ta' skambju, l-attività bankarja kienet fid-diskrezzjoni ta' kull Stat Membru u 23 mill-25 Stat Membru ddeċidew li ma jħallux lok għaliha. L-attività bankarja diskrezzjonarja mill-ewwel għat-tieni perjodu ta' skambju, jinvolvi għajnuna ta' l-Istat, għax l-Istat Membru kieku joħroġ kwoti mingħajr ħlas illi kieku jinbiegħu fil-forma ta' "Unitajiet tal-Kwantità Assenjata". Fl-istess waqt, l-attività bankarja minn Stat Membru fit-tieni perjodu ta' skambju hija kompatibbli biss mal-kriterju li jirrifletti l-potenzjal ta' tnaqqis, jekk il-kwoti fil-bank jitnaqqsu mil-livell massimu li jitqies kompatibbli mal-kriterji ta' allokazzjoni tad-Direttiva[23]. Il-Kummissjoni hija tal-ħsieb li kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali relatati ma' l-użu intenzjonat ta’ l-attività bankarja diskrezzjonarja bejn l-ewwel u t-tieni perjodi ta' skambju jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. F'dan l-istadju l-Kummissjoni tqis li kwalunkwe ħruġ ta' kwoti bankarji fit-tieni perjodu ta' skambju, li ma tkunx ibbażata fuq kontroparti ambjentali minn benefiċjarji f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet reali u vverifikat matul l-ewwel perjodu ta' skambju, tista' tikkostitwixxi għajnuna ta’ l-Istat li probabbli tinstab li ma tkunx kompatibbli mas-suq intern jekk tiġi analizzata skond l-Artikoli. Irkant Id-Direttiva 2003/87/KE tippermetti li jsir l-irkant jew il-bejgħ ta' massimu ta’ 10% mill-kwoti allokati mill-Istat Membru fit-tieni perjodu ta' skambju. Kif innota l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent[24], huwa allegat li n-nuqqas ta' maturità fis-swieq ta' l-enerġija wassal għal nuqqas fil-pressjoni kompetittiva biex jitnaqqas it-trasferiment tal-valur tal-kwoti fil-prezzijiet ta' l-elettriku u għalhekk lejn 'l hekk imsejħin profitti mhux ippjanti għall-produtturi ta' l-elettriku. Barra dan, il-Grupp irrakomanda wkoll li l-Istati Membri jikkunsidraw allokazzjoni ddivrenzjata bejn setturi fit-tieni perjodu ta' allokazzjoni ta' l-EU ETS, sabiex jitqiesu l-aspetti esterni tal-kompetittività. Diversi Stati Membri għandhom l-intenzjoni li għall-ġeneraturi ta' l-elettriku, iżidu s-sehem tal-bejgħ bl-irkant flimkien ma' allokazzjoni aktar diffiċli. F'xi Stati Membri l-bejgħ bl-irkant għadu qed jiġi kkunsidrat. Għalhekk, id-deċiżjonijiet dwar il-pjanijiet tat-tieni perjodu jippermettu lill-Istati Membri ddivrenzjata jżidu s-sehem tal-bejgħ bl-irkant fi ħdan il-limiti definiti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/EC wara l-analiżi tal-Kummissjoni iżda qabel l-aħħar deċiżjoni dwar l-allokazzjoni nazzjonali skond l-Artikolu 11(2). Barra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-parteċipazzjoni fi kwalunkwe irkant għandu jkun miftuħ mingħajr restrizzjonijiet għal kulħadd fil-Komunità. Stallazzjonijiet ta' kombustjoni Fejn Stat Membru ma japplikax l-ambitu ta' l-istallazzjonijiet ta' kombustjoni skond paragrafu 36 ta' aktar gwida, kif iċċarat mid-"definizzjonijiet koordinati" ta' l-istallazzjonijiet addizzjonali ta' kombustjoni li jinsabu fil-minuti tal-Kumitat dwar il-Bidla fil-Klima tal-31 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni tirrifjuta l-pjan bħala wieħed li jikser kriterju (10). Fejn Stat Membru jipproponi li jalloka kwoti addizzjonali fir-rigward ta' emissjonijiet addizzjonali ta' tali stallazzjonijiet ta' kombustjoni, li ma kinux inklużi fil-pjan ta' l-ewwel perjodu, il-Kummissjoni teżamina jekk l-allokazzjoni intenzjonata għal dawn l-istallazzjonijiet ġietx determinata skond il-metodoloġiji ġenerali msemmija fil-pjan ta' l-allokazzjoni nazzjonali u fuq il-bażi ta' figuri ta' emissjonijiet sostanzjati u verifikati. Jekk il-kalkolu ta' l-allokazzjoni għal dawn l-emissjonijiet addizzjonali fl-applikazzjoni tal-metodoloġija ġenerali u fuq il-bażi ta' figuri sostanzjati u verifikati ta' emissjonijiet kellhom jirriżultaw f'ammont aktar baxx ta' kwoti, il-Kummissjoni teħtieġ li l-livell indikat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni jitnaqqas b'ammont li jirrifletti din id-differenza. 3. KONKLUżJONIJIET EU ETS li tagħmel suċċess hija ta' importanza vitali biex tagħti s-sostenn lill-kredibilità ta' l-UE f'rabta mar-reġim tal-klima wara l-2012. Fl-istess waqt huwa kruċjali li jkun hemm aktar użu mill-EU ETS sabiex jiġu rispettati l-obbligi ta' Kjoto ta' l-UE matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2012. Għadd ta' pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni li ġew issuġġeriti lill-Kummissjoni mhux biss ipoġġu f'periklu l-kisba ta' l-obbligi ta' l-Ewropa lejn Kjoto, iżda fl-istess ħin joħolqu distorsjonijiet bla bżonn fis-suq intern. Bil-għan u bl-analiżi trasparenti tal-pjanijiet għat-tieni perjodu, kif ippreżentat f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tħares il-kisba ta' l-obbligi ta' Kjoto u ta’ suq tal-karbonju ta' suċċess u li jkompli jikber fil-futur. Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn il-ksur ta’ kriterji[25] Il-Ġermanja | Il-Greċja | L-Irlanda | Il-Latvja | Il-Litwanja | Il-Lussemburgu | Malta | (1) Il-mira ta' Kjoto | X | X | X | (2) L-iżvilupp ta' l-emissjonijiet | X | X | X | X | X | X | (3) Il-potenzjal ta' tnaqqis | X | X | X | X | X | X | (4) Leġiżlazzjoni oħra | (5) Nuqqas ta' diskriminazzjoni | X | X | (6) Membri ġodda | X | X | X | (7) Azzjoni bikrija | (8) Teknoloġiji nodfa | (9) Konsultazzjoni pubblika | (10) Lista ta' stallazzjonijiet bl-indikazzjonijiet tal-kwantità għal kull wieħed minnhom | X | X | X | X | X | (11) Kompetizzjoni minn barra | (12) Limitu ta’ JI/CDM | X | X | Artikolu 10 | Tabella 1 tkompli: Ħarsa ġenerali lejn il-ksur ta’ kriterji Ir-Repubblika Slovakka | L-Iżvezja | Ir-Renju Unit | (1) Il-mira ta' Kjoto | (2) L-iżvilupp ta' l-emissjonijiet | X | X | (3) Il-potenzjal ta' tnaqqis | X | X | (4) Leġiżlazzjoni oħra | (5) Nuqqas ta’ diskriminazzjoni | X | (6) Membri ġodda | X | (7) Azzjoni bikrija | (8) Teknoloġiji nodfa | (9) Konsultazzjoni pubblika | (10) Lista ta' stallazzjonijiet bl-indikazzjonijiet tal-kwantità għal kull wieħed minnhom | X | X | (11) Kompetizzjoni minn barra | (12) Limitu ta’ JI/CDM | X | Artikolu 10 | ANNESS 1 Kriterji għal pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni msemmija f'Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE 1. Il-kwantità totali tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti għandha tkun konsistenti ma' l-obbligu ta' l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta' Kjoto, fil-waqt li jitqiesu, minn banda waħda, l-proporzjon ta' l-emissjonijiet ġenerali li dawn il-kwoti jirrappreżentaw f'paragun ma' l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b'din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x'aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta' dan l-Anness. Qabel is-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew lejn l-ilħiq ta’ iktar mill-kisba tal-mira ta' kull wieħed mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta' Kjoto. | 2. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata għandha tkun konsistenti ma' l-istimi tal-progress attwali u dak ipproġettat sabiex iwettqu jissodisfaw il-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri għall-impenji Komunitarji magħmula skond id-Deċiżjoni 93/389/KEE. | 3. Il-kwantitajiet tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu konsistenti mal-potenzjali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta' l-attivitajiet koperti b'din l-iskema sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jsejsu d-distribuzzjoni tagħhom tal-kwoti fuq l-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra skond il-prodott f'kull attività u l-progress li jista' jinkiseb f'kull attività. | 4. Il-pjan għandu jkun konsistenti ma' l-istrumenti l-oħra Komunitarji leġislattivi u ta' politika. Għandhom jitqiesu ż-żidiet li ma jistgħux jiġu evitati fl-emissjonijiet li jirriżultaw minn ħtiġiet leġislattivi ġodda. | 5. Il-pjan ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpaniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 87 u 88 tiegħu. | 6. Il-pjan għandu jkun fih tagħrif dwar il-manjiera li fiha biha dawk li jidħlu ġodda jkunu kapaċi li jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja fl-Istati Membri interessati. | 7. Il-pjan jista' jakkomoda azzjoni bikrija u għandu jkun fih it-tagħrif dwar il-manjiera li fiha titqies l-azzjoni bikrija. Jistgħu jintużaw fl-Istati Membri l-livelli tal-gradazzjoni derivati mid-dokumenti tar-riferiment li jirrigwardaw l-aħjar teknoloġiji disponibbli fl-iżvilupp tal-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom ta' l-Allokazzjonijiet, u dawn il-livelli tal-gradazzjoni jistgħu jinkorporaw element li jakkomoda l-azzjoni bikrija. | 8. Il-pjan għandu jkun fih tagħrif dwar il-manjiera li fiha titqies it-teknoloġija nadifa, inklużi t-teknoloġiji ta' enerġija effiċjenti. | 9. Il-pjan għandu jinkludi disposizzjonijiet għall-kummenti li jridu jiġu espressi mill-pubbliku, u jkun fih tagħrif dwar l-arranġamenti li bihom jitqiesu dawn il-kummenti qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kwoti. | 10. Il-pjan għandu jkun fih lista ta' l-istallazzjonijiet koperti b'din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċessonijiet maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda. | 11. Il-pjan jista' jkun fih tagħrif fil-manjiera li fiha titqies l-eżistenza tal-kompetizzjoni minn pajjiżi jew entitajiet 'il barra mill-Unjoni. | 12. Il-pjan għandu jispeċifika l-ammont massimu ta' CERs u ERUs li jista' jintuża minn operaturi fl-iskema tal-Komunità bħala persentaġġ ta' l-allokazzjoni tal-kwoti għal kull stallazzjoni. Il-persentaġġ għandu jkun konsistenti ma' l-obbligi supplimentari ta' l-Istati Membri taħt il-Protokoll ta' Kjoto u d-deċiżjonijiet adottati skond il-UNFCCC jew il-Protokoll ta' Kjoto. | ANNESS 2 Żviluppi fix-xejriet tat-tkabbir ekonomiku mill-2005 sa l-2010 Stat Membru | Tkabbir mill-2005 sa l-2010 | Il-Ġermanja | 9.6 % | Il-Greċja | 19.9 % | L-Irlanda | 27.2 % | Il-Latvja | 50.0 % | Il-Litwanja | 37.4 % | Il-Lussemburgu | 27.2 % | Malta | 11.9 % | Ir-Repubblika Slovakka | 32.4 % | L-Iżvezja | 16.6 % | Ir-Renju Unit | 14.3 % | Sors: DĠ TREN "Xejriet ta' l-Enerġija u tat-Trasport sa l-2030 – Aġġornament 2005" u t-Tbassir Ekonomiku tad-DĠ ECFIN għall-Ħarifa 2006. [1] KUMM(2006) 676 – Nibnu Suq Globali tal-Karbonju. [2] Din il-figura tinkludi l-kwoti allokati għar-riservi tal-membri ġodda u hija mistennija li tinġieb fis-suq tal-kwoti madwar l-UE kollha permezz tal-bejgħ bl-irkant. [3] ejriet u projezzjonijiet ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-Ewropa 2006), EEA Rapport Nru 9/2006. Ara http://reports.eea.europa.eu/eea_report_2006_9/en/eea_report_9_2006.pdf [4] Ara l-Anness 1. [5] Fejn ikun hemm bżonn, qabel ma tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni titlob aktar informazzjoni mill-Istat Membru. [6] Il-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni m’għandhiex tkun iktar minn kemm hu mistenni li se jkun hemm bżonn għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji f'dan l-Anness. (Ara t-tieni sentenza fil-kriterju 1). [7] spetti statistiċi ta' l-ekonomija ta' l-enerġija fl-UE fl-2005), Eurostat, Ambjent u Enerġija, 13/2006. [8] L-2010 hija magħżula bħala s-sena medja għall-perjodu mill-2008 sa l-2012. [9] L-iżviluppi fix-xejriet għat-tkabbir ekonomiku għall-ewwel sett ta' pjanijiet valutati huma mniżżla f'Anness 2. Id- data tat-tkabbir ekonomiku tirrifletti l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni għas-snin 2006, 2007 u 2008. Ara http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2006/ee506en.pdf [10] http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/figures/trends_2030_update_2005/energy_transport_trends_2030_update_2005_en.pdf [11] Dan ix-xenarju kien imħejji bħala kontribuzzjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/81/KE (Id-Direttiva tal-Livelli Nazzjonali Massimi għall-Emissjonijiet). Tuża metodoloġija u sett ta' suppożizzjonijiet identiċi għax-"Xejriet ta' l-Enerġija Ewropea u t-Trasport sa l-2030 – Aġġornament 2005" iżda fiha t-titjib mistenni għall-intensità tal-karbonju fuq il-bażi ta' prezz ta' kwoti ta' 12-il Euro fl-2020. Ara http://ec.europa.eu/environment/air/baseline.htm. [12] Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza ta' l-Enerġija: Nirrealizzaw il-Potenzjal - KUMM(2006) 545. [13] Ara paragrafu 36 ta' KUMM(2005) 703. [14] Fejn l-ebda figuri għall-emissjonijiet m'huma ta' kwalità biżżejjed, l-analiżi hija bbażata fuq l-allokazzjoni annwali medja li kieku kienu jirċievu l-istallazzjonijiet li tħallew barra. [15] Matul l-aħħar għaxar snin, l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fl-UE fis-settur tat-trasport kibru b'mod sinifikanti u l-miżuri ta' tnaqqis fis-settur tat-trasport jieħdu ħin konsiderevoli biex jintlaħqu l-effetti intenzjonati. [16] Għat-tieni dokument ta' gwida, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aktar gwida għall-pjanijiet ta' allokazzjoni għall-perjodu ta' skambju mill-2008 sa l-2012 ta' l-Iskema ta’ l-UE għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet - KUMM(2005) 703. [17] Għall-ewwel dokument ta' gwida, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar gwida biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoi tal-kriterji msemmija f'Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE - KUMM(2003) 830. [18] Kif indikat fit-Rapport ta' Progress KUMM(2006) 658, 27.10.2006, Tabella 1 fl-Anness SEG(2006) 1412, 27.10.2006. [19] Deċiżjoni 2/CMP.1 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa għall-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto "Il-prinċipji, in-natura u l-ambitu tal-mekkaniżmi skond Artikoli 6, 12 u 17 tal-Protokoll ta' Kjoto" ta' Diċembru 2005, FCCC/KP/CMP/2005/8/Add. 1, p. 4. [20] Il-figuri kollha huma bbażati fuq ir-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni 2006, tabelli 1 u 2 fl-Anness SEG(2006) 1412, 27.10.2006. [21] Eżempju ta' garanzija ta' allokazzjoni hija d-dispożizzjoni li membru ġdid li jibda jopera fl-2006 jingħata garanzija minn Stat Membru ta’ allokazzjoni sħiħa u mingħajr ħlas ta' kwoti għal 14-il sena fil-futur, jiġifieri sa l-2020, li skond l-EU ETS testendi fir-raba' perjodu ta' skambju. [22] L-attivitajiet bankarji għandhom jiġu miftiehma bħala l-possibbiltà li kwoti li ma jintużawx jiġu trasferiti għall-perjodu ta' skambju li jkun imiss f'każ li l-operatur ma jkollux bżonn il-kwoti biex ikopri l-emissjonijiet jew jekk ma jkunx biegħha fis-suq. Ara Artikolu 13(2) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE. [23] Ara kriterju 3 ta' Anness III tad-Direttiva. [24] Ara http://ec.europa.eu/enterprise/environment/hlg/doc_06/first_report_02_06_06.pdf [25] Skond il-prinċipju stabbilit fit-tieni sentenza ta' kriterju (1), il-pjanijiet tal-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, ir-Repubblika Slovakka u l-Iżvezja jiksru wkoll Anness III, kriterju (1), għan-nuqqas ta' applikazzjoni stretta tal-kriterji kollha.